|
2.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 209/3 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill
dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi
(2021/C 209/03)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
WAQT LI JFAKKAR FI:
|
1. |
Il-ħtieġa, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, għal sforzi mingħajr preċedent favur reżiljenza u trasformazzjoni akbar fl-UE, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa straordinarja tas-17-21 ta’ Lulju 2020 (1). |
|
2. |
Id-determinazzjoni li jittieħdu azzjonijiet ta’ politika deċiżivi fil-pront sabiex jiġu appoġġati s-setturi kulturali u kreattivi (SKK) fi żminijiet ta’ kriżi u lil hinn, kif espress mill-Ministri tal-UE għall-Kultura, il-Media u l-Awdjoviżiv fit-tliet vidjokonferenzi informali tagħhom taħt il-Presidenza Kroata u dik Ġermaniża. |
|
3. |
L-għadd ta’ miżuri straordinarji li għandhom l-għan li jappoġġaw is-SKK u li ġew stabbiliti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. |
|
4. |
L-importanza tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura la fil-proċess ta’ rkupru u lanqas fit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. |
|
5. |
Il-qbil politiku dwar il-programm Ewropa Kreattiva għall-2021-2027 b’baġit akbar fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) il-ġdid. |
|
6. |
L-adozzjoni mill-Kummissjoni Ewropea ta’ pjan ta’ azzjoni għall-appoġġ tal-irkupru u t-trasformazzjoni tas-settur tal-media u dak awdjoviżiv. |
KONXJU MINN:
|
7. |
Ir-rwol kruċjali li għandha l-kultura għall-identità Ewropea u l-kontribut sinifikanti tagħha għall-vitalità, l-inklużività, il-funzjonament demokratiku u l-prosperità tas-soċjetajiet tagħna permezz tal-valur intrinsiku tagħha u l-impatt soċjali u ekonomiku importanti tagħha. |
|
8. |
Il-potenzjal tal-kultura bħala sors ta’ ideat u mezz biex jinħolqu soluzzjonijiet ġodda, tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u jissaħħu r-rabtiet soċjali, jinħolqu solidarjetajiet ġodda, jiġu animati l-ispazji u tissaħħaħ il-kapaċità tagħna li niffaċċjaw aħjar l-isfidi attwali u dawk futuri. |
|
9. |
Ir-rikonoxximent li s-SKK jagħmlu parti mill-ekosistemi essenzjali tal-ekonomija Ewropea u tal-potenzjal tagħhom bħala mutur tal-iżvilupp ekonomiku. |
|
10. |
Il-kapaċità tal-artisti, l-artisti fid-dinja tal-ispettaklu u l-kreaturi tal-arti li jadattaw għall-isfidi li ġabet magħha l-kriżi attwali u li jsibu modi ġodda u innovattivi, prinċipalment fl-ambjent diġitali, biex jipprovdu kontenut lill-udjenzi tagħhom u li jiġbdu oħrajn ġodda. |
|
11. |
Il-ħtieġa bla preċedent li l-ekosistemi kulturali u kreattivi jinbnew mill-ġdid u jingħataw spinta, bl-użu tat-tagħlimiet meħuda mill-isfidi ppreżentati mill-kriżi tal-COVID-19. |
FILWAQT LI JIKKUNSIDRA LI:
|
12. |
Il-kriżi attwali kixfet sfidi strutturali fis-SKK u teħtieġ rispons immedjat kif ukoll azzjoni ambizzjuża u orjentata lejn il-futur li twitti toroq ġodda għar-reżiljenza u s-sostenibbiltà msaħħa tas-SKK, speċjalment tal-artisti u l-professjonisti tagħha. |
|
13. |
Huwa essenzjali li jissaħħu s-SKK, b’mod partikolari s-setturi l-aktar milquta mill-kriżi attwali, billi jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet tagħhom u jiġu promossi l-ġustizzja u l-ugwaljanza għal kulħadd, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tal-artisti u l-professjonisti kulturali nisa. |
JOSSERVA LI:
|
14. |
Is-SKK kienu fost is-setturi l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19 minħabba l-karatteristiċi uniċi tagħhom, bħall-kuntatt dirett mal-udjenzi, u minħabba l-fatt li ħafna postijiet kulturali, għalkemm mhux kollha, ingħalqu u l-avvenimenti ġew ikkanċellati, u dan irriżulta f’diffikultajiet ekonomiċi serji. |
|
15. |
