23.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 365/18


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli armonizzati dwar l-aċċess ġust għad-data u l-użu tagħha” (L-Att dwar id-Data)

(COM(2022) 68 final — 2022/0047 (COD))

(2022/C 365/04)

Relatur:

Marinel Dănuț MURESAN

Korelatur:

Maurizio MENSI

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew 23.3.2022

 

Kunsill, 29.3.2022

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

1.6.2022

Adottata fil-plenarja

15.6.2022

Sessjoni plenarja Nru

570

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

184/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-Regolament tal-Att dwar id-Data u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat mingħajr ebda diskriminazzjoni kontra persuni li għandhom diffikultà biex jaċċessaw l-Internet jew id-data.

1.2.

Il-KESE jemmen li l-protezzjoni tad-data personali, l-identità diġitali u l-privatezza għandhom jitqiesu bħala aspetti fundamentali tal-governanza tad-data marbutin b’mod dirett mar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali. Għalhekk, huma meħtieġa t-traċċabbiltà, l-interoperabbiltà u l-multimodalità tad-diversi attivitajiet tal-ktajjen tal-provvista biex tiġi żgurata sinerġija ċara mal-indikaturi tal-Patt Ekoloġiku u mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

1.3.

Il-KESE jqis li huwa importanti li jiġu ggarantiti r-rispett għall-istandards ta’ sikurezza u dawk etiċi, kundizzjonijiet multipli u suffiċjenti għall-funzjonalità tad-data, proċeduri taċ-ċibersigurtà u l-ħżin xieraq tad-data fit-territorju tal-UE, bil-preżunzjoni li l-individwi għandu jkollhom kontroll tad-data li jiġġeneraw f’konformità mal-għanijiet ta’ awtonomija strateġika u ta’ indipendenza teknoloġika. Peress li l-amministrazzjoni ta’ dan il-volum enormi ta’ data se tikkonsma ammont sostanzjali ta’ enerġija, nirrakkomandaw li fl-att tiġi inkluża t-talba li l-entitajiet inkarigati mill-ħżin tad-data primarjament jużaw enerġija minn riżorsi rinnovabbli.

1.4.

Il-KESE jemmen li huwa rilevanti u importanti l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta u ta’ tqassim ġust tal-ispejjeż u tal-valur miżjud fil-katina tal-provvista tad-data bl-inklużjoni tal-atturi kollha.

1.5.

Il-KESE jinnota li l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini hija l-bażi tas-sistema soċjali tal-UE u li l-kompetittività ekonomika għandha tiġi ggarantita minn livell għoli ta’ privatezza u sigurtà, ir-rispett għall-istandards ta’ sikurezza u dawk etiċi, kundizzjonijiet multipli u suffiċjenti għall-funzjonalità tad-data, proċeduri taċ-ċibersigurtà u l-ħżin xieraq tad-data fi spazji u postijiet iċċertifikati fl-UE.

1.6.

Il-KESE jissuġġerixxi li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost sabiex ikopri l-prodotti fiżiċi kollha li jiksbu, jiġġeneraw jew jiġbru data dwar il-prestazzjoni, l-użu jew l-ambjent tagħhom u li jistgħu jikkomunikaw dik id-data permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament.

1.7.

Il-KESE jemmen li l-utenti u r-riċevituri tad-data għandu jkollhom aċċess bla xkiel għal data li hija essenzjali għall-funzjonament, it-tiswija jew il-manutenzjoni ta’ prodotti konnessi u servizzi relatati. Dan ikun jinkludi d-data mhux ipproċessata u l-metadata kollha iżda wkoll settijiet rilevanti oħra ta’ data pproċessata, raffinata jew aggregata.

