IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.12.2021
COM(2021) 766 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji u ta’ negozjati biex isiru emendi komplementari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI
•Raġunijiet u objettivi tar-rakkomandazzjoni
Il-kooperazzjoni multilaterali hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-pandemiji li min-natura tagħhom ma jafux fruntieri u jeħtieġu azzjoni kollettiva. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 żvelat il-vulnerabbiltajiet persistenti tas-sistema internazzjonali tas-saħħa u tal-kooperazzjoni globali.
Qabel il-pandemija tal-COVID-19, ir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet b’segwitu għas-Sindromu Respiratorju Akut Gravi (SARS-CoV), il-pandemiji tal-influwenza H1N1 u t-tifqigħa tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent kienu diġà urew nuqqasijiet fil-kapaċità globali għat-tħejjija u għar-rispons għat-tifqigħat, u għamlu bosta rakkomandazzjonijiet, anke speċifiċi, biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet. Sa ċertu punt, dawn ir-rakkomandazzjonijiet irriżultaw f’titjib importanti, bħar-reviżjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR) fl-2005 u wara t-tifqigħa tal-Ebola, l-istabbiliment tal-Programm tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar l-Emerġenzi tas-Saħħa u tal-Kumitat Indipendenti ta’ Sorveljanza u Konsulenza għall-Programm tad-WHO dwar l-Emerġenzi tas-Saħħa (IOAC) fl-2016.
Madankollu, fid-dawl tal-isfidi enormi imposti mill-pandemija tal-COVID-19, saret ċara l-ħtieġa ta’ preparazzjoni aħjar fil-livell globali għat-tbassir, għall-prevenzjoni, għall-kxif, il-valutazzjoni u r-rispons b’mod effettiv għall-pandemiji saret ċara. Abbażi tal-mandat tagħha, id-WHO għandha rwol ċentrali f’dan il-proċess, fil-kariga tagħha tal-awtorità li tmexxi u tikkoordina l-indirizzar tal-isfidi globali tas-saħħa, inkluż it-tħejjija għat-tifqigħat, għall-prevenzjoni u d-detezzjoni tagħhom kif ukoll tar-rispons għalihom.
Matul l-aħħar xhur, diversi kumitati u bordijiet ta’ rieżami indipendenti indikaw il-ħtieġa urġenti ta’ reġim internazzjonali aktar b’saħħtu biex jiġu indirizzati l-pandemiji, kif ukoll il-ħtieġa li jissaħħu l-indipendenza, l-awtorità u l-finanzjament tad-WHO. Dan joħloq momentum uniku biex tissaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa globali fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19.
Minn meta faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, l-Unjoni Ewropea tat kontribut kbir għar-rispons globali għall-pandemija. L-Unjoni kienet forza xprunatriċi fl-appoġġ tar-rwol ta’ tmexxija tad-WHO u fl-avvanz tal-proċess ta’ riforma tad-WHO. Ir-rwol tal-Unjoni fit-tisħiħ tad-WHO ġie rifless f’diversi dokumenti, inklużi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2020 u Dikjarazzjoni tal-Membri tal-Kunsill Ewropew fi Frar 2021.
B’dan il-ħsieb, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, għat-tieni sena konsekuttiva, mexxew riżoluzzjoni fl-74 sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Mejju 2021 biex isaħħu t-tħejjija u r-rispons tad-WHO għall-emerġenzi tas-saħħa. Dan irriżulta fl-istbabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma tal-Istati Membri tad-WHO dwar it-tisħiħ tat-tħejjija u r-rispons tad-WHO (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Grupp ta’ Ħidma tal-Istati Membri tad-WHO”) biex jiġu kkunsidrati s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitati u l-bordijiet ta’ rieżami indipendenti u biex jingħata rendikont lill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Mejju 2022.
Fil-perjodu qabel l-74 sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, l-Unjoni u grupp divers ta’ pajjiżi ta’ appoġġ mir-reġjuni kollha tad-WHO għamlu wkoll pressjoni biex jistabbilixxu proċess lejn trattat internazzjonali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji. F’Marzu 2021, 25 Kap ta’ Stat u tal-Gvern minn madwar id-dinja ngħaqdu mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u mad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, Dr. Tedros Adhanom Ghebreyesus, f’editorjal ta’ opinjoni li talab li jsir trattat internazzjonali dwar il-pandemiji, ibbażat fuq it-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19.
