1.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/47


Avviż tal-Kummissjoni

Linji gwida għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-gateway diġitali uniku Programm ta’ ħidma tal-2021-2022

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2021/C 71/02)

Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) 2018/1724 li jistabbilixxi gateway diġitali uniku għandu l-għan li jiffaċilita l-aċċess online għall-informazzjoni, għall-proċeduri amministrattivi u għas-servizzi ta’ assistenza li ċ-ċittadini u n-negozji jeħtieġu biex jiċċaqilqu fi ħdan l-Unjoni u biex jinnegozjaw, jistabbilixxu lilhom infushom u jespandu n-negozji tagħhom fi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 31(1) tar-Regolament jipprevedi l-adozzjoni ta’ programm ta’ ħidma annwali li għandu jispeċifika azzjonijiet li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tar-Regolament. L-ewwel programm ta’ ħidma li jkopri l-perjodu minn Lulju 2019 sa Diċembru 2020 ġie ppubblikat fil-31 ta’ Lulju 2019 f'Il-Ġurnal Uffiċjali (ĠU C257).

Kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri matul dawn is-sentejn ippermettiet l-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira mill-kompiti elenkati fl-ewwel programm ta’ ħidma, u speċjalment l-iżgurar tat-tnedija f’waqtha tal-gateway f’Diċembru 2020, minkejja l-kriżi tal-Covid. Din il-kriżi enfasizzat ukoll ulterjorment il-ħtieġa għal amministrazzjonijiet pubbliċi aktar diġitalizzati u faċli għall-utent.

Dan it-tieni programm ta’ ħidma jistipula l-iskeda ta’ żmien ta’ aktar azzjonijiet immirati lejn l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-SDG, bi skadenzi legali fl-2022 u fl-2023, kif ukoll lejn iż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-SDGs li diġà tnedew. Fid-dawl tal-konverġenza ta’ għadd ta’ azzjonijiet lejn l-iskadenza ta’ Diċembru 2022, dan it-tieni programm ta’ ħidma jkopri l-perjodu minn Jannar 2021 sa Diċembru 2022. Mill-2021, l-azzjonijiet se jiffukaw fuq:

il-monitoraġġ u t-titjib tal-kwalità tal-gateway,

il-promozzjoni,

it-tħejjijiet għall-implimentazzjoni mill-muniċipalitajiet sal-2022,

it-tħejjijiet biex tiġi rispettata l-iskadenza tal-2023 rigward id-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà transfruntiera tal-proċeduri u tas-sistema ta’ darba biss.

Fis-6 ta’ Ottubru 2020, dan il-programm ta’ ħidma kien ġie diskuss mal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway, kif previst mill-Artikolu 31(2) tar-Regolament. L-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tiġi ssorveljata kemm permezz tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni online tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway kif ukoll matul il-laqgħat tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway.

Il-koordinaturi nazzjonali huma mistiedna jipproduċu programm ta’ ħidma nazzjonali li jivvaluta l-progress li sar sa issa u li jiddeskrivi azzjonijiet biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi li fadal. Huma mistiedna jirrieżaminaw dan il-programm ta’ ħidma nazzjonali darba fis-sena u jikkondividuh mal-Kummissjoni u mal-grupp ta’ koordinazzjoni.

Għall-finijiet ta’ dan l-avviż tal-Kummissjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità jew korp ta’ Stat Membru stabbilit f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali b’responsabbiltajiet speċifiċi relatati mal-informazzjoni, il-proċeduri, is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi koperti mir-Regolament dwar il-gateway;

“koordinaturi nazzjonali” huma r-rappreżentanti maħtura mill-Istati Membri kif previst mill-Artikolu 28 tar-Regolament dwar il-gateway.

