IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.12.2021
COM(2021) 807 final
2021/0417(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-ħamsa u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-65 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi fir-rigward tal-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni tan-NU dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971. Il-65 sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi se ssir bejn l-14 u t-18 ta’ Marzu 2022.
2.KUNTEST TAL-PROPOSTA
2.1.Il-Konvenzjoni Unika tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni tan-NU dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971
Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, (il-“Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi”) għandha l-għan li tiġġieled l-abbuż tad-drogi permezz ta’ azzjoni kkoordinata fil-livell internazzjonali. Hemm żewġ forom ta’ intervent u ta’ kontroll li jaħdmu id f’id. L-ewwel u qabel kollox hija tara li l-pussess, l-użu, il-kummerċ, id-distribuzzjoni, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-manifattura u l-produzzjoni ta’ drogi jkunu limitati biss għal skopijiet mediċi u xjentifiċi. It-tieni, it-traffikar tad-droga jiġi miġġieled permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali li tkun ta’ deterrent u skuraġġament għat-traffikanti tad-droga.
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971 (il-“Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi”) tistabbilixxi sistema ta’ kontroll internazzjonali għas-sustanzi psikotropiċi. Hija rrispondiet għad-diversifikazzjoni u l-espansjoni tal-ispettru tad-drogi u introduċiet kontrolli fuq numru ta’ drogi sintetiċi skont l-abbuż potenzjali tagħhom, minn naħa, u l-valur terapewtiku tagħhom min-naħa l-oħra.
L-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet fil-Konvenzjonijiet imsemmija hawn fuq, iżda l-Unjoni mhijiex.
2.2.Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi
Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (Commission on Narcotic Drugs - CND) hija kummissjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU (UN Economic and Social Council - ECOSOC) u l-funzjonijiet u s-setgħat tagħha huma mniżżla, fost l-oħrajn, fiż-żewġ Konvenzjonijiet. Hija magħmula minn 53 Stat Membru tan-NU eletti mill-ECOSOC. F’Marzu 2022, 11-il Stat Membru se jkunu membri tas-CND bid-dritt li jivvutaw. L-Unjoni għandha status ta’ osservatur fis-CND.
2.3.L-att previst tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi
Is-CND temenda fuq bażi regolari l-lista ta’ sustanzi annessi mal-Konvenzjonijiet abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li tingħata pariri mill-Kumitat ta’ Esperti tagħha dwar id-Dipendenza fuq id-Droga.
Fit-18 ta’ Novembru 2021 id-WHO rrakkomandat lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex iżid 3 sustanzi minn dawk li ġew rieżaminati b’mod kritiku mill-Kumitat ta’ Esperti tad-WHO dwar id-Dipendenza fuq id-Droga mal-iskedi tal-Konvenzjonijiet.
Fil-65 sessjoni tagħha, li se ssir fi Vjenna mill-14 sat-18 ta’ Marzu 2022, is-CND mitluba tadotta d-deċiżjonijiet dwar l-iskedar ta’ dawn is-sustanzi taħt il-Konvenzjonijiet.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-bidliet fl-iskedi tal-Konvenzjonijiet ikollhom riperkussjonijiet diretti fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tad-droga għall-Istati Membri kollha. L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta’ Ottubru 2004 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu tad-drogi (id-“Deċiżjoni Kwadru”) jiddikjara li, għall-finijiet tad-Deċiżjoni Kwadru, “droga” tfisser sustanza koperta jew mill-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jew mill-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi u kwalunkwe waħda mis-sustanzi mniżżla fl-Anness tad-Deċiżjoni Kwadru. Għalhekk id-Deċiżjoni Kwadru tapplika għas-sustanzi elenkati fl-Iskedi tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Għaldaqstant kwalunkwe tibdil fl-iskedi annessi ma’ dawn il-Konvenzjonijiet jaffettwa b’mod dirett ir-regoli komuni tal-UE u jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan irrispettivament minn jekk is-sustanza kkonċernata hijiex taħt kontroll fl-Unjoni.
