25.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 210/15


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Frar 2022

dwar proposta għal direttiva u regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

(CON/2022/5)

(2022/C 210/06)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-8, l-14 u l-20 ta’ Ottubru 2021 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talbiet mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (1) (iktar ’il quddiem il-“KĦFR1”) u proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (2) (iktar ’il quddiem l-“KĦFD6”).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282 (5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea peress li r-regolament u d-direttiva proposti fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompitu bażiku tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) li timplimenta l-politika monetarja tal-Unjoni skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat, il-kompitu bażiku tas-SEBĊ li tippromwovi l-operat bla xkiel tas-sistemi ta’ ħlas skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 127(2) tat-Trattat, il-kompiti tal-BĊE li jikkonċernaw is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat, l-istatus ta’ valuta legali tal-karti tal-flus tal-euro bis-saħħa tal-Artikolu 128(1) tat-Trattat, u l-kontribuzzjoni tas-SEBĊ għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont l-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet Ġenerali

1.   Ħarsa ġenerali u rimarki introduttorji

1.1.

Din l-Opinjoni tindirizza l-KĦFR1 u l-KĦFD6, li jiffurmaw parti minn pakkett ta’ erba’ proposti leġiżlattivi ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea fl-20 ta’ Lulju 2021 bil-għan li jissaħħu r-regoli tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (KĦF) u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (KFT) (KĦF/KFT). Opinjonijiet separati tal-BĊE jindirizzaw iż-żewġ proposti leġiżlattivi li fadal: (a) il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) 1094/2010, (UE) 1095/2010 (3) (aktar ’il quddiem il-“KĦFAR”), u (b) il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ċerti kriptoassi (riformulazzjoni) (4).

1.2.

Il-BĊE jilqa’ din l-inizjattiva. B’mod konsistenti mal-opinjonijiet preċedenti tal-BĊE dwar proposti leġiżlattivi relatati (5) mal-KĦF/KFT, il-BĊE jappoġġa bis-sħiħ reġim tal-Unjoni li jiżgura li l-Istati Membri, l-awtoritajiet u l-korpi tal-Unjoni, kif ukoll l-entitajiet marbutin b’obbligu fl-Unjoni, ikollhom għodod effettivi biex jiġġieldu l-użu ħażin tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-ħasil tal-flus (ĦF) u l-finanzjament tat-terroriżmu (FT).

1.3.

Il-qafas tal-KĦF/KFT tal-Unjoni jaffettwa l-kompiti mwettqa mill-BĊE fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (6), kif ukoll il-kompiti skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat li jaqgħu fil-mandat bankarju ċentrali tiegħu. Jirrigwarda wkoll lill-BĊE minn perspettiva istituzzjonali.

1.4.

L-ewwel nett, il-kompitu ta’ superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ĦF jew FT ma ngħatax lill-BĊE. Dan huwa eskluż mill-Artikolu 127(6) tat-Trattat li jillimita b’mod ċar il-kompiti li jistgħu jingħataw lill-BĊE għal kompiti superviżorji prudenzjali. Madankollu, huwa importanti li jiġu kkunsidrati l-eżiti tas-superviżjoni tal-KĦF/KFT fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti superviżorji prudenzjali tal-BĊE. B’mod partikolari, ir-riskju tal-użu tas-sistema finanzjarja għal ĦF jew FT huwa rilevanti għad-deċiżjonijiet superviżorji prudenzjali tal-BĊE rigward l-akkwist ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti f’entitajiet taħt superviżjoni, għoti u rtirar ta’ awtorizzazzjonijiet lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u valutazzjonijiet ta’ idonejtà ta’ maniġers eżistenti jew prospettivi ta’ entitajiet taħt superviżjoni, kif ukoll għas-superviżjoni ta’ kuljum fil-kuntest tal-proċess superviżorju ta’ reviżjoni u valutazzjoni. Ksur serju tar-rekwiżiti tal-KĦF/KFT jista’ jaffettwa b’mod negattiv ir-reputazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu u b’hekk joħloq riskju għall-vijabbiltà tagħha. Ksur bħal dan jista’ jwassal ukoll għal sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali sinifikanti li jiġu imposti fuq entitajiet taħt superviżjoni u l-persunal tagħhom. F’ċerti każijiet, ksur serju tar-rekwiżiti ta’ KĦF/KFT jista’ jiskatta direttament il-ħtieġa tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu. Is-superviżjoni effettiva tal-KĦF/KFT kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji prudenzjali u tal-KĦF/KFT huma għalhekk essenzjali (7). L-emendi għad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u għad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) f’dawn l-aħħar snin kif ukoll il-ħidma tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej wasslu għall-istabbiliment ta’ proċessi li jiffaċilitaw dan l-iskambju ta’ informazzjoni, li sar parti integrali mill-ħidma tal-BĊE relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

1.5.

Barra minn hekk, il-BĊE jinsab fil-pożizzjoni li jaġixxi bħala kontroparti għal għadd ta’ entitajiet marbutin b’obbligu meta jwettaq operazzjonijiet tas-suq fi ħdan il-mandat bankarju ċentrali tiegħu. Il-BĊE huwa għalhekk suġġett għall-proċeduri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti li l-entitajiet marbutin b’obbligu huma meħtieġa jwettqu fir-rigward tal-klijenti tagħhom f’konformità mal-oqfsa applikabbli tal-KĦF/KFT.

Osservazzjonijiet speċifiċi

2.   Definizzjoni ta’ entitajiet marbutin b’obbligu

2.1.

Il-KĦFR1 (10) fih lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu għall-fini tal-KĦFR1, l-KĦFD6, u l-KĦFAR. B’mod konsistenti mad-Direttivi KĦF (11) preċedenti, il-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu ma tinkludix il-banek ċentrali. Il-BĊE jinnota li l-banek ċentrali ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-kategoriji ta’ entitajiet marbutin b’obbligu fi ħdan il-KĦFR1, bħal istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji, peress li dawn it-termini jintużaw separatament mill-banek ċentrali fit-Trattat u fl-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“l-Istatut tas-SEBĊ”). Barra minn hekk, l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jirregolaw l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u operaturi oħra tas-swieq finanzjarji, pereżempju r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), id-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) fihom dispożizzjonijiet espliċiti li jiċċaraw li l-banek ċentrali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Peress li l-qafas tal-KĦF/KFT tal-Unjoni, permezz tal-KĦFR1, miexi lejn regolament li se jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, jista’ jkun utli jekk dan il-fehim dwar l-istatus tal-banek ċentrali tas-SEBĊ jiġi kkonfermat mill-koleġiżlaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompiti mwettqa mill-banek ċentrali tas-SEBĊ skont it-Trattati. Fir-rigward ta’ attivitajiet ulterjuri li jistgħu jitwettqu minn xi banek ċentrali nazzjonali (BĊN) tas-SEBĊ, il-BĊE jifhem li meta l-Istati Membri jqisu li attivitajiet speċifiċi mwettqa minn xi BĊN, pereżempju billi jipprovdu kontijiet kurrenti lill-membri tal-persunal tagħhom, għandhom ikunu suġġetti għall-istess rekwiżiti kif stabbiliti fl-KĦFR1, jew għal subsett rilevanti tagħhom, huma jżommu l-possibbiltà li jiksbu dan permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali.

3.   Aspetti superviżorji prudenzjali

3.1.   Definizzjonijiet

3.1.1.

