Brussell, 30.11.2021

COM(2021) 736 final

2021/0386(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT” 1 ), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2021, ir-Repubblika tal-Latvja (minn hawn ’il quddiem il-Latvja) talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, li jiddetermina l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT. Bl-istess ittra, il-Latvja bagħtet rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dik il-miżura.

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bl-ittri tad-9 ta’ Awwissu 2021, u lil Spanja bl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2021, dwar it-talba li għamlet il-Latvja. Permezz tal-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li normalment, hija l-persuna taxxabbli li tipprovdi l-merkanzija jew is-servizzi li tkun responsabbli biex tħallas il-VAT.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT biex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jiġu prevenuti ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.

Il-Latvja talbet biex tkompli tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għat-tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat li jinvolvi li l-persuna li tirċievi l-merkanzija jew is-servizzi tkun responsabbli għall-ħlas tal-VAT.

Il-miżura ta’ deroga għal-Latvja kienet inizjalment mogħtija bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE 2 sal-31 ta’ Diċembru 2009 u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE 3 sal-31 ta’ Diċembru 2012. L-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata d-deroga ġiet sussegwentement estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/55/UE 4 sal-31 ta’ Diċembru 2015, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2396 5 sal-31 ta’ Diċembru 2018 u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2006 6 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Skont il-Latvja, is-suq tal-injam ippreparat, li huwa wieħed mill-aktar setturi importanti tal-ekonomija tagħha, huwa partikolarment sensittiv għall-frodi tal-VAT għax huwa ddominat minn għadd kbir ta’ operaturi lokali żgħar u minn fornituri individwali, kif ukoll għax huwa diffiċli ħafna li jiġu ttraċċati l-movimenti tal-materjali u t-tranżazzjonijiet relatati. In-negozji attivi fis-settur jistgħu ma jkunux mistennija li jissodisfaw l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u dan jista’ jwassal għal tranżazzjonijiet mhux iddikjarati ma’ individwi privati għall-provvista tal-injam ippreparat. Għalhekk, hemm riskju sinifikanti li xi operaturi jistgħu jevadu l-ħlas tal-VAT. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ġġenerat frodi tal-VAT li l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. Sabiex jiġġieldu dan l-abbuż, huma introduċew il-mekkaniżmu tar-reverse charge għat-tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat, li wera li huwa effettiv ferm u naqqas b’mod sinifikanti l-frodi tal-VAT f’dan is-settur.

Barra minn hekk, skont il-Latvja, din il-miżura speċjali ma għandhiex impatt negattiv fuq l-ammont totali tad-dħul mill-VAT miġbur fl-istadju finali tal-konsum u għalhekk, ma taffettwax b’mod negattiv ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT.

B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva, u biex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien li jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità ta’ persuni taxxabbli, li jenħtieġ li jindirizzaw il-problema rispettiva sal-iskadenza tal-miżura ta’ deroga, u b’hekk l-estensjoni tad-deroga ssir superfluwa. Id-deroga li tippermetti l-użu tal-mekkaniżmu tar-reverse charge tingħata biss eċċezzjonalment għal oqsma frodulenti speċifiċi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar għażla.

Għaldaqstant, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni legali u fattwali li ma nbidlitx, qed jiġi propost li tiġi estiża l-miżura ta’ deroga, li tippermetti lil-Latvja tkompli tapplika din il-miżura ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2024. Jenħtieġ li sal-iskadenza ta’ din id-deroga, il-Latvja timplimenta miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità ta’ persuni taxxabbli li tirfed il-ġlieda u tipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-settur tal-injam ippreparat.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ingħataw derogi simili li għandhom x’jaqsmu mal-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT lil Stati Membri oħra, lill-Portugal 7 , lir-Rumanija 8 u lil-Litwanja 9 .

Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva tal-VAT.

2.    BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija msejsa l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Meta wieħed iqis il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, tista’ tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-iktar strument adattat peress li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija msejsa fuq talba li għamlet il-Latvja u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tawtorizza lil-Latvja biex tkompli tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għat-tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat. Is-sitwazzjoni li fuqha kienet imsejsa d-deroga inizjali, għadha teżisti. Il-Latvja tiddikjara li minkejja l-fatt li kien hemm tnaqqis fl-għadd ta’ każijiet ta’ frodi li jinvolvu l-VAT u l-evażjoni tal-VAT fis-suq tal-injam ippreparat minn mindu ddaħħlet il-proċedura tar-reverse charge, ir-riskju għadu ma ġiex eliminat.