1.   Kwalità tal-informazzjoni u tas-servizzi

Objettiv 1.1: Żgurar tal-kompletezza u tal-kwalità tal-informazzjoni

Referenza: L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament dwar l-aċċess għall-informazzjoni, l-Artikolu 9 dwar il-kwalità tal-informazzjoni dwar id-drittijiet, l-obbligi u r-regoli, l-Artikolu 10 dwar il-kwalità tal-informazzjoni dwar il-proċeduri, l-Artikolu 12 dwar it-traduzzjoni, l-Artikolu 19

Sfond

Il-gateway se jipprovdi liċ-ċittadini u lin-negozji b’informazzjoni komprensiva biżżejjed biex dawn ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet idderivati mid-dritt tal-Unjoni u minn dak nazzjonali, f’konformità sħiħa mar-regoli u l-obbligi applikabbli.

Fl-Anness I, ir-Regolament jipprovdi lista ta’ oqsma fejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha għaċ-ċittadini u għan-negozji tiġi pprovduta online sat-12 ta’ Diċembru 2020, għajr informazzjoni pprovduta mill-muniċipalitajiet, li għandhom sal-2022. Id-drittijiet u l-obbligi madwar l-UE kollha huma koperti fuq il-portal L-Ewropa Tiegħek. Il-portal L-Ewropa Tiegħek jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-implimentazzjoni nazzjonali u r-regoli pprovduti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għal xi wħud mis-suġġetti identifikati fl-Anness I. Din l-informazzjoni qed titneħħa gradwalment minn L-Ewropa Tiegħek u qed tiġi sostitwita (1) b’links għal paġni fuq siti web nazzjonali nnotifikati mill-Istati Membri u (2) bil-faċilità ta’ tiftix fil-gateway.

Il-Kummissjoni offriet ukoll servizzi ta’ traduzzjoni lill-Istati Membri fl-2020. Fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji, il-prijorità għall-użu ta’ dan is-servizz ingħatat sa tmiem l-2020 lill-informazzjoni bażika fl-oqsma kollha elenkati fl-Anness I.

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Q1 2021-Q4 2022

Iċċekkjar tal-kompletezza u l-kwalità tal-informazzjoni koperta mill-Anness I u indirizzar tal-problemi

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Q1 u 3 ta’ kull sena

Rieżami biannwali tal-gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Anness I

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Q4 2022

Żgurar li l-informazzjoni fil-livell muniċipali tkun disponibbli online u li tkun ta’ kwalità tajba, u li s-siti web jiġu nnotifikati lill-KE

Awtoritajiet kompetenti

Koordinaturi nazzjonali

Q1-Q2 2021

Pilotaġġ ta’ approċċ fakultattiv biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ rekwiżiti tal-prodott speċifiċi nazzjonali b’għażla ta’ Stati Membri li jixtiequ jagħmlu dan.

Implimentazzjoni ta’ miżuri biex jittejbu r-riżultati fil-qasam tar-rekwiżiti tal-prodott (inklużi l-iżviluppi meħtieġa fl-IT)

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Q4 2021

Implimentazzjoni ta’ miżuri biex jittejbu r-riżultati fil-qasam tat-tassazzjoni (inklużi l-iżviluppi meħtieġa fl-IT)

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Objettiv 1.2: Evitar ta’ duplikazzjoni

Referenza: Il-Premessi 17 u 55, l-Artikoli 19.6 u 30 tar-Regolament

Sfond

Ir-Regolament jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jipprovdu sorsi uniċi għal kull element ta’ informazzjoni meħtieġ għall-gateway, u biex jevitaw duplikazzjoni parzjali jew sħiħa kull fejn ikun possibbli. Dan biex tiġi evitata konfużjoni fost l-utenti li jsibu portali differenti li jkun fihom informazzjoni simili iżda mhux kompletament identika dwar l-istess suġġett. L-immirar lejn sorsi ta’ informazzjoni uniċi jagħmilha wkoll eħfef biex isiru aġġornamenti u jnaqqas ir-riskju li tiġi ppreżentata informazzjoni kontradittorja.

