26.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 367/3


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta' Lulju 2022

dwar proposta għal regolament li jemenda ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli

(CON/2022/25)

(2022/C 367/03)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-13 ta’ April 2022, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill għal opinjoni dwar proposta għal regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (1) (minn hawn ’il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni dwar ir-regolament propost hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), peress li r-regolament propost jittratta (1) il-kompitu bażiku tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li tippromwovi l-operat bla xkiel tas-sistemi ta’ ħlas skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE, u l-Artikolu 3.1 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-BĊE (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u (2) il-kontribut tas-SEBĊ għat-tmexxija bla xkiel tal-politiki segwiti mill-awtoritajiet kompetenti relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5) TFUE u l-Artikolu 3.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet Ġenerali

Il-BĊE jilqa’ r-regolament propost, li jappoġġa kemm il-prijoritajiet tal-Unjoni fl-oqsma tas-swieq kapitali u ta’ wara n-negozjar, kif ukoll waħda mill-azzjonijiet ewlenin fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) biex jiġu żviluppati servizzi ta’ saldu transfruntier. Huwa jagħmel dan, inter alia, billi jissimplifika l-proċess tal-passaportar skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli”, jew is-“CSDR”) u jtejjeb il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u rilevanti. Il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ l-għan ġenerali li tiġi ffaċilitata aktar l-integrazzjoni tas-swieq kapitali billi jitnaqqsu l-ostakli għall-forniment transfruntier tas-servizzi tas-saldu. Ir-regolament propost huwa wkoll allinjat b’mod wiesa’ mal-politiki segwiti internazzjonalment wara l-kriżi finanzjarja globali li feġġet fl-2008-2009, immirati lejn it-tisħiħ tar-reżiljenza u l-effettività ta’ infrastrutturi ewlenin u sistemikament importanti tas-swieq finanzjarji – inklużi sistemi ta’ saldu tat-titoli – bħala prekundizzjoni għal swieq kapitali sodi u robusti, u l-promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja (3).

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.   Reġim tad-dixxiplina tas-saldu

1.1

Il-BĊE jilqa’ l-objettiv tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jistabbilixxi kamp ta’ applikazzjoni aktar immirat għar-reġim tad-dixxiplina tas-saldu tas-CSDR billi jindirizza l-imġiba tas-suq li twassal għal ineffiċjenzi tas-saldu, iżda mingħajr ma jippenalizza awtomatikament kull nuqqas ta’saldu individwali irrispettivament mill-kuntest u l-partijiet involuti. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-funzjonament tar-reġim tad-dixxiplina tas-saldu għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan jeħtieġ, inter alia, li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-nuqqasijiet ta’ saldu li jipproduċu effetti finanzjarji negattivi għall-parti li ma tkunx qed tonqos fi tranżazzjoni finanzjarja, u, min-naħa l-oħra, dawk li jew ma jipproduċu l-ebda effett finanzjarju negattiv jew jaffettwaw biss l-interessi finanzjarji tal-parti li qed tonqos. L-inklużjoni ta’ dawn l-aħħar nuqqasijiet ta’ saldu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim tad-dixxiplina tas-saldu tkun inkonsistenti mal-għan tar-reġim. Għalhekk, ir-rieżami tar-reġim tad-dixxiplina tas-saldu għandu jieħu bħala l-punt tat-tluq tiegħu l-għan li jiġu sanzjonati biss dawk il-nuqqasijiet ta’ saldu li jirriżultaw f’effetti finanzjarji negattivi għall-kontroparti tal-parti li qed tonqos.

