8.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/7


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89

(2021/C 120/05)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

SPEĊIFIKAZZJONIJIET EWLENIN TAL-FAJL TEKNIKU

“DEMERARA RUM”

Numru tal-fajl: PGI-GY-02423 – 28.6.2018

1.   L-indikazzjoni ġeografika li se tiġi rreġistrata

“DEMERARA RUM”

2.   Kategorija tax-xorb spirituż

Rum (Kategorija 1 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008)

3.   Id-deskrizzjoni tax-xorb spirituż

Xarba spirituża b’karatterisiċi organolettiċi tal-kannamieli li jintgħarfu, prodotta esklużivament mill-fermentazzjoni u mid-distillazzjoni tas-substrat ibbażat fuq il-melassi jew il-kannamieli.

Rekwiżiti Kimiċi

Il-qawwa alkoħolika hija ta’ mhux inqas minn 40 % skont il-volum.

Is-somma totali tal-livelli tal-konġeneru (inkluż l-aċetaldeid, l-aċitat etiliku, l-alkoħol superjuri) espress fi grammi għal kull ettolitru ta’ alkoħol etiliku anidru:

DEMERARA RUM B’PALAT ĦAFIF

DEMERARA RUM B’PALAT MEDJU

DEMERARA RUM B’PALAT QAWWI

Inqas minn 30,0 g/HL

(u inqas minn 10,0 g/HL esteri)

Aktar minn 30,0 g/HL iżda

inqas minn 300,0 g/HL

(u aktar minn 10,0 g/HL iżda inqas minn 50,0 g/HL esteri)

Aktar minn 300,0 g/HL

(u aktar minn 50,0 g/HL esteri)

Aċidità totali, espressa fi grammi ta’ aċidu aċetiku għal kull ettolitru ta’ alkoħol etiliku anidru:

DEMERARA RUM B’PALAT ĦAFIF

DEMERARA RUM B’PALAT MEDJU JEW QAWWI

Inqas minn 20,0 g/HL

Aktar minn 20,0 g/HL u

inqas minn 200,0 g/HL

Karatteristiċi organolettiċi

Dehra: Trasparenti b’konsistenza likwida, densità u viskożità tal-palat li tvarja skont l-età.

Kulur: ivarja skont l-età, minn mingħajr kulur għal dak mhux imqaddem, għal isfar ċar mitfi lewn it-tiben għal dak imqaddem ħafif, għal ambra/deheb u sfumaturi aktar skuri lewn ir-ram/il-bronż/il-kawba għar-rum imqaddem ħafna.

Aroma: hija primarjament idderivata mill-fermentazzjoni tal-materja prima bbażata fuq il-kannamieli, bil-karatteristika “Demerara Rum” li għandha ħjiliet ta’ ħlewwa tal-kannamieli. Din hija ssuplimentata min-noti sottili ta’ frott u ta’ fjuri li jiġu arrikkiti permezz tal-proċess tad-distillazzjoni, u mill-aromi aromatiċi ħelwin, ta’ ġewż, ta’ ħwawar, ta’ njam, ta’ ħxejjex aromatiċi, dawk terreni jew terzjarji oħra li jevolvu matul il-proċess tat-tqaddim, sakemm id-distillat ikun għoli fil-konġeneri fil-mira u jitqaddem.

Togħma: profili tat-togħma distinti jiġu segwiti permezz ta’ stili speċifiċi tad-distillazzjoni, li jvarjaw minn rum b’palat ħafif/medju/qawwi prodott f’lampiki tal-injam/tar-ram/tal-azzar bil-borma jew bil-kolonna ta’ diversi konfigurazzjonijiet. Id-“Demerara Rums” huma karatteristikament ibbilanċjati, fini u qawwija fir-rum u jvarjaw minn kemxejn ħelwin għal xotti, b’noti dwar id-dewqan li jikkumplimentaw il-profil aromatiku. It-togħmiet jistgħu jkunu biss sa massimu ta’ 2,5 % tal-volum tal-prodott finali, u r-rum irid ikun ħieles minn sustanzi kuluranti miżjuda (għajr meta l-kulur ikun idderivat mill-injam waqt it-tqaddim jew mill-karamella dderivata miz-zokkrijiet).

