Brussell, 1.12.2021

COM(2021) 767 final

2021/0399(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Raġunijiet u objettivi tal-proposta

1.1.Raġunijiet għall-proposta

Id-Direttiva (UE) 2016/680 1 (id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data - LED) daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2016 u l-Istati Membru kellhom sas-6 ta’ Mejju 2018 biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali. Hija ħassret u ssostitwiet id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI 2 . L-ambitu tagħha huwa komprensiv ħafna, peress li huwa l-ewwel strument li jieħu approċċ komprensiv għall-ipproċessar tad-data fl-infurzar tal-liġi. Dan japplika kemm għall-ipproċessar domestiku kif ukoll għal dak transfruntier ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

L-Artikolu 62(6) tal-LED jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrevedi, sas-6 ta’ Mejju 2019, atti legali oħra tal-UE li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali tal-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. L-għan ta’ dan ir-rieżami huwa li jivvaluta l-ħtieġa li jiġu allinjati mal-LED u li jitressqu proposti biex jiġu emendati biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-protezzjoni tad-data fl-ambitu tal-LED.

Il-Kummissjoni stabbilixxiet is-sejbiet tar-rieżami tagħha fil-Komunikazzjoni tagħha dwar it-triq ’il quddiem fl-allinjament tal-eks korp tat-tielet pilastru tal-liġi tal-UE mar-regoli tal-protezzjoni tad-data (l-24 ta’ Ġunju 2020) 3 , li tidentifika l-atti legali li jenħtieġ li jiġu allinjati mal-LED. Il-lista tinkludi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI u għalhekk il-Kummissjoni indikat li kienet se tressaq emendi mmirati.

Skont l-Artikolu 6 tal-LED, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu distinzjoni ċara bejn id-data personali ta’ kategoriji differenti ta’ suġġetti tad-data, inklużi:

·persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali;

·persuni kkundannati għal reat kriminali;

·il-vittmi ta’ reat kriminali jew partijiet oħra f’reat kriminali.

Skont l-Artikolu 8(1) tal-LED, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ipproċessar ikun legali. Dan ifisser li awtorità kompetenti tista’ tipproċessa biss data personali sal-punt meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu stabbilit fid-LED. L-Artikolu 8(2) tal-LED jirrikjedi li l-liġi nazzjonali li tirregola l-ipproċessar tad-data fl-ambitu tal-LED trid tiddikjara mill-inqas l-għanijiet tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-għanijiet tal-ipproċessar.

Bil-għan li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tkun waħda effettiva, hu ta’ importanza kruċjali li jsir skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li titqies rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-aġenziji tal-Unjoni. Tali skambju ta’ informazzjoni jrid jitwettaq b’osservanza sħiħa tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-LED.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/JHA tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi 4 tiddikjara li biex jiġi miġġieled it-terroriżmu, huwa essenzjali li jkun hemm l-aktar informazzjoni kompluta u aġġornata possibbli. Il-persistenza u l-kumplessità tat-theddida terroristika jagħtu lok għal aktar kondiviżjoni ta’ informazzjoni.

F’dan l-isfond, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tipprevedi li l-Istati Membri jridu jiġbru l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna u li tirriżulta minn investigazzjonijiet kriminali marbuta ma’ reati terroristiċi li jaffettwaw jew li jistgħu jaffettwaw żewġ Stati Membri jew aktar u jibagħtuha lill-Europol 5 . L-Istati Membri jridu jiġbru wkoll l-informazzjoni rilevanti kollha dwar prosekuzzjonijiet u kundanni għal reati terroristiċi, li jaffettwaw jew jistgħu jaffettwaw żewġ Stati Membri jew aktar u jibagħtuha lill-Eurojust. Kull Stat Membru jrid ukoll jirrendi disponibbli l-informazzjoni rilevanti kollha miġbura mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu fi proċedimenti kriminali marbuta ma’ reati terroristiċi. Din l-informazzjoni trid tkun disponibbli malajr għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor fejn l-informazzjoni tista’ tintuża għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi.

