Brussell, 23.2.2021

SWD(2021) 38 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa

Sħubija UE-Afrika għas-Saħħa Globali (Saħħa Globali EDCTP3)

{COM(2021) 87 final} - {SEC(2021) 100 final} - {SWD(2021) 37 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ 2 paġni)

Valutazzjoni tal-impatt dwar Sħubija UE-Afrika għas-Saħħa Globali (Saħħa Globali EDCTP3)

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Il-mard infettiv relatat mal-faqar u li jiġi traskurat jibqa’ l-kawża prinċipali tal-mewt, tad-diżabilità u tal-mard f’ħafna pajjiżi, u l-pajjiżi bi dħul baxx u medju jġarrbu l-ikbar piż. Barra minn hekk, parzjalment minħabba l-bidliet fl-ambjent u fil-klima, għadd dejjem ikbar ta’ patoġeni li qed jitfaċċaw, jew li qed jerġgħu jitfaċċaw b’karatteristiċi ġodda, qed joħolqu tifqigħat bħall-COVID-19. Dawn jistgħu jinfirxu b’mod rapidu madwar id-dinja, u joħolqu tbatija kbira umana u ekonomika f’ħafna pajjiżi, inkluż fl-Ewropa. Għalkemm kien hemm żviluppi sostanzjali fil-qasam, speċjalment f’termini ta’ terapiji ġodda, iż-żieda fir-reżistenza għall-antimikrobiċi qed tnaqqas l-effikaċja tat-trattamenti eżistenti, u l-vaċċini disponibbli mhumiex dejjem ikunu effettivi biżżejjed. Teknoloġiji tas-saħħa ġodda, bħat-testijiet dijanjostiċi preċiżi, trattamenti terapewtiċi u vaċċini preventivi huma meħtieġa biex itaffu l-piż ta’ mard infettiv u biex jiżguraw li n-nies jgħixu ħajjiet f’saħħithom u produttivi, speċjalment fir-reġjun l-aktar vulnerabbli u milqut, jiġifieri l-Afrika sub-Saħarjana.

X’jenħtieġ li jinkiseb?

Is-Sħubija UE-Afrika għas-Saħħa Globali (Saħħa Globali EDCTP3) għandha l-għan li tnaqqas il-piż tal-mard infettiv fl-Afrika sub-Saħarjana u biex tgħin fil-kontroll tal-mard infettiv li qed jitfaċċa b’mod globali. Dan se jintlaħaq billi naħdmu fi sħubija mal-pajjiżi Afrikani sub-Saħarjani dwar aġenda strateġika komuni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) biex:

·navvanzaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tas-saħħa effiċjenti ġodda jew imtejba;

·nikkoordinaw l-isforzi tar-R&I;

·insaħħu l-kapaċità tar-R&I biex nindirizzaw il-mard infettiv; u

·inżidu t-tħejjija tar-R&I, l-identifikazzjoni bikrija u l-kontroll ta’ mard infettiv li qed jitfaċċa (jew li qed jerġa’ jitfaċċa) fl-Afrika sub-Saħarjana u fil-livell globali.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

L-azzjoni tal-UE koordinata u koerenti se tgħin biex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-finanzjament tar-R&I, biex tiġbed massa kritika ta’ organizzazzjonijiet u l-investiment meħtieġ biex tiġi indirizzata din l-isfida tas-saħħa globali, u tiffaċilita l-kollaborazzjoni u r-rispons strateġiku għall-mard infettiv li qed jitfaċċa jew li qed jerġa jitfaċċa. Din se żżid ukoll l-impatt u l-kosteffettività tal-azzjoni u tal-investiment Ewropej. Sħubija li tista’ tlaqqa flimkien lill-UE, lill-pajjiżi Ewropej, lill-pajjiżi Afrikani, lill-pajjiżi terzi oħra u lill-finanzjaturi tas-saħħa privati globali, se jkollha impatt kbir fil-livell globali.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet biex jinkisbu l-objettivi? Hemm jew le xi għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, minbarra s-sejħiet għal proposti ta’ programm qafas tradizzjonali, tqiesu l-erba’ għażliet li ġejjin:

·sħubija Ewropea koprogrammata;

·sħubija Ewropea kofinanzjata;

·sħubija istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 185 tat-Trattat tal-UE;

·sħubija istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 187 tat-Trattat.

Sħubija istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 187 hija l-għażla ppreferuta. Din se tippermetti lill-pajjiżi, għajr l-Istati Membri tal-UE jew Stati Assoċjati, pereżempju l-Afrika sub-Saħarjana u pajjiżi terzi oħra, biex ikunu involuti. L-għażla tal-Artikolu 187 se tippermetti wkoll il-kollaborazzjoni mal-industrija u ma’ fondazzjonijiet tal-karità, li jistgħu jgħinu biex tiġi avvanzata l-aġenda komuni tar-R&I. Din l-għażla għandha l-akbar kapaċità biex tingrana l-fondi u jkollha l-akbar impatt.

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-partijiet ikkonċernati kienu unanimi fil-preferenza tagħhom għal sħubija Ewropea istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 185 jew 187. L-għażla tal-Artikolu 187 tlaqqa’ flimkien firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, li għandha tiżgura impenn fit-tul, ċertezza finanzjarja u struttura organizzazzjonali effiċjenti, li jwasslu għal impatt potenzjali ikbar.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Appoġġ fit-tul u koerenti għall-attivitajiet tar-R&I dwar il-mard infettiv, in-networks, il-kapaċitajiet tar-riċerka u l-iskambju tal-għarfien bejn l-istituzzjonijiet u l-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi Afrikani sub-Saħarjani se jnaqqas l-piż tal-mard fl-Afrika sub-Saħarjana, u se jikkontrolla aħjar il-mard infettiv li qed jitfaċċa u li qed jerġa jitfaċċa fl-Afrika sub-Saħarjana u fil-livell globali. Hi u tiffoka fuq ir-riċerka klinika, l-impatt tas-sħubija għandu jieħu l-forma ta’ teknoloġiji tas-saħħa effettivi li huma lesti għall-produzzjoni, għad-distribuzzjoni u għall-bejgħ.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Il-kost għat-tmexxija tal-istruttura ta’ implimentazzjoni maħluqa apposta għandu jkun inqas minn EUR 6 miljuni fis-sena, dan jiddependi fuq l-ammont tal-baġit totali. Għandu jkun hemm ukoll EUR 0.3 miljuni kost ta’ darba biex titwaqqaf l-istruttura.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

L-SMEs se jkunu jistgħu jieħdu sehem fis-sejħiet għal proposti tas-sħubija. Mhuwiex mistenni li l-impatt għalihom se jkun differenti mis-sejħiet għal proposti ta’ programm qafas normali. Madankollu, opportunitajiet sinifikanti — b’mod partikolari fid-diġitalizzazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa — jistgħu jwasslu għat-tkabbir tas-settur tal-SME fl-Ewropa u fl-Afrika.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Is-sħubija se tgħin tissimplifika l-infiq tal-Istati Membri fuq ir-R&I dwar il-mard infettiv, inkluż dwar il-kooperazzjoni internazzjonali. Din se tgħin ukoll lill-pajjiżi Afrikani sub-Saħarjani jippjanaw il-baġits tas-sistemi ta’ riċerka dwar is-saħħa nazzjonali tagħhom.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

Is-sħubija se tgħin r-R&I fil-vaċċini, fid-dijanjostika u fil-mediċini għall-mard infettiv li primarjament jolqot lill-pajjiżi bi dħul baxx u medju, filwaqt li tgħin biex jiġu żgurati ħajjiet f’saħħithom kif ukoll il-benesseri tan-nies ta’ kull età (SDG3) u biex jintemm il-faqar f’kull forma tiegħu kullimkien (SDG1).

Proporzjonalità? 

L-għażla ppreferuta tipprovdi l-elementi kollha biex jinkisbu l-objettivi u ma tmurx lil hinn min dak li hu meħtieġ biex tissolva l-problema.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-politika se tiġi rieżaminata f’konformità mal-iskeda taż-żmien stabbilita fir-Regolament ta’ Orizzont Ewropa u mar-rekwiżiti li għandhom jiġu stabbiliti fl-att bażiku rilevanti.


Brussell, 23.2.2021

SWD(2021) 38 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa

Sħubija Ewropea dwar Saħħa Innovattiva

{COM(2021) 87 final} - {SEC(2021) 100 final} - {SWD(2021) 37 final}


Valutazzjoni tal-impatt ta’ Sħubija Ewropea dwar Saħħa Innovattiva

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

L-UE tbati mill-fatt li r-riċerka eċċellenti tagħha dwar is-saħħa ma twassalx b’mod suffiċjenti għal prodotti u servizzi innovattivi biex itejbu saħħet in-nies. B’mod parallel, l-UE tinsab f’riskju li titlef it-tmexxija globali tagħha fis-saħħa u l-kura. Dawn il-problemi jirriżultaw minn:

-fehim inkomplet tal-mard;

-kollaborazzjoni insuffiċjenti bejn l-akkademja u l-industrija tas-saħħa;

-kollaborazzjoni limitata bejn is-setturi tal-industrija; u

-ostakli għas-suq li jaffettwaw l-adozzjoni tal-innovazzjoni fil-kura u s-saħħa.

Jekk ma jiġux indirizzati, dawn il-problemi se jirriżultaw fi tnaqqis tal-attivitajiet dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tas-saħħa (R&I) fl-UE u fit-titjib limitat fil-kwalità tal-kura tas-saħħa, li jaffettwa b’mod negattiv is-saħħa pubblika u l-benessri. L-inizjattiva proposta tindirizza dawn l-isfidi u twieġeb għar-rakkomandazzjoni prinċipali mill-evalwazzjoni interim tal-inizjattiva predeċessur, l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (IMI2 JU), jiġifieri biex tiżgura l-involviment attiv tas-setturi tal-industrija għajr l-industrija farmaċewtika.

X’jenħtieġ li jinkiseb? 

-kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ ekosistema R&I tas-saħħa mifruxa madwar l-UE kollha li permezz tagħha l-għarfien xjentifiku eħfef li jissarraf f’innovazzjonijiet li jwieġbu għall-bżonnijiet tal-utent finali, tal-pazjenti u tal-professjonisti fil-kura tas-saħħa;

-żvilupp iffaċilitat ta’ innovazzjonijiet iffukati fuq in-nies li jindirizzaw il-bżonnijiet tas-saħħa pubblika li ma jkunux intlaħqu; u

-industrija iktar kompetittiva tas-saħħa tal-UE bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni transsettorjali msaħħa.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

L-isfidi tas-saħħa huma ta’ natura globali, daqstant ieħor hija r-R&I meħtieġa biex tindirizzahom. Ħafna mill-oqfsa legali relatati mas-saħħa li jirregolaw l-iżvilupp u l-introduzzjoni tas-suq ta’ teknoloġiji tas-saħħa ġodda (pereżempju l-provi kliniċi, il-prodotti mediċinali, it-tagħmir mediku, id-dijanjostiċi in vitro u t-terapiji avvanzati) huma bbażati fuq oqfsa regolatorji tal-UE. Ħafna mill-kumpaniji li huma attivi fil-qasam tas-saħħa għandhom preżenza mifruxa mal-UE kollha. Il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala tal-inizjattiva jmorru lil hinn mill-kapaċità tal-Istati Membri individwali u jeħtieġu l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u tal-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet biex jinkisbu l-objettivi? Hemm jew le xi għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

L-għażliet huma kif ġej:

-sejħiet għal proposti regolari ta’ Orizzont Ewropa;

-sħubija koprogrammata; u

-sħubija istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 187 TFUE.

L-isħubija istituzzjonalizzata hija l-għażla ppreferuta. Din toffri l-aħjar proporzjon ta’ kost versus impatt, kif ukoll tqis ir-riskji assoċjati, u twiegħed li twassal l-objettivi b’mod effiċjenti u tikseb l-impatti mistennija.

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

L-għażla tas-sħubija istituzzjonalizzata kellha l-akbar appoġġ fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kollha, fil-kategoriji tal-partijiet ikkonċernati kollha (l-Istati Membri, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, ir-riċerkaturi, l-awtoritajiet pubbliċi, l-NGOs u l-pubbliku ġenerali). Bis-saħħa tal-impenn u l-finanzjament fit-tul, ġiet ikkunsidrata bħala l-aktar effettiva f’termini ta’ impatti xjentifiċi, ekonomiċi u soċjetali. L-arranġament legalment vinkolanti ġie apprezzat bħala wieħed li joffri fiduċja, b’mod partikolari dwar il-ġestjoni tal-propjetà intellettwali, sabiex b’hekk tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tad-data meħtieġa biex jitwettqu l-impatti. Il-gruppi tal-partijiet ikkonċernati kollha, imma b’mod partikolari s-settur pubbliku, raw l-opportunità li jkollhom rwol ewlieni fl-issettjar tal-aġenda tar-riċerka bħala waħda kruċjali biex jinkiseb l-impatt soċjetali.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)?

Sħubija istituzzjonalizzata għandha tiżgura bl-aħjar mod li s-setturi privati u pubbliċi jibqgħu involuti b’mod sħiħ fl-implimentazzjoni tal-istrateġija li tkun ġiet miftiehma b’mod konġunt, fit-tul għal R&I dwar is-saħħa. Din hija konsistenti bl-ingranaġġ tar-riżorsi industrijali, finanzjarji u in natura biex jiġi massimizzat l-impatt tal-finanzjament tal-UE. Din għandha tappoġġa l-iżvilupp ta’ strateġija għall-innovazzjoni tas-saħħa li hija allinjata bis-sħiħ mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni. L-għażla ppreferuta għandha tiżgura wkoll l-istabbiliment ta’ Uffiċċju tal-Programmi għal sostenn amministrattiv maħluq apposta għall-attivitajiet ta’ koordinazzjoni u ta’ komunikazzjoni.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

L-UE u l-assoċjazzjonijiet industrijali tal-membri se jiffinanzjaw is-sħubija b’mod konġunt, u tal-aħħar li se jipprovdu mill-inqas 50 % tal-baġit totali. L-imsieħba se jkollhom bżonn jimmobilizzaw wkoll ir-riżorsi meħtieġa biex ikopru l-kostijiet operazzjonali tal-azzjonijiet iffinanzjati u l-kostijiet amministrattivi tal-Uffiċċju tal-Programm. L-assoċjazzjonijiet se jwettqu wkoll attivitajiet addizzjonali, kif stipulat fl-att leġiżlattiv.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Bis-saħħa tal-interazzjoni mill-qrib tal-industrija tas-saħħa (inklużi l-SMEs) mal-akkademja, l-imsieħba kollha għandhom isaħħu l-bażi xjentifika tagħhom biex iwasslu soluzzjonijiet innovattivi tas-saħħa. Għaldaqstant, u bl-involviment bikri ta’ atturi tas-saħħa pubbliċi oħra, l-industrija għandha tkun tista’ twieġeb aħjar għall-bżonnijiet tal-utenti finali, jiġifieri l-pazjenti, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-fornituri tal-kura tas-saħħa. Din se ttejjeb ukoll il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-swieq globali u ssaħħaħ l-ekonomija u s-sovranità teknoloġika tal-UE. L-integrazzjoni ta’ diversi setturi tal-industrija se toħloq ekosistema kollaborattiva tar-R&I aktar aġli u favur l-SME.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

L-ebda impatt sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

Kontribuzzjoni pożittiva dwar id-drittijiet fundamentali (id-dritt għas-saħħa u d-dritt għall-aċċess għall-kura tas-saħħa, inkluża l-kura preventiva u relatata mat-trattament);

Prodotti tas-saħħa żviluppati ġodda bbażati fuq id-data u għodod diġitali jista’ jkollhom implikazzjonijiet għall-immaniġjar ta’ data personali tas-saħħa u b’hekk għad-drittijiet ta’ privatezza;

L-għodod diġitali jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-katina tal-valur u fuq l-istandardizzazzjoni tas-“saħħa intelliġenti”, u jappoġġaw it-tmexxija industrijali tal-UE;

L-ebda impatt fuq is-simplifikazzjoni, fuq l-aspetti regolatorji jew fuq il-piżijiet amministrattivi.

Proporzjonalità? 

L-għażla ppreferuta hija proporzjonata għal dak li hu meħtieġ biex jiġu indirizzati l-problemi inkwistjoni.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

L-inizjattiva se tiġi rieżaminata f’konformità mad-dispożizzjonijiet u mad-deċiżjonijiet ta’ Orizzont Ewropa li għandhom jiġu stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill rilevanti.


Brussell, 23.2.2021

SWD(2021) 38 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa

Sħubija Ewropea għat-Teknoloġiji Diġitali Ewlenin


{COM(2021) 87 final} - {SEC(2021) 100 final} - {SWD(2021) 37 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar sħubija Ewropea istituzzjonalizzata potenzjali għat-teknoloġiji diġitali ewlenin

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

“It-teknoloġiji diġitali ewlenin” (KDTs) huma komponenti u sistemi elettroniċi li jirfdu l-prodotti u s-servizzi diġitali kollha. Huma jitqiesu bħala essenzjali għaliex huma l-elementi kostitwenti bażiċi tas-sistemi diġitali.

Jekk l-UE ma żżommx it-tmexxija tagħha fil-komponenti u s-sistemi elettroniċi, qed tirriskja li titlef il-pożizzjoni b’saħħitha tagħha fis-suq f’setturi bħal dak awtomobilistiku, tal-kura tas-saħħa, tal-manifattura industrijali, tal-ajruspazju u tas-sigurtà.

Qed tirriskja wkoll li tkun segwaċi fil-paradigmi u t-teknoloġiji emerġenti, bħall-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-edge computing, u s-swieq assoċjati li qed joħolqu domanda għall-komponenti u għas-sistemi elettroniċi li se jkollhom bżonn juru livelli ta’ prestazzjoni li jkunu differenti minn dawk disponibbli llum.

Problema kbira li l-UE se tħabbat wiċċha magħha hija s-sigurtà tal-provvista ta’ teknoloġiji ta’ komponenti affidabbli, siguri u sikuri għall-infrastrutturi kritiċi u għas-setturi industrijali li huma vitali għall-ekonomija.

In-nonallinjament ta’ dawn il-KDTs mal-prijoritajiet politiċi tal-UE se jċaħħadha minn strument ewlieni għall-ingranaġġ tat-trasformazzjoni diġitali fl-indirizzar tal-għanijiet soċjetali u ambjentali tagħha.

X’jenħtieġ li jinkiseb?

Sforz tar-R&I ta’ skala suffiċjenti u bi grad suffiċjenti ta’ koordinazzjoni biex tinġabar massa kritika ta’ riżorsi, jiġu organizzati diversi kompetenzi u interessi, u jitmexxew lejn aġenda komuni bl-għanijiet li ġejjin li jridu jinkisbu sal-2030:

1.Ninfurzaw is-sovranità teknoloġika tal-UE fil-komponenti u fis-sistemi elettroniċi biex nappoġġaw il-bżonnijiet futuri ta’ industriji “vertikali” u l-ekonomija b’mod ġenerali

Niżguraw li l-UE tibqa’ fuq quddiem tat-teknoloġija fil-komponenti elettroniċi avvanzati u fis-sistemi li jikkontribwixxu għal katini tal-valur strateġiċi reżiljenti. Din se tkun dejjem aktar kritika hekk kif it-trasformazzjoni diġitali tiżviluppa u t-teknoloġiji diġitali jixxerrdu fis-setturi kollha.

Jenħtieġ li sovranità akbar issarraf fl-irduppjar fil-valur tad-disinn u tal-produzzjoni ta’ komponenti u sistemi elettroniċi fl-UE sal-2030, f’konformità mal-piż tagħha fil-prodotti u fis-servizzi b’mod ġenerali.

2.Nistabbilixxu eċċellenza xjentifika u tmexxija innovattiva tal-UE fil-komponenti u fis-sistemi tat-teknoloġiji emerġenti

Il-minjaturizzazzjoni ulterjuri lejn il-limiti fiżiċi, il-penetrazzjoni rapida tal-IA, u l-ħolqien tal-edge computing u ta’ paradigmi alternattivi tal-computing, jiftħu opportunitajiet ġodda għall-komponenti u s-sistemi elettroniċi u għall-applikazzjonijiet tagħhom. Bażi xjentifika solida fl-oqsma emerġenti tista’ tippermetti lill-UE biex taħtaf dawn l-opportunitajiet. L-SMEs u n-negozji ġodda attivi fit-teknoloġiji emerġenti jistgħu jibbenefikaw minn ekosistemi ġodda u jgħinuhom jissawru.

Jenħtieġ li l-SMEs ikunu responsabbli għal mill-inqas terz tal-għadd totali ta’ parteċipanti f’inizjattiva KDT u jirċievu mill-inqas 20 % tal-finanzjament pubbliku.

3.Niżguraw li l-komponenti u s-sistemi tat-teknoloġiji jindirizzaw l-isfidi soċjetali u ambjentali tal-UE

L-UE u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali jaqdu rwol essenzjali f’inizjattiva koordinata u jiżguraw l-allinjament tagħha mal-prijoritajiet politiċi. Jenħtieġ li l-komponenti elettroniċi u s-sistemi tat-teknoloġiji jipprovdu l-livelli t-tajba ta’ affidabbiltà u ta’ privatezza u jikkontribwixxu għall-objettivi ambjentali tal-UE.

