5.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 313/25


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2021/C 313/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA TAL-UNJONI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

SOAVE

PDO-IT-A0472-AM04

Data tal-applikazzjoni: 21 ta’ Marzu 2019

1.   Applikant u interess leġittimu

Consorzio Tutela Vini Soave e Recioto di Soave

Associazione di produttori della DOP Soave

2.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Kategorija tal-prodott tad-dwieli

Rabta

Restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni

3.   Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda

Dispożizzjonijiet dwar l-ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata

L-intestatura fl-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda

Artikolu 5(1)

Deskrizzjoni u raġunijiet

L-emenda tikkonċerna d-dispożizzjoni dwar l-ibbottiljar fiż-żona tal-produzzjoni demarkata.

B’din l-emenda, il-produtturi tad-DOP Soave għandhom l-għan li jikkoreġu nuqqas fit-test oriġinali tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott approvat fl-aħħar tal-1968, żmien meta r-regoli ġenerali dwar id-denominazzjonijiet tal-oriġini nazzjonali jew tal-UE kienu jispeċifikaw li l-ibbottiljar u l-ippakkjar iridu jsiru fiż-żona demarkata. Din ir-regoli ġenerali ġiet introdotta wara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tas-16 ta’ Mejju 2000, il-kawża C-388/95.

Ir-raġuni għall-emenda hija l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-kwalità tal-inbejjed tad-DOP Soave, li tiġi ggarantita l-oriġini tagħhom u li jiġi żgurat li l-kontrolli jkunu effettivi u f’waqthom.

Jidher li t-trasport u l-ibbottiljar barra miż-żona tal-produzzjoni jistgħu jikkompromettu l-kwalità tal-inbid Soave, peress li jista’ jkun espost għal reazzjonijiet redox, bidliet f’daqqa fit-temperatura u kontaminazzjoni mikrobijoloġika. Dawn il-fenomeni b’mod partikolari jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-karatteristiċi fiżikokimiċi (l-aċidità totali minima, l-estratt minimu mingħajr zokkor, eċċ.) u organolettiċi (il-kulur, l-aroma u t-togħma).

Dawn ir-riskji jsiru aktar serji aktar ma tkun kbira d-distanza miż-żona tal-produzzjoni. Madankollu, l-ibbottiljar fiż-żona tal-oriġini jgħin jippreżerva l-karatteristiċi u l-kwalità tal-prodott, peress li l-konsenji tal-inbid ma jiġux ittrasportati jew jiġu ttrasportati fuq distanzi qosra biss.

Dawn l-aspetti, flimkien mal-esperjenza u l-għarfien teknikuxjentifiku profond tal-kwalitajiet partikolari tal-inbejjed miksuba mill-produtturi tad-denominazzjoni ta’ oriġini Soave matul is-snin, jippermettu li l-ibbottiljar jitlesta fiż-żona tal-oriġini bl-aħjar prekawzjonijiet teknoloġiċi bil-ħsieb li jiġu ppreżervati l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi kollha tal-inbejjed koperti mill-Ispeċifikazzjoni.

Objettiv ieħor tal-ibbottiljar fiż-żona tal-produzzjoni huwa li jiġi żgurat li l-korp kompetenti jkun jista’ jwettaq id-dmirijiet ta’ monitoraġġ tiegħu bl-akbar effiċjenza, effikaċja u kosteffettività. Dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu assigurati bl-istess mod barra miż-żona tal-produzzjoni.

Il-korp ta’ kontroll li jwettaq il-verifika annwali tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ispeċifikazzjoni jista’ jiskeda malajr ħafna ż-żjarat ta’ spezzjoni għand l-impriżi kollha involuti fiż-żona ta’ produzzjoni fiż-żmien li l-inbid Soave jkun qed jiġi bbottiljat, f’konformità mal-pjan ta’ spezzjoni rispettiv.

L-għan huwa li jiġi żgurat b’mod sistematiku li l-konsenji tal-inbid Soave li l-ewwel ikunu ġew iċċertifikati li għaddew mit-testijiet fiżikokimiċi u organolettiċi mwettqa mill-korp ta’ spezzjoni biss ikunu jistgħu jiġu bbottiljati. Dan jagħmilha possibbli li jinkisbu riżultati aħjar f’termini tal-effikaċja tal-verifiki, bi spiża limitata għall-produtturi, bl-għan li joffru lill-konsumaturi l-garanziji massimi rigward l-awtentiċità tal-inbid.

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.9 tad-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Soave

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

5.

Inbid frizzanti ta’ kwalità

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Soave (inklużi s-Soave Classico u s-Soave Colli Scaligeri)

kulur: isfar lewn it-tiben kultant jagħti fl-aħdar;

aroma: karatteristika b’aromaintensa u delikata;

togħma: xotta, b’palat medju, armonjuża, ftit morra;

qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 10,5% vol. għas-Soave u 11,0% vol. għas-Soave Classico u għas-Soave Colli Scaligeri;

estratt minimu mingħajr zokkor: 15,0 g/l għas-Soave u 16,0 g/l għas-Soave Classico u għas-Soave Colli Scaligeri;

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Soave spumante (inklużi s-Soave spumante Classico u s-Soave spumante Colli Scaligeri)

ragħwa: fina u persistenti;

kulur: isfar lewn it-tiben kultant jagħti fl-aħdar, jgħajjat;

aroma: karatteristika b’aromaintensa u delikata;

togħma: b’palat medju, armonjuża, ftit morra fil-verżjonijiet extra brut jew brut jew extra dry jew dry;

qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 11 % vol.;

estratt minimu mingħajr zokkor: 15,0 g/l

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

5,0 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

Il-metodu Taljan tal-produzzjoni ta’ nbid frizzanti (awtoklava) jew il-metodu klassiku

Prattika enoloġika speċifika

Fermentazzjoni naturali mill-ġdid f’awtoklavi, bl-użu tal-metodu Charmat jew Martinotti, jew il-metodu klassiku (fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun) skont ir-regoli fis-seħħ dwar il-produzzjoni ta’ nbejjed frizzanti.