Għall-gateway hija eliġibbli biss informazzjoni mmirata esklużivament lejn iċ-ċittadini u n-negozji li tispjega d-drittijiet u l-obbligi applikabbli tagħhom. Jenħtieġ li din ma titħallatx ma’ kontenut ieħor, bħal informazzjoni dwar il-politika li tkun qed titfassal u li tkun immirata lejn udjenzi magħmula minn esperti u minn impjegati taċ-ċivil.

Il-Kummissjoni qed tapplika dan il-prinċipju għall-preżenza tagħha fuq l-internet, u qed taħdem biex tintegra u tospita l-informazzjoni kollha fil-livell tal-UE li tinforma liċ-ċittadini u lin-negozji dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fis-Suq Uniku fuq L-Ewropa Tiegħek. L-uniċi eċċezzjonijiet għandhom ikunu l-każijiet fejn il-liġi separata tal-UE tagħti mandat għall-ħolqien ta’ sit web partikolari. Il-kontenut li jiddeskrivi l-politiki u l-proċessi, min-naħa l-oħra, għandu jiġi ospitat fuq is-sit web korporattiv tal-Kummissjoni u fuq is-siti web individwali tad-Direttorati-Ġenerali responsabbli.

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Q4 2021

Integrazzjoni tal-informazzjoni kollha fil-livell tal-UE esklużivament fuq L-Ewropa Tiegħek, għajr fejn il-leġiżlazzjoni ma tippermettix dan.

Żvilupp ta’ approċċ integrat bejn L-Ewropa Tiegħek u portali oħrajn tal-UE li jagħmlu parti mill-gateway biex tiġi żgurata navigazzjoni mingħajr xkiel u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni

Il-Kummissjoni

Q1 2021-Q4 2022

Separazzjoni ċara bejn l-informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli għaċ-ċittadini u għan-negozji, ippreżentata fuq L-Ewropa Tiegħek, u l-informazzjoni dwar il-politika li tkun qed titfassal, koperta fuq is-sit web korporattiv tal-Kummissjoni u fuq siti web separati tad-DĠ

Il-Kummissjoni

Q1 2021 – Q4 2022

Ħidma biex jitnaqqsu d-duplikazzjonijiet f’oqsma speċifiċi, inkluż il-GDPR, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji, il-finanzi għan-negozji, ir-rekwiżiti tal-prodott, it-tassazzjoni, l-importazzjoni/l-esportazzjoni

Il-Kummissjoni

Q1 2021-Q4 2021

Żvilupp ta’ approċċ integrat fil-livell nazzjonali biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi bejn diversi portali nazzjonali

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Q1 2021-Q4 2022

Monitoraġġ tad-duplikazzjonijiet bejn is-siti web tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, u investigazzjoni tas-soluzzjonijiet possibbli għal distribuzzjoni aħjar tal-kontenut

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

2.   Żvilupp tal-IT, diġitalizzazzjoni tal-proċeduri, ġbir ta’ data

Objettiv 2.1: Diġitalizzazzjoni tal-proċeduri

Referenza: L-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-proċeduri li għandhom jiġu offruti kompletament online.

Sfond

Il-gateway se joffri lill-utenti aċċess faċli għal proċeduri amministrattivi nazzjonali. Għal dan il-għan, ir-Regolament jeħtieġ li l-Istati Membri kollha jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw u jikkompletaw bis-sħiħ kwalunkwe waħda mill-proċeduri elenkati fl-Anness II kompletament online. Dan ifisser li l-utent jenħtieġ li jkun jista’ jieħu l-passi kollha b’mod elettroniku, mill-bogħod u permezz ta’ servizz online. Ir-Regolament jagħti wkoll lista mhux eżawrjenti ta’ kriterji speċifiċi li jridu jiġu ssodisfati.

