29.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/34


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2021/C 393/14)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

Επανομή (Epanomi)

PGI-GR-A0858-AM01

Data tal-applikazzjoni: 30-07-2015

1.   Regoli applikabbli għall-emenda

L-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Emenda mhux minuri

2.   Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda

2.1.   Żieda tal-kategorija tal-prodott tal-inbid “inbid abjad minn għeneb misjur iżżejjed” tal-varjetà Malagousia

L-emenda tal-fajl tekniku PGI-GR-A0858 Epanomi, l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u d-Dokument Uniku, tikkonċerna ż-żieda tal-kategorija tal-prodott tal-inbid “inbid abjad minn għeneb misjur iżżejjed” li se jiġi prodott minn għeneb tal-varjetà Malagousia.

L-inbid abjad minn għeneb misjur iżżejjed ilu jiġi prodott mill-varjetà indiġena Malagousia mill-bidu tas-sena 2000. Din hija waħda mill-aħjar varjetajiet fit-territorju Grieg. Il-varjetà toriġina mir-reġjun muntanjuż ta’ Nafpaktia. Ilha kkultivata fir-reġjun Epanomi għal aktar minn 35 sena b’riżultati u karatteristiċi organolettiċi eċċellenti.

L-armonija bejn Malagousia u t-terroir tal-pajjiż hija ideali, billi l-elementi kollha relatati mal-vitikultura huma favorevoli. Il-kundizzjonijiet klimatiċi, flimkien mad-diversità tal-ħamrija tar-reġjun, il-varjetà tal-għeneb imkabbra, il-ħsieb fil-kultivazzjoni tad-dwieli u t-tekniki tal-vinifikazzjoni jagħtu lill-inbid abjad minn għeneb misjur iżżejjed il-karatteristiċi partikolari tiegħu.

L-inbid abjad minn għeneb misjur iżżejjed rebaħ medalji f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

Din l-emenda tikkonċerna l-partijiet “Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed”, “Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid”, “Rendimenti massimi għal kull ettaru”, “Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed” u “Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet” fid-Dokument Uniku u fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

2.2.   Aġġornament tal-fajl tekniku tal-IĠP Epanomi

Minbarra l-bidliet mitluba u bħala parti mill-aġġornament tal-fajls tekniċi, l-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott ġew emendati kif ġej: a) iż-żieda ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rekwiżiti u l-kontrolli għall-inbejjed tad-DOP u tal-IĠP u t-tħassir tar-revoki; u b) emenda tad-data dwar l-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti, b’mod partikolari l-isem tal-Ministeru u d-Direttorat u ż-żieda tad-Direttorat Ġenerali, kif ukoll korrezzjoni tal-ismijiet taċ-Ċentri Reġjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti u l-Kontroll tal-Kwalità

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Επανομή (Epanomi)

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

IĠP – Indikazzjoni Ġeografika Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

16.

Inbid minn għeneb misjur izżejjed

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Inbid aħmar xott

Qawwa alkoħolika totali minima: 12,0 % tal-volum.

Qawwa alkoħolika naturali minima: 11,5 % tal-volum.

Kontenut ta’ zokkor totali (g/l): massimu ta’ 9,0*

Aċidità totali, espressa bħala aċidu tartariku (g/l): massimu ta’ 7,0

Kulur vjola skur luminuż b’riflessi ħomor lewn il-briks wara t-tqaddim fit-tul tal-inbid. Aromi ta’ frott misjur frisk, ħwawar, żbib u kawkaw. Palat sħiħ b’togħma bbilanċjata u tannini rotob sostnuti mill-frott u finitura aromatika qawwija.

*

Meta l-kontenut taz-zokkor ikun ogħla minn 4 g/l, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti ta’ Parti B tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/33 tal-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-parametri li għalihom ma huwa indikat l-ebda valur preċiż, għandhom japplikaw il-limiti previsti fir-regolamenti tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

12

Aċidità totali minima

3,5 g/l, espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

20

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

150

Inbid abjad xott

Qawwa alkoħolika totali minima: 11,0 % tal-volum.

Qawwa alkoħolika naturali minima: 10,5 % tal-volum.

