|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt tal-introduzzjoni ta’ Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera
|
|
A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?
|
|
Jekk id-differenzi fil-livelli ta’ ambizzjoni klimatika madwar id-dinja jippersistu, l-ambizzjonijiet akbar tal-UE se jsaħħu r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-UE. Din it-tnixxija hija kkawżata mir-rilokazzjoni tal-produzzjoni ta’ prodotti enerġetikament intensivi mill-UE lejn pajjiżi oħra b’kostijiet ta’ konformità ambjentali aktar baxxi, u meta dawn l-istess prodotti mill-UE jiġu sostitwiti minn importazzjonijiet b’intensità qawwija ta’ karbonju minn dawn il-pajjiżi. F’dak il-każ, dan iwassal għal żieda ġenerali fl-emissjonijiet globali u b’hekk jimmina l-effettività tal-politiki tal-UE dwar il-klima.
Fl-2005 l-UE introduċiet l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet għat-tnaqqis tal-Gassijiet Serra (Greenhouse Gas, GHG) u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-objettiv tal-UE fir-rigward tan-newtralità klimatika sal-2050 u d-deċiżjoni li żżid l-ambizzjoni klimatika tagħha għall-2030 iwasslu għal kunsiderazzjoni ġdida u aktar wiesa’ tal-miżuri eżistenti kontra r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. B’mod partikolari, l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tipprevjeni r-riskji tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju iżda ddgħajjef ukoll is-sinjal tal-prezz tal-karbonju għall-industrija tal-UE meta mqabbel ma’ irkant sħiħ. Bħala alternattiva għall-allokazzjoni bla ħlas, is-CBAM jiżgura li l-prezz tal-importazzjonijiet jirrifletti l-kontenut tal-karbonju tagħhom b’mod aktar preċiż.
|
|
X’jenħtieġ li jinkiseb?
|
|
L-introduzzjoni ta’ CBAM għandu l-għan li jindirizza l-objettiv ġenerali tat-tibdil fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra madwar l-UE u d-dinja.
B’mod aktar speċifiku, il-miżura għandha l-għan li: i) tindirizza r-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, ii) tagħti kontribut għall-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni fl-UE, iii) tħeġġeġ lill-produtturi f’pajjiżi terzi li jesportaw lejn l-UE jadottaw teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u iv) tiżgura li l-prezz tal-importazzjonijiet jirrifletti b’mod aktar preċiż il-kontenut tal-karbonju tagħhom.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (is-sussidjarjetà)?
|
|
Fundamentalment, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra huwa kwistjoni transfruntiera li titlob azzjoni effettiva fl-akbar skala possibbli. L-UE bħala organizzazzjoni sovranazzjonali tinsab f’pożizzjoni li tistabbilixxi politika effettiva dwar il-klima fit-territorju tagħha, kif għamlet bl-EU ETS. L-uniku mod sinifikanti biex tiġi żgurata l-ekwivalenza bejn il-politika tal-ipprezzar tal-karbonju applikata fis-suq intern tal-UE u l-politika tal-ipprezzar tal-karbonju applikata fuq l-importazzjonijiet huwa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-ħtieġa għal kosti amministrattivi minimi tinkiseb l-aħjar permezz ta’ regoli konsistenti għas-suq uniku kollu kemm hu.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’inhuma l-alternattivi differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm alternattiva ppreferuta? Jekk le, għaliex?
|
|
Ġew ikkunsidrati sitt alternattivi li jinkludu żewġ taxxi differenti (l-għażliet 1 u 6) u r-regolamentazzjoni li tirrifletti l-EU ETS għall-importazzjonijiet (il-bqija tal-għażliet) fuq għażla ta’ materjali bażiċi (l-aluminju, il-fertilizzanti, is-siment u l-ħadid u l-azzar) u l-elettriku. Il-miżuri kollha huma mfassla biex jiżguraw il-konformità mal-impenji internazzjonali tal-UE:
L-Għażla 1 hija taxxa fuq l-importazzjoni tal-karbonju bbażata fuq valur prestabbilit li jirrifletti l-medja tal-emissjonijiet tal-UE filwaqt li tippermetti lill-importaturi juru l-intensità attwali tal-karbonju tal-prodotti li jimportaw. Min-naħa l-oħra, l-Għażla 6 tikkonsisti f’dazju tas-sisa fuq materjali b’intensità qawwija ta’ karbonju li jkopru l-konsum ta’ prodotti kemm domestiċi kif ukoll importati, flimkien mal-kontinwazzjoni tal-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti fl-EU ETS.
Il-bqija tal-għażliet jinvolvu x-xiri u ċ-ċediment ta’ ċertifikati tal-importazzjoni (ċertifikati CBAM) fuq l-importazzjoni ta’ għażla ta’ materjali bażiċi li jirriflettu l-EU ETS. Fl-Għażla 2 il-prezz taċ-ċertifikati jkun ibbażat fuq valur perstabbilit li jirrifletti l-medja tal-emissjonijiet tal-UE, filwaqt li tippermetti lill-importaturi jagħtu prova l-intensità attwali tal-karbonju tal-prodotti li jimportaw. L-Għażla 3 tassumi li l-prezz tal-karbonju tal-importazzjonijiet se jkun ibbażat fuq emissjonijiet reali minn produtturi minn pajjiżi terzi aktar milli fuq valur prestabbilit ibbażat fuq il-medji tal-produtturi tal-UE. Dawn iż-żewġ għażliet jassumu li s-setturi tas-CBAM ma jirċevux kwoti mingħajr ħlas fl-ambitu tal-ETS.