Fl-20 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-74 sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa. Din id-Deċiżjoni stabbiliet b’mod ċar l-appoġġ tal-Unjoni għall-istabbiliment ta’ proċess tad-WHO għal Konvenzjoni Qafas ġdida dwar l-Istat ta’ Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji. Din indikat ukoll li l-Unjoni trid titħalla tipparteċipa fil-proċess ta’ negozjar, fid-dawl tal-adeżjoni possibbli tal-Unjoni ma’ tali trattat. L-impenn tal-Unjoni li taħdem lejn trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fil-qafas tad-WHO ġie rifless ukoll fid-Dikjarazzjoni tal-membri tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2021 u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021.
Fil-21 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni Ewropea u l-Italja, bħala President tal-G20, koospitaw is-Summit Globali dwar is-Saħħa, fejn il-mexxejja tal-G20 u ta’ Stati oħra, fil-preżenza tal-kapijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, adottaw id-“Dikjarazzjoni ta’ Ruma”. Il-prinċipji stabbiliti f’din id-dikjarazzjoni jipprovdu gwida komuni għall-prevenzjoni u għat-tħejjija għal pandemiji futuri u huma ta’ rilevanza partikolari fid-dawl tad-diskussjonijiet dwar trattat internazzjonali dwar il-pandemiji.
Fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Mejju 2021, l-Unjoni, flimkien mal-Grupp tal-Ħbieb (il-kofirmatarji tal-editorjal ta’ opinjoni), ħadmu biex jistabbilixxu mandat ta’ negozjar għal trattat internazzjonali dwar il-pandemiji. Dan ma setax jinkiseb minħabba nuqqas ta’ kunsens. Bħala triq ’il quddiem, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa adottat deċiżjoni li titlob lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Istati Membri tad-WHO jikkunsidra l-benefiċċji potenzjali tal-iżvilupp ta’ konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor tad-WHO dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji. Ġie deċiż ukoll li titlaqqa’ sessjoni speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa mid-29 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2021 iddedikata għal din il-kwistjoni u bil-ħsieb li immedjatament wara jinbeda l-proċess ta’ negozjar formali.
Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Istati Membri tad-WHO kellu ħames laqgħat bejn Lulju u Novembru 2021, kif ukoll diversi laqgħat intersessjonali.
Matul id-diskussjonijiet, żdied l-għadd ta’ pajjiżi li tkellmu favur trattat internazzjonali. Abbażi tad-diskussjonijiet li saru fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Istati Membri tad-WHO, u kif hemm iddikjarat fir-rapport tiegħu adottat fil-15 ta’ Novembru, ġew identifikati għadd ta’ benefiċċji potenzjali ta’ strument ġdid għat-tisħiħ tat-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, li jinkludu:
(a)il-promozzjoni ta’ impenn politiku ta’ livell għoli u ta’ approċċ ta’ gvern sħiħ u tas-soċjetà kollha, li jistgħu jsaħħu l-koerenza u l-mobilizzazzjoni bejn is-setturi;
(b)l-għoti ta’ opportunità biex jittejjeb, jiġi aġġornat u jissaħħaħ ir-rwol ta’ tmexxija u ta’ koordinazzjoni tad-WHO u l-funzjoni tagħha li taġixxi ta’ awtorità diriġenti u ta’ koordinazzjoni tax-xogħol internazzjonali dwar is-saħħa;
(c)il-ħolqien ta’ appoġġ mill-partijiet ikkonċernati għall-istrument il-ġdid u għall-għanijiet tiegħu għat-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji;
(d)it-trawwim tal-fiduċja tal-Istati Parti għad-WHO f’impenji reċiproċi ta’ livell għoli għat-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji;
(e)l-ankraġġ tal-prinċipji kollha li jinsabu fil-Kostituzzjoni tad-WHO (Preambolu), li jinkludu l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u d-dritt tat-tgawdija tal-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jinkiseb;