2.   Sfond

2.1.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi li tniedi l-Att dwar id-Data, li għandu l-għan li jiżgura allokazzjoni ġusta tal-valur miksub mid-data u użu aħjar u aktar effiċjenti tad-data, kif ukoll aċċess għaliha. Ir-regolazzjoni tal-aċċess u l-użu tad-data hija prerekwiżit fundamentali biex jinħatfu l-opportunitajiet li toffri l-era diġitali li qegħdin ngħixu fiha. Barra minn hekk, il-proposta tiddeskrivi kif qed jiġu applikati d-drittijiet rilevanti, iżżid l-aċċess għall-użu tad-data għall-konsumaturi u n-negozji u tiżgura l-aċċessibbiltà tad-data għall-istituzzjonijiet pubbliċi, fejn meħtieġ. L-għan tagħha huwa li jiġi sfruttat il-valur tad-data ġġenerata minn oġġetti konnessi fl-Ewropa billi jitneħħew l-ostakli għall-aċċess għad-data, għall-korpi kemm tas-settur privat kif ukoll tas-settur pubbliku, filwaqt li jinżammu l-inċentivi biex isir investiment fil-ġenerazzjoni tad-data billi jiġi żgurat kontroll bilanċjat fuq id-data għal dawk li joħolquha.

2.2.

Il-proposta hija l-aħħar element orizzontali tal-istrateġija għad-data tal-Kummissjoni u tintegra l-acquis ġenerali tal-politika diġitali tal-UE, inkluż il-GDPR, id-Direttiva dwar il-PSI, ir-Regolament dwar il-moviment liberu tad-data u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Finalment, l-għan tagħha huwa li toħloq allokazzjoni aktar ġusta tal-valur billi tindirizza sitwazzjonijiet fejn id-data tintuża esklużivament minn ftit atturi. Il-KESE jirrakkomanda li jkollna definizzjoni aktar ċara tal-utenti kif ukoll tal-kategoriji ta’ data flimkien mal-iżgurar tad-drittijiet tal-utenti.

2.3.

L-għan tal-proposta huwa li tiżgura li l-ambjent diġitali jkun ġust billi tippermetti lill-konsumaturi u lill-kumpaniji jkollhom aktar kontroll fuq id-data tagħhom, u tiċċara min jista’ jaċċessaha u b’liema termini; li tistimola suq tad-data kompetittiv billi tiġi sfruttata minjiera ta’ data industrijali; li tiftaħ opportunitajiet għal innovazzjoni mmexxija mid-data; u li tagħmel id-data aktar aċċessibbli għal kulħadd.

2.4.

L-iffaċilitar ta’ sinerġija ċara u effiċjenti bejn is-servizzi tal-cloud u tal-edge, is-salvagwardji kontra t-trasferiment illegali tad-data mingħajr notifika mill-fornituri tas-servizzi tal-cloud u l-iżvilupp ta’ standards tal-interoperabbiltà għad-data li għandha terġa’ tintuża bejn is-setturi huma lkoll għanijiet iddikjarati fil-proposta. Għan ewlieni ieħor huwa li jiżdied il-valur miżjud tal-bażi tad-data, iġġenerat mid-data u mill-ipproċessar tad-data, kif ukoll li d-diversi atturi jiġu mmotivati biex jikkontribwixxu b’appoġġ għall-iżvilupp tal-ekonomija tad-data.

2.5.

Il-proposta se jkollha implikazzjonijiet kbar għaċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-awtoritajiet pubbliċi, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, u tista’ tittrasforma b’mod profond il-qafas regolatorju Ewropew għad-data. Għandha l-għan li żżid it-trasparenza u ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-kondiviżjoni tad-data ġġenerata mill-użu ta’ ċerti prodotti jew servizzi, kif ukoll li timplimenta r-regoli sabiex tiżgura li l-kuntratti dwar il-kondiviżjoni tad-data jkunu ġusti. Toħloq qafas prevedibbli u xieraq għall-kondiviżjoni tad-data bejn negozju u konsumatur u bejn negozju u negozju u tistabbilixxi l-obbligi legali għad-detenturi tad-data meta jagħmlu d-data disponibbli. Tirregola t-termini inġusti relatati mal-aċċess għad-data u l-użu tagħha bejn l-atturi fis-suq.