Kontenut ta’ zokkor totali (g/l): massimu ta’ 9,0*

Aċidità totali, espressa bħala aċidu tartariku (g/l): massimu ta’ 7,5

Kulur ċar bjond qawwi b’riflessi ħodor jew kulur isfar dehbi qawwi wara t-tqaddim tal-inbid għal ċertu perjodu ta’ żmien. Aromi ta’ frott eżotiku sajfi, ġiżimin, ċitru, vanilla, għasel u noti tat-tabakk. Fuq il-palat hija kumplessa u rikka b’togħma bbilanċjata b’mod armonjuż, aċidità friska u aroma qawwija u finitura dejjiema.

*

Meta l-kontenut taz-zokkor ikun ogħla minn 4 g/l, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti ta’ Parti B tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/33 tal-Kummissjoni.

Fir-rigward tal-parametri li għalihom ma huwa indikat l-ebda valur preċiż, għandhom japplikaw il-limiti previsti fir-regolamenti tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

11

Aċidità totali minima

3,5 g/l, espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

18

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

200

Inbid abjad minn għeneb misjur iżżejjed

Qawwa alkoħolika totali minima: 15 % tal-volum.

Kontenut ta’ zokkor naturali (g/l): minimu ta’ 250 g/l

Aċidità totali, espressa bħala aċidu tartariku (g/l): massimu ta’ 6,5

Total ta’ diossidu tal-kubrit tal-inbejjed (mg/l): massimu ta’ 300**

Dan l-inbid, magħmul esklużivament mill-varjetà tad-dwieli Malagousia, għandu kulur dehbi skur minħabba perjodu twil ta’ tqaddim tiegħu fil-btieti tal-ballut. Aromi kumplessi ta’ frott misjur bil-polpa bajda bħal ħawħ, lanġas, sfarġel, mango u għasel. Fluwidità pronunzjata fuq il-palat flimkien ma’ aċidità tajba u bażi ratba.

**

f’konformità mad-deroga msemmija fil-punt 2(c) tal-Parti B tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/934

Fir-rigward tal-parametri li għalihom ma huwa indikat l-ebda valur preċiż, għandhom japplikaw il-limiti previsti fir-regolamenti tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

15

Aċidità totali minima

3,5 g/l, espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

20

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

300

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew biex isiru l-inbejjed, u r-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tagħhom

Ġestjoni tad-dwieli

Prattika tal-kultivazzjoni

Id-dwieli huma ġestiti skont it-tekniki ta’ kultivazzjoni li normalment jintużaw fir-reġjun.

Vinifikazzjoni tal-inbejjed bojod

Restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbid

Vinifikazzjoni tal-inbejjed bojod:

Inbid abjad tal-IĠP Epanomi

L-inbejjed bojod huma magħmula bl-użu ta’ tekniki ta’ produzzjoni moderni; it-temperatura matul il-fermentazzjoni alkoħolika ma taqbiżx l-20 °C.

Vinifikazzjoni tal-inbejjed ħomor

Restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbid

Vinifikazzjoni tal-inbejjed ħomor:

L-inbid aħmar tal-IĠP Epanomi huwa magħmul skont il-metodu klassiku tal-vinifikazzjoni tal-inbid aħmar.

Vinifikazzjoni tal-inbejjed bojod minn għeneb misjur iżżejjed

Restrizzjonijiet rilevanti fuq il-produzzjoni tal-inbid

Inbid abjad minn għeneb misjur iżżejjed tal-IĠP Epanomi

L-għeneb jitħalla fuq id-dielja biex isir iżżejjed, fis-snin meta l-kundizzjonijiet klimatiċi jippermettu dan biss.

L-inbejjed bojod huma magħmula bl-użu ta’ tekniki ta’ produzzjoni moderni; it-temperatura matul il-fermentazzjoni alkoħolika ma taqbiżx l-20 °C.

5.2.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

Rendiment massimu f’ettolitri ta’ prodott lest għal kull ettaru - inbid aħmar

88 ettolitru għal kull ettaru

Rendiment massimu f’ettolitri ta’ prodott lest għal kull ettaru - inbid abjad

82,5 ettolitru għal kull ettaru

Rendiment massimu f’ettolitri ta’ prodott lest għal kull ettaru - inbid abjad minn għeneb misjur iżżejjed

40 ettolitru għal kull ettaru

Rendiment massimu f’kilogrammi ta’ għeneb għal kull ettaru - inbid aħmar

11 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

Rendiment massimu f’kilogrammi ta’ għeneb għal kull ettaru - inbid abjad

11 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

Rendiment massimu f’kilogrammi ta’ għeneb għal kull ettaru - inbid abjad minn għeneb misjur iżżejjed

