28.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 392/8


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, mhux minuri, għal Speċifikazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2021/C 392/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITAJIET TRADIZZJONALI GARANTITI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“HEUMILCH”/“HAYMILK”/“LATTE FIENO”/“LAIT DE FOIN”/“LECHE DE HENO”

Nru tal-UE: TSG-AT-1035-AM01 – 25 ta’ Frar 2021

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Isem tal-grupp:

ARGE Heumilch Österreich

Indirizz:

Grabenweg 68

 

6020 Innsbruck

 

ÖSTERREICH

Numru tat-telefown:

+43 512345245

Indirizz elettroniku

office@heumilch.at

Dikjarazzjoni dwar l-interess leġittimu tal-grupp:

L-applikazzjoni għal emenda qed titressaq mill-grupp ta’ produtturi li ressaq l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”.

L-indikazzjoni tad-denominazzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” fil-lingwi tal-pajjiżi bit-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” tikkostitwixxi impenn għall-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali u għall-ispeċjalità tradizzjonali garantita. B’hekk, hija tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-denominazzjoni protetta tal-ħalib tat-tip “Heumilch”, li jibbenefika wkoll lill-grupp applikant.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

L-Awstrija

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emendi

☒ Isem tal-prodott

☐ Deskrizzjoni tal-prodott

☐ Metodu ta’ produzzjoni

☐ Oħrajn [speċifika]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ STG irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri f’konformità mar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emendi

Żieda tad-denominazzjoni Slovena għal ħalib tat-tip “Heumilch”:

Fil-punt “3.1. Ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati” (fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott skont il-mudell fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 668/2014, issa l-punt 1. “Isem/ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati”), żdiedet id-denominazzjoni Slovena għall-ħalib tat-tip “Heumilch”:

“Heumilch” (de)/“Haymilk” (en)/“Latte fieno” (it)/“Lait de foin” (fr)/“Leche de heno” (es)/“Seneno mleko” (sl)

Raġuni: Peress li l-ħalib tat-tip “Heumilch” huwa prodott fis-Slovenja skont il-metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali stabbilit fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, jenħtieġ li d-denominazzjoni Slovena tiġi protetta wkoll.

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

“Heumilch”/“Haymilk”/“Latte fieno”/“Lait de foin”/“Leche de heno”/“Seneno mleko”

Nru tal-UE: TSG-AT-1035-AM01 – 25 ta’ Frar 2021

“L-Awstrija”

1.   Isem/ismijiet

“Heumilch”/“Haymilk”/“Latte fieno”/“Lait de foin”/“Leche de heno”/“Seneno mleko”

2.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.4. Prodotti oħrajn li joriġinaw mill-annimali (bajd, għasel, diversi prodotti mill-ħalib għajr butir, eċċ.)

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

3.1.   Jekk il-prodott:

jirriżultax minn modalità ta’ produzzjoni, ta’ pproċessar jew ta’ kompożizzjoni li tikkorrispondi għall-prattika tradizzjonali ta’ dak il-prodott jew oġġett tal-ikel;

huwiex prodott minn dik il-materja prima jew minn dawk l-ingredjenti li kienu jintużaw tradizzjonalment.

Il-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” hija l-aktar forma naturali tal-produzzjoni tal-ħalib. Il-ħalib joriġina minn annimali li jitrabbew fi mħaleb tradizzjonali u sostenibbli. Id-differenza ewlenija bejn il-ħalib standard u l-ħalib tat-tip “Heumilch” u l-karattru tradizzjonali ta’ dan tal-aħħar, ġejja mill-fatt li, bħalma kien jiġri fl-iktar forma oriġinali tal-produzzjoni tal-ħalib, l-annimali ma jingħalfux foraġġ iffermentat. Sa mis-snin sittin (1960s), u minħabba l-mekkanizzazzjoni, l-industrijalizzazzjoni tal-agrikoltura bdiet tistrieħ dejjem aktar fuq il-produzzjoni tas-silaġġ (foraġġ iffermentat) u b’hekk naqset il-produzzjoni tal-foraġġ frisk. Barra minn hekk, ir-regolamenti jipprojbixxu l-użu ta’ annimali u ta’ għalf li għandhom jiġu identifikati bħala “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni prevalenti. Il-proċedura tat-tagħlif tinbidel skont il-bidliet staġjonali: matul il-“perjodu tat-tagħlif bil-foraġġ aħdar”, l-annimali jingħalfu ħaxix frisk u faxxina kif ukoll xi ħuxlief u forom ta’ għalf permessi skont il-punt 4.2; fil-perjodu tax-xitwa, l-annimali jingħalfu ħuxlief, jew forom oħra ta’ għalf permessi skont il-punt 4.2.