Il-miżura kienet awtorizzata qabel fl-Att tal-Adeżjoni tal-2003 10 , b’mod partikolari fil-punt 1(b) tal-Kapitolu 7 tal-Anness VIII tiegħu, u bid-Deċiżjoni 2006/42/KE 11 skont is-Sitt Direttiva 77/388/KEE li kienet tapplika dak iż-żmien. Madankollu, maż-żmien, il-frodi fis-settur tal-injam ippreparat bdiet tinkludi tranżazzjonijiet li ma kinux soġġetti għall-proċedura tar-reverse charge tal-VAT. Pereżempju, tranżazzjonijiet relatati ma’ prodotti sekondarji tal-injam. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura tar-reverse charge tal-VAT kompla jitwessa’ biex jitnaqqas l-għadd ta’ opportunitajiet għall-frodi. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2020, ir-riċevitur tal-injam ippreparat irid iħallas għall-merkanzija li jirċievi, u r-riċevitur tas-servizzi jrid iħallas għas-servizzi li jingħata, mhux bi flus kontanti. Dawn il-modifiki saru biex jiġu standardizzati r-rekwiżiti ta’ ħlas fil-każijiet kollha fejn tiġi applikata l-proċedura tar-reverse charge, sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-miżura mmirata kontra l-frodi tal-VAT.

Il-Latvja ssostni li l-estensjoni tal-miżura ta’ deroga hija meħtieġa għall-ġlieda kontra l-frodi li jseħħ fis-settur tal-injam ippreparat. Is-suq tal-injam ippreparat fil-Latvja huwa ddominat minn negozjanti żgħar u ta’ daqs medju u persuni taxxabbli, li jixtru jew ibigħu l-injam ippreparat u jipprovdu jew jirċievu servizzi relatati. Il-proċedura tar-reverse charge tal-VAT tiġi applikata għal tranżazzjonijiet domestiċi tal-injam ippreparat u servizzi speċifiċi biss meta l-fornitur u r-riċevitur tal-merkanzija jkunu t-tnejn irreġistrati għall-finijiet tal-VAT fil-Latvja. Skont it-talba, is-settur tal-injam ippreparat huwa partikolarment vulnerabbli għall-frodi tal-VAT, minħabba li huwa diffiċli ħafna li jiġu ttraċċati l-movimenti ta’ materjali u t-tranżazzjonijiet relatati. Inizjalment, il-proċedura tar-reverse charge tal-VAT ġiet applikata biss għall-provvisti tal-injam ippreparat. Gradwalment, ir-riskju ta’ frodi kiber minħabba l-evoluzzjoni tas-suq tal-injam ippreparat, għalhekk mill-1 ta’ April 2001 il-proċedura tar-reverse charge ġiet estiża għal ċerti servizzi pprovduti bħala parti mit-tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat. Madankollu, maż-żmien, il-frodi fis-settur tal-injam ippreparat imxiet għal tranżazzjonijiet relatati oħra li ma kinux soġġetti għall-proċedura tar-reverse charge tal-VAT, pereżempju, it-tranżazzjonijiet relatati ma’ prodotti sekondarji tal-injam. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura tar-reverse charge tal-VAT ġie estiż għal provvisti oħra, u b’hekk tnaqqas l-għadd ta’ opportunitajiet għall-frodi.

Skont l-istimi inklużi fit-talba, imsejsa fuq id-data pprovduta mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika għall-2020, il-konsum intermedju fis-settur jammonta għal 69 % tal-prodotti manifatturati u s-servizzi relatati mogħtija fis-setturi tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar (NACE Reviżjoni 2, kodiċi 02). L-esportazzjonijiet jammontaw għal 18,9 %, filwaqt li 10,5 % biss tal-volum tal-produzzjoni jmur għall-konsum tal-unità domestika. Fir-rigward tal-produzzjoni tal-injam u tal-prodotti tal-injam u tas-sufra, għajr l-għamara (NACE Reviżjoni 2, kodiċi 16), 59,9 % huma maħsuba għall-esportazzjoni. 37,4 % tal-prodotti jintużaw għall-fini tal-konsum intermedju fis-settur, u 1,4 % biss tal-prodotti huma maħsuba għall-konsum finali tal-unitajiet domestiċi. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-esperti fis-settur, it-tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat soġġetti għall-proċedura tar-reverse charge tal-VAT jirrappreżentaw madwar EUR 2,0 biljun.

Fl-1 ta’ Jannar 2021, kien hemm 5 389 persuna taxxabbli (persuna ġuridika) rreġistrata fis-settur tal-injam ippreparat, li 3 418 minnhom, kienu soġġetti għall-VAT.