8 000 kilogramma ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

Iż-żona ta’ produzzjoni demarkata tal-inbejjed tal-IĠP Epanomi tinkludi r-reġjun li fin-Nofsinhar ta’ Tessaloniki, fil-muniċipalità ta’ Epanomi tad-demos ta’ Thermaïkos.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

 

Limnio N

 

Αssyrtiko Β

 

Malagousia B

 

Chardonnay B

 

Sauvignon Blanc B

 

Viognier B

 

Xinomavro N - Xinogaltso, Popolka

 

Cabernet sauvignon N

 

Mourvedre N

 

Grenache rouge N

 

Merlot N

 

Syrah N

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

8.1   Informazzjoni dwar iż-żona ġeografika - Inbejjed u nbejjed minn għeneb misjur izżejjed

Ir-rabta storika, kulturali, soċjali u ekonomika, kif ukoll l-ambjent u l-oriġini ġeografiċi, huma validi għall-kategoriji “inbid” u “inbid minn għeneb misjur iżżejjed”.

A.   Rabta storika

Ir-reġjun ta’ Epanomi kien jappartjeni għar-reġjun ta’ “Kalamaria”, isem li jfisser “in-naħa t-tajba” u li ngħata lilu minn vjaġġaturi Franċiżi minħabba l-kwalità tajba tal-prodotti agrikoli tar-reġjun. Hemm evidenza tal-vinifikazzjoni li tmur lura 1 500 sena u r-reġjun kien imsemmi għall-vinji tiegħu matul il-perjodu Biżantin. L-ewwel referenza għall-agglomerazzjoni bl-isem ta’ Panomi (1302) hija marbuta mal-eżistenza ta’ dwieli fir-reġjun. Jidher li l-vitikultura kompliet issir sa tmiem l-okkupazzjoni Ottomana. Fiċ-ċensiment tal-1875, kienu rreġistrati 325 vinja, u f’dak tal-1907 kien hemm 586. Fl-1907, kien hemm 27 mitħna tal-għeneb bħala binjiet indipendenti u 22 fi djar fir-raħal. Hemm ukoll rekords ta’ ħlasijiet ta’ taxxi lill-awtoritajiet lokali Torok rigward il-kultivazzjoni tal-vinji u l-produzzjoni tal-inbejjed tal-pajjiż.

B.   Rabta kulturali, soċjali u ekonomika

Sa mill-qedem, id-dwieli u l-inbid kienu marbuta b’mod inseparabbli mal-ħajja kulturali, soċjali u ekonomika tal-abitanti tar-reġjun.

Din ir-rabta għadha teżisti sal-lum, bl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u konferenzi li għandhom l-għan li jippromwovu l-inbid, iżda wkoll it-tradizzjoni kulturali tar-reġjun, bħar-“rotot tal-inbid” ta’ Epanomi.

C.   Ambjent ġeografiku u oriġini ġeografika

Ir-reġjun tal-vitikultura ta’ Epanomi jinsab fin-Nofsinhar ta’ Tessaloniki, fil-muniċipalità ta’ Thermaïkos. Il-klima hija tat-tip Mediterranju. It-temperatura medja annwali hija ta’ 16 °C u x-xita medja annwali hija ta’ madwar 550 mm. Tista’ tiġi osservata ħafna nida matul is-sigħat bikrin ta’ filgħodu, li tiffavorixxi tnaqqis fit-transpirazzjoni, u ġeneralment din tkun segwita minn riħ niexef mit-Tramuntana li jneħħi l-umdità żejda mill-veġetazzjoni. Il-ħamrija hija ramlija-taflija u tal-lom tafli. Il-kontenut ta’ karbonat tal-kalċju jikkontribwixxi għall-konsistenza tajba u l-iskular tal-ħamrija, filwaqt li l-kontenut relattivament għoli ta’ tafal jirriżulta f’akkumulazzjoni sinifikanti ta’ nutrijenti. Il-kontenut ta’ materja organika huwa medju, u jikkontribwixxi għall-konsistenza tajba u l-iskular tal-ħamrija. Il-ħamrija għandha inklinazzjoni żgħira sa medja, li tikkontribwixxi għal skular aħjar u tillimita jew telimina r-riskju ta’ mard, bħall-immuffar. L-effett tal-baħar flimkien mal-inklinazzjoni u l-orjentazzjoni tal-ħamrija inaqqas b’mod sinifikanti r-riskju ta’ ġlata.

