Brussell, 26.10.2021

COM(2021) 666 final

2021/0346(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-“Konvenzjoni ta’ Barċellona”) b’rabta mal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li temenda l-Anness tal-Protokoll għall-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-Rimi tal-Iskart minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru jew l-Inċinerazzjoni fuq il-Baħar (il-“Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart”)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-22 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis (il-“Konvenzjoni ta’ Barċellona”) u l-Protokolli tagħha b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni li temenda l-Anness tal-Protokoll għall-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-Rimi tal-Iskart minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru jew l-Inċinerazzjoni fuq il-Baħar (il-“Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart”).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Protokoll għall-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-Rimi tal-Iskart minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru jew l-Inċinerazzjoni fuq il-Baħar

Il-Konvenzjoni ta’ Barċellona u s-seba’ Protokolli tagħha adottati bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Mediterran jikkostitwixxu l-ftehim ambjentali multilaterali reġjonali vinkolanti prinċipali għall-Baħar Mediterran.

Il-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart huwa wieħed mis-seba’ Protokolli tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona. Dan għandu l-għan li jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jipprevjeni, inaqqas u jelimina kemm jista’ jkun it-tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-rimi ta’ skart jew materja oħra.

L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart 1 .

2.2.Il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha

Il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha tiġbor flimkien Ministri u uffiċjali għolja li jirrappreżentaw lill-Partijiet Kontraenti kollha għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha.

Skont l-Artikolu 15 tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona relatati ma’ kwalunkwe Protokoll għandhom japplikaw għal dan il-Protokoll.

Skont l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) għandha teżerċita d-dritt tal-vot tagħha b’għadd ta’ voti daqs l-għadd tal-Istati Membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għal din il-Konvenzjoni u għal protokoll wieħed jew aktar. L-Unjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt tal-vot tagħha meta l-Istati Membri tagħha jeżerċitaw id-dritt tagħhom u viċeversa.

2.3.L-att previst tat-22 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha

Tul it-22 laqgħa tagħhom bejn is-7 u l-10 ta’ Diċembru 2021, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandhom jadottaw Deċiżjoni li temenda l-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran kemm jista’ jkun mit-tniġġis possibbli minħabba r-rimi ta’ skart jew materja oħra (“l-att previst”).

L-att previst għandu l-għan li jemenda l-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart dwar il-fatturi li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-kriterji li jirregolaw il-ħruġ tal-permessi għad-dumping ta’ materja fil-baħar filwaqt li jitqies l-Artikolu 6 tal-Protokoll. Dawn l-emendi jqisu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Londra tal-1972 u l-Protokoll tagħha tal-1996, li t-tnejn jitqiesu bħala l-istrumenti dinjin li jirregolaw id-dumping ta’ skart u materja oħra fil-baħar, kif ukoll id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD), meta applikabbli u l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema.

L-emendi fl-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart se jkunu vinkolanti għall-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-ħtieġa li jitħarsu l-bijodiversità u l-ekosistemi marini fil-Baħar Mediterran ġiet rikonoxxuta kemm-il darba.

L-att previst għandu l-għan li jemenda l-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart dwar il-fatturi li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-kriterji li jirregolaw il-ħruġ tal-permessi għar-rimi ta’ materja fil-baħar filwaqt li jitqies l-Artikolu 6 tal-Protokoll. Dawn l-emendi jqisu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Londra tal-1972 u l-Protokoll tagħha tal-1996, li t-tnejn jitqiesu bħala l-istrumenti dinjin li jirregolaw ir-rimi ta’ skart u materja oħra fil-baħar, kif ukoll id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD), meta applikabbli u l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema.

Fid-dawl tat-22 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, jeħtieġ tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-att previst għax dan se jemenda l-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart li se jkun vinkolanti għall-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona. Peress li l-emendi fl-Anness se jaġġornaw ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran, se jimmodifikaw l-impenji u l-ambizzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, u se jtejbu l-protezzjoni tal-ambjent, huwa propost li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tal-att previst.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni.

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha hija korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Barċellona.

L-att previst se jemenda l-Anness ta’ wieħed mill-Protokolli tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, jiġifieri l-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart. Għalhekk, l-adozzjoni tiegħu tikkostitwixxi att li għandu effetti legali.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-għan u l-kontenut ewlieni tal-att previst huma relatati mal-protezzjoni tal-ambjent.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2021/0346 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (il-“Konvenzjoni ta’ Barċellona”) b’rabta mal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li temenda l-Anness tal-Protokoll għall-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-Rimi tal-Iskart minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru jew l-Inċinerazzjoni fuq il-Baħar (il-“Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1), moqri flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Protokoll tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis (il-“Konvenzjoni ta’ Barċellona”) għall-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-Rimi tal-Iskart minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru jew l-Inċinerazzjoni fuq il-Baħar (il-“Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/585/KEE 2 u daħal fis-seħħ fil-15 ta’ April 1978.

(2)Skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona, il-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha jistgħu jadottaw emendi għall-protokolli tal-Konvenzjoni.

(3)Tul it-22 laqgħa tagħhom bejn is-7 u l-10 ta’ Diċembru 2021, il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha għandhom jadottaw Deċiżjoni li temenda l-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart dwar il-fatturi li għandhom jitqiesu meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-kriterji li jirregolaw il-ħruġ tal-permessi għar-rimi ta’ materja fil-baħar filwaqt li jitqies l-Artikolu 6 tal-Protokoll.

(4)Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha jeħtieġ tiġi stabbilita għax id-Deċiżjoni se tadotta emendi fl-Anness tal-Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart li se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(5)Peress li l-emendi previsti fl-Anness se jaġġornaw ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-Baħar Mediterran, se jaffettwaw l-impenji u l-ambizzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, u se jtejbu l-protezzjoni tal-ambjent, huwa propost li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-22 Laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis (il-“Konvenzjoni ta’ Barċellona”) u l-Protokolli tagħha għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni tad-Deċiżjoni li temenda l-Anness tal-Protokoll għall-Prevenzjoni u l-Eliminazzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar Mediterran bir-Rimi tal-Iskart minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru jew l-Inċinerazzjoni fuq il-Baħar (il-“Protokoll dwar ir-Rimi tal-Iskart”).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1-2.
(2)    ĠU L 240, 19.9.1977, p. 1-2.