18.1.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 18/45


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2021/C 18/14)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“PESCA di DELIA”

Nru tal-UE: n.: PGI-IT-2469 — 24.10.2019

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem/Ismijiet (tad-DOP jew tal-IĠP)

“Pesca di Delia”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott (bħal fl-Anness XI)

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-indikazzjoni ġeografika protetta “Pesca di Delia” hija riżervata kemm għall-ħawħ tal-laħma safra kif ukoll għall-ħawħ tal-laħma bajda kif ukoll għan-nuċiprisk tal-laħma safra li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin.

Il-varjetajiet aċċettati, suddiviżi skont it-tip u l-perjodu tal-maturazzjoni, huma elenkati hawn taħt.

Tip

Perjodu tal-maturazzjoni

Bikri

F’nofs l-istaġun

Tard

Ħawħ tal-laħma safra jew bajda

Laħma safra: Rich May, Ruby Rich, Spring Crest, Spring Lady, Royal Glory.

Laħma safra: Elegant Lady, Rome Star, Symphonie, Rich Lady, Summer Rich, Royal Lee, Sweet Dream.

Laħma bajda: Fidelia

Laħma safra: Fartime, Flaminia, Lucie, O’Henry, Plus Plus, Red Star, Summerset, Tardivo 2000, Guglielmina. Laħma bajda: Daniela

Nuċiprisk tal-laħma safra

Laura, Big Bang, Big Top, Kay Sweet

Nectaross, Orion, Sweet Lady, Venus, Honey Glò, Honey Royale

Morsiani 60, Morsiani 90, Fairlane, Francesca, Max 7, California, Nectagalant

Varjetajiet oħra ta’ ħawħ u nuċiprisk idderivati mir-riċerka dwar il-varjetajiet jistgħu jintużaw ukoll għall-produzzjoni tal-“Pesca di Delia” dment li jintwera permezz ta’ evidenza sperimentali u dokumentarja li l-metodu ta’ produzzjoni huwa konformi ma’ dak stabbilit f’din l-Ispeċifikazzjoni u li l-prodott għandu l-karatteristiċi speċifiċi stabbiliti hawn taħt. L-użu ta’ dawn il-varjetajiet għall-produzzjoni tal-IĠP “Pesca di Delia” huwa soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-Ministeru tal-Politika dwar l-Agrikoltura, l-Ikel, il-Forestrija u t-Turiżmu li, għal din il-għan, jista’ jikseb l-opinjoni teknika tal-korp ta’ spezzjoni jew ta’ korp ieħor.

L-IĠP “Pesca di Delia” jrid ikollha l-karatteristiċi li ġejjin meta titqiegħed fis-suq:

Ħawħ tal-laħma safra jew bajda

1)

Kontenut ta’ zokkor: mhux anqas minn 11,5-il grad Brix għall-varjetajiet bikrija u mhux anqas minn 12-il grad Brix għall-varjetajiet ta’ nofs l-istaġun u dawk tardivi;

2)

Proporzjon tal-valur taz-zokkor għal dak tal-aċidu (E/A): mhux anqas minn 8,5 gradi għall-varjetajiet bikrija u mhux anqas minn 9 għall-varjetajiet ta’ nofs l-istaġun u dawk tardivi;

3)

Perjodu tal-maturazzjoni: jibda mill-25 ta’ Mejju sal-15 ta’ Lulju għall-varjetajiet bikrija, mis-16 ta’ Lulju sal-20 ta’ Awwissu għall-varjetajiet ta’ nofs l-istaġun u mill-21 ta’ Awwissu sal-10 ta’ Ottubru għall-varjetajiet tardivi;

4)

Daqs minimu tal-frotta: dijametru ta’ mhux anqas minn 61 millimetru għall-varjetajiet bikrija u dijametru ta’ mhux anqas minn 67 millimetru għall-varjetajiet ta’ nofs l-istaġun u dawk tardivi;

Nuċiprisk tal-laħma safra

1)

Kontenut ta’ zokkor: mhux anqas minn 12-il grad Brix;

2)

Proporzjon tal-valur tal-E/A: Mhux anqas minn 9;

3)

Perjodu tal-maturazzjoni: jibda mill-10 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Lulju għall-varjetajiet bikrija, mis-16 ta’ Lulju sal-20 ta’ Awwissu għall-varjetajiet ta’ nofs l-istaġun u mill-21 ta’ Awwissu sal-10 ta’ Ottubru għall-varjetajiet tardivi;

4)

Daqs minimu tal-frotta: dijametru ta’ mhux anqas minn 61 millimetru għall-varjetajiet bikrija u dijametru ta’ mhux anqas minn 67 millimetru għall-varjetajiet ta’ nofs l-istaġun u dawk tardivi;

Kemm il-ħawħ kif ukoll in-nuċiprisk tal-IĠP “Pesca di Delia” jrid ikollhom il-karatteristiċi distintivi murija hawn fuq b’ebusija tal-laħma ta’ mhux aktar minn 5,5 kg/cm2 għall-frott tal-laħma safra u ta’ mhux aktar minn 4 kg/cm2 għall-frott tal-laħma bajda.