L-inizjattiva se timmira lejn tnaqqis fil-konsum tal-enerġija ta’ 32,5 % sal-2030 1 .

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

Il-komponenti u s-sistemi elettroniċi jirfdu l-katini tal-valur industrijali li għandhom impatt soċjali u ekonomiku sinifikanti madwar l-Ewropa.

Il-pass mgħaġġel tal-progress teknoloġiku fl-industrija, flimkien mal-fatt li l-Istati Uniti tal-Amerka u l-pajjiżi tal-Ażja qed jinvestu bil-kbir sabiex ikunu fuq quddiem u biex jimminimizzaw id-dipendenzi tagħhom fuq reġjuni oħra, jeħtieġ rispons koordinat fil-livell tal-UE.

L-ebda pajjiż jew organizzazzjoni ma jkun kapaċi jwassal fuq l-objettivi ta’ hawn fuq. Il-mobilizzazzjoni fil-livell tal-UE biss, bl-involviment tal-Istati Membri u tal-industrija, se tiżgura l-approċċ strateġiku meħtieġ u l-massa kritika ta’ riżorsi, ta’ kompetenzi u ta’ interessi.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet biex jinkisbu l-objettivi? Hemm jew le xi għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

Kienu kkunsidrati l-għażliet li ġejjin bħala mezz ta’ sostenn għar-R&I:

·sejħiet għal proposti tradizzjonali fil-programm qafas (għażla ta’ linja bażi);

·sħubija Ewropea koprogrammata (għażla 1); u

·sħubija Ewropea istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 187 TFUE (għażla 3).

L-isħubija Ewropea istituzzjonalizzata hija l-għażla ppreferuta, għaliex din tiżgura li l-industrija usa’ tas-sistemi u tal-komponenti elettroniċi jieħdu rwol attiv fl-istabbiliment tal-aġenda tar-R&I, flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi (fil-livelli tal-UE u dawk nazzjonali), biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija hawn fuq. Din se tippermetti impenn sostenibbli mill-membri tas-sħubija fuq programm miftiehem ta’ seba’ snin u tipprovdi struttura stabbli għall-implimentazzjoni effiċjenti u għall-koordinazzjoni mal-inizjattivi relatati. Se tintalab interazzjoni b’mod partikolari mas-sħubijiet iffukati fuq id-diġitali (pereżempju l-fotonika, EuroHPC, is-siti ta’ networking soċjali, l-IA, id-data u r-robotika) u l-oqsma ta’ applikazzjoni (is-saħħa, il-karozzi, il-manifattura, l-ispazju).

Il-valutazzjoni sabet li din l-għażla tipprovdi l-aktar “direzzjonalità” (li tiżgura l-allinjament ma’ aġenda tar-R&I) u “addizzjonalità” (li tassigura l-effetti ta’ ingranaġġ).

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Meta l-Istati Membri ġew ikkonsultati dwar is-sħubijiet ta’ Orizzont Ewropa, 96 % ikkunsidraw sħubija għal KDTs rilevanti għall-politiki u l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom, u għall-industrija, għall-organizzazzjoni ta’ riċerka u għall-universitajiet tagħhom.

Fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa, 82 % tar-rispondenti indikaw li inizjattiva KDT tkun rilevanti jew rilevanti ħafna biex jiġi żgurat l-aċċess għall-komponenti u għas-sistemi affidabbli. B’mod partikolari, din il-fehma ġiet appoġġata mill-assoċjazzjonijiet industrijali, l-universitajiet, l-RTO, l-Istati Membri u l-kumpaniji kbar.

Ħafna mir-rispondenti (‘il fuq minn 40 %) sabu li l-isħubija istituzzjonalizzata hija l-aktar għażla adattata. Din tirrappreżenta sezzjoni trażversali bbilanċjata tal-industrija (negozji kbar u SMEs), tal-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u tal-Istati Membri. Il-partijiet ikkonċernati li ġew intervistati għall-istudju li jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt, ukoll appoġġaw bis-sħiħ din l-għażla.

Il-fehmiet tal-minoranza (pereżempju mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka) indikaw li din l-għażla kellha riskju ta’ kumplessità akbar. Madankollu, l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri u tal-prattiki huma indirizzati fl-inizjattiva proposta.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Sħubija abbażi tal-Artikolu 187 TFUE tista’:

·tappoġġa aġenda strateġika tar-R&I tal-UE (SRIA) dwar il-komponenti elettroniċi u s-sistemi ta’ teknoloġiji, tallinja l-UE, l-istati parteċipanti u l-prijoritajiet tal-industrija biex tinkiseb massa kritika;

·isserraħ fuq impenji ta’ kontribuzzjoni minn qabel mill-membri pubbliċi (UE u nazzjonali) u privati fis-sħubija;

·tipprovdi struttura ġestita b’mod ċentrali li tappoġġa l-involviment fit-tul ta’ membri privati għall-implimentazzjoni ta’ programm ambizzjuż; u

·twassal ingranaġġ għoli ta’ 1:3 u tgħaqqad il-finanzjament tal-UE mal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u l-industrija (EUR 1 mill-UE, EUR 1 mill-istati parteċipanti, EUR 2 mill-membri privati), għall-mobilizzazzjoni ta’ massa kritika ta’ riżorsi tar-R&I.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Filwaqt li inizjattiva KDT futura se tadotta l-istruttura attwali tal-ECSEL, il-kost tal-implimentazzjoni tal-għażla ppreferuta huwa l-kost operazzjonali ta’ uffiċċju ta’ impriża konġunta għall-perjodu tal-inizjattiva. Dan il-kost huwa paċut fil-parti l-kbira mill-benefiċċji msemmija hawn fuq, b’mod partikolari l-effetti tal-ingranaġġ tal-kofinanzjament biex tintlaħaq l-iskala ta’ riżorsi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-għanijiet ambizzjużi. L-impriża konġunta ECSEL se tiġi adattata għas-sħubija KDT u l-kostijiet tal-implimentazzjoni ġenerali jkunu jibqgħu l-istess.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Rakkomandazzjoni waħda mill-valutazzjoni interim tal-ECSEL hija li jiġi stimulat involviment iktar attiv mill-SMEs. L-enfasi fuq teknoloġiji emerġenti u l-objettiv li tinbena kapaċità tad-disinn (oqsma li fihom l-SMEs huma partikularment attivi) x’aktarx li jiġbed għadd akbar ta’ kumpaniji żgħar lejn l-inizjattivi fi rwoli aktar rilevanti. Huma previsti attivitajiet speċifiċi (pereżempju l-aċċess u l-esperimentazzjoni tat-teknoloġija) biex jinvolvu fornituri u utenti żgħar fl-ekosistema.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Is-sħubija KDT hija bbażata fuq mudell tripartitiku (il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-industrija) b’kontribuzzjonijiet finanzjarji u bl-involviment amministrattiv mill-istati parteċipanti (l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati). Dan il-mudell bħalissa qed jintuża b’suċċess fl-Impriża Konġunta ECSEL.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

Fl-iżvilupp u fl-adozzjoni ta’ komponenti elettroniċi u ta’ sistemi tat-teknoloġiji, se jitqiesu d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari s-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza taċ-ċittadini.

Proporzjonalità? 

L-għażla ppreferuta tipprovdi l-elementi kollha biex jinkisbu l-objettivi u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Is-sħubija se tiġi rieżaminata b’mod regolari fil-livelli tal-proġett, tat-teknoloġija/tas-settur u tal-programm. Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu minn panel indipendenti ta’ esperti hija ppjanata wara tliet snin ta’ operazzjoni. Evalwazzjonijiet regolari se jivvalutaw il-progress fir-rigward tal-objettivi tal-inizjattivi, tal-impatti mistennija u tal-kontribuzzjonijiet għall-prijoritajiet ta’ politika tal-UE.

(1)

     Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).


Brussell, 23.2.2021

SWD(2021) 38 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa

Sħubija Ewropea għal Networks u Servizzi Intelliġenti

{COM(2021) 87 final} - {SEC(2021) 100 final} - {SWD(2021) 37 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ 2 paġni)

Valutazzjoni tal-impatt dwar sħubija Ewropea istituzzjonalizzata potenzjali għal networks u servizzi intelliġenti 1

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

L-industrija Ewropea tan-networks u tas-servizzi qed taffaċċja sfidi ta’ kompetittività industrijali u ta’ sovranità teknoloġika fir-rigward tal-varar tal-infrastrutturi 5G bħala bażi tas-swieq diġitali ewlenin, u r-riċerka u l-innovazzjoni dwar is-sistema 6G. Il-problemi jinkludu:

·in-nuqqas ta’ ħila tal-Ewropa li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija;

·is-sovranità teknoloġika limitata fir-rigward ta’ teknoloġiji kritiċi ta’ network intelliġenti u ta’ ktajjen tal-valur tas-servizzi, b’mod partikolari minħabba l-kompetizzjoni globali li dejjem qiegħda tikber għall-fornituri Ewropej;

·il-varar bil-mod ta’ pjattaformi ta’ infrastruttura għas-swieq diġitali ewlenin; u

·l-interess limitat fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet soċjetali bħat-tibdil fil-klima permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali.

Il-kawżi prinċipali tal-problemi huma:

ûil-kapaċitajiet insuffiċjenti tal-5G biex jirrispondi għar-rekwiżiti avvanzati ta’ komunikazzjoni u ta’ computing;

ûil-preżenza insuffiċjenti tal-atturi tal-UE fil-ktajjen tal-valur diġitali globali;

ûin-nuqqas ta’ integrazzjoni fil-ktajjen tal-valur tal-UE;

ûil-varar bil-mod tal-5G;

ûil-ħtieġa għaċ-ċibersigurtà, għall-etika u għall-privatezza; u

ûn-nuqqas ta’ effiċjenza enerġetika.

Il-kwistjonijiet ta’ hawn fuq huma mistennija li jwasslu għal sovranità diġitali limitata fir-rigward ta’ teknoloġiji kritiċi tan-networks intelliġenti u tal-ktajjen tal-valur tas-servizzi, għan-nuqqas ta’ pjattaformi ta’ infrastruttura għall-innovazzjoni u għar-riskju li taqa’ lura fir-riċerka dwar in-networks u s-servizzi bbażati fuq is-6G.

X’jenħtieġ li jinkiseb?

