|
Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv
|
|
Valutazzjoni tal-impatt dwar proposta biex jissaħħaħ l-iskambju awtomatizzat ta’ data fil-qafas ta’ Prüm (reviżjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI).
|
|
A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni
|
|
Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
|
|
Il-kriminalità fl-Ewropa ddgħajjef is-sigurtà u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE. Sabiex il-kriminalità tiġi miġġielda b’mod effettiv, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġu għodod robusti u effettivi. Il-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni huma l-mezzi l-aktar b’saħħithom biex tiġi miġġielda l-kriminalità u tinkiseb il-ġustizzja kif imsemmi fl-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 2020. Skont il-Valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata 2021, aktar minn 70 % tal-gruppi tal-kriminalità organizzata huma preżenti f’aktar minn tliet Stati Membri. Anki r-reati li jaf jidhru lokali għall-aħħar jista’ jkollhom rabtiet ma’ postijiet oħra fl-Ewropa fejn l-istess awtur ikun wettaq l-atti kriminali tiegħu. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jkunu jistgħu jiskambjaw id-data fil-ħin. Madankollu, f’żona mingħajr fruntieri interni, xorta għad hemm fruntieri u ostakli fir-rigward tal-iskambju tad-data bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li jwassal għal punti moħbija u lakuni għal għadd ta’ kriminali u terroristi li jaġixxu f’aktar minn Stat Membru wieħed. L-Istati Membri waħedhom ma jistgħux inaqqsu l-lakuna tal-informazzjoni, minħabba n-natura transfruntiera tal-ġlieda kontra l-kriminalità u t-tisħiħ tas-sigurtà. L-Istati Membri jridu joqogħdu fuq xulxin f’dawn il-kwistjonijiet.
L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-qafas stabbilit mid-Deċiżjonijiet ta’ Prüm (id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI) għall-iskambju ta’ data dwar il-profili tad-DNA, il-marki tas-swaba’ u r-reġistrazzjoni tal-vetturi, iżda hemm nuqqasijiet importanti.
Hemm erba’ kwistjonijiet ewlenin li jxekklu lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità permezz ta’ dan il-qafas, li kollha jħallu impatt fuq it-tfittxija u l-provvista ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE:
1)L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi mhux dejjem ikunu jistgħu jsiru jafu jekk id-data dwar il-profili tad-DNA, il-marki tas-swaba’ jew ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, li jkollhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom, hijiex disponibbli fil-bażi tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor;
2)L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ma għandhomx mezzi effiċjenti biex ifittxu u jaċċessaw kategoriji rilevanti oħra ta’ data maħżuna fil-bażijiet tad-data nazzjonali ta’ Stati Membri oħra (lil hinn mid-data dwar il-profili tad-DNA, il-marki tas-swaba’ u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi), li għandhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom;
3)L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ma għandhomx mezzi effiċjenti biex ifittxu u jaċċessaw data dwar profili tad-DNA, marki tas-swaba’ u kategoriji rilevanti oħra tad-data li huma disponibbli fil-bażi tad-data tal-Europol, li għandhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom;
4)Ladarba l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jirċievu indikazzjoni li d-data hija disponibbli fil-bażi tad-data ta’ Stat Membru ieħor (“hit”), mhux dejjem ikollhom aċċess effiċjenti għad-data attwali korrispondenti maħżuna fil-bażi tad-data nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.
Dawn l-erba’ kwistjonijiet ewlenin interrelatati jikkostitwixxu problemi minħabba l-impatt tagħhom fuq il-ġlieda effettiva kontra l-kriminalità u fuq is-sigurtà u l-benesseri taċ-ċittadini tal-UE. Huma jqajmu għażliet importanti ta’ politika li jeħtieġu valutazzjoni dettaljata tal-fatturi ewlenin tal-problema, l-objettivi relatati, l-għażliet ta’ politika disponibbli u l-impatti tagħhom.
|
|
X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?
|
|
B’reazzjoni għall-ħtiġijiet operazzjonali urġenti, u għall-appelli tal-Kunsill biex tkun ikkunsidrata r-reviżjoni tad-Deċiżjonijiet ta’ Prüm (Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI u 2008/616/ĠAI) bil-ħsieb li jiġi estiż l-ambitu tagħhom u jiġu aġġornati r-rekwiżiti tekniċi u legali meħtieġa, din l-inizjattiva hija mistennija ssaħħaħ l-iskambju awtomatizzat ta’ data taħt il-qafas ta’ Prüm biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri jingħataw għajnuna fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 82(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 87(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma l-bażi ġuridika għall-istrument.