Il-KĦFR1 jiddefinixxi t-terminu “superviżur” bħala korp fdat b’responsabbiltajiet immirati biex jiżguraw il-konformità mill-entitajiet marbutin b’obbligu mar-rekwiżiti tal-KĦFR1 (15). Huwa jiddefinixxi wkoll it-terminu “awtorità kompetenti”, li jinkludi, inter alia, awtorità pubblika b’responsabbiltajiet deżinjati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (16). Ċerti kompiti superviżorji prudenzjali jinkludu elementi relatati mal-KĦF/KFT fejn, madankollu, is-superviżuri prudenzjali, inkluż il-BĊE, jeħtieġ li jiddependu fuq il-valutazzjonijiet tar-riskji tal-ĦF/FT, l-identifikazzjoni tal-ksur tar-rekwiżiti tal-KĦF/KFT jew kontribut ieħor ipprovdut mill-awtoritajiet superviżorji tal-KĦF/KFT. Għaldaqstant, il-KĦFAR (17) jikklassifika ż-żewġ awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali skont id-Direttiva 2013/36/UE u l-BĊE, meta jwettaq il-kompiti tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, bħala “awtoritajiet mhux KĦF/KFT”. Il-BĊE għalhekk jifhem li la t-terminu “superviżur” u lanqas it-terminu “awtorità kompetenti” fil-KĦFR1 ma huma intiżi li jinkludu l-BĊE jew awtoritajiet superviżorji prudenzjali oħra.

3.2.   Funzjoni tal-konformità fl-entitajiet marbutin b’obbligu

3.2.1.

Il-KĦFR1 (18) jiddefinixxi żewġ kategoriji ta’ maniġers anzjani bħala responsabbli għall-konformità mal-KĦF/KFT tal-entitajiet marbutin b’obbligu: “maniġer tal-konformità” u “uffiċjal tal-konformità”. Il-maniġer tal-konformità għandu jkun membru eżekuttiv tal-bord tad-diretturi (jew korp governattiv ekwivalenti) tal-entità marbuta b’obbligu, u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri tal-entità marbuta b’obbligu biex tiġi żgurata l-konformità mal-KĦFR1, u biex jirċievi informazzjoni dwar dgħufijiet sinifikanti jew materjali f’tali politiki, kontrolli u proċeduri. Din id-dispożizzjoni telabora dwar id-dispożizzjoni attwalment stabbilita fid-Direttiva (UE) 2015/849 (19), li fiha t-terminu “bord ta’ tmexxija”. Id-dispożizzjoni l-ġdida hija proposta fi ħdan l-KĦFR1, li, bħala regolament, mhux se tiġi trasposta fil-liġijiet nazzjonali bl-użu tat-termini korrispondenti li jeżistu f’dawk il-liġijiet. Għaldaqstant huwa ssuġġerit li għandu jintuża t-terminu aktar ġenerali “korp ta’ tmexxija”, minflok il-formulazzjoni “bord tad-diretturi [...] jew, jekk ma jkun hemm l-ebda bord, tal-korp ta’ tmexxija ekwivalenti”. It-terminu “korp ta’ tmexxija” jintuża f’għadd ta’ atti tal-Unjoni li jirregolaw l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, bħad-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) (li fiha t-terminu “korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju”), id-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 (21), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) (li l-aktar tuża t-terminu “korp amministrattiv jew il-korp tat-tmexxija”). Għalhekk, il-KĦFR1 jista’ jiġi emendat biex jiddikjara li l-maniġer tal-konformità għandu jkun membru eżekuttiv tal-“korp tat-tmexxija”.

3.2.2.

Il-KĦFR1 jipprovdi li l-maniġer tal-konformità għandu jirrapporta regolarment lill-bord tad-diretturi jew korp governattiv ekwivalenti. F’impriżi omm, dik il-persuna għandha tkun responsabbli wkoll biex tissorvelja l-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri tal-grupp kollu. Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-korp ta’ tmexxija jadotta d-deċiżjonijiet b’mod kollettiv, u huwa responsabbli, fost l-oħrajn, għall-approvazzjoni u r-reviżjoni tal-istrateġiji u l-politiki għat-teħid, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tar-riskji li l-istituzzjoni hija jew tista’ tkun esposta għalihom (23). Għalhekk, il-KĦFR1 jenħtieġ li jiċċara li l-ħatra tal-maniġer tal-konformità ma taffettwax ir-responsabbiltà kollettiva tal-korp tat-tmexxija skont atti oħra tal-Unjoni.

3.2.3.

Il-KĦFR1 (24) jirrikjedi li l-uffiċjal tal-konformità jinħatar mill-bord tad-diretturi jew mill-korp ta’ tmexxija tal-entità taħt superviżjoni, u għandu jkun responsabbli għall-operat ta’ kuljum tal-politiki dwar l-KĦF/KFT tal-entità marbuta b’obbligu, kif ukoll jirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi lill-unità tal-intelligence finanzjarja. L-uffiċjal tal-konformità se jkun membru tal-maniġment anzjan tal-entità marbuta b’obbligu (25). Il-BĊE jifhem li fi ħdan l-istituzzjonijiet ta’ kreditu l-uffiċjal tal-konformità u l-maniġer tal-konformità se jiffurmaw parti mill-funzjonijiet ta’ kontroll intern li se jkollhom jiġu eżerċitati f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE, interpretati fid-dawl tal-linji gwida applikabbli tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) (26). Dan jimplika, inter alia, indipendenza min-naħa tal-maniġer tal-konformità u l-uffiċjal tal-konformità, limiti fuq il-kombinazzjoni tal-funzjonijiet tagħhom ma’ funzjonijiet oħra fi ħdan l-istituzzjoni ta’ kreditu, riżorsi suffiċjenti għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, u aċċess għall-korp tat-tmexxija.

3.2.4.