8.2   Informazzjoni dwar il-prodott għall-kategorija “inbid”

L-inbejjed bojod tal-IĠP Epanomi għandhom kulur ċar bjond qawwi b’riflessi ħodor u tal-fidda jew isfar dehbi qawwi wara t-tqaddim tal-inbid fi btieti tal-ballut għal ċertu perjodu ta’ żmien. L-aromi jvarjaw skont it-tip, il-varjetà u t-tqaddim. Ikkaratterizzati minn aċidità friska, l-inbejjed huma kumplessi u rikki fuq il-palat, minħabba l-kundizzjonijiet ideali tal-maturazzjoni tal-varjetajiet.

L-inbejjed ħomor tal-IĠP Epanomi għandhom kulur aħmar qawwi b’riflessi blu u aromi ta’ frott aħmar, ħwawar, kawkaw u żbib. Għandhom palat rikk, togħma bbilanċjata u tannini rotob, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi ideali li jiddominaw fir-reġjun u li jiddeterminaw maturità teknoloġika u fenolika tajba.

8.3   Informazzjoni dwar il-prodott għall-kategorija “inbid minn għeneb misjur izżejjed”

L-inbid minn għeneb misjur iżżejjed ilu jiġi prodott mill-varjetà indiġena Malagousia mill-bidu tas-sena 2000. Din il-varjetà ilha tiġi kkultivata fir-reġjun għal aktar minn 35 sena b’riżultati eċċellenti. L-armonija tagħha mat-terroir tal-pajjiż hija ideali, billi l-elementi kollha relatati mal-vitikultura huma favorevoli.

L-għeneb jitħalla fuq id-dwieli biex isir iżżejjed, fis-snin meta l-kundizzjonijiet klimatiċi jippermettu dan biss. Il-kulur dehbi skur huwa dovut għat-tqaddim fi btieti tal-ballut għal perjodu ta’ żmien twil, filwaqt li l-inbid huwa kkaratterizzat minn aromi ta’ frott abjad misjur u għasel. L-inbid għandu togħma mirquma fuq il-palat li hija bbilanċjat b’mod ideali bl-aċidità tajba li tiddistingwih.

L-inbejjed bojod minn għeneb misjur iżżejjed rebħu premji f’kompetizzjonijiet internazzjonali bħal: Decanter World Wine Awards, International Wine Challenge, International Wine & Spirits Competition.

8.4   Interazzjoni kawżali għall-kategorija “inbid”

Kif iddettaljat fit-taqsimiet preċedenti, il-karattru uniku tal-inbejjed tal-IĠP Epanomi huwa dovut għall-interazzjoni bejn il-karatteristiċi partikolari tar-reġjun (il-ħamrija, il-klima, l-influwenza tal-irjieħ matul is-sajf), il-varjetajiet ta’ dwieli kkultivati u t-tekniki ta’ kultivazzjoni użati.

Il-klima ta’ Epanomi hija ideali għall-varjetajiet ikkultivati fir-reġjun peress li l-għeneb jilħaq il-maturità teknoloġika u fenolika mixtieqa qabel il-perjodu ta’ xita qawwija fil-ħarifa, li taffettwa l-kwalità tal-għeneb.

Il-kundizzjonijiet kserotermiċi li jiddominaw fir-reġjun, flimkien mat-tip ta’ ħamrija, jirriżultaw fil-maturazzjoni tal-għeneb bejn nofs Awwissu u nofs Settembru, skont il-varjetà. Għalhekk, it-taħlita tal-varjetajiet ikkultivati u l-indiċi kserotermiku għoli tar-reġjun jirriżultaw f’differenza fit-tip u l-karatteristiċi organolettiċi tal-inbejjed prodotti, li tirrifletti direttament il-klima.

Il-varjetajiet bojod huma kkultivati fil-partijiet l-aktar baxxi tal-vinja biex jiġi evitat l-istress idriku li jnaqqas l-aċidità tal-inbejjed. L-unika eċċezzjoni hija l-varjetà Malagousia, li tiġi kkultivata fil-partijiet tan-nofs u għoljin minħabba li hija sensittiva għall-umdità żejda. Il-maturazzjoni tal-għeneb tibda madwar nofs Awwissu għall-varjetajiet Chardonnay, Sauvignon Blanc u Viognier, filwaqt li l-varjetajiet Assyrtiko u Malagousia jimmaturaw fl-aħħar ta’ Awwissu.

