15.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/15


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni ta’ approvazzjoni ta’ emenda standard fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem fis-settur tal-inbid kif imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 17 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2021/C 283/06)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1)

KOMUNIKAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD LI TIMMODIFIKA D-DOKUMENT UNIKU

Graves

PDO-FR-A1012-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 7 ta’ Mejju 2021

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali

Il-lista ta’ muniċipalitajiet ġiet aġġornata b’kunsiderazzjoni tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali tal-2020.

Din hija bidla purament editorjali, u ż-żona ġeografika ma nbidlitx.

Il-punti 6 u 9 tad-Dokument Uniku ġew emendati b’riżultat ta’ din il-bidla.

2.   Żona tal-irqajja’ demarkata

Id-data tal-11 ta’ Frar 2021 żdiedet mal-anness li jelenka l-laqgħat tal-kumitat nazzjonali kompetenti li approva d-demarkazzjoni tal-irqajja’ demarkati.

Din l-emenda għandha l-għan li żżid id-data ta’ approvazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ emenda taż-żona tal-irqajja’ demarkata fiż-żona ġeografika ta’ produzzjoni. Id-demarkazzjoni tal-irqajja’ tikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ dawk l-irqajja’ fi ħdan iż-żona ġeografika tal-produzzjoni li huma tajbin għall-produzzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta kkonċernata.

Id-Dokument Uniku mhuwiex affettwat minn dawn l-emendi.

3.   Referenza għall-korp ta’ spezzjoni

L-abbozzar tar-referenza għall-korp ta’ spezzjoni ġiet ifformulata mill-ġdid biex tiġi allinjata mal-formulazzjoni użata fi Speċifikazzjonijiet oħra tal-Prodott. Din l-emenda hija purament editorjali

u ma twassal għall-ebda bidla fid-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet

Graves

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ oriġini protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

1.   Inbid aħmar mhux frizzanti

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

L-inbejjed ħomor ġejjin minn varjetajiet ta’ dwieli bilanċjati, fejn il-varjetà cabernet sauvignon N tipprovdi aromi u struttura u l-varjetà merlot N tipprovdi aroma u togħma delikata. Flimkien ma’ dawn hemm il-varjetajiet carbernet franc N, petit-verdot N, malbec N u carmenère N. Meta d-dwieli jkunu għadhom żgħar, ta’ spiss jiżviluppaw aromi ta’ frott aħmar b’lemħiet ta’ aromi ta’ ħwawar u ta’ inkaljar. Dawn l-inbejjed huma eleganti u strutturati, fini u aromatiċi u jiżviluppaw b’armonija, u għalhekk fwieħet l-inbid jieħu lemħiet affumikati delikati. Jilħqu l-aqwa tagħhom bejn 5 u 10 snin wara, skont il-vendemmji u l-oriġini tagħhom.

Qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 11 %.

Qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13,5 % wara l-arrikkiment.

Il-fermentazzjoni malolattika hija obbligatorja għall-inbejjed ħomor.

il-kontenut ta’ aċidu maliku huwa ta’ 0,30 gramma għal kull litru jew inqas.

il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli huwa ta’ 3 grammi għal kull litru jew inqas.

KARATTERISTIĊI ANALITIĊI

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum):

 

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum):

 

Aċidità totali minima:

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru):

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru):

 

2.   Inbid abjad xott mhux frizzanti

DESKRIZZJONI TESTWALI KONĊIŻA

L-inbejjed bojod huma eleganti u rikki. Dawn l-inbejjed isiru mill-varjetà sémillon B u ġeneralment jiżviluppaw lemħiet florali u jsiru wkoll naturalment kremużi, iżda xorta jibqa’ jkollhom togħma friska. Meta jitħalltu mal-varjetà sauvignon B, li tipprovdi vivaċità u espressjoni, u mal-varjetà muscadelle B li toffri lemħiet ħfief tal-misk, dawn l-inbejjed ta’ spiss ikollhom aromi ta’ fjuri u tal-frott taċ-ċitru xi kultant b’lemħiet eżotiċi jew tal-mentol. Il-maturazzjoni fi btieti, li tintuża xi kultant, tippermetti li l-inbid isir aktar rikk u kumpless wara ftit snin.