2.6.

L-Att dwar id-Data jittratta b’mod koerenti s-salvagwardji tad-data mhux personali f’kuntesti internazzjonali kif ukoll l-interoperabbiltà filwaqt li jnaqqas diversi ostakli fl-użu u l-użu mill-ġdid tad-data.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ u jappoġġja l-Att dwar id-Data, peress li jiċċara min jista’ joħloq valur minn tali data u taħt liema kundizzjonijiet jista’ jagħmel dan, u jiżgura li l-allokazzjoni tal-valur tad-data fost l-atturi fl-ekonomija tad-data u fil-kuntratti tagħhom tkun ġusta filwaqt li jirrispetta l-interessi leġittimi tal-kumpaniji u l-individwi li jinvestu fi prodotti u servizzi tad-data. Finalment, ir-regoli l-ġodda jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi u lill-kumpaniji billi jagħtuhom l-opportunità jsemmgħu leħinhom dwar x’jista’ jsir bid-data ġġenerata mill-prodotti konnessi tagħhom. F’dawn l-aħħar snin, it-teknoloġiji mmexxija mid-data żviluppaw b’rata mgħaġġla. Qegħdin jintużaw f’ħafna setturi ekonomiċi, biex b’hekk jiżguraw u jorganizzaw aċċess adattat u xieraq għad-data. Flimkien mal-valur miżjud maħluq mill-bażi tad-data, ir-regolament tal-Att dwar id-Data huwa importanti biex jiżgura tkabbir ekonomiku innovattiv u etiku li jista’ joħloq opportunitajiet għal kulħadd.

3.2.

Bħalissa, ħafna SMEs ma għandhomx aċċess għal data li kkontribwew għall-ġenerazzjoni tagħha bl-użu ta’ tagħmir tal-Internet tal-Oġġetti (IoT) jew servizzi relatati li huma l-proprjetarji tagħhom jew li jikru. Barra minn hekk, l-SMEs u n-negozji ġodda innovattivi jonqsu milli joħolqu valur miżjud fil-forma ta’ prodotti ġodda u servizzi komplementari għall-utenti tat-tagħmir tal-IoT minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità tagħhom li jiksbu d-data li jipproduċu dawn l-apparati. Dan jimmina l-prestazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali.

3.3.

Il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li timmassimizza l-valur tad-data fl-ekonomija billi tiżgura li firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati jiksbu kontroll fuq id-data tagħhom u li jkun hemm aktar data disponibbli għall-użu innovattiv. Sabiex tagħmel dan, tikkunsidra diversi għodod innovattivi għal-lokalizzazzjoni mill-ġdid tas-servizzi tal-ipproċessar tad-data fil-livell Ewropew u tittrasforma b’mod profond l-istrutturi eżistenti tal-poter li jiffavorixxu l-operaturi eżistenti tad-data l-kbar għad-detriment ta’ atturi iżgħar Ewropej. L-għan tal-proposta huwa li taqleb ta’ taħt fuq ix-xejriet reċenti tas-suq li wasslu għall-konsolidazzjoni tal-“ekonomija tal-Internet” u ġġeneraw monopolji tad-data f’diversi oqsma, bħall-kura tas-saħħa u l-industrija tal-karozzi. Din iż-żieda kontinwa fid-data teħtieġ attenzjoni u regolazzjoni tal-firxa tal-kundizzjonijiet inġusti tal-użu tad-data.

3.4.

Il-proposta ttejjeb il-kundizzjonijiet li skonthom in-negozji u l-konsumaturi jistgħu jużaw servizzi tal-cloud u tal-edge fl-UE, peress li dawn jagħmluha aktar faċli biex id-data u l-applikazzjonijiet jiġu ttrasferiti minn fornitur għal ieħor mingħajr ma jiġġarrbu spejjeż.