1.2

Bl-istess mod, il-BĊE jilqa’ l-esklużjonijiet proposti mir-reġim tad-dixxiplina tas-saldu kemm tan-nuqqas ta’ saldu kkawżat minn fatturi mhux attribwibbli lill-parteċipanti fit-tranżazzjoni, kif ukoll in-nuqqasijiet tas-saldu li jseħħu fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet li ma jinvolvux “żewġ partijiet tan-negozjar”. Madankollu, il-BĊE jistieden lil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jikkunsidra li jiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni minn dawn iż-żewġ esklużjonijiet proposti, li jista’ jwassal għal interpretazzjonijiet differenti. Il-BĊE jifhem din l-esklużjoni proposta bħala li tinkludi trasferimenti ta’ titoli mingħajr ħlas (FOP) għal kontijiet ta’ titoli f’depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) fil-kuntest tal(d)-(de)mobilizzazzjoni tal-kollateral, kemm jekk dawk it-trasferimenti jkunu bejn partijiet privati kif ukoll jekk bejn membri tas-SEBĊ u l-kontropartijiet tagħhom. Il-BĊE jilqa’ kjarifika espliċita għal dan il-għan fir-regolament propost. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu pprovduti aktar kjarifiki dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni esklużjoni proposta fl-atti delegati tal-Kummissjoni, biex jiġu speċifikati t-tranżazzjonijiet li ma jitqisux li jinvolvu żewġ partijiet tan-negozjar. Fil-preżent, is-CSDs jistgħu ma jkunux mgħammra biex jidentifikaw struzzjonijiet ta’ saldu li għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim tad-dixxiplina tas-saldu skont ir-regolament propost. Sabiex tiġi ffaċilitata tali identifikazzjoni, l-atti delegati tal-Kummissjoni jistgħu jinkludu b’mod utli definizzjonijiet li jippermettu li l-esklużjonijiet previsti jiġu identifikati b’mod konkret, u b’hekk jgħinu lis-CSDs sabiex jintlaħaq proċess awtomatizzat. Il-BĊE jinsab lest li jappoġġa lil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-elaborazzjoni ta’ dawn il-kjarifiki, u jinnota li l-abbozzi ta’ atti delegati tal-Kummissjoni jikkwalifikaw bħala “atti proposti tal-Unjoni” għall-finijiet tal-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat, li jipprevedu li l-BĊE għandu jiġi kkonsultat dwar kwalunkwe abbozz ta’ att tal-Unjoni li jaqa’ taħt l-oqsma ta’ kompetenza tiegħu (4).

1.3

Barra minn hekk, tali atti delegati tal-Kummissjoni li jispeċifikaw it-tranżazzjonijiet li ma għandhomx jitqiesu li jinvolvu żewġ partijiet tan-negozjar għandhom jikkontemplaw żmien suffiċjenti biex is-CSDs u l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jaġġustaw is-sistemi tagħhom. Pereżempju, fir-rigward tat-TARGET2-Securities (T2S), jekk ċerti tranżazzjonijiet għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim tad-dixxiplina tas-saldu fil-livell tas-CSD, ikun rakkomandabbli djalogu mas-suq biex jgħin fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet potenzjali ta’ implimentazzjoni u soluzzjonijiet possibbli. Fejn l-atti delegati rilevanti tal-Kummissjoni jinvolvu bidliet materjali fit-tfassil tat-T2S, l-implimentazzjoni ta’ tali bidliet tkun teħtieġ żmien sinifikanti. Għalhekk, il-BĊE jirrakkomanda li l-perijodu ta’ 24-il xahar li r-regolament propost jikkontempla bejn l-adozzjoni tas-CSDR rivedut u d-dħul fis-seħħ tal-kamp ta’ applikazzjoni emendat tar-reġim tad-dixxiplina tas-saldu (5) għandu jibda biss mill-adozzjoni tal-atti delegati rilevanti tal-Kummissjoni.

1.4

L-eżistenza ta’ xiri sfurzat obbligatorju mmexxi mir-regolament huwa indħil sinifikanti fl-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli u l-funzjonament tas-swieq tat-titoli. Minħabba l-implikazzjonijiet li l-iskjerament mill-Kummissjoni Ewropea ta’ xiri sfurzat obbligatorju jista’ jkollu (inkluż fir-rigward tan-nuqqas ta’ disponibbiltà potenzjali ta’ aġent tax-xiri sfurzat), ikun preferibbli li tiġi skartata għalkollox il-possibbiltà ta’ xiri sfurzat obbligatorju. Kwalunkwe bidla sussegwenti f’dan ir-rigward għandha titħalla għall-kunsiderazzjoni sussegwenti tal-leġislatur tal-Unjoni.

