|
15.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 505/8 |
Pubblikazzjoni tad-Dokument Uniku msemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid
(2021/C 505/06)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
ABADÍA RETUERTA
PDO-ES-02481
Data tal-applikazzjoni: 12 ta’ Settembru 2018
1. Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni
Abadía Retuerta
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP
3. Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
4. Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed
Inbejjed bojod
L-inbejjed bojod jidhru ċari u l-kulur tagħhom ivarja minn isfar lewn it-tiben għal isfar ħadrani jew dehbi. L-aroma tinkludi noti ta’ frott tal-għadma u/jew ta’ frott eżotiku. Għandhom aċidità bbilanċjata mingħajr aċidità żejda fil-ħalq u aroma retronażali li tfakkar fil-frott tal-għadma u/jew fil-frott eżotiku.
|
(*) |
Għall-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument, l-inbejjed għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ. |
|
Karatteristiċi analitiċi |
|
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
12,0 |
|
Aċidità totali minima |
60,00 f’milliekwivalenti għal kull litru |
|
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
16,7 |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
200 |
Inbejjed ħomor
L-inbejjed ħomor jidhru ċari, bi sfumaturi tal-kulur qawwija jew qawwija ħafna. Huma ta’ kulur aħmar lewn ir-rubin u jiksbu sfumaturi aktar lejn l-ambra meta jitqaddmu. L-aroma għandha noti ta’ frott aħmar u/jew iswed, b’noti balsamiċi, pikkanti u/jew mixwija. Dawn l-inbejjed huma strutturati tajjeb fil-ħalq b’finitura twila (jew twila ħafna) u aroma retronażali li tgħaqqad in-noti ta’ frott ma’ noti speċifiċi għall-proċess tat-tqaddim.
|
(*) |
Għall-parametri analitiċi mhux stabbiliti f’dan id-dokument, l-inbejjed għandhom jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ. |
|
Karatteristiċi analitiċi |
|
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum) |
|
|
Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum) |
12,0 |
|
Aċidità totali minima |
60,00 f’milliekwivalenti għal kull litru |
|
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru) |
16,7 |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru) |
150 |
5. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
a. Prattiki enoloġiċi essenzjali
Prattika ta’ kultivazzjoni
Id-dwieli jitħarrġu bl-użu tal-metodu tat-tħarriġ jew ta’ sistemi tradizzjonali ta’ żabra f’goblet jew varjazzjonijiet tagħhom. Id-densità minima hija ta’ 1 000 dielja/ettaru u l-massimu hija ta’ 5 000 dielja/ettaru.
Prattika enoloġika speċifika
|
— |
L-inbid aħmar monovarjetali għandu jsir esklussivament minn waħda mill-varjetajiet ħomor awtorizzati. L-inbejjed ħomor multivarjetali jsiru fuq bażi individwali għal kull varjetà ta’ għeneb, u wara jseħħu “coupage” jew taħlit multivarjetali. Il-varjetajiet jistgħu wkoll jitħalltu f’bettija waħda qabel ma jintużaw biex isir l-inbid. Il-maċerazzjoni ddum bejn 6 u 30 jum. |
|
— |
L-inbejjed bojod isiru fuq bażi individwali għal kull varjetà ta’ għeneb, u wara jseħħu “coupage” jew taħlit multivarjetali fil-każ tal-inbid abjad multivarjetali. Il-varjetajiet jistgħu wkoll jitħalltu f’bettija waħda qabel ma jintużaw biex isir l-inbid. It-taħlitiet multivarjetali għandhom jiġu ppreparati bl-użu tal-varjetajiet awtorizzati għall-inbid abjad. Wara perjodu qasir ta’ maċerazzjoni bil-qxur, l-għeneb jiġi ppressat u l-most jitħalla joqgħod fil-kesħa. |
|
— |
Il-ħmira nattiva magħżula għandha tintuża fil-każijiet kollha. |
|
— |
Ir-regoli dwar kemm idum it-tqaddim huma kif ġej:
|
Restrizzjoni rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbejjed
Il-fattur massimu ta’ konverżjoni tal-għeneb fi nbid għandu jkun ta’ 75 % (75 litru ta’ nbid għal kull 100 kg ta’ għeneb) kemm għall-varjetajiet ħomor kif ukoll għall-varjetajiet bojod.