Proporzjon kbir ta’ ħaddiema tas-SKK, u fosthom dawk l-aktar fraġli, jiffaċċjaw inċertezza sinifikanti, spiss minħabba n-nuqqas ta’ protezzjoni soċjali u ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-qgħad, peress li x-xogħol kulturali huwa ta’ spiss kkaratterizzat minn kuntratti prekarji fuq terminu qasir u minn prevalenza għolja ta’ professjonisti li jaħdmu għal rashom. |
|
16. |
L-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet kulturali (kemm bi skop ta’ qligħ kif ukoll mingħajr skop ta’ qligħ), li jiffurmaw il-biċċa l-kbira tas-SKK u li jikkontribwixxu għad-diversità kulturali, jeħtieġu miżuri mfassla apposta minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għall-effetti negattivi tal-kriżijiet. |
|
17. |
Ħafna artisti, kreaturi tal-arti u professjonisti kulturali malajr irrikorrew għall-possibiltajiet online biex juru x-xogħol u l-proċessi kreattivi tagħhom, iżda qed iħabbtu wiċċhom mal-isfida li jiżguraw sorsi sostenibbli ta’ dħul, filwaqt li pjattaformi online kbar ħafna raw żieda fit-traffiku u d-dħul tagħhom. |
|
18. |
L-aċċess għall-kultura wera li huwa ta’ importanza kbira għall-benesseri taċ-ċittadini u l-koeżjoni tas-soċjetajiet iżda jista’ jkompli jkun ristrett minn tħassib relatat mas-saħħa. |
|
19. |
Ir-restrizzjonijiet adottati biex tiġi indirizzata l-pandemija għandhom riperkussjonijiet fuq il-mobbiltà tal-professjonisti kulturali u ċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet kulturali, u b’hekk joħolqu sfidi għad-diversità kulturali u lingwistika, il-kontinwazzjoni tad-djalogu, l-iskambju u l-ktajjen tal-valur transfruntiera. |
|
20. |
Il-pandemija affettwat ukoll lis-sħab mis-SKK f’pajjiżi terzi, u b’hekk enfasizzat l-importanza li tintwera solidarjetà, u li jkun hemm ħidma magħhom fl-isforzi tagħhom lejn irkupru u żvilupp sostenibbli, fi ħdan il-qafas tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali u l-azzjoni esterna tal-UE, |
JIDENTIFIKA, B’KUNSIDERAZZJONI XIERQA GĦALL-PRINĊIPJI TAS-SUSSIDJARJETÀ U L-PROPORZJONALITÀ, L-ISFERI RISPETTIVI TA’ KOMPETENZA TAL-ISTATI MEMBRI U R-RWOL U L-AWTONOMIJA TAS-SĦAB SOĊJALI, IS-SITT PRIJORITAJIET LI ĠEJJIN BIL-GĦAN LI JIĠI PROMOSS L-IRKUPRU TAS-SETTURI KULTURALI U KREATTIVI LEJN REŻILJENZA U SOSTENIBBILTÀ AKBAR:
I. TITJIB TAL-AĊĊESS GĦALL-FINANZJAMENT DISPONIBBLI
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI:
|
21. |
Jieħdu vantaġġ mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jippermettu l-irkupru mill-impatt negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 u jagħmlu s-SKK aktar reżiljenti għal kriżijiet futuri billi jindirizzaw l-isfidi strutturali ffaċċjati mis-SKK u, fejn rilevanti, jimplimentaw skemi ta’ appoġġ xierqa u effiċjenti. |
|
22. |
Jippromwovu sinerġiji bejn il-programmi tal-UE rilevanti għas-SKK, bħal Ewropa Kreattiva, Erasmus+, Orizzont Ewropa, InvestEU, Ewropa Diġitali, il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru. |
|
23. |
Jissimplifikaw il-proċessi ta’ applikazzjoni u jnaqqsu kemm jista’ jkun il-burokrazija tal-programmi ta’ finanzjament. |
|
24. |
Jistinkaw biex jiżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura u li l-mekkaniżmi ta’ finanzjament jirreaġixxu għall-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet speċifiċi ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, u l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet (kemm bi skop ta’ qligħ kif ukoll mingħajr skop ta’ qligħ) fil-qasam kulturali. |
|
25. |
Jikkondividu informazzjoni mfassla apposta dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament u ta’ kofinanzjament disponibbli għas-SKK permezz ta’ strutturi fl-Istati Membri li jappoġġaw is-SKK, kif ukoll permezz ta’ uffiċċji, aġenziji jew punti ta’ kuntatt rilevanti tal-programmi tal-UE, u jsaħħu d-djalogu bejn dawn l-atturi sabiex jiġi żgurat li s-SKK jirċievu informazzjoni u pariri f’waqthom. |
JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:
|
26. |
Tipprovdi għodda komuni ta’ ‘‘punt uniku ta’ servizz’’ għal informazzjoni rilevanti li hija aġġornata regolarment, faċli biex tinftiehem, faċilment aċċessibbli u mfassla apposta fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE dwar opportunitajiet ta’ finanzjament għas-SKK, biex b’hekk l-atturi kulturali kollha jkunu jistgħu jaċċessaw malajr l-informazzjoni dwar il-programmi ta’ finanzjament rilevanti tal-UE. |
|
27. |
Tevalwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-SKK, bil-ħsieb li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa għall-adattament. |
|
28. |
Tkompli taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati meta timplimenta miżuri ta’ appoġġ u programmi ta’ finanzjament tal-UE sabiex tiżgura li l-finanzjament disponibbli jissodisfa l-ħtiġijiet tas-settur, b’mod partikolari f’ċirkostanzi mhux previsti. |
II. TISĦIĦ TAR-REŻILJENZA TAL-PROFESSJONISTI TAS-SKK
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI:
|
29. |
Jippromwovu, fi ħdan l-oqfsa adatti, l-iżvilupp ulterjuri ta’ suq tax-xogħol ġust u sostenibbli, inkluż il-protezzjoni soċjali għall-professjonisti tas-SKK, b’kont meħud tal-karatteristiċi tal-attivitajiet kulturali u kreattivi, fi djalogu mill-qrib mas-setturi (2). |
|
30. |
Jippromwovu djalogu kontinwu u jiskambjaw mal-professjonisti tas-SKK, filwaqt li jħeġġiġhom jinnotifikaw problemi fi stadju bikri u jikkondividu s-soluzzjonijiet misjuba. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI:
|
31. |
Jippromwovu l-iżvilupp ulterjuri ta’ mudelli kummerċjali ġodda mis-SKK li jirrispondu għall-isfidi ekonomiċi, diġitali, ambjentali u dawk tas-soċjetà, pereżempju billi jisfruttaw il-potenzjal tad-data. |
|
32. |
Jippromwovu opportunitajiet ta’ taħriġ li jsaħħu l-ħiliet intraprenditorjali, diġitali, finanzjarji u dawk ta’ ġestjoni, il-proprjetà intellettwali, kif ukoll ir-reżiljenza ġenerali tal-professjonisti tas-SKK. |
|
33. |
Jinkoraġġixxu l-esplorazzjoni ta’ modi u mezzi ġodda biex jiġi żgurat id-dħul tal-artisti, jiġi diskuss l-istatus tal-artisti u jiġu skambjati ideat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi kulturali u kreattivi u fl-industriji fl-Ewropa permezz tal-grupp dwar l-istatus u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi, li għandu jiġi stabbilit skont il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni. |
|
34. |
Jippromwovu sforzi biex is-SKK jiġu protetti aktar kontra l-piraterija. |
III. TISĦIĦ ULTERJURI TAL-MOBBILTÀ U L-KOOPERAZZJONI
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI:
|
35. |
Jieħdu passi xierqa biex jinkoraġġixxu aktar il-kooperazzjoni, inkluż ma’ pajjiżi terzi, u biex jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-artisti u l-professjonisti tas-SKK, filwaqt li jippromwovu l-iskambji, il-kollaborazzjoni u l-libertà artistika billi jqisu l-prinċipji ġenerali tal-moviment liberu tal-persuni u s-servizzi. |
|
36. |
Jesploraw aktar soluzzjonijiet għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ mobbiltà, u b’hekk jiffaċilitaw in-navigazzjoni tal-prattiki amministrattivi differenti tal-mobbiltà transfruntiera min-naħa tal-artisti u l-professjonisti tas-SKK. |
|
37. |
Jippromwovu l-kollaborazzjoni bejn id-dixxiplini artistiċi u jissimplifikaw ir-regoli relatati, kull fejn ikun rilevanti. |
|
38. |
Jippromwovu l-flessibbiltà meħtieġa biex il-fondi Ewropej għall-mobbiltà jkunu jistgħu jiġu diretti mill-ġdid biex jissodisfaw il-ħtiġijiet l-aktar urġenti tas-settur meta jkunu fis-seħħ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. |
IV. TĦAFFIF TAT-TRANŻIZZJONIJIET DIĠITALI U EKOLOĠIĊI
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI:
|
39. |
