22.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 61/18


Pubblikazzjoni ta’ komunikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2021/C 61/08)

Din il-komunikazzjoni hija ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

GRECO DI TUFO

PDO-IT-A0236-AM02

Data tal-komunikazzjoni: 13 ta’ Novembru 2020

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Reviżjoni tal-lista tat-tipi – l-inklużjoni tat-tipi “Riserva”

Ġew inklużi t-tipi Greco di Tufo Riserva u Greco di Tufo Spumante Riserva, u għalhekk il-lista tat-tipi ta’ nbejjed permessi ġiet aġġornata skont dan.

Din l-emenda tirriżulta mill-ħtieġa li tiġi promossa d-DOP Greco di Tufo, filwaqt li tiġi enfasizzata ż-żamma tal-kwalitajiet u titqies id-drawwa lokali li l-inbid jitqiegħed fis-suq wara li fil-fatt ikun ilu jimmatura għal diversi snin.

Barra minn hekk, f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, tneħħa l-aġġettiv “bianco” [abjad] wara li tneħħa l-isem Greco di Tufo.

Din l-emenda taffettwa l-Artikoli 1 u 6 tal-Ispeċifikazzjoni u t-taqsima 4 tad-Dokument Uniku.

2.   Inklużjoni ta’ għażla għall-irrigazzjoni ta’ emerġenza

Meta jitqiesu l-bidliet attwali fil-klima, u l-istress idriku u termali dejjem akbar fuq il-pjanti, din l-għażla ġiet permessa sabiex jiġi żgurat tkabbir normali.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

3.   Inklużjoni tat-tipi “Riserva” u l-perjodi ta’ tqaddim rispettivi tagħhom

Sabiex issir distinzjoni bejn it-tipi Greco di Tufo u Greco di Tufo Spumante bl-indikazzjoni “Riserva”, jitqies xieraq li jiġu speċifikati ż-żminijiet minimi ta’ tqaddim u d-data li fiha jibdew.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni u t-taqsima 5.a tad-Dokument Uniku.

4.   Deskrizzjoni tal-inbejjed tad-DOP Greco di Tufo, inklużi t-tipi “riserva” – aġġornament tal-kwalitajiet analitiċi u organolettiċi

L-aġġettiv “bianco” tneħħa wara d-denominazzjoni Greco di Tufo.

Din hija emenda għall-formulazzjoni konformi mal-isem tal-prodott.

Bl-introduzzjoni tat-tipi Greco di Tufo Riserva u Greco di Tufo Spumante Riserva, il-karatteristiċi kimiċi, fiżiċi u organolettiċi tal-inbejjed lesti issa huma ddikjarati. L-informazzjoni u d-deskrizzjonijiet jirreferu għal prodott ta’ kwalità għolja bi tqaddim medju sa twil fil-fabbrika tal-inbid.

Fid-deskrizzjoni tat-togħma tal-Greco di Tufo Spumante, il-kontenut massimu ta’ zokkor residwu ġie estiż minn “brut” għal “xott ħafna” [sic].

L-emenda hija meqjusa bħala neċessarja bħala reazzjoni għad-domanda dejjem akbar tal-konsumaturi għal prodotti bħal dawn.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni u t-taqsima 4 tad-Dokument Uniku.

5.   Rabta maż-żona ġeografika - emenda formali għall-ispeċifikazzjoni

Il-formulazzjoni ġiet emendata u saret konsistenti fl-Ispeċifikazzjoni u fid-Dokument Uniku.

Din hija emenda formali li ma tinvalidax ir-rabta msemmija fl-Artikolu 93(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Din l-emenda taffettwa l-Artikolu 9 tal-Ispeċifikazzjoni u t-taqsima 8 tad-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

Greco di Tufo

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.

Inbid frizzanti

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Greco di Tufo

Kulur: isfar lewn it-tiben ta’ intensità li tvarja

Aroma: pjaċevoli, intensa, eleganti, distintiva

Togħma: friska, xotta, armonjuża

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 11,5 %

Estratt minimu mingħajr zokkor: 16-il gramma għal kull litru.