Karatteristiċi speċifiċi (imqabbla max-xorb spirituż tal-istess kategorija)

Il-firxa kumplessa ta’ togħmiet aromatiċi tad-“Demerara Rum” u n-natura b’palat qawwi tiegħu jiddistingwuh minn rum ieħor. Il-kumplessità tat-togħmiet hija riżultat tal-użu tal-proċess tradizzjonali tal-produzzjoni u tal-kontenut minerali speċifiku tal-ilmijiet fir-reġjun ta’ Demerara tal-Guyana.

4.   Iż-żona ġeografika kkonċernata

Id-“Demerara Rum” jiġi ffermentat u ddistillat fuq il-pjanuri kostali baxxi ta’ Demerara, kontea fil-Guyana, u li hija kkonfinata mix-Xmara Boeraserie fil-Punent u mill-Qala ta’ Abary fil-Lvant. Il-kontea ta’ Demerara tinsab fil-kosta ta’ fuq tal-Amerka t’Isfel, fejn tmiss mal-Oċean Atlantiku, f’madwar 6° 48' N 58° 10' W, ftit ’il fuq mill-Ekwatur.

5.   Il-metodu kif isir ix-xorb spirituż

Is-substrat tal-kannamiela jinkiseb miż-żona ġeografika u jintuża fil-produzzjoni tad-“Demerara Rums” fi proċess b’diversi stadji, kif stabbilit hawn taħt.

Propagazzjoni tal-ħmira: Il-ħmira tar-razza Saccharomyces cerevisiae tiġi ppropagata fis-substrat ibbażat fuq il-melassi jew il-kannamieli, dilwit bis-sukkursu mill-bjar artesjani ta’ Demerara, u fi kwantitajiet xierqa ta’ nutrijenti u aċidu għall-aqwa pH. Ladarba tiġi ppropagata massa suffiċjenti ta’ ċelloli tal-ħmira, il-koltura tiġi ttrasferita fit-tank fermentatur u dan jimtela bis-substrat dilwit frisk, flimkien maż-żieda tan-nutrijenti u mal-korrezzjoni tal-pH biex jifforma x-xgħir imxarrab li jkun qed jiffermenta.

Fermentazzjoni: Il-ħmira tikkonverti z-zokkrijiet fix-xgħir imxarrab li jkun qed jiffermenta f’alkoħol fil-fermentatur. Ix-xgħir imxarrab jiġi ċċirkolat permezz ta’ skambjatur tas-sħana għat-tkessiħ. Dan iżomm taħlita omoġenja f’temperatura ta’ madwar 32 °C, li hija l-aqwa għall-ħmira biex tiffermenta kemm jista’ jkun zokkrijiet f’alkoħol, tipikament 6-8 % skont il-volum.

Distillazzjoni: Ma’ tmiem il-fermentazzjoni, ix-xgħir imxarrab iffermentat (b’etanol ta’ 6-8 % skont il-volum) jiġi ppompjat fit-tankijiet għall-alimentazzjoni tad-distillazzjoni, fejn jiddaħħal fil-lampiki tad-distillazzjoni. Id-distillazzjoni tad-Demerara Rums b’palat ħafif u medju ssir fil-lampiki kontinwi ta’ żewġ/tliet/erba’/ħames kolonni, u dik tad-Demerara Rums b’palat qawwi ssir fil-lampiki b’borma waħda/doppja. Huwa kruċjali li dawn il-lampiki jkunu magħmulin mill-injam iebes tal-greenheart tal-Amażonja jew mir-ram u/jew mill-azzar inossidabbli, u dan jirrifletti l-firxa kbira ta’ stili tad-distillazzjoni, formats u tagħmir uniċi li jintużaw għall-produzzjoni tad-Demerara Rums. Kull distillat jintgħaraf mill-profil tat-togħma distint tiegħu u jiġi għalhekk identifikat minn marque unika, skont il-lampika u l-istil tad-distillazzjoni li bih jiġi prodott.

