24.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 245/21


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Russja u t-Turkija

(2021/C 245/17)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Russja u mit-Turkija, huwa l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qed ikun ta’ dannu (2) għall-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment tressaq fit-12 ta’ Mejju 2021 minn Eurofer (“l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

Verżjoni pubblika tal-ilment u tal-analiżi tal-livell ta’ appoġġ mill-produtturi tal-Unjoni għall-ilment jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. It-Taqsima 5.6 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl mill-partijiet interessati.

2.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar illigat jew tal-azzar mhux illigat; miksi jew mgħotti permezz ta’ galvanizzazzjoni hot dip biż-żingu u/jew bl-aluminju u/jew bil-manjeżju, sew jekk ligat bis-siliċju sew jekk le; b’passivazzjoni kimika; bi kwalunkwe trattament ta’ wiċċ addizzjonali bħal żejt jew issiġillar jew mingħajru; li skont il-piż, fihom: mhux aktar minn 0,5 % ta’ karbonju, mhux aktar minn 1,1 % ta’ aluminju, mhux iktar minn 0,12 % ta’ nijobju, mhux aktar minn 0,17 % ta’ titanju u mhux iktar minn 0,15 % ta’ vanadju; ippreżentati f’koljaturi, folji maqtugħin skont it-tul u strixxi dojoq (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

tal-azzar inossidabbli, tal-azzar tas-siliċju manjetiku, u tal-azzar b’veloċità għolja,

mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana jew illaminati kesħin (cold-reduced).

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw informazzjoni dwar l-ambitu tal-prodott iridu jagħmlu dan fi żmien għaxart (10) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika (3).

3.   Allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta’ dumping huwa l-prodott investigat, li joriġina mir-Russja u mit-Turkija (“il-pajjiżi kkonċernati”), li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 7210 41 00, ex 7210 49 00, ex 7210 61 00, ex 7210 69 00, ex 7210 90 80, ex 7212 30 00, ex 7212 50 61, ex 7212 50 69, ex 7212 50 90, ex 7225 92 00, ex 7225 99 00, ex 7226 99 30, ex 7226 99 70 (kodoċijiet TARIC: 7210410020, 7210410030, 7210490020, 7210490030, 7210610020, 7210610030, 7210690020, 7210690030, 7210908092, 7212300020, 7212300030, 7212506120, 7212506130, 7212506920, 7212506930, 7212509014, 7212509092, 7225920020, 7225920030, 7225990022, 7225990023, 7225990041, 7225990092, 7225990093, 7226993010, 7226993030, 7226997013, 7226997093, 7226997094). Il-kodiċijiet NM u TARIC qed jingħataw għall-informazzjoni biss. L-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa soġġett għad-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat kif tinsab fit-taqsima 2.

L-allegazzjoni ta’ dumping mill-pajjiżi kkonċernati hija bbażata fuq tqabbil tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ex-works) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Il-marġnijiet tad-dumping ikkalkulati fuq il-bażi ta’ dan it-tqabbil huma sinifikanti għall-pajjiżi kollha kkonċernati.

4.   Allegazzjoni ta’ dannu u kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li ġej mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza li ngħatat mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni kumplessiva u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Il-Kummissjoni, wara li stabbiliet u infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment ġie ppreżentat mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha, u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, b’dan qed tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tistabbilixxi jekk il-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fil-pajjiżi kkonċernati, huwiex oġġett ta’ dumping, u jekk l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping kinux ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet għan-Notifika (4), dwar il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji li tista’ tkun applikabbli għal dan il-proċediment.

5.1.    Perjodu tal-investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar l-ilment u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar l-ilment (inklużi kwistjonijiet li jirrigwardaw id-dannu u l-kawżalità) jew dwar kwalunkwe aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għall-ilment) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura ta’ kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produtturi esportaturi (5) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiżi kkonċernati huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.3.1.1.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-pajjiżi kkonċernati

(a)   Kampjunar

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati li huma involuti f’dan il-proċediment u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi (“TRON”) fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/AD682_SAMPLING_FORM_FOR_EXPORTING_PRODUCER. L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON tinsab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.8 ta’ hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkuntattjat ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi esportaturi, se tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk ġewx inklużi fil-kampjun. Il-produtturi esportaturi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se żżid nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2531).

Il-kwestjonarju se jkun disponibbli wkoll għal kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u għall-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi li jkunu qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw”). Mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 5.3.1.1(b) hawn taħt, id-dazju anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda li mhumiex inklużi fil-kampjun mhuwiex se jaqbeż il-marġni tal-medja ponderata ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (6).

(b)   Marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun

Skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ dumping individwali jridu jimlew il-kwestjonarju u jirritornawh mimli kif xieraq fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi esportaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2531). Il-Kummissjoni se teżamina jekk il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħux jingħataw dazju individwali f’konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

Madankollu, jenħtieġ li l-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw li jitolbu marġni ta’ dumping individwali jkunu konxji li l-Kummissjoni xorta waħda tista’ tiddeċiedi li ma tistabbilixxix il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw tant ikun kbir li jkun wisq diffiċli biex dan jiġi stabbilit u minħabba f’hekk l-investigazzjoni ma tkunx tista’ titlesta fil-ħin.