Barra minn hekk, il-frott bl-IĠP “Pesca di Delia” jrid ikun: intatt, mingħajr ħsara jew tbajja’; nadif, ħieles minn kull materja barranija viżibbli; ħieles minn riħa jew togħma barranija notevoli; b’saħħtu, mingħajr taħsir u/jew deterjorament ta’ kwalunkwe tip.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha fil-produzzjoni tal-“Pesca di Delia” jridu isiru fiż-żona msemmija fil-punt 4 hawn taħt.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-prodott jista’ jinbiegħ fi kwalunkwe ppakkjar permess skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

L-IĠP “Pesca di Delia” tiġi ppakkjata fiż-żona tal-produzzjoni msemmija fil-punt 4 hawn taħt, minħabba li l-frott individwali li jkun tgħabba f’saffi f’kontenituri riġidi tal-plastik (kaxex jew laned) jista’ jsofri minn tbenġil, qatgħat u deformazzjoni ta’ diversi tipi matul it-trasport bit-triq b’riżultat tad-daqqiet u tal-pressjonijiet għoljin li jirriżultaw hekk kif il-vettura tiċċaqlaq, tintlewa u tieqaf f’salt.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Il-kliem “Pesca di Delia” jrid jidher fuq l-ippakkjar, b’ittri stampati tal-istess daqs, segwit immedjatament mil-logo deskritt hawn taħt u mill-informazzjoni meħtieġa bil-liġi. Ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni oħra li ma tkunx espressament prevista. Madankollu, l-użu tal-ismijiet, tal-ismijiet tal-kumpaniji u tal-marki privati huwa awtorizzat, dment li dawn ma jqarrqux bil-konsumatur.

Il-kliem “Indicazione Geografica Protetta” jista’ jiġi ripetut fuq parti oħra tal-pakkett jew tat-tikketti, din id-darba fil-forma tat-taqsira “IGP” (IĠP) ukoll.

Biex jiġi identifikat l-IĠP “Pesca di Delia”, ġewwa l-pakkett se jintużaw stikers li juru l-logo. Fi kwalunkwe pakkett wieħed, tal-anqas 20 % tal-frott għandu jkollu stiker.

Image 1

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-IĠP “Pesca di Delia” tinsab fi Sqallija u tkopri t-territorju amministrattiv kollu tal-muniċipalitajiet ta’ Serradifalco, Caltanissetta, Delia, Sommatino, Riesi, Mazzarino u Butera fil-provinċja ta’ Caltanissetta u l-muniċipalitajiet ta’ Canicattì, Castrofilippo, Naro, Ravanusa u Campobello di Licata, fil-provinċja ta’ Agrigento.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta maż-żona ġeografika tal-“Pesca di Delia” hija bbażata fuq il-kwalitajiet u l-karatteristiċi speċifiċi tagħha. Il-frott “Pesca di Delia”, kemm il-ħawħ kif ukoll in-nuċiprisk, għandhom kontenut ta’ zokkor u togħmiet distinti li jiddistingwuhom mill-frott tal-istess tip imkabbar f’żoni oħra tal-produzzjoni, anke meta l-laħma tagħhom tkun iebsa ħafna. Barra minn hekk, il-perjodi tal-maturazzjoni ta’ dan il-frott huma differenti minn dawk tal-frott tal-istess tip li jitkabbar bnadi oħra.

Il-ħawħ li jimmatura kmieni għandu kontenut ta’ zokkor ta’ mhux anqas minn 11,5-il grad Brix, filwaqt li l-ħawħ “Pesca di Delia” ta’ nofs l-istaġun u dak tardiv għandu valur ta’ kontenut ta’ zokkor ta’ mhux anqas minn 12. In-nuċiprisk “Pesca di Delia” bikri, ta’ nofs l-istaġun u dak tardiv għandu kontenut ta’ zokkor ta’ mhux anqas minn 12-il grad Brix.

