IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.12.2021
COM(2021) 834 final
2021/0440(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tħassar, f’isem ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/394 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Wara d-deterjorament tas-sitwazzjoni fil-Burundi fit-tħejjija għall-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali f’Ġunju u Lulju 2015, l-Unjoni Ewropea kkunsidrat li r-Repubblika tal-Burundi ma kinitx konformi mal-elementi essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.
Wara l-konsultazzjonijiet li saru fi Brussell fit-8 ta’ Diċembru 2015 skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, l-Unjoni Ewropea nnotat it-tweġibiet mogħtija mill-Gvern tal-Burundi u l-impenn ta’ dan tal-aħħar li jipprovdi kjarifiki fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma u li jħaffef ċerti proċedimenti ġudizzjarji. Madankollu, l-Unjoni Ewropea qieset li l-pożizzjonijiet espressi ma kinux jindirizzaw b’mod komprensiv il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ osservanza tal-elementi essenzjali tas-sħubija tagħha mar-Repubblika tal-Burundi. Dawn il-pożizzjonijiet lanqas ma taw tweġiba sodisfaċenti għad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fis-17 ta’ Ottubru u t-13 ta’ Novembru 2015, b’mod partikolari l-ħtieġa li jitlaqqa’ malajr djalogu ġenwin u inklużiv, ibbażat fuq ir-rispett għall-Ftehim ta’ Arusha.
Fit-13 ta’ Novembru 2015, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/394, il-konsultazzjonijiet ġew konklużi u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni. Dawn kienu jinkludu s-sospensjoni tal-appoġġ finanzjarju jew il-ħlasijiet ta' fondi (inkluż l-appoġġ baġitarju) għall-benefiċċju dirett tal-amministrazzjoni jew l-istituzzjonijiet tal-Burundi.
Mit-tranżizzjoni politika paċifika tal-2020 li wasslet għall-elezzjoni tal-President Ndayishimiye u l-ħatra ta’ gvern ġdid, l-UE osservat momentum pożittiv, muri minn:
·Involviment kostruttiv mal-Burundi fi djalogu politiku skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE;
·L-isforzi tal-gvern b’appoġġ għall-paċi u l-istabbiltà, miżuri għat-titjib tal-governanza tajba, il-libertà tal-media; dikjarazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-impunità;
·Ftehim dwar pjan direzzjonali (“Feuille de route”) li fih impenji min-naħa tal-gvern tal-Burundi b’reazzjoni għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/394 fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem; il-ġustizzja u l-istat tad-dritt; il-libertà tal-opinjoni u tal-istampa; il-governanza tajba; il-paċi, is-sigurtà u d-demokrazija; il-klima kummerċjali; l-ambjent u l-bijodiversità;
·Għadd kbir ta’ refuġjati li jirritornaw b’mod volontarju lejn il-Burundi;
·It-tkomplija tal-kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali u mal-pajjiżi ġirien.
Fid-dawl ta’ dan il-progress u l-impenji, il-Kapijiet tal-Missjoni fir-rapport tagħhom tad-19 ta’ Mejju 2021 esprimew il-fehma li l-miżuri xierqa ddikjarati fl-anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/394 ma kinux għadhom rilevanti u għalhekk irrakkomandaw li dawn għandhom jitneħħew.
Madankollu, il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom ikomplu jitqajmu fil-kuntest tad-djalogu politiku stabbilit mal-Burundi skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE:
·It-titjib tal-governanza tajba, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-klima tan-negozju, bħala bażi meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli;
·Il-liberazzjoni ta’ priġunieri politiċi, ir-ritorn ta’ membri tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili; l-ispazju politiku jenħtieġ li jinfetaħ u jkun paċifiku, bl-objettiv li tintlaħaq rikonċiljazzjoni;
·Sforzi kontinwi biex tissaħħaħ il-libertà tal-media;
·Tnaqqis ta’ arresti arbitrarji; kontroll aħjar mill-awtoritajiet rilevanti ta’ gruppi vjolenti relatati politikament (“Imbonerakure”) u r-responsabbiltà u t-trasparenza mtejba ta’ ċerti attivitajiet tas-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence (SNR); ir-riforma tal-ġudikatura, is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Parti;
·Ir-rispett tal-indipendenza tas-Soċjetà Ċivili/NGOs
L-għan ta’ din il-proposta huwa għalhekk li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/394, li se tirriżulta fit-tneħħija tal-miżuri xierqa definiti fil-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.
•Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika bħal:
·Il-Kunsens Ewropew il-Ġdid dwar l-Iżvilupp “Id-Dinja Tagħna, id-Dinjità Tagħna, il-Futur Tagħna”, it-8 ta’ Ġunju 2017.
·Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea
·Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika, id-9 ta’ Marzu 2020.
·Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024.
·Il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, 2012.
·Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri III tal-25 ta’ Novembru 2020.
Il-kooperazzjoni tal-UE hija ggwidata mill-Aġenda 2030 u l-SDGs, il-Ftehim ta’ Pariġi, l-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa.
Il-proposta se tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tagħhom peress li se tippermetti l-kooperazzjoni mal-Gvern tal-Burundi filwaqt li tkompli tissorvelja t-tħassib permezz ta’ djalogu politiku permanenti li reġa’ ddaħħal.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija konsistenti mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2019-2024 peress li japplikaw għal azzjonijiet esterni: Il-Patt Ekoloġiku, it-trasformazzjoni diġitali u t-teknoloġiji tad-data, alleanzi għal tkabbir sostenibbli u impjiegi deċenti, ġestjoni u governanza aħjar tal-migrazzjoni, sħubiji tal-migrazzjoni, u governanza, paċi u sigurtà. Huwa konsistenti wkoll mal-Istrateġija Globali għall-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Skont l-objettiv, il-kontenut u l-kuntest tal-miżura proposta, il-bażi ġuridika sostantiva hija l-Artikolu 3 tal-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar miżuri li għandhom jittieħdu u proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, flimkien mal-punt 3, it-tieni subparagrafu, tal-Anness għal dan il-Ftehim (minn hawn ’il quddiem: “Ftehim Intern”).
•Għażla tal-istrument
Skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim Intern, il-pożizzjoni tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 96 tal-Ftehim AKP-KE, meta dik il-pożizzjoni tikkonċerna kwistjonijiet fil-kompetenza tagħhom, tiġi adottata mill-Kunsill, li jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Anness. Skont il-punt 3 tal-Anness għall-Ftehim Intern, dawn il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sakemm il-Kunsill jieħu deċiżjoni li temenda jew tirrevoka l-miżuri adottati preċedentement, fuq proposta mill-Kummissjoni, bi qbil mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u b’maġġoranza kwalifikata f’każ ta’ sospensjoni parzjali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta nbdiet b’kont meħud tar-rapport imsemmi hawn fuq mill-Kapijiet tal-Missjoni tal-UE fil-Burundi, li ġie diskuss fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Afrika (COAFR) fil-25 ta’ Mejju 2021 u fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (Grupp ta’ Ħidma AKP) fit-28 ta’ Mejju 2021. Id-delegati tal-COAFR irrikonoxxew żviluppi pożittivi, u esprimew ruħhom favur ir-revoka tal-miżuri adatti filwaqt li enfasizzaw l-importanza li jkompli jitħeġġeġ il-Gvern tal-Burundi biex jagħmel aktar progress fil-qasam tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza. Id-delegati tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-AKP esprimew l-appoġġ tagħhom għall-eżitu tad-diskussjoni tal-COAFR u ssottolinjaw l-importanza li jinżamm vantaġġ permezz tas-sanzjonijiet individwali biex jiġi ffaċilitat aktar progress.
•Valutazzjoni tal-impatt
Ir-revoka tal-miżuri xierqa hija mistennija li tibni l-fiduċja bejn l-UE u l-Burundi u tinnormalizza r-relazzjonijiet; tista’ tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-forzi pożittivi fi ħdan l-istrutturi tal-poter tal-Burundi; tippermetti djalogu politiku f’suġġetti sensittivi, iżżid l-influwenza tal-UE u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fil-Burundi fir-rigward ta’ atturi globali oħra.