Mill-2005, l-importanza tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-Europol u l-Eurojust saret biss aktar evidenti. Id-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu 6 emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, biex tiżgura li l-informazzjoni tiġi kondiviża bejn l-Istati Membri b’mod effettiv u f’waqtu, b’kont meħud tat-theddida serja minn reati terroristiċi.

Il-premessa 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tirrikonoxxi li d-Deċiżjoni tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jinkludi l-protezzjoni tad-data personali bħala dritt fundamentali. L-Artikolu 16 (1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi wkoll il-prinċipju li kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali dwarhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(2) TFUE daħħal bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Ir-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data żviluppaw mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI. B’mod partikolari, kif imsemmi hawn fuq, abbażi tal-Artikolu 16(2) tat-TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-LED, li daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Mejju 2016. Id-LED huwa strument orizzontali komprensiv għall-protezzjoni tad-data. Huwa importanti li dan japplika għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi (kemm l-ipproċessar domestiku kif ukoll dak transfruntier).

1.2.Objettiv tal-proposta

Il-proposta għandha l-għan li tallinja d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI mal-prinċipji u r-regoli stabbiliti fid-LED, sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-protezzjoni mogħtija lill-persuni fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ġunju 2020, jenħtieġ li l-allinjament tad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI jindirizza dan li ġej:

·Tispeċifika li l-ipproċessar ta’ data personali skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI jista’ biss isir għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi, f’konformità mal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop;

·Jenħtieġ li l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati jiġu definiti b’mod aktar preċiż mil-liġi tal-Unjoni jew tal-Istat Membru, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(2) tad-LED, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet operattivi tal-awtoritajiet ikkonċernati.

1.3.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta għal Direttiva tqis l-emendi tad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI li jirriżultaw mill-proposta għal Regolament dwar l-iskambju ta’ informazzjoni diġitali f’każijiet ta’ terroriżmu, li l-Kummissjoni ressqet flimkien mal-proposta preżenti. Dak ir-Regolament propost huwa parti mill-pakkett dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, imħejji mill-Kummissjoni wara l-Komunikazzjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Ġustizzja 7 . Ladarba jiġi adottat, dan ineħħi d-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar każijiet ta’ terroriżmu transfruntier relatati mal-Eurojust mid-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI u jdaħħalhom fir-Regolament dwar il-Eurojust (ir-Regolament (UE) Nru2018/1727 8 ). Bħala emenda konsegwenzjali, dan ineħħi wkoll ir-referenzi għall-Eurojust mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI. Se tkun meħtieġa koordinazzjoni mill-qrib matul il-proċess leġiżlattiv kollu biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-emendi li jinsabu f’dak ir-Regolament propost u fid-Direttiva proposta preżenti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.Bażi ġuridika

L-allinjament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI mad-LED huwa bbażat fuq l-Artikolu 16(2) TFUE. L-Artikolu 16(2) TFUE jippermetti li jiġu adottati regoli dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni. Jippermetti wkoll li jiġu adottati regoli dwar il-moviment liberu ta’ data personali, inkluż għal skambji ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti fl-UE.

2.2.Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-UE biss tista’ tallinja l-atti tal-UE mar-regoli stabbiliti fid-LED. Għalhekk, l-UE biss tista’ tadotta att leġiżlattiv li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI.

2.3.Proporzjonalità

Din il-proposta għandha l-għan li tallinja att legali eżistenti tal-UE ma’ att legali sussegwenti tal-UE, kif previst minn dan tal-aħħar, mingħajr ma jinbidel l-ambitu tiegħu. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, biex jinkisbu l-objettivi bażiċi li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-fluss liberu ta’ data personali madwar l-UE, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali. Dan jinkludi s-salvagwardja kontra, u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet segwiti skont l-Artikolu 5(4) tat-TUE. 

2.4.Għażla tal-istrument

Din il-proposta għandha l-għan li temenda Deċiżjoni tal-Kunsill, li ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-2009. Il-bażi legali għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, l-Artikolu 34(2)(c) tat-TUE kif applikabbli fl-2005, ma għadhiex teżisti. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI jistabbilixxu obbligi għall-Istati Membri simili għal Direttiva aktar milli regoli awtonomi li jkunu direttament applikabbli. Għalhekk, l-aktar strument xieraq biex tiġi emendata din id-Deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 16(2) tat-TFUE huwa permezz ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.Spjegazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-proposta temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI dwar il-punti li ġejjin:

Sabiex jiġu ddefiniti l-għanijiet tal-ipproċessar tad-data personali, l-Artikolu 1(2)(a) tal-proposta jintroduċi subparagrafu ġdid fl-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, li jispeċifika li d-data personali tiġi pproċessata għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi.