It-togħma partikolari tal-“Pesca di Delia” hija kkaratterizzata mit-togħma distintiva tal-frott, identifikata minn sensazzjoni akbar ta’ togħmiet ħelwin. Il-ħawħ “Pesca di Delia” li jimmatura kmieni għandu proporzjon tal-E/A ta’ mhux anqas minn 8,5, filwaqt li l-varjetajiet tal-ħawħ ta’ nofs l-istaġun u dawk tardivi għandhom proporzjon tal-E/A ta’ mhux anqas minn 9. In-nuċiprisk “Pesca di Delia”, kemm jekk bikri, kemm jekk ta’ nofs l-istaġun kif ukoll jekk tardiv, għandu proporzjon tal-E/A mhux anqas minn 9.

Fiż-żona fejn titkabbar il-“Pesca di Delia”, il-valuri għoljin li jirreferu għall-ebusija tal-laħma jiddependu mill-kundizzjonijiet klimatiċi u ambjentali tal-post tal-kultivazzjoni, mill-kundizzjonijiet tal-ħamrija u mill-ħiliet professjonali tal-produtturi, li jippermettu lis-siġra tal-ħawħ titma’ aktar kalċju fil-frott milli huwa l-każ f’żoni oħra tat-tkabbir. Matul il-perjodu tat-tkabbir tal-frott, il-kundizzjonijiet klimatiċi u ambjentali jġiegħlu lis-siġra tgħaddi ħafna aktar ilma mill-art milli minn bnadi oħra. Dan jippermetti wkoll lill-pjanti jassorbu kwantità kbira ta’ nutrijenti mdewba fis-soluzzjoni tal-ħamrija, speċjalment dawk li jkunu preżenti f’konċentrazzjonijiet ogħla. Billi kważi l-produtturi kollha ġeneralment jużaw l-aktar art fertili, li s-soltu jkun fiha ħafna kalċju, biex ikabbru l-“Pesca di Delia”, nistgħu ngħidu li fiż-żona fejn titkabbar il-“Pesca di Delia”, il-kundizzjonijiet klimatiċi, ambjentali u tal-ħamrija jingħaqdu mal-ħiliet tal-produtturi biex jiġi prodott frott li jkun iqarmeċ aktar minn bnadi oħra.

Il-perjodi differenti tal-maturazzjoni tal-frott bl-IĠP “Pesca di Delia” huma dovuti għall-fatt li, fiż-żona ddefinita, id-data tal-maturazzjoni tal-frott tal-kultivari bikrija (li ma jeħtiġux ħafna sħana) titressaq ’il quddiem b’10 sa 15-il ġurnata meta mqabbla ma’ frott tal-istess tip prodott f’żoni oħra tal-produzzjoni, filwaqt li d-data tal-maturazzjoni tal-frott tal-kultivari tardivi (li jeħtieġu ħafna sħana) titressaq lura bi 15 sa 20 ġurnata. Id-data tal-maturazzjoni tal-frott tal-kultivari ta’ nofs l-istaġun hija ta’ ħames sa tmien ġranet bil-quddiem għall-kultivari li jirrikjedu anqas sħana, filwaqt li dik tal-aktar kultivari esiġenti ta’ dan it-tip hija b’lura għal tul ta’ żmien simili.

Iż-żona fejn titkabbar il-“Pesca di Delia” tinsab fin-naħa tan-Nofsinhar ta’ Sqallija u tinsab fin-Nofsinhar imbiegħed tal-pajjiż fejn il-klima hija ta’ natura Mediterranja, sħuna u moderata, bi sjuf twal, xotti u sħan (28 sa 34 °C) b’mewġiet frekwenti ta’ sħana (40 °C u aktar) u bi xtiewi qosra, moderati u bix-xita fejn il-biċċa l-kbira tax-xita annwali medja hija kkonċentrata (400-600 mm). Il-Mediterran għandu influwenza qawwija ta’ mitigazzjoni fejn it-temperaturi jibqgħu bejn 8 u 10-12-il °C matul il-perjodu tax-xitwa tul il-kosta u huma 2-3 gradi aktar baxxi fil-partijiet l-aktar interni taż-żona, filwaqt li t-temperaturi minimi kważi qatt ma jaqgħu taħt it-0 °C, u b’hekk il-borra u/jew il-ġlata huma relattivament rari f’livelli baxxi ta’ altitudni u fil-pjanura. Minn Frar/Marzu, meta t-temperaturi jvarjaw bejn 12 u 18-il °C, ikun hemm tisħin gradwali b’tali mod li t-temperaturi medji fir-rebbiegħa (16–24 °C) ta’ spiss jogħlew f’daqqa f’Mejju u dan iwassal għal sjuf bikrija. Matul l-istaġun tat-tkabbir, ikun hemm irjieħ fewwiġija u varjabbli, filwaqt li l-umdità tal-arja tibqa’ baxxa.