(f)l-indirizzar tal-aċċess ekwu għal kontromiżuri bħall-vaċċini, it-terapewtika u d-dijanjostika; l-aktar proċess globali xieraq biex jiġi kkunsidrat u jintlaħaq qbil fuq kif tittejjeb l-ekwità fil-futur huwa ftehim ġdid, u dan jista’ jsir billi jiġi inkluż qafas għal miżuri konkreti u mekkaniżmi fit-tul biex jiġu żviluppati, manifatturati u skalati kontromiżuri ġodda, u biex jittejjeb l-aċċess ekwu għall-kontromiżuri eżistenti, anki permezz taż-żieda fil-produzzjoni lokali u t-tisħiħ tas-sistemi regolatorji;
(g)il-kondiviżjoni tad-data, tat-teknoloġija u l-benefiċċji tal-kampjuni; dan jenħtieġ li jiġi inkluż f’qafas multilaterali għall-kondiviżjoni tad-data dwar is-sorveljanza u l-monitoraġġ, tad-data ġenetika u dwar il-patoġeni, bi ftehim dwar kif għandhom jiġu kondiviżi l-benefiċċji dderivati minnhom; dan jinkludi mekkaniżmi biex jiffaċilitaw ir-riċerka u l-kondiviżjoni rapida tat-teknoloġija biex tiżdied il-produzzjoni u d-distribuzzjoni reġjonali tal-kontromiżuri, filwaqt li jiġu rikonoxxuti d-diskussjonijiet u n-negozjati li għaddejjin f’fora oħrajn;
(h)it-tnaqqis tar-riskji maħluqa minn mard emerġenti ta’ oriġini żoonotika fil-futur u t-tisħiħ tal-approċċ “Saħħa Waħda”, inklużi elementi mmirati speċifikament lejn it-tnaqqis tar-riskji maħluqa mill-mard żoonotiku fil-futur, it-tisħiħ tal-pjattaformi u s-sorveljanza eżistenti, it-tisħiħ ta’ sħubijiet multisettorjali (is-setturi tas-saħħa tal-bniedem, tas-saħħa tal-annimali u dawk ambjentali), u l-promozzjoni ta’ kontromiżuri speċifiċi f’konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda”; kif ukoll
(i)it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa u r-reżiljenza tagħhom, permezz tat-tisħiħ tas-servizz tal-kura tas-saħħa primarja, tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa u l-ksib ta’ kopertura universali tas-saħħa.
Barra minn hekk, għadd sostanzjali ta’ Stati Membri esprimew ukoll l-appoġġ tagħhom biex jissaħħaħ l-IHR, fost l-oħrajn permezz tal-implimentazzjoni, tal-konformità, u ta’ emendi potenzjali mingħajr ma jinfetaħ mill-ġdid l-istrument kollu għan-negozjati.
Fuq din il-bażi, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Istati Membri tad-WHO ikkonkluda, fir-rapport tiegħu għas-sessjoni speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, li “t-triq ’il quddiem jenħtieġ li tinkludi proċess wieħed jew iżjed għal: i) l-iżvilupp ta’ Konvenzjoni, Ftehim jew strument internazzjonali ieħor tad-WHO dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, u ii) it-tisħiħ tal-IHR (2005), li jinkludi l-implimentazzjoni, l-appoġġ għall-konformità għall-kapaċitajiet ewlenin tal-IHR, u emendi potenzjali mmirati għall-IHR”. Għalhekk, il-proċess ta’ negozjar ikun jinkludi kemm in-negozjar ta’ ftehim legalment vinkolanti dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll sett ta’ emendi komplementari għall-IHR.
Din ir-rakkomandazzjoni hija għalhekk indirizzata lill-Kunsill b’rabta mas-sessjoni speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tad-29 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2021.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Ir-rakkomandazzjoni proposta hija konformi mal-qafas legali eżistenti tal-Unjoni dwar it-theddid transfruntier serju għas-saħħa, kif attwalment stabbilit skont id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE.
Barra minn hekk, mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, l-Unjoni daħħlet fis-seħħ sett ta’ miżuri u koordinazzjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri tal-Unjoni fl-indirizzar tal-pandemija u biex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tagħhom. Ir-rakkomandazzjoni proposta hija konformi mal-miżuri li ġejjin li ttieħdu fil-livell tal-Unjoni u għandha l-għan li tikkumplimentahom billi tistabbilixxi qafas internazzjonali b’saħħtu għat-theddid transfruntier b’potenzjal ta’ pandemija:
·F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat Strateġija komuni tal-UE għall-Vaċċini, li tappoġġa u tħaffef l-iżvilupp u l-manifattura fuq skala kbira. Dan l-approċċ żgura l-aċċess għall-vaċċini kontra l-COVID-19 għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni, kif ukoll l-esportazzjonijiet lejn aktar minn mija u ħamsin pajjiż madwar id-dinja.