L-Għażla 4 hija varjant tal-għażla 3; Tqis l-introduzzjoni gradwali tas-CBAM bl-eliminazzjoni gradwali tal-kwoti mingħajr ħlas minn wara l-2025. L-Għażla 5 hija varjant ieħor bl-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni aktar ’l isfel fil-katina tal-valur biex ikopri wkoll il-materjali bażiċi bħala parti mill-komponenti u l-oġġetti lesti.
Din il-valutazzjoni tal-impatt tappoġġa l-għażla 4 bħala l-għażla ppreferuta għall-impatti pożittivi tagħha u l-koerenza mal-bqija tal-Pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.
|
|
X’inhi l-fehma tal-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġa liema alternattiva?
|
|
Il-konsultazzjoni pubblika ssuġġeriet li r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju diġà hija perċepita bħala realtà u li dan x’aktarx li jiżdied fid-dawl taż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tal-UE. Dawk li wieġbu jemmnu li l-għażliet ta’ politika li ġejjin huma kollha tal-inqas kemxejn rilevanti għall-iddisinjar ta’ CBAM (fl-ordni tal-aqwa punteġġ): i) taxxa applikata fuq l-importazzjonijiet fuq setturi hija f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju (pereż. taxxa fuq il-fruntiera jew dazju doganali); ii) taxxa fuq il-karbonju (pereż. dazju tas-sisa jew tip ta’ VAT) fil-livell tal-konsum applikata għall-produzzjoni tal-UE kif ukoll għall-importazzjonijiet; iii) l-obbligu li jinxtraw ċertifikati CBAM minn pool speċifiku barra mill-EU ETS iddedikat għall-importazzjonijiet, li jkun jirrifletti l-prezz tal-EU ETS jew iv) l-estensjoni tal-EU ETS għall-importazzjonijiet.
|
|
C. L-impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
L-għażla 4 tagħti benefiċċji ċari f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-UE u mat-tnaqqis tar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għas-setturi kkunsidrati. Meta mqabbla ma’ xenarju li jassumi l-issuktar tal-allokazzjoni bla ħlas fl-EU ETS u l-livell il-ġdid ta’ ambizzjoni għall-klima, sal-2030 l-Għażla 4 twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 1,0 % fl-UE u 0,4 % fil-bqija tad-dinja fis-setturi tas-CBAM. Barra minn hekk, skont l-għażla 4, ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju tonqos għal -29 % fl-2030.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
F’termini ta’ impatti ekonomiċi, l-għażla 4 tkun tinvolvi impatti negattivi limitati fuq il-PDG (-0,223 %) u l-konsum (-0,558 %) u effetti kemxejn pożittivi fuq l-investimenti (0,388 %), meta mqabbla mal-linja bażi fl-2030. Fir-rigward tal-impatti soċjali, l-għażla 4 tipprevedi żieda żgħira ta’ 0.3 % fl-impjiegi fis-setturi koperti mis-CBAM (meta mqabbla mal-linja bażi, fl-2030). Huwa previst impatt negattiv limitat fuq l-impjiegi għas-setturi downstream.
Fl-aħħar nett, il-kostijiet amministrattivi u ta’ konformità huma mistennija għan-negozji u l-awtoritajiet. Filwaqt li huwa diffiċli li dawn il-kostijiet jiġu vvalutati bi preċiżjoni, l-istimi juru li skont l-għażla 4, il-kostijiet aggregati għan-negozji jistgħu jammontaw għal bejn id-EUR 9,8 u l-EUR 14,3-il miljun fis-sena. Il-kostijiet stmati tal-infurzar għall-awtoritajiet jistgħu jammontaw għal total ta’ EUR 15-il miljun fis-sena.
|
|
X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?
|
|
Is-suppożizzjonijiet u d-data disponibbli ma jippermettux valutazzjoni kwantitattiva tal-impatti fuq l-SMEs. Madankollu, nistgħu nistennew kostijiet ta’ konformità relattivament ogħla għall-kumpaniji ż-żgħar milli għall-kumpaniji akbar. Il-kompetittività tissaħħaħ hekk kif jitnaqqas ir-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Mhux se jkun hemm impatti sinifikanti oħra
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
Mhux se jkun hemm impatti sinifikanti oħra
|
|
Il-proporzjonalità?
|
|
L-għażla 4 tilħaq l-għanijiet tal-inizjattiva b’mod proporzjonat.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
Il-miżura se tapplika l-ewwel għal għadd imnaqqas ta’ setturi. Se tiġi rieżaminata wara tliet snin mid-dħul fis-seħħ tagħha b’mod partikolari biex tikkunsidra l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal aktar prodotti bażiċi u għal prodotti nofshom lesti u lesti.
|