Brussell, 27.10.2021

COM(2021) 665 final

2021/0343(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tat-trattament prudenzjali ta’ gruppi ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti bi strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punti multipli ta’ dħul u metodoloġija għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew Capital Requirements Regulation, CRR) jistabbilixxi flimkien mad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital jew Capital Requirements Directive, CRD) il-qafas regolatorju prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw fl-Unjoni. Is-CRR u s-CRD ġew adottati wara l-kriżi finanzjarja tal-2008-2009 biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet li joperaw fis-settur finanzjarju tal-UE, fil-biċċa l-kbira bbażati fuq standards dinjija miftiehma mas-sħab internazzjonali tal-UE, b’mod partikolari l-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS, Basel Committee on Banking Supervision).

Is-CRR sussegwentement ġie emendat biex jindirizza d-dgħjufijiet li għad hemm fil-qafas regolatorju u biex jimplimenta xi elementi pendenti tar-riforma globali tas-servizzi finanzjarji li huma essenzjali biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet. Saret reviżjoni maġġuri mill-“Pakkett dwar il-Miżuri ta’ Tnaqqis tar-Riskju”, li ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-20 ta’ Mejju 2019 u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fis-7 ta’ Ġunju 2019. Dan il-pakkett inkluda fost l-oħrajn bidliet fil-qafas tar-riżoluzzjoni bankarja tal-Unjoni permezz tad-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 , li temenda d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek jew il-BRRD), ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni jew l-SRMR) u r-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , li jemenda s-CRR. Din ir-riforma implimentat fl-Unjoni l-istandard internazzjonali tal-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (Total Loss-Absorbing Capacity, TLAC) għall-istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (global systemically important institutions, G-SIIs) adottat mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Board, FSB) f’Novembru 2015 8 u tejbet l-applikazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (minimum requirement for own funds and eligible liabilities, MREL) għall-istituzzjonijiet kollha stabbiliti fl-Unjoni.

L-istandard TLAC jeħtieġ li l-G-SIIs iżommu ammont suffiċjenti ta’ obbligazzjonijiet li għandhom assorbiment tat-telf għoli (kapaċità ta’ rikapitalizzazzjoni interna) biex jiżguraw assorbiment tat-telf u rikapitalizzazzjoni f’każ ta’ riżoluzzjoni mingħajr xkiel u malajr. L-implimentazzjoni tal-istandard TLAC fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri permezz ta’ emendi għas-CRR, ħadet f’kunsiderazzjoni r-rekwiżit minimu eżistenti speċifiku għall-istituzzjonijiet għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL), stabbilit fil-BRRD 9 . Barra minn hekk, iż-żewġ settijiet ta’ regoli huma interkonnessi mill-qrib, b’mod partikolari permezz ta’ kontroreferenzi mill-BRRD u l-SRMR għas-CRR. Pereżempju, il-BRRD u l-SRMR ġeneralment jiddependu fuq il-miżura tal-iskopertura totali u l-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju kif ikkalkolati fis-CRR għall-kalkolu u l-espressjoni tal-MREL. Għaldaqstant, jenħtieġ li ż-żewġ rekwiżiti jinftiehmu bħala elementi komplementari ta’ qafas komuni 10 . Dan il-qafas rivedut għandu jiżgura aħjar li l-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet iseħħu permezz ta’ mezzi privati ladarba dawn l-istituzzjonijiet jidħlu f’diffikultajiet finanzjarji u sussegwentement jitqiegħdu f’riżoluzzjoni. It-TLAC u l-MREL huma għalhekk essenzjali għall-ġestjoni effettiva tal-kriżijiet bankarji u għat-tnaqqis tal-impatt negattiv tagħhom fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-finanzi pubbliċi. It-TLAC u r-regoli riveduti dwar l-MREL saru applikabbli fl-Unjoni fis-27 ta’ Ġunju 2019 u fit-28 ta’ Diċembru 2020, rispettivament.

F’konformità mal-istandards internazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi kemm l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-Punt Uniku ta’ Dħul (Single Point of Entry, SPE) kif ukoll l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-Punti Multipli ta’ Dħul (Multiple Point of Entry, MPE) 11 . Bl-istrateġija ta’ riżoluzzjoni SPE, entità ta’ grupp waħda biss, tipikament l-impriża omm, hija riżolta (“entità ta’ riżoluzzjoni”), filwaqt li entitajiet oħra tal-grupp, normalment sussidjarji operattivi, mhumiex soġġetti għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Minflok, it-telf ta’ dawn is-sussidjarji jiġi ttrasferit lill-entità ta’ riżoluzzjoni u l-kapital jiġi trażmess lis-sussidjarja. Dan jiżgura li s-sussidjarji jistgħu jkomplu joperaw mingħajr xkiel anki wara li jkunu laħqu l-punt ta’ nonvijabbiltà. Kull entità ta’ riżoluzzjoni tifforma “grupp ta’ riżoluzzjoni” flimkien mas-sussidjarji li jappartjenu lilha u li huma nfushom mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni. Skont l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE, aktar minn entità waħda tal-grupp bankarju tista’ tiġi riżolta. Konsegwentement, jista’ jkun hemm aktar minn entità ta’ riżoluzzjoni waħda u għalhekk aktar minn grupp wieħed ta’ riżoluzzjoni fil-grupp bankarju. Il-prinċipju sottostanti tal-approċċ ta’ riżoluzzjoni tal-MPE huwa li jippermetti r-riżoluzzjoni ta’ grupp ta’ riżoluzzjoni partikolari b’mod fattibbli u kredibbli mingħajr ma jimmina r-riżolvibbiltà ta’ entitajiet ta’ riżoluzzjoni u gruppi ta’ riżoluzzjoni oħrajn fl-istess grupp bankarju konsolidat.

Il-qafas rivedut tar-riżoluzzjoni bankarja jipprevedi li l-MREL għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jiġi stabbilit fil-livell konsolidat ta’ grupp ta’ riżoluzzjoni (“MREL estern”) 12 . Barra minn hekk, dan il-qafas jipprevedi kif jenħtieġ li l-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni tiġi allokata fil-gruppi ta’ riżoluzzjoni (“MREL intern”) 13 .

Skont il-BRRD, bħala regola, l-istrumenti finanzjarji li huma eliġibbli għal MREL intern iridu jinżammu mill-entità ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri tipikament l-impriża omm 14 . Ir-raġunament ta’ din ir-regola huwa li jiġi żgurat li l-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ sussidjarja tiġi pprovduta mill-kumpanija omm tagħha, jiġifieri mill-entità ta’ riżoluzzjoni. Din il-kumpanija omm jista’ jkollha strumenti eliġibbli għall-MREL interni jew direttament jew indirettament permezz ta’ entitajiet oħra fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni (ara l-illustrazzjoni hawn taħt). Il-possibbiltà li l-istrumenti jiġu sottoskritti indirettament mill-kumpanija omm permezz ta’ entitajiet intermedji kienet iġġustifikata mill-fatt li l-obbligu ta’ konformità mal-MREL intern jenħtieġ li ma jbiddilx bla bżonn il-kanali ta’ finanzjament eżistenti ta’ gruppi bankarji fejn il-finanzjament għall-akkwist ta’ tali strumenti jkun strutturat madwar il-ktajjen ta’ sjieda u jitqassam lis-sussidjarji fil-grupp permezz ta’ entitajiet intermedji u mhux direttament mill-kumpaniji omm aħħarin (entitajiet ta’ riżoluzzjoni).

Illustrazzjoni: Sottoskrizzjoni ta’ strumenti interni eliġibbli għall-MREL (direttament jew indirettament)

Biex jitħaddem l-approċċ ta’ sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli interni għall-MREL fil-gruppi ta’ riżoluzzjoni, imsejjaħ ukoll l-approċċ tal-“daisy chain”, u biex jiġi żgurat li jkun prudenzjalment sod, il-koleġiżlaturi taw mandat lill-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA) biex tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji (regulatory technical standards, RTS) u l-Kummissjoni tadotta fuq din il-bażi att delegat biex tispeċifika metodoloġija għal tali ħruġ indirett ta’ strumenti eliġibbli 15 . Skont il-mandat tal-BRRD, jenħtieġ li din il-metodoloġija:

·tippermetti trasferiment xieraq ta’ telf minn sussidjarji lill-kumpanija omm aħħarija tagħhom (entità ta’ riżoluzzjoni) u trasferiment xieraq ta’ kapital minn din il-kumpanija omm lis-sussidjarji;

·tiżgura li l-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tas-sussidjarja ma tingħaddx ukoll għall-finijiet ta’ konformità mal-MREL intern mill-kumpanija omm intermedja; kif ukoll

·tiżgura li l-eżitu tagħha jkun ekwivalenti għal dak ta’ sottoskrizzjoni diretta mill-kumpanija omm aħħarija (entità ta’ riżoluzzjoni) ta’ strumenti eliġibbli maħruġa minn sussidjarji.