b. Rendimenti massimi għal kull ettaru
|
|
8 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru |
|
|
60 ettolitru għal kull ettaru |
6. Definizzjoni taż-żona demarkata
Iż-żona ġeografika demarkata hija parti mill-muniċipalità ta’ Sardón de Duero fil-provinċja ta’ Valladolid, li tinsab fi ħdan il-poligonu 2, u li tinkludi l-irqajja’ li ġejjin: roqgħa 1, roqgħa 4, roqgħa 5, roqgħa 6, roqgħa 8, roqgħa 9, roqgħa 10, roqgħa 13, roqgħa 14 u roqgħa 9 000, kif imsemmija fl-Iskema Spanjola ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (SIGPAC), kif ippubblikata fid-data tal-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti, u tikkostitwixxi żona kontinwa ta’ art.
|
Poligonu |
Roqgħa |
Erja tal-wiċċ (ettari) |
|
2 |
1 |
146,69 |
|
2 |
4 |
73,06 |
|
2 |
5 |
116,6 |
|
2 |
6 |
55,82 |
|
2 |
8 |
30,12 |
|
2 |
9 |
9,44 |
|
2 |
10 |
10,12 |
|
2 |
13 |
2,99 |
|
2 |
14 |
115,21 |
|
2 |
9 000 |
0,44 |
|
Total |
560,49 ha |
|
7. Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed
|
|
ALBILLO MAYOR |
|
|
CABERNET FRANC |
|
|
CABERNET SAUVIGNON |
|
|
GARNACHA TINTA |
|
|
GEWÜRZTRAMINER |
|
|
GODELLO |
|
|
GRACIANO |
|
|
MALBEC |
|
|
MERLOT |
|
|
PETIT VERDOT |
|
|
PINOT NOIR |
|
|
RIESLING |
|
|
SAUVIGNON BLANC |
|
|
SYRAH |
|
|
TEMPRANILLO |
|
|
VERDEJO |
8. Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet
KUNDIZZJONIJIET AMBJENTALI (FATTURI NATURALI)
Iż-żona ġeografika demarkata tikkonsisti f’560,59 ettaru u hija żona ta’ art kontinwa. Tinsab fiż-żona ġeografika li storikament tissejjaħ “Abadía Retuerta” b’referenza għas-sit magħmul mill-artijiet estensivi li kienu jinsabu madwar il-Monasteru ta’ Retuerta. Skont it-tieni tifsira mogħtija fid-Diccionario de la Real Academia de la Lengua Española, “abadía” jew “abbazija” hija “knisja u monasteru bit-territorju tagħha stess immexxija minn raħeb”. L-artijiet li jiffurmaw dan it-territorju kienu ngħataw lill-monasteri mill-familja rjali u n-nobbli, lura fis-sena 1143 fil-każ ta’ “Abadía Retuerta”. Il-wied tad-Duero sar żona ta’ residenzi monastiċi wara l-okkupazzjoni Musulmana. Dawn ir-residenzi mhux biss kienu jservu bħala ċentri ta’ evanġelizzazzjoni, iżda kienu wkoll jaqdu rwol ekonomiku importanti, dak li jmexxu t-trobbija tal-bhejjem u l-kultivazzjoni tal-għelejjel. Minħabba l-preżenza ta’ dawn il-monasteri kbar, dan it-territorju kiseb l-importanza f’termini agrikoli, bir-rabta mal-inbid tkun partikolarment sinifikanti, ħaġa li għadha hekk sal-lum.
Iż-żona ġeografika ta’ “Abadía Retuerta” għandha konfini naturali: ix-xmara Duero fit-Tramuntana u l-muntanja “El Carrascal” fin-Nofsinhar, li t-tnejn huma siti protetti, meqjusa bħala siti ta’ importanza Komunitarja (SIK).