L-għan huwa li tiġi żgurata s-sovranità teknoloġika fir-rigward tan-networks intelliġenti u l-ktajjen tal-valur tas-servizzi. F’dan il-kuntest, l-għan huwa li tippermetti lill-atturi Ewropej biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tar-R&I għat-teknoloġiji tas-6G bħala bażi għas-servizzi diġitali futuri fil-perjodu sal-2030. L-inizjattiva għandha wkoll l-għan li trawwem l-iżvilupp tas-swieq ewlenin għall-infrastruttura u għas-servizzi tal-5G fl-Ewropa. Iż-żewġ settijiet ta’ attivitajiet (għall-varar tal-infrastruttura tal-5G u għar-R&I tas-6G) se jrawmu l-allinjament ta’ networks u servizzi intelliġenti futuri mal-politika u mal-ħtiġijiet soċjetali tal-UE, inklużi l-effiċjenza enerġetika, il-privatezza, l-etika u ċ-ċibersigurtà.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

Din is-sħubija se tindirizza sfidi transfruntiera/tranżnazzjonali, il-ġbir flimkien tar-riżorsi, il-pjanijiet direzzjonali strateġiċi, il-ħtieġa għal massa kritika biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika u l-ħtieġa li jiġu kkoordinati atturi differenti fis-setturi differenti tal-ekonomija diġitali, li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod daqstant effettiv mill-Istati Membri li jaġixxu waħedhom, b’mod partikolari fir-rigward tar-R&I dwar is-sistemi tas-6G.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet biex jinkisbu l-objettivi? Hemm jew le xi għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

L-għażliet huma kif ġej:

·għażla ta’ linja bażi — sejħiet għal proposti tradizzjonali fil-programm qafas;

·għażla 1 — sħubija Ewropea koprogrammata;

·għażla 2 — sħubija Ewropea istituzzjonalizzata.

L-għażla ppreferuta hija l-għażla 2, li x’aktarx ikollha l-akbar impatt xjentifiku, ekonomiku u soċjetali u l-ikbar koerenza, għalkemm hija l-aktar waħda għalja u kumplessa.

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-partijiet ikkonċernati rrikonoxxew l-importanza ta’ approċċ ta’ sħubija għall-ekosistema Ewropea futura tan-networks u tas-servizzi fil-ktajjen tal-valur diġitali kollha. Il-konsultazzjoni indikat preferenza għal sħubija koprogrammata jew istituzzjonalizzata, iżda ħafna rispondenti, inklużi l-atturi ewlenin, enfasizzaw ukoll li huma miftuħa għaż-żewġ mudelli, skont għadd ta’ fatturi amministrattivi u legali.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Il-benefiċċji huma mmassimizzati b’mod ċar fl-għażla ta’ sħubija istituzzjonalizzata (għażla 2) li din se:

1.    tkun aktar effettiva, speċjalment f’termini ta’ impatti ekonomiċi, teknoloġiċi u soċjetali, billi tiżgura impenn aktar b’saħħtu mill-parti kkonċernata u tikkontribwixxi għall-attivitajiet ta’ regolament u ta’ standardizzazzjoni, u li tippubblika l-politiki pubbliċi inklużi s-sovranità teknoloġika u l-objettivi tal-“patt ekoloġiku”;

2.    ittejjeb il-koerenza esterna permezz ta’ sensibilizzazzjoni effettiva lejn inizjattivi oħra u mandat ċar biex tistabbilixxi s-sinerġiji ma’ programmi tal-UE, nazzjonali u reġjonali, b’mod partikolari għall-varar; u

3.    toffri effiċjenza kumplessiva tajba, minkejja l-kostijiet addizzjonali.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Il-kostijiet huma relatati mal-istabbiliment ta’ impriża konġunta u l-operazzjoni tagħha.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Il-kumpaniji tal-UE fil-qasam tan-networking, tal-cloud computing u tal-“internet tal-oġġetti” se jibbenefikaw l-aktar, kif se jibbenefikaw ukoll il-kumpaniji fl-industriji “vertikali”. Jenħtieġ li l-inizjattiva tgħinhom ukoll biex jimmassimizzaw l-effettività tal-investimenti tar-R&I u tgħaġġel il-proċess tal-iżvilupp, li jtejjeb il-kompetittività tagħhom. L-SMEs u l-mikrointrapriżi tal-UE fil-qasam se jesperjenzaw benefiċċji ekonomiċi diretti u indiretti. Is-sħubija mhux se timponi obbligi regolatorji fuqhom; iżda, se tiftaħ opportunitajiet f’termini ta’ tnaqqis tal-kostijiet għad-disinn ta’ prodotti ġodda u tgħinhom jiksbu aċċess aktar faċli għall-investiment biex jużaw soluzzjonijiet kummerċjabbli fis-skala tal-UE.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

L-impatt fuq il-baġits u l-amministrazzjoni nazzjonali se jkun limitat għall-parteċipazzjoni tal-governanza.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

Se jkun hemm impatti pożittivi fuq il-kompetittività, fuq l-istandardizzazzjoni globali u l-kummerċ relatat u fuq l-investiment.

Proporzjonalità? 

L-għażla ppreferuta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiġi solvuta l-problema oriġinali.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Is-sħubija se tiġi rieżaminata f’konformità mal-politika standard ta’ Orizzont Ewropa dwar ir-rieżami tas-sħubijiet, li x’aktarx se tinkludi r-rieżamijiet tal-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni annwali (KPI) u r-rieżami fil-fond f’nofs it-terminu u lejn it-tmiem ta’ Orizzont Ewropa.

(1)

     “Networks u servizzi intelliġenti” huwa titolu provviżorju; dan se jiġi aġġustat skont il-gwida fil-livell politiku għoli fil-ħin għall-addozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni.


Brussell, 23.2.2021

SWD(2021) 38 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa

Sħubija Ewropea għat-Trasformazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Ewropa

{COM(2021) 87 final} - {SEC(2021) 100 final} - {SWD(2021) 37 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ 2 paġni)

Valutazzjoni tal-impatt dwar sħubija Ewropea għat-trasformazzjoni tas-sistema ferrovjarja tal-Ewropa

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Il-problema li għandha tiġi indirizzata hija n-nuqqas tal-industrija ferrovjarja li tiżviluppa viżjoni komuni għall-bidla, billi tippermetti l-użu rapidu ta’ teknoloġiji moderni (speċjalment id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni) biex twassal sistema ferrovjarja interoperabbli bis-sħiħ, flessibbli u kosteffiċjenti.

Il-kawżi prinċipali huma:

·il-frammentazzjoni tal-industrija — l-użu effettiv tal-biċċa l-kbira tal-innovazzjonijiet f’sistema kumplessa ħafna teħtieġ il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, bejn l-infrastruttura u l-materjal fuq ir-roti, u bejn l-iżviluppaturi ta’ subsistemi differenti;

·il-ħtieġa għal koerenza bejn ir-R&I u l-istandardizzazzjoni/ir-regolamentazzjoni;

·il-parteċipazzjoni limitata u mhux koordinata fir-R&I;

·il-kostijiet għoljin, ir-riskji u ż-żmien ta’ tħejjija tar-R&I; u

·l-allinjament insuffiċjenti.

Il-konsegwenzi, li jaffettwaw lill-partijiet ikkonċernati kollha tul il-katina tal-valur, huma li s-settur ferrovjarju:

ûjikkontribwixxi b’mod limitat għal sistema tat-trasport aktar sostenibbli;

ûjiddependi fuq prodotti personalizzati, li huma għaljin u inflessibbli fl-operazzjoni; u

ûhuwa inqas kompetittiv vis-à-vis modi oħra ta’ trasport.

X’jenħtieġ li jinkiseb?

L-objettivi prinċipali huma: 

Øli jiġu mmodernizzati l-ferroviji fl-Ewropa biex jiżdied is-sehem tagħhom mis-suq;

Øli tappoġġa l-merkanzija bil-ferroviji sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport; u

Øli tavvanza t-tlestija ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea billi twettaq sistema ferrovjarja integrata u sostenibbli billi tieħu vantaġġ sħiħ mid-diġitalizzazzjoni u mill-awtomatizzazzjoni.

B’hekk, dan se jsaħħaħ il-kontribuzzjoni tal-industrija ferrovjarja għall-iżvilupp soċjetali fl-UE, iżid il-potenzjal u l-kapaċità tal-merkanzija bil-ferrovija, u jiżgura li r-R&I relatati mal-ferrovija jkunu bbażati fuq approċċ iffukat fuq l-utent li jkun aktar adattat għall-ħtiġijiet tas-suq.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

Strateġija komuni Ewropea għar-R&I relatati mal-ferroviji se tgħin tiżgura approċċ aktar koordinat u ffukat fuq is-suq li jkun kapaċi jlaqqa’ lill-partijiet ikkonċernati flimkien biex iwasslu viżjoni kumplessiva komuni. Din se tippermetti lill-industrija ferrovjarja tilħaq l-objettivi Ewropej tat-trasport u tal-politika aktar wiesgħa, billi żżid l-attraenza tat-trasport ferrovjarju meta jiġi mqabbel ma’ modi oħra.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet biex jinkisbu l-objettivi? Hemm jew le xi għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

L-għażliet huma li r-R&I ferrovjarja tiġi appoġġata permezz ta’:

·sejħiet għal proposti tradizzjonali ta’ Orizzont Ewropa;

·sħubija koprogrammata; jew

·sħubija istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 187 tat-TFUE.

Is-sħubija istituzzjonalizzata hija l-għażla ppreferuta, peress li hija l-unika waħda li tipprovdi pjattaforma għall-iżvilupp komuni tar-R&I li joffri viżjoni kumplessiva koerenti. Hija wkoll l-aħjar biex tipprovdi strateġija u impenn fit-tul mill-industrija u mill-UE. Hija tat prova tal-valur tagħha fl-impriża konġunta S2R attwali. L-istabbilità ta’ din l-għażla u l-impenji legalment vinkolanti mill-UE u mis-sħab tal-industrija se jkunu fundamentali biex il-partijiet ikkonċernati jkunu involuti wara l-pandemija tal-Covid-19 u l-impatti ekonomiċi mistennija tagħha, li jistgħu jinkludu tnaqqis fl-investiment tas-settur tar-R&I.

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Iktar minn 65 % tar-rispondenti indikaw li s-sħubijiet istituzzjonalizzati huma l-iktar mod xieraq biex jiġu indirizzati l-isfidi ferrovjarji u biex tiġi ttrasformata s-sistema ferrovjarja Ewropea. B’mod partikolari, huma semmew iċ-ċiklu sħiħ tal-iżvilupp ta’ prodott, l-impenn fit-tul u l-adozzjoni mis-suq.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Sħubija istituzzjonalizzata hija l-aħjar mod biex jiġi żgurat li s-setturi privati u pubbliċi jibqgħu impenjati bis-sħiħ fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ strateġija fit-tul għar-R&I ferrovjarja, filwaqt li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni wiesgħa mill-partijiet ikkonċernati ewlenin. Din l-għażla tiżgura impatti xjentifiċi, ekonomiċi, teknoloġiċi u soċjetali sostanzjali, eż, l-adozzjoni mis-suq ta’ soluzzjonijiet innovattivi u tnaqqis tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, se tingrana riżorsi finanzjarji industrijali in natura biex timmassimizza l-impatt tal-finanzjament tal-Kummissjoni.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)?