B’reazzjoni għall-erba’ problemi ewlenin identifikati, l-inizjattiva tfittex li tikseb l-objettivi li ġejjin:
1)Objettiv I: li tkun ipprovduta soluzzjoni teknika għal skambju awtomatizzat effiċjenti tad-data bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE biex tgħarrafhom dwar data rilevanti li hija disponibbli fil-bażi tad-data ta’ Stat Membru ieħor;
2)Objettiv II: li jiġi żgurat li aktar data rilevanti (f’termini ta’ kategoriji ta’ data) minn bażijiet tad-data nazzjonali fi Stati Membri oħra tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti kollha tal-infurzar tal-liġi tal-UE;
3)Objettiv III: li jiġi żgurat li d-data rilevanti (f’termini ta’ sorsi ta’ data) mill-bażi tad-data tal-Europol tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;
4)Objettiv IV: li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jingħataw aċċess effiċjenti għad-data attwali li tikkorrispondi għal “hit” li tkun disponibbli fil-bażi tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew min-naħa tal-Europol.
|
|
X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
It-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni fl-Unjoni Ewropea ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, minħabba n-natura transfruntiera tal-ġlieda kontra l-kriminalità u kwistjonijiet ta’ sigurtà. L-Istati Membri huma obbligati joqogħdu fuq xulxin f’dawn il-kwistjonijiet. Regoli, standards u rekwiżiti komuni fil-livell tal-UE jiffaċilitaw dawn l-iskambji ta’ informazzjoni mentri jipprovdu kompatibbiltà bejn is-sistemi nazzjonali differenti. Dan jippermetti ċertu livell ta’ awtomatizzazzjoni fil-flussi tal-iskambju ta’ informazzjoni li jillibera l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi minn attivitajiet manwali li jirrikjedu ħafna ħaddiema. L-aħħar iżda mhux l-inqas, l-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE jippermetti wkoll li jiġu żgurati standards ta’ livell għoli tas-sigurtà tad-data u tal-protezzjoni tad-data.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?
|
|
Ġew ikkunsidrati diversi għażliet ta’ politika leġiżlattivi. Wara preselezzjoni, xi għażliet ġew imwarrba malajr. L-għażliet ta’ politika l-oħrajn ġew ivvalutati f’dettall sħiħ:
1)Għażla ta’ politika li tindirizza l-objettiv I: (“li tkun ipprovduta soluzzjoni teknika għal skambju awtomatizzat effiċjenti tad-data”)
·għażla ta’ politika 1.1: l-applikazzjoni ta’ soluzzjoni ibrida bejn approċċ deċentralizzat u wieħed ċentralizzat mingħajr ħżin tad-data fil-livell ċentrali
2)Għażliet ta’ politika li jindirizzaw l-objettiv II: (“li jiġi żgurat li aktar data rilevanti (f’termini ta’ kategoriji ta’ data) tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi”)
·għażla ta’ politika 2.1: l-introduzzjoni tal-iskambju ta’ immaġnijiet tal-wiċċ fil-qafas Prüm
·għażla ta’ politika 2.2: l-introduzzjoni tal-iskambju ta’ data ta’ rekords tal-pulizija fil-qafas Prüm
·għażla ta’ politika 2.3: l-introduzzjoni tal-iskambju ta’ data dwar il-liċenzji tas-sewqan fil-qafas Prüm
3)Għażliet ta’ politika li jindirizzaw l-objettiv III: (“li jiġi żgurat li d-data rilevanti mill-bażi tad-data tal-Europol tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi”)
·għażla ta’ politika 3.1: li l-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw awtomatikament id-data miksuba mingħand pajjiżi terzi f’relazzjoni mal-bażijiet tad-data tal-Europol bħala parti mill-qafas Prüm
·għażla ta’ politika 3.2: li l-Europol tkun tista’ tivverifika d-data miksuba mingħand pajjiżi terzi mal-bażijiet tad-data nazzjonali tal-Istati Membri
4)Għażliet ta’ politika li jindirizzaw l-objettiv IV: (li jiġi pprovdut aċċess effiċjenti għad-data attwali li tikkorrispondi għal “hit” li tkun disponibbli fil-bażi tad-data nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew min-naħa tal-Europol).