Il-KĦFR1 jiddikjara wkoll li fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu suġġetti għal kontrolli fuq il-maniġment anzjan tagħhom skont atti oħra tal-Unjoni, l-uffiċjali tal-konformità għandhom ikunu suġġetti għal verifika li jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti. Il-BĊE jifhem li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għar-rekwiżiti stabbiliti f’atti oħra tal-Unjoni u ma tistabbilixxi l-ebda rekwiżit addizzjonali għal verifika tal-adegwatezza ta’ uffiċjal tal-konformità jew maniġer tal-konformità. Dan jimplika li huwa biss meta atti oħra tal-Unjoni jkunu diġà jeħtieġu li l-uffiċjal tal-konformità jew il-maniġer tal-konformità jkunu suġġetti għal verifika tal-adegwatezza li titwettaq il-verifika, skont dawk l-atti l-oħra tal-Unjoni. Ikun rakkomandabbli li jiġu ċċarati diversi regoli prattiċi għal sitwazzjonijiet meta l-verifika tal-adegwatezza ta’ uffiċjal tal-konformità jew maniġer tal-konformità titwettaq minn awtorità li mhijiex superviżur tal-KĦF/KFT. L-ewwel, jenħtieġ li jiġi żgurat li f’sitwazzjoni bħal din, is-superviżuri tal-KĦF/KFT rispettivi jipprovdu lil dik l-awtorità bi kwalunkwe kontribut meħtieġ, fi ħdan il-kompetenza superviżorja tagħhom u jinvolvu ruħhom ma’ awtoritajiet oħra tal-KĦF/KFT kif meħtieġ. Pereżempju, jekk l-awtoritajiet superviżorji prudenzjali jkollhom il-kompitu li jwettqu l-valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ uffiċjal tal-konformità jew maniġer tal-konformità, huma tipikament ikunu kapaċi jivvalutaw uħud mill-kriterji ta’ adegwatezza, bħar-reputazzjoni, l-onestà u l-integrità tal-individwu kkonċernat. Madankollu, fir-rigward ta’ kriterji oħra, bħal jekk l-individwu għandux għarfien, ħiliet u esperjenza adegwati biex iwettaq il-funzjoni ta’ uffiċjal tal-konformità jew maniġer tal-konformità, is-superviżuri tal-KĦF/KFT ikollhom l-għarfien espert u l-informazzjoni meħtieġa. It-tieni, meta wieħed iqis is-sinifikat tal-kontribut tas-superviżuri tal-KĦF/KFT fil-verifika tal-adegwatezza, u r-rilevanza tal-maniġers tal-konformità u tal-uffiċjali tal-konformità għall-mandat tas-superviżuri tal-KĦF/KFT stabbilit fil-KĦFR1 (27), is-superviżuri tal-KĦF/KFT jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jipprevjenu lil persuna, li ma jqisux li għandha l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa, milli teżerċita l-funzjoni ta’ maniġer tal-konformità jew ta’ uffiċjal tal-konformità, anki meta l-verifika ġenerali tal-adegwatezza titwettaq minn awtorità oħra. Madankollu, kif persuni maħtura jistgħu jiġu nnominati biex iwettqu funzjonijiet multipli fi ħdan l-entità marbuta b’obbligu, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-pożizzjoni negattiva tas-superviżur tal-KĦF/KFT fir-rigward tal-funzjonijiet tal-maniġer tal-konformità jew tal-uffiċjal tal-konformità ma taffettwax il-possibbiltà li l-awtorità responsabbli għall-verifika ġenerali tal-adegwatezza tagħti deċiżjoni pożittiva fir-rigward ta’ kwalunkwe funzjoni oħra tal-persuni maħtura. Għal dan il-għan, għandu jiġi ċċarat ukoll li l-kompiti tal-maniġer tal-konformità msemmija fl-KĦFR1 (28) jikkonċernaw biss li tiġi żgurata l-konformità mal-KĦFR1. It-tielet, peress li l-valutazzjonijiet tal-adegwatezza huma suġġetti għal skadenzi stretti, għandu jiġi speċifikat li l-kontribut tas-superviżur tal-KĦF/KFT fil-verifika ġenerali tal-adegwatezza jeħtieġ li jiġi pprovdut fi żmien xieraq. F’dan ir-rigward huwa ssuġġerit ukoll li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn ma tiġi pprovduta l-ebda valutazzjoni mis-superviżur tal-KĦF/KFT sal-iskadenza. Ir-raba’, peress li l-awtorità responsabbli għall-verifika ġenerali tal-adegwatezza se tiddependi bis-sħiħ fuq il-kontribut tas-superviżur tal-KĦF/KFT fir-rigward tal-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza tal-persuna maħtura, huwa ssuġġerit li l-valutazzjoni tas-superviżuri tal-KĦF/KFT jenħtieġ li ssir parti mid-deċiżjoni tal-awtorità li twettaq il-verifika ġenerali tal-adegwatezza. Il-ħames, huwa rrakkomandat ukoll li l-linji gwida dwar il-kooperazzjoni tal-KĦF/KFT previsti fl-KĦFD6 (29) jinkludu wkoll modalitajiet prattiċi ta’ kif is-superviżuri tal-KĦF/KFT se jikkooperaw mal-BĊE u mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, fil-proċess ta’ verifiki tal-adegwatezza tal-maniġers tal-konformità u tal-uffiċjali tal-konformità, u jistabbilixxu skadenzi speċifiċi li fihom għandu jiġi pprovdut il-kontribut tas-superviżuri tal-KĦF/KFT fil-verifiki tal-adegwatezza.

3.3.   Setgħat tas-superviżuri tal-KĦF/KFT li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi

3.3.1.

Il-KĦFD6 tiddefinixxi firxa wiesgħa ta’ sanzjonijiet u miżuri amministrattivi disponibbli għas-superviżuri tal-KĦF/KFT (30) li jistgħu, f’xi sitwazzjonijiet, jikkoinċidu jew jinterferixxu ma’ sanzjonijiet u miżuri imposti minn awtoritajiet superviżorji oħra, inkluż il-BĊE meta jwettaq il-kompiti tiegħu skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Għal dik ir-raġuni, huwa ssuġġerit li għandu jinħoloq mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni xieraq bejn is-superviżuri tal-KĦF/KFT u l-awtoritajiet l-oħra kkonċernati, inklużi s-superviżuri prudenzjali. Tali arranġamenti jistgħu jappoġġaw lill-awtoritajiet fl-ippjanar u l-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet u miżuri u jevitaw kwalunkwe kunflitt mhux intenzjonat fl-effetti tagħhom. Fuq medda itwal ta’ żmien, se jkun importanti li jiġu ċċarati aktar l-aspetti prattiċi tal-proċessi ta’ koordinazzjoni permezz ta’ linji gwida (jew dokument regolatorju ieħor) biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet ikkonċernati jkunu jistgħu jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa fi skadenzi li spiss ikunu qosra u li huma stabbiliti b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni. Dan huwa rilevanti wkoll għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-adegwatezza (ara l-paragrafu 3.2.4). Barra minn hekk, meta l-KĦF/KFT u l-awtoritajiet prudenzjali jkunu fdati bl-istess setgħat superviżorji jew b’setgħat superviżorji simili, jenħtieġ li l-linji gwida jiżguraw li f’kull każ is-setgħat jiġu eżerċitati mill-awtorità li tkun fl-aħjar pożizzjoni biex tapplikahom f’dak il-każ speċifiku. Peress li l-iżvilupp ta’ tali linji gwida jista’ jirrikjedi kooperazzjoni bejn l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-EBA (u possibbilment ukoll l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), il-BĊE ssuġġerixxa dispożizzjonijiet speċifiċi li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni ta’ dawk l-awtoritajiet dwar l-iżvilupp ta’ prodotti regolatorji fl-opinjoni separata tiegħu dwar l-KĦTAR.

3.3.2.

