Brussell, 7.10.2021

COM(2021) 618 final

2021/0316(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2021/001 ES/País Vasco metal


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stipulati fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 1 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament tal-FEG).

2.Fil-25 ta’ Ġunju 2021, Spanja ssottomettiet applikazzjoni EGF/2021/001 ES/País Vasco metal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji fis-settur ekonomiku kklassifikati skont id-diviżjoni 25 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr makkinarju u tagħmir) fir-reġjun NUTS 2 ta’ País Vasco (ES21) fi Spanja.

3.Wara l-valutazzjoni tagħha ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2021/001 ES/País Vasco metal

Stat Membru

Spanja

Reġjun(i) ikkonċernat(i) (livell NUTS 2  2)

País Vasco (ES21)

Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni

il-25 ta’ Ġunju 2021

Data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

it-28 ta’ Ġunju 2021

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

id-9 ta’ Lulju 2021

Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

it-30 ta’ Lulju 2021

Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

it-8 ta’ Ottubru 2021

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament tal-FEG


Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

6

Settur(i) tal-attività ekonomika

(Diviżjoni NACE Reviżjoni 2) 3

Diviżjoni 25 (Manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr makkinarju u tagħmir)

Perjodu ta’ referenza (sitt xhur):

it-2 ta’ Ġunju 2020 – it-2 ta’ Diċembru 2020

Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza

491

Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

300

Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

1 384 950

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 4 (EUR)

0 044 000

Baġit totali (EUR)

1 428 950

Kontribuzzjoni tal-FEG (85 %) (EUR)

1 214 607

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Fil-25 ta’ Ġunju 2021, Spanja ssottomettiet l-applikazzjoni EGF/2021/001 ES/País Vasco metal fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji tal-intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG 5 . Il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-applikazzjoni fit-28 ta’ Ġunju 2021 u talbet informazzjoni addizzjonali mingħand Spanja fid-9 ta’ Lulju 2021. Tali informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum ta’ xogħol għall-wasla tal-applikazzjoni kompluta, li fi ħdanhom il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fit-8 ta’ Ottubru 2021.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni hija relatata ma’ 491 ħaddiem issensjat li l-attività tagħhom waqfet fis-settur ekonomiku kklassifikat skont id-diviżjoni 25 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr makkinarju u tagħmir), li minnhom, 192 matul is-sensji kollettivi ġew innotifikati lill-awtoritajiet. Is-sensji kollettivi jikkonċernaw total ta’ 6 intrapriżi 6 . Is-sensjar kollu seħħ fir-reġjun NUTS 2 ta’ País Vasco (ES21).

Kriterji ta’ intervent

6.Spanja ppreżentat l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament tal-FEG, li jirrikjedi l-waqfien mill-attività ta’ mill-anqas 200 ħaddiem issensjat fuq perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur f’intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fid-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi kif definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru. Kien hemm 491 ħaddiem issensjat fir-reġjun NUTS 2 ta’ País Vasco (ES21).

7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ sitt xhur għall-applikazzjoni jibda mit-2 ta’ Ġunju 2020 sat-2 ta’ Diċembru 2020.

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

8.Il-waqfien tal-attivitajiet tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat kif ġej:

192 mid-data li fiha l-impjegatur, f’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE 7 , innotifika bil-miktub lill-awtorità pubblika kompetenti bis-sensji kollettivi ppjanati. Qabel id-data tat-tlestija tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni, Spanja kkonfermat li dawn il-192 sensja fil-fatt kienu twettqu, u

299 mid-data tal-avviż individwali tal-impjegatur biex ikeċċi jew biex itemm il-kuntratt ta’ impjieg tal-ħaddiem.

Benefiċjarji eliġibbli

9.Għaldaqstant, l-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 491.

Deskrizzjoni tal-avvenimenti li wasslu għas-sensji u għall-waqfien mill-attivitajiet

10.L-avveniment li wassal għal dawn is-sensji huwa l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

11.Il-miżuri stretti tal-lockdown implimentati fi Spanja fi Q2 2020 irriżultaw fi tnaqqis fl-attivitajiet u fis-servizzi ekonomiċi mhux essenzjali , li laqtu b’mod gravi lis-settur tal-metall. Meta l-miżuri tal-lockdown ittaffew, kwistjonijiet oħrajn marbuta mal-pandemija, bħal nuqqas ta’ provvisti u ta' materja prima, diffikultajiet biex il-faċilitajiet jiġu adattati għall-protokolli kontra l-COVID19, għall-kontaġji u għar-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-ħaddiema, jew għal kwistjonijiet ta’ mobbiltà, affettwaw ukoll lis-settur tal-metall.