3.5.

Il-KESE jemmen li jrid isir aktar sforz biex jiġu kkonsolidati l-ekonomija tad-data u l-governanza tad-data. B’mod partikolari, iż-żieda u l-appoġġ tal-litteriżmu fid-data huma meħtieġa ħafna għall-konsolidazzjoni u l-iżvilupp tal-ekonomija tad-data sabiex in-nies u n-negozji jkunu konxji u jiġu mmotivati biex joffru u jipprovdu aċċess għad-data tagħhom f’konformità mar-regoli legali rilevanti. Dan jifforma l-bażi ta’ soċjetà tad-data li tkun sostenibbli, b’rispett għad-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-ħaddiema, ir-regoli tad-demokrazija u d-drittijiet għal soċjetà miftuħa u inklużiva.

3.6.

Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjoni li tikkonċerna l-SMEs, li issa huma protetti minn termini kuntrattwali inġusti bis-saħħa tal-lista ta’ klawżoli kuntrattwali imposti unilateralment li se jitqiesu, jew li huma preżunti li huma, inġusti. Il-klawżoli li ma jgħaddux minn dan it-“test tal-inġustizzja” mhumiex se jkunu vinkolanti għall-SMEs. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni se tiżviluppa u tirrakkomanda mudell mhux vinkolanti għal termini kuntrattwali, sabiex tgħin lill-SMEs jinnegozjaw kuntratti ta’ kondiviżjoni tad-data aktar ġusti u bbilanċjati ma’ kumpaniji li jgawdu pożizzjoni ta’ negozjar li hija aktar b’saħħitha b’mod sinifikanti. L-UE u l-Istati Membri għandhom jagħtu aktar attenzjoni lit-titjib tal-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej, speċjalment l-SMEs u n-negozji ġodda, biex jipparteċipaw fl-ekonomija tad-data fl-Ewropa u madwar id-dinja, u jikkontribwixxu għaliha. Dan jeħtieġ aktar investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fir-riċerka u l-iżvilupp, u fl-ispazji tad-data komuni li fuqhom huwa bbażat il-ħolqien tal-valur ibbażat fuq id-data. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-SMEs ikollhom il-mezzi biex jagħmlu użu mit-test tal-inġustizzja u jipproteġu lilhom infushom minn prattiki kuntrattwali inġusti. It-termini kuntrattwali mudell ipprovduti mill-Kummissjoni huma għodda meħtieġa f’dan ir-rigward iżda jeħtieġ li jiġu kkomplementati b’forom oħra ta’ appoġġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

3.7.

Il-KESE jemmen li huwa meħtieġ approċċ aktar settorjali fil-proċess tal-valur miżjud, fl-użu u fl-użu mill-ġdid tad-data għal sinerġija aħjar mal-indikaturi tal-Patt Ekoloġiku u l-SDGs. Is-setturi li għadhom lura fl-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali għandhom jiġu stimulati u appoġġjati. Applikazzjoni trasparenti u effettiva tar-regolament tkun importanti għat-traċċabbiltà, l-interoperabbiltà u l-multimodalità tad-diversi attivitajiet tal-ktajjen tal-provvista, pereżempju fis-settur tat-trasport. F’dan ir-rigward, ikun utli li jiġu adottati linji gwida speċifiċi biex tiġi ffaċilitata interpretazzjoni uniformi tar-regolament fost l-Istati Membri.

3.8.