Is-setgħat proposti għas-superviżuri tal-KĦF/KFT fil-KĦFD6 jinkludu wkoll is-setgħa li jirtiraw jew jissospendu l-awtorizzazzjonijiet ta’ entitajiet marbutin b’obbligu u li jimponu projbizzjoni temporanja li tipprevjeni lil kwalunkwe persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali f’entità marbuta b’obbligu milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali f’entitajiet marbutin b’obbligu (31). Madankollu, f’ħafna każijiet l-awtorità li hija kompetenti għall-għoti u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għad-diversi tipi ta’ entitajiet marbutin b’obbligu, jew għal deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza tal-membri tal-korpi maniġerjali jew tad-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin tagħhom, hija differenti mis-superviżur tal-KĦF/KFT. Barra minn hekk, il-kompetenza li jingħataw u jiġu rtirati l-awtorizzazzjonijiet jew li jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza tista’ tiġi rregolata minn atti leġiżlattivi ħlief għall-leġiżlazzjoni KĦF/KFT. Pereżempju, l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Unjoni huwa rregolat primarjament skont id-Direttiva 2013/36/UE u, għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, il-BĊE ġie fdat bil-kompetenza esklużiva li jagħti u jirtira l-awtorizzazzjonijiet. Barra minn hekk, dawn l-atti leġiżlattivi jistgħu ma jirrikonoxxux il-possibbiltà li tiġi sospiża l-awtorizzazzjoni: dan huwa l-każ, pereżempju, skont id-Direttiva 2013/36/UE. Il-BĊE jinnota li dawn id-dispożizzjonijiet bħalissa jinsabu fid-Direttiva (UE) 2015/849 u li, fir-rigward ta’ xi entitajiet marbutin b’obbligu, is-superviżuri tal-KĦF/KFT jista’ jkollhom is-setgħa li jagħtu u jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet. Madankollu, sabiex jiġi rifless li f’xi sitwazzjonijiet is-setgħa esklużiva li jiġu rtirati l-awtorizzazzjonijiet tal-entitajiet marbutin b’obbligu tiġi eżerċitata minn awtoritajiet oħra għajr is-superviżuri tal-KĦF/KFT u sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tas-setgħat superviżorji f’sitwazzjonijiet oħra, jenħtieġ li jiġi ċċarat li meta s-setgħa li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni, jew li tittieħed azzjoni oħra fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ entità marbuta b’obbligu, is-superviżuri tal-KĦF/KFT ikollhom biss il-possibbiltà li jipproponu rtirar jew azzjoni oħra fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni lill-awtorità li hija kompetenti biex tieħu tali azzjoni. Bl-istess mod, meta d-deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza tal-membri tal-korp maniġerjali jew tad-detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin ikunu fil-kompetenza ta’ awtorità oħra, il-KĦFD6 għandha tispeċifika li s-superviżuri tal-KĦF/KFT għandhom is-setgħa li jipproponu l-adozzjoni tad-deċiżjoni lil awtorità li tkun kompetenti biex tieħu tali azzjoni. Din il-formulazzjoni tkun ukoll allinjata aktar mill-qrib mal-formulazzjoni proposta mill-Kummissjoni fil-KĦFAR (32).

3.3.3.

Il-KĦFD6 tistabbilixxi li jistgħu jiġu imposti miżuri amministrattivi li ma jkunux sanzjonijiet fir-rigward ta’ ksur identifikat li ma jitqiesx serju biżżejjed biex jiġi kkastigat b’sanzjoni amministrattiva (33). Madankollu, uħud mill-miżuri amministrattivi elenkati fl-KHFD6 jista’ jkollhom impatt aktar sever fuq entità marbuta b’obbligu minn sanzjonijiet amministrattivi. Il-limitazzjoni tal-miżuri amministrattivi, għajr is-sanzjonijiet, għal ksur inqas serju tista’ tillimita l-awtoritajiet tal-KĦF/KFT fl-għażla tagħhom tal-aktar rispons superviżorju xieraq għall-ksur tar-rekwiżiti tal-KĦFR1. Huwa għalhekk issuġġerit li din il-formulazzjoni għandha titneħħa mill-KĦFD6. L-allinjament tal-formulazzjonijiet fl-Artikolu 41(1) tal-KĦFD6 u l-Artikolu 20(1) tal-KĦFAR jista’ jiġi kkunsidrat ukoll. Filwaqt li l-ewwel dispożizzjoni tirrikjedi li s-superviżuri tal-KĦF/KFT ikollhom is-setgħat elenkati fiha meta jidentifikaw ksur tal-KĦFR1, din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija usa’ u tipprevedi li l-KĦFA se jkollha setgħat superviżorji anki f’każijiet ta’ ksur probabbli tal-KĦFR1 u f’sitwazzjonijiet fejn l-arranġamenti implimentati mill-entità marbuta b’obbligu magħżula ma jiżgurawx ġestjoni tajba tar-riskji tagħha. Meta dawn id-dispożizzjonijiet jiġu allinjati, għandu jiġi żgurat ukoll li, fejn il-KĦFD6 u l-KĦFAR jorbtu s-setgħat superviżorji man-nuqqasijiet fil-ġestjoni tar-riskji mill-entitajiet marbutin b’obbligu, huwa speċifikat li dan jappartjeni biss għar-riskji ĦT/FT u mhux għal riskji oħra, sabiex jiġu minimizzati kunflitti potenzjali mal-leġiżlazzjoni prudenzjali.

3.4.   Kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet

3.4.1.

Il-KĦFD6 tiddefinixxi l-obbligi tas-segretezza professjonali tas-superviżuri tal-KĦF/KFT tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji (iktar ’il quddiem kollettivament imsejħa “superviżuri finanzjarji tal-KĦF/KFT”), filwaqt li tintroduċi eżenzjonijiet fejn is-superviżuri finanzjarji tal-KĦF/KFT se jkunu awtorizzati jipprovdu informazzjoni kunfidenzjali lil awtoritajiet oħra (34). Dawn id-dispożizzjonijiet ma jidhrux li jawtorizzaw l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali ma’ għadd ta’ tipi ta’ awtoritajiet, anki jekk tali skambju jista’ jkun meħtieġ fil-prattika. Pereżempju, filwaqt li l-KĦFD6 tirrikjedi li s-superviżuri tal-KĦF/KFT jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti (35) u mal-awtoritajiet tat-taxxa (36), l-awtorizzazzjoni biex tiġi pprovduta informazzjoni kunfidenzjali lil dawk l-awtoritajiet tidher li tiddependi fuq jekk l-Istati Membri jagħżlux li jippermettu tali skambju (37). Sabiex il-lista ta’ eżenzjonijiet mir-rekwiżit tas-segretezza professjonali ġenerali skont il-KĦFD6 (38) issir aktar komprensiva, jista’ jitwettaq stħarriġ tas-superviżuri tal-KĦF/KFT biex jiġu stabbiliti t-tipi ta’ awtoritajiet li magħhom fil-prattika jikkondividu (jew jeħtieġ li jikkondividu) informazzjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, jistgħu jiġu kkunsidrati interazzjonijiet possibbli ma’ awtoritajiet oħra skont ir-regolament propost dwar is-swieq fil-kriptoassi (39) (iktar ’il quddiem ir-“regolament MiCA propost”). Barra minn hekk,il-KĦFD6 ma tidhirx li tistabbilixxi rekwiżit ta’ segretezza professjonali għas-superviżuri tal-KĦF/KFT ta’ entitajiet marbutin b’obbligu ħlief għal istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji (iktar ’il quddiem kollettivament imsejħa “superviżuri mhux finanzjarji tal-KĦF/KFT”). Mhuwiex ċar jekk f’sitwazzjoni bħal din is-superviżuri finanzjarji u mhux finanzjarji tal-KĦF/KFT jistgħux jikkooperaw b’mod effettiv ma’ xulxin u ma’ awtoritajiet oħra.

3.4.2.

Il-KĦFD6 tirrikjedi li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri prudenzjali u finanzjarji tal-KĦF/KFT ikun soġġett għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali stabbiliti fl-KĦFD6 (40). Peress li r-reġim ta’ segretezza professjonali li għalih huma suġġetti l-awtoritajiet superviżorji prudenzjali huwa rregolat f’atti oħra tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward tas-superviżuri prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, huwa ssuġġerit li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-KĦFD6 għandhom jiġu emendati sabiex ikopru wkoll rekwiżiti ekwivalenti ta’ segretezza professjonali. Barra minn hekk, huwa propost li dan ir-rekwiżit għandu japplika wkoll għall-iskambji ta’ informazzjoni ma’ awtoritajiet oħra elenkati fil-KĦFD6 (41), biex jiġi żgurat trattament konsistenti tal-informazzjoni kondiviża, irrispettivament minn liema awtoritajiet huma involuti fl-iskambju. Dawn l-emendi jkunu kompatibbli mas-soluzzjoni proposta f’dispożizzjonijiet oħra tal-KĦFD6 u adottati mil-leġiżlaturi (42) fid-Direttiva 2013/36/UE (43).