Filwaqt li l-iskadenza finali għad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri hija f’Diċembru 2023, l-Istati Membri jenħtieġ li jintensifikaw il-ħidma tagħhom fuq dan il-proġett u jfittxu opportunitajiet biex jimplimentaw ir-rekwiżiti ferm qabel l-iskadenza bħala parti mill-programmi kontinwi tagħhom tal-gvern elettroniku, kif xi wħud minnhom bdew jagħmlu matul il-kriżi tal-Covid.

Il-programmi tal-UE se jgħinu lill-Istati Membri biex jilħqu dan il-għan, pereżempju fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, Orizzont Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali u l-FEŻR. L-awtoritajiet kompetenti huma mistiedna jikkuntattjaw lill-koordinaturi nazzjonali tagħhom li huma responsabbli għall-programmi finanzjarji fl-Istat Membru tagħhom.

Fl-2020, il-Kummissjoni pprovdiet nota ta’ spjegazzjoni dwar il-proċeduri tal-Anness II u s-suġġett se jibqa’ jiġi indirizzat matul il-laqgħat tal-grupp ta’ koordinazzjoni.

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Q1-Q2 2021

Kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-progress lejn id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-Anness II mal-grupp ta’ koordinazzjoni

Awtoritajiet kompetenti

Koordinaturi nazzjonali

Q2 2021–Q4 2022

Indirizzar tad-diskrepanzi identifikati permezz tal-kompitu msemmi hawn fuq

Awtoritajiet kompetenti

Koordinaturi nazzjonali

p. m. Q4 2023

Il-proċeduri kollha tal-Anness II għandhom ikunu kompletament online

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Objettiv 2.2: Żgurar tal-aċċess ta’ utenti transfruntiera għall-proċeduri online

Referenza: L-Artikolu 13 tar-Regolament dwar l-aċċess transfruntier għal proċeduri online.

Sfond:

Ir-Regolament jipprevedi li l-proċeduri li diġà huma online jkunu (magħmulin) kompletament aċċessibbli għall-utenti transfruntiera. Dan ifisser li jekk proċedura tkun disponibbli għal ċittadin ta’ Stat Membru speċifiku, din trid tkun aċċessibbli wkoll fil-passi kollha tagħha għal utenti minn Stati Membri oħra jew għal utenti mill-istess Stat Membru li jgħixu fi Stat Membru ieħor jew li qabel ikunu għexu, ħadmu, studjaw jew wettqu negozju fi Stat Membru ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jużaw soluzzjoni teknika alternattiva u teknikament separata għall-utenti transfruntiera, fejn dan ikun meħtieġ, iżda f’dawk is-sitwazzjonijiet jenħtieġ li tingħata aktar attenzjoni biex jiġi żgurat li l-proċedura tkun twassal għall-istess eżitu u li ma tkunx aktar oneruża mill-proċedura offruta lill-utenti nazzjonali.

Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-ostakli għall-utenti transfruntiera, bħal kampijiet fil-formoli li jeħtieġu numri tat-telefown nazzjonali, prefissi nazzjonali għan-numri tat-telefown jew kodiċijiet postali nazzjonali, il-ħlas ta’ tariffi li jista’ jsir biss permezz ta’ sistemi li ma jkunux disponibbli (b’mod mifrux) għall-utenti transfruntiera, in-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet dettaljati f’lingwa mifhuma mill-utenti transfruntiera, in-nuqqas ta’ possibbiltajiet biex l-utent jissottometti evidenza elettronika, u n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ mezzi elettroniċi ta’ identifikazzjoni maħruġa fi Stati Membri oħra.

F’ċerti oqsma (eż. id-Direttiva dwar is-Servizzi, id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku), l-aċċess nondiskriminatorju għall-proċeduri għal utenti transfruntiera diġà hu rekwiżit legali minbarra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minqux fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Fl-2020, il-Kummissjoni pprovdiet nota ta’ spjegazzjoni dwar l-aċċessibbiltà transfruntiera tal-proċeduri u s-suġġett se jkompli jiġi indirizzat matul il-laqgħat tal-grupp ta’ koordinazzjoni.