·Fil-11 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni stabbiliet il-pedamenti ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa billi adottat proposta għal regolament dwar it-theddid transfruntier serju għas-saħħa, proposta biex jiġi estiż il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u proposta biex jiġi estiż il-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi attwali, dawn il-proposti għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza tal-Unjoni għat-theddid għas-saħħa u li jiżguraw li jittejbu t-tħejjija u rispons matul il-kriżi tas-saħħa attwali u dik futura.
·L-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa li ġiet adottata fil-25 ta’ Novembru 2020 tibni wkoll fuq in-nuqqasijiet esposti mill-pandemija tal-COVID-19 u tippreżenta azzjonijiet xierqa biex tadatta s-sistema tal-farmaċewtika tal-UE fis-snin li ġejjin. Din għandha l-għan li toħloq qafas regolatorju li jibqa’ validu fil-futur u li tappoġġa lill-industrija fil-promozzjoni tar-riċerka u t-teknoloġiji li jilħqu lill-pazjenti sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet terapewtiċi tagħhom filwaqt li tindirizza l-fallimenti tas-suq.
·Fis-6 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni adottat Strateġija tal-Unjoni għall-iżvilupp u d-disponibbiltà tal-prodotti terapewtiċi kontra l-COVID-19, li tikkumplementa l-Istrateġija tal-UE għall-Vaċċini. L-Istrateġija tal-Unjoni għall-iżvilupp u d-disponibbiltà tal-prodotti terapewtiċi kontra l-COVID-19 tkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-mediċini, mir-riċerka, l-iżvilupp u l-manifattura sal-akkwist u l-użu. Tinkludi azzjonijiet u miri ċari, inkluż l-awtorizzazzjoni ta’ mill-inqas tliet prodotti terapewtiċi ġodda sal-aħħar tal-2021.
·Fis-16 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni nediet l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) ġdida biex issaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa li tipprevjeni, tidentifika, u twieġeb malajr għal emerġenzi tas-saħħa transfruntiera, billi tiżgura l-iżvilupp, il-manifattura, l-akkwist, u d-distribuzzjoni ekwa ta’ kontromiżuri mediċi ewlenin.
Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni proposta hija konformi mal-objettivi ġenerali li ġejjin tal-Programm l-UE għas-Saħħa, il-Programm il-ġdid għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa għall-perjodu 2021-2027, kif stabbilit skont l-Artikolu 3(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill:
·“il-protezzjoni tan-nies fl-Unjoni minn theddid transfruntier serju għas-saħħa u t-tisħiħ tar-rispons tas-sistemi tas-saħħa u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri sabiex jaffrontaw theddid transfruntier serju serju għas-saħħa;
·It-titjib tad-disponibbiltà, l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti mediċinali u l-apparat mediku, u ta’ prodotti rilevanti għal kriżi fl-Unjoni, u l-appoġġ għall-innovazzjoni fir-rigward ta’ tali prodotti.”