1.5

Jekk, madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni jiddeċiedi li jżomm id-dispożizzjonijiet proposti rigward l-att ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskjerament tal-mekkaniżmu obbligatorju ta’ xiri sfurzat, il-BĊE jixtieq jinnota l-punti li ġejjin. L-ewwel nett, il-BĊE jilqa’ r-reviżjonijiet tar-regolament propost għall-mekkaniżmu obbligatorju ta’ xiri sfurzat. L-applikazzjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, ta’ kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ mekkaniżmu obbligatorju ta’ xiri sfurzat fir-rigward ta’ ċerti strumenti finanzjarji jew kategoriji ta’ tranżazzjonijiet għandha tintiżen kontra l-impatt ta’ xiri sfurzat obbligatorju fuq il-funzjonament tas-swieq tat-titoli. Barra minn hekk, tali att ta’ implimentazzjoni għandu jqis l-effetti potenzjali tal-mekkaniżmu ta’ xiri sfurzat obbligatorju fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u fuq l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni (6) – li t-tnejn huma kwistjonijiet li għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt l-oqsma ta’ kompetenza konsultattiva tal-BĊE – u tali att ta’ implimentazzjoni għandu għalhekk jiġi ppreżentat għall-konsultazzjoni tal-BĊE qabel l-adozzjoni tiegħu. Għandu jagħti wkoll lill-parteċipanti fis-suq biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiksbu livell ta’ tħejjija operattiva. Rigward ir-rekwiżiti relatati mal-modalitajiet applikabbli għall-eżekuzzjoni tax-xiri sfurzat, huwa importanti li l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni ma jkunux sproporzjonati għall-valur skambjat fit-tranżazzjoni sottostanti. Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jenħtieġ li tingħata xi miżura ta’ flessibbiltà lill-parteċipanti fis-suq li għalihom ikun japplika x-xiri sfurzat f’każ partikolari. Għandu jiġi kkunsidrat approċċ li bih, minflok leġiżlazzjoni li tippreskrivi l-metodu eżatt ta’ twettiq tax-xiri sfurzat, il-parteċipanti fis-suq ikunu meħtieġa jaqblu kuntrattwalment dwar tali dettalji bejniethom. Barra minn hekk, tista’ tingħata għażla lill-parti li ma tkunx qed tonqos biex tiddeċiedi jekk il-proċess ta’ xiri sfurzat għandux jiġi attivat jew le. Din il-flessibbiltà tippermetti lil parti li ma tkunx qed tonqos biex tevita l-piż sproporzjonat tal-implimentazzjoni ta’ bidliet kumplessi operattivi, tekniċi u legali meħtieġa għall-użu tax-xiri sfurzat.

1.6

Fl-aħħar nett, il-BĊE jistieden lil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jikkunsidra li jeskludi tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe xiri sfurzat obbligatorju. Tranżazzjoni ta’ finanzjament tat-titoli ma toħloqx pożizzjoni miftuħa għalkollox bejn il-partijiet tan-negozjar b’tali mod li tiġġustifika xiri sfurzat kontra l-parti li qed tonqos. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ xiri sfurzat obbligatorju fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli ma tkunx proporzjonata mal-intenzjoni tal-leġiżlatur li jnaqqas, permezz ta’ xiri sfurzat obbligatorju, l-għadd ta’ nuqqas ta’ saldu.

2.   Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti: rieżami u evalwazzjoni

2.1

Il-BĊE jilqa’ t-titjib skont ir-regolament propost tar-rwol tal-awtoritajiet rilevanti fl-awtorizzazzjoni tas-CSDs biex jipprovdu servizzi ewlenin u servizzi anċillari tat-tip bankarju, kif ukoll fit-twettiq tar-rieżami u l-evalwazzjoni regolari tas-CSDs, li jirrikonoxxi kif xieraq l-interess leġittimu li tali awtoritajiet għandhom fil-funzjonament bla xkiel tal-infrastrutturi rilevanti. Bl-istess mod, il-BĊE jilqa’ l-approċċ ibbilanċjat tar-regolament propost fir-rigward tal-frekwenza tat-twettiq tar-rieżami u l-evalwazzjoni tas-servizzi ewlenin tas-CSD, kif ukoll il-perijodu itwal ta’ żmien li fih l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jipprovdu opinjoni motivata dwar l-awtorizzazzjoni tas-CSDs biex jipprovdu servizzi anċillari tat-tip bankarju. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, ikun hemm mertu fl-allinjament tal-frekwenza minima proposta li biha l-awtoritajiet kompetenti jirrieżaminaw u jevalwaw il-konformità mas-CSDR tas-servizzi anċillari tat-tip bankarju mal-frekwenza tar-rieżami u l-evalwazzjoni tas-servizzi ewlenin tas-CSD.