Sa mill-bidu tal-2020, l-EBA ilha taħdem fuq dan l-abbozz tal-RTS fuq il-bażi ta’ reġim tat-tnaqqis, f’konformità mal-mandat stabbilit fil-BRRD u r-rakkomandazzjonijiet fl-istandards internazzjonali rilevanti 16 . Ir-reġim tat-tnaqqis żviluppat mill-EBA jipprevedi li l-istrumenti eliġibbli interni tal-MREL maħruġa minn sussidjarji lill-entità ta’ riżoluzzjoni permezz ta’ kumpanija omm intermedja jkollhom jitnaqqsu kompletament mill-ammont tal-kapaċità interna MREL tal-entità intermedja stess. Approċċ ta’ tnaqqis bħal dan tqies bħala l-aktar konsistenti mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-mandat tal-BRRD u li jwassal għall-operazzjonalizzazzjoni tal-qafas intern tal-MREL 17 .

Il-metodoloġija żviluppata mill-EBA kienet soġġetta għal konsultazzjoni pubblika 18 . Ir-rispons għall-konsultazzjoni wera appoġġ ġenerali għall-abbozz tal-RTS, iżda enfasizza diversi inkonsistenzi tar-rekwiżiti għad-delega stabbiliti fil-BRRD mar-regoli prudenzjali eżistenti stabbiliti fis-CRR. Għalhekk, f’ittra lill-Kummissjoni Ewropea bid-data tal-25 ta’ Jannar 2021 19 , l-EBA spjegat li l-interazzjonijiet bejn il-BRRD u s-CRR ma jippermettux l-applikazzjoni tat-trattament prudenzjali meħtieġ biex il-mandat jiġi ssodisfat kif kien maħsub oriġinarjament. B’mod aktar preċiż, l-EBA nnotat li s-CRR ma ppermettiex it-tnaqqis tal-istrumenti eliġibbli interni tal-MREL u, sussegwentement, għall-applikazzjoni ta’ ponderazzjoni tar-riskju xierqa ta’ żero fil-mija fil-każijiet kollha rilevanti għall-mandat skont il-BRRD. Ġew identifikati kwistjonijiet simili fil-qasam tar-rekwiżit tal-proporzjon ta’ ingranaġġ tas-CRR. Din is-sitwazzjoni mhux biss tiġġenera inkonsistenza bejn il-qafas prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni iżda tmur ukoll kontra r-rekwiżit tal-mandat tal-BRRD li jiġi ġġenerat eżitu ekwivalenti għal dak ta’ sottoskrizzjoni diretta, skont l-EBA. Ġie konkluż li r-rekwiżiti tal-BRRD ma setgħux jiġu ssodisfati mingħajr dispożizzjonijiet addizzjonali li l-RTS ma setax ikollu waħdu iżda kien jeħtieġ li pjuttost jiddependi fuq it-test tal-Livell 1 biex jispeċifika.

Minbarra l-ħtieġa li tiġi operazzjonalizzata s-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli għal MREL intern, ġew identifikati xi kwistjonijiet oħra relatati mar-riżoluzzjoni minn meta l-qafas rivedut tat-TLAC/MREL sar applikabbli fl-2019 20 . Dawn il-kwistjonijiet huma prinċipalment relatati mat-trattament regolatorju tal-gruppi G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE, inklużi dawn il-gruppi tal-MPE li għandhom sussidjarji f’pajjiżi terzi. Pereżempju, is-CRR bħalissa ma jispeċifikax jekk id-diversi aġġustamenti għat-TLAC 21 għal G-SIIs bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE jkoprux ukoll dawk is-sussidjarji ta’ G-SII li jinsabu f’pajjiż terz. Barra minn hekk, il-formula 22 għall-kalkolu tas-surplus tat-TLAC/MREL ta’ sussidjarja fil-kuntest tar-reġim ġenerali tat-tnaqqis applikabbli għall-G-SIIs bi strateġija ta’ riżoluzzjoni MPE tiddependi fuq ir-rekwiżit TLAC/MREL ibbażat fuq ir-riskju tas-sussidjarja biss, filwaqt li tħalliet barra milli tqis ukoll it-TLAC/MREL mhux ibbażat fuq ir-riskju. Kwistjonijiet oħra jinkludu xi kontradizzjonijiet fit-test tal-Livell 1, b’mod partikolari fir-rigward tal-interazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-CRR u fil-BRRD 23 li huma rilevanti biex jiġu indirizzati l-inkonsistenzi potenzjali bejn ir-rekwiżiti tal-SPE u tal-MPE. Fl-aħħar nett, ġew osservati xi kwistjonijiet fir-rigward tal-kriterji 24 biex l-istrumenti jkunu eliġibbli għall-konformità mar-rekwiżit intern tat-TLAC, li huwa ta’ rilevanza meta jiġi indirizzat il-falliment tas-sussidjarji tal-UE ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti mhux tal-UE (G-SIIs).

Xi bidliet immirati għal aspetti speċifiċi relatati mar-riżoluzzjoni tas-CRR huma meħtieġa biex jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ hawn fuq. B’mod partikolari, it-trattament regolatorju tal-gruppi G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE, inkluż ta’ dawk il-gruppi MPE li għandhom sussidjarji f’pajjiżi terzi, jeħtieġ li jkun allinjat aħjar mat-trattament deskritt fl-istandard TLAC. Dan jgħin biex jiġi żgurat li, f’każ ta’ riżoluzzjoni, kull entità ta’ riżoluzzjoni u grupp li jappartjenu għal dawk il-G-SIIs ikunu jistgħu jkomplu jwettqu funzjonijiet kritiċi mingħajr ir-riskju ta’ kontaġju. L-emendi proposti ma jbiddlux l-istruttura ġenerali tal-qafas iżda jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tat-TLAC u l-MREL.

L-ewwel nett, huwa neċessarju li jiġi inkorporat direttament fis-CRR trattament prudenzjali ddedikat relatat mas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli għal MREL intern (approċċ ta’ daisy chain). Il-modifiki proposti għas-CRR jindirizzaw l-inkonsistenzi identifikati bejn is-CRR u l-BRRD, li ġew deskritti fl-ittra tal-EBA lill-Kummissjoni Ewropea bid-data tal-25 ta’ Jannar 2021. B’mod aktar preċiż, ir-reġim tat-tnaqqis, li ġie żviluppat mill-EBA fil-kuntest tal-abbozz tal-RTS skont il-BRRD, ikun inkorporat direttament fis-CRR. Dan jiżgura funzjonament xieraq tas-sottoskrizzjoni indiretta tal-MREL intern fi gruppi ta’ riżoluzzjoni b’diversi saffi ta’ sjieda, f’konformità mal-ftehim politiku milħuq matul in-negozjati tad-Direttiva (UE) 2019/879. Barra minn hekk, ir-reviżjonijiet jiżguraw li t-trattament tal-holdings ta’ strumenti eliġibbli interni tal-MREL jibqa’ allinjat kemm fil-qafas ta’ riżoluzzjoni kif ukoll f’dak prudenzjali, u b’hekk jippermetti l-operazzjonalizzazzjoni tal-metodoloġija ta’ tnaqqis żviluppata mill-EBA u, fl-istess ħin, jevita l-introduzzjoni ta’ kumplessità mhux dovuta fit-trattament ta’ dawn l-iskoperturi.

It-tieni nett, id-dispożizzjonijiet tas-CRR dwar il-paragun bejn is-somma tar-rekwiżiti attwali tat-TLAC tal-gruppi ta’ riżoluzzjoni kollha fi grupp G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE mar-rekwiżit teoretiku tal-SPE ta’ dan il-grupp G-SII jeħtieġ li jiġu ċċarati 25 . Il-bidliet proposti huma meħtieġa biex jiċċaraw il-punt sa fejn l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jindirizzaw l-inkonsistenzi potenzjali bejn ir-rekwiżiti tal-SPE u tal-MPE. Dan jinkiseb billi t-trattament CRR jiġi allinjat ma’ dak previst skont il-BRRD 26 u l-istandard TLAC 27 .

It-tielet nett, jeħtieġ li tiġi emendata l-formula għall-kalkolu tas-surplus tat-TLAC/MREL ta’ sussidjarja fil-kuntest tar-reġim ġenerali tat-tnaqqis applikabbli għall-G-SIIs bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE 28 biex jiġi żgurat li din il-formula tqis kemm ir-rekwiżiti TLAC/MREL ibbażati fuq ir-riskju kif ukoll dawk mhux ibbażati fuq ir-riskju tas-sussidjarja, f’konformità mal-istandard TLAC. Dan jevita li s-surplus tat-TLAC/MREL ta’ sussidjarja partikolari jiġi sopravalutat.

Ir-raba’, jenħtieġ li xi dispożizzjonijiet tas-CRR applikabbli għall-G-SIIs bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE jiġu ċċarati biex jippermettu l-konsiderazzjoni ta’ sussidjarji stabbiliti barra mill-Unjoni. Dan jallinja s-CRR mal-prinċipju TLAC korrispondenti miftiehem internazzjonalment, li huwa applikabbli fir-rigward tas-sussidjarji stabbiliti fil-ġurisdizzjonijiet kollha tal-FSB.

Il-ħames, xi kjarifiki mmirati fil-kuntest tar-rekwiżit għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għal istituzzjonijiet li huma sussidjarji materjali ta’ G-SIIs mhux tal-UE (“TLAC intern”) huma meħtieġa biex jiġi żgurat li strumenti ta’ dejn maħruġa minn dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha għal strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli. Ir-raġuni għal din il-bidla hija li attwalment il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-istrumenti tal-obbligazzjonijiet eliġibbli huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li dawn l-istrumenti jinħarġu minn entità ta’ riżoluzzjoni, u mhux minn sussidjarji soġġetti għal rekwiżit intern tat-TLAC. Id-distakk jiġi indirizzat billi jiġi ċċarat li l-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà applikabbli għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni japplikaw ukoll għal entitajiet mhux ta’ riżoluzzjoni, mutatis mutandis. Dan, min-naħa tiegħu, jippermetti lil dawn l-istituzzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżit tat-TLAC intern tagħhom fost oħrajn b’obbligazzjonijiet eliġibbli, kif oriġinarjament maħsub mill-koleġiżlaturi 29 .