3.2.   Jekk l-isem:

kienx jintuża tradizzjonalment biex jirreferi għall-prodott speċifiku;

jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott.

4.   Deskrizzjoni

4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Ħalib tal-baqar li huwa f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li l-produtturi jridu jsegwu, inkluż, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti użati, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jitħejja l-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Il-ħalib tat-tip “Heumilch” huwa prodott skont il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tradizzjonali li jikkonformaw mal-“Heumilchregulativ” (ir-regolamenti dwar il-produzzjoni tal-“Heumilch”). Dan it-tip ta’ ħalib sar magħruf bis-saħħa ta’ regoli li jipprojbixxu l-użu ta’ foraġġ iffermentat, bħas-silaġġ, u ta’ regoli li jipprojbixxu l-użu ta’ annimali u ta’ għalf li għandhom jiġu identifikati bħala “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni prevalenti.

“Heumilchregulativ”

Il-ħalib tat-tip “Heumilch” huwa forma ta’ ħalib tal-baqar estratt mill-baqar li jkunu qed ireddgħu, prodott minn bdiewa tal-ħalib li jkunu ntrabtu li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin. Ma jistgħux jintużaw annimali jew għalf li għandhom jiġu identifikati bħala “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni prevalenti.

L-azjenda agrikola kollha trid titmexxa skont ir-regoli tal-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”.

a)

L-azjenda tista’ madankollu tinqasam f’unitajiet tal-produzzjoni ddefiniti b’mod ċar, li mhux bilfors jitmexxew kollha skont dawn ir-regoli. Dawn iridu jinqasmu skont setturi tal-produzzjoni distinti.

b)

Jekk skont il-punt (a), mhux l-unitajiet kollha tal-azjenda jitmexxew skont ir-regoli tal-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”, l-operatur irid iżomm l-annimali li jintużaw fl-unitajiet tal-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” separati mill-annimali li jintużaw fl-unitajiet l-oħra, u jżomm rekord adegwat sabiex juri din is-separazzjoni.

Tipi ta’ għalf permessi

L-annimali jingħalfu prinċipalment ħaxix frisk, pjanti leguminużi u faxxina matul il-“perjodu tat-tagħlif bil-foraġġ aħdar”, u ħuxlief fil-perjodu tax-xitwa.

Dawn li ġejjin huma inklużi u permessi bħala għalf oħxon addizzjonali: il-kolza ħadra, il-qamħirrum aħdar, is-segala ħadra u l-pitravi għall-foraġġ, kif ukoll ħuxlief, nifel u pellets tal-qamħirrum u tipi simili ta’ għalf.

Mill-inqas 75 % tal-għalf niexef li jingħata lill-annimali kull sena, irid ikun għalf oħxon.

Jistgħu jintużaw ukoll l-għelejjel taċ-ċereali li ġejjin, kemm fil-forma konvenzjonali tagħhom ta’ kif jitqiegħdu fis-suq, kif ukoll fi prodotti komposti bin-nuħħala, pellets, eċċ.: il-qamħ, ix-xgħir, il-ħafur, it-tritikal, is-segala u l-qamħirrum.

Dawn li ġejjin jistgħu jintużaw ukoll bħala għalf: fażola, piżelli tal-għelieqi, lupini, frott żejtni, u grixa jew pasta estratti.

Tipi ta’ għalf ipprojbiti

It-tipi ta’ għalf li ġejjin huma pprojbiti: silaġġ (foraġġ iffermentat), ħuxlief umduż u ħuxlief iffermentat.