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

Soave, Soave spumante

15 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

Soave Classico, u spumante Soave Colli Scaligeri, u spumante

14 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Żona ġeografika demarkata

A

- L-għeneb li jintuża għall-produzzjoni tal-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata Soave jrid jikber fiż-żona li tinkludi t-territorju kollu, jew parti minnu, tal-muniċipalitajiet ta’ Soave, Monteforte d’Alpone, San Martino Buon Albergo, Mezzane di Sotto, Roncà, Montecchia di Crosara, San Giovanni Ilarione, San Bonifacio, Cazzano di Tramigna, Colognola ai Colli, Caldiero, Illasi u Lavagno fil-provinċja ta’ Verona.

Il-konfini ta’ din iż-żona huma definiti kif ġej:

Lejn in-Nofsinhar, min-naħa tal-Punent, tibda mill-post abitat ta’ San Martino Buon Albergo u ssegwi t-triq nazzjonali Nru 11 sa S. Pietro. Imbagħad iddur lejn in-Nofsinhar għat-triq li twassal għal Caldiero u minn hemm issegwi t-tarf tal-għoljiet Rocca u Gazzo “l fuq mill-altitudni 40 sakemm terġa’ lura għat-triq nazzjonali Nru 11 u ssegwi t-triq muniċipali li taqsam il-linja ferrovjarja Milan-Venezja permezz ta’ passaġġ minn fuqha; Minn hemm id-demarkazzjoni tikkoinċidi mat-triq nazzjonali Nru 11 sal-pont fuq ix-xmara Alpone viċin il-fabbrika taz-zokkor ta’ San Bonifacio minn fejn issegwi t-triq li tgħaddi minn San Lorenzo sakemm tiltaqa’ mal-awtostrada Serenissima, li min-naħa tagħha tiddemarka ż-żona fil-muniċipalità ta’ San Bonifacio sal-fruntiera mal-provinċja ta’ Vicenza. Id-demarkazzjoni tikkoinċidi mal-konfini mal-provinċja ta’ Vicenza tal-muniċipalitajiet ta’ Monteforte, Roncà u San Giovanni Ilarione sat-triq li taqsam il-konfini provinċjali, fin-Nofsinhar tal-Monte Madarosa; imbagħad tingħaqad ma’ dik it-triq fid-direzzjoni ta’ San Giovanni Ilarione, u tgħaddi minn Deruti, Lovati, Paludi u Rossetti sal-post abitat imsemmi qabel; minn hemm issegwi t-triq li tgħaddi minn Cereghi, Fornace u Tessari f’altitudni 250, tgħaddi tul il-Vaio Muni sa Soejo u mbagħad tkompli sal-punt fejn jiltaqgħu l-konfini tal-muniċipalitajiet ta’ Tregnago, San Giovanni Ilarione u Cazzano. Minn dak il-punt id-demarkazzjoni ssegwi l-konfini tal-muniċipalità ta’ Cazzano sa Soraighe; minn hemm issegwi t-triq li tgħaddi taħt l-għoljiet ta’ M. Bastia, l-ewwel lejn it-Tramuntana u mbagħad lejn il-Lvant taħt C. Andreani. Minn hemm issegwi t-triq li tgħaddi minn Montecchia di Crosara u tiltaqa’ max-xmara Albo. Wara li tingħaqad mat-triq minn Tolotti, iddur lejn in-Nofsinhar permezz tal-altitudni 300 li tgħaddi taħt C. Brustoloni u tingħaqad mat-triq li twassal għal Dami permezz tal-altitudni 326; minn hemm il-konfini bejn Soave, Cazzano u Montecchia jiltaqgħu fl-altitudni 418, minn fejn issegwi l-konfini bejn Cazzano u Montecchia lejn it-Tramuntana sakemm, wara 100 metru, taqsam linja tal-ferrovija li tkompli matulha lejn il-Punent sa C. Fontana Fora. Imbagħad issegwi l-linja tal-ferrovija lejn in-Nofsinhar sa Pissolo di Sopra u mbagħad it-triq li tgħaddi minn Faella, qabel ma ddur lejn il-Lvant biex tasal f’Pissolo di Sotto. Imbagħad issegwi l-linja tal-ferrovija lejn in-Nofsinhar sa Pissolo di Sopra u tkompli fid-direzzjoni ta’ Pissolo di Sotto sakemm tgħaddi mir-raħal. Tkompli għaddejja minn Chiavica u wara ssegwi t-triq li twassal minn Cazzano sa Canova. Tasal sar-raħal ta’ Canova u eżatt wara tipproċedi lejn il-Punent mill-altitudni 84 sal-altitudni 73, tmur lil hinn minn il Pissolo u tasal sa Cantina Sociale (ara d-dettall A1*). Minn hemm taqbad il-Via Monti u ssegwiha sa Cazzano.