3.4.3.

Il-KĦFD6 ma tidhirx li tawtorizza lis-superviżuri tal-KĦF/KFT jikkondividu l-informazzjoni mal-banek ċentrali (44). L-informazzjoni li superviżur tal-KĦF/KFT biħsiebu jimponi sanzjoni amministrattiva sostanzjali fuq istituzzjoni ta’ kreditu (45), jew li jipproponi li jirtira awtorizzazzjoni f’konformità mal-KĦFD6 (46), tista’ tkun informazzjoni importanti għal bank ċentrali. Huwa ssuġġerit li awtorizzazzjoni korrispondenti għall-iskambju ta’ informazzjoni għandha tiżdied mal-KĦFD6, tal-inqas għas-superviżuri finanzjarji tal-KĦF/KFT. Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-banek ċentrali jistgħu jużaw l-informazzjoni li jirċievu għall-kompiti tagħhom.

3.4.4.

Il-KĦFD6 ma tidhirx li tippermetti lis-superviżuri mhux finanzjarji tal-KĦF/KFT jikkondividu informazzjoni kunfidenzjali mas-superviżuri prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji. Tali skambju jista’ jkun iġġustifikat meta entitajiet marbutin b’obbligu ħlief għal istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji, bħal fornituri ta’ self ipotekarju jew ta’ kreditu għall-konsumatur (47), jiffurmaw parti minn grupp li jinkludi wkoll istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji. Huwa għalhekk issuġġerit li tali awtorizzazzjoni għandha tiżdied.

3.5.   It-twettiq tad-diliġenza dovuta mal-klijent f’sitwazzjonijiet fejn jiġi ddeterminat li istituzzjoni qed tfalli jew x’aktarx tfalli

3.5.1.

Il-KĦFR1 jirrikjedi li, fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-prestazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-klijenti trid isseħħ ukoll taħt is-sorveljanza tas-superviżuri tal-KĦF/KFT fil-mument li istituzzjoni tkun ġiet iddeterminata li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48) jew meta d-depożiti ma jkunux disponibbli f’konformità mad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (49). F’każijiet bħal dawn, is-superviżuri għandhom jiddeċiedu dwar l-intensità u l-ambitu ta’ tali diliġenza dovuta mal-klijent wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-istituzzjoni ta’ kreditu (50). It-twettiq ta’ eżerċizzju bħal dan fir-rigward tal-klijenti kollha tal-istituzzjoni jew parti sostanzjali minnhom jista’ jkun relattivament ta’ piż u jieħu ammont sinifikanti ta’ żmien, b’mod partikolari jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu tkun naqset milli tiġbor l-informazzjoni rilevanti mill-klijenti tagħha. Huwa għalhekk issuġġerit li għandu jiġi speċifikat li tali diliġenza dovuta mal-klijent għandha titwettaq biss fejn meħtieġ.

4.   Limitu għal ħlasijiet fi flus kontanti

4.1.

Il-KĦFR1 jintroduċi projbizzjoni fuq persuni li jinnegozjaw f’oġġetti u jipprovdu servizzi li jaċċettaw jew jagħmlu ħlasijiet fi flus kontanti li jaqbżu l-EUR 10 000 jew l-ammont ekwivalenti f’muniti oħra. Tippermetti wkoll lill-Istati Membri jżommu limiti aktar baxxi jew, wara konsultazzjoni mal-BĊE, jadottaw limiti aktar baxxi (51). L-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni se teskludi l-użu ta’ karti tal-flus tal-euro għal tranżazzjonijiet minn konsumatur ma’ negozju u minn negozju ma’ negozju ’l fuq mil-limitu indikat.

4.2.

Skont it-Trattat, il-BĊE għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus tal-euro fl-Unjoni (52). Il-karti tal-flus tal-euro maħruġa mill-BĊE u mill-BĊN taż-żona tal-euro huma l-uniċi karti tal-flus bi status ta’ valuta legali fiż-żona tal-euro (53). L-użu tal-uniku mezz ta’ ħlas bi status ta’ valuta legali stabbilit fid-dritt primarju għalhekk isir illegali ’l fuq mil-limitu indikat mill-projbizzjoni maħsuba. Huwa f’idejn il-leġiżlatur tal-Unjoni li jaċċerta li din il-projbizzjoni ma tinterferixxix bla bżonn mad-dritt fundamentali għall-proprjetà kif previst fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (54). F’dan il-kuntest, il-BĊE jinnota li d-dritt għall-proprjetà mhuwiex dritt assolut iżda jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skont il-kundizzjonijiet previsti mil-liġi. F’opinjonijiet preċedenti, il-BĊE rrikonoxxa l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus bħala li hija fl-interess pubbliku (55). Huwa importanti li tali restrizzjonijiet ikunu bbażati fuq l-evidenza u jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri jkunu xierqa biex jintlaħaq l-għan leġittimu u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ (56).

4.3.

Il-kunċett ta’ “valuta legali” ġie kkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-kunċett ta’ “valuta legali” ta’ mezz ta’ ħlas denominat f’unità monetarja jfisser li dan il-mezz ta’ ħlas ġeneralment ma jistax jiġi rrifjutat għas-saldu ta’ dejn denominat fl-istess unità monetarja, bil-valur nominali sħiħ tiegħu, bl-effett li jitħallas id-dejn (57). Meta ċċarat il-kunċett ta’ “valuta legali” skont id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/191/UE (58), li tipprovdi gwida utli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Il-punt 1 tar-Rakkomandazzjoni 2010/191/UE jiddikjara li, fejn jeżisti obbligu ta’ ħlas, il-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro għandha timplika (a) aċċettazzjoni obbligatorja ta’ dawk il-karti tal-flus u muniti; (b) l-aċċettazzjoni tagħhom b’valur nominali sħiħ; u (c) is-setgħa tagħhom li jeżegwixxu l-obbligi ta’ ħlas. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan juri li l-kunċett ta’ “valuta legali” jinkludi, b’mod partikolari, obbligu ta’ aċċettazzjoni ta’ karti tal-flus u muniti ddenominati f’euro għall-finijiet ta’ ħlas (59).

4.4.

Madankollu, il-Qorti ċċarat ukoll li l-istatus ta’ valuta legali jirrikjedi biss l-aċċettazzjoni bħala prinċipju tal-karti tal-flus denominati f’euro bħala mezz ta’ ħlas, mhux għal aċċettazzjoni assoluta. B’mod partikolari, l-istatus ta’ valuta legali tal-karti tal-flus tal-euro ma jwaqqafx lil Stat Membru, fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu stess, milli jintroduċi, għal raġunijiet leġittimi ta’ interess pubbliku, deroga mir-regola ġenerali ta’ aċċettazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro għas-saldu tal-obbligi ta’ ħlas, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet (60). Filwaqt li d-deċiżjoni tal-Qorti fil-każ partikolari inkwistjoni kienet tikkonċerna miżura introdotta minn Stat Membru, il-BĊE jqis li l-istess raġunament japplika għal miżuri li l-Unjoni tintroduċi fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.