Jinkoraġġixxu t-titjib tal-ħiliet tal-professjonisti tas-SKK biex ikunu jistgħu jaċċessaw b’mod effettiv l-arena diġitali, jagħmlu użu minnha, jagħmlu qligħ minnha u jikkompetu fiha, b’kont meħud tar-rwol li jaqdu pjattaformi online kbar ħafna. |
|
40. |
Jaħtfu l-opportunitajiet offruti mid-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (3) u d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur (4) biex jiġi ffaċilitat l-irkupru tas-SKK. |
|
41. |
Jippromwovu l-kooperazzjoni interdixxiplinari bejn is-SKK u s-setturi tal-ambjent u t-teknoloġija, filwaqt li jrawmu l-innovazzjoni kemm fil-kultura kif ukoll fl-industrija, u jisfruttaw bis-sħiħ it-teknoloġiji tal-lingwa u t-teknoloġiji diġitali, eżempju l-intelliġenza artifiċjali. |
|
42. |
Jippromwovu, fejn xieraq, l-edukazzjoni kulturali għall-ġenerazzjonijiet kollha bħala mezz biex tinħoloq attitudni aktar infurmata tal-konsumatur lejn diversità usa’ ta’ produzzjonijiet kulturali. |
|
43. |
Jenfasizzaw ir-rwol trasformattiv importanti li għandhom is-SKK bħala xprun tas-sostenibbiltà, u jipprovdu, fejn possibbli, kundizzjonijiet favorevoli għall-atturi kulturali kollha biex jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż billi jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-attivitajiet tagħhom. |
V. TITJIB TAL-GĦARFIEN U TĦEJJIJA GĦALL-ISFIDI FUTURI
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI:
|
44. |
Jippromwovu għarfien preċiż u approfondit tal-ħtiġijiet, il-karatteristiċi u l-vulnerabbiltajiet preċiżi ta’ kull settur kulturali u kreattiv tul il-katina tal-valur kollha, permezz ta’, pereżempju, ir-riċerka, l-immappjar u djalogu kontinwu u mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, inkluż il-komunitajiet lokali. |
|
45. |
Jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-għarfien, l-aħjar prattiki u l-informazzjoni relatati mal-modi l-aktar effettivi biex jiġi sfruttat l-irkupru tas-SKK (eż. miżuri tal-pjan ta’ rkupru), u biex ikun hemm fokus fuq it-tħejjija għal fenomeni mhux mistennija u inċerti li jistgħu jfixklu dawn is-setturi fil-futur. |
|
46. |
Tisħiħ tas-salvagwardja tal-wirt kulturali billi tingħata attenzjoni lis-sostenibbiltà u r-reżiljenza għad-diżastri bħala parti integrali mill-ġestjoni tal-wirt kulturali. |
VI. JITQIESU X-XENI KULTURALI U L-KOMUNITAJIET LOKALI
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI:
|
47. |
Jinkludu l-ħtiġijiet u l-fehmiet tax-xeni kulturali u l-komunitajiet lokali bħala sors ta’ gwida għall-istabbiliment tal-prijoritajiet dwar il-politiki, l-istrateġiji u l-programmi kulturali, biex b’hekk jiġi massimizzat l-impatt soċjali tal-attivitajiet u l-ideat li joħorġu mill-isfera kulturali. |
|
48. |
Ikomplu jinkoraġġixxu sħubiji bejn is-SKK u setturi oħra ta’ politika (eż. is-saħħa, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, ix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ambjent, l-impjiegi, l-affarijiet soċjali, it-turiżmu), sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji tal-kultura għall-benesseri u s-sostenibbiltà billi jsir użu sħiħ mill-istrutturi u l-programmi eżistenti fejn rilevanti. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI:
|
49. |
Jinkoraġġixxu, fejn possibbli, rabtiet bejn ix-xeni kulturali, il-komunitajiet lokali, l-awtoritajiet u l-professjonisti tas-SKK, filwaqt li jirrikonoxxu n-natura ferm minn isfel għal fuq tal-kultura u tal-ekosistemi kreattivi. |
|
50. |
Jippromwovu l-konnettività soċjali permezz tal-kultura bħala rispons siewi għall-effetti tat-tbegħid soċjali u l-interazzjonijiet diġitali. |
|
51. |
Jippromwovu kuxjenza kulturali fis-soċjetajiet billi jistimulaw parteċipazzjoni kulturali attiva u aċċess ugwali għall-kultura għall-gruppi soċjali kollha, inkluż dawk l-aktar marġinalizzati u vulnerabbli. |
|
52. |
Jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet kulturali jiżviluppaw approċċi u metodi innovattivi biex jattiraw udjenzi differenti.