Qawwa alkoħolika minima naturali skont il-volum ta’ 10,5 %.

Is-saħħa alkoħolika naturali totali hija ta’ 13 % wara l-arrikkiment.

il-kontenut ta’ zokkor fermentabbli huwa ta’ 4 grammi għal kull litru jew inqas.

KARATTERISTIĊI ANALITIĊI

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum):

 

Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum):

 

Aċidità totali minima:

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru):

13,27

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

5.1.    Prattiki enoloġiċi speċifiċi

1.   Densità u distanza bejn id-dwieli

Prattika tal-kultivazzjoni

Id-densità minima tat-tħawwil tad-dwieli hija ta’ 5,000 pjanta għal kull ettaru. Id-distanza bejn ir-ringieli ma tistax tkun akbar minn 2 metri, u d-distanza bejn il-pjanti fl-istess ringiela ma tistax tkun inqas minn 0,8 metri.

2.   Regoli dwar iż-żbir tad-dwieli

Prattika tal-kultivazzjoni

Iż-żbir isir l-aktar tard fl-istadju meta l-weraq ikunu mifruxa (l-istadju 9 ta’ Lorenz). Id-dwieli jinżabru skont it-tekniki li ġejjin b’massimu ta’ tnax-il għajn fuq kull dielja:

żabra qasira (bid-difer) jew żabra twila (biż-żargun);

żabra qasira fuq spalliera doppja jew forma ta’ mrewħa b’erba’ dirgħajn.

3.   Tisqija

Prattika tal-kultivazzjoni

It-tisqija matul il-perjodu ta’ veġetazzjoni tad-dielja tista’ tiġi awtorizzata biss fil-każ ta’ nixfa persistenti u meta din tfixkel l-iżvilupp fiżjoloġiku tajjeb tad-dwieli u l-maturazzjoni tajba tal-għeneb.

4.   Arrikkiment

Prattika enoloġika speċifika

It-tekniki ta’ arrikkiment imnaqqas (TSE) huma awtorizzati għall-inbejjed ħomor fil-limitu ta’ konċentrazzjoni ta’ 15 %.

L-inbejjed ħomor ma għandhomx jaqbżu il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13,5 % wara l-arrikkiment.

L-inbejjed bojod ma għandhomx jaqbżu il-qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’ 13 % wara l-arrikkiment.

5.2.    Rendimenti massimi

Inbid aħmar

65 ettolitru għal kull ettaru

Inbid abjad

68 ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-ħsad tal-għeneb, il-vinifikazzjoni, il-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-inbejjed isiru fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tad-département ta’ Gironde abbażi tal-kodiċi ġeografiku uffiċjali tas-26 ta’ Frar 2020: Arbanats, Ayguemorte-les-Graves, Beautiran, Bègles, La Brède, Budos, Cabanac-et-Villagrains, Cadaujac, Canéjan, Castres-Gironde, Cérons, Cestas, Eysines, Gradignan, Guillos, Le Haillan, Illats, Isle-Saint-Georges, Landiras, Langon, Léogeats, Léognan, Martillac, Mazères, Mérignac, Pessac, Podensac, Portets, Pujols-sur-Ciron, Roaillan, Saint-Médard-d’Eyrans, Saint-Michel-de-Rieufret, Saint-Morillon, Saint-Pardon-de-Conques, Saint-Pierre-de-Mons, Saint-Selve, Saucats, Talence, Toulenne, Villenave-d’Ornon, Virelade, u f’parti tat-territorju tal-muniċipalità ta’ Coimières li tikkorrispondi għat-Taqsima A msejħa Herrères l-ewwel pjanta tal-irqajja’ tar-reġistru tal-artijiet (pjan rivedut ghall-1934) iċċertifikat konformi mal-iskeċċ ta’ pjanta ta’ konservazzjoni fil-5 ta’ Novembru 2010.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

Cabernet franc N

Cabernet-Sauvignon N

Carménère N

Cot N - Malbec

Merlot N

Muscadelle B

Petit Verdot N

Sauvignon B - Sauvignon blanc

Sauvignon gris G - Fié gris

Sémillon B

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Graves” tifforma strixxa ta’ wisa’ ta’ madwar għaxar kilometri fuq in-naħa tax-xellug tal-Garonne mit-Tramuntana ta’ Bordeaux għax-Xlokk ta’ Langon.

