31.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Gwida dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għal ċerti kategoriji ta’ każijiet

(2021/C 113/01)

1.   

L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jipprovdi gwida prattika dwar l-approċċ tal-Kummissjoni għall-użu tal-mekkaniżmu ta’ referenza stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) (1). L-għan huwa li tiġi ffaċilitata u ċċarata l-applikazzjoni tiegħu f’ċerti kategoriji ta’ każijiet xierqa.

2.   

Dan id-dokument jikkumplimenta, għal każijiet bħal dawn, il-gwida pprovduta fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-Referenza ta’ Każijiet (2), li tipprovdi gwida ġenerali dwar is-sistema ġenerali ta’ referenza tal-każijiet stabbilita fl-Artikolu 4(4) u (5), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

3.   

Id-dokument għandu l-għan li jipprovdi biss gwida dwar l-adegwatezza ta’ kategoriji partikolari ta’ każijiet għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet: l-Istati Membri u l-Kummissjoni jżommu marġni konsiderevoli ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedu jekk jirreferux il-każijiet jew jaċċettawx ir-referenzi, rispettivament (3). Il-Kummissjoni tista’ tirrevedi din il-Gwida fi kwalunkwe ħin fl-isfond tal-iżviluppi futuri. Tista’ tiddeċiedi wkoll li tikkonsolida l-kontenut ta’ din il-Gwida fl-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, fl-isfond tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-approċċ rivedut għar-referenzi skont l-Artikolu 22.

4.   

Din il-Gwida tapplika, mutatis mutandis, għar-regoli dwar ir-referenza li jinsabu fil-Ftehim ŻEE (4).

1.   Introduzzjoni

5.

Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet jagħti lill-Kummissjoni ġuriżdizzjoni esklussiva biex tirrieżamina l-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni tal-UE, iddefinita bl-applikazzjoni ta’ limiti kombinati bbażati fuq id-dħul. Tali limiti jiddelinjaw it-tranżazzjonijiet li l-impatt tagħhom fuq is-suq jitqies li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali ta’ kwalunkwe Stat Membru wieħed u li, bħala tali, fil-prinċipju jiġu indirizzati l-aħjar fil-livell tal-UE (5). Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet fih mekkaniżmu korrettiv għall-applikazzjoni ta’ dawn il-limiti ġuriżdizzjonali kwantitattivi, li jippermetti, f’ċirkostanzi speċifiċi, referenza ta’ każijiet individwali bejn il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar (6). Din is-sistema ta’ referenzi għandha l-għan li tiżgura li l-aktar awtorità jew awtoritajiet xierqa għat-twettiq ta’ rieżami(jiet) partikolari ta’ investigazzjoni ta’ għaqdiet, anki jekk ma jkunux inizjalment kompetenti.

6.

L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jippermetti lil Stat Membru wieħed jew aktar jitolbu lill-Kummissjoni teżamina, għal dawk l-Istati Membri, xi konċentrazzjoni li ma għandhiex dimensjoni tal-UE iżda taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati membri u thedded li tolqot b’mod sinfikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamlu t-talba. Huwa ċar mill-kliem, l-istorja leġiżlattiva u l-għan tal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, kif ukoll mill-prattika tal-infurzar tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 22 huwa applikabbli għall-konċentrazzjonijiet kollha (7), mhux biss dawk li jissodisfaw il-kriterji ġuriżdizzjonali rispettivi tal-Istati Membri li jagħmlu referenza (8).

7.

Il-mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ippermetta lill-Kummissjoni tirrevedi għadd sinifikanti ta’ tranżazzjonijiet f’firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi, bħall-industrija, il-manifattura, il-farmaċewtika u d-diġitali. Dawn inkludew każijiet eventwalment soġġetti għal investigazzjoni fil-fond u/jew awtorizzati biss wara modifika bir-rimedji offruti mill-partijiet (9).

8.

Bl-implimentazzjoni progressiva tar-reġimi nazzjonali li jikkontrollaw għaqdiet bejn impriżi fi kważi l-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mogħtija lilha mir-Regolament dwar l-Għaqdiet (10), żviluppat prattika li tiskoraġġixxi talbiet għal referenza skont l-Artikolu 22 minn Stati Membri li ma kellhomx ġuriżdizzjoni oriġinali fuq it-tranżazzjoni inkwistjoni. Din il-prattika kienet ibbażata b’mod partikolari fuq l-esperjenza li tranżazzjonijiet bħal dawn ġeneralment ma kienx probabbli li jkollhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern.