4.5.

Il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti għal restrizzjonijiet fuq l-istatus ta’ valuta legali tal-karti tal-flus tal-euro b’mod partikolari jeħtieġu (a) li l-miżura ma jkollhiex l-għan jew l-effett li tistabbilixxi regoli legali li jirregolaw l-istatus ta’ valuta legali tal-karti tal-flus tal-euro; (b) li ma twassalx, fid-dritt jew fil-fatt, għat-tneħħija ta’ dawk il-karti tal-flus, b’mod partikolari billi tpoġġi f’dubju l-possibbiltà, bħala regola ġenerali, li jitwettaq obbligu ta’ ħlas fi flus kontanti; (c) li tkun ġiet adottata għal raġunijiet ta’ interess pubbliku; (d) li l-limitazzjoni fuq ħlasijiet fi flus kontanti li tinvolvi l-leġiżlazzjoni hija xierqa biex jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku segwit; u (e) li ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan (61).

4.6.

Il-BĊE jinnota li l-Artikolu 59 tal-KĦFR1 la għandu l-għan u lanqas l-effett li jistabbilixxi regoli legali li jirregolaw l-istatus tal-valuta legali tal-karti tal-flus tal-euro. Barra minn hekk, il-BĊE jilqa’, minkejja l-fatt li jidher li hemm nuqqas ta’ analiżi jew valutazzjoni tal-impatt, il-fatt li l-limitu minimu għall-projbizzjoni intenzjonata ta’ tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumatur u bejn in-negozji għandu jiġi stabbilit għoli biżżejjed biex jiġi evitat impatt fattwali li jwassal għall-abolizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. L-abolizzjoni de facto tal-karti tal-flus tal-euro tista’ sseħħ, fost l-oħrajn, jekk il-limiti jkunu stabbiliti tant baxxi li jheddu l-vijabbiltà ekonomika tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas ġenerali u aċċettat b’mod wiesa’ u jipperikolaw il-funzjonament taċ-ċiklu tal-flus kontanti, u fl-aħħar mill-aħħar taffettwa ukoll tranżazzjonijiet taħt il-limitu. Il-BĊE jinnota f’dan il-kuntest li l-flus kontanti għad għandhom rwol importanti fis-soċjetà, u li l-BĊE u l-BĊN taż-żona tal-euro jibqgħu impenjati li jissalvagwardjaw l-eżistenza tagħhom, id-disponibbiltà ġenerali mifruxa u l-użu tagħhom bħala mezz ta’ ħlas u ħażna ta’ valur. Għalhekk, kwalunkwe limitazzjonijiet ta’ ħlasijiet fi flus kontanti bħal dawn u l-għan tagħhom jenħtieġ li jiġu spjegati bir-reqqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali kompetenti lill-pubbliku ġenerali permezz ta’ miżuri ta’ komunikazzjoni xierqa biex tinżamm il-fiduċja tal-pubbliku fil-flus kontanti tal-euro bħala mezz ta’ ħlas validu, leġittimu u affidabbli. Huwa rakkomandabbli li dawn il-miżuri ta’ komunikazzjoni jinkludu wkoll kunsiderazzjonijiet rigward miżuri inqas restrittivi, bħal obbligu ta’ notifika għal tranżazzjonijiet ’il fuq minn ċertu limitu, u għaliex dawn tqiesu bħala inqas effettivi.

4.7.

Il-kapaċità ta’ ħlas fi flus kontanti tibqa’ partikolarment importanti għal dawk li, għal diversi raġunijiet leġittimi, jippreferu jużaw il-flus kontanti minflok strumenti oħra ta’ ħlas jew ma jkollhomx aċċess għas-sistema bankarja u l-mezzi elettroniċi ta’ ħlas. Il-flus kontanti huma ġeneralment utli u apprezzati wkoll bħala strument ta’ ħlas minħabba li jippermettu ħlas indipendenti u jiżguraw il-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Barra minn hekk, huma aċċettati b’mod wiesa’, rapidu u jiffaċilitaw il-kontroll fuq l-infiq tal-pagatur. Barra minn hekk, bħalissa huwa l-uniku strument ta’ ħlas li jippermetti liċ-ċittadini jissaldaw tranżazzjoni fi flus tal-bank ċentrali li wkoll tiġi saldata minnufih (62), mingħajr intermedjarju u mingħajr imposta addizzjonali. Is-saldu ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas fi flus kontanti la jeħtieġ l-użu ta’ servizzi pprovduti minn parti terza waħda jew aktar, u lanqas id-disponibbiltà ta’ tagħmir tekniku biex jitwettaq it-trasferiment tal-valur mill-pagatur lill-benefiċjarju. Għalhekk, il-flus kontanti għandhom ukoll funzjoni ta’ riżerva f’każ li l-għażliet ta’ ħlas elettroniku ma jkunux disponibbli temporanjament, pereżempju minħabba nuqqasijiet fis-sistemi elettroniċi għall-awtorizzazzjoni u l-ipproċessar tal-ħlasijiet. Bħalissa, il-ħlasijiet kollha mhux bi flus kontanti jiddependu fuq servizzi pprovduti minn entitajiet kummerċjali li jimponu tariffi għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas individwali. F’dan il-kuntest il-BĊE jinnota li l-pakkett il-ġdid tal-Unjoni dwar il-finanzi diġitali ġie adottat fl-2020. Dan il-pakkett jinkludi l-istrateġija ta’ ħlas bl-imnut, li l-għan tagħha huwa li tipprovdi soluzzjonijiet ta’ ħlasijiet pan-Ewropej lokali sikuri, rapidi u affidabbli għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE; u l-istrateġija dwar il-finanzi diġitali, li l-għan tagħha huwa li tagħmel is-servizzi finanzjarji tal-Ewropa aktar diġitali filwaqt li żżomm standards għoljin ħafna dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data f’konformità mal-istrateġija tad-data tal-Kummissjoni. Huwa f’idejn il-leġiżlatur tal-Unjoni li jissinkronizza r-restrizzjonijiet fuq il-ħlasijiet fi flus kontanti mad-disponibbiltà futura ta’ soluzzjonijiet ta’ ħlas pan-Ewropej li jiggarantixxu livelli għoljin ta’ privatezza u protezzjoni tad-data sabiex tiġi ssodisfata l-kundizzjoni li jkunu disponibbli mezzi legali kompletament ekwivalenti oħra għas-saldu ta’ djun monetarji.

4.8.

Fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ restrizzjoni tal-istatus tal-valuta legali tal-karti tal-flus tal-euro, il-Qorti teżiġi mhux biss li l-miżura tkun xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali mfittex, iżda wkoll li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Il-BĊE pprovda gwida addizzjonali fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar jekk ir-restrizzjonijiet nazzjonali tal-istatus tal-valuta legali tal-karti tal-flus tal-euro humiex proporzjonati. B’mod partikolari, il-BĊE nnota li aktar ma tkun wiesgħa u iktar ġenerali l-limitazzjoni, iktar għandha tkun stretta l-interpretazzjoni tar-rekwiżit biex il-limitazzjoni tkun proporzjonata mal-għan imfittex. Meta jiġi kkunsidrat jekk limitazzjoni hijiex proporzjonata, l-impatt negattiv tagħha u jekk jistgħux jiġu adottati miżuri alternattivi li jissodisfaw l-għan rilevanti filwaqt li jkollhom impatt inqas negattiv għandhom dejjem jiġu kkunsidrati (63).