It-tneħħija tal-miżuri xierqa se tippermetti l-użu tal-ingranaġġ offrut mill-Ipprogrammar Indikattiv Pluriennali mill-2021–2027 bħala inċentiv biex isir titjib fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza.
•Drittijiet fundamentali
Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi kontra persuni, entitajiet jew korpi li jdgħajfu d-demokrazija jew jostakolaw it-tiftix għal soluzzjoni politika fil-Burundi se jkomplu skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1763.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ebda implikazzjoni baġitarja.
5.ELEMENTI OĦRA
Filwaqt li din il-proposta tipprevedi t-tneħħija tal-miżuri xierqa kif elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/394, il-miżuri restrittivi skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1763 jibqgħu fis-seħħ, u se jiġu rieżaminati fix-xhur li ġejjin kif previst minn dik id-deċiżjoni.
Id-delegati tal-COAFR appellaw għal diskussjoni dwar il-futur tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Burundi. Wara din id-diskussjoni, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, abbażi ta’ riżoluzzjoni mmexxija mill-UE, iddeċieda li jistabbilixxi mandat ta’ monitoraġġ speċifiku għall-pajjiż fil-forma ta’ Relatur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, bħala segwitu għall-ħidma li saret mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta.
2021/0440 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tħassar, f’isem ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/394 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern Bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqa’ fi ħdan il-Kunsill, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, b’mod partikolari l-Artikolu 3 u l-Anness tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat, u estiż, ġew konklużi bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/394, u ttieħdu miżuri xierqa, kif speċifikat fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni, wara proposta tal-Kummissjoni bi qbil mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
(2)B’mod ġenerali, it-transizzjoni politika paċifika permessa mill-elezzjonijiet ġenerali ta’ Mejju 2020 fetħet tieqa ġdida ta’ tama għall-popolazzjoni u ta’ opportunitajiet għall-Burundi u għar-relazzjonijiet tiegħu mas-sħab tiegħu.
(3)Minn dak iż-żmien ’l hawn l-Unjoni rrikonoxxiet żviluppi pożittivi li saru mill-Gvern tal-Burundi fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u l-impenji meħuda fil-pjan direzzjonali tiegħu (“Feuille de route”) lejn aktar titjib f’dawn l-oqsma.
(4)Ġie stabbilit gvern li kien impenjat li jimplimenta r-riformi meħtieġa għall-iżvilupp u l-istabbiltà fil-pajjiż, u sar progress inkoraġġanti lejn l-implimentazzjoni tal-impenji stipulati fid-Deċiżjoni (UE) 2016/394.
(5)F’konformità mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, bi qbil mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, ir-raġunijiet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2016/394, kif stabbiliti f’dik id-deċiżjoni, m’għadhomx fis-seħħ. Għalhekk, dik id-deċiżjoni jenħtieġ li titħassar f’isem l-Istati Membri għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom.
(6)Għad fadal sfidi persistenti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, u huwa meħtieġ aktar progress mill-awtoritajiet Burundjani, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali, u fil-qafas tad-djalogu politiku li għaddej bħalissa.
(7)Il-Burundi għadu fraġli u l-awtoritajiet eletti jeħtieġu l-appoġġ tas-sħab internazzjonali biex jimplimentaw il-programm ta’ riforma u l-aġenda ta’ żvilupp tal-pajjiż.
(8)L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jenħtieġ li jappoġġaw, flimkien ma’ sħab internazzjonali oħra, l-isforzi kontinwi tal-awtoritajiet nazzjonali biex jistabbilizzaw u jikkonsolidaw l-istituzzjonijiet demokratiċi, jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt u jimplimentaw l-impenji meħuda fil-pjan direzzjonali tagħhom lejn aktar titjib f’dawn l-oqsma,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (UE) 2016/394 hija mħassra f’isem l-Istati Membri għal kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President