Kwalunkwe parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Greco di Tufo Riserva

Kulur: isfar lewn it-tiben ta’ intensità li tvarja

Aroma: pjaċevoli, intensa, eleganti, distintiva

Togħma: xotta, friska, armonjuża

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12 %.

Estratt minimu mingħajr zokkor: 17-il gramma għal kull litru.

Kwalunkwe parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Greco di Tufo Spumante

Ragħwa: fina u ddum

Kulur: isfar lewn it-tiben ta’ intensità li tvarja bi sfumaturi ħodor ċari jew dehbiena

Aroma: distintiva, pjaċevoli, bi ħjiel delikat tal-ħmira

Togħma: mimlija togħma, eleganti u armonjuża, li tvarja minn “extra brut” sa “xotta ħafna” [sic].

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12 %.

Estratt minimu mingħajr zokkor: 15-il gramma għal kull litru.

Kwalunkwe parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

6 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Greco di Tufo Spumante Riserva

Ragħwa: fina u ddum

Kulur: isfar lewn it-tiben ta’ intensità li tvarja

Aroma: distintiva, pjaċevoli, bi ħjiel delikat tal-ħmira

Togħma: mimlija togħma, eleganti u armonjuża, li tvarja minn “extra brut” sa “xotta ħafna” [sic].

Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12 %

Estratt minimu mingħajr zokkor: 16-il gramma għal kull litru.

Kwalunkwe parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

6 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi speċifiċi

Greco di Tufo Riserva - Perjodu Minimu ta’ tqaddim

Prattika enoloġika speċifika

Għat-tip Greco di Tufo Riserva, il-perjodu minimu ta’ tqaddim ma jridx ikun inqas minn 12-il xahar li jibdew mill-1 ta’ Novembru tas-sena tal-ħsad.

Il-Greco di Tufo Spumante inkluża l-produzzjoni “Riserva”

Prattika enoloġika speċifika

L-inbejjed Greco di Tufo Spumante, inklużi dawk bl-indikazzjoni “Riserva”, iridu jiġu prodotti esklussivament bil-metodu klassiku tat-tieni fermentazzjoni fil-flixkun.

Il-produzzjoni tat-tip Greco di Tufo Spumante trid tinvolvi perjodu ta’ tqaddim tal-karfa fil-flixkun ta’ mill-inqas 18-il xahar mid-data tat-tirage (attivazzjoni tat-tieni fermentazzjoni). Fil-każ tal-Greco di Tufo Spumante Riserva, il-perjodu tal-maturazzjoni tal-karfa fil-flixkun ma jridx ikun inqas minn 36 xahar mid-data tat-tirage.

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

Greco di Tufo - It-tipi kollha

10 000 kg ta’ għeneb għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Iż-żona tal-produzzjoni tal-għeneb għall-produzzjoni tal-inbejjed tad-DOCG Greco di Tufo tkopri ż-żona amministrattiva kollha tal-muniċipalitajiet li ġejjin fil-Provinċja ta’ Avellino: Tufo, Altavilla Irpina, Chianche, Montefusco, Prata di Principato Ultra, Petruro Irpino, Santa Paolina u Torrioni.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

Greco (B)

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

DOP Greco di Tufo – Inbid bla gass u nbid frizzanti

Fatturi naturali

Id-DOP Greco di Tufo jiġi prodott f’żona mimlija għoljiet li minnha tgħaddi x-xmara Sabato. It-terren huwa kkaratterizzat minn għoljiet weqfin b’ħamrija taflija u tal-ġir ta’ oriġini vulkanika u sottoswol b’ħafna minerali.

It-topografija bl-għoljiet taż-żona tal-produzzjoni u l-esponiment predominanti tax-Xlokk/Lbiċ tal-vinji, li jinsabu f’żoni li huma eċċezzjonalment adattati għall-kultivazzjoni tad-dwieli, jingħaqdu biex joħolqu ambjent li jipprovdi lill-pjanta b’kundizzjonijiet ideali ta’ tkabbir f’termini ta’ ventilazzjoni u dawl suffiċjenti.