It-tliet sustanzi (brorfina, metonitażene, ewtilon) rakkomandati mid-WHO għall-kontroll internazzjonali huma taħt monitoraġġ intensiv miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga.
Il-proposta tal-Kummissjoni għal pożizzjoni komuni tal-Unjoni tissuġġerixxi li jingħata appoġġ lir-rakkomandazzjonijiet tad-WHO billi dawn huma konformi mal-għarfien xjentifiku ta’ bħalissa. Fir-rigward ta’ dawn is-sustanzi psikoattivi, iż-żieda tagħhom fl-Iskedi tal-Konvenzjonijiet hija appoġġata wkoll mill-informazzjoni li hija disponibbli mill-Bażi ta’ data Ewropea dwar Drogi Ġodda taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga.
Huwa meħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni għal-laqgħa tas-CND meta din tissejjaħ biex tiddeċiedi dwar l-iskedar tas-sustanzi. Jenħtieġ li dik il-pożizzjoni, minħabba l-limitazzjonijiet intrinsiċi tal-istatus ta’ osservatur tal-Unjoni, tiġi espressa mill-Istati Membri li se jkunu membri tas-CND f’Marzu 2022, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni fi ħdan is-CND. L-Unjoni mhijiex parti f’dawn il-Konvenzjonijiet iżda għandha kompetenza esklussiva f’dan il-qasam.
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Istati Membri li se jkunu membri tas-CND f’Marzu 2022 jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni f’isem l-Unjoni Ewropea fil-65 sessjoni tas-CND dwar l-iskedar tas-sustanzi taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Din hija s-seba’ darba li l-Kummissjoni qiegħda tippreżenta proposta ta’ dan it-tip dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kunsill adotta l-pożizzjonijiet tal-Unjoni u dan ippermetta lill-UE titkellem b’vuċi waħda fil-laqgħat preċedenti tas-CND dwar l-iskedar internazzjonali, billi l-Istati Membri li pparteċipaw fis-CND ivvutaw favur l-iskedar f’konformità mal-pożizzjoni tal-Unjoni.
4.BAŻI ĠURIDIKA
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni tkunx membru tal-korp jew parti fil-ftehim. Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
Is-CND hija “korp imwaqqaf bi ftehim” skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu, minħabba li hija korp stabbilit mill-ECOSOC – organu tan-Nazzjonijiet Uniti – u li ngħata kompiti speċifiċi taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
Id-deċiżjonijiet ta’ skedar tas-CND huma “atti li jkollhom effetti legali” skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) TFUE. Skont il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, id-deċiżjonijiet tas-CND isiru vinkolanti awtomatikament, sakemm parti ma tkunx ippreżentat id-deċiżjoni għal rieżami lill-ECOSOC fil-perjodu ta’ żmien applikabbli. Id-deċiżjonijiet tal-ECOSOC dwar din il-kwistjoni jkunu finali. Id-deċiżjonijiet ta’ skedar tas-CND għandhom ukoll effetti legali fl-ordinament ġuridiku tal-UE bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, minħabba l-fatt li jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI. Il-bidliet fl-iskedi tal-Konvenzjonijiet ikollhom riperkussjonijiet diretti għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument legali tal-UE.
L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelataw mat-traffikar illeċitu tad-droga.
Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 83(1) TFUE li jidentifika t-traffikar illeċitu tad-droga bħala wieħed mir-reati b’dimensjoni transfruntiera speċjali u jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati u sanzjonijiet fil-qasam tat-traffikar illeċitu tad-droga.
4.3.Ġeometrija varjabbli
Id-Danimarka marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill Nru 2004/757/ĠAI kif applikabbli sal-21 ta’ Novembru 2018 li tistipula fl-Artikolu 1 tagħha li “drogi” għandhom ifissru kwalunkwe waħda mis-sustanzi koperti jew mill-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi jew mill-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
Peress li d-deċiżjonijiet ta’ skedar tas-CND jaffettwaw ir-regoli komuni fil-qasam tat-traffikar illeċitu tad-drogi li d-Danimarka marbuta bihom, id-Danimarka tipparteċipa fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni meta jiġu adottati deċiżjonijiet ta’ skedar simili.
