Brussell, 16.11.2021

COM(2021) 693 final

2017/0114(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi 1999/62/KE, 1999/37/KE u (UE) 2019/520, fir-rigward tal-ħlas li jrid isir mill-vetturi għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi


2017/0114 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi 1999/62/KE, 1999/37/KE u (UE) 2019/520, fir-rigward tal-ħlas li jrid isir mill-vetturi għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi

1.Sfond

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(dokument COM(2017) 275 finali - 2017/0114 COD):

l-1 ta’ Ġunju 2017.

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

it-18 ta’ Ottubru 2017.

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni:

l-1 ta’ Frar 2018.

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

il-25 ta’ Ottubru 2018.

Data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata:

Mhux applikabbli

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

id-9 ta’ Novembru 2021.

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-Direttiva 1999/62/KE (“Eurovignette”) fil-31 ta’ Mejju 2017, bħala parti mill-ewwel Pakkett dwar il-Mobbiltà (“Ewropa Attiva”). Din l-emenda tindirizza l-aspetti tat-tariffi tat-toroq ta’ dik id-direttiva.

L-għan tal-inizjattiva huwa li jsir progress fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ “min iniġġes iħallas” u “min juża jħallas”, biex b’hekk jitħeġġeġ it-trasport bit-triq sostenibbli, kemm finanzjarjament kif ukoll ambjentalment, u li jkun ukoll soċjalment ekwitabbli. Din tinkludi l-għan li

·tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u għall-kisba tal-għanijiet klimatiċi tal-UE permezz ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq;

·jitnaqqas ir-riskju ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ utenti okkażjonali, l-aktar barranin, b’mod partikolari tal-karozzi tal-passiġġieri; u li

·tindirizza nuqqasijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni eżistenti, jiġifieri twettiq aħjar tal-objettivi tagħha, b’mod partikolari permezz ta’ applikazzjoni aktar sempliċi tat-tariffi għall-ispejjeż esterni li attwalment teħtieġ proċess ikkumplikat ta’ ġustifikazzjoni u notifika, u l-introduzzjoni ta’ għażla ġdida ta’ tariffi għall-konġestjoni.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

3.1.Tip ta’ tariffi (pedaġġi u/jew vinjetti)

(a)Vetturi tqal (HDVs)

Filwaqt li l-Kummissjoni pproponiet li tneħħi gradwalment it-tariffi bbażati fuq il-ħin (jiġifieri ħlasijiet fuq l-utenti komunement magħrufa bħala vinjetti) wara 6 snin, skont il-pożizzjoni tal-Kunsill

·Il-vinjetti għall-HDVs għandhom jitneħħew gradwalment minn fuq in-netwerk ewlieni trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) fi żmien 8 snin

·B’massimu ta’ sentejn addizzjonali għal sistemi komuni ta’ ħlasijiet fuq l-utenti (jiġifieri t-Trattat Eurovignette 1 )

·Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati (relatati ma’ spejjeż/benefiċċji marbuta mat-traffiku/mad-densità tal-popolazzjoni jew ir-riskju ta’ devjazzjoni tat-traffiku).

Barra minn hekk, il-possibbiltà li tiġi applikata “sistema ta’ tariffi ikkombinati” tippermetti lill-Istati Membri li diġà għandhom fis-seħħ il-pedaġġi jintroduċu l-vinjetti, jiġifieri jimponu ħlasijiet fuq l-utenti fuq toroq jew kategoriji ta’ vetturi li bħalissa mhumiex soġġetti għall-pedaġġ, f’ċerti kundizzjonijiet.

Il-Kummissjoni kienet tippreferi tneħħi gradwalment il-vinjetti minn fuq in-netwerk kollu tat-TEN-T għall-HDVs kollha. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ tariffi kombinata jista’ jiġi rifless b’mod aktar preċiż fid-dispożizzjoni legali rilevanti. Fl-istess ħin, tali dispożizzjoni għandha tinqara fil-kuntest tad-Direttiva u l-premessi tagħha, u l-applikazzjoni tagħha hija limitata mis-sistemi ta’ pedaġġi diġà fis-seħħ illum. Fid-dawl tal-impatt relattivament limitat fuq l-infrastruttura u l-ispejjeż esterni ta’ HDVs iżgħar (li bħalissa huma mingħajr pedaġġ fi ftit Stati Membri), u fid-dawl tas-salvagwardji disponibbli (jiġifieri n-notifika minn qabel tal-Kummissjoni) fil-każ ta’ eċċezzjonijiet ġustifikati u l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ tariffi ikkombinati, l-Kummissjoni tista’ taċċetta l-kompromess.