Tul it-triq, fiċ-ċentru ta’ Cazzano (altitudni 100), iddur lejn il-Punent sa T. Tramigna u mbagħad tinżel lejn in-Nofsinhar sal-pont fit-triq għal Illasi. Issegwi dik it-triq lejn il-Punent sas-salib it-toroq ta’ S. Colombano u mbagħad issegwi t-triq sal-kappella (altitudni 135). Tkompli lejn in-Nofsinhar (ara d-dettall A2*) sa Grisi, u mbagħad lejn il-Lvant-Xlokk fejn tgħaddi minn Case Val dell’Oco u tkompli sa Cereolo di Sopra. Issegwi t-triq li twassal għal Cereolo di Sotto u mbagħad it-triq lejn il-Punent u t-triq li, lejn il-Lbiċ, tasal sa Bocca Scaluce u ssegwi l-ewwel il-linja tal-ferrovija lejn it-Tramuntana u mbagħad it-triq li lil hinn minn Pistoza tilħaq it-triq lejn Illasi. Issegwi ftit din it-triq lejn il-Punent (għal madwar 100 metru) u mbagħad issegwi l-linja tal-ferrovija madwar C.Troni lejn it-Tramuntana, u mbagħad, filwaqt li tibqa’ sejra lejn il-Punent, taqbad it-triq li tingħaqad mat-triq lejn Illasi. Taqbad dik it-triq lejn in-Nofsinhar għal madwar 250 metru u mbagħad, lejn il-Punent, it-triq li tgħaddi min-Nofsinhar ta’ Mormontea sa qrib km 16 fit-triq lejn Illasi. Taqbad dik it-triq lejn il-Lbiċ u ssegwiha għal ftit distanza lejn ix-xmara Illasi. Taqsam ix-xmara u tkompli minn Valnogara u mbagħad tul il-Via Montecurto, l-ewwel lejn il-Punent sal-intersezzjoni mal-Via Cara, u mbagħad, skont linja immaġinarja lejn il-Punent-Lbiċ (ara d-dettall A3*), taqsam il-konfini muniċipali ta’ Illasi, f’Montecurto di Sopra. Imbagħad issegwi din il-fruntiera lejn it-Tramuntana sa qrib l-altitudni 92 fit-triq lejn Lione. Issegwi dik it-triq lejn it-Tramuntana, tgħaddi minn Lione, lil hinn minn C. Spiazzi, u f’Leon S. Marco tieħu t-triq li lejn il-Grigal tilħaq C. Santi f’altitudni 135. Minn hemm issegwi t-triq għal Fratta għal madwar 300 metru lejn il-Punent u mbagħad lejn it-Tramuntana, tgħaddi minn Fratta u lejn il-Punent sa Mezzane di Sotto. Imbagħad issegwi t-triq lejn in-Nofsinhar madwar Casoni, Turano, Val di Mezzo, tmur lil hinn minn Boschetto u tilħaq l-altitudni 73 f’Villa Alberti. Imbagħad issegwi t-triq lejn il-Lbiċ sa Barco di Sopra u mbagħad tkompli l-ewwel lejn il-Punent u mbagħad lejn il-Majjistral sakemm tiltaqa’ mat-triq lejn S. Briccio. Issegwiha lejn il-Grigal sa Casetta u mbagħad issegwi l-linja tal-ferrovija lejn il-Punent sat-triq li tgħaddi ftit min-Nofsinhar ta’ S. Rocco, Ca” Brusà u mbagħad lejn in-Nofsinhar tul it-triq li, wara li tgħaddi minn l’Arcandole, tasal San Martino Buon Albergo minn fejn bdiet id-demarkazzjoni.

B

- L-għeneb li jintuża għall-produzzjoni tal-inbid Soave Classico jrid jikber fiż-żona approvata bid-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Ottubru 1931 (Gazzetta Uffiċjali Nru 289 tas-16 ta’ Diċembru 1931), li tinkludi parti mit-territorju tal-muniċipalitajiet ta’ Soave u Monteforte d’Alpone u hija definita kif ġej: Minn Porta Verona ta’ Soave, issegwi t-triq Soave-Monteforte sal-villaġġ ta’ San Lorenzo, fid-distrett ta’ Soave. Minn hemm, tmur lejn it-Tramuntana, billi ssegwi l-għoljiet ta’ Monte Tondo, sakemm tiltaqa’ mal-fruntiera bejn it-territorji tal-muniċipalitajiet ta’ Soave u Monteforte. Imbagħad issegwi l-għoljiet ta’ Monte Zoppega, inkluż ir-raħal ta’ Monteforte d’Alpone, f’din l-ordni: Via Zoppega, Via Novella, Via San Carlo, Via 27 Aprile. Imbagħad taqsam ix-xmara Alpone u terġa’ tingħaqad mal-Via Alpone. Tkompli lejn it-Tramuntana u finalment tieħu l-Via Roma biex tinkludi ż-żona ta’ Monticello (ara d-dettall B1*). Taqsam il-Via Santa Croce u tmur lejn il-Majjistral, biex tinkludi Cantina Sociale di Monteforte. Issegwi l-Via XX Settembre fid-direzzjoni tan-Nofsinhar u mbagħad tkompli lil hinn mix-xmara Alpone. Taqbad il-Via della Fontana li tgħaddi l-ewwel lejn il-Punent, imbagħad lejn in-Nofsinhar, imbagħad lejn il-Punent, u finalment lejn it-Tramuntana, u mbagħad issegwi l-għoljiet ta’ Monte Riondo (ara d-dettall B2*). Issegwi l-Via Monte Riondo għal madwar 530 metru u mbagħad iddur lejn it-Tramuntana biex teskludi l-parti alluvjali ta’ Torrente Ponsara. Imbagħad tieħu t-triq fid-direzzjoni tal-Lvant u tiltaqa’ mal-konfini tal-iskeda katastali 13 tal-muniċipalità ta’ Monte Forte d’Alpone li ssegwi l-Via Cervia għal madwar 110 metri. Tinkludi r-raħal ta’ Casotti (ara d-dettall B3*) u mbagħad tiltaqa’ mat-triq Monteforte-Brognoligo. Issegwi dik it-triq lejn it-Tramuntana sal-punt fejn tiltaqa’ max-xmara Torrente Carbonare, u (ara d-dettall B4*) lejn il-Punent tgħaddi tul l-għoljiet ta’ Monte Grande. Imbagħad tinżel lejn il-Lvant, fuq ix-xellug tal-wied ta’ Carbonare, u tinkludi l-post abitat ta’ Brognoligo, l-irħula ta’ Valle u Mezzavilla, u l-post abitat ta’ Costalunga. (ara d-dettall B5*) F’dan il-punt iddur lejn it-Tramuntana, u ssegwi t-triq muniċipali ta’ Sorte sakemm tiltaqa’ mal-intersezzjoni ta’ Roggia Viennega max-xmara Alpone. Imbagħad issegwi l-konfini tat-Tramuntana tat-territorju ta’ Monteforte sal-konfini tal-muniċipalità ta’ Soave f’Moscatello. Issegwi din il-konfini u tasal sa Valle Crivellara fil-punt fejn il-konfini ta’ Soave tifforma angolu. Minn hemm, il-linja tad-demarkazzjoni tissepara mill-konfini, tmur lejn il-Punent u tilħaq l-altitudni 331 f’Villa Visco. Imbagħad issegwi parti mil-linja tal-ferrovija li tinżel minn Monte Campano, tgħaddi mill-altitudni 250 u, ftit wara, f’Casa Nui, tilħaq il-fergħa sekondarja tal-Anguane (ara d-dettall B6*), li mbagħad tkompli sat-triq provinċjali ta’ Soave-Cazzano. Issegwi t-triq provinċjali lejn in-Nofsinhar sal-aħħar djar ta’ Battocchi. Minn hemm tmur lejn il-Lvant, billi ssegwi l-linja tal-ferrovija muniċipali li tgħaddi minn La Carcera sakemm taqsam, kemm kemm lil hinn mill-altitudni 54, it-triq provinċjali Soave-Castelcerino. Imbagħad tinżel lejn in-Nofsinhar permezz tal-linja tal-ferrovija muniċipali ta’ Monte Foscarino u Monte Cèrcene sal-intersezzjoni mat-triq provinċjali Soave-Castelcerino. Iddur lejn il-ġenb fin-naħa tal-Lbiċ u tinkludi l-post abitat ta’ Borgata Bassano, u tasal sal-ixmara skavata Tramigna. Issegwiha lejn in-Nofsinhar sat-triq provinċjali Soave-Borgo San Matteo, iddur lejn il-Punent tul il-ħitan tan-Nofsinhar ta’ Soave u tasal sal-Porta di Verona, fejn tibda ż-żona Classica.