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Q1-Q2 2021

Kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-progress lejn aċċessibbiltà transfruntiera sħiħa ta’ proċeduri online mal-grupp ta’ koordinazzjoni

Awtoritajiet kompetenti

Koordinaturi nazzjonali

Q2 2021–Q4 2022

Indirizzar tal-ostakli li jifdal

Awtoritajiet kompetenti

Koordinaturi nazzjonali

p.m. Q4 2023

Proċeduri online aċċessibbli għal utenti transfruntiera b’mod mhux diskriminatorju

 

Objettiv 2.3: Kontribuzzjoni għall-iżvilupp tal-għodod tal-IT fil-livell tal-UE u l-iżgurar tal-interoperabbiltà bejn l-għodod tal-IT tal-KE u dawk nazzjonali

Referenza: L-Artikoli 8, 15, 18, 19, 21 tar-Regolament dwar ir-responsabbiltajiet għall-applikazzjonijiet tal-ICT li jappoġġaw il-gateway

Sfond

Kif previst mir-Regolament, il-funzjonament tal-gateway huwa ffaċilitat minn għodod tekniċi li jinkludu: faċilità ta’ tiftix u għodda ta’ sejbien ta’ assistenza komuni li jiggwidaw lill-utenti finali lejn l-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza; għodda għall-feedback mill-utenti dwar il-kwalità tas-servizzi; għodda għall-feedback mill-utenti dwar l-ostakli fis-Suq Uniku; għodda għall-ġbir tal-istatistika dwar l-użu; u dashboard bħala l-interfaċċa għall-awtoritajiet pubbliċi.

F’Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat att ta’ implimentazzjoni dwar il-feedback mill-utenti u l-istatistika (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1121) u żgurat id-disponibbiltà ta’ dawn l-għodod kollha fl-2020. L-awtoritajiet nazzjonali kellhom jiżguraw konformità mal-att ta’ implimentazzjoni, jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-għodod, u jinkludu links għal xi wħud minnhom mis-siti web nazzjonali tagħhom. Ġew ipprovduti linji gwida dwar l-inklużjoni ta’ links fuq is-siti web.

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Q1-Q2 2021

Monitoraġġ tal-ġbir ta’ feedback u ta’ statistika

Monitoraġġ taż-żieda, fuq paġni nazzjonali li jkunu parti mill-gateway, ta’ links għal:

l-għodda komuni għall-feedback mill-utenti fuq paġni li ma jkollhomx għodda nazzjonali għall-feedback

l-għodda ta’ sejbien tas-servizz ta’ assistenza

l-għodda dwar l-ostakli fis-suq uniku

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Q1 2021-Q4 2022

Żamma u titjib ulterjuri tal-għodod tal-IT tal-SDG abbażi tal-feedback mill-utenti u tal-istatistika miġbura

Il-Kummissjoni

Q1-Q3 2021

Esplorazzjoni tad-domanda għal u l-fattibbiltà ta’ żvilupp ta’ għodod tal-IT komuni għall-ġbir u t-trażmissjoni awtomatiċi tal-istatistika mill-muniċipalitajiet, kif ukoll għall-appoġġ tad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Q2 2022

Skont din l-analiżi, żvilupp tal-għodod

Il-Kummissjoni

p.m. Q4 2023

Implimentazzjoni tal-fluss tal-ħidma fl-IMI għall-kooperazzjoni amministrattiva (l-Artikolu 15)

 

Objettiv 2.4: Darba biss

Referenza: L-Artikolu 14 tar-Regolament

Sfond

F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tistabbilixxi sistema teknika għall-iskambjar ta’ evidenza għall-proċeduri online elenkati fl-Anness II tar-Regolament u għall-proċeduri previsti fid-Direttiva dwar is-Servizzi (1), fid-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (2) u fiż-żewġ Direttivi dwar l-akkwist pubbliku (2014/24/UE u 2014/25/UE).