Dawn l-emendi proposti għas-CRR jista’ jkollhom rwol essenzjali fit-titjib tar-riżolvibbiltà ta’ istituzzjoni. Minħabba li d-dispożizzjonijiet korrispondenti huma diġà applikabbli fl-Unjoni, il-modifiki proposti jeħtieġ li jsiru fil-ħin. Il-ħtieġa għal adozzjoni mħaffa hija amplifikata aktar mill-fatt li l-gruppi bankarji jeħtieġu ċarezza dwar il-mekkaniżmu tal-katina tal-ħalib biex jiddeċiedu kif l-aħjar jippożizzjonaw il-kapaċità interna tagħhom tal-MREL fid-dawl tal-iskadenza ġenerali tal-konformità tal-MREL li hija stabbilita għall-1 ta’ Jannar 2024, b’miri intermedji vinkolanti li jeħtieġ li jiġu rrispettati sal-1 ta’ Jannar 2022 30 .

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta tintroduċi emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti. Dawn l-emendi huma kompletament konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tar-rekwiżiti prudenzjali u ta’ riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet. Il-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għandu l-għan li jiżgura li l-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek iseħħu permezz ta’ mezzi privati ladarba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tiddeterjora u sussegwentement jitqiegħdu f’riżoluzzjoni. Billi tiffaċilita s-sottoskrizzjoni indiretta tal-MREL intern fil-gruppi ta’ riżoluzzjoni, billi tallinja aħjar it-trattament regolatorju tal-gruppi bankarji ma’ strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE mal-istandard TLAC, u billi tispeċifika aktar uħud mill-kriterji għall-eliġibbiltà għall-konformità mar-rekwiżit intern tat-TLAC, il-proposta se ttejjeb l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti tal-Unjoni fir-rigward tal-iżgurar tar-riżolvibbiltà tal-gruppi bankarji. Dan l-eżitu huwa konsistenti ma’ u se jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi ġenerali tal-qafas tar-riżoluzzjoni bankarja tal-Unjoni li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja u jitnaqqas l-appoġġ tal-kontribwenti fir-riżoluzzjoni bankarja.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Ir-Regolament propost huwa strumentali għal applikazzjoni xierqa tar-rieżami usa’ tal-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni proposta fl-2016 u adottata fl-2019 (Pakkett ta’ Miżuri għat-Tnaqqis tar-Riskju), bil-għan li jitnaqqsu r-riskji fis-settur finanzjarju filwaqt li jiġi promoss il-finanzjament sostenibbli tal-attività ekonomika. Għaldaqstant, il-proposta hija kompletament konsistenti mal-għanijiet fundamentali tal-UE li tkun promossa l-istabbiltà finanzjarja, jitnaqqas l-appoġġ tal-kontribwenti f’riżoluzzjoni bankarja kif ukoll li jkun hemm kontribut għal finanzjament sostenibbli tal-ekonomija.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU), jiġifieri l-istess bażi ġuridika tal-atti leġiżlattivi li qegħdin jiġu emendati. 

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettivi segwiti mir-Regolament propost għandhom l-għan li jissupplimentaw u jemendaw il-leġiżlazzjoni tal-UE diġà eżistenti (is-CRR u l-BRRD) u għalhekk jistgħu jinkisbu l-aħjar fil-livell tal-UE aktar milli permezz ta’ inizjattivi nazzjonali differenti. Il-kapaċità tal-Istati Membri li jadottaw miżuri nazzjonali hija limitata billi s-CRR u l-BRRD diġà jirregolaw dawn il-kwistjonijiet, u l-bidliet fil-livell nazzjonali jkunu f’kunflitt mal-liġi tal-Unjoni li hemm attwalment fis-seħħ.

L-emendi proposti jippromwovu aktar applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti prudenzjali, il-konverġenza ta’ prattiki superviżorji u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku għas-servizzi bankarji. Dawn l-objettivi ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Jekk l-Unjoni kellha tieqaf tirregola dawn l-aspetti, is-suq intern għas-servizzi bankarji jkun soġġett għal ġabriet differenti ta’ regoli, u dan iwassal għall-frammentazzjoni u jdgħajjef il-ġabra unika ta’ regoli li saret reċentement f’dan il-qasam.

Proporzjonalità

Din l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jinkiseb l-objettiv li tittejjeb l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti tal-Unjoni fir-rigward tal-iżgurar tar-riżolvibbiltà tal-gruppi bankarji. L-emendi proposti ma jmorrux lil hinn mill-indirizzar ta’ dispożizzjonijiet magħżula fil-qafas prudenzjali tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet li jimmiraw esklużivament lejn miżuri mmirati biex jiżguraw funzjonament bla xkiel tar-rekwiżiti għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli. Barra minn hekk, l-emendi proposti huma limitati għal dawk il-kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati fil-marġni ta’ diskrezzjoni eżistenti li r-regoli attwali jipprevedu.

L-għażla tal-istrument

Qed jiġi propost li l-miżuri jiġu implimentati billi s-CRR jiġi emendat permezz ta’ Regolament. Il-miżuri proposti jemendaw ir-regoli eżistenti dwar l-applikazzjoni tar-rekwiżiti għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli stabbiliti fis-CRR. Għalhekk, regolament huwa strument xieraq għall-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti 

Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt separata, billi din il-proposta ma tibdilx l-aspetti fundamentali tas-CRR iżda prinċipalment għandha l-għan li tiċċara r-relazzjoni legali bejn żewġ strumenti eżistenti tal-liġi tal-UE, jiġifieri s-CRR u l-BRRD, billi tinkorpora direttament fis-CRR trattament iddedikat għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli għal MREL intern. Kjarifiki jiżguraw li ż-żewġ oqfsa interkonnessi ħafna jibqgħu fil-biċċa l-kbira allinjati. Dan, min-naħa tiegħu, jippermetti lill-istituzzjonijiet ikomplu jikkalkulaw, jirrapportaw u jiddivulgaw sett wieħed tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju u l-kejl tal-iskopertura totali għall-fini kemm tas-CRR kif ukoll tal-BRRD, u b’hekk tiġi evitata żieda eċċessiva fil-kumplessità.

Barra minn hekk, l-impatt tal-miżuri li qed jiġu emendati minn din il-proposta diġà kien soġġett għal analiżi fil-valutazzjonijiet tal-impatt li saru għar-Regolament (UE) 2019/876 u d-Direttiva (UE) 2019/879. Dan jinkludi l-ħtieġa possibbli li jinħarġu strumenti eliġibbli MREL addizzjonali biex ikun hemm konformità mal-MREL intern, kif introdott mill-koleġiżlaturi permezz tal-BRRD riveduta. Il-proposta hija bbażata b’mod ġenerali fuq il-ħidma preparatorja mwettqa mill-EBA, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp tal-istandards tekniċi regolatorji dwar is-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli għall-MREL interni fil-gruppi ta’ riżoluzzjoni. Il-proposta primarjament għandha l-għan li tindirizza l-konsegwenzi mhux intenzjonati relatati mal-qafas TLAC/MREL eżistenti li jirriżultaw mir-regoli li bħalissa jinsabu fis-CRR.

L-emendi proposti jkollhom impatt limitat fuq il-piż amministrattiv għall-istituzzjonijiet u l-ispejjeż għalihom biex jadattaw l-operazzjonijiet interni tagħhom, bil-biċċa l-kbira tal-ispejjeż mistennija li jiġu kkumpensati billi jippermettu l-approċċ ta’ sottoskrizzjoni indiretta tal-istrumenti eliġibbli interni tal-MREL fil-gruppi ta’ riżoluzzjoni biex jiffunzjonaw sew u, għall-istituzzjonijiet ikkonċernati, mill-benefiċċji derivati f’termini ta’ rikonoxximent imtejjeb ta’ sussidjarji ta’ pajjiżi terzi u billi jispeċifikaw aktar l-eliġibbiltà ta’ strumenti maħruġa fil-kuntest tar-rekwiżit intern tat-TLAC.

Drittijiet fundamentali

L-Unjoni hija impenjata li tilħaq standards għoljin ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u hija firmatarja għal ġabra wiesa’ ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, il-proposta aktarx li mhux se jkollha impatt dirett fuq dawn id-drittijiet, kif elenkati fil-konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).