9.

F’dawn l-aħħar snin, madankollu, l-iżviluppi tas-suq irriżultaw f’żieda gradwali ta’ konċentrazzjonijiet li jinvolvu ditti li għandhom jew li jistgħu jiżviluppaw biex ikollhom rwol kompetittiv sinifikanti fis-suq (swieq) inkwistjoni minkejja li ġġeneraw ftit jew l-ebda fatturat fil-mument tal-konċentrazzjoni. Dawn l-iżviluppi jidhru partikolarment sinifikanti fl-ekonomija diġitali, fejn is-servizzi jitnedew b’mod regolari bil-għan li tinbena bażi ta’ utenti sinifikanti u/jew inventarji tad-data ta’ valur kummerċjali, qabel ma jippruvaw jimmonetizzaw in-negozju. Bl-istess mod, f’setturi bħall-farmaċewtiċi u oħrajn fejn l-innovazzjoni hija parametru importanti tal-kompetizzjoni, kien hemm tranżazzjonijiet li jinvolvu kumpaniji innovattivi li jwettqu proġetti ta’ żvilupp u riċerka u b’potenzjal kompetittiv qawwi, anke jekk dawn il-kumpaniji għadhom ma ffinalizzawx, u wisq inqas sfruttaw kummerċjalment, ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħhom. Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għall-kumpaniji b’aċċess għal assijiet ta’ valur kompetittiv jew b’impatt fuqhom, bħall-materja prima, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-data jew l-infrastruttura.

10.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni eżaminat l-effettività tal-limiti ġuriżdizzjonali bbażati fuq il-fatturat tar-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet fl-Evalwazzjoni tagħha tal-aspetti proċedurali u ġuriżdizzjonali tal-kontroll tal-UE dwar l-Għaqdiet (11). Hija kkonkludiet li, waqt li dawn il-limiti, ikkumplimentati mill-mekkaniżmi ta’ referenza stabbiliti fir-Regolament dwar l-Għaqdiet, ġeneralment kienu effettivi biex jaqbdu tranżazzjonijiet b’impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE, għadd ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera li potenzjalment jista’ jkollhom ukoll impatt bħal dan ma ġewx rieżaminati kemm mill-Kummissjoni u kemm mill-Istati Membri. Dan jinkludi b’mod partikolari tranżazzjonijiet fis-setturi diġitali u tal-farmaċewtika.

11.

Il-Kummissjoni tqis li evalwazzjoni mill-ġdid tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet tista’ tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni. Fl-isfond tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni, f’ċerti ċirkostanzi, li tinkoraġġixxi u taċċetta referenzi f’każijiet fejn l-Istat Membru li jagħmel ir-referenza ma jkollux ġuriżdizzjoni inizjali fuq il-każ (iżda fejn jiġu ssodisfati l-kriterji tal-Artikolu 22). Din il-bidla fl-approċċ se tippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li t-tranżazzjonijiet addizzjonali li jistħoqqilhom rieżami skont ir-Regolament dwar l-Għaqdiet (12) jiġu eżaminati mill-Kummissjoni, mingħajr ma jiġi impost obbligu ta’ notifika fuq tranżazzjonijiet li ma jiġġustifikawx tali rieżami. Din il-bidla fil-prattika attwali ma teħtieġx modifika tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

12.

Din il-Gwida tipprovdi indikazzjonijiet dwar il-kategoriji ta’ każijiet li jistgħu jikkostitwixxu kandidati xierqa għal referenza f’sitwazzjonijiet fejn it-tranżazzjoni ma tkunx notifikabbli skont il-liġijiet tal-Istat(i) Membru/i li jagħmel/jagħmlu r-referenza, u b’hekk dwar il-kriterji li l-Kummissjoni tista’ tqis f’sitwazzjonijiet bħal dawn meta tinkoraġġixxi jew taċċetta tali referenza. Hija tipprovdi wkoll gwida dwar ċerti aspetti proċedurali. Għalhekk, il-Gwida għandha l-għan li żżid it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ applikazzjoni usa’ tal-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.   Prinċipji gwida għar-referenza ta’ każijiet li mhumiex notifikabbli skont il-liġijiet tal-Istat/i Membru/i li jagħmel/lu r-referenza

2.1.   Rekwiżiti legali

13.