C

- L-għeneb li jintuża għall-produzzjoni tal-inbid Soave bl-ispeċifikazzjoni addizzjonali tas-subżona “Colli Scaligeri” jrid jikber fiż-żona demarkata kif ġej: Miż-żona tal-punent (San Martino Buon Albergo), minn Marcellise f’San Rocco, tinżel fil-Bosco della Fratta sa Fenilon. Minn hemm, mal-ġenb tat-triq li taqsam il-pjanura mill-għolja, tasal Palù u mbagħad tmur sa Casette fid-direzzjoni ta’ San Giacomo. Minn hemm, maġenb l-għolja li tiddomina fuqha, iddur għal fuq it-triq provinċjali fid-direzzjoni ta’ Monticelli fil-muniċipalità ta’ Lavagno. Tgħaddi minn Fontana sa San Pietro (Lavagno). Mal-ġenb tat-triq li tifforma l-fruntiera bejn il-pjanura u l-għolja, tkompli għaddejja minn Villa Alberti, tgħaddi minn Boschetto, Turano, sakemm taqsam il-Progno di Mezzane fl-altitudni 92, u ssegwiha lejn it-Tramuntana sakemm tiltaqa’ mal-Via Leon li tmur lejn il-Lvant u mbagħad lejn in-Nofsinhar, fid-direzzjoni ta’ C. Spiazzi, u mbagħad minn Squarzego, Montecurto di Sopra, Canova u Casotti. Minn hemm tkompli lejn il-Lvant sa Calle fil-muniċipalità ta’ Illasi, lejn in-Nofsinhar permezz tat-triq provinċjali sal-knisja f’San Zeno, u mbagħad lejn il-Lvant sa Ceriani. Minn hemm tkompli lejn Villa u ssegwi t-triq li taqsam l-għolja mill-pjanura ħdejn Naronchi. Imbagħad tgħaddi lejn in-Nofsinhar minn San Pietro, maġenb it-triq sakemm tasal Pontesello u Caneva fit-tramuntana sa Orgnano. Minn Orgnano tmur lejn il-Grigal u ssegwi l-profil tal-għolja u tasal San Vittore. Minn hemm it-triq tgħaddi lejn it-Tramuntana minn Molini sakemm tasal fil-muniċipalità ta’ Cazzano di Tramigna fil-Cantina Sociale, u tgħaddi minn Fenil del Monte. Tkompli sal-Via Molini (minn Cazzano di Tramigna) u qabel taqsam il-Via Siro Conti ddur lejn in-Nofsinhar-Xlokk minn Chiavica, lil hinn minn Canova sakemm tasal fil-muniċipalità ta’ Soave f’Costeggiola. Titla “l fuq lejn il-Grigal u ssegwi l-konfini ta’ Soave Classico minn ġo Casa Nui, Villa Visco, Valle Crivellara, imbagħad tkompli lejn il-Lvant, dejjem maġenb iż-żona klassika minn Meggiano u Ca” Vecchie. Il-linja tad-demarkazzjoni mbagħad tgħaddi lejn it-tramuntana minn i Motti fil-muniċipalità ta’ Montecchia di Crosara, minn Castello, tgħaddi miċ-ċentru ta’ Montecchia, tgħaddi minn Biondari sa Lauri. Minn hemm it-triq taqsam it-triq provinċjali għall-barriera tal-bażalt u mbagħad lejn in-Nofsinhar fid-direzzjoni ta’ Danesi di Sotto, Casarotti u Dal Cero. Imbagħad tidħol fil-muniċipalità ta’ Roncà lejn il-Lvant, tgħaddi minn Prandi u tasal sal-post abitat ta’ Roncà (ara d-dettalji C1 u C2). Minn hemm tmur fid-direzzjoni ta’ Vittori u, fin-Nofsinhar, Momello, Binello, sakemm tasal Calderina fil-konfini mal-muniċipalità ta’ Gambellara. Id-demarkazzjoni ssegwi l-fruntiera mal-provinċja ta’ Vicenza tal-muniċipalitajiet ta’ Monteforte, Roncà u San Giovanni Ilarione sat-triq li taqsam il-fruntiera provinċjali, fin-Nofsinhar tal-Monte Madarosa; imbagħad tingħaqad ma’ dik it-triq fid-direzzjoni ta’ San Giovanni Ilarione, u tgħaddi minn Deruti, Lovati, Paludi u Rossetti sal-post abitat imsemmi qabel; minn hemm issegwi t-triq li tgħaddi minn Cereghi, Fornace u Tessari f’altitudni 250, tgħaddi tul il-Vaio Muni sa Soejo u mbagħad tkompli sal-punt fejn jiltaqgħu l-konfini tal-muniċipalitajiet ta’ Tregnago, San Giovanni Ilarione u