5.3.2.   Investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati (7) (8)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat li jimportaw mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment, u sabiex l-investigazzjoni titlesta sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness ta’ din in-Notifika fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk kampjun ikun meħtieġ, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar il-kampjun tal-importaturi. Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota li tirrifletti l-għażla tal-kampjun fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem min-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tqiegħed kwestjonarji għad-dispożizzjoni tal-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jippreżentaw il-kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-importaturi hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2531).

5.4.    Proċedura għall-istabbiliment tad-dannu u għall-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Kalkolu tad-dannu huwa bbażat fuq evidenza pożittiva u jinvolvi l-eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt konsegwenti ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx xi dannu, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fil-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni kkonċernati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni sal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tinnotifika lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu biex ikunu parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2531).

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu kkawżat, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar jekk l-impożizzjoni tal-miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta jew f’format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Kopja tal-kwestjonarju, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott investigat, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ (https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2531). L-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.6.    Partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati bħall-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur, iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li ppreżentaw informazzjoni skont il-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.3, 5.4 u 5.5 ta’ hawn fuq, jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt investigazzjoni. Il-fatt li wieħed jitqies bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet fuq din il-paġna sabiex ikollok aċċess (9).

5.7.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti waqt is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

L-iskeda ta’ żmien għas-seduti ta’ smigħ hija kif ġej:

Għal seduti ta’ smigħ li jsiru qabel ma tiskadi l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, jenħtieġ li t-talba ssir fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Is-smigħ normalment isir fi żmien 60 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Wara l-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji, jenħtieġ li ssir talba fi żmien ħamest (5) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni. Is-smigħ normalment isir fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-divulgazzjoni jew mid-data tad-dokument ta’ informazzjoni.

Fl-istadju tal-konstatazzjonijiet definittivi, jenħtieġ li ssir talba fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tad-divulgazzjoni finali. Is-smigħ normalment isir fil-perjodu mogħti għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li ssir talba minnufih malli tasal din id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Is-seduta ta’ smigħ normalment issir fi żmien l-iskadenza biex isiru l-kummenti dwar din id-divulgazzjoni.

L-iskeda ta’ żmien deskritta hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-servizzi tal-Kummissjoni li jaċċettaw seduti ta’ smigħ lil hinn mill-iskeda ta’ żmien f’każijiet debitament ġustifikati u għad-dritt tal-Kummissjoni li tiċħad seduti ta’ smigħ f’każijiet debitament ġustifikati. Meta s-servizzi tal-Kummissjoni jirrifjutaw talba għal seduta ta’ smigħ, il-parti kkonċernata tiġi infurmata bir-raġunijiet għal tali rifjut.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ mhux se jintużaw biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhux fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, il-partijiet interessati jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida wara seduta ta’ smigħ.

5.8.    Struzzjonijiet biex isiru preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma l-partijiet interessati jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ parti terza, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni (a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-finijiet ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom iħaddmu d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (10). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jenħtieġ li jkunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tkun raġonevolment tinftiehem.

Jekk parti li tipprovdi l-informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi d-dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati. Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ)” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz validu tal-posta elettronika u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jipprovdu jkun indirizz tal-posta elettronika uffiċjali tax-xogħol li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba tirċievi d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, sakemm ma jitolbux li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u għal informazzjoni oħra dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bi TRON.tdi u bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Email għal aspetti ta’ dumping mir-Russja:

 

TRADE-AD682-CRS-DUMPING-Russia@ec.europa.eu

Email għal aspetti ta’ dumping mit-Turkija:

 

TRADE-AD682-CRS-DUMPING-Turkey@ec.europa.eu

Email għall-aspetti tad-dannu u tal-interessi tal-Unjoni:

 

TRADE-AD682-CRS-INJURY@ec.europa.eu

6.   Skeda tal-investigazzjoni

Skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni tiġi konkluża fi żmien 13-il xahar, u mhux aktar minn 14-il xahar, mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, normalment il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti sa mhux aktar tard minn seba’ (7) xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, iżda fi kwalunkwe każ sa mhux iktar tard minn tmien (8) xhur mill-pubblikazzjoni tagħha.

F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji proviżorji erba’ (4) ġimgħat qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji. Il-partijiet interessati jingħataw tlett (3) ijiem tax-xogħol biex jikkummentaw bil-miktub dwar kemm huma preċiżi l-kalkoli.

F’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li ma timponix dazji proviżorji iżda li tkompli l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jiġu infurmati, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni, li mhux se jiġu imposti dazji erba’ ġimgħat qabel ma tiskorri l-iskadenza, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet interessati jingħataw 15-il jum biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, u għaxart (10) ijiem biex jikkummentaw bil-miktub dwar il-konstatazzjonijiet definittivi, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor. Fejn ikun applikabbli, id-divulgazzjoni finali addizzjonali tispeċifika l-iskadenza li fiha l-partijiet interessati jridu jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub.