L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jgħid li, sabiex issir referenza minn Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed lill-Kummissjoni, iridu jiġu ssodisfati żewġ rekwiżiti legali. Il-konċentrazzjoni trid:

(i)

taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri; u

(ii)

thedded li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istati Membru jew l-Istati Membri li għamel jew li għamlu t-talba.

14.

Għall-ewwel kriterju, l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet jispjega li konċentrazzjoni tissodisfa r-rekwiżit jekk jista’ jkollha xi influwenza evidenti fuq ix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (13). Il-kunċett ta’ “kummerċ” ikopri l-attività ekonomika transfruntiera kollha u jinkludi każijiet fejn it-tranżazzjoni taffettwa l-istruttura kompetittiva tas-suq. Il-Kummissjoni se tivvaluta b’mod partikolari jekk it-tranżazzjoni jistax ikollha influwenza, diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fatturi speċifiċi li jistgħu jkunu rilevanti jistgħu jinkludu l-post ta’ klijenti (potenzjali), id-disponibbiltà u l-offerta tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, il-ġbir ta’ data f’diversi Stati Membri, jew l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti R&Ż li r-riżultati tagħhom, inklużi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jekk jirnexxu, jistgħu jiġu kummerċjalizzati f’aktar minn Stat Membru wieħed.

15.

Għat-tieni kriterju, l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet jgħid li l-Istat Membru li jagħmel ir-referenza huwa meħtieġ, essenzjalment, li juri li, abbażi ta’ analiżi preliminari, hemm riskju reali li t-tranżazzjoni jista’ jkollha impatt negattiv sinifikanti fuq il-kompetizzjoni, u għalhekk jistħoqqilha skrutinju mill-qrib. Tali analiżi preliminari tista’ tkun ibbażata fuq evidenza prima facie ta’ impatt negattiv sinifikanti possibbli fuq il-kompetizzjoni, iżda tkun mingħajr preġudizzju għar-riżultat ta’ investigazzjoni sħiħa (14). Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Għaqdiet Orizzontali (15) u Mhux Orizzontali (16) fihom gwida dwar kif il-Kummissjoni tivvaluta l-konċentrazzjonijiet meta l-impriżi kkonċernati jkunu kompetituri attwali jew potenzjali fl-istess suq rilevanti u meta l-impriżi kkonċernati jkunu attivi fi swieq rilevanti differenti, rispettivament. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-każijiet koperti minn din il-Gwida, il-kunsiderazzjonijiet rilevanti biex jiġi deċiż jekk it-tranżazzjoni theddidx li tolqot b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni jistgħu jinkludu l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti ta’ waħda mill-impriżi kkonċernati; l-eliminazzjoni ta’ forza kompetittiva importanti, inkluża l-eliminazzjoni ta’ parteċipant riċenti jew futur jew l-għaqda bejn żewġ innovaturi importanti; it-tnaqqis tal-kapaċità u/jew l-inċentiv tal-kompetituri li jikkompetu, inkluż billi jagħmlu d-dħul jew l-espansjoni tagħhom aktar diffiċli jew billi jfixklu l-aċċess tagħhom għal provvisti jew swieq; jew l-abbiltà u l-inċentiv li tiġi sfruttata, permezz ta’ effett ta’ lieva, pożizzjoni b’saħħitha fis-suq minn suq għal ieħor permezz ta’ rbit jew raggruppament jew prattiki ta’ esklużjoni oħra.

16.

Meta teżamina ż-żewġ kriterji, il-Kummissjoni se tqis b’mod partikolari n-natura prospettiva tal-valutazzjoni tal-kontroll tal-għaqdiet.

17.

L-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kriterji tiżgura li t-tranżazzjoni jkollha rabta suffiċjenti mal-UE u l-Istat (i) Membru/i li jagħmel ir-referenza.

2.2.   Jistgħu jitqiesu fatturi oħrajn

18.

Kif indikat fl-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, meta jikkunsidraw jekk jeżerċitawx jew le d-diskrezzjoni tagħhom li jagħmlu jew jilqgħu talba għal referenza, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom fuq kollox iżommu f’moħħhom il-ħtieġa li jiżguraw protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni fis-swieq kollha affettwati mit-tranżazzjoni (17).

19.