Cazzano. Minn dak il-punt id-demarkazzjoni ssegwi l-konfini tal-muniċipalità ta’ Cazzano sa Soraighe; minn hemm issegwi t-triq li tgħaddi taħt l-għoljiet ta’ M. Bastia, l-ewwel lejn it-Tramuntana u mbagħad lejn il-Lvant taħt C. Andreani. Minn hemm issegwi t-triq li tgħaddi minn Montecchia di Crosara u tiltaqa’ max-xmara Albo. Wara li tingħaqad mat-triq minn Tolotti, iddur lejn in-Nofsinhar permezz tal-altitudni 300 li tgħaddi taħt C. Brustoloni u tingħaqad mat-triq li twassal għal Dami permezz tal-altitudni 326; minn hemm il-konfini bejn Soave, Cazzano u Montecchia jiltaqgħu fl-altitudni 418, minn fejn issegwi l-konfini bejn Cazzano u Montecchia lejn it-Tramuntana sakemm, wara 100 metru, taqsam linja tal-ferrovija li tkompli matulha lejn il-Punent sa C. Fontana Fora. Imbagħad issegwi l-linja tal-ferrovija lejn in-Nofsinhar sa Pissolo di Sopra u tkompli fid-direzzjoni ta’ Pissolo di Sotto sakemm tgħaddi mir-raħal. Tkompli għaddejja minn Chiavica u wara ssegwi t-triq li twassal minn Canova sa Cazzano di Tramigna. Tasal fiċ-ċentru ta’ Cazzano (altitudni 100), iddur lejn il-Punent sa T. Tramigna u mbagħad tinżel lejn in-Nofsinhar sal-pont fit-triq għal Illasi. Issegwi dik it-triq lejn il-Punent sas-salib it-toroq ta’ S. Colombano u mbagħad issegwi t-triq sal-kappella (altitudni 135). Tkompli lejn in-Nofsinhar (ara d-dettall A2*) sa Grisi, u mbagħad lejn il-Lvant-Xlokk fejn tgħaddi minn Case Val dell’Oco u tkompli sa Cereolo di Sopra. Issegwi t-triq li twassal għal Cereolo di Sotto u mbagħad it-triq li, lejn il-Punent, tasal sa Bocca Scaluce u ssegwi l-ewwel il-linja tal-ferrovija lejn it-Tramuntana u mbagħad it-triq li lil hinn minn Pistoza tilħaq it-triq lejn Illasi. Issegwi ftit din it-triq (għal madwar 100 metru) Punent u mbagħad issegwi l-linja tal-ferrovija madwar C.Troni lejn it-Tramuntana, u mbagħad, filwaqt li tibqa’ sejra lejn il-Punent, taqbad it-triq li tingħaqad mat-triq lejn Illasi. Taqbad dik it-triq lejn in-Nofsinhar għal madwar 250 metru u mbagħad, lejn il-Punent, it-triq li tgħaddi min-Nofsinhar ta’ Mormontea sa qrib km 16 fit-triq lejn Illasi. Taqbad dik it-triq lejn il-Lbiċ u ssegwiha għal ftit distanza lejn ix-xmara Illasi. Taqsam ix-xmara u tkompli tul it-triq lejn i Guerri minn fejn issegwi, lejn il-Punent, linja immaġinarja minn Montecurto di Sopra sa i Guerri (ara d-dettall A3*), u hi u ssegwi dik il-linja taqsam il-konfini muniċipali ta’ Illasi, f’Montecurto di Sopra. Imbagħad issegwi din il-fruntiera lejn it-Tramuntana sa qrib l-altitudni 92 fit-triq lejn Lione. Issegwi dik it-triq lejn it-Tramuntana, tgħaddi minn Lione, lil hinn minn C. Spiazzi, u f’Leon S. Marco tieħu t-triq li lejn il-Grigal tilħaq C. Santi f’altitudni 135. Minn hemm issegwi t-triq għal Fratta għal madwar 300 metru lejn il-Punent u mbagħad lejn it-Tramuntana, tgħaddi minn Fratta u lejn il-Punent sa Mezzane di Sotto. Imbagħad issegwi t-triq lejn in-Nofsinhar madwar Casoni, Turano, Val di Mezzo, tmur lil hinn minn Boschetto u tilħaq l-altitudni 73 f’Villa Alberti. Imbagħad issegwi t-triq lejn il-Lbiċ sa Barco di Sopra u mbagħad tkompli l-ewwel lejn il-Punent u mbagħad lejn il-Majjistral sakemm tiltaqa’ mat-triq lejn S. Briccio. Issegwiha lejn il-Grigal sa Casetta u mbagħad issegwi l-linja tal-ferrovija fil-Punent tat-triq li matulha tasal S. Rocco.