4.    IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

(1)Trattament iddedikat għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli għal MREL intern

Sabiex jiġi implimentat il-ftehim politiku milħuq matul in-negozjati tad-Direttiva (UE) 2019/879, huwa propost li jiġi introdott ir-reġim tat-tnaqqis, li ġie żviluppat mill-EBA fil-kuntest tal-abbozz tal-RTS skont il-BRRD, direttament fis-CRR. Ir-Regolament propost għalhekk jintroduċi, fl-Artikolu 72e(5) tas-CRR, rekwiżit li l-kumpaniji omm intermedji tul il-katina ta’ sjieda jkollhom inaqqsu mill-kapaċità interna tagħhom stess tal-MREL l-ammont tal-parteċipazzjonijiet tagħhom fi strumenti eliġibbli interni tal-MREL, inklużi l-fondi proprji, maħruġa mis-sussidjarji tagħhom li jappartjenu għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

L-introduzzjoni ta’ reġim tat-tnaqqis hija meħtieġa. Minn perspettiva ta’ riżoluzzjoni, ir-reġim jiżgura titjib adegwat tat-telf u tnaqqis tal-kapital bejn l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni u s-sussidjarji aħħarin tagħhom, jevita l-għadd doppju tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tas-sussidjarja għall-finijiet ta’ konformità mal-MREL intern mill-kumpanija omm intermedja u jipprevedi eżitu ekwivalenti għal dak ta’ sottoskrizzjoni diretta sħiħa mill-entità ta’ riżoluzzjoni tal-istrumenti maħruġa mis-sussidjarji aħħarin tagħhom. Barra minn hekk, ir-reġim tat-tnaqqis huwa meħtieġ ukoll minn perspettiva prudenzjali, billi, mingħajr tali reġim, il-proporzjonijiet ta’ solvenza individwali ta’ kumpaniji omm intermedji ma jirriflettux b’mod xieraq u prudenti l-kapaċità attwali tagħhom ta’ assorbiment tat-telf, billi dawn il-proporzjonijiet jinkludu wkoll il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tas-sussidjarji tagħhom. Dan jista’ jikkomprometti l-funzjonament xieraq tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni magħżula, billi l-kumpanija omm intermedja tista’ tuża mhux biss il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tagħha stess iżda wkoll dik tas-sussidjarja tagħha, qabel ma l-kumpanija omm intermedja jew is-sussidjarja ma jibqgħux vijabbli. L-approċċ tat-tnaqqis jiżgura li l-kumpaniji omm intermedji jirrapportaw il-fondi proprji disponibbli biss sa fejn dawn ikunu relatati mar-riskji marbuta mal-karta bilanċjali tagħhom stess. Barra minn hekk, l-approċċ iwassal għal applikazzjoni f’waqtha ta’ restrizzjonijiet fuq l-ammont massimu distribwibbli skont l-Artikoli 141 u 141b tas-CRD, l-Artikolu 16a tal-BRRD u tad-determinazzjoni li l-kumpanija omm intermedja ma għadhiex vijabbli.

Jenħtieġ li r-reġim tat-tnaqqis japplika għall-kumpaniji omm intermedji kollha li huma istituzzjonijiet jew entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), il-punti minn (b) sa (d) tal-BRRD u li huma meħtieġa jikkonformaw mal-MREL intern kif determinat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, irrispettivament minn jekk humiex parti minn gruppi G-SII. Bħala tali, jenħtieġ li r-referenzi għal elementi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli jinftiehmu wkoll bħala li jinkludu l-obbligazzjonijiet eliġibbli biex jikkonformaw mal-MREL intern skont l-Artikolu 45f(2), il-punt (a), tal-BRRD.

Ir-reġim tat-tnaqqis huwa strettament limitat għall-kumpaniji omm intermedji fil-kuntest tas-sottoskrizzjonijiet indiretti tal-istrumenti MREL interni. Għalhekk, l-Artikolu 49(2) tas-CRR jeħtieġ li jiġi emendat biss fir-rigward ta’ skoperturi li huma soġġetti għat-trattament il-ġdid stabbilit fl-Artikolu 72e(5) tas-CRR. Barra minn hekk, biex jiġi żgurat li r-reġim tat-tnaqqis il-ġdid jibqa’ proporzjonat, l-istituzzjonijiet se jkunu jistgħu jagħżlu t-taħlita ta’ strumenti (fondi proprji kontra obbligazzjonijiet eliġibbli) li bihom il-kumpanija omm intermedja tiffinanzja l-akkwist ta’ strumenti MREL interni tas-sussidjarji tagħha. Dan jinkiseb billi l-ewwel jiġi applikat it-tnaqqis għall-istokk ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli tal-kumpanija omm intermedja. Huwa biss meta l-ammont li jrid jitnaqqas jaqbeż l-istokk ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli tal-kumpanija omm intermedja, li t-tnaqqis li jifdal ikollu jiġi applikat għall-istokk tagħha ta’ fondi proprji għal skopijiet prudenzjali, li jibdew bl-entrati tal-Grad 2 (l-Artikolu 66, il-punt (e) tas-CRR) 31 . F’termini prattiċi, dan ifisser li l-kumpanija omm intermedja tista’ tevita kompletament kwalunkwe tnaqqis relatat mal-fondi proprji sakemm toħroġ obbligazzjonijiet eliġibbli għall-MREL suffiċjenti lill-entità ta’ riżoluzzjoni.

F’xi każijiet eċċezzjonali, jiġifieri fejn l-MREL intern u t-TLAC intern ma jiġux applikati fuq bażi individwali iżda fuq bażi konsolidata 32 , reġim tat-tnaqqis jista’ jkun eċċessiv, li potenzjalment jirriżulta f’penali doppja skont l-approċċ tat-tnaqqis kollu previst ibbażat fuq iż-żamma. Tabilħaqq, f’dawn is-sitwazzjonijiet, jenħtieġ li l-kumpanija omm intermedja tassorbi t-telf tas-sussidjarji tagħha u għalhekk ikollha biżżejjed kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni biex tkopri l-ħtiġijiet tagħha stess kif ukoll il-ħtiġijiet tas-sussidjarji fil-perimetru tal-konsolidazzjoni. Għaldaqstant, dawn il-kawżi huma eżentati mis-reġim tat-tnaqqis 33 .

Jenħtieġ li s-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli interni tal-MREL tiżgura li, meta sussidjarja tilħaq il-punt ta’ nonvijabbiltà, it-telf jiġi effettivament ittrasferit lill-entità ta’ riżoluzzjoni, u s-sussidjarja kkonċernata tiġi rikapitalizzata minnha. Għalhekk, dan it-telf ma għandux jiġi assorbit mill-kumpanija omm intermedjarja, li ssir sempliċi mezz sabiex dan it-telf jiġi ttrasferit lill-entità ta’ riżoluzzjoni. Konsegwentement, u biex jiġi żgurat li l-eżitu tas-sottoskrizzjoni indiretta jkun ekwivalenti għal dak ta’ sottoskrizzjoni diretta sħiħa kif maħsub mill-koleġiżlaturi skont l-Artikolu 45f(6) tal-BRRD, ir-reġim tat-tnaqqis ikun akkumpanjat mill-applikazzjoni ta’ ponderazzjoni tar-riskju ta’ 0 % għall-iskoperturi soġġetti għal dan ir-reġim u minn esklużjoni korrispondenti ta’ dawn l-iskoperturi mill-kalkolu tal-kejl tal-iskopertura totali tal-proporzjon ta’ ingranaġġ. Dan huwa rifless fl-Artikoli 113(1), 151(1) u 429a(1) tas-CRR.

L-approċċ deskritt hawn fuq jippermetti l-implimentazzjoni tas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti MREL interni f’konformità mal-kundizzjonijiet miftehma mill-koleġiżlaturi matul in-negozjati tad-Direttiva (UE) 2019/879 u riflessi fil-mandat li ngħata lill-EBA. Barra minn hekk, dan l-approċċ huwa sempliċi, b’mod partikolari meta mqabbel ma’ xenarju fejn it-tnaqqis meħtieġ jiġi applikat fil-qafas ta’ riżoluzzjoni biss. Billi jżommu t-trattament stabbilit fiż-żewġ oqfsa interkonnessi ħafna, is-CRR u l-BRRD, allinjati, l-istituzzjonijiet jistgħu jkomplu jikkalkulaw, jirrapportaw u jiddivulgaw sett wieħed tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju u l-kejl tal-iskopertura totali għall-fini kemm tas-CRR kif ukoll tal-BRRD, u b’hekk tiġi evitata żieda eċċessiva fil-kumplessità.

Billi t-trattament iddedikat żviluppat mill-EBA fil-kuntest tal-abbozz tal-RTS skont il-mandat tal-BRRD huwa inkorporat direttament fis-CRR, l-RTS ma għadux meħtieġ. Konsegwentement, l-Artikolu 45f(6) tal-BRRD huwa mħassar.

(2)Tqabbil bejn ir-rekwiżit teoretiku tal-SPE u s-somma tar-rekwiżiti attwali tal-MPE

L-Artikolu 12a tas-CRR jistipula li l-gruppi G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE iridu jikkalkulaw ir-rekwiżit tat-TLAC tagħhom imsemmi fl-Artikolu 92a(1), punt (a) tas-CRR bis-suppożizzjoni teoretika li l-grupp se jiġi riżolt skont strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-SPE (rekwiżit teoretiku tal-SPE). Dan ir-rekwiżit teoretiku tal-SPE mbagħad għandu jitqabbel mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni mas-somma tar-rekwiżiti attwali tat-TLAC ta’ kull entità ta’ riżoluzzjoni ta’ dan il-grupp taħt strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE (rekwiżiti tal-MPE). Madankollu, id-dispożizzjonijiet tas-CRR fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ dan il-paragun huma inkonsistenti.