Kif jindika l-isem tad-denominazzjoni, it-territorju ta’ “Graves” huwa magħmul minn ċagħaq, ġebel, żrar ftit jew wisq oħxon, ramel imħallat max-xaħx u mat-tafal, li f’xi postijiet jinsab fuq ġebel tal-ġir iżda ġeneralment fuq ir-ramel pur jew l-alios (ramel miġbur li jkun fih partikoli tal-ħadid) jew fuq it-tafal. Huwa magħmul minn 43 muniċipalità tad-département ta’ Gironde.

L-artijiet għandhom storja ġeoloġika twila u kumplessa, marbuta mill-qrib mal-oriġini tal-Garonne, mat-tibdiliet fl-iżvilupp tiegħu u mal-episodji glaċjali suċċessivi tal-era Kwaternarja. Matul dawn il-perjodi, il-glaċieri tal-Pirenej ħaffru l-widien tagħhom u ħejjew il-blat li fuqu jiskulaw ix-xmajjar sar-reġjun ta’ Bordeaux. Minn dawn id-depożiti suċċessivi baqgħu biss relikwi fil-forma ta’ għoljiet ta’ graves ta’ kull dimensjoni u ta’ kull tip.

L-artijiet li ffurmaw minn dak iż-żmien ’l hawn għandhom ħamrija permeabbli ħafna minħabba li fiha ħafna żrar u ċagħaq. Dawn mhumiex l-uniċi artijiet kwalitattivi ħafna tal-“Graves”, iżda jikkostitwixxu s-sinsla u l-immaġni tal-eċċellenza tiegħu. L-inklinazzjonijiet tagħhom jiffavorixxu l-fluss tal-ilma u għalhekk jiggarantixxu drenaġġ superfiċjali perfett tal-ilma. Dan id-drenaġġ huwa msaħħaħ permezz ta’ netwerk idrografiku kbir ta’ xmajriet żgħar tal-ilma li huma t-tributarji tal-Garonne. Huma artijiet li għandhom alimentazzjoni idrika tad-dwieli regolata ħafna.

Huma protetti mit-temp fil-Punent permezz tal-foresta tal-arżnu li għandha rwol importanti fir-regolazzjoni tat-temperatura, mis-sħana u l-umdità eċċessivi permezz ta’ ventilazzjoni naturali minħabba li jinsabu ħdejn il-Garonne, u jibbenefikaw mill-influwenzi oċeaniċi li jimmoderaw il-ġlata tar-rebbiegħa. B’hekk il-vinja għandha l-vantaġġ ta’ klima partikolari u favorevoli. Il-pajsaġġi vitikoli ta’ dan is-settur, magħmula minn inklinazzjonijiet mhux weqfin ħafna fejn il-ġebel ċar u jleqq jirrifletti d-dawl fuq l-għeneb, jinsabu bejn ix-xmara u l-foresti tal-arżnu.

L-artijiet tar-reġjun tal-Graves huma artijiet fejn oriġinaw l-aħjar inbejjed ħomor u bojod tar-reġjun ta’ Bordeaux, u f’dan ir-reġjun ġew żviluppati prattiki li għadhom jintużaw sal-lum. Mis-sekli sbatax u tmintax il-varjetajiet li kienu jitkabbru fi klima oċeanika kienu jeħtieġu arbli ta’ appoġġ u suċċessivament użu mifrux ta’ rbit u metodu rigoruż ta’ żbir biex jiġi żgurat tqassim tajjeb tal-għeneb li jrid jinħasad u wiċċ tal-werqa kbir biżżejjed għall-fotosinteżi biex tiġi żgurata maturità ottimali.