Tqaddim: Id-distillati friski tad-Demerara Rums jiġu dilwiti għal 70-80 % bl-użu ta’ ilma dejonizzat miksub mill-bjar artesjani ta’ Demerara, imbagħad jimtlew fi btieti Amerikani tal-ballut abjad, tipikament, jew fi btieti oħra kif ikun meħtieġ, għal diversi perjodi tat-tqaddim fi mħażen taħt kundizzjonijiet klimatiċi tropikali (tipikament 24-32 °C u 70 % umdità). L-imħażen jinsabu fil-livell tal-baħar fuq il-kosta tar-reġjun ta’ Demerara li tmiss mal-Oċean Atlantiku, u mhumiex issiġillati ermetikament biex jippermettu li l-ventilazzjoni mill-Irjieħ Aliżej tal-Grigal timmodera t-temperatura u l-umdità għolja għat-tqaddim fil-btieti tad-Demerara Rums.

Taħlit: Id-distillati tal-marques u tal-etajiet mixtieqa jitħalltu flimkien, kif ikun meħtieġ, għall-produzzjoni tad-Demerara Rum imħallat. It-taħlit tar-rum prodott barra miż-żona ġeografika mhuwiex permess. Il-marques f’kull taħlita jintgħażlu bir-reqqa biex jikkumplimentaw lil xulxin u jipproduċu prodott kumpless iżda sottili li joffri proposta tas-suq speċifika lill-konsumatur. Id-Demerara Rum ma jiġix imħawwar u jiġi biss dolċifikat biex tiġi mirquma t-togħma finali tal-prodott sa massimu ta’ 20 gramma għal kull litru.

It-taħlitiet jiġu dilwiti għall-qawwa alkoħolika meħtieġa bl-użu ta’ ilma dejonizzat estratt mill-bjar artesjani ta’ Demerara, u jitħallew joqogħdu f’tankijiet tal-metall jew fi btieti tal-injam biex jippermettu lit-taħlitiet jimmarinaw, jiġu rfinati u jiġu kkontrollati għall-kwalità sabiex jiġu żgurati l-bilanċ u l-konsistenza f’kull lott.

Ibbottiljar: Il-Cask Aged Demerara Rum, l-iSpecial Reserve Demerara Rum u l-Grand Special Reserve Demerara Rum iridu jiġu bbottiljati fl-oriġini ġeografika minħabba li l-ilmijiet użati fid-dilwizzjoni u fit-taħlit jikkontribwixxu għall-profil tal-mineralità intrinsiku fid-Demerara Rum li huwa marbut b’mod inseparabbli mal-kwalità speċifika tal-ilma artesjan ta’ Demerara.

Ir-rekwiżit għall-Cask Aged Demerara Rums, l-iSpecial Reserve Demerara Rums u l-Grand Special Reserve Demerara Rums biex mhux biss jiġu ffermentati, iddistillati u mqaddma f’Demerara, iżda wkoll biex jitħalltu u jiġu bbottiljati hemmhekk, huwa biex tiġi ssalvagwardjata l-integrità reputazzjonali u storika tal-valur tal-primjum u tas-super-primjum, li jista’ biss jirriżulta mill-għarfien u mit-tekniki lokali tal-proċess tal-produzzjoni.

It-tieni kwistjoni hija biex tiġi evitata l-adulterazzjoni. Il-fatt tad-differenza bejn ir-rum imqaddem f’Demerara u dak mhux imqaddem f’Demerara jista’ jagħti inċentiv lil bottiljaturi f’postijiet oħra biex jipprovaw jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ kwalità mit-tqaddim tropikali permezz ta’ dawn il-miżuri qarrieqa. Dan huwa ferm aktar prominenti minħabba li kwantità sinifikanti ta’ Demerara Rum mhux imqaddem tiġi esportata, u dan jagħti lok għar-riskju li rum imqaddem mhux konsistenti mal-profil tal-età tad-Demerara Rum, jiġi bbottiljat, mibjugħ u kkummerċjalizzat bħala rum imqaddem. B’hekk, il-primjum li l-konsumaturi jattribwixxu għar-rum imqaddem f’Demerara jista’ potenzjalment jitnaqqas minn prodotti ta’ imitazzjoni li japproprijaw il-valur għoli tar-rum imqaddem verament f’Demerara.

Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tad-“Demerara Rum”, it-taħlit u l-ibbottiljar ta’ dawn il-kategoriji tar-rum iridu jitwettqu fiż-żona ġeografika sabiex jiġu ggarantiti u protetti l-kwalitajiet speċifiċi ta’ dawn il-prodotti.

Iġjene: Ir-rum ibbottiljat irid ikun ħieles minn sedimentazzjoni permanenti jew materja sospiża ta’ kwalunkwe tip.

Kwalità tal-ilma: Il-kwalità tal-ilma fiż-żona ġeografika tiddistingwiha minn territorji oħra, pereżempju, fil-livelli baxxi ta’ alkalinità (kalċju) meta mqabbla ma’ gżejjer oħra fil-Karibew li tipikament ikollhom alkalinità tal-ilma għolja, u fil-livelli moderati ta’ ħadid u sodju. Dan hu dovut għall-ġeografija speċifika tas-sottostrati f’termini tat-tip ta’ ħamrija u tal-istorja tal-formazzjoni minn depożiti marini u marini fluvjali reċenti u sottoreċenti, kif ukoll il-wiċċ tas-sukkursu għoli u l-prossimità qariba għall-ilma mielaħ li jżommu l-akwiferi tas-sukkursu riforniti sew b’ilma b’mineralità qawwija.

6.   Rabta mal-ambjent ġeografiku jew l-oriġini

Rabta ġeografika: L-ispeċifiċità tad-Demerara Rum tinsab fil-kombinazzjoni ta’ ħafna fatturi li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet agroekoloġiċi kemm taż-żona tat-tħawwil tal-kannamiela kif ukoll taż-żona tat-tqaddim, kif ukoll mill-karattru awtentiku tal-proċess tal-produzzjoni, li jgħaqqad flimkien in-natura, it-tradizzjoni, l-arti u x-xjenza.

Il-fatturi li ġejjin jorbtu l-kwalità, il-karatteristiċi, ir-reputazzjoni u l-wirt tad-“Demerara Rum” maż-żona ġeografika:

Kundizzjonijiet Ambjentali: L-ambjent lokali huwa magħmul minn trab tafli minn depożiti marini u marini fluvjali reċenti u sottoreċenti tul il-pjanuri kostali baxxi ta’ Demerara (primarjament idrakwenti iżda wkoll xi medijemisti). Ir-ritenzjoni għolja ta’ minerali u ta’ kontenut organiku f’dan it-trab tafli tikkontribwixxi għal rendimenti għoljin fl-għalla tal-kannamieli lokali, u dan iwassal għal kontenut ta’ zokkor rikk fis-substrat għall-fermentazzjoni.

Barra minn hekk, din it-tip ta’ ħamrija mxarrba twassal għat-tkabbir ta’ diversi speċijiet mikrobiċi li jiffissaw in-nutrijenti fil-ħamrija. Minħabba l-metodu manwali/semi-mekkaniku tal-ħsad tal-kannamiela, hemm ħafna interazzjoni taz-zkuk tal-kannamieli mal-ħamrija, fejn xi wħud minnhom jaslu qawwijin u sħaħ sal-fabbrika u jispiċċaw fil-prodott sekondarju tal-melassi li jiġi primarjament iffermentat biex jiġi prodott id-Demerara Rum. Bħala tali, is-substrat fermentabbli huwa rikk kemm fil-ħama kif ukoll fl-ispeċijiet mikrobiċi li jagħtu influwenzi esklużivi lill-proċess tal-fermentazzjoni permezz ta’ għadd kbir ta’ reazzjonijiet sekondarji li jrendu koprodotti li jarrikkixxu il-wisa’ u l-profondità tax-xgħir imxarrab iffermentat.