Fl-2019 u fl-2020, il-Kummissjoni żviluppat arkitettura għas-sistema, u ħadmet mal-Istati Membri permezz ta’ għadd ta’ pakketti ta’ ħidma fuq soluzzjonijiet tekniċi u operattizzjonali. Il-Kummissjoni wettqet ukoll studji u proġetti pilota biex tappoġġa din il-ħidma.

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Q1 2021

Ir-rieżami finali tar-riżultati prodotti mill-pakketti ta’ ħidma

Grupp ta’ koordinazzjoni

Q1 2021

Proposta ta’ abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni li jistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-sistema teknika

Il-Kummissjoni

Q1 2021

Ħidma preliminari fuq l-att ta’ implimentazzjoni

Grupp ta’ koordinazzjoni

Q2 2021

Għoti ta’ opinjoni dwar l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u dwar is-servizzi ewlenin u ġeneriċi li qed jiġu żviluppati

Kumitat

Q2 2021

Adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni

Q1 2022

Pubblikazzjoni ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi aktar dettaljati u tal-qafas ta’ governanza, biex jiġi kkumplimentat l-att ta’ implimentazzjoni, abbażi tal-input ipprovdut minn pakketti ta’ ħidma speċifiċi u wara diskussjoni mal-grupp ta’ koordinazzjoni

Il-Kummissjoni

Q1 2022

Implimentazzjoni tal-qafas ta’ governanza għas-sistema teknika

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Minn Q3 2021

Żvilupp tal-komponenti ewlenin u tal-abilitanti tekniċi tas-sistema teknika, u l-istabbiliment tal-arranġamenti operazzjonali meħtieġa fil-livell tal-UE

Il-Kummissjoni

Minn Q3 2021

Żvilupp u adattament tan-naħa nazzjonali tas-sistema teknika, inklużi sorsi awtentiċi ta’ informazzjoni, sensara tal-gvern elettroniku/pjattaformi ta’ intermedjazzjoni u portals tal-gvern elettroniku, kif ukoll l-arranġamenti operazzjonali meħtieġa fil-livell nazzjonali

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

p.m. Q1 2023

Ittestjar u on-boarding

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

p.m. Q4 2023

Sistema teknika ta’ darba biss implimentata u lesta għall-użu

 

Objettiv 2.5: Rappurtar dwar il-funzjonament tal-gateway u tas-suq uniku

Referenza: L-Artikoli 19, 24, 25, 26, 27 u 36 tar-Regolament

Sfond

Ir-Regolament jipprevedi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni janalizzaw u jinvestigaw il-problemi mqajma mill-utenti permezz tal-għodda għall-ostakli fis-suq Uniku (SMO) u li jindirizzawhom b’mezzi xierqa, kull fejn ikun possibbli.

Ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tippubblika sommarji onlajn tal-problemi li feġġew mir-rapporti pprovduti mill-utenti tal-gateway permezz tal-għodda SMO, kif ukoll dawk enfasizzati mill-feedback mill-utenti u l-istatistika miġbura.

Barra minn hekk, ir-Regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi l-applikazzjoni tar-Regolament sat-12 ta’ Diċembru 2022 u li tabbozza rapport li jivvaluta l-funzjonament tal-gateway u tas-suq intern abbażi tal-istatistika miġbura, il-feedback mill-utenti u r-rapporti dwar l-ostakli fis-Suq Uniku.

Ir-Regolament jipprevedi bosta għodod li se jgħinu lill-Kummissjoni tiġbor informazzjoni rilevanti relatata mad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi fl-UE. Ir-rapporti fil-qosor tal-problemi u r-rapporti biannwali se jappoġġaw lill-Kummissjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati fil-qasam tas-suq intern, flimkien ma’ għodod oħra (jiġifieri rapport statistiku bbażat fuq indikaturi magħżula ppubblikati fuq Tabella ta’ Valutazzjoni aġġornata għas-Suq Uniku; ir-Rapport Annwali dwar il-Prestazzjoni tas-Suq Uniku; eċċ.). Dawn se jgħinu wkoll lill-Istati Membri jidentifikaw u jindirizzaw il-problemi rrappurtati b’mod xieraq.