·għażla ta’ politika 4.1: li jiġi rregolat il-proċess ta’ segwitu fil-livell tal-UE bi skambju semiawtomatizzat ta’ data attwali li tikkorrispondi għal “hit”
Wara valutazzjoni dettaljata tal-impatti tal-għażliet ta’ politika ewlenin, il-pakkett tal-għażliet ta’ politika preferuti jikkonsisti fl-għażla ta’ politika 1.1, fl-għażla ta’ politika 2.1 u 2.2, fl-għażla ta’ politika 3.1 u 3.2 u fl-għażla ta’ politika 4.1.
|
|
Liema għażla u min jappoġġaha?
|
|
Il-partijiet ikkonċernati ġeneralment jappoġġaw it-tisħiħ tal-iskambju awtomatizzat tad-data skont il-qafas Prüm.
L-Istati Membri appoġġaw b’mod espliċitu l-għażliet ta’ politika preferuti f’diversi fora tal-Kunsill kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-Kunsill (“Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2018 dwar l-implimentazzjoni tad-‘DEĊIŻJONIJIET TA’ PRÜM’ għaxar snin wara l-adozzjoni tagħhom”). Fl-istess ħin, l-Istati Membri huma konxji tal-importanza tas-sovranità nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-infurzar tal-liġi minn perspettiva operazzjonali u proċedurali.
Il-Parlament Ewropew huwa mistenni jivverifika li hemm ġustifikazzjoni għall-ħtieġa tal-inklużjoni ta’ kwalunkwe kategorija ġdida tad-data fil-qafas Prüm, kif ukoll l-eżistenza ta’ salvagwardji b’saħħithom għall-protezzjoni tad-data. Tabilħaqq, id-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kollha wrew l-importanza li jiġu previsti salvagwardji xierqa biex ikun żgurat il-ħarsien tad-Drittijiet Fundamentali, u b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.
|
|
C. Impatti tal-għażla ppreferuta
|
|
X’inhuma l-benefiċċji tal-għażliet preferuti (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
Il-pakkett tal-għażliet ta’ politika preferuti (l-għażla ta’ politika 1.1, l-għażla ta’ politika 2.1 u 2.2, l-għażla ta’ politika 3.1 u 3.2 u l-għażla ta’ politika 4.1) ikun tweġiba effettiva għall-problemi identifikati u jsaħħaħ il-qafas Prüm attwali b’kapaċitajiet addizzjonali mmirati u b’saħħithom biex iżid l-appoġġ tiegħu lill-Istati Membri fit-tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni bl-objettiv finali tal-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali u terroristiċi, f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali.
Il-benefiċjarji finali tal-għażliet preferuti kollha huma ċ-ċittadini, li se jibbenefikaw direttament u indirettament minn ġlieda aħjar kontra l-kriminalità u rati aktar baxxi ta’ kriminalità. F’termini ta’ effiċjenza, il-benefiċjarji ewlenin huma l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi. L-għażliet ta’ politika preferuti jipprevedu soluzzjonijiet effiċjenti għall-isfidi, li kieku jkollhom jiġu indirizzati b’kostijiet ogħla jew b’soluzzjonijiet li jkunu inqas effiċjenti.
|
|
X’inhuma l-kostijiet tal-għażliet preferuti (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?
