Brussell, 17.11.2021

SWD(2021) 327 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

il-minimizzazzjoni tar-riskju tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti assoċjati ma’ prodotti introdotti fis-suq tal-UE

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010

{COM(2021) 706 final} - {SEC(2021) 395 final} - {SEC(2021) 396 final} - {SWD(2021) 325 final} - {SWD(2021) 326 final} - {SWD(2021) 328 final} - {SWD(2021) 329 final}


Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt: “Il-minimizzazzjoni tar-riskju tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti assoċjati ma’ prodotti introdotti fis-suq tal-UE”

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti qed iseħħu b’rata allarmanti, u qed jaggravaw it-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità. Il-fattur ewlieni tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti hija l-espansjoni tal-art agrikola biex jiġu prodotti komoditajiet bħall-ifrat, l-injam, iż-żejt tal-palm, is-sojja, il-kawkaw jew il-kafè. Popolazzjoni dinjija li qed tikber, mistennija żżid fid-domanda għall-art agrikola u tagħmel iktar pressjoni fuq il-foresti, filwaqt li t-tibdil fix-xejriet tal-klima se jaffettwa l-produzzjoni tal-ikel.

L-UE hija konsumatur rilevanti tal-komoditajiet assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u m’għandhiex regoli speċifiċi u effettivi biex tnaqqas il-kontribut tagħha għal dawn il-fenomeni. Il-qafas leġiżlattiv attwali bbażat fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, it-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT) jindirizza l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u jikkontribwixxi għat-tisħiħ fil-governanza tal-foresti, iżda ma jindirizzax id-deforestazzjoni kkawżata mill-espansjoni agrikola. Din il-Valutazzjoni tal-Impatt tibni fuq is-sejbiet ewlenin mill-Kontroll tal-Idoneità tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam (EUTR) u r-Regolament dwar il-FLEGT.

X’għandu jinkiseb?

L-objettiv ta’ din l-inizjattiva huwa li jitrażżnu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti provokati mill-konsum u l-produzzjoni tal-UE. Min-naħa tiegħu, dan mistenni jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u t-telfien tal-bijodiversità kaġunati mill-UE. L-għan tal-inizjattiva huwa li jiġi minimizzat il-konsum tal-prodotti ġejjin minn ktajjen tal-provvisti assoċjati mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti – u li tiżdied id-domanda tal-UE għal komoditajiet u prodotti legali u mingħajr deforestazzjoni kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom min-naħa tal-UE.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

Il-fatturi ewlenin tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti huma marbuta kemm mal-kummerċ tal-UE kif ukoll ma’ dak internazzjonali. Azzjoni fil-livell tal-UE hija essenzjali biex il-kwistjonijiet kummerċjali internazzjonali jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’mod koordinat u armonizzat, u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kumpaniji, kemm fir-rigward tar-rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati qabel l-introduzzjoni tal-prodotti fis-suq intern tal-UE, kif ukoll fir-rigward tal-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi. Azzjoni fil-livell tal-UE tibbenefika wkoll mill-esperjenza preċedenti tal-UE fl-indirizzar ta’ ktajjen tal-provvista kumplessi (eż. dawk ġejjin mil-leġiżlazzjoni relatata mal-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam).

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Il-ħames għażliet ta’ politika kkunsidrati kienu: 1) Sistema ta’ diliġenza dovuta obbligatorja mtejba; 2) Sistema ta’ valutazzjoni komparattiva u lista ta’ operaturi li jiksru r-regoli flimkien ma’ sistema ta’ diliġenza dovuta obbligatorja mtejba fi stadji; 3) Ċertifikazzjoni pubblika obbligatorja flimkien ma’ rekwiżit ta’ diliġenza dovuta mtejba; 4) Tikkettar obbligatorju flimkien ma’ rekwiżit ta’ diliġenza dovuta mtejba; 5) Rekwiżit ta’ mingħajr deforestazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq tal-UE appoġġat minn sistema ta’ valutazzjoni komparattiva u sistema ta’ karti ta’ twissija lill-pajjiżi.

L-għażla ppreferuta hija n-numru 2. Din tinkludi sistema ta’ valutazzjoni komparattiva tal-pajjiż li se tikkategorizza l-pajjiżi skont ix-xejriet tad-deforestazzjoni marbuta mal-komoditajiet rilevanti fil-kamp ta’ applikazzjoni. Se jkun hemm tliet kategoriji ta’ pajjiżi — riskju baxx, riskju standard u riskju għoli. L-obbligi għall-operaturi u l-awtoritajiet tal-Istati Membri se jvarjaw skont il-livell ta’ riskju tal-pajjiż tal-produzzjoni, b’kompiti ta’ diliġenza dovuta ssimplifikati għal dawk b’riskju baxx u skrutinju msaħħaħ għall-pajjiżi b’riskju għoli.

L-għażliet kollha ta’ politika kkunsidrati jibnu fuq elementi komuni: 1) Definizzjoni ta’ mingħajr deforestazzjoni, ibbażata fuq id-definizzjoni tal-FAO, li l-prodotti jeħtieġ jikkonformaw magħha; u rekwiżit addizzjonali għall-prodotti biex ikunu legali skont il-liġijiet tal-pajjiż tal-produzzjoni; 2) Kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott progressiv, li jiġi rieżaminat u aġġornat regolarment, filwaqt li ssir enfasi fuq il-komoditajiet bl-ogħla deforestazzjoni inkorporata fl-UE (iċ-ċanga, iż-żejt tal-palm, is-sojja, l-injam, il-kawkaw u l-kafè) u l-prodotti derivati relatati.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa mwettqa mill-Kummissjoni fl-2020 irċeviet kważi 1.2 miljun kontribut u wriet li l-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati qablu dwar il-ħtieġa ta’ intervent fil-livell tal-UE biex jitnaqqas il-kontribut tal-UE għad-deforestazzjoni globali u d-degradazzjoni tal-foresti. Bosta mill-partijiet ikkonċernati qablu wkoll li tiġi stabbilita definizzjoni tal-UE għal mingħajr deforestazzjoni bħala rekwiżit tal-intervent tal-politika.