Minbarra l-prinċipji stabbiliti fl-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet (18), il-kategoriji ta’ każijiet li normalment ikunu adatti għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet fejn l-għaqda ma tkunx notifikabbli fl-Istat(i) Membru/i li jagħmel ir-referenza, jikkonsistu fi tranżazzjonijiet fejn il-fatturat ta’ mill-inqas waħda mill-impriżi kkonċernati ma jirriflettix il-potenzjal kompetittiv attwali jew futur tagħha. Dan jinkludi, pereżempju, każijiet fejn l-impriża: (1) tkun negozju ġdid jew parteċipant reċenti b’potenzjal kompetittiv sinifikanti li għad irid jiżviluppa jew jimplimenta mudell ta’ negozju li jiġġenera dħul sinifikanti (jew għadu fil-fażi inizjali tal-implimentazzjoni ta’ tali mudell ta’ negozju); (2) tkun innovatur importanti jew qed iwettaq riċerka potenzjalment importanti; (3) tkun forza kompetittiva importanti attwali jew potenzjali (19); (4) ikollha aċċess għal assijiet kompetittivament sinifikanti (bħal pereżempju materja prima, infrastruttura, data jew drittijiet ta’ proprjetà intellettwali); u/jew (5) tkun tipprovdi prodotti jew servizzi li huma inputs/komponenti ewlenin għal industriji oħra. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tqis ukoll jekk il-valur tal-korrispettiv riċevut mill-bejjiegħ huwiex partikolarment għoli meta mqabbel mal-fatturat attwali tal-mira.

20.

Il-lista ta’ hawn fuq hija prpovduta għal skopijiet purament illustrattivi. Mhijiex limitata għal xi settur jew setturi ekonomiċi speċifiċi u bl-ebda mod ma tista’ titqies komprensiva.

21.

Filwaqt li r-referenza hija soġġetta għall-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 22, il-fatt li tranżazzjoni tkun diġà ngħalqet ma jipprekludix lil Stat Membru milli jitlob referenza (20). Madankollu, iż-żmien li għadda mill-għeluq huwa fattur li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra meta teżerċita d-diskrezzjoni tagħha li taċċetta jew tirrifjuta talba għal riferiment. Għalkemm il-valutazzjonijiet jitwettqu fuq bażi ta’ każ b’każ, il-Kummissjoni ġeneralment ma tikkunsidrax referenza xierqa fejn ikunu għaddew aktar minn sitt xhur mill-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni. Jekk l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni ma kinitx fid-dominju pubbliku, dan il-perjodu ta’ sitt xhur jibda mill-mument meta l-fatti materjali dwar il-konċentrazzjoni jkunu saru pubbliċi fl-UE. F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, madankollu, referenza aktar tard tista’ tkun xierqa wkoll, ibbażata fuq, pereżempju, l-iskala tat-tħassib potenzjali dwar il-kompetizzjoni u tal-effett detrimentali potenzjali fuq il-konsumaturi.

22.

Fl-aħħar nett, ċirkostanza fejn it-tranżazzjoni tkun diġà ġiet innotifikata fi Stat Membru wieħed jew aktar li ma talbux referenza jew ma ngħaqdux ma’ talba ta’ referenza bħal din, tista’ tikkostitwixxi fattur kontra l-aċċettazzjoni tar-referenza. Madankollu, il-Kummissjoni se tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, kif imsemmi fil-paragrafu hawn fuq, il-firxa tad-dannu potenzjali, kif ukoll l-ambitu ġeografiku tas-swieq rilevanti.

3.   Aspetti proċedurali

23.

Il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex tidentifika konċentrazzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu kandidati potenzjali għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet iżda li ma jissodisfawx il-kriterji ġuriżdizzjonali rilevanti skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi. Hija tista’ tiskambja informazzjoni għal dak il-għan mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (21). F’dawn l-iskambji, l-informazzjoni kunfidenzjali se tkun protetta skont il-liġijiet applikabbli (22).

24.

Il-partijiet li jingħaqdu jistgħu b’mod volontarju jippreżentaw informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet intenzjonati tagħhom. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’, f’każijiet bħal dawn, tagħtihom indikazzjoni bikrija li ma tqisx li l-konċentrazzjoni tagħhom tkun tikkostitwixxi kandidat tajjeb għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, jekk tkun ġiet ippreżentata biżżejjed informazzjoni biex issir din il-valutazzjoni preliminari.