B’mod aktar preċiż, meta r-rekwiżit teoretiku tal-SPE jkun inqas mis-somma tar-rekwiżiti attwali tal-MPE, l-Artikolu 92a(3) tas-CRR attwalment jistipula li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jaġixxu skont l-Artikoli 45d(4) u 45h(2) tal-BRRD. B’kuntrast ma’ dan, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 12a tas-CRR jistipula li dawk l-awtoritajiet għandhom jaġixxu f’dak il-każ. Bl-istess mod, meta r-rekwiżit teoretiku tal-SPE jkun ogħla mis-somma tar-rekwiżiti attwali tal-MPE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12a tas-CRR jistipula li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jaġixxu, li jidher li huwa f’kuntrast mal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 45h(2) tal-BRRD. Dan l-aħħar subparagrafu jipprevedi li s-somma tar-rekwiżiti attwali tal-MPE 34 qatt m’ għandha tkun aktar baxxa mir-rekwiżiti teoretiċi tal-SPE 35 u b’hekk tiċċara li f’dan il-każ l-azzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni hija obbligatorja, aktar milli fakultattiva.

Fl-isfond ta’ hawn fuq, huwa propost li jiġi emendat l-Artikolu 12a tas-CRR biex jiġi ċċarat li, fuq il-bażi tal-kalkolu stabbilit f’dan l-Artikolu, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni dejjem jaġixxu skont l-Artikoli 45d(4) u 45h(2) tal-BRRD. L-Artikolu 92a(3) tas-CRR jista’ mbagħad jitħassar. Dan ineħħi l-inkonsistenzi mis-CRR, jallinja d-dispożizzjonijiet tas-CRR ma’ dawk stabbiliti fil-BRRD u mal-istandard TLAC, u jiżgura li kwalunkwe rekwiżit MREL addizzjonali ddeterminat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 45d(1), punt (b) tal-BRRD dejjem jittieħed f’kunsiderazzjoni.

(3)Tnaqqis minn elementi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli rekwiżiti mhux ibbażati fuq ir-riskju għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

L-Artikolu 72e tas-CRR jipprovdi reġim tat-tnaqqis direttament applikabbli għall-G-SIIs bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE. Dan huwa konformi mal-istandard TLAC, li għandu l-għan li jiżgura li għall-gruppi G-SII b’aktar minn entità ta’ riżoluzzjoni waħda, il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf ta’ kull entità ta’ riżoluzzjoni tiġi kkalkolata bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe skopertura għal entitajiet ta’ riżoluzzjoni oħrajn fl-istess grupp li jikkorrispondu għal strumenti TLAC. Il-ħsieb wara din id-dispożizzjoni huwa li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ kontaġju fi grupp G-SII u li jiġi żgurat li l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom biżżejjed kapaċità disponibbli ta’ assorbiment tat-telf f’każ ta’ falliment, li jenħtieġ li ma jitnaqqasx minn telf li jirriżulta minn parteċipazzjonijiet intragrupp ta’ strumenti tat-TLAC. Mingħajr dan it-tnaqqis, il-falliment ta’ entità ta’ riżoluzzjoni waħda fil-grupp G-SII iwassal għal telf f’entitajiet ta’ riżoluzzjoni oħrajn ta’ dan il-grupp u konsegwentement għal tnaqqis fil-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ dawk l-entitajiet ta’ riżoluzzjoni.

Fl-Artikolu 72e(4) tiegħu, is-CRR jipprovdi wkoll eċċezzjoni għal dan ir-reġim ġenerali tat-tnaqqis. Din l-eċċezzjoni tispeċifika li t-tnaqqis ta’ fondi proprji u elementi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli, maħruġa minn sussidjarja u miżmuma mill-kumpanija omm, jistgħu jitnaqqsu fil-livell tal-kumpanija omm jekk l-ammont ta’ dan it-tnaqqis minflok jitnaqqas fil-livell tas-sussidjarja mill-kapaċità tagħha ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni.

Waħda mill-prekundizzjonijiet biex jitnaqqas it-tnaqqis fil-livell tal-kumpanija omm, u minflok jitnaqqas l-ammont ta’ dan it-tnaqqis fil-livell tas-sussidjarja, hija li s-sussidjarja inkwistjoni tkun f’surplus fir-rigward tar-rekwiżit tagħha għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli. Dan ir-rekwiżit huwa espress bħala proporzjon ibbażat fuq ir-riskju u mhux ibbażat fuq ir-riskju, skont l-Artikolu 92a(1) tas-CRR u l-Artikolu 45(2) tal-BRRD. Madankollu, il-formula CRR biex jiġi kkalkolat is-surplus tas-sussidjarja tiddependi fuq ir-rekwiżit ibbażat fuq ir-riskju biss. Dan, min-naħa tiegħu, jista’ jwassal għal sopravalutazzjoni tas-surplus għal dawk is-sussidjarji li għalihom ir-rekwiżit mhux ibbażat fuq ir-riskju għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli huwa ogħla minn dak ibbażat fuq ir-riskju.

Għalhekk huwa propost li tiġi emendata l-formula stabbilita fl-Artikolu 72e(4) tas-CRR. F’konformità mal-istandard TLAC, din il-formula mbagħad tqis kemm ir-rekwiżiti bbażati fuq ir-riskju kif ukoll dawk mhux ibbażati fuq ir-riskju għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarja rilevanti.

(4)Kunsiderazzjoni ta’ sussidjarji stabbiliti barra mill-Unjoni

L-Artikoli 12a u 72e(4) tas-CRR ma jkoprux b’mod espliċitu sussidjarji li jinsabu f’pajjiż terz. Għalhekk jista’ ma jkunx possibbli għal gruppi bankarji tal-UE bi strateġija globali ta’ riżoluzzjoni tal-MPE li jqisu s-sussidjarji li huma stabbiliti barra mill-Unjoni. Dan huwa rilevanti, pereżempju, meta titqabbel is-somma tar-rekwiżiti tal-MPE attwali mar-rekwiżit teoretiku tal-SPE skont l-Artikolu 12a tas-CRR. Dan il-paragun ikollu jsir bejn rekwiżit teoretiku tal-SPE li jikkonsisti fil-grupp kollu u s-somma tar-rekwiżiti tal-MPE determinati għall-entitajiet ta’ riżoluzzjoni tal-UE biss. Bl-istess mod, l-eċċezzjoni għar-reġim tat-tnaqqis ġenerali applikabbli għall-G-SIIs bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE stabbilita fl-Artikolu 72e(4) tas-CRR ma setgħetx tiġi applikata jekk is-sussidjarja kkonċernata tkun tinsab f’pajjiż terz.

Sabiex jiġi allinjat it-trattament CRR ta’ sussidjarji ta’ pajjiżi terzi ma’ dak deskritt fl-istandard TLAC korrispondenti, li huwa applikabbli fir-rigward ta’ entitajiet stabbiliti fil-ġurisdizzjonijiet kollha tal-FSB, huwa propost li jiġu emendati l-Artikoli 12a u 72e(4) tas-CRR biex jiġi ċċarat li ż-żewġ dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għal sussidjarji stabbiliti barra mill-Unjoni.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 72e(4) tas-CRR jeħtieġ li tkun limitata għal dawk il-każijiet fejn reġim ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiż terz ikun applikabbli għas-sussidjarji kkonċernati. Mingħajr sistema ta’ riżoluzzjoni lokali applikabbli u l-eżistenza ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni, jew ta’ awtorità oħra li teżerċita setgħat simili, ma jkun hemm l-ebda mezz legali kredibbli biex jiġi żgurat li l-eċċess kapitali, li virtwalment kien jiġi ttrasferit lill-istituzzjoni prinċipali fl-UE permezz ta’ tnaqqis imnaqqas fil-livell tal-kumpanija omm, jista’ jiġi ttrasferit f’każ li s-sussidjarja ssir insolventi. Dan għaliex, mingħajr reġim ta’ riżoluzzjoni lokali fis-seħħ, l-istituzzjonijiet li jfallu jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż terz. Konsegwentement, il-kumpanija omm ikollha tikkompeti ma’ kredituri oħra matul il-falliment tas-sussidjarja għar-rimbors tal-pretensjonijiet pendenti.

(5)Kjarifiki dwar l-eliġibbiltà ta’ strumenti ta’ dejn maħruġa fil-kuntest tar-rekwiżit intern tat-TLAC

L-Artikolu 92b tas-CRR jistabbilixxi r-rekwiżit intern tat-TLAC għal sussidjarji materjali ta’ G-SIIs mhux tal-UE li mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni. Dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfat bi strumenti ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, kif speċifikat fl-Artikolu 92b(2). Filwaqt li l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli huma bbażati fuq is-suppożizzjoni li dawn l-istrumenti jinħarġu minn entità ta’ riżoluzzjoni, 36 l-entitajiet li huma soġġetti għal rekwiżit tat-TLAC intern huma, skont id-definizzjoni, mhux entitajiet ta’ riżoluzzjoni 37 . Għalhekk, l-istrumenti ta’ dejn maħruġa minn dawn l-entitajiet ma jistgħux jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha għall-istrumenti tal-obbligazzjonijiet eliġibbli. Konsegwentement, u b’kuntrast mal-Artikolu 92b(2) tas-CRR, dawn l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa jissodisfaw ir-rekwiżit tat-TLAC intern tagħhom b’fondi proprji biss.