2.2

Fir-rigward tar-rieżami u l-evalwazzjoni tas-servizzi ewlenin tas-CSD, ir-regolament propost jipprevedi li awtorità kompetenti tikkonsulta lill-awtoritajiet rilevanti. Madankollu, l-ebda proċedura korrispondenti mhi kkontemplata fir-rigward tar-rieżami u l-evalwazzjoni ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju. Biex tiġi indirizzata din l-inkonsistenza, il-BĊE jirrakkomanda l-introduzzjoni fir-regolament propost ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni korrispondenti għar-rieżami u l-evalwazzjoni ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju.

2.3

Għal dawk il-membri tas-SEBĊ li jaġixxu bħala awtorità rilevanti, tali proċedura ta’ konsultazzjoni tiffaċilita t-twettiq tal-kompitu tas-SEBĊ li tiżgura sistemi tal-ikklerjar effiċjenti u sodi fl-Unjoni. Barra minn hekk, fit-twettiq tal-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom, is-CSDs awtorizzati bħala fornituri ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju jiddependu ħafna fuq is-servizzi tal-bank ċentrali (7), u dan ikompli jiġġustifika l-involviment tal-banek ċentrali. Is-sikurezza u l-effiċjenza tas-saldu tal-flus kontanti fi flus tal-banek kummerċjali huma partikolarment rilevanti għall-banek ċentrali tal-ħruġ, peress li l-ġestjoni inadegwata tar-riskji tal-kreditu u tal-likwidità mis-CSDs li jipprovdu servizzi anċillari tat-tip bankarju tista’ taffettwa l-funzjonament bla xkiel tas-swieq tal-flus.

2.4

Fir-rwol tagħhom bħala sorveljanti tas-sistemi tal-ikklerjar u tal-ħlasijiet, il-banek ċentrali għandhom għarfien espert estensiv fil-qasam tas-saldu tal-flus fil-bank ċentrali u l-flus tal-banek kummerċjali (inklużi servizzi anċillari tat-tip bankarju assoċjat), b’mod partikolari mill-perspettiva tal-ġestjoni tar-riskji finanzjarji. Fit-twettiq tal-attivitajiet ta’ superviżjoni tagħhom, il-banek ċentrali japplikaw qafas li – f’konformità mal-istandards globali – jirrifletti perspettiva sistemika. Għalhekk, l-involviment tagħhom bħala awtoritajiet rilevanti taħt is-CSDR fir-rieżami u l-evalwazzjoni regolari ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju huwa rakkomandabbli.

3.   Kooperazzjoni fost awtoritajiet kompetenti u awtoritajiet rilevanti: twaqqif ta’ kulleġġi

3.1

Il-BĊE jilqa’ l-introduzzjoni ta’ kulleġġi ta’ superviżuri sabiex tissaħħaħ il-konverġenza superviżorja u jiġu ffaċilitati l-iskambji ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet involuti (8). Madankollu, l-istruttura tal-kulleġġi tal-passaportar tista’ tibbenefika minn aġġustamenti ulterjuri biex jiġi żgurat, minn naħa, li diversi tipi ta’ attività transfruntiera jkunu koperti u, min-naħa l-oħra, li l-kooperazzjoni fi ħdan il-kulleġġ tkun effiċjenti u ma toħloqx piż fejn tkun meħtieġa l-parteċipazzjoni f’diversi kulleġġi. L-attività tal-passaportar ma tinkludix is-servizzi kollha tas-CSD b’dimensjoni transfruntiera. Għalhekk, il-BĊE jipproponi li jitwessa’ l-ambitu tal-mandat tal-kulleġġi tal-passaportar biex ikopri tipi oħra ta’ attivitajiet transkonfinali, inkluż is-saldu f’muniti barranin rilevanti u t-tħaddim ta’ konnessjonijiet interoperabbli, ħlief għall-konnessjonijiet interoperabbli tas-CSDs li jesternalizzaw xi wħud mis-servizzi tagħhom (relatati ma’ dawk il-konnessjonijiet interoperabbli) lil entità pubblika kif imsemmi fl-Artikolu 19(5) tas-CSDR (9). Il-BĊE jipproponi wkoll li l-kulleġġi tal-passaportar jingħataw isem ġdid bħala kulleġġi ta’ attività transfruntiera. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-kulleġġi hija kruċjali għall-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn l-attivitajiet ta’ CSD huma importanti għas-swieq tagħhom. Madankollu, jista’ jkun inqas rilevanti għall-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn l-attività ta’ CSD hija limitata, u jenħtieġ li ma tkunx obbligatorja.