L-atmosfera fiż-żoni tat-tkabbir tal-kannamieli hija naturalment mimlija bil-mikroflora bħal ħmejjer u fungi selvaġġi nattivi, li jiġu f’kuntatt maz-zkuk tal-kannamieli u b’hekk jispiċċaw fis-substrat ibbażat fuq il-melassi jew il-kannamieli. Dawn il-ħmejjer u l-fungi selvaġġi huma wkoll preżenti madwar id-distillerija minħabba l-prossimità qariba għall-kultivazzjoni tal-kannamieli, u jitħallew jinteraġixxu aktar mal-proċess tal-fermentazzjoni peress li r-reċipjenti ma jiġux ermetikament iżolati mill-ambjent. Il-fermentazzjoni naturali minn dawn l-ispeċijiet nattivi żżid il-fermentazzjoni kkontrollata mill-koltura tal-ħmira ppropagata tas-Saccharomyces cerevisiae, u dan jirriżulta fl-arrikkiment ulterjuri tax-xgħir imxarrab iffermentat minħabba r-reazzjonijiet sekondarji uniċi ta’ dawn il-mikroflori nattivi.

Dawn il-fatturi ambjentali kollha jwasslu għal xgħir imxarrab bi kwalità tal-alkoħol għolja u bi preżenza b’saħħitha ta’ konġeneri li jippermettu li d-distillatur isegwi profili tat-togħma distinti permezz ta’ iżolament espert tat-togħma fil-proċess tad-distillazzjoni. Konsegwentement, id-Demerara Rums huma magħrufa għall-karattru mħawwar sew u għall-konsistenza fina tagħhom, u għall-ħlewwa distintiva tal-kannamieli fl-aroma.

Kundizzjonijiet Klimatiċi: Il-klima tropikali/ekwatorjali ta’ Demerara hija sinifikanti għall-konsistenza tagħha tul is-sena kollha fit-temperatura (24-32 °C) u l-umdità (medja ta’ 70 %) għolja, bl-unika varjazzjoni tkun żewġ staġuni alternanti xemxin u tax-xita (xita annwali medja ta’ 2 500 mm). Dan jaffettwa l-istaġuni tat-tkabbir u tal-ħsad għall-kannamiela (li jkunu se jaħbtu mal-istaġuni xemxin u tax-xita), peress li x-xejra tax-xita fl-istaġun tax-xita (100-300 mm fil-ġurnata, b’intensità għolja sa 23 mm fis-siegħa, matul April-Lulju u Diċembru-Frar) tipprekludi l-ħsad. Sabiex ir-rum ikun jista’ jiġi prodott matul l-istaġun tax-xita mingħajr ħsad, is-substrat ibbażat fuq il-melassi jew il-kannamieli jinħażen bl-ingrossa u dan jissoġġettah għall-fatturi ambjentali li jħallu impatt fuq il-kwalità tal-fermentazzjoni eventwali tiegħu – aktar preżenza batterika twassal għal livelli ogħla ta’ konġeneri fix-xgħir imxarrab iffermentat li jkun se jiġi ddistillat.

It-tqaddim taħt kundizzjonijiet klimatiċi tropikali ambjentali f’temperatura u umdità għolja kostanti tul is-sena kollha jikkontribwixxi kruċjalment għall-pass mgħaġġel tat-tqaddim, stmat li jkun darbtejn sa tliet darbiet aktar mgħaġġel milli f’kundizzjonijiet moderati. B’hekk, id-Demerara Rums għandhom it-tendenza li jkunu aktar maturi meta mqabbla ma’ xorb spirituż imqaddem minn temperaturi moderati, u dan jippermettilhom juru konsistenza fina superjuri, b’togħmiet kumplessi u b’aromi rikki li jevolvu mill-kimika tal-proċess tal-maturazzjoni, li permezz tiegħu l-interazzjonijiet kumplessi bejn il-ballut u r-rum itejbu ferm l-estrazzjoni u l-ġenerazzjoni tat-togħmiet.