Sabiex tiġi indirizzata din il-lakuna legali, jiżdied subparagrafu ġdid wara t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 72b(2) tas-CRR. Dan is-subparagrafu jiċċara li, għall-finijiet tat-TLAC interna, ir-referenzi għall-entità ta’ riżoluzzjoni għandhom jinqraw bħala referenzi għall-entità li hija soġġetta għar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 92b tas-CRR. Dan jippermetti lis-sussidjarji materjali ta’ G-SIIs mhux tal-UE joħorġu, u b’hekk jużaw, strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit tat-TLAC intern tagħhom, kif kien maħsub mill-koleġiżlaturi.

2021/0343 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tat-trattament prudenzjali ta’ gruppi ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti bi strateġija ta’ riżoluzzjoni b’punti multipli ta’ dħul u metodoloġija għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli biex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 38 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 39 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 , ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 u r-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 emendaw il-qafas ta’ riżoluzzjoni bankarja tal-Unjoni, permezz ta’ emendi għad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 , ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 . Dawn l-emendi kienu meħtieġa biex fl-Unjoni jiġi implimentat id-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-Kapaċità Totali ta’ Assorbiment tat-Telf (TLAC) internazzjonali (l-“istandard TLAC”) 46 għal banek globali sistemikament importanti u biex tittejjeb l-applikazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) għall-banek kollha. Jenħtieġ li l-qafas rivedut tar-riżoluzzjoni bankarja tal-Unjoni jiżgura aħjar li l-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek iseħħu permezz ta’ mezzi privati meta dawn il-banek isiru finanzjarjament mhux vijabbli u, sussegwentement, jitqiegħdu f’riżoluzzjoni.

(2)L-Artikolu 12a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprevedi li gruppi ta’ istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (global systemically important institution, G-SII) bi strateġija ta’ riżoluzzjoni li taħtha jistgħu jiġu riżolti aktar minn entità waħda fi grupp (strateġija ta’ riżoluzzjoni b’Punt ta’ Dħul Multipli (Multiple Point of Entry, MPE)) għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżit tagħhom ibbażat fuq ir-riskju għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli bis-suppożizzjoni teoretika li entità waħda biss tal-grupp tiġi riżolta, bit-telf u l-ħtiġijiet ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ kwalunkwe sussidjarja ta’ dan il-grupp tiġi ttrasferita lill-entità ta’ riżoluzzjoni (strateġija ta’ riżoluzzjoni b’Punt Uniku ta’ Dħul (Single Point of Entry, SPE)). F’konformità mal-istandard TLAC, jenħtieġ li dan il-kalkolu jqis l-entitajiet kollha ta’ pajjiżi terzi li jappartjenu għal G-SII li jkunu entitajiet ta’ riżoluzzjoni li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni.

(3)Skont l-Artikolu 45h(2), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2014/59/UE, u skont l-istandard TLAC, is-somma tar-rekwiżiti attwali għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ grupp G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE ma għandhiex tkun inqas mir-rekwiżit teoretiku ta’ dak il-grupp taħt strateġija ta’ riżoluzzjoni SPE. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013, jiġifieri l-Artikoli 12a u 92a (3), jenħtieġ li jiġi allinjat mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2014/59/UE u jiżgura li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni dejjem jaġixxu f’konformità ma’ din id-Direttiva u jikkunsidraw kemm ir-rekwiżiti għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ukoll kwalunkwe rekwiżit addizzjonali għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli determinati skont l-Artikolu 45d tad-Direttiva 2014/59/UE. Jenħtieġ li dan ma jipprevjenix lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni milli jikkonkludu li kwalunkwe aġġustament biex jimminimizza jew jelimina d-differenza bejn is-somma tar-rekwiżiti attwali għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ grupp G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE u r-rekwiżit teoretiku ta’ dak il-grupp taħt strateġija ta’ riżoluzzjoni SPE, meta tal-ewwel ikun ogħla minn tal-aħħar, ma jkunx xieraq jew inkonsistenti mal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni tal-G-SII.

(4)L-Artikolu 92b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi li r-rekwiżit għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għal sussidjarji materjali ta’ G-SIIs mhux tal-UE li mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni jista’ fost oħrajn jiġi ssodisfat bi strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli. Madankollu, il-kriterji ta’ eliġibbiltà għal strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 72b(2), il-punti (c), (k), (l) u (m) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jassumu li l-entità emittenti tkun entità ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li jiġi żgurat li dawn is-sussidjarji materjali jkunu jistgħu joħorġu strumenti ta’ dejn li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha, kif kien maħsub oriġinarjament.

(5)Skont l-Artikolu 72e(4), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jippermettu li G-SII bi strateġija ta’ riżoluzzjoni tal-MPE tnaqqas ċerti parteċipazzjonijiet ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarji tagħha li ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni billi jitnaqqas ammont aġġustat aktar baxx speċifikat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 72e(4), it-tieni subparagrafu, ta’ dan ir-Regolament jeħtieġ li f’każijiet bħal dawn, id-differenza bejn l-ammont aġġustat u l-ammont oriġinali titnaqqas mill-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni tas-sussidjarji kkonċernati. F’konformità mal-istandard TLAC, jenħtieġ li dan l-approċċ iqis ir-rekwiżiti bbażati fuq ir-riskju u mhux ibbażati fuq ir-riskju għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarja kkonċernata. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan l-approċċ ikun applikabbli għas-sussidjarji kollha ta’ pajjiżi terzi li jappartjenu għal dik il-G-SII, dment li dawn is-sussidjarji jkunu soġġetti għal reġim ta’ riżoluzzjoni lokali li jkun ekwivalenti għal standards miftiehem internazzjonalment.

(6)Biex jitħaddem l-approċċ ta’ sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli interni tal-MREL fil-gruppi ta’ riżoluzzjoni u biex jiġi żgurat li dan l-approċċ ikun prudenzjalment sod, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ingħatat il-mandat skont l-Artikolu 45f(6) tad-Direttiva 2014/59/UE biex tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika metodoloġija għal tali ħruġ indirett ta’ strumenti eliġibbli. Madankollu, kif enfasizzat mill-EBA fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni bid-data tal-25 ta’ Jannar 2021, kien hemm diversi inkonsistenzi bejn ir-rekwiżiti għad-delega stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE u r-regoli prudenzjali eżistenti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, li ma ppermettewx l-applikazzjoni tat-trattament prudenzjali meħtieġ biex il-mandat jiġi ssodisfat kif kien maħsub oriġinarjament. B’mod aktar preċiż, l-EBA nnotat li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma kienx jippermetti t-tnaqqis tal-istrumenti eliġibbli interni tal-MREL u, sussegwentement, għall-applikazzjoni ta’ piż tar-riskju xieraq fil-każijiet kollha rilevanti għall-mandat skont id-Direttiva 2014/59/UE. Ġew identifikati kwistjonijiet simili fil-qasam tar-rekwiżit tal-proporzjon ta’ ingranaġġ stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Jenħtieġ li fid-dawl ta’ dawn ir-restrizzjonijiet legali, il-metodoloġija żviluppata mill-EBA tiġi inkorporata direttament fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Konsegwentement, jenħtieġ li l-mandat biex jiġu żviluppati abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji stabbiliti fl-Artikolu 45f(6) tad-Direttiva 2014/59/UE jitħassar.

(7)Fil-kuntest tas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli għall-MREL interni minn entitajiet ta’ riżoluzzjoni skont il-qafas rivedut ta’ riżoluzzjoni bankarja tal-Unjoni, il-kumpaniji omm intermedji jenħtieġ li jkunu meħtieġa jnaqqsu mir-riżorsi eliġibbli tal-MREL interni tagħhom stess iż-żamma sħiħa ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa mis-sussidjarji tagħhom li jappartjenu għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni. Dan jiżgura l-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmi interni ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni fi grupp u jevita l-għadd doppju tar-riżorsi eliġibbli interni tal-MREL tas-sussidjarja għall-finijiet ta’ konformità mill-kumpanija omm intermedja mal-MREL intern tagħha stess. Barra minn hekk, mingħajr dan it-tnaqqis, il-proporzjonijiet ta’ solvenza individwali tal-kumpaniji omm intermedji ma jirriflettux b’mod xieraq u prudenti l-kapaċità attwali tagħhom ta’ assorbiment tat-telf, billi dawn il-proporzjonijiet jinkludu wkoll il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tas-sussidjarji tagħhom. Dan jista’ jikkomprometti l-implimentazzjoni xierqa tal-istrateġija ta’ riżoluzzjoni magħżula, billi l-kumpanija omm intermedja tista’ tuża mhux biss il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tagħha stess iżda wkoll dik tas-sussidjarja tagħha, qabel ma l-kumpanija omm intermedja jew is-sussidjarja ma jibqgħux vijabbli. Jenħtieġ li t-tnaqqis l-ewwel jiġi applikat għall-elementi tal-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-kumpaniji omm intermedji. F’każ li l-ammont li jrid jitnaqqas jaqbeż l-ammont tal-elementi tal-obbligazzjonijiet eliġibbli tal-kumpaniji omm intermedji, jenħtieġ li l-ammont li jifdal jitnaqqas mill-elementi tal-Grad 2 tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li r-reġim tat-tnaqqis jibqa’ proporzjonat, jenħtieġ li dan ir-reġim ma jkunx applikabbli fil-każijiet eċċezzjonali fejn l-MREL intern jiġi applikat fuq bażi konsolidata biss.