7.   Preżentazzjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fl-iskedi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsimiet 5 u 6 ta’ din in-Notifika. Il-preżentazzjoni ta’ kull informazzjoni oħra mhux koperta minn dawn it-taqsimiet jenħtieġ li tirrispetta l-iskeda li ġejja:

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull informazzjoni għall-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 70 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-partijiet interessati ma jippreżentawx informazzjoni fattwali ġdida wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni tal-kostatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni fl-istadju tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Wara din l-iskadenza, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss informazzjoni fattwali ġdida jekk ikunu jistgħu juru li tali informazzjoni fattwali ġdida tkun meħtieġa biex jirribattu l-allegazzjonijiet fattwali magħmula minn partijiet interessati oħra u dment li tali informazzjoni fattwali ġdida tista’ tiġi vverifikata fiż-żmien disponibbli biex l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi mandatorji, il-Kummissjoni mhix se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà ta’ kummenti dwar il-preżentazzjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu biss jindirizzaw kwistjonijiet imsemmijin fil-preżentazzjonijiet ta’ partijiet interessati oħra u ma jistgħux jintroduċu kwistjonijiet ġodda.

Tali kummenti jenħtieġ li jsiru skont l-iskeda ta’ żmien li ġejja:

Jenħtieġ li kwalunkwe kumment dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra qabel l-iskadenza tal-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, isir fi żmien 75 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni tal-konstatazzjonijiet proviżorji jew tad-dokument ta’ informazzjoni, jiġu ppreżentati fi żmien sebat (7) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar il-konstatazzjonijiet proviżorji jew dwar id-dokument ta’ informazzjoni, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għad-divulgazzjoni finali jiġu ppreżentati fi żmien teltt (3) ijiem mill-iskadenza għall-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm divulgazzjoni finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal din id-divulgazzjoni jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għall-kummenti dwar din id-divulgazzjoni, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni għal-limiti ta’ żmien speċifikati f’din in-Notifika

Kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jenħtieġ li jintalbu biss f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, u jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati meta tingħata raġuni tajba.

Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji tkun limitata għal tlett (3) ijiem u bħala regola ma taqbiżx is-sebat (7) ijiem.

Fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet ikunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

10.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, il-konstatazzjonijiet proviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u l-konstatazzjonijiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal din il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew fi spiża addizzjonali mhux raġonevoli. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja immedjatament lill-Kummissjoni.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti dwar il-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kull talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jistgħu jfeġġu matul il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu kompletament. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jsegwu l-iskedi ta’ żmien stabbiliti fit-Taqsina 5.7 ta’ din in-Notifika anki fir-rigward tal-interventi, inklużi s-seduti ta’ smigħ, mill-Uffiċjal tas-Seduta. Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. L-Uffiċjal tas-Smigħ se jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet għal intervent, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis b’mod xieraq l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija fil-ħin tal-investigazzjoni.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

12.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni tinsab fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/.


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  It-terminu ġenerali “dannu” jirreferi għal dannu materjali kif ukoll għat-theddida ta’ dannu materjali jew għad-dewmien materjali biex tiġi stabbilita industrija, kif stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.

(3)  Ir-referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika jirreferu għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).

(5)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi ikkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(6)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe marġni żero u de minimis, u l-marġnijiet stabbiliti f’konformità maċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku mhumiex se jitqiesu.

(7)  Din it-taqsima tkopri biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(8)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni għajr biex jiġi stabbilit id-dumping.

(9)  F’każ ta’ problemi tekniċi kkuntattja lis-servizz ta’ assistenza tad-DĠ Kummerċ (Trade Service Desk) permezz ta’ email lil trade-service-desk@ec.europa.eu jew ċempel +32 22979797.

(10)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li jkun kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “kunfidenzjali”

Verżjoni “għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING LI JIRRIGWARDA IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTU AZZAR REŻISTENTI GĦALL-KORRUŻJONI LI JORIĠINA MIR-RUSSJA U T-TURKIJA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu.

Kemm il-verżjoni “kunfidenzjali” kif ukoll il-verżjoni “għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati” jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

1.   DETTALJI TA’ IDENTITÀ U KUNTATT

Agħti d-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz tal-posta elettronika

 

Numru tat-telefon

 

2.   FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali tal-kumpanija f’euro (EUR), u l-valur f’euro (EUR) u l-volum f’tunnellati tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Russja u mit-Turkija, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, tal-prodott li qed jiġi investigat, kif definit fin-notifika ta’ bidu.

 

Tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

 

 

Importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-prodott investigat li joriġina mir-Russja

 

 

Importazzjonijiet lejn l-Unjoni tal-prodott investigat li joriġina mit-Turkija

 

 

L-importazzjonijiet fl-Unjoni (minn kullimkien) tal-prodott li qed jiġi investigat

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Russja u mit-Turkija tal-prodott li qed jiġi investigat

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott li qed jiġi investigat jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom xi waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).