F’dan ir-rigward, huma essenzjali sinerġiji mill-qrib bejn l-UE għas-Saħħa u l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, kif ukoll il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Ir-rakkomandazzjoni proposta hija wkoll konformi mal-politiki u mal-azzjonijiet tal-Unjoni li ġejjin:
·Il-politiki dwar il-klima u l-ambjent, għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji żoonotiċi bħala parti mill-approċċ ta’ “Saħħa Waħda”;
·Il-politiki ta’ żvilupp u kooperazzjoni:
–L-Unjoni qed tipprovdi appoġġ lir-reġjuni ġirien tal-Unjoni biex isaħħu t-tħejjija u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa pubblika tagħhom għall-każ li jinqala’ xi theddid transfruntier għas-saħħa;
–L-Unjoni ħadmet biex tistabbilixxi u tappoġġa l-għodod għall-kondiviżjoni tal-vaċċini ma’ pajjiżi b’introjtu medju inferjuri, - l-Aċċeleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT-A) u COVAX, il-pilastru tal-vaċċini tagħha. Tim Ewropa, li jinvolvi lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri tagħha u lill-istituzzjonijiet finanzjarji, jibqa’ wieħed mill-akbar donaturi tal-COVAX, li ta aktar minn EUR 3 biljun;
–L-Unjoni taħdem mas-sħab industrijali tagħha biex ikun hemm provvista ta’ vaċċini disponibbli għall-pajjiżi b’introjtu medju inferjuri fl-2021 u fl-2022, u l-Istati Membri qed iqassmu l-vaċċini tagħhom permezz tal-COVAX, iżda wkoll fuq bażi bilaterali;
–L-Unjoni toffri l-assistenza umanitarja lill-popolazzjonijiet affettwati minn kriżijiet tas-saħħa, li jinkludu tifqigħat ta’ mard, permezz ta’ ħidma fuq il-post, u lill-pajjiżi fil-bżonn ta’ assistenza fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, billi twassal il-provvisti mediċi lill-persuni f’żoni li diffiċli jintlaħqu. L-Unjoni tappoġġa wkoll lis-sħab billi tikkontribwixxi għall-istrateġiji ta’ tilqim, għall-akkwist u għad-distribuzzjoni tal-provvisti;
–Il-Kummissjoni Ewropea, b’kooperazzjoni ma’ diversi Stati Membri qed issegwi inizjattiva mas-sħab Afrikani biex tiżviluppa l-produzzjoni u l-aċċess għall-vaċċini, għall-mediċini u għat-teknoloġiji tas-saħħa fl-Afrika.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
L-Artikolu 218(3) tat-TFUE jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li taħtar in-negozjatur tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 218(4) tat-TFUE, il-Kunsill jista’ jindirizza d-direttivi lin-negozjatur u jaħtar kumitat speċjali li permezz ta’ konsultazzjoni miegħu għandhom jiġu konklużi n-negozjati.
Il-bażi ġuridika sostantiva tiġi kkunsidrata fi stadju aktar tard ladarba tkun disponibbli aktar informazzjoni: i) dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-ftehim internazzjonali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, u ii) dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tal-emendi komplementari għall-IHR.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tiegħu għadu mhux magħruf, il-ftehim internazzjonali previst huwa maħsub biex jindirizza theddid transfruntier serju għas-saħħa b’potenzjal ta’ pandemija. Għalhekk se jkollu impatt fuq l-eżerċitar tal-kompetenzi tal-Unjoni, u fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’oqsma bħas-saħħa, l-ambjent, il-kummerċ, il-moviment liberu, il-protezzjoni tad-data, is-suq intern, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li kollha jistgħu jsiru rilevanti skont il-ftehim previst.
Għalkemm għad ma hemm l-ebda deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-IHR li jistgħu jiġu emendati, huwa probabbli li tali emendi jkollhom impatt fuq il-qafas legali tal-UE dwar it-theddid transkonfinali għas-saħħa, kif stabbilit skont id-Deċiżjoni 1082/2013.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u l-effett probabbli fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni f’diversi oqsma tal-azzjoni tal-Unjoni, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fin-negozjati futuri u fil-ftehim internazzjonali li jirriżulta.
•Proporzjonalità
It-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa u t-tħejjija u r-rispons internazzjonali għall-pandemiji futuri huma prijorità ewlenija għall-UE u ċarament huwa fl-interess tal-Unjoni.
Hija meħtieġa Deċiżjoni tal-Kunsill biex jiġi awtorizzat il-ftuħ ta’ negozjati mill-Unjoni dwar ftehim internazzjonali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll dwar emendi komplementari għall-IHR jekk jiġi deċiż hekk.
Ir-rakkomandazzjoni proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
•Għażla tal-istrument
L-għażla tal-istrument hija stipulata fl-Artikolu 218(3) u 218(4) tat-TFUE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Skont l-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.