“Abadía Retuerta” tinsab unikament fl-aktar baċir dejjaq fil-qiegħ tal-wied iffurmat mix-xmara Duero hekk kif tgħaddi mill-provinċja ta’ Valladolid. Iż-żona ġeografika demarkata tinsab fuq ix-xtajta tax-xmajjar imtarrġin ta’ waħda mir-rotot li sserrep fihom, b’żewġ pjanuri għoljin (altitudni ta’ 880 m) tal-ġebla tal-ġir u tal-lom mal-ġnub tagħha, li jinsabu qrib xulxin u jimmarkaw il-konfini tagħha tat-tramuntana u tan-nofsinhar, u minn boskijiet tal-ballut u tal-arżnu Pinus sylvestris fit-truf tan-nofsinhar, tal-lvant u tal-punent taż-żona demarkata, li għandhom l-effett li jirregolaw il-livelli ta’ umdità. Iż-żona hija perfettament demarkata minn elementi tal-ambjent fiżiku madwar iż-żona ta’ “Abadía Retuerta”.
Klima
Il-klima ta’ “Abadía Retuerta” għandha karattru kontinentali mmarkat, bl-influwenza tal-kopertura tas-sħab mill-Atlantiku, u xita moderata, bi sjuf niexfa. Bix-xmara Duero fuq naħa tifforma “barriera”, u bil-pjanura fuq in-naħa l-oħra, tinsab f’żona klimatika partikolari ħafna.
Ġiet studjata d-data mill-osservatorji meteoroloġiċi fiż-żona, billi bħala referenza ttieħed stazzjon li jinsab f’art biswit, fuq in-naħa l-oħra tax-xmara (Granja Sardon) u ieħor li jinsab f’Tudela de Duero, l-eqreb belt inkluża fl-IĠP Castilla y León, xi 12-il km ’il bogħod.
It-Tabella 1 turi li t-temperaturi huma għoljin fis-sajf u baxxi fix-xitwa, b’varjazzjonijiet termali sinifikanti; f’“Abadía Retuerta”, pereżempju, ġew irreġistrati temperaturi massimi assoluti ta’ 42 °C u temperaturi minimi assoluti ta’ -20 °C.
Tabella 1.
Temperaturi medji ta’ kull xahar (°C)
|
Stazzjon |
Jan |
Fra |
Mar |
Apr |
Mej |
Ġun |
Lul |
Aww |
Set |
Ott |
Nov |
Diċ |
|
Sardón (Granja) |
2,7 |
4,1 |
6,6 |
8,6 |
12,7 |
16,6 |
20 |
19,5 |
16,6 |
11,7 |
6,2 |
3,3 |
|
Abadía Retuerta |
3,1 |
4,8 |
6,2 |
8,8 |
12,5 |
17 |
20,5 |
19,9 |
16,5 |
11,8 |
6,3 |
3 |
|
Tudela de Duero |
3,1 |
4,7 |
7,6 |
10,1 |
13,8 |
18,4 |
21,6 |
20,8 |
17,6 |
12,5 |
6,5 |
3,4 |
Meta wieħed iqabbel it-temperaturi, jinnota li t-temperatura f’“Abadía Retuerta” hija kważi grad sħiħ inqas minn dik fil-muniċipalità viċina ta’ Tudela de Duero, u hemm differenzi apprezzabbli fit-temperatura anki ma’ Sardón.
Id-dwieli ta’ “Abadía Retuerta” għalhekk għandhom ċiklu ta’ tkabbir iqsar, u din hija waħda mill-affarijiet li jagħmlu l-vitikultura lokali unika.
Il-perjodu twil ta’ kesħa ovvjament jinvolvi riskju akbar ta’ ġlata meta t-temperaturi jonqsu għal inqas minn 0 °C. “Abadía Retuerta” għalhekk għandha l-akbar riskju ta’ ġlata u l-iqsar perjodu ħieles mill-ġlata.