L-impriża konġunta S2R tiswa EUR 3.5 miljun (EUR 1.6 miljun kostijiet amministrattivi + EUR 1.9 miljun kostijiet tal-persunal) għal kull sena ta’ operazzjoni. Il-kostijiet operazzjonali totali tagħha ma jistgħux jaqbżu l-EUR 27 miljun (50 % mill-UE; 50 % mill-membri l-oħra). Dawn il-kostijiet ta’ linja bażi jenħtieġ li jiġu adattati abbażi tal-ambizzjoni, tal-programm u tal-baġit tas-Sħubija kandidata għat-Trasformazzjoni tas-Sistema Ferrovjarja tal-Ewropa.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Il-parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet kkonċernati u l-ħolqien ta’ networks li jgħaqqdu l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet li huma bbażati fuq ir-riċerka fil-kuntest tal-koordinazzjoni ta’ sħubija futura se trawwem involviment akbar mill-SMEs, li għandhom il-flessibilità biex jiżviluppaw l-innovazzjonijiet u jwassluhom fis-suq b’mod relattivament rapidu.

Sħubija istituzzjonalizzata jkollha impatt sinifikanti fuq il-kompetittività kemm tal-industrija tat-trasport ferrovjarju kif ukoll tal-industrija tal-provvista ferrovjarja. Din se tiżgura li proporzjon kbir tal-eżiti tar-R&I jiġu addottati mis-suq.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Sħubija istituzzjonalizzata tkun tista’ tissimplifika l-amministrazzjoni relatata mal-parteċipazzjoni tal-membri fl-attivitajiet tar-R&I. Din tista’ tiżgura l-allinjament bejn l-iżvilupp ta’ programmi nazzjonali tar-R&I ferrovjarja u għaldaqstant, użu kumplessiv tar-riżorsi pubbliċi.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

L-inizjattiva se:

üssaħħaħ b’mod sinifikanti d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE permezz ta’ enfasi akbar fuq l-integrazzjoni tas-sistemi ferrovjarji nazzjonali, reġjonali u lokali ma’ modi oħra ta’ trasport; u

ütippermetti djalogu effettiv bejn dawk involuti fl-attività tar-R&I u dawk responsabbli għall-politika u r-regolamentazzjoni ferrovjarja fil-livell internazzjonali u nazzjonali (inklużi l-korpi standard internazzjonali).

Proporzjonalità? 

Sħubija istituzzjonalizzata se tiżgura li s-setturi privati u pubbliċi jibqgħu involuti bis-sħiħ fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ strateġija fit-tul tar-R&I ferrovjarja, u tingrana riżorsi industrijali finanzjarji in natura biex timmassimizza l-impatt tal-finanzjament tal-Kummissjoni u twettaq il-prijoritajiet tal-“patt ekoloġiku”. Għaldaqstant, l-għażla ppreferuta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiġi solvuta l-problema oriġinali u biex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Se titwettaq evalwazzjoni interim tas-sħubija istituzzjonalizzata proposta, wara li tkun ilha topera għal tliet snin.


Brussell, 23.2.2021

SWD(2021) 38 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa

Sħubija Ewropea għall-Ġestjoni Integrata tat-Traffiku tal-Ajru

{COM(2021) 87 final} - {SEC(2021) 100 final} - {SWD(2021) 37 final}


Valutazzjoni tal-impatt dwar is-sħubija Ewropea għall-ġestjoni integrata tat-traffiku tal-ajru

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Minkejja l-progress sinifikanti li sar fl-aħħar għaxar snin dwar l-immodernizzar tal-infrastruttura tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM), sa 10 % tal-emissjonijiet tas-CO2 iġġenerati minn titjiriet huma kkawżati minn infrastruttura tal-ATM frammentata li ma tiħux vantaġġ sħiħ mid-diġitalizzazzjoni u mill-awtomatizzazzjoni; dawn l-emissjonijiet jistgħu jiġu evitati. Barra minn hekk, il-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti fuq it-trasport bl-ajru u kixfet id-dgħufijiet tas-sistemi tal-ATM attwali. Qatt qabel ma kien hemm din il-pressjoni fuq l-infrastruttura tal-ATM biex issir aktar kosteffiċjenti, reżiljenti u skalabbli għall-fluttwazzjonijiet fit-traffiku, u biex takkomoda tipi ġodda ta’ vetturi tal-ajru.

Iċ-ċiklu innovattiv fl-ATM jenħtieġ li jitqassar ukoll, biex jippermetti lill-atturi industrijali fis-settur biex jibqgħu kompetittivi u jappoġġaw firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet fit-trasport (eż il-passiġġieri, il-merkanzija, id-droni u l-mobbiltà fl-ajru urbana), fid-difiża u s-sigurtà (kooperazzjoni ċivili-militari fil-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru).

L-indirizzar ta’ dawn il-problemi multipli f’kuntest kumpless u li qed jevolvi b’mod rapidu jeħtieġ sforz kollettiv sostanzjali biex tingħata spinta lill-kooperazzjoni u lill-investiment fl-innovazzjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati minn kwalunkwe parti kkonċernata jew Stat Membru li jaġixxi waħdu. Min-natura tagħha, l-avjazzjoni hija internazzjonali u teħtieġ azzjoni komuni u kkoordinata.

X’jenħtieġ li jinkiseb?

L-objettiv huwa maqsum fi tlieta:

1)    l-ATM Ewropea tittieħed fl-era diġitali biex issir aktar reżiljenti u skalabbli għall-fluttwazzjonijiet fit-traffiku;

2)    tissaħħaħ il-kompetittività tat-trasport bl-ajru bi jew mingħajr ekwipaġġ fl-UE, biex jiġu appoġġati t-tkabbir ekonomiku u l-irkupru f’kuntest ta’ wara l-COVID;

3)    jiġi stabbilit l-“ajru uniku Ewropew” bħala l-ispazju tal-ajru l-aktar effiċjenti u favur l-ambjent fid-dinja.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE? 

L-intervent tal-UE (finanzjament u koordinazzjoni) huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi msemmija hawn fuq jiġu aċċellerati u ffukati aħjar 1 . Fil-prattika, dan ifisser li jlaqqgħu flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fis-settur, mill-manifatturi sal-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru, il-linji tal-ajru, l-ajruporti, l-istituti tar-riċerka u l-militari, biex jiġu żviluppati teknoloġiji trasformattivi u interoperabbli li jirrispondu għall-isfidi msemmija hawn fuq. Jekk il-problemi ma jiġux indirizzati permezz ta’ intervent tal-UE b’saħħtu u kkoordinat, huwa probabbli li programmi nazzjonali joħorġu fuq bażi ad hoc, speċjalment f’dinja wara l-COVID, li jirrisolvu kwistjonijiet lokali iżda li jżidu l-frammentazzjoni tan-network Ewropew għall-ATM.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet biex jinkisbu l-objettivi? Hemm jew le xi għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

L-għażliet ta’ politika (POs) ivarjaw skont il-grad ta’ flessibilità u addizzjonalità/direzzjonalità:

PO0: Sejħiet għal proposti ta’ Orizzont Ewropa — aġenda strateġika tar-riċerka stabbilita u kkonfermata mill-Kummissjoni, bil-kontribut mill-industrija;

PO1: Sħubija Ewropea koprogrammata — aġenda tar-R&I hija miftehma u kkoordinata mas-sħubija u użata mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni fil-programm ta’ ħidma;

PO2: sħubija Ewropea istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 187 tat-TFUE — il-membri tas-sħubija se jkollhom livell għoli ta’ influwenza fl-iżvilupp tal-aġenda strateġika tar-riċerka, fil-programmi ta’ ħidma annwali u fis-suġġetti tas-sejħiet, permezz ta’ proċess trasparenti u aċċessibbli, adottat mill-bord ta’ tmexxija tas-sħubija, li fih huma rrappreżentati kemm l-UE, kif ukoll is-sħab.

Il-PO1 pjuttost toffri kost aktar baxx u flessibilità akbar mill-PO2, bis-saħħa ta’ struttura ta’ sħubija organika li qed tevolvi u l-kamp ta’ applikazzjoni għall-adattament tal-aġenda tar-R&I.

Il-PO2 hija l-għażla ppreferuta, għaliex hi tistabbilixxi l-pjattaforma l-aktar effiċjenti, u kapaċi taċċellera l-għoti tal-akbar benefiċċji (ara hawn taħt). Meta mqabbla mal-PO1, din għandha wkoll l-akbar direzzjonalità u impenn aktar b’saħħu mill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet intergovernattiv bħal Eurocontrol, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).

Il-PO2 hija marġinalment l-aktar għażla għalja, iżda b’aktar minn 60 % tal-kostijiet koperti mis-sħab privati u l-akbar kapaċità biex joffru l-impatti mistennija, hija toffri l-aqwa valur għall-baġit tal-Unjoni.

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

B’mod kumplessiv, hemm livell għoli ta’ ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati dwar il-problemi, l-objettivi u l-għażla ppreferuta għall-futur. Aktar minn 70 % tat-tweġibiet fil-konsultazzjoni pubblika appoġġaw l-istabbiliment mill-ġdid tas-sħubija istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 187 tat-TFUE, u indikaw li s-settur jeħtieġ intervent qawwi mill-UE biex imexxi programm Ewropew uniku tar-R&I li jinvolvi l-partijiet ikkonċernat b’mod kontinwu matul il-katina tal-valur kollha biex iwassal soluzzjonijiet interoperabbli li, ladarba jkunu varati, itejbu l-prestazzjoni u s-sikurezza tas-sistemi tal-ATM fl-UE.

Fehmiet prinċipali oħra:

·Jenħtieġ li s-sħubija jkollha rabtiet aħjar bejn ir-R&I u l-industrijalizzazzjoni;

·Jenħtieġ li tappoġġa l-addozzjoni mis-suq u l-varar;

·Jenħtieġ li l-proċeduri amministrattivi jiġu ssimplifikati;

·Jenħtieġ li jkun hemm involviment aktar mill-qrib mal-EASA u mal-awtoritajiet nazzjonali, sinerġiji aħjar mas-sħubijiet tar-R&I u mal-inizjattivi nazzjonali, u rabtiet aħjar mal-akkademja.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Impatti xjentifiċi: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet xjentifiċi tal-UE u l-għarfien dwar l-ATM; it-twessigħ tal-kompetenzi tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-professjonisti tal-avjazzjoni;

Impatti ekonomiċi/teknoloġiċi: iż-żieda fl-iskalabilità u s-sikurezza tas-sistemi tal-ATM; opportunitajiet ġodda sabiex is-suq tad-droni jikber; it-tisħiħ tar-rwol ta’ tmexxija globali tal-industrija Ewropea ajruspazjali u tal-avjazzjoni;

Impatti soċjali: it-tnaqqis tal-istorbju tal-avjazzjoni u tal-emissjonijiet tal-gass b’marġni ugwali għall-emissjonijiet tas-CO2 ta’ żona metropolitana kbira tal-UE (eż Madrid); esperjenza tal-passiġġier imtejba (tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar, fid-dewmien u tal-kostijiet, u konnettività aħjar).