12.Skont id-data minn Confemetal 8 , il-pandemija kellha impatt sinifikanti fuq l-attività u fuq il-fatturat tal-intrapriżi li joperaw fis-settur tal-metall, b’konsegwenzi negattivi fuq l-impjieg u fuq il-likwidità tal-intrapriżi (inadempjenzi fil-ħlas, aċċess għall-kreditu, eċċ.).

13.Fl-2020 (varjazzjoni minn sena għall-oħra), il-produzzjoni naqset b’aktar minn 50 % fi 18 % tal-intrapriżi tal-metall. Il-fatturat naqas b’aktar minn 50 % f’16 % tan-negozji. Terz mill-intrapriżi tal-metall esperjenzaw tnaqqis ta’ bejn 30 % u 50 % kemm tal-produzzjoni kif ukoll tal-fatturat 9 .

14.L-indiċijiet tal-produzzjoni, tal-fatturat u tal-prezzijiet għas-settur tal-prodotti tal-metall iffabbrikat naqsu sena wara sena fit-trimestri kollha fl-2020.

2019

2020

Q1

Q2

Q3

Q4

Q1

Q2

Q3

Q4

Indiċi ta’ produzzjoni (IPIMET)

6,4

4,5

1,9

3,6

-9,4

-32,9

-8,2

-2,7

Indiċi tal-fatturat tal-industrija tal-metall (ICNMET)

4,9

2,8

-0,7

1,6

-10,4

-34,5

-8,5

-3,9

Indiċi tal-Prezzijiet Industrijali (IPRIMET)

1,3

0,9

0,4

0,2

-0,3

-0,7

-0,5

0,2

Sors: Confemetal 10

15.It-tnaqqis fl-attività u fil-fatturat irriżulta f’sensji. Minkejja l-użu estensiv ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar 11 , is-sensji seħħew f’14 % tal-intrapriżi fis-settur tal-metall, u affettwaw 10,6 % tal-forza tax-xogħol tagħhom 12 . Is-sensji kkonċernati minn din l-applikazzjoni bdew fl-2020 Q2.

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjieg

16.Fir-reġjun Bask, is-settur tal-prodotti tal-metall iffabbrikat jirrappreżenta 27,4 % tal-valur miżjud gross (GVA) tal-industrija. Il-piż relattiv tal-industrija fuq il-GVA reġjonali b’mod ġenerali huwa ta’ madwar 24 %. Fil-livell nazzjonali, il-GVA tal-industrija jirrappreżenta 14,5 % tal-GVA 13 , filwaqt li l-medja tal-EU-28 hija ta’ 18,8 % 14 .

17.Minħabba l-piż kbir tiegħu fl-ekonomija reġjonali, id-diffikultajiet fis-settur tal-prodotti tal-metall iffabbrikat kellhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali u fuq l-impjieg. Fil-bidu tal-2020, il-qgħad (sena wara sena) fis-settur kien qed jonqos. Madankollu, minn Marzu 2020, ix-xejra nbidlet drastikament, minħabba l-pandemija. F’Awwissu 2020, kien hemm 25 % 15 aktar persuni qiegħda minn sitt xhur qabel. Il-qerda tal-impjiegi fl-industrija kienet akbar milli fis-setturi l-oħrajn kollha flimkien.



Qgħad fir-reġjun Bask fl-2020 
(sena wara sena)

(%)

 
Sors: Lanbide - Servicio Vasco de Empleo 16

18.Għalkemm minn Jannar sa Mejju 2021, il-qgħad irreġistrat kien qed jonqos (6,21 %), xorta huwa 4,6 % ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija 17 . Barra minn hekk, l-irkupru ma huwiex ta’ benefiċċju għall-gruppi kollha bl-istess mod. F’Mejju 2021, il-qgħad ta’ terminu twil kien jirrappreżenta 55,6 % tal-qgħad totali (3,6 p.p. ogħla milli f’Jannar 2021) u l-persuni qiegħda b’edukazzjoni bażika jew anqas kienu jirrappreżentaw 60,8 % (1,1 p.p. ogħla milli f’Jannar).