Il-KESE jappoġġja d-dritt tal-istituzzjonijiet pubbliċi li jaċċessaw id-data f’każ ta’ emerġenza, fejn dan ikun permess mil-liġi. Madankollu, dan għandu jiġi mmonitorjat bir-reqqa sabiex jiġu evitati abbużi jew jiġu pperikolati l-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt. Iż-żieda fir-reżiljenza u l-iżgurar tal-kompetizzjoni ġusta filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem huma fatturi li għandhom jitqiesu f’każ ta’ emerġenza. B’mod ġenerali, il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jaċċessaw id-data meta jkun meħtieġ biex jipproteġu l-interess ġenerali, b’mod proporzjonat li jimminimizza l-piż impost fuq l-individwu jew l-entitajiet legali. Ikun utli li jiġi appoġġjat l-istabbiliment ta’ korpi indipendenti fdati li għandhom ir-rwol li jippromovu l-qsim volontarju jew obbligatorju tad-data bejn in-negozji u l-gvernijiet mil-lat tekniku, kuntrattwali, operazzjonali u finanzjarju. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jaġixxu wkoll bħala korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim.

3.9.

Il-KESE jemmen li l-proposta tal-Att dwar id-Data għandha tqis l-impatt fuq is-suq tax-xogħol. Għandu jitqies li hemm nuqqas ta’ ħiliet u kompetenzi ġodda, speċjalment fil-każ tal-impjegati minn intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iżgurar tal-istabbiltà tal-impjiegi u l-prevedibbiltà tal-karrieri huma elementi li jistgħu jiżguraw il-konsolidazzjoni tal-ekonomija tad-data fil-futur u għandhom jiġu kkunsidrati b’mod kostanti.

3.10.

Il-KESE jilqa’ l-għan ewlieni ta’ din il-proposta, li huwa li jiġi żgurat aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-ekonomija tad-data u s-suq tad-data kif ukoll li jiġu offruti opportunitajiet ta’ aċċess għan-negozji u l-persuni kollha, irrispettivament mir-reġjun. Għalhekk, il-garanzija ta’ networks tal-broadband ta’ veloċità għolja u ta’ kapaċità għolja fi ħdan l-UE u l-bini ta’ infrastrutturi tal-Internet multireġjonali għall-ġbir, l-użu u l-użu mill-ġdid tad-data għandhom jitqiesu kif xieraq.

3.11.

Il-KESE jqis li t-tħarbit li ġabu magħhom it-tkabbir u ż-żieda tar-riskji diġitali, flimkien mal-infrastrutturi pubbliċi u privati li jużaw teknoloġiji diġitali, huma inċentivi importanti għall-intensifikazzjoni tal-kontroll u l-implimentazzjoni adegwata tal-Att dwar id-Data, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni tad-data.

3.12.

Il-KESE jemmen li l-protezzjoni tad-data personali, flimkien mal-protezzjoni tal-identità diġitali u l-protezzjoni tal-privatezza, huma aspetti essenzjali tal-governanza tad-data, u huma marbutin direttament mal-kwistjoni tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali. Għal din ir-raġuni, ikun importantii li jiġu rikonoxxuti u garantiti d-drittijiet tal-proprjetà tad-data personali sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jikkontrollaw l-użu tad-data tagħhom (1). L-attivitajiet online għandhom jiġu mmonitorjati biss meta jkun hemm għarfien u kunsens espliċitu dwar l-użu ulterjuri ta’ dik id-data, f’konformità mar-regoli legali rilevanti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta, f’konformità mal-ħtiġijiet tal-ekonomija diġitali, li jitneħħew l-ostakli għal suq intern tad-data li jiffunzjona tajjeb u li jiġi promoss skambju ġust billi jiġi stabbilit qafas armonizzat. F’dan ir-rigward, hija meħtieġa l-konformità mar-regoli tas-sigurtà u taċ-ċibersigurtà tal-UE skont l-għanijiet tal-awtonomija strateġika u tal-indipendenza teknoloġika tal-UE.

4.2.

Gruppi u reġjuni żvantaġġati li huma iżolati u li għandhom aċċess fqir għall-Internet għandhom jiġu appoġġjati u assistiti wkoll mil-lat ekonomiku sabiex jibbenefikaw mill-opportunitajiet tal-ekonomija tad-data.