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Il-kostijiet addizzjonali prinċipali mqabbla mal- PO0 huma t-tħejjija u l-kostijiet operazzjonali tal-back office tas-sħubija. Madankollu, meta jitqies l-ingranaġġ finanzjarju (ir-rati ta’ kofinanzjament) u l-baġit totali disponibbli għal kull għażla ta’ politika, jekk tiġi preżunta kontribuzzjoni simili tal-Unjoni , il-kost tal-għażla ta’ politika ppreferuta taqbeż dik tal-aktar waħda effiċjenti b’1-2 punti perċentwali biss. Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li sħab oħra, inklużi dawk istituzzjonali, huma lesti li jkopru aktar minn 60 % tal-kostijiet amministrattivi tal-impriża konġunta.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

L-SMEs x’aktarx li jkollhom rwol importanti fis-sħubija, għaliex huma rrappreżentati tajjeb fit-teknoloġiji diġitali u fl-attivitajiet tad-data u tad-dron. Li jkun hemm struttura ta’ sħubija miftuħa u sejħiet miftuħa se jagħmluha aktar faċli għall-SMEs biex jipparteċipaw milli kien fil-passat.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Ma hu mistenni l-ebda impatt fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali, bis-saħħa tal-allinjament tal-istrateġiji. L-involviment attiv tal-Istati Membri fis-sħubija għandu jsaħħaħ l-impenn tagħhom għat-teknoloġiji li jirriżultaw u jżidu l-adozzjoni tagħhom u l-varar sinkronizzat madwar l-UE.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

Is-sħubija proposta se tkun strumentali biex tipprovdi l-evidenza rilevanti xjentifika u teknoloġika fl-avjazzjoni biex tgħin lil dawk li jfasslu l-politika u lir-regolaturi biex jadottaw l-aqwa miżuri regolatorji biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima u d-diġitalizzazzjoni.

Proporzjonalità? 

Fil-PO1, is-sħab għandhom il-flessibilità li jingħaqdu jew joħorġu mis-sħubija. L-aġenda tar-R&I tista’ wkoll tiġi adattata faċilment hekk kif it-teknoloġija jew ir-rekwiżiti l-oħra jevolvu.

Il-PO2 titlob impenn (finanzjarju) aktar b’saħħtu, li huwa ġġustifikat mill-effettività miżjuda u l-kapaċità li tiġi aċċellerata it-trasformazzjoni diġitali tal-ATM tant meħtieġa.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-mod ta’ implimentazzjoni tliet snin wara l-ħolqien tas-sħubija.

(1)

     F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-QEA, SR 18/2018, SR 11/2019.


Brussell, 23.2.2021

SWD(2021) 38 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa

Sħubija Ewropea dwar Avjazzjoni Nadifa

{COM(2021) 87 final} - {SEC(2021) 100 final} - {SWD(2021) 37 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ 2 paġni)

Valutazzjoni tal-impatt tas-Sħubija Ewropea dwar Avjazzjoni Nadifa

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

L-impronta ekoloġika tal-avjazzjoni qiegħda tikber għaliex it-titjibiet teknoloġiċi u operazzjonali inkrimentali li qed jiġu introdotti ma jistgħux ilaħħqu mat-tkabbir tat-trasport bl-ajru. Barra minn hekk, il-perkors lejn l-avjazzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima mhuwiex ċar, hekk kif is-soluzzjonijiet żviluppati f’setturi oħra ma jistgħux jiġu introdotti faċilment fl-avjazzjoni. Tul l-2019 fl-UE, l-avjazzjoni rrappreżentat EUR 823 biljun, jew 4,1 % tal-PDG tal-UE, u pprovdiet 12,2 miljun impjieg. Biex tinżamm it-tmexxija industrijali Ewropea u s-sovranità diġitali tal-UE fuq skala globali, filwaqt li fl-istess ħin jinkiseb il-Patt Ekoloġiku fl-avjazzjoni, hemm ħtieġa qawwija biex jiġi aċċellerat il-varar tas-soluzzjonijiet tar-R&I tal-UE fl-avjazzjoni. Hija meħtieġa mobilizzazzjoni tal-kapaċità tar-R&I, attwalment frammentata, tal-katina tal-valur tal-avjazzjoni Ewropea kollha biex jiġu żviluppati t-teknoloġiji b’impatt newtrali fuq il-klima fil-perjodu ta’ żmien tal-Patt Ekoloġiku.

X’jenħtieġ li jinkiseb?

L-objettiv primarju, b’rispons għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, huwa li jikkontribwixxi għall-impatt newtrali fuq il-klima sal-2050, b’pass intermedju madwar l-2030, billi jiġi aċċellerat l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-avjazzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima. Flimkien mal-varar fuq skala kbira u mal-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli ġodda, newtrali jew kompletament dekarbonizzati bħal fjuwils sintetiċi mill-elettriku għal fjuwil likwidu, il-metan u/jew l-idroġenu, il-flotta operattiva fl-2050 tista’ tikseb titjib ta’ iktar minn 90 % fl-effiċjenza fl-emissjonijiet tal-karbonju meta mqabbel mal-flotta tal-lum. It-tieni objettiv ġenerali jkun li jiġi żgurat li l-attività tar-R&I relatata mal-ajrunawtika tikkontribwixxi għall-kompetittività globali tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE billi tiżgura li l-avjazzjoni l-aktar nadifa tibqa’ sikura, sigura u effiċjenti għat-trasportazzjoni ta’ passiġġieri u ta’ oġġetti bl-ajru. It-tielet objettiv ikun li tkompli tiġi avvanzata l-kapaċità Ewropea tar-R&I biex jiġi aċċellerat u ottimizzat il-proċess tar-R&I. Lil hinn mit-tmexxija industrijali, ir-riċerka tal-avjazzjoni se tiffoka wkoll fuq l-edukazzjoni, it-tisħiħ u l-integrazzjoni tal-kapaċità xjentifika tal-UE u fil-ħolqien ta’ aktar SMEs intensivi tar-R&I.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

Ir-raġunament tal-intervent tal-UE joriġina mill-kumplessità enormi tal-isforz u tal-ħtieġa relatata għall-kondiviżjoni tar-riskju, u jikkunsidra l-kostijiet għoljin tal-iżvilupp u tad-dimostrazzjoni ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi. La kumpanija unika tal-ajrunawtika, u lanqas il-kumpaniji kollha minn pajjiż wieħed flimkien, ma jistgħu jiddisinjaw inġenju tal-ajru ċivili ġdid, u jilħqu n-newtralità klimatika għall-avjazzjoni.

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ħtiġijiet tar-riċerka kollha jkunu koerenti mal-miżuri u mal-inċentivi tas-suq, kif ukoll jeħtieġu qafas regolatorju u ta’ standardizzazzjoni robust u modern, li jista’ jiġi ddisinjat biss fil-livell tal-UE u permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali. Fl-istess ħin, l-azzjoni tal-UE tippermetti kooperazzjoni effettiva fl-iskala tal-UE, filwaqt li toħloq sinerġiji ma’ setturi oħra, u ma’ pajjiżi mingħajr industrija kbira tal-avjazzjoni.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet biex jinkisbu l-objettivi? Hemm jew le xi għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

L-għażla ppreferuta hija li tiġi appoġġata r-riċerka kollaborattiva u fundamentali permezz ta’ sejħiet tradizzjonali ta’ Orizzont Ewropa, flimkien ma’ sħubija pubblika-privata istituzzjonalizzata (PPP) skont l-Artikolu 187 tat-TFUE dedikat għall-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-avjazzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima għall-varar bikri kemm jista’ jkun possibbli. PPP istituzzjonalizzata, mhux bħall-għażliet l-oħra ta’ sejħiet tradizzjonali biss jew ta’ PPP kuntrattwali, toffri l-livell, il-profondità u t-tul tal-impenn meħtieġ.

X’jidrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Waqt il-konsultazzjoni pubblika dwar l-istudju tal-Valutazzjoni tal-Impatt, 80 % tar-rispondenti ssuġġerew li sħubija Ewropea istituzzjonalizzata jkollha effett sinifikanti (pożittiv) u tkun “rilevanti ħafna” għaż-żieda fit-tmexxija industrijali fit-teknoloġiji nodfa tal-avjazzjoni u għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Sejħiet għal proposti tradizzjonali mhumiex meqjusa xierqa biex jiżguraw l-adozzjoni tat-teknoloġija. Il-partijiet ikkonċernati kkonfermaw l-impenn tagħhom f’Dikjarazzjoni Konġunta (2019 Le Bourget Paris Airshow) u żviluppaw Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni (Strategic Research and Innovation Agenda, SRIA) għas-sħubija. Il-konsultazzjoni pubblika mwettqa fuq l-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni, enfasizzat l-interess għoli tal-partijiet ikkonċernati u tal-pubbliku. Il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw li l-Avjazzjoni Nadifa jenħtieġ li tkompli tiffoka fuq in-newtralità klimatika minkejja l-kriżi tal-COVID-19 li għandha impatt kbir.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

L-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Avjazzjoni Nadifa permezz ta’ sħubija istituzzjonalizzata tiżgura bl-aħjar mod li s-setturi privati u pubbliċi jibqgħu involuti bis-sħiħ fir-riċerka meħtieġa għall-iżvilupp u għall-varar ta’ soluzzjonijiet b’impatt newtrali fuq il-klima f’konformità mar-rekwiżiti tal-Patt Ekoloġiku. Dan huwa konsistenti mal-ingranaġġ ta’ riżorsi finanzjarji industrijali u in natura, biex jiġi massimizzat l-impatt tal-finanzjament tal-UE.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

L-Impriża Konġunta eżistenti Clean Sky 2 tirċievi EUR 1 755 biljun f’finanzjament tal-UE, u mill-inqas EUR 2,19 biljun mill-membri privati. Il-programm kollaborattiv tar-R&I tal-avjazzjoni f’Orizzont 2020 u fis-seba’ Programm Qafas kienu ta’ EUR 0,5 biljuni u ta’ EUR 0,8 biljuni rispettivament. L-għanijiet ambizzjużi tan-newtralità klimatika sal-2050 u ċ-ċiklu koerenti ġdid tar-riċerka tal-avjazzjoni lejn l-2050, mingħajr ma ninsew li l-avjazzjoni hija affettwata bil-kbir mill-kriżi tal-COVID-19, jiġġustifikaw żieda (ta’ madwar 25 % għal kull wieħed miż-żewġ pilastri tar-R&I).