(8)Jenħtieġ li s-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli interni tal-MREL tiżgura li, meta sussidjarja tilħaq il-punt ta’ nonvijabbiltà, it-telf jiġi effettivament ittrasferit lill-entità ta’ riżoluzzjoni, u s-sussidjarja kkonċernata tiġi rikapitalizzata minnha. Għalhekk, jenħtieġ li dan it-telf ma jiġix assorbit mill-kumpanija omm intermedja, li jenħtieġ li ssir sempliċi mezz biex dan it-telf jiġi ttrasferit lill-entità ta’ riżoluzzjoni. Konsegwentement, u biex jiġi żgurat li l-eżitu tas-sottoskrizzjoni indiretta jkun ekwivalenti għal dak ta’ sottoskrizzjoni diretta sħiħa, kif previst skont il-mandat stabbilit fl-Artikolu 45f(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, jenħtieġ li l-iskoperturi mnaqqsa jirċievu piż tar-riskju ta’ 0 % għall-kalkolu tal-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju u jiġu esklużi mill-kalkolu tal-miżura tal-iskopertura totali.

(9)Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġi armonizzat bis-sħiħ it-trattament prudenzjali tal-parteċipazzjonijiet minn kumpaniji omm intermedjarji ta’ riżorsi eliġibbli interni tal-MREL tas-sussidjarji tagħhom u li jiġu riveduti b’mod immirat ir-rekwiżiti għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli għall-G-SIIs u għas-sussidjarji materjali ta’ G-SIIs mhux tal-UE, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet.

(10)Sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikollhom biżżejjed żmien biex jimplimentaw it-trattament iddedikat għas-sottoskrizzjoni indiretta ta’ strumenti eliġibbli għal MREL intern, inkluż ir-reġim il-ġdid tat-tnaqqis, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dan it-trattament isiru applikabbli sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(11)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2014/59/UE jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 4(1), għandu jiddaħħal il-punt (130a) li ġej:

“(130a)    “awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz” tfisser awtorità ta’ pajjiż terz kif definita fl-Artikolu 2(1), punt (90), tad-Direttiva 2014/59/UE;”;

(2)L-Artikolu 12a huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12 a
Kalkolu kkonsolidat għal G-SIIs b’entitajiet ta’ riżoluzzjoni multipli

Meta mill-inqas żewġ entitajiet G-SII li jappartjenu għall-istess G-SII ikunu entitajiet ta’ riżoluzzjoni jew entitajiet ta’ pajjiżi terzi li jkunu entitajiet ta’ riżoluzzjoni li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni, l-istituzzjoni prinċipali tal-UE ta’ dik il-G-SII għandha tikkalkula l-ammont ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 92a(1), il-punt (a). Dan il-kalkolu għandu jitwettaq fuq il-bażi tas-sitwazzjoni konsolidata tal-istituzzjoni prinċipali tal-UE daqslikieku kienet l-unika entità ta’ riżoluzzjoni tal-G-SII.

L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jaġixxu skont l-Artikolu 45d(4) u l-Artikolu 45h(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.”;

(3)fl-Artikolu 49(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Dan il-paragrafu ma għandux japplika fir-rigward tat-tnaqqis stabbilit fl-Artikolu 72e(5).”;

(4)fl-Artikolu 72b(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 92b, ir-referenzi għall-entità ta’ riżoluzzjoni fil-punti (c), (k), (l) u (m) ta’ dan il-paragrafu għandhom jinftiehmu wkoll bħala referenzi għall-istituzzjoni li hija sussidjarja materjali tal-G-SII mhux tal-UE.”;

(5)l-Artikolu 72e huwa emendat kif ġej:

(a)il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.    Meta istituzzjoni prinċipali tal-UE jew istituzzjoni prinċipali fi Stat Membru li hija soġġetta għall-Artikolu 92a jkollha assi materjali diretti, indiretti jew sintetiċi ta’ strumenti ta’ fondi proprji jew strumenti tal-obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ sussidjarja waħda jew iktar li ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni bħal din l-istituzzjoni prinċipali, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni prinċipali, wara li tqis debitament l-opinjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe sussidjarja kkonċernata, tista’ tippermetti lill-istituzzjoni prinċipali tnaqqas tali parteċipazzjonijiet billi tnaqqas ammont iktar baxx speċifikat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni prinċipali. Dan l-ammont aġġustat għandu jkun tal-inqas daqs l-ammont (m) ikkalkulat kif ġej:

mi = max{0; OPi + LPi – max{0; β · [Oi + Li – max{ri · aRWAi; wi ·aLREi}]}}

fejn:

i    = l-indiċi li juri s-sussidjarja;

OPi    = l-ammont ta’ strumenti ta’ fondi proprji maħruġa mis-sussidjarja i u miżmuma mill-istituzzjoni prinċipali;

LPi    = l-ammont ta’ elementi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa mis-sussidjarja i u miżmuma mill-istituzzjoni prinċipali;

β    = perċentwal ta’ strumenti ta’ fondi proprji u strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa minn sussidjarja i u miżmuma mill-impriża omm kkalkulat kif ġej:

 

Oi    = l-ammont ta’ fondi proprji tas-sussidjarja i, mingħajr ma jittieħed kont tat-tnaqqis ikkalkolat skont dan il-paragrafu;

Li    = l-ammont ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli tas-sussidjarja i, mingħajr ma jittieħed kont tat-tnaqqis ikkalkolat skont dan il-paragrafu;

ri    = il-proporzjon applikabbli għas-sussidjarja i fil-livell tal-grupp ta’ riżoluzzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 92a(1), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 45c(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), tad-Direttiva 2014/59/UE jew, għal sussidjarji ta’ pajjiżi terzi, rekwiżit ekwivalenti ta’ riżoluzzjoni applikabbli għas-sussidjarja i fil-pajjiż terz fejn ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, sa fejn dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat bi strumenti li jitqiesu bħala fondi proprji jew obbligazzjonijiet eliġibbli skont dan ir-Regolament;

aRWAi    = l-ammont totali tal-iskopertura għar-riskju tal-entità G-SII i kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 92(3), b’kont meħud tal-aġġustamenti stabbiliti fl-Artikolu 12a;

wi    = il-proporzjon applikabbli għas-sussidjarja i fil-livell tal-grupp ta’ riżoluzzjoni tagħha f’konformità mal-Artikolu 92a(1), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament u tal-Artikolu 45c(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), tad-Direttiva 2014/59/UE jew, għal sussidjarji ta’ pajjiżi terzi, rekwiżit ta’ riżoluzzjoni ekwivalenti applikabbli għas-sussidjarja i fil-pajjiż terz fejn ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha, sa fejn dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat bi strumenti li jitqiesu bħala fondi proprji jew obbligazzjonijiet eliġibbli skont dan ir-Regolament;

aLREi    = il-kejl tal-iskopertura totali tal-entità G-SII i kkalkulat skont l-Artikolu 429(4).

Meta l-istituzzjoni prinċipali titħalla tnaqqas l-ammont aġġustat skont l-ewwel subparagrafu, id-differenza bejn l-ammont ta’ parteċipazzjonijiet ta’ strumenti ta’ fondi proprji u ta’ strumenti ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fl-ewwel subparagrafu u dan l-ammont aġġustat għandu jitnaqqas mis-sussidjarja.

(b)jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.    L-istituzzjonijiet u l-entitajiet meħtieġa jikkonformaw mal-Artikolu 45c tad-Direttiva 2014/59/UE li mhumiex huma nfushom entitajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom inaqqsu mill-elementi tal-obbligazzjonijiet eliġibbli l-assi tagħhom ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 45f(2) ta’ din id-Direttiva tas-sussidjarji tagħhom li jappartjenu għall-istess grupp ta’ riżoluzzjoni.

It-tnaqqis ma għandux japplika għal istituzzjonijiet u entitajiet li huma nfushom mhumiex entitajiet ta’ riżoluzzjoni fejn huma meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżit imsemmi fl-Artikoli 45c u 45d tad-Direttiva 2014/59/UE fuq bażi konsolidata.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, ir-referenza għal elementi ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli għandha tinftiehem ukoll bħala referenza għal obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 45f(2), punt (a), tad-Direttiva 2014/59/UE.”;

(6)fl-Artikolu 92 a, jitħassar il-paragrafu 3;

(7)fl-Artikolu 113, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Biex jiġu kkalkulati l-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju, il-piżijiet tar-riskju għandhom jiġu applikati għall-iskoperturi kollha, sakemm ma jitnaqqsux mill-fondi proprji jew soġġetti għat-trattament stabbilit fl-Artikolu 72e(5), l-ewwel subparagrafu, skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2. L-applikazzjoni tal-piżijiet tar-riskju għandha tkun ibbażata fuq il-klassi ta’ skopertura li fiha tkun assenjata l-iskopertura u, sal-limitu speċifikat fit-Taqsima 2, il-kwalità kreditizja tagħha. Il-kwalità kreditizja tista’ tiġi stabbilita b’referenza għall-valutazzjonijiet tal-kreditu tal-ECAIs (External Credit Assessment Institutions) jew għall-valutazzjonijiet tal-kreditu ta’ Aġenziji dwar Krediti għall-Esportazzjoni skont it-Taqsima 3.