(b)Vetturi ħfief

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li jitneħħew gradwalment il-vinjetti għall-vetturi ħfief. Madankollu, il-koleġiżlaturi jaqblu dwar il-possibbiltà li l-Istati Membri jżommu u jintroduċu l-vinjetti għal dawk il-vetturi (karozzi privati, vetturi kummerċjali ħfief u minibuses).

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-prezzijiet tal-vinjetta, il-Kummissjoni pproponiet limiti kemxejn aktar baxxi għal vinjetti għal perjodu qasir minn dawk previsti fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Fl-istess ħin, il-pożizzjoni tal-Kunsill issa tirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli vinjetti ta’ kuljum li jirrappreżentaw pass sinifikanti lejn ipprezzar aktar proporzjonat għall-vetturi ħfief. Barra minn hekk, huma inklużi klawżoli ta’ rieżami dwar ir-regoli applikabbli għall-vetturi ħfief b’mod ġenerali u speċifikament dwar it-trattament ta’ vetturi kummerċjali ħfief (LCVs), kif mitlub mill-Parlament Ewropew.

L-ipprezzar aktar proporzjonat huwa konformi mal-proposta tal-Kummissjoni.


3.2.Varjazzjoni tat-tariffi abbażi tal-prestazzjoni ambjentali

(a)Vetturi tqal

Il-Kummissjoni pproponiet li tissostitwixxi l-varjazzjoni bbażata fuq il-klassi tal-emissjonijiet Euro b’ varjazzjoni obbligatorja bbażata fuq l-emissjonijiet tas-CO2 ta’ HDVs (b’sustanzi li jniġġsu l-arja li għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ tariffi għall-ispejjeż esterni, ara t-taqsima 3.3). Fin-nuqqas ta’ linja bażi fiż-żmien tal-proposta, il-Kummissjoni pproponiet li tiżviluppa d-dettalji fl-atti delegati.

Fil-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, il-Parlament Ewropew segwa fil-biċċa l-kbira l-proposta u għamel biss emendi limitati relatati mat-trattament ta’ operazzjonijiet mingħajr emissjonijiet, li huma konformi mal-pożizzjoni tal-Kunsill. Il-Kunsill żviluppa d-dettalji tal-varjazzjoni bbażata fuq l-emissjonijiet tas-CO2 għal HDVs, abbażi tal--istandards tas-CO2 addottati fl-2019 2 . B’mod parallel, il-Kunsill estenda l-obbligu li t-tariffi jvarjaw ukoll għall-vinjetti (ħlasijiet fuq l-utenti).

Fid-dawl tal-proposta reċenti dwar sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq 3 , il-pożizzjoni tal-Kunsill tinkludi klawżola ta’ rieżami/evalwazzjoni biex jiġi indirizzat kwalunkwe riskju reali u perċepit ta’ duplikazzjoni fl-ipprezzar tal-karbonju.

Il-Kummissjoni tappoġġa l-metodoloġija għad-diversi tariffi bbażati fuq l-emissjonijiet tas-CO2 żviluppata fit-test tal-Kunsill flimkien ma’ klawżola ta’ rieżami.

(b)Vetturi ħfief

Il-Kummissjoni pproponiet li t-tariffi għall-użu tat-triq jiġu varjati wkoll għall-vetturi ħfief abbażi tal-prestazzjoni ambjentali tagħhom, jiġifieri billi jitqiesu kemm l-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll tas-sustanzi li jniġġsu. Il-koleġiżlaturi jaqblu li l-varjazzjoni tat-tariffi għall-karozzi tal-passiġġieri jenħtieġ tkun fakultattiva.

Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri ser ikunu meħtieġa, fejn teknikament prattikabbli, li jvarjaw il-pedaġġi għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet annwali fuq l-utent għall-vannijiet (subsett ta’ LCVs) u minibuses skont il-prestazzjoni ambjentali tal-vettura, mill-2026. L-iskema prevista fl-Artikolu 7gb u fl-Anness VII, ibbażata fuq l-aħħar standards tal-emissjonijiet, tkun indikattiva. L-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw skema differenti (eż. f’termini ta’ kriterji tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet, il-grad ta’ varjazzjoni, jew possibbilment l-inklużjoni ta’ kriterji oħra) ikollhom jiġġustifikaw l-għażla tagħhom u jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw tnaqqis għal vetturi b’emissjonijiet żero biss, mingħajr ma jvarjaw it-tariffi għal vetturi oħra u mingħajr ma jinnotifikaw lill-Kummissjoni.

Għalkemm il-Kummissjoni kienet tippreferi regola simili għal-LCVs kollha, hija tista’ tappoġġa l-kompromess peress li l-prinċipju tal-varjazzjoni tat-tariffi li tirrifletti l-ispiża tal-użu tat-toroq hija konformi mal-proposta tal-Kummissjoni.