Dik iż-żona tinkludi wkoll l-għoljiet ta’ Monte Rocca u Monte Gazzo fil-muniċipalità ta’ Caldiero u ta’ Monte Bisson fil-muniċipalità ta’ Soave, li hija demarkata kif ġej:

Demarkazzjoni “Monte Gazzo”- “Monte Rocca” – Muniċipalità ta’ Caldiero.

Mit-triq nazzjonali Nru 11 ta’ Padana fil-banjijiet termali ta’ Giunone, taqbad it-triq li twassal għall-banjijiet termali, madwar l-għoljiet ta’ Monte Gazzo sal-altitudni 53. Minn hemm idur lejn ix-xellug u ssegwi l-profil tal-għolja li tifforma l-konfini ta’ Monte Rocca sakemm tiltaqa’ mat-triq muniċipali. Iddur fuq ix-xellug lejn iċ-ċentru ta’ Caldiero sal-pjazza. Imbagħad tkompli lejn il-lemin sakemm tiltaqa’ mat-triq muniċipali ta’ Zecconelli fuq ix-xellug, u tħalliha kważi immedjatament biex tkompli lejn it-Tramuntana billi ssegwi l-altitudni sakemm tingħaqad mal-linja tal-ferrovija. Minn hawn issegwi l-linja tal-ferrovija, u tkompli għaddejja lejn il-Lvant sal-bidu tad-demarkazzjoni.

Id-demarkazzjoni “Monte Bisson” – Il-Muniċipalità ta’ Soave.

Mill-kapitali f’Fornello tipproċedi f’direzzjoni skont l-arloġġ lejn it-Tramuntana u tkompli tul it-triq muniċipali ta’ Bisson, sal-intersezzjoni mat-triq li twassal għar-raħal ta’ San Vittore. Filwaqt li żżomm fuq il-lemin, tkompli ssegwi l-profil tal-għolja lejn in-Nofsinhar, sal-altitudni 42 sal-azjenda agrikola ta’ Bisson, u minn hemm, filwaqt li tibqa’ fl-altitudni 42, tipproċedi lejn il-Punent lejn it-triq muniċipali li twassal għal Fornello fil-muniċipalità ta’ Colognola ai Colli.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Chardonnay B.

Garganega B.

Trebbiano di Soave B. - Trebbiano

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Id-DOP Soave – għall-kategoriji kollha (Inbid u Inbid Frizzanti ta’ Kwalità)

Dettalji taż-żona ġeografika;

Il-fatturi naturali li huma rilevanti għar-rabta

Iż-żona tal-produzzjoni tal-inbejjed tad-DOK Soave tinsab fil-parti tal-Punent taċ-ċentru tar-reġjun ta’ Monti Lessini qrib il-Wied Po. Il-ħamrija bit-tufa bażaltika ta’ oriġini vulkanika tikkonsisti prinċipalment f’substrati ta’ blat tal-bażalt dekompost li wasslu għal ħamrija ta’ trab ġulġlieni tafli ta’ kulur tipikament skur, b’livell baxx ta’ alkalini, rikka fis-sustanzi minerali, bi skular tajjeb iżda kapaċità tajba li żżomm l-ilma matul is-sena kollha. Dak il-karattru minerali jiffavorixxi l-proċess ta’ fermentazzjoni tal-most miksub mill-għeneb tal-Garganega u tat-Trebbiano di Soave.

F’termini ta’ klima, iż-żona ta’ Soave hija ffavorita minn klima ħafifa u moderata b’xita annwali ta’ bejn 700 u 1 000 mm, li hija prinċipalment ikkonċentrata fir-rebbiegħa u l-ħarifa. Il-klima tipikament hija moderata u umda bi sjuf sħan.

L-altitudni tal-vinji tvarja minn 35 m ’il fuq mil-livell tal-baħar fiż-żona tal-għoljiet baxxi għal 380 m ’il fuq mil-livell tal-baħar fl-ogħla għoljiet, bi gradjenti li jvarjaw u esponiment prinċipalment lejn il-Lvant, in-Nofsinhar u l-Punent;

Il-fatturi storiċi u umani rilevanti għar-rabta

Sa minn żmien ir-Rumani, it-territorju ta’ Soave kien diġà “pagus”, jiġifieri distrett agrikolu limitat għall-vitikultura magħruf għall-post tajjeb tiegħu u l-kultivazzjoni intensiva. L-għeneb tiegħu kien jintużaw biex isiru nbejjed speċjali msejħa “acinatici”, bl-użu ta’ metodu tradizzjonali ta’ tqaddid tal-għeneb. Dan issemma f’xi ittri minn żmien ir-Re Gotiku Teodoriku (503 A.D.), li jirrakkomandaw li l-produtturi ta’ Verona jfittxu dawn l-inbejjed “ħelwin ħafna u b’palat tajjeb” għall-Mejda Rjali u li ma jinsewx l-inbid magħmul mill-għeneb abjad, li “jleqq bħal xarba tal-ħalib u huwa ċarament pur... b’togħma pjaċevolment franka u estremament ħelwa”. Ir-rekords mis-680 A.D. isemmu l-użu tal-kannizzati ta’ Verona, metodu tradizzjonali ta’ tħarriġ tad-dwieli użat fiż-żona anki sal-lum.

Iż-żieda fil-produzzjoni u l-fama tal-inbejjed Soave wasslet fl-1924 għall-ewwel miżura biex tipproteġi u tiddefendi l-inbejjed tipiċi. Din kienet segwita mit-twaqqif tal-Consorzio per la difesa del Vino Tipico Soave (Il-Konsorzju għad-Difiża tal-Inbid Tipiku Soave). Fl-1931 il-Ministru Taljan irrikonoxxa l-ewwel żona demarkata għall-produzzjoni ta’ “Vino Típico Soave” (Inbid Tipiku Soave). Id-DOP ġiet rikonoxxuta fl-1968.