Ir-reġjun ta’ Demerara jinsab fil-livell jew kemxejn taħt il-livell tal-baħar tul il-kosta tal-Oċean Atlantiku u dan jippermetti żiffiet qawwija mill-baħar, partikolarment l-Irjieħ Aliżej tal-Grigal. Dawn l-irjieħ mhux biss jiżguraw it-tixrid tal-mikroflora madwar l-artijiet kostali li jinsabu fil-baxx, u b’hekk jippreservaw l-impatt ambjentali fuq il-fermentazzjoni, iżda jippermettu wkoll il-ventilazzjoni fl-imħażen tal-btieti li b’hekk mhumiex meħtieġa li jkunu kkontrollati fit-temperatura jew fl-umdità. Konsegwentement, ikun hemm tqaddim tropikali aktar avvanzat tul is-sena kollha, li jkollu impatt sinifikanti fuq il-karattru tad-Demerara Rums.

Kwalità tal-Ilma: L-ilma li jintuża fil-produzzjoni tad-Demerara Rums jinkiseb esklużivament mill-bjar artesjani fl-irmiel tal-wiċċ tal-akwifer kostali, ġeneralment fondi b’100-200 pied u ħoxnin b’50-400 pied, jew fl-irmiel “A” li tipikament jinstabu bejn 200-300 pied ’l isfel mill-wiċċ bi ħxuna ta’ 50-200 pied. Minħabba l-prossimità qariba għax-Xmara Demerara, il-wiċċ tas-sukkursu jkun ġeneralment għoli u rifornut sew, b’livelli baxxi ta’ alkalinità (< 10 mg/L) iżda b’livelli moderati ta’ minerali, partikolarment il-ħadid (> 5 mg/L) u s-salinità (sa 1 200 mg/L). Peress li dan l-ilma jintuża fil-fermentazzjoni, fil-ġenerazzjoni tal-fwar għad-distillazzjoni, u wara t-trattament u d-dejonizzazzjoni, fid-dilwizzjoni tar-rum għat-tqaddim, it-taħlit u l-ibbottiljar, il-profil tal-mineralità intrinsiku fid-Demerara Rum huwa marbut b’mod inseparabbli mal-kwalità speċifika tal-ilma artesjan ta’ Demerara.

Il-profil tal-minerali tal-ilma lokali għandu impatt partikolari fuq il-proċess tat-tqaddim. Pereżempju, l-aċidu ossaliku li jifforma waqt il-fermentazzjoni, huwa aġent kelanti li jista’ jingħaqad mal-minerali. L-ossalat tal-kalċju, li b’hekk jifforma waqt il-proċess tat-tqaddim, ikollu aktar solubbiltà bil-preżenza tas-sodju jew tal-manjeżju mill-ilma. Għalhekk, il-minerali jgħinu biex iżommu, jekk mhux iżidu l-preżenza tal-komponenti tat-togħma waqt il-proċess tat-tqaddim.

Fatturi umani u tal-proċess: L-għarfien/il-ħiliet/l-għarfien espert fil-proċessi tal-produzzjoni li ġew żviluppati f’Demerara ntirtu matul is-sekli, inkluż l-approċċ filosofiku għad-distillazzjoni fejn profili tat-togħma kumplessi jiġu segwiti permezz tal-fermentazzjoni u tad-distillazzjoni, li baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess bħall-metodi oriġinali.

Barra minn hekk, il-produzzjoni għadha sal-lum issir fuq lampiki tas-sengħa minn distillaturi artiġjanali li għandhom esperjenza kbira fl-ipperfezzjonar tal-kwalità tad-Demerara Rums f’lottijiet żgħar tal-produzzjoni. Dawn il-lampiki tas-sengħa jmorru lura għall-oriġini tad-distillazzjoni f’ħafna pjantaġġuni lokali, bħal-lampika b’borma tal-injam doppja li kienet oriġinarjament installata fil-Pjantaġġun ta’ Port Mourant fl-1732, u l-lampika bil-kolonna “Coffey” tal-injam li oriġinat fil-Pjantaġġun ta’ Enmore fl-1880, li t-tnejn li huma għadhom jitħaddmu sal-lum f’Demerara, u huma l-uniċi tat-tip tagħhom li għadhom jeżistu fid-dinja kollha.