Id-data medja dwar ix-xita mill-irħula ġirien (Tabella 2) turina li dan ir-reġjun huwa pjuttost omoġenju, b’xita medja annwali ta’ madwar 450 mm. Għalkemm “Abadía Retuerta” tesperjenza l-aktar xita, madwar 490 mm fis-sena, hija wkoll iż-żona bl-akbar varjazzjoni bejn l-istaġuni, bi ftit xita fis-sajf, li tirriżulta fi stress akut fuq l-ilma peress li l-evapotraspirazzjoni potenzjali (PET) hija għolja.
Tabella 2.
Temperaturi u preċipitazzjoni medji annwali (°C)
|
STAZZJON |
A.A.T. (oC) |
A.A.P. (mm) |
|
Sardón (Granja) |
10,7 |
450,3 |
|
ABADÍA RETUERTA |
10,8 |
489,8 |
|
Tudela de Duero |
11,7 |
443,3 |
|
Valbuena de D. |
- |
475,1 |
|
Quintanilla de O. |
- |
435,9 |
|
Peñafiel |
- |
475,4 |
Jekk nanalizzaw id-data klimatika kollha, nistgħu niddeterminaw żona mesoklimatika f’“Abadía Retuerta” demarkata mill-baċir ta’ Duero – li jaġixxi bħala barriera termali li tissepara ż-żona minn Granja Sardón – u l-altitudnijiet għoljin tal-pjanura ta’ Quintanilla.
Dan l-ambjent jipprovdi karatteristiċi klimatiċi speċifiċi, fejn l-arja aktar kiesħa li tidħol mill-pjanura, li tinsab f’altitudni ta’ kważi 900 m, tiltaqa’ mal-umdità tax-Xmara Duero, f’altitudni ta’ 725 m.
Għalhekk din hija żona iżolata, friska, b’riskji kbar ta’ ġlata, b’valuri relattivament baxxi fl-indiċijiet bijoklimatiċi għall-vitikultura, li jippermettu sajran tajjeb b’għeneb ibbilanċjat ħafna u potenzjal għoli għall-produzzjoni tal-inbid.
Ħamrija
“Abadía Retuerta” tappartjeni għall-pjanura l-kbira tat-Tramuntana ta’ Spanja, magħmula minn saff kbir ta’ blat tal-bażi qadim u ċċattjat, parzjalment miksi minn sedimenti terzjarji.
Hemm diversità kbira fit-tipi ta’ blat (konglomerati, ramel, lom bil-ġipsum u mingħajru, tafal u ġebla tal-ġir) u l-unitajiet morfoloġiċi (il-pjanuri, l-inklinazzjonijiet, l-għoljiet, it-terrazzi u l-art agrikola ċatta). Ma’ din il-kumplessità tiżdied partikolarità ewlenija ta’ “Abadía Retuerta” fir-rigward tal-vinja: il-kisi b’ramel ta’ ħxuna li tvarja minn ftit ċentimetri għal diversi metri. Din il-kisja ramlija ħafna drabi “taħbi” ħamrija ta’ diversità enormi.
Il-pH tal-ħamrija fiż-żona ta’ “Abadía Retuerta” huwa omoġenju, bi ftit alkalinità, livelli baxxi ta’ materja organika u sawra li tvarja minn ramlija għal trab ġulġlieni tafli, b’perċentwal għoli ta’ ramel li jippredomina kważi fiż-żona kollha, għalkemm il-kontenut ta’ tafal jiżdied aktar qrib taż-żona tal-għoljiet. Il-livelli totali tal-karbonat u ta’ karbonat tal-kalċju “attivi” huma ġeneralment baxxi, iżda jiżdiedu mal-altitudni.