L-annimali ma għandhomx jingħalfu prodotti sekondarji mill-birreriji, mid-distilleriji u mill-għasir tal-frott, jew prodotti sekondarji oħra mill-agroindustrija, bħall-ħabbiet imxarrbin tal-birreriji jew biċċiet tal-pjanti mxarrbin. Eċċezzjoni: biċċiet tal-pjanti nexfin u melassa bħala prodott sekondarju tal-manifattura taz-zokkor, u għalf niexef tal-proteina prodott matul l-ipproċessar tal-ħabba.

L-annimali li jreddgħu ma għandhom jingħalfu l-ebda forma ta’ foraġġ imxarrab.

L-annimali ma għandhomx jingħalfu prodotti ta’ oriġini mill-annimali (ħalib, xorrox, frakass tal-fdal tal-laħam u tal-għadam, eċċ.), ħlief għall-baqar iż-żgħar li jistgħu jingħalfu ħalib u xorrox.

L-annimali ma għandhomx jingħalfu skart tal-ġonna, frott li jkun waqa’, patata jew urea.

Kundizzjonijiet tal-fertilizzazzjoni

L-użu tal-ħama tad-dranaġġ, ta’ prodotti tal-ħama tad-dranaġġ, jew ta’ kompost li jkun ġej mill-faċilitajiet muniċipali tat-trattament tal-iskart, bl-eċċezzjoni ta’ kompost ekoloġiku, huwa pprojbit fiż-żoni agrikoli kollha sfruttati mill-fornitur tal-ħalib.

Il-fornituri tal-ħalib iridu jistennew mill-inqas tliet ġimgħat minn wara t-tidmil qabel ma jużaw l-art sabiex jirgħu l-bhejjem fuqha.

Użu ta’ sustanzi awżiljarji kimiċi

Fi kwalunkwe żona tal-foraġġ aħdar tal-maħleb, l-użu selettiv tal-pestiċidi kimiċi sintetiċi taħt is-superviżjoni esperta ta’ speċjalisti agronomiċi, u l-immirar ta’ siti speċifiċi biss huma permessi.

L-isprej li huwa permess biex joqtol id-dubbien jista’ jintuża fl-imqawel għall-produzzjoni tal-ħalib biss meta fihom ma jkunx hemm il-baqar li jkunu qed ireddgħu.

Projbizzjonijiet fuq it-tqassim tal-ħalib

Il-ħalib ma jistax jitqassam bħala tat-tip “Heumilch” qabel ma jgħaddu għaxart ijiem mit-twelid.

Fil-każ li jintużaw baqar li jkunu ngħalfu s-silaġġ (foraġġ iffermentat), irid japplika perjodu ta’ stennija ta’ mill-inqas 14-il jum.

Fir-rigward tal-annimali alpini li jkunu ngħalfu silaġġ (foraġġ iffermentat) fil-farms tagħhom, dawn għandhom jew jingħalfu ikel li ma jkunx fih silaġġ għal 14-il jum qabel ma jittellgħu jirgħu fuq il-mergħat alpini, inkella l-ħalib tagħhom jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala tat-tip “Heumilch” biss wara li dawn ikunu qattgħu 14-il jum fuq il-mergħat alpini (li l-proprjetarju tagħhom ikun il-fornitur tal-ħalib). Fil-mergħat alpini ma jistax jiġi prodott jew użat silaġġ bħala għalf.

Projbizzjoni ta’ ikel u għalf ġenetikament modifikati

Sabiex tinżamm il-produzzjoni tradizzjonali tal-ħalib tat-tip “Heumilch”, ma jistgħux jintużaw annimali jew għalf li għandhom jiġu identifikati bħala “ġenetikament modifikati” skont il-leġiżlazzjoni prevalenti.

Regolamenti oħrajn:

Ma jista’ jiġi prodott jew maħżun l-ebda silaġġ (foraġġ iffermentat).

Ma jistgħux jiġu prodotti jew maħżuna balal tondi ta’ kwalunkwe tip imkebbin fil-film.