Ir-rakkomandazzjoni proposta tfittex awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati bil-ħsieb li jissaħħu s-sistemi tas-saħħa u t-tħejjija u r-rispons internazzjonali għal pandemiji futuri. Dan ikollu impatt pożittiv fuq id-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, kif minqux fl-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim internazzjonali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji u l-emendi komplementari possibbli għall-IHR ma jitqiesux li għandhom impatt baġitarju.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-ħidma preparatorja u n-negozjati huma mistennija li jibdew fi żmien qasir wara s-sessjoni speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa li tibda mid-29 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2021. Tista’ tiġi prevista fażi preliminari.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-rakkomandazzjoni
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li:
·Il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ u twettaq in-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali ġdid dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll dwar emendi komplementari għall-IHR jekk jiġi deċiż hekk;
·Il-Kummissjoni tiġi maħtura bħala n-negozjatur tal-Unjoni;
·Il-Kummissjoni tmexxi n-negozjati b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali jekk ikun maħtur mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 218(4) tat-TFUE;
·Il-Kunsill japprova d-direttivi tan-negozjati annessi ma’ din ir-rakkomandazzjoni.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji u ta’ negozjati biex isiru emendi komplementari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Is-sessjoni speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa mid-29 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2021 ssejħet bid-Deċiżjoni WHA74(16) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-31 ta’ Mejju 2021 biex jiġu kkunsidrati l-benefiċċji tal-iżvilupp ta’ konvenzjoni, ta’ ftehim jew ta’ strument internazzjonali ieħor tad-WHO dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji bil-ħsieb li jiġi stabbilit proċess intergovernattiv biex jiġu abbozzati u nnegozjati tali konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji,
(2)Jenħtieġ li l-Unjoni, tipparteċipa fin-negozjati dwar tali konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor, kif ukoll fin-negozjati dwar emendi komplementari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (IHR),
(3)In-negozjati se jsiru fil-kuntest tad-WHO,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja f’isem l-Unjoni ftehim internazzjonali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għall-IHR fil-qafas tad-deċiżjonijiet meħuda matul is-sessjoni speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tad-29 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2021.
Artikolu 2
Id-direttivi tan-negozjati huma stipulati fl-Anness.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom isiru b’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.12.2021
COM(2021) 766 final
ANNESS
tar-
Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji u ta’ negozjati biex isiru emendi komplementari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
ANNESS
Direttivi għan-Negozjar ta’ Ftehim Internazzjonali dwar it-Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji u għan-Negozjar ta’ emendi komplementari għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)
Fil-qafas tal-proċess intergovernattiv stabbilit fid-Deċiżjoni SSA2/CONF./1Rev.1 tas-sessjoni Speċjali tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa (WHA) tad-29 ta’ Novembru sal-1 ta’ Diċembru 2021, li tipprovdi forum ta’ negozjar inklussiv dinji, il-Kummissjoni se timmira li tinnegozja ftehim internazzjonali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji (minn hawn ’il-quddiem “Ftehim dwar il-Pandemiji”). Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, għandha tagħmel ħilitha biex tikseb eżitu negozjat komprensiv, li jinkludi l-objettivi u l-prinċipji deskritti hawn taħt, billi tibbaża fuq it-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19, u fid-dawl tat-tħejjija għal emerġenzi possibbli tas-saħħa pubblika fil-futur.
Il-Ftehim dwar il-Pandemiji, li jenħtieġ li jikkomplementa r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ IHR), se jistabbilixxi obbligi sostantivi u legalment vinkolanti għall-Partijiet fih li huma mmirati primarjament lejn:
–il-prevenzjoni u l-kontroll;
–id-detezzjoni u r-rappurtar kif ukoll
–it-tħejjija għal theddidiet ta’ pandemiji u r-rispons għalihom.
Jenħtieġ li l-obbligi sostantivi jiġu inkwadrati, inkluż fil-preambolu tal-Ftehim dwar il-Pandemiji, b’sensiela ta’ objettivi u prinċipji ġenerali, bħad-dritt għat-tgawdija tal-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jinkiseb, is-solidarjetà internazzjonali, l-aċċess ekwu għal kontromiżuri kontra l-pandemiji (eż. tagħmir protettiv personali, aċċess għat-tilqim, it-terapiji u d-dijanjostika, is-servizzi mediċi u tal-kura soċjali), l-approċċ “Saħħa Waħda”, il-ħtieġa li jiġu indirizzati r-rabtiet mill-qrib bejn is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u ambjentali, u ċ-ċentralità tal-kooperazzjoni multilaterali dwar is-saħħa u d-WHO fil-governanza globali tas-saħħa.
