Brussell, 21.4.2021

SWD(2021) 85 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

LI JISTABBILIXXI REGOLI ARMONIZZATI DWAR L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI (L-ATT DWAR L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI) U LI JEMENDA ĊERTI ATTI LEĠIŻLATTIVI TAL-UNJONI

{COM(2021) 206 final} - {SEC(2021) 167 final} - {SWD(2021) 84 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-Impatt dwar Qafas Regolatorju għall-Intelliġenza Artifiċjali

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

L-Intelliġenza Artifiċjali (AI) hija teknoloġija emerġenti għal skopijiet ġenerali: familja b’saħħitha ħafna ta’ tekniki tal-ipprogrammar tal-kompjuter. L-użu tas-sistemi tal-AI għandu potenzjal qawwi li jġib benefiċċji soċjetali, tkabbir ekonomiku u jsaħħaħ l-innovazzjoni u l-kompetittività dinjija tal-UE. Iżda xi drabi, l-użu tas-sistemi tal-AI jista’ joħloq problemi. Il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti sistemi tal-AI jistgħu joħolqu riskji ġodda relatati ma’: (1) is-sikurezza u s-sigurtà u (2) id-drittijiet fundamentali, u jżidu bil-qawwa l-probabbiltà jew l-intensità tar-riskji eżistenti. Barra minn hekk, is-sistemi tal-AI: (3) jagħmluha diffiċli għall-awtoritajiet tal-infurzar biex jivverifikaw il-konformità mar-regoli eżistenti u jinfurzawhom. Min-naħa tagħhom, dan is-sett ta’ kwistjonijiet iwassal għal: (4) inċertezza legali għall-kumpaniji, (5) adozzjoni aktarx aktar bil-mod tat-teknoloġiji tal-AI, minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja, min-negozji u miċ-ċittadini, u (6) reazzjonijiet regolatorji mill-awtoritajiet nazzjonali biex itaffu l-esternalitajiet possibbli li jissograw li jifframmentaw is-suq intern.

X’għandu jinkiseb?

Il-qafas regolatorju għandu l-għan li jindirizza dawk il-problemi biex jiżgura l-funzjonament xieraq tas-suq uniku billi joħloq kundizzjonijiet għall-iżvilupp u għall-użu ta’ AI affidabbli fl-Unjoni. L-objettivi speċifiċi huma li: (1) ikun żgurat li s-sistemi tal-AI mqiegħda fis-suq u użati huma sikuri u jirrispettaw il-liġi eżistenti dwar id-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-Unjoni; (2) tkun żgurata ċ-ċertezza legali biex jiġu ffaċilitati l-investiment u l-innovazzjoni fl-AI; (3) jissaħħu l-governanza u l-infurzar effettiv tal-liġi eżistenti dwar id-drittijiet fundamentali u r-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli għas-sistemi tal-AI; u (4) jeħfief l-iżvilupp ta’ suq uniku għal sistemi tal-AI legali, sikuri u affidabbli, u tkun evitata l-frammentazzjoni tas-suq.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

In-natura transfruntiera tad-data u tas-settijiet tad-data fuq skala kbira, li ħafna drabi jkunu jiddependu fuqhom l-applikazzjonijiet tal-AI, tfisser li l-objettivi tal-inizjattiva ma jistgħux jintlaħqu b’mod effettiv mill-Istati Membri waħedhom. Il-qafas regolatorju Ewropew għal AI affidabbli għandu l-għan li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-iżvilupp, it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti u servizzi li jinkorporaw teknoloġija tal-AI jew applikazzjonijiet awtonomi tal-AI fl-Unjoni. L-għan tiegħu hu li jiżgura kundizzjonijiet ekwi u jħares liċ-ċittadini Ewropej kollha, filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività u l-bażi industrijali tal-Ewropa fl-AI. L-azzjoni tal-UE dwar l-AI se tagħti spinta lis-suq intern u għandha potenzjal sinifikanti li tipprovdi vantaġġ kompetittiv lill-industrija Ewropea fix-xenarju dinji, abbażi ta’ ekonomiji ta’ skala li ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri individwali waħedhom.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-alternattivi differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm alternattiva ppreferuta? Jekk le, għaliex?