4.3.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jkomplu jtejbu l-isforzi biex jappoġġjaw lill-kumpaniji, speċjalment lill-SMEs, biex joħolqu, jikkonsolidaw u jużaw infrastrutturi tad-data, kompetenzi għall-impjegati u għarfien espert, bl-użu tal-fondi strutturali tal-UE u ta’ Next Generation EU. It-taħriġ għall-SMEs fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom għandu jittejjeb. Jistgħu wkoll jingħataw sussidji u inċentivi fiskali f’dan ir-rigward mill-Istati Membri.

4.4.

L-ekonomija tad-data mhux biss tista’ tagħti opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għolja speċjalment għaż-żgħażagħ, għall-gruppi vulnerabbli jew għal dawk barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), iżda wkoll ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan il-proċess se jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi diġitali u tiżdied il-kompetittività tal-ekonomija tad-data fil-livell Ewropew.

4.5.

Il-KESE jemmen li l-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta fis-suq Ewropew bejn diversi atturi u l-aċċess għad-data huwa kruċjali. B’mod partikolari, huwa rilevanti u importanti t-tqassim ġust tal-ispejjeż u tal-valur miżjud fil-katina tal-provvista tad-data li jinkludi lill-atturi kollha. Il-kumpaniji l-kbar, speċjalment il-kumpaniji tas-servizzi tal-cloud li fihom huwa kkonċentrat ammont kbir ta’ saħħa fis-suq, għandhom jiġu kkontrollati sabiex jiġu eliminati diversi abbużi.

4.6.

Il-KESE jemmen li l-investiment fil-kapaċità maniġerjali u operattiva tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Att dwar id-Data. Għandu jiġi allokat ammont xieraq ta’ riżorsi finanzjarji għall-awtoritajiet kompetenti biex jiġi ggarantit livell adegwat ta’ riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji.

4.7.

Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza ta’ mudell kooperattiv għall-istabbiliment tal-ġestjoni u l-iskambju tad-data bħala mod kif jiġu ffavoriti l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, il-ħaddiema għal rashom u l-professjonijiet (2).

4.8.

Il-KESE jirrimarka li jkun importanti li tiġi ppreżervata l-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini meta qed tiġi assigurata l-kompetittività ekonomika tal-UE. B’mod partikolari, ikun importanti li jiġu ggarantiti livell għoli ta’ privatezza u sigurtà, ir-rispett għall-istandards ta’ sikurezza u dawk etiċi, kundizzjonijiet multipli u suffiċjenti għall-funzjonalità tad-data, proċeduri taċ-ċibersigurtà u l-ħżin xieraq tad-data fi spazji u f’postijiet iċċertifikati fit-territorju tal-UE (u dawk li l-UE hija s-sid tagħhom).

4.9.

Il-KESE jissuġġerixxi li jiġi evalwat it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament sabiex ikopri l-prodotti fiżiċi kollha li jiksbu, jiġġeneraw jew jiġbru data dwar il-prestazzjoni, l-użu jew l-ambjent tagħhom u li jistgħu jikkomunikaw dik id-data permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Minbarra spettru wiesa’ ta’ tagħmir tal-IoT, din id-definizzjoni għandha tinkludi wkoll kompjuters personali, tablets, smartphones u apparat ieħor konness simili.

4.10.

Il-KESE jemmen li l-utenti u r-riċevituri tad-data għandu jkollhom aċċess bla xkiel, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u/jew sigrieti kummerċjali, għal data li hija essenzjali għall-funzjonament, it-tiswija jew il-manutenzjoni ta’ prodotti konnessi u servizzi relatati.

Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-governanza Ewropea tad-data (Att dwar il-Governanza tad-Data)” [COM(2020) 767 final] (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 38).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-governanza Ewropea tad-data (Att dwar il-Governanza tad-Data)” [COM(2020) 767 final] (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 38).