Aktar speċifikament, il-varjetà Assyrtiko akklimatizzat perfettament għall-ambjent lokali u tipproduċi nbejjed b’aċidità għolja, qawwa alkoħolika għolja u aromi ta’ frott aħdar misjur, noti ta’ fjuri u mineralità żgħira fil-ħalq.

Il-varjetà Malagousia ssir mingħajr diffikultà u tipproduċi nbejjed b’qawwa alkoħolika partikolarment għolja, aċidità tajba (minħabba r-riħ kiesaħ li jonfoħ mit-Tramuntana) u aromi ta’ frott tropikali, ċitru u ġiżimin.

Il-varjetajiet Chardonnay, Viognier u Sauvignon Blanc, minħabba l-kundizzjonijiet termali tal-maturazzjoni, għandhom karattru aromatiku tropikali, li huwa kkombinat ma’ volum qawwi fuq il-palat, aċidità tajba u kapaċità tajba ta’ tqaddim.

Il-varjetajiet ħomor huma kkultivati fil-partijiet l-aktar għoljin tal-vinja, fejn il-ħamrija żżomm ammonti iżgħar ta’ ilma, sabiex jinkisbu l-istress idriku mixtieq u l-aħjar maturità fenolika u teknoloġika. L-inbejjed prodotti fuq ħamrija ramlija għandhom aromi delikati, filwaqt li l-inbejjed prodotti fuq ħamrija b’ammont kbir ta’ tafal għandhom karattru fenoliku qawwi. Il-maturazzjoni tal-għeneb tibda lejn l-aħħar ta’ Awwissu għall-varjetajiet ħomor Merlot, Grenache rouge, segwiti mill-varjetajiet Syrah, Cabernet Sauvignon u Mourvedre, u titlesta fl-ewwel nofs ta’ Settembru bil-varjetajiet Limnio u Xinomavro.

B’mod partikolari, il-varjetajiet Merlot u Grenache rouge jipproduċu nbejjed b’kontenut għoli ta’ alkoħol, ħlewwa fuq il-palat u aromi ta’ frott misjur. Il-varjetajiet Syrah, Cabernet Sauvignon u Mourvedre jipproduċu nbejjed strutturati tajjeb u b’kulur qawwi b’kapaċità kbira ta’ tqaddim. Il-varjetà Limnio tipproduċi nbejjed b’kulur qawwi, aromi speċjali ta’ frott aħmar u volum rikk, filwaqt li l-varjetà Xinomavro tipproduċi nbejjed b’intensità kromatika tajba, minħabba l-maturazzjoni ideali tal-varjetà fir-reġjun, qawwa alkoħolika tajba u karatteristiċi ta’ frott aħmar.

8.5   Interazzjoni kawżali għall-kategorija “inbid minn għeneb misjur izżejjed”

Il-varjetà Malagousia hija varjetà polidinamika, li, skont il-kultivazzjoni u l-metodu ta’ vinifikazzjoni, tista’ tipproduċi nbejjed sempliċi b’aromi ta’ muskatell u lumi, iżda wkoll inbejjed ta’ palat aktar kumpless, b’aromi ta’ frott taċ-ċitru (tronġ, lumi), frott misjur, ħwawar u bżar abjad. Il-pożizzjoni, l-espożizzjoni, l-elevazzjoni, u l-kompożizzjoni mekkanika u kimika tal-vinja għandhom rwol importanti.

Il-varjetà Malagousia għandha ta’ adattament tajba, iżda hija sensittiva għall-umdità. Għalhekk tiġi mħawla fl-ogħla livelli taż-żona fejn l-umdità hija aktar baxxa, jiġifieri fil-postijiet li jiffavorixxu l-maturazzjoni tal-għeneb. Hija tipproduċi nbejjed kumplessi b’aromi qawwija ta’ frott taċ-ċitru u tropikali, iżda wkoll b’aċidità tajba, minħabba l-irjieħ mit-Tramuntana, li jneħħu l-umdità mill-veġetazzjoni, u ż-żiffiet mill-baħar, li jnaqqsu t-temperatura tal-għeneb matul ix-xhur tas-sajf.

