26.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/40


Konklużjonijiet tal-Kunsill

dwar il-lista riveduta tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa

(2021/C 66/10)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

1.

JAPPREZZA l-kooperazzjoni produttiva kontinwa dwar kwistjonijiet ta' taxxa bejn il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta tal-UE dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi (''Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta'') u l-biċċa l-kbira tal-ġuriżdizzjonijiet madwar id-dinja sabiex jiġu promossi globalment il-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa;

2.

JILQA' l-progress fil-ġuriżdizzjonijiet rilevanti permezz tal-passi attivi meħuda mill-iskadenzi miftiehma biex jissolvew in-nuqqasijiet identifikati mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta u JISSOTTOLINJA li tali passi jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, it-tassazzjoni ġusta, it-trasparenza fil-qasam tat-taxxa globali u l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll globalment;

3.

JIRRIKONOXXI li l-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa għad għandha impatt fuq il-kapaċità ta' ħafna ġuriżdizzjonijiet li jieħdu impenji ġodda jew li jwettqu l-impenji preċedenti tagħhom, kif ukoll fuq il-metodi ta' ħidma ġenerali tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta;

4.

JISTIEDEN lill-Grupp biex ikompli jagħmel progress fuq il-kwistjonijiet pendenti kollha li ġew affettwati mill-pandemija tal-COVID-19 bil-ħsieb li dawn jitlestew malajr kemm jista' jkun, u biex jibda d-diskussjoni dwar talbiet possibbli għal impenji minn ġuriżdizzjonijiet fejn adatt;

5.

JIDDISPPJAĊIH li xi ġuriżdizzjonijiet ma ħadux passi suffiċjenti biex jimplimentaw l-impenji tagħhom sal-iskadenza miftiehma, jew ma daħlux fi djalogu sinifikattiv li jista' jwassal għal tali impenji u JISTIEDEN lil dawn il-ġuriżdizzjonijiet biex jaħdmu mal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta sabiex jissolvew il-kwistjonijiet li fadal;

6.

JIDDISPJACIH b'mod partikolari li t-Turkija ma għamlitx progress materjali fl-implimentazzjoni effettiva tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni mal-Istati Membri kollha tal-UE, u għalhekk għadha ma ssodisfatx l-impenji kollha li kienet ħadet biex timplimenta l-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa kif stabbilit fir-Rapport tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta; JIEĦU NOTA li l-iskambju ta' informazzjoni ġie attivat ma' 21 Stat Membru tal-UE u huwa skedat li jibda mill-2022 b'5 Stati Membri tal-UE; JIDDISPJAĊIH li ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza mit-Turkija li sar skambju effettiv ta' data ma' xi wieħed mill-Istati Membri; JENFASIZZA li ma sar l-ebda progress fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni ma' Stat Membru wieħed; ITENNI li l-iskambju effettiv ta' informazzjoni mal-Istati Membri kollha huwa kondizzjoni biex it-Turkija tissodisfa l-kriterju 1.1 tal-lista tal-UE skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Frar 2020; JISTIEDEN lit-Turkija biex sal-31 ta' Mejju 2021 tieħu impenn sħiħ f'livell politiku għoli li tattiva b'mod effettiv ir-relazzjoni tagħha ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni mas-6 Stati Membri li fadal sat-30 ta' Ġunju 2021; Għas-27 Stat Membru kollha l-informazzjoni għas-sena fiskali 2019 għandha tintbagħat sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru 2021 u l-informazzjoni għas-snin fiskali 2020 u 2021 għandha tintbagħat skont il-kalendarju tal-OECD għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2021 u t-30 ta' Settembru 2022 rispettivament; JIDDIKKJARA li n-nuqqas ta' konformità ma' kwalunkwe waħda mill-ħames skadenzi indikati hawn fuq jissodisfa l-kondizzjonijiet biex it-Turkija tiġi elenkata fl-Anness I taħt il-kriterju 1.1; JISTIEDEN lill-Grupp biex jinnotifika din it-talba lit-Turkija, biex ikompli jissorvelja l-progress rigward l-iskambju effettiv ta' informazzjoni mal-Istati Membri kollha u jinforma lill-Kunsill dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward, filwaqt li jżomm id-djalogu tiegħu mat-Turkija dwar din il-kwistjoni u JIDDIKKJARA li l-Kunsill ser jieħu d-deċiżjoni meħtieġa dwar l-elenkar f'Ottubru 2021 abbażi tal-analiżi tal-Grupp dwar il-konformità tat-Turkija u ser jeżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni wara l-iskadenza pendenti msemmija hawn fuq;

7.