25.

Partijiet terzi jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u jinfurmawhom b’konċentrazzjoni li, fl-opinjoni tagħhom, tista’ tkun kandidat għal referenza skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Sabiex il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jivvalutaw jekk it-tranżazzjoni tistax tkun kandidat għal referenza jew le, tali kuntatt għandu jinkludi biżżejjed informazzjoni biex issir valutazzjoni preliminari dwar jekk il-kriterji għal referenza humiex issodisfati, fejn tali informazzjoni tkun disponibbli għall-parti terza. L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ma jimponi ebda obbligu fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri jew fuq il-Kummissjoni biex jieħdu xi azzjoni wara kuntatt minn parti terza.

26.

Jekk il-Kummissjoni ssir konxja ta’ konċentrazzjoni li hija tqis li tissodisfa l-kriterji rilevanti għal referenza, hija tista’ tinforma lill-Istat(i) Membru/i potenzjalment ikkonċernat(i) u tistieden lil dak l-Istat Membru jew lil dawk l-Istati Membri biex jagħmlu talba għal referenza (23). Huwa f’idejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jiddeċiedu jekk jixtiqux jagħmlu t-talba.

27.

Jekk tkun qed tiġi kkunsidrata talba għal referenza, il-Kummissjoni se tinforma lill-partijiet għat-tranżazzjoni malajr kemm jista’ jkun (24). Minkejja li jkunu konxji ta’ tali kunsiderazzjoni, l-impriżi kkonċernati ma humiex obbligati jieħdu jew iżommu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tat-tranżazzjoni (25), iżda huma jistgħu jiddeċiedu li jieħdu miżuri li jqisu xierqa, bħal dewmien fl-implimentazzjoni tat-tranżazzjoni sakemm jiġi deċiż jekk tkunx se ssir talba għal referenza.

28.

Jekk ma tkun meħtieġa l-ebda notifika, it-talba għal referenza trid tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol mill-jum li fih l-konċentrazzjoni kienet mgħarrfa lill-Istat Membru kkonċernat (26). Il-kunċett ta’ “tiġi mgħarrfa” għandu jiġi interpretat bħala li jimplika li jkun hemm għad-dispożizzjoni informazzjoni suffiċjenti biex issir valutazzjoni preliminari tal-eżistenza tal-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tar-referenza (27).

29.

Ladarba tkun saret talba għal referenza, il-Kummissjoni se tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-impriżi kkonċernati mingħajr dewmien. Stati Membri oħra jistgħu jingħaqdu mat-talba inizjali fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta jiġu infurmati mill-Kummissjoni dwar it-talba inizjali (28). Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun dwar jekk għandhomx l-intenzjoni li jingħaqdu mat-talba ta’ referenza jew le (29).

30.

Mhux aktar tard minn 10 ijiem tax-xogħol minn tmiem il-perjodu ta’ 15-il jum tax-xogħol li fihom l-Istati Membri jistgħu jingħaqdu mat-talba ta’ referenza, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li teżamina l-konċentrazzjoni meta jidhrilha li din tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri u thedded li tolqot b’mod sinjifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru jew l-Istati Membri li għamel jew għamlu t-talba. Jekk il-Kummissjoni ma tiħux deċiżjoni f’dan il-perjodu, hija se titqies bħallikieku adottat deċiżjoni biex teżamina l-konċentrazzjoni skont it-talba (30).

31.

L-obbligu ta’ sospensjoni stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet japplika sal-punt li l-konċentrazzjoni ma tkunx ġiet implimentata fid-data li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi kkonċernati li tkun saret talba għal referenza (31). L-obbligu ta’ sospensjoni jieqaf jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi sussegwentement li ma teżaminax il-konċentrazzjoni.

(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Commission Notice on Case Referral in respect of concentrations (ĠU C 56, 5.3.2005, p. 2). Għalhekk, din il-Gwida għandha tinqara flimkien mal-Aviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet. Gwida addizzjonali tista’ tinsab fl-Awtoritajiet Ewropej tal-Kompetizzjoni (“ECA”, European Competition Authorities) Principles on the application, by National Competition Authorities within the ECA, of Articles 4(5) and 22 of the EC Merger Regulation (2005).

(3)  Ara l-punt 7 tal-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet.