Il-produtturi tal-inbid ilhom sekli sħaħ iqisu l-kannizzati ta’ Verona bħala s-sistema ideali għat-tħarriġ tad-dwieli. Minbarra li hija karatteristika tal-pajsaġġ, din is-sistema ta’ tkabbir hija wkoll kruċjali għall-kwalità tal-inbejjed u l-kontinwità tal-produzzjoni tagħhom.

Fi snin reċenti, żviluppi f’din is-sistema ta’ tħarriġ tad-dwieli wasslu għal bidliet f’xi parametri fid-dawl tal-objettivi enoloġiċi segwiti: il-produtturi tal-inbid qalbu minn kannizzati bi spazju ta’ 4.5-5 m bejn ir-ringieli u investiment ta’ 0,8 sa 1,5 m fuq ir-ringieli (fejn l-ispazju bejn ir-ringieli tipikament kien kompletament mgħotti mill-veġetazzjoni) għal kannizzati b’distanzi ta’ tħawwil aktar dojoq u dwieli li jinżabru ħafna iqsar b’numru ħafna aktar baxx ta’ blanzuni għal kull pjanta.

Is-sistemi ta’ tħarriġ tad-dwieli tal-kannizzatti ta’ Verona għalhekk jippermettu lill-għeneb isir u jikseb saħħa ottimali.

Minbarra din is-sistema tradizzjonali ta’ tħarriġ tad-dwieli bbażata fuq il-kannizzati, hemm ukoll metodi ta’ ħitan jew espalier, b’mod partikolari f’żoni ta’ artijiet ċatti fejn huwa eħfef li jintużaw il-magni fuq id-dwieli waqt iż-żbir u l-ħsad.

F’terren bl-għoljiet, peress li huwa diffiċli li jiġu mekkanizzati l-operazzjonijiet fuq l-għoljiet weqfin, il-ħsad ġeneralment tardiv isir prinċipalment bl-idejn.

Iż-żona ta’ Soave attwalment tipproduċi numru sinifikanti ta’ nbejjed eċċellenti li jingħataw il-premji kull sena mill-gwidi internazzjonali ewlenin tas-settur. Tingħata wkoll premji eċċellenti u regolari fil-kompetizzjonijiet ewlenin tal-produzzjoni tal-inbid madwar id-dinja.

Id-DOP Soave – Kategoriji tal-Inbid

Rabta ta’ kawżalità bejn il-kwalità, il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku, u l-fatturi naturali u umani.

L-inbid tad-DOP Soave, inklużi dawk il-varjazzjonijiet li għandhom l-indikazzjonijiet “Classico” u “Colli Scaligeri”, huma ta’ isfar lewn it-tiben li kultant jagħti fl-aħdar, b’aroma intensa pjaċevoli u togħma rikka b’aċidità bbilanċjata tajjeb; b’mod aktar speċifiku, hemm noti mmarkati ta’ lewż u fjuri bojod, frott eżotiku, ċitru u ħwawar.

L-għoljiet taż-żona ta’ Verona jipprovdu ambjent ideali għall-prodotti tad-DOP Soave kif ukoll għal dawk li għandhom l-indikazzjonijiet “Classico” u “Colli Scaligeri”. Il-ħamrija kalkarja u vulkanika hija rikka fin-nutrijenti u n-nixxigħat friski li jinżlu mill-Monti Lessini jippermettu li jintlaħaq sajran ottimali filwaqt li tinżamm l-aċidità tal-għeneb li hija meħtieġa għall-inbejjed bojod. Il-metodu tradizzjonali tat-tħarriġ tad-dwieli bil-kannizzati, l-għarfien espert tekniku tal-produtturi tal-inbid, is-sekli ta’ tradizzjoni u l-investimenti fit-teknoloġija moderna kollha jingħaqdu biex jipproduċu nbejjed ta’ kumplessità kbira ta’ aroma u rikkezza fit-togħma, b’firxa minn medja sa għolja ta’ zokkor u aċidità bbilanċjata tajjeb.

B’mod aktar speċifiku, l-inbid tad-DOP Soave li għandu l-indikazzjoni “Classico” huwa l-inbid bl-eqdem tradizzjoni fiż-żona, u għandu karatteristiċi organolettiċi minerali, togħma sħiħa u bbilanċjata tajjeb b’noti baxxi ta’ ħxejjex, olfattorji u retroolfattorji.

Id-DOP Soave – Kategorija ta’ Inbid Frizzanti ta’ Kwalità

Rabta ta’ kawżalità bejn il-kwalità, il-karatteristiċi tal-prodott u l-ambjent ġeografiku, u l-fatturi naturali u umani.

L-inbejjed frizzanti tad-DOP Soave, u dawk li għandhom l-indikazzjonijiet “Classico” u “Colli Scaligeri”, għandhom ragħwa fina u persistenti. Huma isfar lewn it-tiben kultant jagħti fl-aħdar, jgħajjat, b’aroma delikata u bilanċ pjaċevoli bejn l-estratti u z-zokkor f’termini ta’ togħma. Il-kontenut taz-zokkor ivarja minn extra brut għal xott.

Il-klima moderata u l-varjazzjonijiet fit-temperatura bejn il-ġurnata u l-lejl li huma tipiċi fiż-żona ta’ Soave huma strumentali fil-produzzjoni ta’ numru sinifikanti ta’ prekursuri aromatiċi li jtejbu l-karatteristiċi organolettiċi u n-noti tipiċi tad-dwieli varji li jiffurmaw il-varjetajiet tal-għeneb għad-DOP Soave.