4.9.

F’dan il-kuntest, il-BĊE jinnota li l-projbizzjoni li se tiġi introdotta mill-KĦFR1hija assoluta. Dan ma jsegwix l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju applikat s’issa fil-qafas tal-KĦF/KFT iżda jħalli impatt fuq iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u l-vjaġġaturi lejha. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, enfasizzat li mezzi ta’ ħlas alternattivi legali jeħtieġ li jkunu faċilment aċċessibbli għal kull min għandu jħallas (64), u għalhekk indikat il-ħtieġa għal eċċezzjonijiet jekk dan ma jkunx il-każ. F’dan l-istadju, il-leġiżlatur ma pproponiex, b’mod partikolari, l-inklużjoni ta’ eċċezzjonijiet fil-KĦFR1 biex ikopru każijiet fejn mezzi alternattivi ta’ ħlas ma jkunux disponibbli, pereżempju minħabba qtugħ ta’ enerġija jew ħsarat oħra fis-sistemi ta’ ħlas elettroniku. Il-BĊE jixtieq jinkoraġġixxi l-inklużjoni ta’ tali emendi sabiex tissaħħaħ il-proporzjonalità tal-miżura maħsuba u biex jiġu previsti l-eċċezzjonijiet meħtieġa f’sitwazzjonijiet fejn l-ebda mezz ieħor ta’ ħlas ma jkun disponibbli biex isiru ħlasijiet diretti wiċċ imb wiċċ. Eċċezzjonijiet bħal dawn jistgħu jiġu kkumplimentati billi jkun meħtieġ li t-traċċabilità ta’ tranżazzjoni ta’ ħlas imwettqa f’karti tal-flus tal-euro għandha tiġi aċċertata b’mod komparabbli ma’ mezzi alternattivi ta’ ħlas, bħal pereżempju billi jkun hemm konformità ma’ dokumentazzjoni ċara u/jew obbligi ta’ rappurtar.

4.10.

Il-KĦFR1 jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta, tliet snin mid-data tal-applikazzjoni tiegħu, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ tnaqqis ulterjuri tal-limitu għal ħlasijiet kbar fi flus kontanti (65). L-ewwel nett, jidher utli li jiġu allinjati l-iskedi ta’ żmien tal-Artikoli 62 u 63 tal-KĦFR1 u li tiġi prevista l-ewwel reviżjoni ħames snin biss mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex ikun hemm perjodu twil biżżejjed meta jkun disponibbli wkoll ir-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament. F’dan il-kuntest, il-BĊE jenfasizza li għal kwalunkwe reviżjoni ppjanata, il-Kummissjoni għandha tipprovdi riċerka solida u evidenza empirika dwar l-impatt tal-limiti ta’ ħlas fi flus kontanti u l-effettività tagħhom fil-kisba tal-għanijiet segwiti. Barra minn hekk, tali evidenza empirika ma twassalx awtomatikament għal ħtieġa li jitnaqqsu aktar il-limiti ta’ flus kontanti. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-reviżjoni meħtieġ mill-Kummissjoni jenħtieġ li jiġi rrivedut sabiex jiġu vvalutati kemm il-ħtieġa kif ukoll il-proporzjonalità tal-aġġustament tal-limiti tal-flus kontanti, minflok ma dan ir-rieżami jitwettaq biss mill-perspettiva li jitbaxxew aktar.

5.   Fatturi ta’ riskju għad-diliġenza dovuta tal-klijent

5.1.

Il-KĦFR1 jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ fatturi u tipi ta’ evidenza li jindikaw riskju potenzjalment aktar baxx għall-fini tal-proċeduri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti mwettqa mill-entitajiet marbutin b’obbligu fir-rigward tal-klijenti tagħhom (66). Il-lista tinkludi wkoll “amministrazzjonijiet pubbliċi u intrapriżi”. Huwa ssuġġerit li għandu jiġi ċċarat li t-terminu “amministrazzjonijiet pubbliċi” jkopri wkoll l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi u jinkludi l-banek ċentrali. Id-Direttiva 2005/60/KE (67), it-tielet Direttiva KĦF, użat it-terminu “awtoritajiet pubbliċi”. Id-Direttiva tal-Kummissjoni2006/70/KE (68), li implimentat it-tielet Direttiva KĦF, użat it-terminu “awtoritajiet pubbliċi u entitajiet pubbliċi”. Id-Direttiva (UE) 2015/849, ir-raba’ Direttiva KĦF, użat it-terminu “amministrazzjonijiet jew impriżi pubbliċi;” (69). Mill-esperjenza tal-BĊE, il-biċċa l-kbira tal-kontropartijiet tal-BĊE jifhmu li dawn it-termini jinkludu l-banek ċentrali. Madankollu, biex jiġi evitat kull dubju, qed tiġi ssuġġerita kjarifika tal-formulazzjoni.

6.   Definizzjoni ta’ kriptoassi

6.1.

Il-KĦFR1 jissostitwixxi t-terminu “muniti virtwali”, li ddaħħal fid-Direttiva (UE) 2015/849 bid-Direttiva (UE) 2018/843 (70), bit-terminu “kriptoassi”. Il-BĊE jilqa’ din il-bidla, peress li t-terminu “muniti virtwali” jista’ jwassal għal perċezzjonijiet żbaljati dwar in-natura ta’ dawk it-tipi ta’ assi, li mhumiex muniti.

6.2.

Il-BĊE jifhem ukoll li l-inklużjoni tal-kategorija ta’ fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament propost hija maħsuba biex tallinja l-qafas tal-KĦF/KFT tal-Unjoni mar-Rakkomandazzjonijiet emendati tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF). F’dan ir-rigward, madankollu, mhuwiex ċar jekk it-tipi kollha ta’ assi virtwali, kif definiti fir-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF, humiex koperti mid-definizzjoni ta’ kriptoassi użati fl-KĦFR1. Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF jiddefinixxu assi virtwali bħala “rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur li tista’ tiġi nnegozjata diġitalment, jew trasferita, u tista’ tintuża għal skopijiet ta’ ħlas jew investiment. L-assi virtwali ma jinkludux rappreżentazzjonijiet diġitali ta’ muniti legali, titoli u assi finanzjarji oħra li diġà huma koperti xi mkien ieħor fir-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF” (71). Il-KĦFR1 jieħu f’idejh id-definizzjoni ta’ kriptoassi (72), li ġiet introdotta fir-regolament MiCA propost u jipprovdi li “kriptoassi” tfisser rappreżentazzjoni diġitali ta’ valur jew drittijiet li jistgħu jiġu ttrasferiti u maħżuna elettronikament, bl-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit jew teknoloġija simili” (73). Id-definizzjoni tal-FATF hija għalhekk teknoloġikament newtrali, filwaqt li d-definizzjoni KĦFR1 hija limitata għal assi virtwali bbażati fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit jew teknoloġija simili. Jidher mill-inqas teoretikament possibbli li l-assi virtwali jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq teknoloġija oħra, f’liema każ ma jidhirx li huma koperti mill-KĦFR1.

6.3.

Jekk tiġi kkunsidrata definizzjoni usa’ u teknoloġikament newtrali mill-koleġiżlaturi biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-qafas tal-Unjoni mar-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF, l-għażliet ta’ politika jkollhom isiru wkoll fir-rigward ta’ rappreżentazzjonijiet diġitali ta’ valur li jista’ jkollhom bżonn jiġu eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-KĦFR1.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li d-direttiva jew regolament propost jiġu emendati, qegħdin jiġu stipulati proposti speċifiċi tal-abbozzar f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test spjegattiv f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Frar 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2021) 420 final.