3.3.Tariffi għall-ispiża esterna

Il-Kummissjoni pproponiet li tissimplifika t-tariffi għall-ispejjeż esterni (b’valuri ta’ referenza li jistgħu jintużaw direttament) u li tagħmilha obbligatorja għall-HDVs, tal-inqas fuq dawk il-partijiet tan-netwerk fejn l-ispiża esterna tat-tniġġis tal-arja u/jew tal-istorbju hija ogħla mill-medja. Il-pożizzjoni finali tal-Kunsill estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-obbligu billi għamlitha applikabbli fuq in-netwerk kollu ta’ pedaġġi mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva emendatorja.

Bħala regola, l-Istati Membri se jkollhom japplikaw tariffi għall-ispejjeż esterni għat-tniġġis ħlief f’każijiet speċifiċi debitament ġustifikati, li hija żieda mixtieqa fl-ambizzjoni meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni.

Il-Kunsill żied l-opzjoni biex issir tariffa għall-ħlas tal-emissjonijiet tas-CO2 bħala alternattiva għal (jew biex tintuża ikkombinata ma’) il-varjazzjoni tat-tariffa tal-infrastruttura għall-HDVs ibbażata fuq l-emissjonijiet tas-CO2 (taqsima 3.2). Filwaqt li din tirrappreżenta żieda ċara oħra fl-ambizzjoni, din se twassal għal duplikazzjoni tal-ipprezzar tal-karbonju fejn it-taxxa nazzjonali applikabbli fuq il-fjuwil diġà tinkludi komponent tas-CO2, u jekk il-fjuwils tat-trasport bit-triq jiġu inklużi fl-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet kif propost mill-Kummissjoni f’Lulju. Kif imsemmi fit-taqsima 3.2, il-klawżoli ta’ rieżami jeħtieġu jipprovdu salvagwardji biex jitnaqqas kemm jista’ jkun tali riskju. Waħda minn dawn il-klawżoli ta’ rieżami tobbliga lill-Kummissjoni taġġusta l-ammonti imposti għall-emissjonijiet tas-CO2 filwaqt li tqis il-prezz tal-karbonju effettiv applikabbli għall-fjuwils tat-trasport bit-triq fl-UE. Il-Kummissjoni tqis li s-salvagwardji huma suffiċjenti u tappoġġa l-possibbiltà li tiġi imposta tariffa għall-ispiża tal-emissjonijiet tas-CO2 sakemm din ma tkunx koperta kompletament minn strument aktar xieraq, bħall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet jew it-tassazzjoni tal-fjuwil.

3.4.Tariffi għall-konġestjoni

Il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-għażla tat-tariffi għall-konġestjoni hija fil-biċċa l-kbira konformi mal-proposta tal-Kummissjoni: L-Istati Membri jistgħu jintroduċu tariffa tal-konġestjoni fi kwalunkwe sezzjoni tan-netwerk tat-toroq tagħhom li tkun soġġetta għall-konġestjoni, u t-tariffa għandha tapplika b’mod mhux diskriminatorju għall-kategoriji kollha tal-vetturi. Il-Kunsill issostitwixxa t-tariffi massimi li jistgħu jiġu imposti b’valuri ta’ referenza li jistgħu jinqabżu f’kondizzjonijiet speċifiċi, soġġetti għal notifika lill-Kummissjoni. Żied ukoll eċċezzjoni waħda f’konformità mal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri l-Istati Membri jistgħu jeżentaw, parzjalment jew kompletament, il-minibuses, ix-xarabanks u l-kowċis. Il-Kummissjoni tista’ tagħti l-appoġġ tagħha għal dawn il-bidliet.

3.5.Żidiet

Kif propost mill-Kummissjoni, tista’ tiġi applikata żieda fi kwalunkwe żona sensittiva (mhux biss fir-reġjuni muntanjużi), u d-dħul iġġenerat miż-żieda irid jiġi investit fil-finanzjament tal-iżvilupp tas-servizzi tat-trasport, jew fil-kostruzzjoni jew il-manutenzjoni tal-infrastruttura tat-trasport tan-netwerk trans-Ewropew ewlieni.

Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, iż-żieda tista’ taqbeż il-massimu attwali ta’ 25 %, iżda biss jekk l-Istati Membri kollha involuti jaqblu, f’liema każ tista’ tkun sa 50 %. Dan lanqas mhu f’kunflitt mal-proposta tal-Kummissjoni.