L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni Qafas u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni meta jiġu adottati tali deċiżjonijiet ta’ skedar.
4.4.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 83(1) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
5.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
L-ebda implikazzjoni baġitarja.
2021/0417 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-ħamsa u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, (il-“Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi”) daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 1975.
(2)Skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tista’ tiddeċiedi li żżid is-sustanzi mal-Iskedi ta’ dik il-Konvenzjoni. Hija tista’ biss tagħmel tibdiliet fl-Iskedi f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), iżda tista’ tiddeċiedi wkoll li ma tagħmilx il-bidliet irrakkomandati mid-WHO.
(3)Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971 (il-“Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi”) daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 1976.
(4)Skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tista’ tiddeċiedi li żżid is-sustanzi mal-Iskedi ta’ dik il-Konvenzjoni, jew li tneħħihom, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tad-WHO. Hija għandha setgħat diskrezzjonali estensivi biex tieħu kont ta’ fatturi ekonomiċi, soċjali, legali, amministrattivi u fatturi oħrajn, iżda ma tistax taġixxi b’mod arbitrarju.
(5)Il-bidliet fl-Iskedi taż-żewġ Konvenzjonijiet għandhom riperkussjonijiet diretti fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tad-drogi. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tapplika għas-sustanzi elenkati fl-Iskedi ta’ dawn il-Konvenzjonijiet. Għaldaqstant kwalunkwe tibdil fl-Iskedi annessi mal-Konvenzjonijiet jaffettwa b’mod dirett ir-regoli komuni tal-Unjoni u jibdel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
(6)Matul il-ħamsa u sittin sessjoni, skedata għal bejn l-14 u t-18 ta’ Marzu 2022 fi Vjenna, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi se tadotta deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ 3-il sustanza ġdida mal-Iskedi tal-Konvenzjonijiet tan-NU.
(7)L-Unjoni mhix parti fil-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Hija għandha status ta’ osservatur bla ebda dritt tal-vot fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi li ħdax-il Stat Membru huma membri tagħha bid-dritt tal-vot f’Marzu 2022. Għaldaqstant huwa meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi peress li d-deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ sustanzi ġodda mal-Iskedi tal-Konvenzjonijiet jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
(8)Id-WHO rrakkomandat iż-żieda ta’ żewġ sustanzi ġodda fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u sustanza waħda ġdida fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
(9)Is-sustanzi l-ġodda li ġew rieżaminati mill-Kumitat tal-Esperti tad-WHO dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (“il-Kumitat tal-Esperti”) u li ġew irrakkomandati biex jiġu skedati mid-WHO huma mmonitorjati miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga bħala sustanzi psikoattivi ġodda skont it-termini tar-Regolament (KE) Nru 1920/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(10)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat tal-Esperti, il-brorfina (isem kimiku: 1- {1- [1- (4-bromofenil) etil] piperidin-4-il} -1,3-diidro-2H-benżimidażol-2-on) huwa oppjojde sintetiku simili għal oppjojdi sintetiċi oħra bħall-morfina u l-fentanil. Brorfina tista’ tkun konvertibbli għal bezitramide, li hija oppjojde elenkata fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi. Il-brorfina ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma ġiet awtorizzata titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li l-brorfina qed tiġi abbużata, jew x’aktarx li tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt il-kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-brorfina titqiegħed fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
(11)Il-brorfina nstabet f’4 Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas 3-il Stat Membru. Hija ġiet assoċjata ma’ intossikazzjoni mhux fatali u bħalissa tinsab taħt monitoraġġ intensiv miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga.