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Segwitu għall-istatistika u għall-feedback mill-utenti

Q1 2021-Q4 2022

Segwitu għall-feedback u għall-istatistika

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Il-Kummissjoni

Segwitu għall-feedback fuq l-għodda SMO

Q3-Q4 2021

Integrazzjoni tal-feedback miġbur permezz ta’ Servizzi ta’ Assistenza fl-għodda SMO

Il-Kummissjoni

Pubblikazzjoni ta’ settijiet ta’ data fuq il-gateway bħala data miftuħa

Q4 2021

Pubblikazzjoni ta’ data dwar l-istatistika

Il-Kummissjoni

Q4 2021

Pubblikazzjoni ta’ data mir-repożitorju tal-links

Il-Kummissjoni

Stampi ġenerali fil-qosor online

Q4 2021

Pubblikazzjoni ta’ stampi ġenerali fil-qosor wara diskussjoni mal-grupp ta’ koordinazzjoni

Il-Kummissjoni

Rappurtar dwar il-gateway u s-suq uniku

Q2 2022

Diskussjoni dwar l-input għall-abbozz ta’ rapport ipprovdut mill-Kummissjoni

Grupp ta’ koordinazzjoni

Q4 2022

Sottomissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill

Il-Kummissjoni

Indikaturi għat-Tabella ta’ Valutazzjoni għas-Suq Uniku

Q1 2021

Forniment ta’ indikaturi tal-SDGs għall-pubblikazzjoni fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-2021 għas-Suq Uniku

Il-Kummissjoni

Grupp ta’ koordinazzjoni

Q1 2021

Definizzjoni ta’ sett ta’ indikaturi tal-SDGs għat-Tabella ta’ Valutazzjoni għas-Suq Uniku fl-2022 u fis-snin sussegwenti

Il-Kummissjoni

Grupp ta’ koordinazzjoni

3.   Servizzi ta’ assistenza

Objettiv 3.1: Żgurar tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar is-servizzi ta’ assistenza u l-kwalità tagħhom

Referenza: L-Artikoli 7, 11 u 16 tar-Regolament

Sfond

Il-gateway, permezz tal-għodda ta’ sejbien tas-servizz ta’ assistenza mnedija fl-2020, joffri lill-utenti aċċess faċli għal firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ assistenza, jinfurmahom dwar dak li jistgħu jistennew mis-servizz u jiggwidhom lejn dak l-aktar xieraq.

Minbarra s-servizzi elenkati fl-Anness III, servizzi oħra ta’ assistenza għażlu li jingħaqdu wkoll mal-gateway mat-tnedija tiegħu: Europe Direct, iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi u l-Help Desk tal-IPR.

Il-Kummissjoni appoġġat is-servizzi ta’ assistenza f’dan il-proċess billi pprovdiet lista ta’ kontroll u valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali fl-2019.

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Q1 2021-Q4 2022

Monitoraġġ tal-informazzjoni pprovduta dwar is-servizzi ta’ assistenza u l-kwalità tagħhom bl-għajnuna tal-feedback mill-utenti u l-istatistika miġbura, u segwitu

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Objettiv 3.2: Twessigħ tan-network

Referenza: L-Artikolu 7 tar-Regolament

Sfond:

Minbarra s-servizzi ta’ assistenza elenkati fl-Anness III, il-Kummissjoni u l-koordinaturi nazzjonali jistgħu jagħżlu li jkunu inklużi f’servizzi ta’ assistenza oħra jekk dawk ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament.

Fejn ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti, il-koordinaturi nazzjonali jistgħu jipproponu wkoll lill-Kummissjoni l-inklużjoni ta’ servizzi ta’ assistenza privati jew semiprivati jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità tal-gateway.