Ma jistax jiġi prodott ħuxlief umduż jew ħuxlief iffermentat.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi prinċipali li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament)

Karattru speċifiku

Il-ħalib tat-tip “Heumilch” ivarja mill-ħalib standard tal-baqar minħabba l-kundizzjonijiet speċjali tal-produzzjoni tiegħu skont il-punt 4.2 tal-“Heumilchregulativ”.

L-istudji li għamlu Dr Ginzinger u l-kollegi tiegħu fil-Bundesanstalt für alpenländische Milchwirtschaft (l-Aġenzija Federali għat-trobbija tal-bhejjem tal-ħalib fir-reġjuni alpini) f’Rotholz fl-1995 u fl-2001, urew li 65 % tal-kampjuni tal-ħalib li fih is-silaġġ kien fihom iktar minn 1 000 spora tal-Clostridium għal kull litru. L-analiżi li saret fuq il-ħalib imqassam lil manifattur kbir tal-ġobon uriet li 52 % tal-kampjuni kellhom iktar minn 10 000 spora tal-Clostridium għal kull litru. Studji wrew li 85 % tal-kampjuni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” prodott minn baqar li l-għalf tagħhom ma kienx fih silaġġ, kellhom inqas minn 200 spora tal-Clostridium f’kull litru, filwaqt li 15 % tal-kampjuni kellhom bejn 200 u 300 spora għal kull litru. Minħabba l-metodi speċjali tat-tagħlif, il-ħalib tat-tip “Heumilch” fih livell partikolarment baxx ta’ spori tal-Clostridium. B’hekk, meta jiġi mmanifatturat ġobon iebes mill-ħalib mhux ipproċessat tat-tip “Heumilch”, dan ikollu inqas problemi serji marbutin mat-togħma u mat-toqob tiegħu.

Bħala parti mill-proġett ta’ riċerka dwar “l-effett tas-silaġġ fuq il-kwalità tal-ħalib”, it-togħma tal-ħalib li joriġina mill-annimali li ngħalfu u dawk li ma ngħalfux silaġġ ġiet mistħarrġa (Ginzinger u Tschager, Bundesanstalt für alpenländische Milchwirtschaft, f’Rotholz, fl-1993). 77 % tal-kampjuni tal-ħalib eżaminati li joriġinaw minn annimali li ngħalfu ħuxlief, ma kellhomx problemi fit-togħma. Fil-każ tal-kampjuni tal-ħalib li joriġinaw minn annimali li ngħalfu silaġġ (ħalib standard), 29 % biss tal-kampjuni tal-ħalib ma kellhomx problemi fit-togħma. Kien hemm ukoll differenza sinifikanti bejn it-testijiet li saru fuq il-ħalib mit-tankijiet tat-trakkijiet li jwasslu l-ħalib. 94 % tat-testijiet fuq il-ħalib tat-tip “Heumilch” prodott minn baqar li l-għalf tagħhom ma kienx fih silaġġ, ma kellhomx problemi fit-togħma. Madanakollu, il-proporzjon ta’ kampjuni tal-ħalib prodott minn baqar li l-għalf tagħhom kien fih is-silaġġ u ma kellux problemi fit-togħma kien biss ta’ 45 %.

Fi studju ta’ teżi li saret fl-Università ta’ Vjenna (minn Schreiner, Seiz u Ginzinger, fl-2011), ġie ppruvat li l-ħalib tat-tip “Heumilch” fih kontenut ta’ bejn wieħed u ieħor id-doppju tal-aċidi xaħmin tal-omega-3 u tal-aċidi linolejki konjugati, meta mqabbel mal-ħalib standard, minħabba li t-tagħlif kien ibbażat fuq l-għalf oħxon u l-mergħa assoċjati ma’ dik il-forma ta’ ħalib