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Simili għas-sejħiet tal-programmi l-oħra, madwar 20 % tas-sħab huma SMEs. Fil-programm Clean Sky 2, ftit aktar minn 40 % tas-sħab magħżula fl-għaxar sejħiet għal proposti sal-lum (60 % tal-programm totali) kienu SMEs, madwar kwart tal-fondi f’dawn is-sejħiet. Li tkun fuq quddiem fl-avjazzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima, se jibbenefika l-kompetittività tal-avjazzjoni tal-UE.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Ma hu mistenni l-ebda impatt partikolari fuq il-baġits nazzjonali.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Is-sħubija proposta se toħloq b’mod naturali sinerġiji mas-Sħubija Ewropea proposta għall-Ġestjoni Integrata tat-Traffiku tal-Ajru, iżda wkoll ma’ PPP rilevanti oħra. Kemm l-inizjattiva tal-idroġenu kif ukoll l-inizjattiva tal-batteriji jista’ jkollhom impatt enormi bħala faċilitaturi tal-avjazzjoni b’impatt newtrali fuq il-klima, jekk ir-riżultati tagħhom jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-settur tal-avjazzjoni.

Proporzjonalità? 

L-għażla ppreferuta hija proporzjonata għal-iskala tal-problema, meta titqies in-natura tranżnazzjonali u l-kumplessità u l-kost tal-avjazzjoni u tar-R&I tagħha.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Bl-użu ta’ evalwazzjoni interim, ir-rieżami biennali tal-Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u Innovazzjoni, u l-għażla ta’ Evalwatur tal-Impatt independenti qed jiġi investigat għall-adozzjoni tar-R&I. Ir-rwol tal-bord ta’ tmexxija tal-Avjazzjoni Nadifa se jissaħħaħ meta mqabbel ma’ Clean Sky 2 ta’ Orizzont 2020 għall-gwida strateġika aħjar u għas-segwitu ta’ proġett.


Brussell, 23.2.2021

SWD(2021) 38 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa

Sħubija Ewropea dwar Ewropa Ċirkolari b'Bażi Bijoloġika

{COM(2021) 87 final} - {SEC(2021) 100 final} - {SWD(2021) 37 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ 2 paġni)

Valutazzjoni tal-impatt dwar Sħubija Ewropea għal Ewropa ċirkolari b’bażi bijoloġika (CBE)

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Hemm kemm problemi ekonomiċi kif ukoll ambjentali, li huma indirizzati b’mod parallel. Il-problema ewlenija hija d-“defiċit triplu” fil-livell tal-innovazzjoni, tal-adozzjoni fis-suq u tas-sostenibbiltà. B’riżultat ta’ dan, l-attivitajiet tar-R&I mhumiex integrati biżżejjed fl-UE, li qed iwassal għal proċess ta’ innovazzjoni aktar bil-mod. B’mod parallel, is-soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika maturi eżistenti huma mxekkla milli jilħqu s-swieq u l-prestazzjoni ambjentali tagħhom mhijiex awtomatikament salvagwardjata. Il-problemi ewlenin xjentifiċi u teknoloġiċi li s-CBE tindirizza huma l-kooperazzjoni insuffiċjenti tar-R&I, tal-kooperazzjoni transsettorjali u tat-trasferiment tal-għarfien dwar is-soluzzjonijiet ċirkolari b’bażi bijoloġika u sostenibbli.

X’jenħtieġ li jinkiseb?

L-objettiv kumplessiv huwa li titmexxa ‘l quddiem it-tranżizzjoni soċjetali lejn ekonomija sostenibbli b’bażi bijoloġika billi tiżdied ir-R&I dwar is-soluzzjonijiet sostenibbli u kompetittivi biex tiżdied iċ-ċirkolarità, l-użu tal-bijomassa, tar-residwi u tal-iskart. Għandu wkoll l-għan li jieħu approċċ reġjonali meta jiġu implimentati l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) u l-Patt Ekoloġiku tal-UE sabiex tiġi aċċellerata t-tranżizzjoni lejn il-kunċett “Pjaneta f’Saħħitha”. L-objettivi xjentifiċi huma li jtejbu l-kapaċità tar-R&I dwar soluzzjonijiet ċirkolari b’bażi bijoloġika u li jiżguraw il-kondiviżjoni aħjar tal-għarfien, fi ħdan u bejn il-ktajjen tal-valur, u fl-Ewropa, u li jinkludu r-R&I dwar kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà. L-objettivi ekonomiċi huma li jtejbu l-kompetittività tar-reġjuni Ewropej fis-settur u li jindirizzaw in-nuqqasijiet tas-suq tal-industrija Ewropea b’bażi bijoloġika billi jżommu l-innovazzjoni u l-bijoraffineriji ġodda fi ħdan l-Ewropa. L-objettivi soċjetali ewlenin huma li jikkontribwixxu għal ekonomija ċirkolari li topera b’mod sostenibbli, u li jtejbu ċ-ċirkolarità tas-settur b’bażi bijoloġika, u b’hekk itejbu l-impronta ambjentali tiegħu.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

L-inizjattiva tgħaqqad l-għarfien espert u t-teknoloġiji disponibbli fl-Istati Membri tal-UE, fir-reġjuni u fil-ktajjen tal-valur, u b’hekk toħloq sinerġiji addizzjonali. Il-proġetti tas-CBE jistgħu jingħaqdu ma’ proġetti nazzjonali u ma’ proġetti appoġġati mill-fondi strutturali u reġjonali tal-UE. L-indirizzar tal-biċċa l-kbira tal-ostakli għal ekonomija b’bażi bijoloġika mhuwiex responsabbilità nazzjonali, iżda huwa pjuttost soġġett għar-regolament fil-livell tal-UE, bir-regoli pereżempju dwar: l-aspetti tal-provvista tal-bijomassa sostenibbli; il-ġibda tas-suq permezz ta’ miri; l-istandardizzazzjoni tal-prodott; l-iskemi tat-tikkettar u tal-akkwist pubbliku ekoloġiku; u l-prestazzjoni ambjentali. Mingħajr l-intervent fil-livell tal-UE, ikun hemm azzjoni insuffiċjenti fil-livell nazzjonali.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet biex jinkisbu l-objettivi? Hemm jew le xi għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

L-għażliet li ġejjin ġew ikkunsidrati bħala mezz ta’ appoġġ għar-R&I:

·sejħiet għal proposti tradizzjonali skont il-programm qafas (l-għażla ta’ linja bażi);

·sħubija Ewropea koprogrammata (għażla 1); u

·sħubija Ewropea istituzzjonalizzata skontl-Artikolu 187 tat-TFUE (għażla 3).

Għalkemm iż-żewġ għażliet ta’ sħubija kienu jwettqu riżultati aħjar minn sejħiet għal proposta normali, dik istituzzjonalizzata (għażla 3) tkun aħjar minn dik koprogrammata. Din l-għażla kellha l-ogħla punteġġ kumplessiv, minħabba impatti ekonomiċi u soċjali potenzjali akbar u koerenza akbar ma’ programmi esterni.

L-għażla 3 hija l-arranġament preferut għar-raġunijiet li ġejjin:

·Tista’ tikseb b’mod effettiv l-objettivi tal-programm billi tinvolvi sħab industrijali u atturi oħra impenjati (pereżempju l-Istati Membri, ir-reġjuni, l-akkademja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) li jaħdmu flimkien fil-kuntest ta’ mudell ta’ governanza xieraq. 

·Hi tipprovdi trasparenza adegwata u aċċess miftuħ fl-għażla tal-prijoritajiet u tal-objettivi u l-involviment ta’ sħab u tal-partijiet ikkonċernati mill-katina tal-valur kollha, minn setturi, ambjenti, dixxiplini differenti, inklużi l-atturi internazzjonali (fejn ikunu rilevanti u mingħajr interferenza mal-kompetittività Ewropea).

·Il-proċeduri fformalizzati tagħha se jippermettu l-parteċipazzjoni tal-SME, kif ukoll id-disseminazzjoni u l-użu tar-riżultati.

·Hi tipprovdi addizzjonalità għolja, jiġifieri potenzjal għoli għall-istrutturar tal-industriji b’bażi bijoloġiċi.

·Hi tiżgura direzzjonalità billi tifformalizza l-impenji tas-sħab biex jintlaħqu l-miri speċifiċi, li eventwalment se jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika fil-livell għoli.

·Dwar il-finanzjament, din tiżgura kontribuzzjonijiet finanzjarji u/jew in natura minn sħab għajr dawk tal-UE ta’ bejn il-50 % u l-75 % tal-baġit totali tas-sħubija Ewropea. Huwa mistenni li l-biċċa l-kbira tal-impenn finanzjarju se jkun in natura u — sa ċertu punt — jieħu l-forma ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji fi ħdan proġetti aktar milli fil-livell tal-programm.

·Il-koerenza u s-sinerġiji tagħha fi ħdan ix-xenarji tar-R&I tal-UE se jiġu żgurati permezz ta’ ftehimiet formali bejn l-inizjattiva proposta u inizjattivi oħra, kif ukoll permezz ta’ stabbiliment ta’ aġenda kokreattiva u l-impenn tat-tim ta’ appoġġ.

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

Il-maġġoranza (aktar minn 50 %) tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika indikaw li l-biċċa l-kbira tal-objettivi tas-sħubija kienu essenzjali, b’mod partikolari li jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE. Ir-rispondenti raw l-iżvilupp tal-konsorzji, il-katini tal-valur Ewropej u t-teknoloġija bħala vantaġġi, iżda kkunsidraw l-piż amministrattiv bħala żvantaġġ. L-akbar problema hija kkunsidrata l-lakuna tal-innovazzjoni tal-UE biex ir-riżultati ta’ riċerka jissarrfu fi prodotti innovattivi ċirkolari b’bażi bijoloġika. Il-maġġoranza (aktar minn 50 %) jikkunsidraw l-involviment tal-industrija bħala rilevanti ħafna, u l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kopertura tas-sħubija bħala waħda korretta. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati (54 %) li wieġbu għall-konsultazzjoni jikkunsidraw sħubija istituzzjonalizzata bħala l-aqwa arranġament biex jiġu indirizzati l-problemi, ġie nnutat appoġġ aktar baxx miċ-ċittadini.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

L-atturi kollha fl-ekonomija b’bażi ekoloġika jistgħu potenzjalment jibbenefikaw ekonomikament, billi jippermettu żvilupp reġjonali/lokali bbilanċjat. Huwa mistenni dħul ogħla u aktar sikur għall-produtturi primarji tal-bijomassa, anki f’dawk ir-reġjuni inqas favorevoli. Benefiċċji oħra huma t-tkabbir ekonomiku għall-SMEs, ingranaġġ aktar b’saħħtu tal-investimenti għall-bijoraffineriji u tal-operaturi ekonomiċi tagħhom (atturi industrijali), u l-involviment fit-tul u l-impenn tal-atturi kollha. Il-muniċipalitajiet u r-reġjuni huma mistennija li jiggwadanjaw billi jiffrankaw mill-kostijiet tar-rimi tal-iskart bijoloġiku.