JAPPROVA r-Rapport COCG li jinsab fid-dok. 6223/21;

8.

JAPPROVA għalhekk il-lista riveduta tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa ("Lista tal-UE") kif tinsab fl-Anness I;

9.

JAPPROVA s-sitwazzjoni attwali kif tinsab fl-Anness II fir-rigward tal-impenji meħuda minn ġuriżdizzjonijiet li jikkooperaw biex jimplimentaw prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa;

10.

JISTIEDEN lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE, kif xieraq, ikomplu jqisu l-lista riveduta tal-UE fl-Anness I fil-politika barranija, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi terzi rilevanti, mingħajr preġudizzju għall-isferi rispettivi ta' kompetenza tal-Istati Membri u tal-Unjoni kif jirriżultaw mit-Trattati.

ANNESS I

Il-lista tal-UE ta' ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta' taxxa

1.   Samoa Amerikana

Is-Samoa Amerikana ma tapplika l-ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma ffirmatx u ma rratifikatx, inkluż permezz tal-ġuriżdizzjoni li huma dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, ma ħaditx l-impenn li tapplika l-istandards minimi tal-BEPS u ma ħaditx l-impenn li tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

2.   Anguilla

L-Anguilla mhix ikklassifikata tal-inqas fil-livell ta' "Fil-Biċċa l-Kbira Konformi" mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa għal Skambju ta' Informazzjoni fuq Talba u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

3.   Dominica

Id-Dominica mhix ikklassifikata tal-inqas fil-livell ta' "Fil-Biċċa l-Kbira Konformi" mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa għal Skambju ta' Informazzjoni fuq Talba u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

4.   Fiġi

Fiġi mhijiex membru tal-Forum Globali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni għal skopijiet ta' taxxa ("Forum Globali"), ma ffirmatx u ma rratifikatx il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandha reġimi preferenzjali ta' taxxa dannużi, ma saritx membru tal-Qafas Inklużiv dwar il-BEPS u ma implimentatx l-istandard minimu tal-OECD kontra l-BEPS, u għadha ma solvietx dawn il-kwistjonijiet.

5.   Guam

Guam ma japplika ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma ffirmax u ma rratifikax, inkluż permezz tal-ġuriżdizzjoni li hu dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, ma ħax l-impenn li japplika l-istandards minimi tal-BEPS u ma ħax l-impenn li jindirizza dawn il-kwistjonijiet.

6.   Palau

Palau ma tapplika ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma ffirmatx u ma rratifikatx il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, u għadha ma solvietx dawn il-kwistjonijiet.

7.   Panama

Il-Panama mhix ikklassifikata tal-inqas fil-livell ta' "Fil-Biċċa l-Kbira Konformi" mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa għal Skambju ta' Informazzjoni fuq Talba u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

8.   Samoa

Is-Samoa għandha reġim preferenzjali ta' taxxa dannużi u għadha ma solvietx din il-kwistjoni.

9.   Seychelles

Is-Seychelles għandhom reġimi preferenzjali ta' taxxa dannużi u għadhom ma solvewx dawn il-kwistjonijiet.

Barra minn hekk, is-Seychelles mhumiex tal-inqas fil-livell ta' "Fil-Biċċa l-Kbira Konformi" mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa għal Skambju ta' Informazzjoni fuq Talba u għadhom ma solvewx din il-kwistjoni.

10.   Trinidad u Tobago

Trinidad u Tobago ma japplika l-ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma għandux klassifikazzjoni ta' mill-inqas ''Fil-Biċċa l-Kbira Konformi'' mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa għall-Iskambju ta' Informazzjoni fuq Talba, ma ffirmax u ma rratifikax il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandu reġimi preferenzjali tat-taxxa dannużi, u għadu ma solviex dawn il-kwistjonijiet.