Karattru tradizzjonali

Il-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch” u l-ipproċessar tiegħu ilhom jeżistu minn kemm ilha teżisti t-tradizzjoni tat-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib (tmur lura għal madwar il-ħames seklu QK). Fil-Medju Evu, fil-ktajjen minuri tal-Alpi u l-muntanji tat-Tirol, kien diġà jiġi prodott il-ġobon mill-ħalib tat-tip “Heumilch” fil-“Schwaighöfe” (imħaleb żgħar fl-Alpi). Il-kelma “Schwaig” ġejja mill-Ġermaniż mitkellem fi żmien il-Medju Evu u tirreferi għal forma speċjali ta’ insedjament u, partikolarment, għall-biedja fir-reġjun tal-Alpi. Il-farms “Schwaighöfe” kienu spiss jiġu stabbiliti bħala insedjamenti permanenti mis-sidien tal-art u l-bhejjem tagħhom tal-ifrat u kienu jintużaw l-iktar għat-trobbija ta’ bhejjem tal-ħalib (b’mod partikolari għall-produzzjoni tal-ġobon). Dawn ilhom jeżistu fit-Tirol u f’Salzburg sa mis-seklu tnax. Fiż-żoni tal-muntanji, il-ħalib tat-tip “Heumilch” kien marbut oriġinarjament mal-produzzjoni tal-ġobon iebes li ġej mill-ħalib mhux ipproċessat. Sa mill-1900 diġà kien hemm liġijiet (regolamenti dwar il-ħalib) li kienu għaddew dwar il-ħalib prodott minn baqar li l-għalf tagħhom ma jkunx fih silaġġ adattat għall-produzzjoni tal-ġobon iebes . Fl-Awstrija, madwar is-sena 1950, tali liġijiet iffurmaw il-bażi tal-“Milchregulative”(regolamenti dwar il-ħalib) tal-provinċji ta’ Vorarlberg, ta’ Tirol u ta’ Salzburg. Fl-1975 dawn il-“Milchregulative” ġew armonizzati u adottati mill-korp Awstrijak tat-trobbija tal-bhejjem tal-ħalib bħala r-regoli dwar il-ħalib adattat għall-produzzjoni tal-ġobon iebes (ara: “Bestimmungen über die Übernahme von hartkäsetauglicher Milch” (ir-regoli dwar il-ħalib adattat għall-produzzjoni tal-ġobon iebes), Österreichische Milchwirtschaft Heft 14, Beilage 6 Nr. 23c, 21 ta’ Lulju 1975). Sal-1993, l-awtorità Awstrijaka li kien hemm qabel tat-trobbija tal-bhejjem tal-ħalib, kienet irregolat ċerti żoni tal-produzzjoni magħrufa bħala “żoni fejn l-użu tas-silaġġ huwa pprojbit”, sabiex tibqa’ tiġi ppreservata l-materja prima tal-ħalib tat-tip “Heumilch” (li huwa magħruf ukoll bħala “ħalib prodott minn baqar li l-għalf tagħhom ma jkunx fih silaġġ” u bħala “ħalib adattat għall-produzzjoni tal-ġobon iebes”) għall-manifatturi tal-ġobon li jiddependu mill-ħalib mhux ipproċessat. Fl-1995, iż-żona fejn l-użu tas-silaġġ huwa pprojbit għall-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”, kompliet tiġi protetta permezz tal-“miżura ta’ rinunzja tas-silaġġ” inkluża fil-linji gwida speċjali tal-Ministeru Federali għall-Agrikoltura, il-Forestrija, l-Ilma u l-Ġestjoni Ambjentali sabiex tiġi promossa forma estensiva ta’ agrikoltura li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent u li tħares il-ħabitat naturali (il-programm Awstrijak għal agrikoltura li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, magħruf bħala “ÖPUL”).

Fir-reġjuni tal-Alpi, l-annimali minn dejjem ingħalfu b’mod tradizzjonali skont il-kriterji għall-produzzjoni tal-ħalib tat-tip “Heumilch”. Il-produzzjoni tal-ġobon fir-reġjuni tal-Alpi tissemma f’dokumenti u ċertifikati dwar il-mergħat tal-Alpi Wildschönauer Holzalm fit-Tirol li jmorru lura sa mill-1544.

Sa mill-bidu tas-snin tmenin (1980s), xi bdiewa li jipproduċu l-ħalib tat-tip “Heumilch” kienu qed imexxu huma wkoll l-farms tagħhom skont kriterji organiċi/ekoloġiċi.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.