B’rispett tad-drawwiet diġà traskritti fid-Digriet tal-4 ta’ Marzu 1937 li jiddefinixxi d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Graves”, iż-żona tal-irqajja’ demarkata għall-ħsad tal-għeneb tikklassifika l-irqajja’ li għandhom il-karatteristika ta’ drenaġġ naturali bil-kwalità ta’ drenaġġ tagħhom jew bil-pożizzjoni tagħhom fuq għolja jew inklinazzjoni. Huma esklużi s-sitwazzjonijiet ġeografiċi u topografiċi li huma soġġetti għall-ġlata fir-rebbiegħa minħabba li jinsabu ’l bogħod mill-Garonne jew magħluqin fil-foresta (għaliex iċ-ċirkolazzjoni tal-mases ta’ arja kiesħa tiġi ostakolata).

L-irqajja’ demarkati b’mod preċiż jippermettu espressjonijiet ottimali tal-varjetajiet lokali, magħżula tul l-istorja għall-kapaċitajiet ta’ konservazzjoni u maturazzjoni tagħhom, marbuta mal-ħtieġa li dawn il-prodotti jiġu trasportati ’l bogħod.

L-artijiet b’ħafna ġebel, sħan u mhux fertili wisq tad-denominazzjoni jillimitaw b’mod naturali l-produzzjoni tal-inbejjed ħomor, iżda jippermettu maturità ottimali tal-varjetajiet cabernet-sauvignon N u merlot, appoġġati wkoll mir-regolazzjoni termika li hija żgurata permezz tal-viċinanza max-xmara tal-Garonne. L-inbejjed li jinkisbu hekk għandhom struttura tajba u għalhekk huma soġġetti għal żvilupp li huwa meħtieġ għall-maturazzjoni tagħhom u għall-aqwa espressjoni tagħhom qabel ma jitqiegħdu fis-suq għall-konsumaturi.

L-artijiet li fihom l-aktar ramel jew b’matriċi taflija huma aktar xierqa għall-produzzjoni tal-inbejjed bojod tad-denominazzjoni li toriġina l-aktar mill-varjetajiet ta’ sauvignon B u sémillon B. Dawn l-artijiet jagħmlu nbid frisk u fin b’espressjonijiet tal-fjuri u tal-frott.

Sabiex jiġi żgurat ħsad suffiċjenti, mingħajr ma jittaqqlu żżejjed id-dwieli (garanzija ta’ maturità u ta’ konċentrazzjoni ottimali tal-frott), id-densità minima tat-tħawwil hija għolja.

Il-prossimità mal-port ta’ Bordeaux, fejn storikament kien hemm kummerċ qawwi tal-inbejjed mad-dinja kollha, u s-sitwazzjoni ġeopedoloġika speċifika, ippermettew lid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Graves” tikseb fama internazzjonali.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Żona fi prossimità immedjata

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplementari:

Deroga li tikkonċerna l-produzzjoni fiż-żona ġeografika ddefinita

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Iż-żona fi prossimità immedjata, iddefinita bid-deroga għall-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqaddim, tinkludi t-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin mid-département ta’ Gironde, abbażi tal-Kodiċi Ġeografiku Uffiċjali tas-26 ta’ Frar 2020: Barsac, Béguey, Bieujac, Bommes, Cadillac, Fargues, Langoiran, Loupiac, Le Pian-sur-Garonne, Preignac, Rions, Saint-Loubert, Saint-Maixant, Saint-Pierre-d’Aurillac, Sainte-Croix-du-Mont, Sauternes u l-parti tal-muniċipalità ta’ Castets et Castillon li tikkorrispondi għat-territorju ta’ dik li qabel kienet il-muniċipalità ta’ Castets-en-Dorthe qabel ma ingħaqdet ma’ Castillon-de-Castets fl-1 ta’ Jannar 2017.

Unità ġeografika usa’

Qafas legali:

Leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ kundizzjoni supplementari:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta jistgħu jispeċifikaw fuq it-tikketti tagħhom l-unità ġeografika usa’ ta’ “Vin de Graves”. Id-daqs tal-ittri għal din l-unità ġeografika usa’ ma għandux ikun akbar, fl-għoli jew fil-wisa’, minn żewġ terzi tad-daqs tal-ittri li jifformaw l-isem tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.

Link għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-f819edf9-40af-4f73-9357-def82d1a30d2


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.