Brussell, 14.7.2021

SWD(2021) 624 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar l-effiċjenza enerġetika (riformulazzjoni)

{COM(2021) 558 final} - {SEC(2021) 558 final} - {SWD(2021) 623 final} - {SWD(2021) 625 final} - {SWD(2021) 626 final} - {SWD(2021) 627 final}


A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Bħalissa l-UE għandha mira ta’ mill-inqas 32,5 % għall-iffrankar tal-enerġija fl-2030, li taqbel ma’ tnaqqis ta’ 40 % fil-gassijiet serra (GHG). Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika jipproponi mira tal-UE għall-2030 ta’ tnaqqis nett fil-gassijiet serra ta’ mill-inqas 55 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990, b’mod kostottimali. Biex jinkiseb dan, il-konsum finali u primarju tal-enerġija tal-UE għandhom jonqsu b’mill-inqas 36-37 % u 39-41 % rispettivament meta mqabbel mal-użu projettat tal-enerġija.

Peress li l-kombustjoni tal-fjuwils għall-enerġija hija responsabbli għal 75 % tal-emissjonijiet attwali tal-gassijiet serra fl-UE, it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija huwa element vitali, flimkien mad-dekarbonizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija, biex tintlaħaq il-mira tal-UE. Il-miżuri estensivi biex jinkiseb tnaqqis ta’ 55 % fil-gassijiet serra fl-2030 ġew esplorati fil-Pjan dwar il-Mira Klimatika. Bħalissa, l-isforzi tal-UE għall-iffrankar tal-enerġija mhumiex biżżejjed biex tintlaħaq il-mira tal-gassijiet serra sal-2030 bl-aħjar mod u għalhekk il-problema hija kif dawn jistgħu jingħataw spinta. Hu importanti li l-UE turi li hu fattibbli u mixtieq li tieħu azzjoni biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet serra bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew bl-aktar mod kosteffettiv.

X’għandu jinkiseb?

Iż-żieda meħtieġa fl-iffrankar tal-enerġija tfisser li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika għandha tissaħħaħ. Din u leġiżlazzjoni oħra tal-UE, se tiżgura li jkun hemm biżżejjed iffrankar tal-enerġija biex jintlaħaq l-għan tal-klima tal-UE għall-2030 b’mod kosteffettiv. L-iffrankar tal-enerġija għandu jinkiseb fis-setturi li jagħmel l-aktar sens mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali. Għandhom jissaħħu wkoll il-kobenefiċċji, inkluż bi tnaqqis fl-impatti ambjentali u billi jkun evitat aggravar tal-inugwaljanzi.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jidentifika l-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija bħala għan tal-politika tal-enerġija tal-UE. Il-problemi sottostanti li jikkawżaw nuqqas ta’ ffrankar tal-enerġija huma l-istess madwar l-UE. B’azzjoni fil-livell tal-UE jkunu jistgħu jitwettqu u jissaħħu l-isforzi tal-Istati Membri, u jkun żgurat li jitħaddem approċċ aktar ikkoordinat u armonizzat li jevita d-distorsjoni tas-suq uniku. Din tgħin biex jinħolqu swieq akbar għall-materjali u għall-prodotti li jgħinu biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika. L-esperjenza tindika li qafas komuni tal-UE jnaqqas il-kostijiet u jżid il-benefiċċji mis-suq intern filwaqt li permezz tiegħu, dawk li jfasslu l-politika nazzjonali jkunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin. Il-miżuri tal-UE jikkumplimentaw u jikkatalizzaw b’mod effettiv il-miżuri nazzjonali.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-alternattivi differenti biex jintlaħqu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

Il-mekkaniżmu ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi hu b’żieda fil-mira ġenerali tal-UE għall-iffrankar tal-enerġija u b’żieda fl-effett vinkolanti tagħha. Dan jista’ jiġi ssupplimentat b’rekwiżiti speċifiċi li jwasslu għal iffrankar tal-enerġija, pereżempju billi jwessgħu l-miżuri relatati mal-akkwist tas-settur pubbliku u r-rinnovazzjonijiet tal-bini u jżidu l-ambizzjoni tal-obbligi tal-iffrankar tal-enerġija. Jeħtieġ tissaħħaħ u titjieb il-firxa wiesgħa ta’ miżuri abilitanti u ta’ appoġġ biex jinħoloq ambjent li jiffaċilita aktar il-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika u jinkiseb l-iffrankar tal-enerġija. L-alternattivi jeħtieġu valutazzjoni ħalli tkun żgurata l-koerenza tagħhom ma’ miżuri oħra proposti bħala parti mill-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%”.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġa liema alternattiva?

Maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati jaqblu li l-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija jaqdu rwol ewlieni fit-twettiq ta’ ambizzjoni klimatika akbar għall-2030, filwaqt li jippermettu tkabbir sostenibbli li ma jħalli lil ħadd lura. Il-fehmiet tagħhom dwar il-miżuri xierqa biex jinkiseb dan huma pjuttost differenti, iżda m’hemmx differenza kbira fl-objettivi finali.

Kważi nofshom jaqblu ma’ mira akbar tal-UE u aktar minn nofshom jaqblu li tkun mira vinkolanti. Madwar nofs jaqblu ma’ miri nazzjonali vinkolanti. Hemm fehmiet pjuttost varjati rigward il-firxa tal-alternattivi identifikati. B’mod ġenerali, is-soċjetà ċivili hi aktar pożittiva dwar x’jistgħu jkunu l-miżuri proposti. Ħafna drabi, in-negozji huma pjuttost ta’ appoġġ. L-awtoritajiet pubbliċi jidher li għandhom approċċ aktar kawt.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

L-għażla ppreferuta tikkonsisti f’pakkett li jikseb livell għoli ta’ ffrankar tal-enerġija b’mod effettiv, filwaqt li jiġu evitati l-aktar alternattivi peżanti kkunsidrati.

X’inhuma l-kostijiet tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

Il-kostijiet ewlenin huma l-investimenti meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika. L-appoġġ finanzjarju minn NextGenerationEU u minn sorsi pubbliċi oħra mistenni jkollu rwol ewlieni fl-adozzjoni ta’ investimenti fl-effiċjenza enerġetika. Il-kostijiet kapitali għal tagħmir aktar effiċjenti fl-enerġija u l-modifika retroattiva tal-bini huma kkunsidrati.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Mhux mistenni jkun hemm impatti sinifikanti fuq l-SMEs. Hemm ambitu konsiderevoli għal iffrankar tal-enerġija kosteffettiv fis-servizzi u fl-industrija li mhux se jwassal għal żieda ġenerali fil-kostijiet. L-implimentazzjoni ta’ dawn għandha tnaqqas l-esponiment tan-negozji għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-enerġija, u tnaqqas il-kostijiet operatorji li jsaħħu l-kompetittività tagħha.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Hemm kostijiet tal-implimentazzjoni assoċjati mal-għażla ppreferuta għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, anke jekk dawn jibnu fuq miżuri diġà eżistenti. Iżda dawn il-kostijiet addizzjonali mistennija jkunu żgħar meta mqabbla mal-iffrankar sostanzjali tal-kostijiet li se jinkiseb bl-investimenti fl-iffrankar tal-enerġija. Il-flus li ma jintefqux fuq l-enerġija se jintużaw għal skopijiet oħra u se jagħtu spinta lill-impjiegi u l-attività ekonomika.

Dawn il-kostijiet jistgħu jvarjaw, skont il-mod kif l-Istati Membri jagħżlu li jimplimentaw ir-rekwiżiti.. L-Azzjoni Miftiehma tal-EED tipprovdi forum għall-Istati Membri biex jaqsmu l-aqwa prattiki u jidentifikaw modi effettivi biex jinkisbu l-objettivi mixtieqa. Il-Kummissjoni lesta tappoġġa aktar lill-Istati Membri b’assistenza teknika.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

It-tnaqqis fl-użu tal-enerġija se jwassal għal benefiċċji ambjentali sinifikanti, b’mod partikolari bi tnaqqis fit-tniġġis tal-arja. Dan se jwassal ukoll għal benefiċċji ambjentali oħra, fosthom it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-ilma mill-impjanti tal-enerġija u tnaqqis fil-ħsara ambjentali għax jonqsu l-bżonn tal-infrastruttura u l-estrazzjoni tar-riżorsi. Dan inaqqas il-konsum tar-riżorsi u jikkontribwixxi tajjeb għall-ekonomija ċirkolari.

It-tnaqqis fil-ħtiġijiet tal-enerġija se jnaqqas ukoll id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u l-volatilità ġeopolitika, u b’hekk jgħin biex l-ekonomija tinfatam minn xokkijiet esterni fil-prezzijiet tal-enerġija.

B’miżuri mfassla tajjeb, dan iwassal ukoll għal benefiċċji soċjali importanti. Ngħidu aħna, avvanz fl-enerġija tad-djar se jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u fis-saħħa, u għal tnaqqis fin-nefqa tal-enerġija. Il-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija jwasslu għal livell għoli ta’ ħolqien ta’ impjiegi.

Proporzjonalità?

Il-prinċipju tal-proporzjonalità hu rispettat bis-sħiħ. Il-miżuri proposti huma l-minimu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tant kruċjali biex tinkiseb l-ambizzjoni klimatika tal-UE għall-2030.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq rieżami tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kull 5 snin biex tivvaluta kemm intlaħqu l-objettivi ta’ politika.