3.2

Fir-rigward tal-kulleġġi tal-gruppi, il-BĊE jappoġġa l-istabbiliment tagħhom u, b’mod partikolari, l-opzjonalità introdotta fir-regolament propost biex il-kulleġġi jingħaqdu f’kulleġġ wieħed. Barra minn hekk, tista’ tiġi introdotta aktar flessibbiltà billi l-awtorità kompetenti ta’ domiċilju titħalla tistieden lill-awtoritajiet kompetenti u rilevanti minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri bħala osservaturi kemm għall-passaportar kif ukoll/jew għall-kulleġġi tal-grupp.

4.   Servizzi anċillari tat-tip bankarju

4.1

Ir-Regolament propost jinkludi emendi għas-CSDR li jippermettu s-saldu tal-ħlasijiet fi flus kontanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma minn CSD permezz ta’ CSD ieħor li huwa awtorizzat li jipprovdi servizzi anċillari tat-tip bankarju. Flimkien maż-żieda proposta tal-livell limitu għas-saldu permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu magħżula, dawn l-emendi jiffaċilitaw is-saldu f’muniti barranin, u jippromwovu s-saldu transfruntier fl-Unjoni. Fl-istess ħin, ir-rikors potenzjali għal saldu FOP fejn it-trasferimenti ta’ flus u titoli mhumiex kundizzjonali fuq xulxin - u għalhekk iżidu r-riskju tas-saldu - ikun limitat.

4.2

Madankollu, il-provvista ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju minn CSDs awtorizzati li jipprovduhom (minn hawn ’il quddiem is-’CSDs bankarji’) lil CSDs oħra (minn hawn ’il quddiem is-’CSDs tal-utenti’) ikollha implikazzjonijiet għall-profil tar-riskju finanzjarju tas-CSDs bankarji u kundizzjonijiet ekwi għas-CSDs u għall-parteċipanti fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli li joperaw is-CSDs, kif ukoll fir-rigward ta’ kunflitti ta’ interess; dawn l-implikazzjonijiet kollha jkunu jeħtieġu li jiġu indirizzati aktar mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Għalhekk, ir-regolament propost jista’ jiġi emendat biex jinkludi l-possibbiltà li jiġu żviluppati standards tekniċi regolatorji biex jiġu indirizzati l-implikazzjonijiet deskritti fil-paragrafi 4.3 sa 4.8 hawn taħt tal-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju mis-CSDs bankarji lis-CSDs tal-utent.

4.3

L-Artikolu 40 tas-CSDR jirrikjedi li s-CSDs jissaldaw il-parti ta’ flus tat-tranżazzjonijiet tat-titoli pproċessati fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli tagħhom permezz ta’ kontijiet miżmuma ma’ bank ċentrali speċifikament għal tranżazzjonijiet denominati fil-munita tal-pajjiż fejn iseħħ is-saldu, fejn dan ikun prattiku u disponibbli. L-emendi previsti mir-regolament propost la għandhom iwasslu għal bidla mhux intenzjonata mis-saldu fi flus tal-bank ċentrali għas-saldu fi flus tal-banek kummerċjali, u lanqas ma għandhom jiddiżinċentivaw l-isforzi tas-CSDs biex jiksbu saldu fi flus tal-bank ċentrali. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li bħalissa, bla ħsara għal eċċezzjoni waħda, il-banek ċentrali nazzjonali kollha tal-Istati Membri jippermettu aċċess għas-saldu tal-flus tal-bank ċentrali għal CSDs mhux domestiċi tal-Unjoni u l-parteċipanti tagħhom. Madankollu, is-saldu fi flus tal-bank ċentrali għal muniti mhux tal-Unjoni jista’ jkun diffiċli biex jinkiseb.