Applikazzjoni tal-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u għar-ristrutturar

19.Fl-applikazzjoni tagħha għall-appoġġ tal-FEG, Spanja ddeskriviet kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u għar-ristrutturar. Spanja tenfasizza l-kunċetti ewlenin tal-Pjan ta’ Taħriġ Vokazzjonali Bask, l-Istrateġija Baska għall-Impjieg u l-programm Impjiegi ekoloġiċi. L-Osservatorju tas-Sitwazzjoni Industrijali jissorvelja s-sitwazzjoni ekonomika. Il-HOBETUZ (il-Fondazzjoni Baska għat-Taħriġ Professjonali Kontinwu) toffri taħriġ għal persuni f’impjieg attiv, filwaqt li AukerabeRRi 18 huwa programm ġdid ta’ rikollokament li tnieda fl-2021 bil-għan li jħarreġ mill-ġdid u jirrialloka lill-ħaddiema ssensjati minn setturi fi kriżi. It-tnejn huma integrati fl-istruttura ta’ Lanbide (is-Servizz Pubbliku tal-Impjieg ta’ País Vasco). L-involviment tas-sħab soċjali huwa żgurat mir-rappreżentanza tagħhom fil-bord ta’ governanza ta’ Lanbide, li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-gvern reġjonali, tat-trade unions u tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi.

20.Fir-rigward tal-attivitajiet li diġà twettqu għall-għajnuna tal-ħaddiema ssensjati, Spanja indikat li Lanbide (is-Servizz Pubbliku tal-Impjieg ta’ País Vasco) ipprovda lill-ħaddiema b’aċċess għas-servizzi ġenerali tiegħu. Il-ħaddiema ġew infurmati wkoll dwar l-eliġibbiltà tagħhom li jipparteċipaw fil-programm pilota AukerabeRRi. Il-178 ħaddiem intitolati għall-pjanijiet ta’ rikollokament 19 diġà lestew dawn il-pjanijiet.

Kumplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

21.Spanja kkonfermat li l-miżuri li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

22.Il-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-UE oħrajn bħall-AukerabeRRii jew il-pjanijiet ta’ rikollokament, imsemmija diġà.

Konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali

23.Spanja indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali. L-applikazzjoni, li ġiet diskussa qabel f’diversi laqgħat tekniċi, ġiet approvata mill-bord ta’ governanza ta’ Lanbide fil-laqgħa li saret fit-2 ta’ Lulju 2021.

24.Saru laqgħat addizzjonali fid-19 ta’ Jannar u fit-2 ta’ Frar 2021 mal-Federación Vizcaína de Empresas del Metal, (il-federazzjoni tal-intrapriżi tal-metall tal-Biskalja), mal-Asociación de Empresas de Guipúzcoa - ADEGI (l-Assoċjazzjoni tan-negozju ta’ Gupúzcoa) u mas-SEA-Empresas Alavesas (l-assoċjazzjonijiet tan-negozju ta’ Alava). Dawn l-organizzazzjonijiet kollha tal-impjegaturi flimkien mal-assoċjazzjonijiet tal-gruppi rilevanti 20 kkontribwew għall-proposta.

Benefiċjarji fil-mira u miżuri proposti

Benefiċjarji fil-mira

25.L-għadd stmat ta’ ħaddiema ssensjati li huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta’ 300. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell edukattiv huwa kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’
benefiċjarji mistennija

Ġeneru:

Irġiel:

265

(88,3 %)

Nisa:

35

(11,7 %)

Mhux binarji

0

(0,0 %)

Grupp ta’ età:

Taħt it-30 sena:

22

(7,3 %)

bejn it-30 u l-54 sena:

216

(72,0 %)

Aktar minn 54 sena:

62

(20,7 %)

Livell ta’ edukazzjoni

Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew anqas 21  

107

(35,7 %)

Edukazzjoni sekondarja 22 tat-tieni livell jew postsekondarja 23

68

(22,6 %)

Edukazzjoni terzjarja 24

125

(41,7 %)

Miżuri proposti

26.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu fl-azzjonijiet li ġejjin:

Sessjonijiet ta’ informazzjoni ġenerali, merħba u tfassil ta’ profili: Is-sessjoni ta’ informazzjoni hija l-ewwel miżura li trid tiġi offruta lill-benefiċjarji kollha fil-mira u tinkludi informazzjoni ġenerali dwar konsulenza vokazzjonali, programmi ta’ taħriġ u inċentivi disponibbli. Is-sessjonijiet ta’ informazzjoni individwali jinkludu t-tfassil ta’ profili tal-parteċipant u l-allokazzjoni tal-konsulent li se jakkumpanja lill-ħaddiem matul il-proċess lejn l-impjieg mill-ġdid.

Il-gwida okkupazzjonali se tiġi pprovduta permezz ta’ sessjonijiet kollettivi u individwali.

L-għajnuna intensiva għat-tfittix ta’ impjieg, inklużi sessjonijiet ta’ ħidma dwar proċessi ta’ tfittix ta’ impjieg u ta' reklutaġġ, it-tfittxija attiva għal opportunitajiet ta’ impjieg lokali u reġjonali, u sabiex jinsabu impjiegi li jaqblu mal-ħiliet tal-ħaddiema.