L-inbid frizzanti huwa wkoll pjaċevolment vivaċi b’aċidità xotta u bilanċ pjaċevoli fit-togħma ta’ estratti u zokkor. L-għeneb jinħasad qabel dak maħsub għall-produzzjoni tal-verżjoni mhux frizzanti tal-inbid tad-DOP Soave, sabiex jiġi żgurat li l-livelli tal-aċidità jkunu għoljin biżżejjed. L-aċidità hija ggarantita wkoll mill-pH baxx tal-ħamrija u l-varjazzjonijiet fit-temperatura li huma tipiċi taż-żona.

9.   Rekwiżiti oħra speċifiċi

DOP Soave

Qafas ġuridiku :

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Deroga għall-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/33, l-inbid jista’ jiġi prodott fit-territorju tal-provinċja ta’ Verona u fit-territorju tal-muniċipalitajiet ta’ Gambellara u Montebello fil-provinċja ta’ Vicenza.

DOP Soave

Qafas ġuridiku:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Ir-raġuni għall-ibbottiljar fiż-żona ta’ produzzjoni demarkata hija l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-kwalità tal-inbejjed tad-DOP Soave, li tiġi ggarantita l-oriġini tagħhom u li jiġi żgurat li jistgħu jitwettqu kontrolli effikaċi u kosteffettivi f’waqthom.

Jidher li t-trasport u l-ibbottiljar barra miż-żona tal-produzzjoni jistgħu jikkompromettu l-kwalità tal-inbid Soave, peress li jista’ jkun espost għal reazzjonijiet redox, bidliet f’daqqa fit-temperatura u kontaminazzjoni mikrobijoloġika, li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-karatteristiċi fiżikokimiċi (l-aċidità totali minima, l-estratt minimu mingħajr zokkor, eċċ.) u organolettiċi (il-kulur, l-aroma u t-togħma).

Dawn ir-riskji jsiru aktar serji aktar ma tkun kbira d-distanza miż-żona tal-produzzjoni.

Madankollu, l-ibbottiljar fiż-żona tal-oriġini jgħin jippreżerva l-karatteristiċi u l-kwalità tal-prodott, peress li l-konsenji tal-inbid ma jiġux ittrasportati jew jiġu ttrasportati fuq distanzi qosra biss.

Dawn l-aspetti, flimkien mal-esperjenza u l-għarfien teknikuxjentifiku profond tal-kwalitajiet partikolari tal-inbejjed miksuba mill-produtturi tad-denominazzjoni ta’ oriġini Soave matul is-snin, jippermettu li l-ibbottiljar jitlesta fiż-żona tal-oriġini bl-aħjar prekawzjonijiet teknoloġiċi bil-ħsieb li jiġu ppreżervati l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u organolettiċi kollha tal-inbejjed koperti mill-Ispeċifikazzjoni.

Objettiv ieħor tal-ibbottiljar fiż-żona tal-produzzjoni huwa li jiġi żgurat li l-korp kompetenti jkun jista’ jwettaq id-dmirijiet ta’ monitoraġġ tiegħu bl-akbar effiċjenza, effikaċja u kosteffettività. Dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu assigurati bl-istess mod barra miż-żona tal-produzzjoni.

Il-korp ta’ kontroll jista’ jiskeda malajr ħafna ż-żjarat ta’ spezzjoni għand l-impriżi kollha involuti fiż-żona ta’ produzzjoni fiż-żmien li l-inbid Soave jkun qed jiġi bbottiljat, f’konformità mal-pjan ta’ spezzjoni rispettiv.

L-għan huwa li jiġi żgurat b’mod sistematiku li l-konsenji tal-inbid tad-DOP Soave biss ikunu jistgħu jiġu bbottiljati. Dan jippermetti li jinkisbu riżultati aħjar f’termini tal-effikaċja tal-verifiki, bi spiża limitata għall-produtturi, bl-għan li joffru lill-konsumaturi l-garanziji massimi rigward l-awtentiċità tal-inbid.

Barra minn hekk, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ u biex jiġu mħarsa d-drittijiet preeżistenti, il-kumpaniji tal-ibbottiljar jistgħu japplikaw għal deroga biex ikomplu jibbottiljaw fil-bini tagħhom li jinsab barra miż-żona demarkata, sakemm jissottomettu l-applikazzjoni rilevanti lill-Ministeru għall-Agrikoltura, l-Ikel u l-Forestrija u jipprovdu dokumentazzjoni li tipprova li bbottiljaw inbejjed tad-DOP Soave għal mill-inqas sentejn mill-ħames snin qabel id-dħul fis-seħħ tal-emenda li tintroduċi r-rekwiżit li l-ibbottiljar isir fiż-żona (dan ma għandux għalfejn ikun perjodu ta’ sentejn mingħajr interruzzjoni).

Id-DOP Soave – Referenza għall-Unitajiet Ġeografiċi Addizzjonali

Qafas ġuridiku:

Il-leġiżlazzjoni tal-UE

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Fid-deskrizzjoni u fil-preżentazzjoni tal-inbejjed Soave, Soave Classico u Soave Colli Scaligeri huwa awtorizzat li wieħed jirreferi għall-Unitajiet Ġeografiċi Addizzjonali li ġejjin:

1.

Brognoligo

2.

Broia

3.

Ca’ del vento

4.

Campagnola

5.

Carbonare

6.

Casarsa

7.

Castelcerino

8.

Castellaro

9.

Colombara

10.

Corte del Durlo

11.

Costalta

12.

Costalunga

13.

Coste

14.

Costeggiola

15.

Croce

16.

Duello

17.

Fittà

18.

Froscà

19.

Foscarino

20.

Menini

21.

Monte di Colognola

22.

Monte Grande

23.

Paradiso

24.

Pigno

25.

Ponsara

26.

Pressoni

27.

Roncà - Monte Calvarina

28.

Rugate

29.

Sengialta

30.

Tenda

31.

Tremenalto

32.

Volpare

33.

Zoppega

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/16389


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.