4.4

Filwaqt li l-għan tal-emendi previsti mir-regolament propost huwa li jiġi ffaċilitat is-saldu f’muniti barranin (10), dawn jiftħu wkoll il-possibbiltà għas-CSDs bankarji li joffru, mingħajr restrizzjoni, kwalunkwe servizz anċillari ta’ tip bankarju lis-CSDs tal-utent. L-ambitu tas-servizzi li għandhom jiġu offruti mis-CSDs bankarji lis-CSDs tal-utent għandu jkun limitat għal servizzi li huma pprovduti għall-finijiet tas-saldu f’muniti barranin. Limitazzjoni bħal din tipprevjeni lis-CSDs bankarji milli jinvolvu ruħhom f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u milli jieħdu riskji eċċessivi. Barra minn hekk, limitazzjoni bħal din tiskoraġġixxi wkoll lis-CSDs tal-utent milli jfittxu s-servizzi ta’ CSDs bankarji fejn, għall-muniti tal-UE, ikun disponibbli wkoll saldu fi flus kontanti fi flus tal-bank ċentrali.

4.5

Il-forniment mis-CSDs ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju lis-CSDs tal-utent ikun jinvolvi skoperturi addizzjonali. B’mod partikolari, is-servizzi li CSD bankarju jista’ jipprovdi lis-CSDs tal-utent jiġġeneraw riskji finanzjarji għas-CSDs (eż. riskji ta’ investiment, ta’ kreditu u/jew ta’ likwidità) (11). Id-daqs ta’ dawn ir-riskji jiddependi fuq l-ambitu tas-servizzi użati mis-CSDs tal-utent u l-valur tal-attività ta’ tali CSDs fuq il-kontijiet mas-CSDs bankarji. Barra minn hekk, jekk is-saldu f’muniti barranin ikun ikkonċentrat f’CSD bankarju wieħed jew tnejn fl-Unjoni, dan jista’ jwassal għal riskju ta’ kontaġju. Ir-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti fis-CSDR jistabbilixxu qafas prudenzjali sod u jindirizzaw ir-riskji fir-rigward ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju. Madankollu, l-istabbiliment ta’ miżuri għall-kontroll tar-riskji meta CSD bankarju jipprovdi servizzi lil CSDs tal-utent jista’ jkun kumpless f’kuntest fejn il-parteċipanti tas-CSD tal-utent, kif ukoll l-attività li tiġġenera dawn ir-riskji u l-evoluzzjoni ta’ dawk ir-riskji, ma jkunux taħt il-kontroll dirett ta’ dak is-CSD bankarju. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jkollu bżonn jikkontempla l-introduzzjoni ta’ rekwiżit għas-CSDs bankarji biex jiżviluppaw qafas li jelabora dwar kif jistgħu jiġu kkontrollati r-riskji li jirriżultaw mill-attività tas-CSDs tal-utent. B’mod ġenerali, il-BĊE jiffavorixxi approċċ ibbilanċjat immirat biex jiżgura li l-espansjoni potenzjali ta’ din l-attività mis-CSDs bankarji (u, għalhekk, anki ż-żieda fl-iskoperturi għar-riskju, kif ukoll il-konċentrazzjoni u r-riskju potenzjali ta’ kontaġju li jirriżulta minn din l-espansjoni) tkun proporzjonata mal-għan maħsub li jiġi ffaċilitat is-saldu f’muniti barranin mis-CSDs tal-utent, u ma jpoġġix f’riskju s-solidità finanzjarja tas-CSDs bankarji.

4.6

Skont ir-regolament propost, is-CSDs bankarji jistgħu jipprovdu servizzi ta’ kklerjar u saldu tal-flus mhux biss lill-parteċipanti tagħhom iżda wkoll lill-parteċipanti tas-CSDs tal-utent. Dan jista’ jwassal għal kunflitti ta’ interess potenzjali fejn CSD bankarju jieħu deċiżjonijiet jew jistabbilixxi politiki li jiffavorixxu l-parteċipanti tiegħu stess jew CSDs fi ħdan l-istess grupp. Dan jista’ jkun partikolarment rilevanti f’sitwazzjoni ta’ kriżi, pereżempju meta jitfaċċaw nuqqasijiet ta’ likwidità mhux previsti jew telf ta’ kreditu skopert. Għalhekk, il-qafas regolatorju għandu jinkludi rekwiżit biex is-CSDs ikollhom fis-seħħ regoli u proċeduri ċari li jindirizzaw kunflitti ta’ interess potenzjali u jimmitigaw ir-riskju ta’ trattament diskriminatorju lejn kwalunkwe CSD tal-utenti u l-parteċipanti tagħhom.