KUNDIZZJONIJIET AMBJENTALI (FATTURI UMANI)
Id-dwieli jitħarrġu fuq kannizzati, minbarra dawk li jħarsu lejn l-abbazija, li jitħarrġu f’goblets għal raġunijiet estetiċi. Jintużaw żewġ sistemi ta’ żabra: Guyot (għal Sauvignon Blanc, Merlot u Cabernet Sauvignon) u Cordon de Royat (għall-varjetajiet l-oħra). Iż-żabra Guyot tintuża għal varjetajiet ta’ raggruppamenti żgħar, filwaqt li ż-żabra Cordon tippermettilna nirregolaw il-produzzjoni aħjar fil-varjetajiet l-oħra. Iż-żabra tal-weraq eċċessiv titwettaq ladarba d-dwieli jibdew joħorġu l-blanzuni. Dan huwa meħtieġ għall-aġġustament tar-rendiment tal-vinji. Għalkemm ir-rendimenti massimi proposti huma ta’ 60 ettolitru għal kull ettaru, ir-rendimenti reali medji ma jaqbżux l-40 ettolitru għal kull ettaru, minħabba dawn il-prattiki fil-vinja. Ir-rendimenti baxxi u l-karatteristiċi fiżiċi ta’ “Abadía Retuerta” huma fattur fil-kwalità u n-natura distintiva tiegħu.
Wara snin ta’ ħidma fil-vinji, il-ħafna varjetajiet differenti mħawla adattaw għat-terren ta’ “Abadía Retuerta”, u bdew jippreżentaw il-kwalitajiet distintivi u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.
Minbarra l-firxa wiesgħa ta’ varjetajiet ta’ għeneb imkabbra, ingħatat attenzjoni biex jintgħażlu popolazzjonijiet ta’ mikrobijoti li huma indiġeni għall-vinji (u li huma responsabbli għar-reazzjonijiet bijokimiċi ewlenin fl-inbejjed), hekk kif il-kundizzjonijiet tal-ħamrija u dawk klimatiċi jingħaqdu biex jiġi żgurat li jadattaw tajjeb u jissopravivu hemmhekk.
B’dan il-mod, ġew iżolati diversi mikroorganiżmi li huma indiġeni għall-vinja ta’ “Abadía Retuerta”, inkluża l-ħmira indiġena “Saccharomyces verevisiae subsp. cerevisiae” u l-batterju indiġenu “Oenococcus oeni”, li jiġu inkorporati fil-proċess tal-produzzjoni tal-inbid fil-bidu ta’ kull ħsad.
L-immaniġġjar tal-għeneb fil-ħsad u matul il-vinifikazzjoni ta’ “Abadía Retuerta” huwa differenti wkoll mill-immaniġġjar tradizzjonali fiż-żoni tal-madwar. Dan jiddependi fuq il-gravità, forma ta’ kif jinħadem l-għeneb li fiha jiġi evitat l-użu tal-pompi, li tiffavorixxi l-iżvilupp ta’ proċessi naturali, li jwassal għal ipproċessar b’aktar rispett u reqqa. Bl-istess mod, l-użu tal-mikrobijota nattiva tal-fermentazzjoni jipproduċi nbejjed li huma perfettament identifikabbli mat-territorju li jiġu minnu, jippreservaw aħjar l-aromi tal-frott, u huma aktar stabbli fil-kulur.