Jenħtieġ ukoll li l-Ftehim dwar il-Pandemiji jinkludi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu:
–il-qafas istituzzjonali
–regoli dwar aktar tfassil ta’ regoli;
–mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ responsabbiltà;
–approċċi ta’ tħejjija “ta’ gvern sħiħ”/transettorjali li jwasslu għall-aħjar mobilizzazzjoni tal-kompetenzi u r-riżorsi kollha u koerenza fil-prevenzjoni u r-rispons għall-pandemiji; kif ukoll
–għajnuna teknika u bini tal-kapaċitajiet għall-implimentazzjoni.
B’mod partikolari, Ftehim dwar il-Pandemiji effettiv se jirrikjedi investiment sinifikanti fl-appoġġ għall-implimentazzjoni. Dan jenħtieġ li jinkludi:
–It-tisħiħ tal-kapaċità tad-WHO li tappoġġa l-kapaċitajiet tas-sistemi tas-saħħa ċentrali nazzjonali u reġjonali għall-prevenzjoni, it-tħejjija, id-detezzjoni u r-rispons għall-pandemiji;
–Għajnuna teknika u bini tal-kapaċitajiet b’saħħithom għall-pajjiżi bi dħul baxx u dħul baxx medju mmirati lejn:
·l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim dwar il-Pandemiji u tal-impenji relatati tal-IHR;
·it-titjib tal-mekkaniżmi nazzjonali u reġjonali għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji (fosthom mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni interaġenzjali u intersettorjali); kif ukoll
·it-titjib tal-kapaċitajiet tas-sistemi tas-saħħa fil-qasam tat-tħejjija u r-rispons għal pandemiji, anki billi jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa soċjali għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rispons għall-emerġenzi tas-saħħa pubblika li jkollhom il-potenzjal li jsiru pandemiji, kif ukoll l-iżvilupp u l-użu ta’ għodod diġitali tas-saħħa u tal-kura soċjali.
Jenħtieġ li l-Ftehim dwar il-Pandemiji jimmira li jistabbilixxi dispożizzjonijiet u impenji sostantivi speċjalment fl-oqsma ewlenin indikati hawn fuq, filwaqt li jwitti t-triq għal negozjati futuri, anki permezz ta’ protokolli supplimentari. Id-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti jistgħu jiġu kkomplementati b’dispożizzjonijiet mhux vinkolanti (bħal linji gwida, standards u dikjarazzjonijiet).
Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni (ekonomika) reġjonali jitħallew isiru partijiet għall-Ftehim dwar il-Pandemiji jew għal kwalunkwe wieħed mill-protokolli tiegħu. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u ma’ partijiet ikkonċernati mhux governattivi.
Fid-dawl tal-urġenza tas-suġġett tal-Ftehim dwar il-Pandemiji, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġi applikat proviżorjament, sakemm isiru r-ratifiki, sabiex tibda l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Pandemiji kemm jista’ jkun kmieni.
Jenħtieġ li jiġu previsti wkoll perjodi ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni mill-pajjiżi bi dħul baxx medju u bi dħul baxx u jiġi previst ukoll l-appoġġ relatat għall-implimentazzjoni.
L-objettivi tat-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji segwiti permezz tal-Ftehim dwar il-Pandemiji jistgħu jeħtieġu emendi komplementari għall-IHR. Jenħtieġ li dawn l-emendi jkollhom l-għan li jiċċaraw u jsaħħu d-dispożizzjonijiet eżistenti tal-IHR u jżidu l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-komplementarjetà u l-kompatibbiltà bejn tali emendi u d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-Pandemiji.
Il-Kummissjoni se tirrappreżenta lill-Unjoni fil-korp ta’ negozjar intergovernattiv inkarigat mill-iżvilupp ta’ Ftehim dwar il-Pandemiji, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tad-WHA SSA2/CONF./1Rev.1, u lil kwalunkwe korp preparatorju jew korp relatat, u se tirrappreżenta lill-Unjoni wkoll fil-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tisħiħ tat-Tħejjija u r-Rispons tad-WHO għall-Emerġenzi tas-Saħħa relatat mal-iżvilupp ta’ emendi komplementari għall-IHR biex issaħħu l-IHR, u fin-negozjati sussegwenti tagħhom.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-Ftehim dwar il-Pandemiji u kull emenda komplementari possibbli għall-IHR ikunu konsistenti mal-leġiżlazzjoni u l-politiki rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll mal-impenji tal-Unjoni skont ftehimiet multilaterali rilevanti oħra.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tmexxi n-negozjati f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fis-seħħ.