Il-ħamrija hija essenzjalment ramlija, b’livelli baxxi ta’ nutrijenti u b’inklinazzjoni, li tippermetti skular malajr u faċli, u toħloq kundizzjonijiet favorevoli ħafna għall-varjetà, b’mod partikolari matul il-perjodu ta’ maturazzjoni. Kieku ma kienx il-każ, l-assorbiment ta’ volum kbir ta’ ilma jwassal biex tinqasam il-qoxra rqiqa tal-Malagousia u jiżviluppa l-botrytis.

Fl-istess ħin, l-għażla ta’ pjanti ta’ età akbar (30 sena u aktar), flimkien mal-ħamrija fqira tar-reġjun, twassal għal produttività baxxa u tiffavorixxi l-maturazzjoni eċċessiva tal-varjetà. Madankollu, jekk ikun hemm snin ta’ produzzjoni, isir ħsad bikri biex jippromwovi l-maturazzjoni tal-varjetà.

L-espożizzjoni diretta għax-xemx tnaqqas l-intensità tal-aromi terpeniċi tal-varjetà, li jagħtu l-karatteristiċi ta’ muskatell. Għal din ir-raġuni, it-tħawwil fiż-żona jrid ikun orjentat lejn il-Punent-Lvant biex tiġi żgurata maturazzjoni armonjuża u biex l-għeneb ikun protett minn espożizzjoni diretta għar-raġġi tax-xemx u b’hekk jiġi evitat il-ħruq. Fl-istess ħin, il-ġestjoni speċifika tal-erja tal-weraq (aktar minn 2 metri) tiggarantixxi aktar dell u protezzjoni aħjar tal-għeneb.

L-għażla tal-kloni hija vantaġġ ukoll. It-tħawwil bil-klonu dilwit tal-varjetà jiffaċilita ventilazzjoni aħjar tal-għeneb u jnaqqas ir-riskju ta’ botrytis.

Fl-aħħar nett, instab li l-varjetà hija adattata tajjeb ħafna għat-tibdil fil-klima. In-nuqqas ta’ xita fir-reġjun f’Awwissu u Settembru f’dawn l-aħħar snin jippermetti s-sajran aħjar tal-varjetà, kif ukoll jippromwovi l-produzzjoni ta’ nbid minn għeneb misjur iżżejjed kważi kull sena.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-indikazzjoni:

L-Artikolu 53(1), (2) u (6) u b’mod partikolari l-Anness V tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni

Fuq it-tikketta tal-inbejjed organiċi tal-IĠP Epanomi, l-indikazzjoni “organiku” jew “org.” flimkien mal-isem tal-prodott għandha tiġi kkompletata:

bin-numru tal-kodiċi tal-korp ta’ kontroll

bil-logo tal-UE

bl-indikazzjoni “Agriculture UE ou/et Agriculture Grèce”

Rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-indikazzjoni:

Indikazzjonijiet li jikkonċernaw ċerti metodi ta’ produzzjoni

Id-Digriet Ministerjali Nru 280557 tad-9 ta’ Ġunju 2005, “Definizzjoni tat-tul tal-maturazzjoni, it-tqaddim u r-rilaxx għall-konsum ta’ nbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini ta’ kwalità superjuri u nbejjed lokali, kif ukoll l-indikazzjonijiet li għandhom jintużaw fuq it-tikkettar tagħhom fir-rigward tal-mod jew il-metodu tal-produzzjoni” (JORH Nru 818, it-2ni volum, tal-15 ta’ Ġunju 2005) jistabbilixxi, fl-Artikoli 3 u 4 tiegħu, il-prerekwiżiti għall-użu tal-indikazzjonijiet li ġejjin:

“ΝΕΟΣ ΟΙΝΟΣ” jew “ΝΕΑΡΟΣ ΟΙΝΟΣ” (inbid ġdid)

“ΩΡΙΜΑΝΣΗ ΣΕ ΒΑΡΕΛΙ” jew “ΩΡΙΜΑΣΕ ΣΕ ΒΑΡΕΛΙ” (maturazzjoni f’bettija jew immaturat f’bettija)

“ΠΑΛΑΙΩΜΕΝΟΣ ΣΕ ΒΑΡΕΛΙ” jew “ΠΑΛΑΙΩΣΗ ΣΕ ΒΑΡΕΛΙ” (imqaddem f’bettija jew tqaddim f’bettija)

“ΟΙΝΟΠΟΙΗΘΗΚΕ ΚΑΙ ΩΡΙΜΑΣΕ ΣΕ ΒΑΡΕΛΙ” jew “ΟΙΝΟΠΟΙΗΣΗ ΚΑΙ ΩΡΙΜΑΝΣΗ ΣΕ ΒΑΡΕΛΙ” (iffermentat u mmaturat f’bettija jew fermentazzjoni u maturazzjoni f’bettija)

“ΟΙΝΟΠΟΙΗΣΗ ΣΕ ΒΑΡΕΛΙ” jew “ΟΙΝΟΠΟΙΗΘΗΚΕ ΣΕ ΒΑΡΕΛΙ” (fermentazzjoni f’bettija jew iffermentat f’bettija).

Rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-indikazzjoni:

Indikazzjoni tas-sena tal-ħsad fuq it-tikketta.

Jekk tidher l-indikazzjoni “ΝΕΟΣ ΟΙΝΟΣ” jew “ΝΕΑΡΟΣ ΟΙΝΟΣ” (inbid ġdid) fuq it-tikketta tal-inbejjed, huwa obbligatorju li tissemma s-sena tal-ħsad tal-għeneb kif previst fl-Artikolu 1(2) tad-Digriet Ministerjali Nru 280557 tad-9 ta’ Ġunju 2005, “Definizzjoni tat-tul tal-maturazzjoni, it-tqaddim u r-rilaxx għall-konsum ta’ nbejjed b’denominazzjoni ta’ oriġini ta’ kwalità superjuri u nbejjed lokali, kif ukoll l-indikazzjonijiet li għandhom jintużaw fuq it-tikkettar tagħhom fir-rigward tal-mod jew il-metodu tal-produzzjoni” (JORH Nru 818, it-tieni volum, tal-15 ta’ Ġunju 2005).

Rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-indikazzjoni:

Indikazzjonijiet fuq it-tikkettar f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali

F’konformità mad-Digriet Ministerjali Nru 235309 tas-7 ta’ Frar 2002, l-indikazzjonijiet tradizzjonali li jistgħu jitniżżlu fuq it-tikketta tal-inbejjed bl-indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) Epanomi huma dawn li ġejjin:

ΛΕΥΚΟΣ ΑΠΟ ΛΕΥΚΑ ΣΤΑΦΥΛΙΑ (Abjad minn għeneb abjad), ΛΕΥΚΟΣ ΑΠΟ ΕΡΥΘΡΑ ΣΤΑΦΥΛΙΑ (Abjad minn għeneb iswed), ΛΕΥΚΟΣ ΑΠΟ ΕΡΥΘΡΩΠΑ ΣΤΑΦΥΛΙΑ Η ΛΕΥΚΟΣ ΑΠΟ ΓΚΡΙΖΑ ΣΤΑΦΥΛΙΑ (Abjad minn għeneb griż), ΚΟΚΚΙΝΕΛΙ (Kokkineli), ΟΙΝΟΣ ΛΟΦΩΝ (Inbid mill-għoljiet), ΟΙΝΟΣ ΠΛΑΓΙΩΝ (Inbid mill-ġnub tal-għoljiet).

Derogi

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-indikazzjoni:

L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni.

Derogi

Qafas legali:

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-indikazzjoni:

Id-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 392169 tal-20 ta’ Ottubru 1999, “Regoli ġenerali dwar l-użu tat-terminu ‘Τοπικός Οίνος’ (inbid lokali) biex jiddeskrivi inbid tal-mejda” (JORH Nru 1985, it-2ni volum, tat-8 ta’ Novembru 1999), kif emendat bid-Digriet Ministerjali Konġunt Nru 321813 tad-29 ta’ Awwissu 2007, jipprevedi, fl-Artikolu 4(c) tiegħu:

“L-inbejjed tal-mejda awtorizzati li jużaw it-terminu ‘inbid lokali’ bl-indikazzjoni ġeografika ta’ reġjun, nomenklatura jew reġjun ta’ vitikultura iżgħar min-nomenklatura, għandhom jiġu prodotti f’kantini tal-inbid li jinsabu fin-nomenklatura jew f’nomenklaturi li jmissu magħha.”

Aktar speċifikament, l-inbejjed tal-IĠP Epanomi jistgħu jiġu prodotti f’kantini tal-inbid fin-nomenklatura ta’ Tessaloniki jew fin-nomenklaturi ġirien ta’ Chalcidique, Émathie, Pella, Kilkis u Serres.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

http://www.minagric.gr/images/stories/docs/agrotis/POP-PGE/OINOS/PGE_prodiagrafes_epanomh050517.pdf


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.