Fir-rigward tal-miżuri politiċi, il-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa wriet appoġġ aktar b’saħħtu għal għażliet legalment vinkolanti (rekwiżit ta’ mingħajr deforestazzjoni, diliġenza dovuta obbligatorja, ċertifikazzjoni pubblika obbligatorja, eċċ.) milli għal miżuri mhux stretti u volontarji, bħal diliġenza dovuta volontarja, tikkettar volontarju jew ċertifikazzjoni privata volontarja. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kwalifikati — assoċjazzjonijiet tan-negozju u NGOs — appoġġaw reġim ta’ diliġenza dovuta obbligatorja, għalkemm id-dettalji ta’ din is-sistema jvarjaw minn organizzazzjoni għal oħra.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Mistenni li l-għażla ppreferuta tkun li tiġi evitata d-deforestazzjoni kkaġunata mill-konsum u l-produzzjoni tal-UE tas-sitt komoditajiet inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni, b’benefiċċji proġettati li jaqbżu sew il-pjan li kull sena sal-2030 ikun hemm 71,920 ettaru ta’ foresti inqas li jiġu affettwati mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti kkaġunati mill-UE. Dan ifisser ukoll tnaqqis ta’ mill-inqas 31.9 miljun tunnellata metrika ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-atmosfera kull sena minħabba l-konsum u l-produzzjoni tal-UE tal-komoditajiet rilevanti, li jistgħu jissarfu f’iffrankar ekonomiku ta’ mill-inqas EUR 3.2 biljun fis-sena. Barra minn hekk, din l-għażla mistennija tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-protezzjoni tal-bijodiversità.

Din l-għażla għandha tikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi tal-intervent tal-UE, jiġifieri l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kumpaniji li joperaw fis-suq tal-UE; il-minimizzazzjoni tal-konsum tal-prodotti li ġejjin minn ktajjen tal-provvista assoċjati mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti; u ż-żieda fid-domanda tal-UE għal komoditajiet u prodotti legali u mingħajr deforestazzjoni kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom min-naħa tal-UE.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Il-kostijiet ta’ darba huma bejn EUR 5,000 u EUR 90,000 għal kull operatur għall-istabbiliment tas-sistema ta’ diliġenza dovuta skont il-kumplessità u r-riskju assoċjati mad-deforestazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tal-kumpanija. Rikorrenti: Medda bejn EUR 158 miljun u EUR 2,354 miljun fis-sena.

Awtoritajiet tal-Istati Membri: Madwar EUR 18-il miljun fis-sena għall-Istati Membri kollha flimkien.

Il-Kummissjoni Ewropea: L-istabbiliment u t-tħaddim tal-valutazzjoni komparattiva se jirriżultaw f’kost ta’ darba ta’ EUR 337,000 u wara EUR 168,000 fis-sena.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Din l-għażla mistennija toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji li joperaw fis-suq tal-UE. Il-produtturi li jimplimentaw prattiki ta’ produzzjoni aktar sostenibbli mistennija jiksbu sehem akbar fis-suq tal-UE u jaraw żieda fil-kompetittività meta mqabbla ma’ operaturi li jakkwistaw minn pajjiżi b’“riskju għoli”.

Il-fattur ewlieni għall-kostijiet tal-obbligi tad-diliġenza dovuta hija l-kumplessità tal-ktajjen tal-provvista u r-riskji assoċjati mal-pajjiż fornitur. Is-sistema ta’ diliġenza dovuta flimkien mal-valutazzjoni komparattiva se jippermettu lill-operaturi u lill-kummerċjanti tal-SMEs jibbenefikaw minn kostijiet aktar baxxi tad-diliġenza dovuta ssimplifikata billi jintroduċu fis-suq prodotti derivati minn ktajjen tal-provvista b’riskju baxx.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Le. Il-kostijiet huma deskritti hawn fuq.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Jista’ jkun hemm ċaqliq potenzjali fil-kummerċ tal-UE minn pajjiżi produtturi b’“riskju għoli” għal pajjiżi produtturi “b’riskju baxx”. Il-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar li jipproduċi l-komoditajiet rilevanti jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi ta’ adattament. Dawn il-fatturi kollha mistennija jiġu mitigati sad-data limitu proposta tal-2020, peress li l-biċċa l-kbira tal-prodotti li bħalissa jinsabu fil-kummerċ se jinkisbu minn art imqiegħda fil-produzzjoni qabel l-2020.

Proporzjonalità? 

L-għażla ppreferuta se tiżgura li l-UE tistabbilixxi qafas regolatorju li jkun kemm ambizzjuż ħafna kif ukoll implimentabbli, filwaqt li tinċentiva t-tranżizzjoni sostenibbli fil-pajjiżi produtturi kollha, fl-UE jew lil hinn minnha, u b’hekk l-UE ssir entità kredibbli globali li tistabbilixxi l-istandards. Il-benefiċċji minimi monetizzati jpaċu biċ-ċar il-kostijiet. L-inizjattiva hija konformi mal-gravità tal-problema li għandha l-għan li tindirizza, u hija konformi wkoll mal-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Is-sistema għandha tiġi rieżaminata wara ħames snin ta’ tħaddim sħiħ biex jiġu identifikati kwalunkwe kwistjoni u titjib potenzjali.