L-impatt soċjetali huwa mistenni li jkun aċċess imtejjeb għall-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi b’bażi bijoloġika fl-Ewropa, ir-responsabbilizzazzjoni ta’ kommunitajiet lokali/reġjonali biex jiġġestixxu r-riżorsi naturali tagħhom, u l-ħolqien (jew ir-rikonverżjoni mtejba) ta’ bażi ta’ manifattura lokali/reġjonali ġdida. L-atturi tas-suq bħas-sidien tal-marka u l-konsumaturi se jkollhom aċċess għal aktar prodotti sostenibbli.

L-aktar importanti huma l-impatti ambjentali. Il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-bijomassa b’mod aktar sostenibbli u l-użu tal-bijomassa bħala materja prima se jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u jgħinu jevitaw il-kunflitti mal-produzzjoni tal-ikel, l-estrazzjoni żejda tal-bijomassa, u t-tibdiliet mhux sostenibbli tal-użu tal-art. Dan se jgħin biex jiġu preservati u restawrati l-ekosistemi u l-bijodiversità. Il-produzzjoni ta’ ċirku magħluq u l-valorizzazzjoni tal-bijoskart se jżidu ċ-ċirkolarità. Is-CBE se ttejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katini tal-valur, pereżempju, billi tirkupra n-nutrijenti għall-agrikoltura u għall-forestrija mill-flussi tal-iskart (inkluż l-ilma mormi) u r-residwi agrikoli.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Peress li l-għażla 3 tibni fuq l-istruttura eżistenti tal-Industriji b’Bażi Bijoloġika, se tinvolvi l-kostijiet operazzjonali ta’ uffiċċju ta’ Impriża Konġunta għad-durata tal-inizjattiva. Dan se jinvolvi EUR 30 miljun f’kostijiet amministrattivi għan-negozji u l-istess ammont għall-UE. Dan jirrappreżenta 1-2 % tal-kostijiet kumplessivi tal-inizjattiva. Dan il-kost huwa fil-biċċa l-kbira paċut mill-benefiċċji msemmija hawn fuq, u b’mod partikolari mill-effetti tal-ingranaġġ tal-kofinanzjament biex tintlaħaq l-iskala tar-riżorsi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-għanijiet ambizzjużi.

Mhumiex mistennija impatti negattivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali jew kostijiet tal-konformità.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Mhumiex mistennija effetti negattivi fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività. L-impatti kollha huma mistennija li jkunu pożittivi. Abbażi tal-esperjenza pożittiva ħafna mal-Impriża Konġunta dwar l-Industriji b’bażi Bijoloġika (l-involviment qawwi tal-SME fil-proġetti, inkluża l-koordinazzjoni tagħhom), l-għażla 3 għandha punteġġ għoli f’dan il-qasam.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Mhumiex mistennija impatti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali jew diffikultajiet fl-implimentazzjoni.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

Le, għaliex ġew deskritti kollha hawn fuq.

Proporzjonalità? 

L-għażla ppreferuta tipprovdi l-elementi kollha biex jintlaħqu l-objettivi u ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tiġi solvuta l-problema.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

F’konformità mal-iskeda ta’ żmien stabbilita fir-Regolament dwar l-Orizzont Ewropa, l-evalwazzjoni interim se titwettaq mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data tal-bidu tal-inizjattiva, u evalwazzjoni finali mhux aktar tard minn erba’ snin wara t-tmiemha.


Brussell, 23.2.2021

SWD(2021) 38 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta' Orizzont Ewropa

Sħubija Ewropea dwar Idroġenu Nadif

{COM(2021) 87 final} - {SEC(2021) 100 final} - {SWD(2021) 37 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv (Massimu ta’ 2 paġni)

Valutazzjoni tal-impatt dwar idroġenu nadif

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

Filwaqt li l-idroġenu huwa fjuwil nadif, bla emissjonijiet, xorta huwa aktar għali minn sorsi oħra tal-enerġija, u l-biċċa l-kbira jiġi mill-gass naturali, u jiġġenera d-diossidu tal-karbonju (CO2). Għandna bżonn nipproduċu l-“idroġenu nadif” minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jeliminaw l-emissjonijiet tas-CO2 mill-proċess. L-applikazzjonijiet tal-idroġenu nadif huma aktar għaljin mit-teknoloġiji f’kompetizzjoni, u għadhom mhumiex kompletament affidabbli jew ta’ kwalità suffiċjenti għall-adozzjoni. Hemm ukoll varar limitat fuq skala kbira tal-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-idroġenu nadif. Il-partijiet ikkonċernati tal-industrija u tar-riċerka Ewropea dwar l-idroġenu, flimkien mal-partijiet ikkonċernati tal-enerġija, tat-trasport u tal-industrija tal-kostruzzjoni huma l-aktar affettwati.

X’jenħtieġ li jinkiseb?

Il-kontribuzzjoni b’mod kwantifikabbli għall-kisba tal-għanijiet klimatiċi 2030 u għan-newtralità klimatika sal-2050. It-tisħiħ u l-integrazzjoni tal-kapaċità xjentifika tal-UE biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp u t-titjib tal-applikazzjonijiet avvanzati tal-idroġenu nadif li huma lesti għas-suq, għall-użi finali tal-enerġija, tat-trasport, tal-bini u tal-industrija. It-tisħiħ tal-kompetittività tal-katina tal-valur tal-idroġenu nadif tal-UE (speċjalment l-SMEs).

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

L-idroġenu nadif għandu ktajjen tal-valur kumplessi u interkonnessi, li jirrikjedu l-kooperazzjoni effettiva u l-kollaborazzjoni minn settur għall-ieħor fil-livell Ewropew biex id-dimostrazzjoni u l-varar jiġu żgurati b’suċċess fuq skala kbira.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma d-diversi għażliet biex jinkisbu l-objettivi? Hemm jew le xi għażla ppreferuta? Jekk le, għaliex?

L-għażliet li ġejjin ġew ikkunsidrati bħala mezz ta’ appoġġ għar-R&I tal-idroġenu:

·sejħiet għal proposti tradizzjonali ta’ Orizzont Ewropa;

·sħubija Ewropea koprogrammata; jew

·sħubija istituzzjonalizzata skont l-Artikolu 187 tat-TFUE.

Is-sħubija istituzzjonalizzata hija l-għażla ppreferuta peress li hija l-aħjar biex tipprovdi strateġija u impenn fit-tul mill-industrija kif ukoll mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni Ewropea.

X’jidhrilhom il-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

80 % tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika ssuġġerew li sħubija Ewropea istituzzjonalizzata jkollha effett sinifikanti (pożittiv) fuq iż-żieda tat-tmexxija industrijali u tkun “rilevanti ħafna” fit-teknoloġiji tal-idroġenu u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

L-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-idroġenu nadif permezz ta’ sħubija istituzzjonalizzata tiżgura bl-aħjar mod li s-setturi privati u pubbliċi jibqgħu involuti bis-sħiħ fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ strateġija fit-tul għar-R&I ta’ idroġenu nadif. Hija konsistenti mal-ingranaġġ ta’ riżorsi finanzjarji industrijali in natura, biex jiġi massimizzat l-impatt tal-finanzjament tal-Kummissjoni. Se tappoġġa l-iżvilupp ta’ strateġija għall-idroġenu li hija allinjata bis-sħiħ mal-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-impenn klimatiku Ewropew.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella x’inhuma ta’ dawk l-ewlenin)? 

Il-kostijiet operazzjonali annwali ta’ sħubija istituzzjonalizzata bbażati fuq il-kostijiet tal-2018 tal-impriża konġunta FCH 2 eżistenti huma ta’ EUR 2,9 miljun (27 persunal) u ta’ EUR 2,1 miljun għal kostijiet diretti oħra. Għall-perjodu 2014-2015, l-Impriża Konġunta FCH 2 iġġenerat EUR 1,63 ta’ ingranaġġ totali, jiġifieri EUR 1,63 appoġġ mill-industrija għal kull EUR 1 appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea.

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

Simili għas-sejħiet għal proposti tal-programm LEIT, madwar 25 % tas-sħab fil-proġetti tal-Impriża Konġunta FCH 2 huma SMEs u nofs il-membri ta’ Hydrogen Europe huma SMEs. Is-sħubija tippermetti kumpaniji iżgħar, li jkunu żviluppaw prodotti niċċa biex iservu swieq ta’ idroġenu li qed jikbru u biex jagħmlu kuntatt ma’ atturi industrijali akbar li jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp tagħhom.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Mhuwiex mistenni impatt partikolari fuq il-baġits jew l-amministrazzjonijiet nazzjonali, għalkemm sħubija istituzzjonalizzata tgħin biex terġa’ tagħti l-ħajja u tarmonizza l-programmi nazzjonali tar-riċerka dwar l-idroġenu.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħra? 

Proġetti ta’ dimostrazzjoni addizzjonali x’aktarx jiġġeneraw aktar interess pubbliku fl-idroġenu. Fl-istess ħin, jenħtieġ li sensibilizzazzjoni pubblika ikbar u l-edukazzjoni dwar l-idroġenu joħolqu l-bażi tal-appoġġ pubbliku għall-applikazzjonijiet tal-idroġenu. L-istandards u n-normi se jiġu indirizzati aktar faċilment fil-livell internazzjonali, fejn jenħtieġ li l-UE jkollha vuċi waħda biss.

Proporzjonalità? 

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ sħubija istituzzjonalizzata tiżgura li s-setturi privati u pubbliċi jibqgħu involuti bis-sħiħ fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta’ strateġija fit-tul għar-R&I ta’ idroġenu nadif. Dan għandu jingrana riżorsi finanzjarji industrijali in natura, biex jimmassimizza l-impatt tal-finanzjament tal-Kummissjoni u jappoġġa l-iżvilupp ta’ strateġija għall-idroġenu li tkun allinjata bis-sħiħ mal-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Jenħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni interim tas-sħubija istituzzjonalizzata proposta tliet snin wara l-bidu tal-operat tagħha.