11.   Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti

Il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti ma japplikaw ebda skambju awtomatiku ta' informazzjoni finanzjarja, ma ffirmawx u ma rratifikawx, inkluż permezz tal-ġuriżdizzjoni li huma dipendenti fuqha, il-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka kif emendata, għandhom reġimi preferenzjali ta' taxxa dannużi, ma ħadux l-impenn li japplikaw l-istandards minimi tal-BEPS u ma ħadux l-impenn li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet.

12.   Vanuatu

Vanuatu mhux ikklassifikat tal-inqas fil-livell "Fil-Biċċa l-Kbira Konformi" mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa għal Skambju ta' Informazzjoni fuq Talba, jiffaċilita strutturi u arranġamenti offshore li għandhom l-għan li jattiraw qligħ mingħajr sustanza ekonomika reali u għadu ma solviex dawn il-kwistjonijiet.


ANNESS II

Is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni mal-UE fir-rigward tal-impenji meħuda minn ġuriżdizzjonijiet li jikkooperaw biex jiġu implimentati l-prinċipji ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa

1.   Trasparenza

1.1.   Impenn li jimplimentaw l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, kemm bl-iffirmar tal-Ftehim Multilaterali bejn l-Awtoritajiet Kompetenti jew permezz ta' ftehimiet bilaterali

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja mistennija tieħu impenn f'livell politiku għoli sal-31 ta' Mejju 2021 u tattiva b'mod effettiv ir-relazzjoni tagħha ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni mas-27 Stat Membru kollha sat-30 ta' Ġunju 2021 skont l-iskeda ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 6 ta 'dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill.

Turkija

1.2.   Is-sħubija tal-Forum Globali dwar it-trasparenza u l-iskambju ta' Informazzjoni għal skopijiet ta' taxxa ("Forum Globali") u l-klassifikazzjoni sodisfaċenti b'rabta mal-iskambju ta' informazzjoni fuq talba

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja, li ħadet l-impenn li jkollha klassifikazzjoni suffiċjenti sa tmiem l-2018, qiegħda tistenna eżami supplimentari mill-Forum Globali:

Turkija

Il-pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp mingħajr ċentru finanzjarju msemmi hawn taħt, li ħa l-impenn li jkollu klassifikazzjoni suffiċjenti sa tmiem l-2019, qiegħed jistenna eżami supplimentari mill-Forum Globali:

Botswana

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja qed tistenna reviżjoni supplimentari mill-Forum Globali:

Barbados

1.3.   Iffirmar u ratifika tal-Konvenzjoni Multilaterali tal-OECD dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka (MAC) jew in-network ta' ftehimiet li jkopru l-Istati Membri kollha tal-UE

Il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp mingħajr ċentru finanzjarju li ġejjin, li għamlu progress sinifikattiv fit-twettiq tal-impenji tagħhom, ingħataw sal-31 ta' Diċembru 2020 biex jiffirmaw il-MAC u sal-31 ta' Diċembru 2021 biex jirratifikaw il-MAC:

Botswana, Eswatini, Ġordan, Tajlandja

Il-pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp mingħajr ċentru finanzjarju li ġej, li għamel progress fit-twettiq tal-impenji tiegħu, ingħata sat-30 ta' April 2021 biex jiffirma il-MAC u sal-31 ta' Diċembru 2021 biex jirratifika il-MAC:

Maldivi

2.   Tassazzjoni Ġusta

2.1.   L-eżistenza ta' reġimi ta' taxxa dannużi

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja, li ħadet l-impenn li temenda jew tabolixxi r-reġimi ta' taxxa dannużi tagħha sa tmiem l-2019 iżda nżammet milli tagħmel dan minħabba dewmien fi proċess fil-Forum tal-OECD dwar Prattiki ta' Taxxa Dannużi, ingħatat sa tmiem l-2021 biex tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha:

Awstralja

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja, li għamlet progress sinifikattiv fit-twettiq tal-impenn tagħha li temenda jew tabolixxi r-reġim tat-taxxa dannuż tagħha, ingħatat sal-31 ta' Diċembru 2021 biex tagħmel dan:

Ġordan

Il-ġuriżdizzjoni li ġejja, li ħadet l-impenn li temenda jew tabolixxi r-reġim tat-taxxa dannuż tagħha, ingħatat sal-31 ta' Diċembru 2022 biex tadatta l-leġiżlazzjoni tagħha:

Ġamajka