(8)fl-Artikolu 151, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    L-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju għal riskju ta’ kreditu għal skoperturi li jappartjenu għal waħda mill-klassijiet ta’ skopertura msemmija fl-Artikolu 147(2), il-punti (a) sa (e) u l-punt (g), għandhom, sakemm ma jitnaqqsux mill-fondi proprji jew soġġetti għat-trattament stabbilit fl-Artikolu 72e(5), l-ewwel subparagrafu, jiġu kkalkulati f’konformità mas-Subtaqsima 2.”;

(9)fl-Artikolu 429a(1), jiżdied il-punt (q) li ġej:

“(q)    l-ammonti li huma soġġetti għat-trattament stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72e(5).”.

Artikolu 2
Emenda għad-Direttiva 2014/59/UE

Fl-Artikolu 45f tad-Direttiva 2014/59/UE, jitħassar il-paragrafu 6.

Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn [OP please insert the date = date of entry into force].

Madankollu, l-Artikolu 1, il-punt (3), il-punt (5) (b), u l-punti (7), (8) u (9) u l-Artikolu 2 għandhom japplikaw minn [OP please insert the date = 6 months after date of entry into force].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(2)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(3)    Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).
(4)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226).
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rapportar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).
(8)    Financial Stability Board, Principles on Loss-absorbing and Recapitalisation Capacity of Globally Systemically Important Banks (G-SIBs) in Resolution, Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term sheet, 9.11.2015.
(9)    B’mod aktar speċifiku, is-CRR ippreveda rekwiżit ġdid għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għal dawk l-istituzzjonijiet li ġew identifikati bħala G-SIIs, filwaqt li s-suppliment speċifiku għall-istituzzjoni għal dawk il-G-SIIs kif ukoll ir-rekwiżit mhux G-SIIs speċifiku għall-istituzzjoni ġew introdotti permezz ta’ emendi mmirati għall-BRRD u għall-SRMR.
(10)    Il-Premessa 16 tar-Regolament (UE) 2019/876, il-Premessa 2 tad-Direttiva (UE) 2019/879 u l-Premessa 2 tar-Regolament (UE) 2019/877.
(11)    Il-Premessa 4 tad-Direttiva (UE) 2019/879.
(12)    L-Artikolu 45e tal-BRRD.
(13)    L-Artikolu 45f tal-BRRD. Ir-rekwiżit jissejjaħ “intern” minħabba li l-istrumenti eliġibbli ġeneralment iridu jiġu ffinanzjati internament fil-grupp bankarju, jiġifieri mill-kumpanija omm aħħarija ta’ sussidjarja.
(14)    L-Artikolu 45f(2), il-punt (a)(i) tal-BRRD jippermetti wkoll li jitqiesu eliġibbli għall-MREL intern dawk l-obbligazzjonijiet li jinħarġu lil u jinxtraw minn azzjonist eżistenti li mhuwiex parti mill-istess grupp ta’ riżoluzzjoni sakemm l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni skont l-Artikoli minn 59 sa 62 tal-BRRD ma jaffettwax il-kontroll tas-sussidjarja mill-entità ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 45f(2), il-punt (b)(ii) tal-BRRD jippermetti li l-MREL intern jiġi ssodisfat mill-fondi proprji għajr il-kapital CET1 maħruġ lil u mixtri minn entitajiet li mhumiex inklużi fl-istess grupp ta’ riżoluzzjoni sakemm l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni f’konformità mal-Artikoli minn 59 sa 62 ma jaffettwax il-kontroll tas-sussidjarja mill-entità ta’ riżoluzzjoni.
(15)    L-Artikolu 45f(6) tal-BRRD.
(16)    Il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, Guiding Principles on the Internal Total Loss-absorbing Capacity of G-SIBs (“Internal TLAC”), 6.7.2017. B’din is-sistema, strumenti eliġibbli għal MREL intern maħruġ mis-sussidjarja u sottoskritti mill-kumpanija omm intermedja jitnaqqsu b’mod sħiħ mill-istrumenti eliġibbli maħruġa mill-kumpanija omm intermedja biex tikkonforma mal-MREL intern tagħha stess.
(17)    Fil-ħidma tagħha, l-EBA qieset ukoll approċċi oħra, iżda warrbithom bħala inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-BRRD dwar l-MREL intern jew minħabba n-nuqqas ta’ prudenza jew sempliċità tagħhom.
(18)    EBA/CP/2020/18, 22 ta’ Lulju 2020, jinsab fuq: https://www.eba.europa.eu/calendar/eba-consults-technical-standards-indirect-subscription-mrel-instruments-within-groups
(19)    EBA-2020-D-3378, 25 ta’ Jannar 2021, jinsab fuq: https://www.eba.europa.eu/sites/default/documents/ files/document_library/About%20Us/Missions%20and%20tasks/Correspondence%20with%20EU%20institutions/2021/962427/2021%2001%2025%20Letter%20to%20J%20Berrigan%20re%20Art%2045f%286%29%20BRRD%20%28daisy%20chains%29.pdf
(20)    Il-Kapitolu 5.2 sa 5.5 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni fih spjegazzjonijiet dettaljati dwar il-kwistjonijiet speċifiċi.
(21)    L-Artikolu 12a u 72e(4) tas-CRR
(22)    L-Artikolu 72e(4) tas-CRR
(23)    L-Artikoli 12a u 92a(3) tas-CRR u 45h(2) tal-BRRD.
(24)    L-Artikolu 72b(2) tas-CRR
(25)    L-Artikoli 12a u 92a(3) tas-CRR.
(26)    L-Artikolu 45d(4) u 45h(2) tal-BRRD.
(27)    It-Taqsima 3 tad-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tat-TLAC tipprevedi li, fejn ir-rekwiżit teoretiku tal-SPE jkun inqas mis-somma tar-rekwiżiti attwali tal-MPE, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jaqblu dwar aġġustament biex jimminimizzaw jew jeliminaw din id-differenza (jiġifieri billi jnaqqsu r-rekwiżiti tal-MPE). Barra minn hekk, huwa ċċarat li s-somma tar-rekwiżiti attwali tal-MPE qatt ma għandha tkun inqas mir-rekwiżit teoretiku tal-SPE.
(28)    L-Artikolu 72e(4) tas-CRR
(29)    L-Artikolu 92b(2) tas-CRR
(30)    L-Artikolu 45m(1) tal-BRRD.
(31)    F’każ li t-tnaqqis li jifdal jaqbeż ukoll l-istokk tal-entrati ta’ Grad 2 tal-kumpanija omm intermedja, l-ammont eċċessiv ikollu jitnaqqas mill-entrati tal-Grad 1 Addizzjonali (l-Artikolu 56, il-punt (e) tas-CRR). Jekk ikun meħtieġ, kwalunkwe ammont li jifdal sussegwentement jitnaqqas mill-entrati ta’ Grad 1 ta’ Ekwità Komuni tal-kumpanija omm intermedja (l-Artikolu 36(1), punt (j) tas-CRR).
(32)    Fir-rigward tal-MREL intern, dan jista’ jkun rilevanti għal ċerti impriżi prinċipali tal-Unjoni li huma sussidjarji ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi (l-Artikolu 45f(1), it-tielet subparagrafu, tal-BRRD) u għall-kumpaniji prinċipali intermedji li huma soġġetti għal mira interna kkonsolidata tal-MREL minħabba li s-sussidjarja li jmiss fil-katina tibbenefika minn eżenzjoni (l-Artikolu 45f(4), il-punt (b), tal-BRRD). Barra minn hekk, jista’ jkun hemm konformità mat-TLAC interna wkoll fuq bażi kkonsolidata (l-Artikolu 11 (3a) tas-CRR).
(33)    L-approċċ tat-tnaqqis li dwaru l-EBA kkonsultat pubblikament fl-2020 ma pprevediex eżenzjoni mir-reġim tat-tnaqqis fejn l-MREL intern u t-TLAC intern ma jiġix applikat fuq bażi individwali iżda fuq bażi konsolidata, billi dan l-aspett feġġ biss matul il-konsultazzjoni pubblika.
(34)    Dan huwa r-rekwiżit minimu tat-TLAC imsemmi fl-Artikoli 92a u 494 tas-CRR u kwalunkwe rekwiżit ta’ MREL addizzjonali ddeterminat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 45d tal-BRRD.
(35)    Jiġifieri, ir-rekwiżit minimu tat-TLAC li jkun applikabbli għall-impriża omm tal-grupp G-SII u r-rekwiżit ta’ MREL addizzjonali teoretiku kkalkolat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 45d(4), punt (b), tal-BRRD.
(36)    L-Artikolu 72b(2), il-punti (c), (k), (l) u (m) tas-CRR.
(37)    L-Artikolu 92b(1) tas-CRR
(38)    ĠU C , , p. .
(39)    ĠU C , , p. .
(40)    Id-Direttiva (UE) 2019/879 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u d-Direttiva 98/26/KE (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 296).
(41)    Ir-Regolament (UE) 2019/877 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 226).
(42)    Ir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta’ lieva finanzjarja, il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta’ kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta’ investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta’ rapportar u divulgazzjoni, u r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 150, 7.6.2019, p. 1).
(43)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(44)    Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).
(45)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(46)    Il-Bord ta' Stabbiltà Finanzjarja, Principles on Loss-absorbing and Recapitalisation Capacity of Globally Systemically Important Banks (G-SIBs) in Resolution, Total Loss-absorbing Capacity (TLAC) Term Sheet, 9.11.2015.