3.6.Użu tad-dħul u r-rappurtar

Kif propost mill-Kummissjoni, il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrikjedi li, minbarra l-allokazzjoni tad-dħul miż-żidiet, l-Istati Membri jużaw mill-inqas ir-riżorsi finanzjarji ekwivalenti għad-dħul minn kwalunkwe tariffa imposta għall-konġestjoni biex titnaqqas il-problema tal-konġestjoni jew għall-benefiċċju tat-trasport sostenibbli.

Dwar ir-rappurtar, il-Kunsill ma setax jaqbel mar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni tal-kwalità tan-netwerk tat-toroq b’pedaġġ propost mill-Kummissjoni. Dwar aspetti oħrajn, il-pożizzjonijiet tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew ġew allinjati sew, u koprew id-diversi tariffi, il-varjazzjonijiet għal kull kategorija ta’ vetturi, kif ukoll id-dħul miġbur, l-użu tiegħu, u l-evoluzzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi li jużaw it-toroq b’pedaġġ.

Il-Kummissjoni taċċetta dan it-titjib.

3.7.Eżenzjonijiet

Il-Kummissjoni tista’ taċċetta li l-Kunsill irid iżomm il-possibbiltà li l-kuntratti ta’ konċessjoni eżistenti jiġu eżentati mill-obbligu li jvarjaw t-tariffi jew li jiġi applikat tariffa għall-ispiża esterna. Il-konċessjonijiet il-ġodda, imġedda jew emendati sostanzjalment ma jkunux eżentati. Għal dan il-għan, id-definizzjoni ta’ arranġament ta’ pedaġġ għall-użu tat-triq emendat b’mod sostanzjali ġiet żviluppata abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni.

Il-possibbiltà li jiġu eżentati l-vetturi ta’ inqas minn 12-il tunnellata se titneħħa, kif propost mill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn wara 5 snin.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tippermetti l-eżenzjoni

·ta’ vetturi ta’ inqas minn 7.5 tunnellati użati għal skopijiet artiġġjanali

·ta’ vetturi użati minn persuni b’diżabilità

·ta’ vetturi storiċi

Filwaqt li l-politika tal-Kummissjoni kienet li tillimita l-għadd ta’ eżenzjonijiet, dawk li jinżammu x’aktarx ma jikkawżawx xi distorsjoni sinifikanti u ma jkollhomx impatt sinifikanti fuq l-għanijiet ambjentali tal-proposta. Dan għaliex ikunu relatati biss ma’ segment relattivament żgħir ta’ vetturi tal-merkanzija ta’ inqas minn 7.5 tunnellati użati għal skopijiet artiġjanali, vetturi storiċi, u vetturi użati minn persuni b’diżabbiltà, li kollha kemm huma joperaw distanzi negliġibbli meta mqabbla ma’ vetturi oħra, speċjalment f’toroq b’pedaġġ. Il-Kummissjoni tista’ għalhekk taċċetta dawn l-eżenzjonijiet.

4.Konklużjoni

Minkejja li tnaqqas kemxejn il-livell ta’ ambizzjoni dwar ċerti aspetti (it-tneħħija gradwali tat-tariffi bbażati fuq il-ħin, il-varjazzjoni tat-tariffi għall-vetturi ħfief, l-eżenzjonijiet), il-pożizzjoni tal-Kunsill iżżid l-ambizzjoni fuq għadd ta’ punti oħra daqstant importanti. Dawn huma:

·Tisħiħ tad-dispożizzjoni dwar it-tariffi bbażati fuq is-CO2, partikolarment billi testendiha għas-sistemi tal-vinjetta li jibqa’

·Tariffi obbligatorji għall-ispiża esterna għat-tniġġis fuq in-netwerk kollu b’pedaġġ għall-użu tat-triq

·Opzjoni għal-tariffa fuq l-ispiża esterna tal-emissjonijiet tas-CO2 

·Applikazzjoni aktar flessibbli tat-tariffi tal-konġestjoni u ż-żidiet

·Vinjetti ta’ kuljum għall-utenti okkażjonali ta’ vetturi ħfief.

Bħala tali, il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrappreżenta progress sinifikanti fl-ipprezzar tat-toroq aktar ġust u effiċjenti u b’hekk fl-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u “l-utent iħallas”. Din l-emenda tad-Direttiva dwar l-Eurovignette hija element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Kummissjoni tappoġġaha.

(1)    Id-Danimarka, il-Lussemburgu, l-Iżvezja u n-Netherlands għadhom japplikaw din is-sistema komuni ta’ ħlasijiet fuq l-utenti għal vetturi ta’ merkanzija tqal: https://www.eurovignettes.eu/  
(2)    Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE, ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202-240
(3)    Proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 u r-Regolament (UE) 2015/757 [COM (2021) 551 final]