Il-partijiet bl-għoljiet taż-żona tal-produzzjoni huma kkaratterizzati minn mikroklimi b’differenzi sinifikanti fit-temperatura bejn il-jum u l-lejl. Dawn jikkontribwixxu għall-preservazzjoni tal-aċidità naturali tal-għeneb matul il-maturazzjoni.

Fatturi naturali u umani

Il-kultivazzjoni tad-dwieli fiż-żona għandha l-oriġini tagħha fost il-popolazzjonijiet lokali antiki u kompliet wara l-wasla tal-kolonizzaturi Griegi ta’ Mycenae. Din hija relatata wkoll mal-preżenza tax-xmara Sabato li tgħaddi mit-terren mimli għoljiet. L-isem tax-xmara joriġina mis-Sabines, identifikat mill-ismijiet Sabus jew Sabatini, tribù tal-poplu ta’ Samnite li bdiet tgħix fil-baċir tax-xmara Sabatus. Storikament din iż-żona ġiet stabbilita bħala ċentru għall-iżvilupp tal-vitikultura fis-seklu 19 bis-saħħa tal-iskoperta ta’ depożiti kbar ta’ kubrit fil-muniċipalità ta’ Tufo. Il-preżenza u d-disponibbiltà tal-kubrit kienu ta’ benefiċċju għall-kultivazzjoni tad-dwieli fid-distrett kollu ta’ Irpinia u wasslu għat-teknika tal-użu tal-kubrit biex jiġu protetti l-għenieqed tal-għeneb minn patoġeni esterni. Din l-attività tat kontribut sinifikanti għall-iżvilupp tal-industriji relatati fiż-żona kollha, li damet sal-1983 meta l-kubrit ma baqax jiġi estratt.

L-istabbiliment tar-Regia Scuola di Viticoltura e Enologia (l-Iskola Rjali tal-Vitikultura u l-Enoloġija) f’Avellino ikkontribwixxa biex iż-żona ssir waħda miċ-ċentri importanti Taljani tal-vitikultura, filwaqt li ppromwova l-kultivazzjoni tal-varjetà Greco f’nofs il-wied ta’ Sabato.

Il-preżenza tal-iskola vitikulturali bħala xprunatur tal-progress soċjoekonomiku kellha l-għan li tqiegħed is-settur tal-vitikultura fil-provinċja ta’ Avellino fuq quddiem nett fil-produzzjoni u l-esportazzjoni tal-inbid fl-Italja.

Fil-livell akkademiku, il-valur tekniku u ekonomiku tal-prodotti Greco di Tufo ġie rikonoxxut ripetutament fl-istudji tal-varjetajiet tal-għeneb u l-enoloġija.

Il-fatturi naturali u umani deskritti hawn fuq, flimkien mal-karatteristiċi ġenetiċi tal-varjetà Greco, jipproduċu nbejjed ta’ kwalità, inklużi nbejjed frizzanti. Fil-fatt, l-inbejjed kollha tad-DOP Greco di Tufo huma kkaratterizzati minn freskezza, palat u kumplessità. Peress li huma adatti għat-tqaddim, tiġi prodotta wkoll verżjoni bl-indikazzjoni “Riserva”.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (ippakkjar, tikkettar, rekwiżiti addizzjonali)

DOP Greco di Tufo u Greco di Tufo Spumante

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit addizzjonali:

Dispożizzjonijiet addizzjonali dwar it-tikkettar

Deskrizzjoni tar-rekwiżit:

L-inbejjed Greco di Tufo jridu jiġu rilaxxati għall-konsum fil-fliexken jew f’kontenituri oħrajn magħmulin mill-ħġieġ b’kapaċità li ma taqbiżx il-5 litri. Bl-eċċezzjoni ta’ nbejjed tat-tip “Spumante”, dawn iridu jingħalqu b’tappijiet tal-flanġ magħmulin mill-materjali permessi mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Għal kontenituri ta’ 0,187 litru jew inqas, l-użu ta’ tappijiet bil-kamin huwa permess.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/16173


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.