(4)  Skont l-Artikolu 6(3) tal-Protokoll 24 tal-Ftehim ŻEE, pajjiż wieħed jew aktar tal-EFTA jistgħu jingħaqdu ma’ talba għal referenza magħmula minn Stat Membru skont l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet jekk il-konċentrazzjoni taffettwa l-kummerċ bejn pajjiż Membru wieħed jew aktar u pajjiż tal-EFTA wieħed jew aktar u thedded li taffettwa b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fit-territorju tal-pajjiż jew pajjiżi tal-EFTA li jingħaqdu mat-talba.

(5)  Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni tal-UE, jiġifieri dawk li jaqbżu dawn il-limiti tal-fatturat, jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-Kummissjoni. Konċentrazzjonijiet li jaqgħu taħt dawn il-limiti jistgħu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, skont ir-regoli ġuriżdizzjonali tas-sistemi nazzjonali rispettivi tagħhom.

(6)  Ara l-Artikolu 4(4) u (5), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(7)  Kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(8)  L-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet huwa applikabbli wkoll meta l-Istat Membru li jagħmel ir-referenza ma jkunx stabbilixxa reġim nazzjonali li jikkontrolla għaqdiet bejn impriżi.

(9)  Skont, rispettivament, l-Artikolu 6(1)(c) u l-Artikoli 6(1)(b) flimkien ma’ 6(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(10)  Ara l-Artikolu 22(3)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Ara wkoll il-punt 7 tal-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet.

(11)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Marzu 2021.

(12)  Kif spjegat fl-Avviż dwar ir-Referenza ta’ Każijiet (ara n-nota 45 f’qiegħ il-paġna), il-Kummissjoni teżamina l-konċentrazzjoni fuq talba ta’ u f’isem l-Istati Membri li jagħmlu t-talba. Għalhekk, l-Artikolu 22 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet għandu jiġi interpretat bħala li jeħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-impatt tal-konċentrazzjoni fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri. Il-Kummissjoni mhijiex se teżamina l-effetti tal-konċentrazzjoni fit-territorju tal-Istati Membri li ma jkunux issieħbu fit-talba sakemm dan l-eżami ma jkunx meħtieġ għall-valutazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fit-territorju tal-Istati Membri rikjedenti (pereżempju, fejn is-suq ġeografiku jestendi lil hinn mit-territorju/i tal-Istat(i) Membru/i rikjedenti).

(13)  Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punt 43.

(14)  Ara l-punt 44.

(15)  Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi, (ĠU C 31, 5.2.2004, p. 5) (“Linji Gwida dwar l-Għaqdiet Orizzontali”).

(16)  Linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU C 265, 18.10.2008, p. 6).

(17)  Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punt 8.

(18)  Ara il-punt 45.

(19)  Fis-sens tal-paragrafi 37 u 38 tal-Linji Gwida dwar l-Għaqdiet Orizzontali.

(20)  Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet jirrikonoxxi din il-possibbiltà fl-Artikolu 22(4).

(21)  Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punti 53 et seq. Ara wkoll il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafi 3, 20 u 23 u 26–9.

(22)  Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punti 57 u 58. Ara wkoll il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 34.

(23)  L-Artikolu 22(5) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Ara wkoll il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 22.

(24)  Skont il-Prinċipji tal-QEA, jekk tkun qed tiġi kkunsidrata talba għal referenza, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jinformaw lill-partijiet involuti fit-tranżazzjoni malajr kemm jista’ jkun (ara l-paragrafu 25).

(25)  L- obbligu ta’ sospensjoni stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet japplika biss mid-data li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriżi kkonċernati li tkun saret talba, sa fejn il-konċentrazzjoni ma tkunx ġiet implimentata f’dik id-data. Ara l-Artikolu 22(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-ewwel subparagrafu.

(26)  L-Artikolu 22(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, it-tieni subparagrafu. Ara wkoll l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punt 50.

(27)  Ara l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, in-nota f’qiegħ il-paġna 43. Ara wkoll il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 31.

(28)  L-Artikolu 22(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Ara wkoll l-Avviż dwar ir-Referenza tal-Każijiet, il-punt 50 u l-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 24.

(29)  Il-Prinċipji tal-QEA, il-paragrafu 24.

(30)  L-Artikolu 22(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-ewwel subparagrafu.

(31)  L-Artikolu 22(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, l-ewwel subparagrafu.