L-estensjoni ta’ din il-miżura mhux se jkollha impatt negattiv fuq l-ammont totali tad-dħul mill-VAT miġbur fl-istadju finali tal-konsum u għalhekk, ma taffettwax b’mod negattiv ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-proposta hija limitata biż-żmien.

2021/0386 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 12 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE 13 awtorizzat lil-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-punt (a) tal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 77/388/KEE 14 , biex tinnomina lir-riċevitur bħala l-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) fuq il-provvista tal-injam ippreparat jew fuq il-forniment tas-servizzi relatati sal-31 ta’ Diċembru 2009. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE 15 , b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Latvja kienet awtorizzata li tkompli tinnomina lir-riċevitur tal-injam ippreparat jew tas-servizzi relatati bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT fil-każ ta’ tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat sal-31 ta’ Diċembru 2012 (“il-miżura speċjali”). Wara estensjonijiet suċċessivi, dik l-awtorizzazzjoni hija mistennija tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021 16 .

(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-4 ta’ April 2021, il-Latvja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali. Flimkien ma’ dik l-ittra, il-Latvja ppreżentat rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dik il-miżura speċjali.

(3)F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bl-ittri tad-9 ta’ Awwissu 2021, u lil Spanja bl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2021, dwar it-talba li għamlet il-Latvja. Bl-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkunsidra t-talba.

(4)Skont il-Latvja, is-suq ta’ l-injam ippreparat, li huwa wieħed mill-aktar setturi importanti tal-ekonomija tagħha, huwa partikolarment sensittiv għall-frodi tal-VAT għaliex huwa ddominat minn għadd kbir ta’ operaturi lokali żgħar u fornituri individwali. In-natura tas-suq u tan-negozji involuti ġġenerat frodi tal-VAT, li l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani sabuha diffiċli biex jikkontrollaw. Sabiex jiġi miġġieled dan l-abbuż, l-awtoritajiet tat-taxxa Latvjani introduċew il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-ħlas tal-VAT fi tranżazzjonijiet tal-injam ippreparat, li wera li huwa effettiv ħafna u naqqas il-frodi f’dak is-suq b’mod sinifikanti skont ir-rapport ippreżentat mil-Latvja.

(5)B’mod ġenerali, id-derogi jingħataw għal perjodu ta’ żmien limitat biex ikun jista’ jiġi vvalutat jekk il-miżura speċjali hijiex xierqa u effettiva. Id-derogi jagħtu żmien lill-Istati Membri biex jintroduċu miżuri konvenzjonali oħra fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-moviment tal-materjali, il-ħlas tal-VAT, u l-konformità tal-persuni taxxabbli, li jenħtieġ li jindirizzaw il-problema rispettiva sal-iskadenza tal-miżura ta’ deroga, u b’hekk l-estensjoni tad-deroga ssir superfluwa. Id-deroga li tippermetti l-użu tal-proċedura tar-reverse charge tingħata biss eċċezzjonalment għal oqsma frodulenti speċifiċi u tikkostitwixxi mezz tal-aħħar għażla. Għalhekk, jenħtieġ li l-Latvja timplimenta miżuri konvenzjonali oħra biex tiġġieled u tipprevjeni l-frodi tal-VAT fis-suq tal-injam ippreparat qabel l-iskadenza tal-estensjoni tal-miżura speċjali skont din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, biex ma jkunx hemm il-ħtieġa ta’ estensjoni oħra tal-miżura speċjali.

(6)Għalhekk, jenħtieġ li l-Latvja tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024 biss.

(7)Il-miżura speċjali mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

(8)Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    ĠU L 25, 28.1.2006, p. 31.
(3)    ĠU L 347, 24.12.2009, p.30.
(4)    ĠU L 22, 25.1.2013, p.16.
(5)    ĠU L 332, 18.12.2015, p.142.
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2006 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 322, 18.12.2018, p. 20–21).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1592 tal-24 ta’ Settembru 2019 li tawtorizza lill-Portugal biex japplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 248, 27.9.2019, p. 67–68.
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1593 tal-24 ta’ Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/676/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tkompli tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 69–70).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1920 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2010/99/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 311, 7.12.2018, p. 34–35).
(10)    ĠU L 236, 23.9.2003, p. 33.
(11)    ĠU L 25, 28.1.2006, p. 31.
(12)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/42/KE tal-24 ta’ Jannar 2006 li tawtorizza lil-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga minn Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat (ĠU L 25, 28.1.2006, p. 31).
(14)    Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).
(15)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1008/UE tas-7 ta’ Diċembru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 24.12.2009, p. 30).
(16)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2006 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1008/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex testendi l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 322, 18.12.2018, p. 20).