IL-KWALITÀ U L-KARATTERISTIĊI TAL-INBID
L-inbejjed magħmulin f’“Abadía Retuerta” għandhom xi karatteristiċi uniċi minħabba l-partikolaritajiet taż-żona ġeografika li ġejjin minnha:
|
1. |
Il-klima estrema u l-varjazzjonijiet sinifikanti bejn it-temperaturi ta’ matul il-ġurnata u ta’ billejl jippermettu lill-għeneb isir bil-mod u b’mod preċiż, biex jiġu prodotti nbejjed li huma b’kulur u b’volum intensivi, strutturati tajjeb b’livelli għoljin ta’ komposti polifenoliċi bħall-antoċjanini. |
|
2. |
Is-sawra u l-kompożizzjoni tal-ħamrija u n-nutrijenti tagħha, u l-prossimità tax-xmara f’żona b’xita limitata, jagħtu lill-inbejjed karattru robust u bilanċ tajjeb bejn l-alkoħol u l-aċidità u l-pH. |
|
3. |
L-użu ta’ ħmira nattiva li ġejja mill-vinja nnifisha jagħti lill-inbid personalità distintiva, profil aromatiku kumpless, nadif u kemm tal-frott kif ukoll tal-fjuri, kif ukoll frisk b’noti partikolari ħafna ta’ balsamiku u veġetazzjoni Mediterranja (ħxejjex aromatiċi bħas-sagħtar u l-lavanda, ċistu), li jfakkar fil-veġetazzjoni fl-ambjent li tipproteġi l-irqajja’ tal-vinji u li tiddistingwi l-inbejjed minn dawk minn żoni ġirien. |
|
4. |
L-użu tal-gravità fil-proċessi kollha tal-produzzjoni tal-inbid jippermetti li l-produzzjoni titwettaq b’mod aktar ġentili u naturali, u dan jirriżulta f’espressjoni usa’ u aktar tal-frott fil-palat, aroma li ddum aktar, u struttura tannika ifjen u inqas rustika mill-inbejjed miż-żona tal-madwar. |
|
5. |
Dawn il-karatteristiċi jagħmluhom kandidati ideali għall-maturazzjoni u t-tqaddim, jew fil-btieti jew fil-flixkun fil-każ tal-inbejjed ħomor, kif intwera minn meta bdiet il-produzzjoni fl-1996. |
Il-produzzjoni tal-inbejjed bojod ma tantx hija ħaġa tas-soltu fiż-żona minħabba l-altitudni u l-klima estrema, iżda xi wħud mill-irqajja’ f’“Abadía Retuerta”, li huma protetti sew mill-veġetazzjoni, jinsabu qrib ix-xmara Duero u għandhom ħamrija u żrar aktar laxki, jippermettu l-kultivazzjoni b’suċċess ta’ varjetajiet bojod.
Għalhekk l-inbejjed bojod huma rarità fil-wied ta’ Duero. F’“Abadía Retuerta” ksibna sajran eċċellenti ta’ xi varjetajiet bojod u l-inbejjed tagħhom huma ta’ lewn it-tiben jgħajjat b’leħħiet tad-deheb. Għandhom riħa kumplessa u qawwija, li tfakkar fil-frott tal-għadma b’ noti ta’ ananas u grapefruit u aromi mixwija ħfief. Il-volum u l-kwalità żejtnija tagħhom fil-palat huwa notevoli. Il-ħin imqatta’ fil-btieti jipprovdi togħma friska taċ-ċitru b’aromi affumikati u kemxejn pikkanti.
RABTA KAWŻALI
L-enklava naturali eċċezzjonali ppreżentata minn “Abadía Retuerta” fil-wied dejjaq ta’ Duero fejn jakkumulaw l-umdità u l-arja kiesħa, flimkien mal-protezzjoni pprovduta mill-kurva tax-xmara u l-veġetazzjoni tal-madwar, jagħtu lok għal kundizzjonijiet tat-temp mhux tas-soltu. Min-naħa tagħhom huma kkundizzjonati mit-tipi ta’ ħamrija preżenti, li jinfluwenzaw b’mod ċar il-kwalità tal-għeneb prodott u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-inbejjed li jirriżultaw.
It-temp sajfi (u aktar speċifikament, il-varjazzjoni fit-temperatura) flimkien mal-ħamrija ramlija u mimlija żrar misjuba fis-sit ta’ “Abadía Retuerta” tfisser li r-raġġi tax-xemx jiġu riflessi lura lejn l-għenieqed ta’ għeneb matul il-ġurnata, u għalhekk il-ħamrija titqies bħala sħuna. Bil-lejl, l-effett orografiku tal-inverżjoni termali mill-qiegħ tal-wied (fejn jakkumulaw l-umdità u mases ta’ arja kiesħa), flimkien mal-materjal ramli (li għandu koeffiċjent ta’ radjazzjoni termali ogħla) ifisser li t-temperatura tinżel aktar malajr. Dan kollu jwassal għal bidliet akbar fit-temperatura bejn il-jum u l-lejl, li għandhom riperkussjonijiet diretti fuq kif isir l-għeneb fiż-żona, u jagħmel il-qoxra tiegħu eħxen milli f’żoni oħra. Ifisser ukoll li l-kulur tagħhom huwa aktar qawwi peress li jakkumula kontenut ogħla ta’ antoċjanini totali. Dan il-fattur għandu impatt dejjiemi fuq l-inbid, b’tali mod li wara l-proċess ta’ maċerazzjoni ekstraċellulari fermentattiv u postfermentattiv, l-inbid ikollu intensità tal-kulur (CI) ogħla u indiċi ta’ polifenoli totali (TPI) ogħla minn inbejjed oħra prodotti fiż-żona tal-madwar. Dan jirriżulta fl-iktar karatteristika rilevanti tal-inbejjed ħomor ta’ “Abadía Retuerta”: l-istruttura eċċellenti tagħhom u l-finitura twila fil-ħalq.