|
|
L-għażliet ta’ politika preferuti jeħtieġu investimenti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Is-somma tal-kostijiet tal-investiment fil-livell nazzjonali hija ta’ EUR 4,4 miljun f’kostijiet ta’ darba u EUR 882 000 fuq bażi annwali. Fil-livell tal-UE, is-somma tal-kostijiet tal-investiment hija ta’ EUR 17,17 f’kostijiet ta’ darba u EUR 4,1 miljun fuq bażi annwali. Għandu jiġi nnotat li dawn l-ammonti huma stimi, ibbażati fuq esperjenzi preċedenti bl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ infrastrutturi tal-IT fil-livell tal-UE. Madankollu, uħud mill-għażliet ta’ politika huma diffiċli biex jiġu kkwantifikati f’termini preċiżi. Huwa mistenni li l-kostijiet proġettati tal-investimenti se jiġu kkumpensati b’benefiċċji u ffrankar, b’mod partikolari fil-livell tal-Istati Membri. Il-ħolqien tar-router ċentrali ta’ Prüm se jiffranka kostijiet għall-Istati Membri peress li ma jkunux jeħtieġu li joħolqu konnessjonijiet daqs kemm hemm Stati Membri u kategoriji ta’ data.
L-għażliet ta’ politika preferuti mhumiex mistennija li jkollhom impatt fuq l-intrapriżi żgħar u medji. L-għażliet preferuti ma fihomx obbligi regolatorji għaċ-ċittadini/għall-konsumaturi, u għalhekk lanqas ma joħolqu kostijiet addizzjonali għal dawn il-partijiet ikkonċernati.
|
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
|
|
L-għażliet ta’ politika ppreferuti mhumiex mistennija li jkollhom impatt sinifikanti fuq in-negozji.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Kif imsemmi hawn fuq, is-somma tal-kostijiet tal-investiment mistennija fil-livell nazzjonali hija ta’ EUR 4,4 miljun f’kostijiet ta’ darba u EUR 882 000 fuq bażi annwali, li se jiġu kkumpensati minn iffrankar baġitarju miksub mill-użu tar-router ċentrali minflok konnessjonijiet nazzjonali daqskemm hemm Stati Membri u kategoriji ta’ data. L-istimi jindikaw li l-iffrankar tal-baġit akkumulat fil-livell nazzjonali jista’ jikkumpensa l-investiment inizjali kemm fil-livell ċentrali kif ukoll f’dak nazzjonali f’perjodu ta’ sentejn.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
L-għażliet ta’ politika preferuti kollha huma relatati mal-ipproċessar tad-data personali. Konsegwentement, dawn l-għażliet ta’ politika għandhom impatt fuq id-Drittijiet Fundamentali u b’mod partikolari fuq id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta) u fuq ir-rispett għall-ħajja privata (l-Artikolu 7 tal-Karta). Sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali, il-valutazzjoni tal-impatt tipprevedi kunsiderazzjoni bir-reqqa tad-drittijiet fundamentali matul l-analiżi tagħha. B’riżultat ta’ dan, l-għażliet ta’ politika preferuti kollha jissodisfaw objettiv ta’ interess ġenerali u huma limitati għal dak li huwa strettament neċessarju u proporzjonat biex jintlaħaq tali objettiv.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi rieżaminata l-politika?
|
|
Erba’ snin wara li l-funzjonalitajiet il-ġodda jkunu ġew implimentati u jkun ilhom joperaw, u kull erba’ snin wara, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-funzjonament tekniku tal-miżuri proposti l-ġodda. Barra minn hekk, sena wara l-preżentazzjoni ta’ dawn ir-rapporti mill-Istati Membri u mill-aġenziji tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi evalwazzjoni ġenerali tal-miżuri, inkluż dwar kwalunkwe impatt dirett jew indirett fuq id-drittijiet fundamentali. Jenħtieġ li din teżamina r-riżultati fl-isfond tal-għanijiet u tivvaluta l-validità ssoktata tal-motivazzjoni sottostanti u ta’ kull implikazzjoni għall-għażliet futuri. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapporti ta’ evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
|