Sabiex jiġu ddefiniti l-kategoriji ta’ data li għandha tiġi pproċessata, l-Artikolu 1(2)(b) u (c) tal-proposta jżid subparagrafi ġodda mal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, li jispeċifikaw li l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati mal-Europol, iridu jkunu dawk speċifikati fir-Regolament dwar l-Europol, u li l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati bejn l-Istati Membri għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi għandhom ikunu dawk speċifikati fil-liġijiet nazzjonali rispettivi.

Barra minn hekk, sabiex tiġi aġġornata d-Deċiżjoni tal-Kunsill fid-dawl tal-iżviluppi legali sussegwenti u b’mod partikolari biex jiġi żgurat li d-dispożizzjoni emendatorja ta’ hawn fuq tirreferi għall-istrument legali korrett, il-proposta tħassar il-punt (b) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill. Dak il-punt (b) jirreferi għall-Konvenzjoni Europol. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, kif emendata, minflok jirreferu għar-Regolament tal-Europol.

2021/0399 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 tistipula regoli armonizzati għall-protezzjoni u għall-moviment liberu ta’ data personali pproċessata għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tad-detezzjoni jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluża s-salvagwardja kontra theddidiet għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tagħhom. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Kummissjoni tirrevedi atti rilevanti oħra tad-dritt tal-Unjoni sabiex tivvaluta l-ħtieġa li tallinjahom ma’ dik id-Direttiva u tagħmel, fejn meħtieġ, il-proposti biex temenda dawk l-atti biex tiżgura approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali li taqa’ fl-ambitu ta’ dik id-Direttiva.

(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI 10 tistipula regoli speċifiċi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-koperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni, jenħtieġ li dik id-Deċiżjoni tiġi emendata biex tiġi allinjata mad-Direttiva (UE) 2016/680. B’mod partikolari, jenħtieġ li dik id-Deċiżjoni tispeċifika, b’mod li jkun konsistenti mad-Direttiva (UE) 2016/680, l-għan tal-ipproċessar tad-data personali u tindika l-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva (UE) 2016/680, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-ħtiġijiet operazzjonali tal-awtoritajiet ikkonċernati.

(3)Fl-interess taċ-ċarezza, jenħtieġ li r-referenzi li jinsabu fid-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI għall-istrumenti legali li jirregolaw l-operat tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) jiġu aġġornati.

(4)F’konformità mal-Artikoli 6a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

(5)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 u ppreżenta opinjoni fi XX/XX 20XX,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2005/671/ĠAI hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1, il-punt (b) jitħassar;

(2)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 3, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li d-data personali tiġi pproċessata skont l-ewwel subparagrafu biss għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi.”

(b)fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-kategoriji ta’ data personali li għandhom jiġu trażmessi lill-Europol għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jibqgħu limitati għal dawk imsemmija fit-Taqsima B, il-punt 2, tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2016/794.”;

(c)fil-paragrafu 6, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-kategoriji ta’ data personali li jistgħu jiġu skambjati bejn l-Istati Membri għall-finijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jibqgħu limitati għal dawk speċifikati fit-Taqsima B, il-punt 2, tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2016/794.”

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sena wara l-adozzjoni]. Huma għandhom jikkomunikaw l-estratt ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-estratt tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(2)    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).
(3)    COM(2020) 262 final.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22).
(5)    Informazzjoni dwar l-organizzazzjoni u l-attivitajiet tal-Europol hija disponibbli hawnhekk: https://www.europol.europa.eu .
(6)    Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
(7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea – Strumentarju ta’ opportunitajiet, COM(2020) 710 final, 2.12.2020.
(8)    Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).
(9)    Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward ta’ reati terroristiċi (ĠU L 253, 29.9.2005, p. 22).
(11)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).