Il-karatteristiċi tat-togħma tal-frott bl-IĠP “Pesca di Delia” jiġu ddeterminati mill-kwantitajiet miżjuda ta’ nutrijenti li l-pjanta tforni lill-frott, mill-istadji bikrija tat-tkabbir sal-maturazzjoni, u dan jiddependi mill-kundizzjonijiet klimatiċi u ambjentali tal-post tal-kultivazzjoni.

Matul ix-xitwa, it-temperaturi huma baxxi biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtieġa ta’ kesħa għall-aktar kultivari esiġenti tal-“Pesca di Delia”, li hija prerekwiżit għal tiżhir tajjeb, filwaqt li t-temperaturi fil-perjodu ta’ wara (Frar-Marzu) jiffavorixxu l-bidu bikri u l-progress rapidu tal-proċessi tat-tiżhir, u b’hekk jagħtu bidu bikri għall-istadji inizjali tal-iżvilupp tal-frott. Barra minn hekk, matul it-tiżhir, it-temperaturi, l-irjieħ fewwiġija u varjabbli u l-livelli baxxi ta’ umdità fl-arja, li huma wkoll favorevoli għall-attività tal-insetti li jdakkru, jagħtu lok għad-dakkir abbundanti tal-fjuri. Dan min-naħa tiegħu jistimula attività ormonali intensa li tattira aktar nutrijenti lejn l-ovarji li jkunu għadhom kemm ġew iffertilizzati li, f’dan l-istadju tat-tkabbir tal-pjanta, jiġu mir-riżervi tagħha.

Il-kwantitajiet ta’ nutrijenti li ġejjin mill-fotosinteżi tal-pjanti huma wkoll ogħla minn bnadi oħra minħabba li huma marbuta mal-pass aktar mgħaġġel li bih jaħdmu l-proċessi bijoloġiċi f’dawn il-postijiet meta mqabbla mal-pass tagħhom f’żoni oħra tat-tkabbir. It-temperaturi fil-perjodu ta’ wara t-tiżhir jippromwovu l-irkupru bikri tal-blanzuni tal-injam u l-iżvilupp rapidu tal-apparat fotosintetiku, li f’dawn il-postijiet, jilħaq l-effiċjenza massima f’April. Dan jagħmilha possibbli li jiġu fornuti kwantitajiet kbar ta’ nutrijenti lill-frott aktar kmieni fis-sena milli fi bnadi oħra. Barra minn hekk, matul l-istaġun tat-tkabbir, il-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona tat-tkabbir (temperaturi ogħla, irjieħ fewwiġija u varjabbli u livelli baxxi ta’ umdità fl-arja) iwasslu għat-tneħħija rapida tal-fwar tal-ilma li joħroġ mill-kavità stomatali tal-weraq u, b’riżultat ta’ dan, għal livelli għolja ta’ evapotraspirazzjoni fis-siġar. Dan jagħmilha possibbli li tiġi ottimizzata l-provvista tad-dijossidu tal-karbonju u tal-ossiġenu mill-arja u li l-weraq jiġu fornuti bi kwantitajiet kbar ta’ ilma u elementi minerali mill-ħamrija, li minnhom tiddependi l-veloċità jew it-tħaddim bla xkiel tal-proċessi fotosintetiċi; il-livell għoli ta’ enerġija radjanti li f’dawn il-latitudnijiet tiddi fiż-żona tat-tkabbir tal-“Pesca di Delia” mill-aktar sigħat bikrija tal-ġurnata, flimkien mal-fatturi klimatiċi msemmija hawn fuq, jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jiġi ddeterminat pass aktar mgħaġġel tal-proċessi fotosintetiċi milli fi bnadi oħra, li jagħmilha possibbli li l-frott jiġi fornut bi kwantitajiet ogħla ta’ nutrijenti. Kif nafu, meta l-frott jimmatura, dawn in-nutrijenti akkumulati kollha jinbidlu fil-prodotti finali (zokkor, melħ minerali, aċidi organiċi, vitamini, eċċ.) li jagħtu lill-frott il-karatteristiċi tal-kwalità tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test konsolidat tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott huwa disponibbli fuq is-sit web li ġej:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335”

jew inkella:

billi żżur direttament il-paġna ewlenija tal-Ministeru tal-Politika dwar l-Agrikoltura, l-Ikel, il-Forestrija u t-Turiżmu (www.politicheagricole.it) u tikklikkja fuq “Qualità” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fin-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.