It-temperatura medja annwali tvarja minn dik taż-żoni tal-madwar. Dan għandu l-effett ta’ proċess ta’ maturazzjoni aktar bil-mod, b’ċiklu itwal u valuri ta’ aċidità kkumpensati aħjar minħabba l-fatt li l-maturità teknoloġika hija aktar bilanċjata. Dan jirriżulta fi nbejjed b’bilanċ tajjeb ħafna bejn l-aċidità u l-kontenut ta’ alkoħol. L-aċidità hija adegwata iżda ma hemm l-ebda aċidità eċċessiva.
L-għeneb imkabbar fil-ħamrija ta’ “Abadía Retuerta”, li hija predominantement kalkarja b’livelli baxxi ta’ materja organika, flimkien mal-prattiki tat-tkabbir, ipprovda post fejn jistgħu jgħixu l-mikroorganiżmi speċifiċi li rnexxielhom jadattaw għal din iż-żona u jimmultiplikaw fiha, u din saret karatteristika taż-żona. Wara li ġew identifikati, iżolati u kkaratterizzati kompletament ir-razez ta’ interess, sar possibbli li din il-mikrobijota tiġi inkorporata fil-proċess ta’ produzzjoni, bl-użu ta’ ħmira indiġena matul il-proċess ta’ fermentazzjoni, li tagħti lill-inbejjed ta’ “Abadía Retuerta” karatteristiċi individwali ħafna li huma differenti minn dawk taż-żoni tal-madwar, inbejjed bi profil aromatiku frisk u qawwi (frott tal-foresti, ananas, grapefruit, noti tal-fjuri u eżotiċi, eċċ.). Bl-istess mod, matul il-fermentazzjoni malolattika, il-batterji indiġeni jipproduċu livelli baxxi ta’ ammini bijoġeniċi.
Għalkemm iż-żona ġeografika demarkata tinsab fil-limiti tal-IĠP Castilla y León, il-karatteristiċi tal-inbejjed tagħha huma sostanzjalment differenti minn dawk l-inbejjed u minn dawk tad-DOP Ribera del Duero li tinsab fil-qrib:
|
IĠP Castilla y León |
Abadía Retuerta |
DIFFERENZA |
|
> 11,0 |
> 12,0 |
Qawwa alkoħolika ogħla |
|
16 000 kg |
8 000 kg |
Rendiment aktar baxx għal kull ettaru |
|
< 13,36 meq/l |
< 16,7 meq/l |
Aċidità volatili ogħla |
|
DOP Ribera del Duero |
Abadía Retuerta |
DIFFERENZA |
|
> 11,0 fil-bojod > 11,5 fil-ħomor |
> 12,0 |
Qawwa alkoħolika ogħla |
|
7 000 |
8 000 kg |
Rendiment akbar għal kull ettaru |
|
< 8,33 meq/l |
< 16,7 meq/l |
Aċidità volatili ogħla |
L-applikazzjoni għad-DOP Abadía Retuerta qed issir minn applikant individwali peress li l-kundizzjonijiet għad-deroga stabbiliti fl-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huma ssodisfati. B’mod aktar speċifiku, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009:
|
a) |
Il-persuna inkwistjoni hija l-uniku produttur fiż-żona ġeografika demarkata. Hemm biss vitikultur wieħed (li huwa wkoll il-produttur tal-inbid) fiż-żona demarkata deskritta fit-taqsima 4. Ma hemm l-ebda vitikulturi jew produtturi tal-inbid oħra u għalhekk ma hemm l-ebda possibbiltà li jissieħbu mal-proġett parteċipanti oħra għalissa. Madankollu, fil-futur, produtturi oħrajn jistgħu jużaw l-isem reġistrat jekk jistabbilixxu ruħhom fiż-żona ġeografika demarkata, diment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. |
|
b) |