4.7

Il-forniment minn CSDs bankarji ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju lis-CSDs tal-utent jkollu impatt fuq il-profil tar-riskju ta’ dawk is-CSDs bankarji u jista’ jinvolvi wkoll kostijiet addizzjonali u kumplessità operattiva. Mhux is-CSDs bankarji kollha jistgħu jkunu lesti jew kapaċi jżidu l-iskoperturi tagħhom għar-riskji tal-kreditu u tal-likwidità u jallokaw riżorsi sabiex jippermettu l-espansjoni tal-attività tas-saldu f’muniti barranin tas-CSDs tal-utent. Il-BĊE jifhem li l-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju lis-CSDs tal-utent tibqa’ deċiżjoni kummerċjali ta’ kull CSD bankarju (b’distinzjoni mill-istabbiliment ta’ konnessjonijiet u aċċess miftuħ għal CSDs oħra, li għandhom jiġu żgurati b’mod sistematiku (12)).

4.8

Barra minn hekk, sabiex titrawwem it-trasparenza fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet għall-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju, kwalunkwe standard tekniku regolatorju futur għandu jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni li s-CSDs bankarji għandhom jaderixxu magħhom fir-rigward tal-firxa minima ta’ servizzi offruti, kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ tali servizzi u l-kostijiet u r-riskji assoċjati magħhom. Dan jevita l-possibbiltà li CSDs fi ħdan l-istess grupp bħal CSD bankarju jibbenefikaw minn trattament preferenzjali u, għalhekk, jiksbu vantaġġ kompetittiv fuq CSDs tal-utent oħra fir-rigward ta’ servizzi ta’ saldu f’muniti barranin.

5.   Netting

5.1

Il-BĊE jilqa’ l-introduzzjoni mir-regolament propost ta’ rekwiżit għas-CSDs bankarji biex jimmonitorjaw u jimmaniġġjaw b’mod adegwat kwalunkwe riskju li jirriżulta minn arranġamenti ta’ netting fir-rigward tal-parti ta’ flus tal-mudell ta’ saldu applikat tagħhom (13). Il-BĊE jifhem li hemm CSDs stabbiliti fl-Unjoni li joperaw sistemi ta’ saldu tat-titoli li fihom flus u/jew titoli fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ titoli jiġu saldati fuq bażi netta. Tali CSDs bħalissa mhumiex soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi li jindirizzaw ir-riskji li jirriżultaw mill-arranġamenti ta’ netting tagħhom.

5.2

Ir-riskji assoċjati mal-arranġamenti ta’ netting u r-rekwiżiti li huma maħsuba biex jindirizzaw dawk ir-riskji huma riflessi f’diversi prinċipji tal-Prinċipji għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju (PFMIs) maħruġa mill-Kumitat dwar is-Sistemi ta’ Pagament u Saldu (CPSS) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) (14). Huwa nnotat li r-rekwiżit previst mir-regolament propost kif imsemmi fil-paragrafu 5.1 japplika biss għas-CSDs bankarji. Madankollu, għandu japplika għas-CSDs kollha li jħaddmu sistemi ta’ saldu tat-titoli li jużaw arranġamenti ta’ netting, irrispettivament minn jekk dawk is-CSDs jipprovdux servizzi anċillari ta’ tip bankarju jew le. Minħabba n-natura teknika tar-rekwiżit addizzjonali applikabbli għal tali sistemi skont ir-regolament propost, dan ir-rekwiżit jista’ jiġi spjegat aktar fl-istandards tekniċi regolatorji, li għalihom il-BĊE jinsab lest li jikkontribwixxi.

6.   Inadempjenza

6.1

Huwa ta’ benefiċċju li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ inadempjenza fis-CSDR (15), li bħalissa hija limitata għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza kontra parteċipant f’sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma minn CSD (minn hawn ’il quddiem “il-parteċipant tas-CSD”). Għal dak il-għan, id-definizzjoni tista’ tiġi allinjata mad-definizzjoni stabbilita fil-PFMIs (16) (17), li tirreferi għal avvenimenti speċifikati fir-regoli interni tas-CSD bħala li jikkostitwixxu inadempjenza, inklużi avvenimenti relatati ma’ nuqqas li jiġi kkompletat trasferiment ta’ assi skont it-termini u r-regoli tas-sistema kkonċernata.