Tqiesu l-għażliet ta’ politika li ġejjin: Għażla 1: strument leġiżlattiv tal-UE li jistabbilixxi skema volontarja ta’ tikkettar; Għażla 2: approċċ settorjali “ad hoc”; Għażla 3: strument leġiżlattiv orizzontali tal-UE li jistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji għal applikazzjonijiet tal-AI b’riskju kbir; Għażla 3+: l-istess bħall-Għażla 3 iżda b’kodiċijiet ta’ kondotta volontarji għal applikazzjonijiet tal-AI li mhumiex b’riskju kbir; u Għażla 4: strument leġiżlattiv orizzontali tal-UE li jistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji għall-applikazzjonijiet kollha tal-AI. L-għażla ppreferuta hija l-Għażla 3+ għax toffri salvagwardji proporzjonati kontra r-riskji li toħloq l-AI, u għax tillimita l-kostijiet amministrattivi u tal-konformità għal minimu. Il-kwistjoni speċifika tar-responsabbiltà għall-applikazzjonijiet tal-AI se tiġi indirizzata b’regoli futuri distinti u b’hekk dawn mhumiex koperti mill-għażliet.

X’inhi l-opinjoni tal-partijiet ikkonċernati differenti? Min jappoġġa liema alternattiva?

In-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi, l-akkademiċi u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi kollha jaqblu li jeżistu lakuni leġiżlattivi jew li hemm bżonn leġiżlazzjoni ġdida, għalkemm il-maġġoranza fost in-negozji hija iżgħar. L-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi jaqblu li r-rekwiżiti obbligatorji jkunu limitati biss għall-applikazzjonijiet tal-AI b’riskju kbir. Iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili huma aktar probabbli li ma jaqblux mal-limitazzjoni tar-rekwiżiti obbligatorji għall-applikazzjonijiet b’riskju kbir.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Għaċ-ċittadini, l-għażla ppreferuta se ttaffi r-riskji għas-sikurezza u d-drittijiet fundamentali tagħhom. Għall-fornituri tal-AI, din se toħloq ċertezza legali u tiżgura li ma jinħoloq l-ebda xkiel fil-forniment transfruntier tas-servizzi u l-prodotti relatati mal-AI. Għall-kumpaniji li jużaw l-AI, din se tħeġġeġ il-fiduċja fost il-klijenti tagħhom. Għall-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, din se tħeġġeġ il-fiduċja tal-pubbliku fl-użu tal-AI u ssaħħaħ il-mekkaniżmi tal-infurzar billi tintroduċi mekkaniżmu Ewropew ta’ koordinazzjoni, tipprevedi kapaċitajiet xierqa, u tiffaċilita l-awditjar tas-sistemi tal-AI b’rekwiżiti ġodda għad-dokumentazzjoni, it-traċċabbiltà u t-trasparenza.

X’inhuma l-kostijiet tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

In-negozji jew l-awtoritajiet pubbliċi li jiżviluppaw jew jużaw l-applikazzjonijiet tal-AI li jikkostitwixxu riskju kbir għas-sikurezza jew għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini jridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti u obbligi orizzontali speċifiċi, li se jiddaħħlu fis-seħħ bi standards armonizzati tekniċi. Il-kost aggregat totali tal-konformità hu stmat li jilħaq bejn €100 miljun u €500 miljun sal-2025, jiġifieri sa 4-5 % tal-investiment fl-AI b’riskju kbir (li hu stmat bejn il-5 % u l-15 % tal-applikazzjonijiet kollha tal-AI). Il-kostijiet tal-verifika jistgħu jammontaw għal 2-5 % oħra tal-investiment fl-AI b’riskju kbir. In-negozji jew l-awtoritajiet pubbliċi li jiżviluppaw jew jużaw xi applikazzjoni tal-AI li mhix klassifikata li għandha riskju kbir, ma jġarrbu l-ebda kost. Iżda dawn jistgħu jagħżlu li jobdu kodiċijiet ta’ kondotta volontarji biex jimxu skont rekwiżiti xierqa u jiżguraw li l-AI tagħhom tkun affidabbli. F’dawn il-każijiet, il-kostijiet jistgħu jkunu għaljin daqs dawk għall-applikazzjonijiet b’riskju kbir, iżda aktarx mhux daqshom.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