Oriġini storika: Id-Demerara Rums huma ċċelebrati għal aktar minn 300 sena ta’ produzzjoni artiġjanali tar-rum fil-lampiki orġinali b’borma tal-injam doppja u f’dawk “Coffey” ivvintati fil-Guyana. Ir-rum minn Demerara ilu jiġi esportat għal aktar minn 200 sena, inkluż il-provvista storika għar-Royal Navy Ingliża għar-razzjon ta’ kuljum lill-baħrin. Xi wħud minn dawn il-lampiki oriġinali baqgħu tajbin u għadhom jaħdmu sal-lum.

Il-konfluwenza tal-wirt, tal-fatturi naturali, u tal-arti u x-xjenza tad-distillazzjoni permezz ta’ metodi, tagħmir u għarfien espert uman tradizzjonali żammew mingħajr qies il-karattru u l-kwalità tad-Demerara Rums kif ukoll ir-reputazzjoni tagħhom.

Reputazzjoni: Id-Dizzjunarju Ingliż ta’ Oxford jiddefinixxi d-Demerara Rums bħal rum magħmul fil-Guyana. Sakemm il-prattika twaqqfet fl-1970, ir-Rum tal-Flotta Navali tar-Renju Unit, ir-rum li kien jingħata lill-baħrin, kien id-Demerara Rum. Taxxa fuq l-importazzjoni tad-Demerara Rum tista’ tinstab fil-kotba tal-istatura tar-Renju Unit mill-1816. Id-Demerara Rum kien jissemma’ fir-Rapporti tal-Houses of Parliament tar-Renju Unit fis-snin 1840. Referenza għad-Demerara Rum tinsab fl-istejjer tajba kollha tar-rum u tal-produzzjoni tar-rum inkluż f’“Rum: a global history” ta’ Richard Foss mill-2012 kif ukoll fl-elenki Franċiżi u Daniżi tar-rum ta’ kwalità. “Rum”, ktieb mill-2003 ta’ Denis A. Nicol, jelenka ħafna sorsi li juru d-Demerara Rum fil-produzzjoni min-nofs is-seklu 17.

7.   Dispożizzjonijiet nazzjonali/reġjonali jew tal-Unjoni Ewropea

8.   Applikanti

8.1.   Stat Membru, Pajjiż Terz jew persuna legali/naturali:

Demerara Distillers Limited, Kumpanija b’Responsabbiltà Limitata

8.2.   L-indirizz sħiħ (in-numru u l-isem tat-triq, il-belt/ir-raħal u l-kodiċi postali, il-pajjiż):

Indirizz: Plantation Diamond, East Bank Demerara, Georgetown, Guyana

Tel. +592 2656142; +592 2652089; +592 2652076

Fax: +592 2653367

Posta Elettronika: info@demrum.com

9.   Suppliment mal-isem tal-indikazzjoni ġeografika

10.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

Id-“Demerara Rum” jiġi fil-varjetajiet li ġejjin:

Demerara Rum: mhux imħallat jew imħallat iżda mingħajr ma jitħallat ma’ alkoħol prodott barra miż-żona ġeografika;

Old Demerara Rum: rum mhux imħallat jew imħallat imqaddem għal mill-inqas sentejn mingħajr ma jitħallat ma’ alkoħol prodott barra miż-żona ġeografika;

Cask Aged Demerara Rum: rum mhux imħallat jew imħallat u mqaddem għal mill-inqas tliet snin;

Special Reserve Demerara Rum: rum mhux imħallat jew imħallat u mqaddem għal mill-inqas 12-il sena;

Grand Special Reserve Demerara Rum: rum mhux imħallat jew imħallat imqaddem għal mill-inqas 25 sena.

Dan li ġej għandu jidher fuq il-quddiem tat-tikketta:

a)

isem il-marka;

b)

isem il-prodott;

c)

il-kontenut alkoħoliku;

d)

il-kontenut nett;

e)

l-indirizz tal-manifattura;

f)

il-pajjiż tal-oriġini;

g)

dikjarazzjoni tal-età jew dikjarazzjoni tal-maturità.

Kull flixkun rum għandu tikketta bi trademark reġistrata: “Demerara Rum” – immaġni

Image 1


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.