6.2

Huwa ta’ importanza kruċjali li meta parteċipant ta’ CSD ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu meta dawn isiru dovuti, għal kwalunkwe raġuni, is-CSD rilevanti jkun jista’ jieħu azzjoni minnufih biex irażżan it-telf u jillimita l-pressjonijiet tal-likwidità. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jkun jixtieq jirrifletti fuq kjarifika li tgħid li CSD għandu l-possibbiltà li jiddetermina avvenimenti addizzjonali li jikkostitwixxu inadempjenza minn parteċipant ta’ CSD, fejn ir-regoli u l-proċeduri ta’ ġestjoni tal-inadempjenza msemmija fis-CSDR ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw avvenimenti materjali li jistgħu jseħħu f’sistema.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f'dokument ta' ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta' spjegazzjoni f'dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Lulju 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2022) 120 final.

(2)  Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014. p. 1).

(3)  Ir-referenza hija għax-xogħol seminali tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja bit-titolu “Reducing the moral hazard posed by systemically important financial institutions - FSB Recommendations and Time Lines” (Tnaqqis tal-perikolu morali kkawżat minn istituzzjonijiet finanzjarji sistemikament importanti - Rakkomandazzjonijiet tal-FSB u Skedi ta’ Żmien”, 20 ta’ Ottubru 2010, disponibbli fuq is-sit web tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja fuq www.fsb.org

(4)  Ara l-paragrafu 4.1 tal-Opinjoni CON/2017/39. L-Opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fuq EUR-Lex.

(5)  Ara l-Artikolu 2 tar-regolament propost.

(6)  Ara l-Artikolu 1(2)(b) tar-regolament propost.

(7)  Pereżempju, is-CSDs jiddepożitaw il-bilanċi twal tal-flus tagħhom f’kontijiet ma’ banek ċentrali, jorganizzaw il-finanzjament u d-definanzjament tal-attività ta’ saldu tagħhom permezz ta’ trasferimenti permezz ta’ kontijiet b’sistemi ta’ ħlas operati minn banek ċentrali, u jirrikorru għal faċilitajiet ta’ kreditu tal-bank ċentrali bħala sors ewlieni ta’ riżorsi likwidi kwalifikanti.

(8)  Ara l-Artikolu 1(9) tar-regolament propost.

(9)  L-Artikolu 19(5) tas-CSDR jipprevedi trattament speċjali ta’ tali konnessjonijiet interoperabbli.

(10)  Ara l-premessa 25 tar-regolament propost.

(11)  Pereżempju, depożiti fl-istess jum/mil-lum għall-għada tal-parteċipanti tas-CSDs tal-utent f’kontijiet ma’ CSD bankarju jeħtieġ li jiġu investiti mill-ġdid, li jwassal għal skoperturi għar-riskju. L-estensjoni tal-kreditu fl-istess jum tista’ tirriżulta f’riskju ta’ kreditu u likwidità f’każ li parteċipant wieħed jew aktar ta’ CSDs mhux bankarji ma jirrimborżawx l-ammonti meta jkunu dovuti. Il-linji ta’ kreditu pprovduti f’diversi muniti mis-CSD bankarju jirrappreżentaw ukoll sors ta’ riskji tas-suq, tal-kreditu u tal-likwidità. Il-ħlasijiet ta’ kupuni jew tifdijiet ta’ titoli maħruġa permezz ta’/miżmuma permezz tas-CSD tal-utent jiġġeneraw ukoll skoperturi tar-riskju fl-istess jum jew mil-lum għall-għada għas-CSD bankarju.

(12)  Ara l-Kapitolu III, it-Taqsima 2 tas-CSDR dwar l-aċċess bejn is-CSDs.

(13)  Ara l-Artikolu 1(19)(a)(iii) tar-regolament propost.

(14)  Ara l-Prinċipji CPSS-IOSCO għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji disponibbli fuq is-sit web tal-BIS fuq www.bis.org.

(15)  Ara l-Artikolu 2(26) tas-CSDR.

(16)  Skont l-Anness H tal-PFMIs: “inadempjenza – Avveniment stipulat fi ftehim li jikkostitwixxi inadempjenza. Ġeneralment, tali avvenimenti huma relatati ma’ nuqqas li jiġi kkompletat trasferiment ta’ fondi jew titoli skont it-termini u r-regoli tas-sistema inkwistjoni.”

(17)  F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li l-premessa 6 tas-CSDR tissottolinja l-importanza li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-leġiżlazzjoni relatata mas-CSDR u l-istandards internazzjonali.