(2)  COM(2021) 423 final.

(3)  COM(2021) 421 final.

(4)  COM(2021) 422 final.

(5)  Ara l-Opinjoni CON/2005/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-4 ta’ Frar 2005 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (COM(2004) 448 final) (ĠU C 40, 17.2.2005, p. 9), l-Opinjoni CON/2013/32 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-17 ta’ Mejju 2013 dwar proposta għal Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u dwar proposta għal regolament fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU C 166, 12.6.2013, p. 2), l-Opinjoni CON/2016/49 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-12 ta’ Ottubru 2016 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva 2009/101/KE (ĠU C 459, 9.12.2016, p. 3) u l-Opinjoni CON/2018/55 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Diċembru 2018 dwar proposta emendata għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati (ĠU C 37, 30.1.2019, p. 1). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fuq il-EUR-Lex.

(6)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(7)  Ara l-paragrafu 1.2 tal-Opinjoni CON/2018/55.

(8)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(9)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(10)  Ara l-Artikolu 3 tal-KĦFR1.

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE tas-10 ta’ Ġunju 1991 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 153), id-Direttiva 2001/97/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus (ĠU L 344, 28.12.2001, p. 76), id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15), id-Direttiva (UE) 2015/849 u d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).

(12)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(13)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(14)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(15)  Ara l-punt (32) tal-Artikolu 2 tal-KĦFR1.

(16)  Ara l-punt (31) tal-Artikolu 2 tal-KĦFR1.

(17)  Ara l-punt (5) tal-Artikolu 2(1) tal-KĦFR1.

(18)  Ara l-Artikolu 9 tal-KĦFR1.

(19)  Ara l-Artikolu 46(4) tar-Regolament (UE) Nru 2015/849.

(20)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(21)  Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(22)  Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p.46).

(23)  Ara l-Artikolu 76(1) tad-Direttiva 2013/36/KE.

(24)  Ara l-Artikolu 9(3) tal-KĦFR1.

(25)  Kif iddefinit fil-punt (28) tal-Artikolu 2 tal-KĦFR1.

(26)  Ara b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-EBA dwar il-governanza interna skont id-Direttiva 2013/36/UE (EBA/GL/2021/05). Disponibbli fuq il-websajt tal-EBA.

(27)  Ara l-punt (32) tal-Artikolu 2 tal-KĦFR1.

(28)  Ara l-Artikolu 9(1) u (2) tal-KĦFR1.

(29)  Ara l-Artikolu 52, ittra a) tal-KĦFD6.

(30)  Ara l-Artikoli 39 sa 41 tal-KĦFD6.

(31)  Ara l-Artikolu 41(1)(e) u (2) tal-KĦFD6.

(32)  Ara l-Artikolu 20(2)(i) tal-KĦFAR li jiddikjara li l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu għandha s-setgħa “li tipproponi l-irtirar tal-liċenzja ta’ entità marbuta b’obbligu magħżula lill-awtorità li tkun tat tali liċenzja.”

(33)  Ara l-Artikoli 41(1) tal-KĦFD6.

(34)  Ara b’mod partikolari l-Artikoli 50 u 51 tal-KĦFD6.

(35)  It-terminu “awtoritajiet kompetenti” huwa ddefinit fil-punt (31) tal-Artikolu 2 tal-KĦFR1 u jinkludi (a) Unità tal-Intelligence Finanzjarja; (b) awtorità superviżorja KĦF/KFT li hija korp pubbliku, jew l-awtorità pubblika li tissorvelja korpi awtoregolatorji; (c) awtorità pubblika li għandha l-funzjoni li tinvestiga jew tmexxi l-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tagħha jew il-finanzjament tat-terroriżmu, jew li għandha l-funzjoni li tirrintraċċa, taqbad jew tiffriża u tikkonfiska assi kriminali; (d) awtorità pubblika b’responsabbiltajiet magħżula għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.

(36)  Ara l-Artikolu 45 tal-KĦFD6.

(37)  Ara l-Artikoli 51(2) tal-KĦFD6.

(38)  Ara l-Kapitolu V tal-KĦFD6.

(39)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fil-kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 (COM (2020) 593 final).

(40)  Ara l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 50(2) tal-KĦFD6.

(41)  Ara l-Artikoli 50(2) tal-KĦFD6.

(42)  Ara l-Artikolu 51(1) u (2) tal-KĦFD6.

(43)  Ara, pereżempju, l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2013/36/UE.

(44)  Ara l-Artikoli 50 sa 51 tal-KĦFD6.

(45)  Ara l-Artikolu 40 tal-KĦFD6.

(46)  Ara l-Artikoli 41(e) tal-KĦFD6.

(47)  Ara l-Artikoli 3(3)(k) tal-KĦFR6.

(48)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(49)  Direttiva 2014/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).

(50)  Ara l-Artikoli 15(4) tal-KĦFD6.

(51)  Ara l-Artikolu 59 tal-KĦFR1.

(52)  L-ewwel sentenza tal-Artikolu 128(1) tat-Trattat u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(53)  It-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) tat-Trattat u t-tielet sentenza tal-Artikolu 16 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(54)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391).

(55)  Ara l-Opinjoni CON/2014/37; l-Opinjoni CON/2017/18; u l-Opinjoni CON/2019/4.

(56)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, kawżi magħquda C-422/19 u C-423/19, ECLI:EU:C:2021:63, il-punti 69-70.

(57)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, kawżi magħquda C-422/19 u C-423/19, ECLI:EU:C:2021:63, punt 46.

(58)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/191/UE tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro (ĠU L 83, 30.3.2010, p.70).

(59)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, kawżi magħquda C-422/19 u C-423/19, ECLI:EU:C:2021:63, punti 46 sa 49.

(60)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, kawżi magħquda C-422/19 u C-423/19, ECLI:EU:C:2021:63, punt 67.

(61)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, kawżi magħquda C-422/19 u C-423/19, ECLI:EU:C:2021:63, punt 78.

(62)  Ara l-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2017/8, il-paragrafu 2.1 tal-Opinjoni CON/2019/41, il-paragrafu 9.2.1 tal-Opinjoni CON/2012/13, il-paragrafu 2.3 tal-Opinjoni CON/2020/21 u l-paragrafu 7.2.1 tal-Opinjoni CON/2021/9.

(63)  Ara l-paragrafu 2.7 tal-Opinjoni CON/2017/8.

(64)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, kawżi magħquda C-422/19 u C-423/19, ECLI:EU:C:2021:63, punt 77.

(65)  Ara l-Artikolu 63 tal-KĦFR1.

(66)  Ara l-Anness II ta’ KĦFR1.

(67)  Ara l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2005/60/KE.

(68)  Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta’ Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ persuni esposti politikament u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna (ĠU L 214, 4.8.2006, p.29).

(69)  Ara l-Anness II, il-paragrafu (1), il-punt (b) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(70)  Ara l-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva (UE) Nru 2018/843.

(71)  Ara l-paġna 130 tar-Rakkomandazzjonijiet FATF. Jinsabu fuq is-sit web tal-FATF fuq https://www.fatf-gafi.org/

(72)  Ara l-Artikoli 2(13) tal-KĦFD6.

(73)  Ara l-Artikolu 2(3) tar-regolament MiCA propost.