L-SMEs se jibbenefikaw aktar minn livell ġenerali ogħla ta’ fiduċja fl-AI milli se jibbenefikaw il-kumpaniji l-kbar li jistgħu jistrieħu wkoll fuq l-immaġni tal-marka kummerċjali tagħhom. L-SMEs li jiżviluppaw applikazzjonijiet klassifikati li għandhom riskju kbir ikollhom iġarrbu kostijiet simili bħall-kumpaniji l-kbar. Infatti minħabba l-iskalabbiltà għolja tat-teknoloġiji diġitali, l-intrapriżi żgħar u medji jista’ jkollhom ilħuq enormi minkejja ċ-ċokon tagħhom, u potenzjalment iħallu impatt fuq miljuni ta’ individwi. Għaldaqstant, fejn jidħlu l-applikazzjonijiet b’riskju kbir, l-esklużjoni tal-SMEs li jfornu l-AI mill-applikazzjoni tal-qafas regolatorju tista’ timmina serjament l-objettiv li tiżdied il-fiduċja. Madankollu, il-qafas se jipprevedi miżuri speċifiċi, inkluż sandboxes regolatorji jew assistenza permezz tal-Hubs ta’ Innovazzjoni Diġitali, biex jappoġġa lill-SMEs fil-konformità tagħhom mar-regoli l-ġodda, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tagħhom.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

L-Istati Membri jeħtieġ jaħtru awtoritajiet superviżorji li jkunu inkarigati mill-implimentazzjoni tar-rekwiżiti leġiżlattivi. Il-funzjoni superviżorja tagħhom tista’ tibni fuq l-arranġamenti eżistenti, pereżempju fir-rigward tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jew tas-sorveljanza tas-suq, iżda din teħtieġ biżżejjed għarfien espert u riżorsi teknoloġiċi. Skont l-istruttura preeżistenti f’kull Stat Membru, din tista’ teżiġi minn 1 sa 25 ekwivalenti full-time għal kull Stat Membru.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

L-għażla ppreferuta ttaffi ġmielu r-riskji għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u tal-valuri usa’ tal-Unjoni, u se ttejjeb is-sikurezza ta’ ċerti prodotti u servizzi li jinkorporaw teknoloġija tal-AI jew tal-applikazzjonijiet awtonomi tal-AI.

Proporzjonalità? 

Il-proposta hi proporzjonata u meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi għax tħaddem approċċ ibbażat fuq ir-riskju u timponi piżijiet regolatorji biss meta s-sistemi tal-AI aktarx ikunu joħolqu riskji kbar għad-drittijiet fundamentali jew għas-sikurezza. Meta dan ma jkunx il-każ, jiġu imposti biss obbligi minimi ta’ trasparenza, b’mod partikolari fejn jidħol l-għoti ta’ informazzjoni, biex jiġi notifikat l-użu ta’ sistema tal-AI li tkun tinteraġixxi mal-bnedmin jew li tuża deep-fakes għal skopijiet illeġittimi. L-istandards armonizzati u l-għodod ta’ gwida u ta’ konformità se jkollhom l-għan li jgħinu lill-fornituri u lill-utenti jikkonformaw mar-rekwiżiti u jnaqqsu l-kostijiet tagħhom kemm jista’ jkun.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se tippubblika rapport li jevalwa u jirrevedi l-qafas wara ħames snin mid-data ta’ applikazzjoni.