(12)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni li l-brorfina tiżdied mal-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
(13)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat tal-Esperti, l-metonitażen (isem kimiku: N,N-dietil-2-[(4-metossifenil)metil]-5-nitro-1H-benżimidażol-1-etanammina) huwa analġeżiku oppjojde sintetiku u huwa strutturalment simili għall-isotonitażen u l-etonitażen li t-tnejn li huma elenkati fl-Iskeda I skont il-Konvenzjoni Unika dwar id-Drogi Narkotiċi. Il-metonitażen ġiet studjata f’mudelli prekliniċi għall-effetti analġeżiċi tagħha iżda mhuwiex magħruf li għandha xi użu terapewtiku. Hemm biżżejjed evidenza li l-metonitażen qed tiġi abbużata, jew x’aktarx li tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt il-kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-metonitażen titqiegħed fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
(14)Il-metonitażen instabet fi 3 Stati Membri u hija kkontrollata f’mill-anqas 3 Stati Membri. Hija ġiet assoċjata ma’ fatalità waħda u bħalissa tinsab taħt monitoraġġ intensiv miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga.
(15)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-pożizzjoni li l-metonitażen jiżdied mal-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
(16)Skont il-valutazzjoni tal-Kumitat tal-Esperti, l-ewtilon (isem kimiku: 1- (1,3-benżodiossol-5-il) -2- (etilammin) butan-1-on) hija katinon sintetiku, li tippreżenta struttura kimika u similaritajiet farmakoloġiċi mal-amfetamini u l-katinoni diġà taħt kontroll internazzjonali. Il-katinoni relatati, bħall-metilon u l-N-etilnorpentilon, huma elenkati fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971. L-ewtilon ma għandha l-ebda użu terapewtiku u lanqas ma ġiet awtorizzata titqiegħed fis-suq bħala prodott mediċinali. Hemm biżżejjed evidenza li l-ewtilon qed tiġi abbużata, jew x’aktarx li tiġi abbużata, u tista’ tikkostitwixxi problema soċjali u tas-saħħa pubblika li tiġġustifika t-tqegħid tas-sustanza taħt il-kontroll internazzjonali. Għaldaqstant, id-WHO tirrakkomanda li l-ewtilon titqiegħed fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
(17)L-ewtilon instabet f’20 Stat Membru u hija kkontrollata f’mill-anqas 2 Stati Membri. Hija ġiet assoċjata ma’ intossikazzjoni fatali waħda u nstabet fi tliet kampjuni bijoloġiċi assoċjati ma’ avvenimenti avversi serji. Bħalissa l-ewtilon tinsab taħt monitoraġġ intensiv miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga;
(18)Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ jieħdu l-pożizzjoni li jżidu l-ewtilon fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.
(19)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, peress li d-deċiżjonijiet dwar id-deċiżjonijiet differenti dwar l-iskedar fir-rigward tal-3-il sustanza se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI.
(20)Il-pożizzjoni tal-Unjoni trid tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li jaġixxu b’mod konġunt.
(21)Id-Danimarka hija marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
(22)L-Irlanda marbuta bid-Deċiżjoni Kwadru 2004/757/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-ħamsa u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi mill-14 sat-18 ta’ Marzu 2022, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet dwar iż-żieda ta’ sustanzi fl-Iskedi tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi tal-1961 kif emendata bil-Protokoll tal-1972 u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971, hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li jaġixxu b’mod konġunt.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.12.2021
COM(2021) 807 final
ANNESS
ta' [...]
Proposal for a Council Decision
dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-ħamsa u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi dwar l-iskedar ta’ sustanzi taħt il-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi tal-1961, kif emendata mill-Protokoll tal-1972, u l-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Psikotropiċi tal-1971
ANNESS
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi u li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni matul il-ħamsa u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi, li hija skedata mill-14 sat-18 ta’ Marzu 2022, dwar il-bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll tas-sustanzi:
(1)Il-brorfina għandha tiġi inkluż fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.
(2)Il-metonitażene trid tiġi inkluża fl-Iskeda I tal-Konvenzjoni dwar id-Drogi Narkotiċi;
(3)L-ewtilon għandha tiġi inkluża fl-Iskeda II tal-Konvenzjoni dwar is-Sostanzi Psikotropiċi.