Fl-2019 u fl-2020, ingħatat prijorità lill-inklużjoni ta’ servizzi ta’ assistenza li huma ffinanzjati jew ikkofinanzjati u/jew immaniġġjati mill-Kummissjoni. Dan irriżulta fl-inklużjoni ta’ Europe Direct, taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi u tal-Help Desk tal-IPR.

Fl-2021, se tibqa’ tingħata prijorità lit-tħejjija għall-inklużjoni ta’ aktar servizzi li huma ffinanzjati jew ikkofinanzjati u/jew immaniġġjati mill-Kummissjoni. B’mod parallel, il-koordinaturi nazzjonali se jkollhom il-possibbiltà li jinkludu servizzi ta’ assistenza fil-livell nazzjonali wara li jivverifikaw jekk dawn jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-gateway u jekk ikunux komplementari għas-servizzi li diġà jkunu parti mill-gateway.

Mill-2022, il-koordinaturi nazzjonali se jkollhom il-possibbiltà li jipproponu lill-Kummissjoni l-inklużjoni ta’ servizzi ta’ assistenza privati jew semi-privati.

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Q1 2021

Għoti tad-dettalji prattiċi ta’ proċedura ta’ inklużjoni għas-servizzi ta’ assistenza

Il-Kummissjoni

4.   Promozzjoni

Objettiv 4.1: Promozzjoni tal-gateway

Referenza: L-Artikoli 22 sa 23 tar-Regolament dwar il-promozzjoni, l-isem, il-logo u t-tikketta ta’ kwalità

Sfond

Il-gateway tnieda fit-12 ta’ Diċembru 2020.

Fl-2020, tħejja pjan ta’ komunikazzjoni flimkien mal-Istati Membri biex tiġi rreklamata l-gateway. Dan jipprevedi t-tnedija ta’ kampanja kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali fl-2021, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-attivitajiet biex jiġu promossi l-gateway u s-siti web li jagħmlu parti minnu. Il-kampanja tinkludi preżentazzjonijiet diġitali b’sessjonijiet ta’ informazzjoni online madwar l-Ewropa fil-lingwi nazzjonali. L-għanijiet huma li:

L-Ewropa Tiegħek tiġi stabbilita bħala marka fost iċ-ċittadini u n-negozji

Tiżdied ir-rintraċċabbiltà tal-gateway

L-Ewropej jiġu infurmati dwar id-drittijiet u r-regoli tal-UE u dawk nazzjonali fi ħdan is-suq uniku

Jiġu involuti b’mod attiv biex jisħqu fuq dawk id-drittijiet u biex jirrappurtaw problemi li jiltaqgħu magħhom

L-utenti jitħeġġu jibgħatu feedback dwar is-servizzi pubbliċi

Kif u meta?

Meta

Xiex

Min

Q1 2021

Organizzazzjoni tal-avvenimenti ta’ tnedija

Il-Kummissjoni

Koordinaturi Nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Q1-Q2 2021

Organizzazzjoni ta’ aktar attivitajiet ta’ promozzjoni

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Q4 2021

Evalwazzjoni tas-suċċess tal-kampanja

Il-Kummissjoni

Q4 2021-Q1 2022

Rieżami tal-pjan ta’ komunikazzjoni

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Q1-Q4 2022

Implimentazzjoni tal-pjan ta’ komunikazzjoni rivedut

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Q1 2021-Q4 2022

Aktar ottimizzazzjoni tal-magna tat-tiftix ta’ L-Ewropa Tiegħek u tas-siti web nazzjonali fil-magni tat-tiftix aċċessibbli għall-pubbliku usa’

Il-Kummissjoni

Koordinaturi nazzjonali

Awtoritajiet kompetenti

Q1 2021-Q4 2022

Aktar promozzjoni tal-gateway fost l-awtoritajiet nazzjonali u lokali kompetenti

Koordinaturi nazzjonali

Il-Kummissjoni


(1)  Id-Direttiva 2005/36/KE

(2)  Id-Direttiva 2006/123/KE