Iż-żona demarkata tinsab fiż-żona protetta mill-IĠP Castilla y León u tmiss mad-DOP Ribera del Duero. Madankollu, minħabba l-konfigurazzjoni tagħha, din iż-żona għandha karatteristiċi li huma sostanzjalment differenti minn dawk taż-żoni demarkati tal-madwar jew il-karatteristiċi tal-prodott huma differenti minn dawk tal-prodotti miksuba fiż-żoni demarkati tal-madwar, kif ġie spjegat fit-taqsimiet preċedenti. |
Filwaqt li l-inbejjed ta’ Abadía Retuerta għandhom il-karatteristiċi tal-IĠP Castilla y León, għandhom ukoll xi karatteristiċi oħra li huma differenti mill-inbejjed l-oħra ta’ dik l-IĠP u li ma jinsabux fid-DOP Ribera del Duero lanqas. Dawn il-karatteristiċi uniċi huma preżenti biss fiż-żona demarkata (pago jew art tal-produzzjoni tal-inbid).
Element ewlieni ta’ dawn il-karatteristiċi distintivi jiġi mill-mappa varjetali ta’ “Abadía Retuerta”, li hija differenti b’mod sinifikanti minn dik li tiddomina fiż-żoni tal-vinji fil-qrib. Fiż-żona tad-DOP Ribera del Duero u l-vinji tal-madwar użati biex jiġu prodotti l-inbejjed koperti mill-IĠP, prattikament hemm monokultura tal-varjetà Tempranillo bid-diversi sinonimi tagħha. F’“Abadía Retuerta”, ġew stabbiliti għadd ta’ varjetajiet (sa disa’ varjetajiet ħomor u ħames varjetajiet bojod) li jippermettulna niksbu nbejjed tal-coupage jew inbejjed monovarjetali distintivi ta’ Tempranillo. Dan, flimkien mal-kundizzjonijiet agroklimatiċi speċjali li diġà ssemmew u n-natura ta’ intervent minimu tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni, jagħti lill-inbejjed il-profil speċifiku tagħhom li huwa differenti minn dak tal-inbejjed taż-żoni tal-madwar.
9. Rekwiżiti oħra applikabbli
|
|
Qafas legali: |
|
|
Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali |
|
|
Tip ta’ rekwiżit ieħor: |
|
|
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar |
Deskrizzjoni tal-kondizzjoni:
|
1. |
“Vino de pago” huwa t-terminu tradizzjonali kif definit fl-Artikolu 112(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 119(3)(b) ta’ dak ir-Regolament, dan it-terminu jista’ jintuża għat-tikkettar tal-inbid minflok “Denominación de Origen Protegida” (“Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta”). |
|
2. |
L-inbejjed tad-DOP Abadía Retuerta jistgħu jużaw it-termini tradizzjonali “CRIANZA”, “RESERVA” u “GRAN RESERVA” fuq it-tikketta f’konformità mal-Artikolu 112(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, sakemm dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-użu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ u li huma koperti fil-bażi tad-data elettronika E-Bacchus. |
|
3. |
Bl-istess mod, l-inbejjed koperti mid-DOP Abadía Retuerta jistgħu jinkludu l-kelma “ROBLE” fuq it-tikketta sakemm tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni stabbilita. |
Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott
www.itacyl.es/documents/20143/342640/Ppta+PCC+VP+Abad%C3%ADa+Retuerta.docx/f301c97f-d1d1-efae-cf60-96b87ee0ca46?