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI JISKAMBJAW L-AĦJAR PRATTIKI U JEVALWAW DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET SAL-2023. |
(1) EUCO 10/20.
(2) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2010/13/UE kif emendata mid-Direttiva (UE) 2018/1808.
(4) Id-Direttiva (UE) 2019/790.
ANNESS
Dokumenti ta’ politika rilevanti
Kunsill Ewropew
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew adottati fil-Laqgħa straordinarja tas-17-21 ta’ Lulju 2020 (EUCO 10/20)
Aġenda Strateġika Ġdida 2019-2024 (adottata mill-Kunsill Ewropew fl-20 ta’ Ġunju 2019)
Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2017 (EUCO 19/1/17 REV 1)
Dikjarazzjonijiet Ministerjali
Dikjarazzjoni dwar il-kultura fiż-żminijiet tal-kriżi tal-COVID-19 (April 2020)
The Bucharest Declaration of the Ministers of Culture and their representatives on the role of culture in building Europe’s future (Id-Dikjarazzjoni ta’ Bucharest tal-Ministri għall-Kultura u tar-rappreżentanti tagħhom dwar ir-rwol tal-kultura fil-bini tal-ġejjieni tal-Ewropa) (April 2019)
Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Konklużjonijiet tal-Kunsill li jemendaw il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura (2019-2022) (ĠU C 193, 9.6.2020, p. 20)
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tar-riskju fil-qasam tal-wirt kulturali (ĠU C 186, 5.6.2020, p. 1)
Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar id-Dimensjoni Kulturali tal-Iżvilupp Sostenibbli (ĠU C 410, 6.12.2019, p. 1)
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar approċċ strateġiku tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali u qafas għal azzjoni (ĠU C 192, 7.6.2019, p. 6)
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (ĠU C 460, 21.12.2018, p. 12)
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-aċċess għall-kultura permezz ta’ mezzi diġitali b’enfasi fuq l-iżvilupp tal-udjenza (ĠU C 425, 12.12.2017, p. 4)
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kollegamenti kulturali u kreattivi biex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali (ĠU C 172, 27.5.2015, p. 13)
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-servizzi ta’ informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura (ĠU C 175, 15.6.2011, p. 5)
Kummissjoni Ewropea
Il-Midja tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta’ Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni (COM(2020) 784 final)
Nagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal innovattiv tal-UE. Pjan ta’ azzjoni għall-proprjetà intellettwali b’appoġġ għall-irkupru u r-reżiljenza tal-UE (COM(2020) 760 final)
Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss (COM(2020) 456 final)
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final)
Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura (COM(2018) 267 final)
Parlament Ewropew
Riżoluzzjoni tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (2020/2708 (RSP))
Riżoluzzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti (2006/2249 (INI))
Rapport tal-25 ta’ Frar 1999 dwar is-sitwazzjoni u r-rwol tal-artisti fl-Unjoni Ewropea (A4-0103/99)
UNESCO
Culture in Crisis: Policy guide for a resilient creative sector (Il-Kultura fi Kriżi: Gwida politika għal settur kreattiv reżiljenti) (2020)
Culture & working conditions for artists: implementing the 1980 Recommendation concerning the Status of the Artist (Kultura u kundizzjonijiet tax-xogħol għall-artisti: implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-1980 dwar l-Istatus tal-Artist) (2019)
Recommendation concerning the Status of the Artist (Rakkomandazzjoni dwar l-Istatus tal-Artist) (1980)