Appoġġ għall-ħolqien ta’ negozju: Il-ħaddiema interessati li jsiru persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu sessjonijiet individwali ta’ tutoraġġ u taħriġ, li jistgħu jkopru l-ippjanar, it-twettiq ta’ studji ta’ fattibbiltà, il-preparazzjoni ta’ pjanijiet ta’ negozju, jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ possibbiltajiet ta’ finanzjament, eċċ.

Kontribuzzjoni għall-bidu ta’ negozju: Il-ħaddiema li jibdew negozju jew attività bħala persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu kontribuzzjoni sa EUR 8 000, biex tgħinhom fil-kostijiet tal-istabbiliment tagħhom.

Taħriġ: Dan se jinkludi (1) taħriġ dwar kompetenzi ewlenin u orizzontali, bħall-ħiliet diġitali, il-ġestjoni tal-kwalità, il-prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali, eċċ.; (2) it-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet vokazzjonali   għal dawk li jagħżlu li jirridirezzjonaw il-karriera tagħhom barra mis-settur tal-metall , bħal-loġistika, il-ġestjoni tal-imħażen, il-kostruzzjoni u l-effiċjenza enerġetika, l-industrija tal-ikel, l-immaniġġjar tal-iskart urban u industrijali, l-attivitajiet rikreazzjonali għall-anzjani, eċċ.; (3) it-taħriġ għat-titjib fil-ħiliet vokazzjonali biex jiġu indirizzati l-ħiliet meħtieġa fis-settur tal-metall bħall-assemblaġġ 3D tal-CAD 25 u l-immudellar tal-parts; Programmazzjoni tal-għodod bil-magna tas-CNC 26 ; Disinn mekkaniku tal-CATIA 27 ; forklifters, krejnijiet pont u pjattaformi tal-irfigħ; xogħol tal-metall b’folja fina u xogħol tal-kaldaruni; iwweldjar (b’ossiġenu u fjuwil, semiawtomatiku, TIG 28 , eċċ.); immaxinjar permezz tat-tneħħija taċ-ċipep, immaxinjar bil-brix, immaxinjar ta’ deformazzjoni eċċ.; u (4) Taħriġ fuq il-post tax-xogħol imfassal għal postijiet tax-xogħol vakanti li ma għandhomx kandidati xierqa. Wara li jlesti t-taħriġ b’suċċess, il-ħaddiem inkwistjoni jiġi offrut kuntratt.

Parteċipazzoni, tfittix ta’ impjieg u benefiċċji tat-taħriġ: Huwa previst benefiċċju ta’ parteċipazzjoni sa EUR 300 għal dawk li jipparteċipaw fis-sessjonijiet ta’ konsulenza individwali kollha stabbiliti fl-itinerarju personalizzat ta’ inserzjoni tagħhom. Il-ħaddiema li jipparteċipaw b’mod attiv fil-miżura “Għajnuna intensiva fit-tfittix ta’ impjieg” jew li jtemmu t-taħriġ jirċievu somma f’daqqa ta’ EUR 400.

27.Il-Miżuri kienu ppjanati li jkunu konformi mal-Istrateġija Spanjola dwar l-Ekonomija Ċirkolari 29 . It-taħriġ jikkontribwixxi biex jagħti spinta lill-proċess tat-trasformazzjoni diġitali fl-industrija. Il-konklużjonijiet tar-rapport DESI 2020 30 tqiesu biex jiġi stabbilit il-kontenut tat-taħriġ fil-ħiliet diġitali. Il-pakkett se jikkontribwixxi għat-tixrid tal-ħiliet orizzontali meħtieġa fl-era industrijali diġitali kif ukoll f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, f’konformità mal-Artikolu 7.2 tar-Regolament tal-FEG.

28.Il-pakkett koordinat propost ta’ servizzi personalizzati, deskritt hawnhekk, jikkostitwixxi miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan il-miżuri eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Is-servizzi proposti ma jissostitwixxux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

29.Spanja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma hijiex se tissostitwixxi miżuri bħal dawn.

Baġit stmat

30.Il-kostijiet totali stmati huma ta’ EUR 1 428 950, li jinkludu nefqa ta’ EUR 1 384 950 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 44 000 għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta' pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar.

31.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 1 214 607 (85 % tal-kostijiet totali). 

32.Il-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti minn Lanbide, is-servizz pubbliku tal-impjieg Bask.



Miżuri

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Kost stmat għal kull parteċipant 
(EUR) 31

Kostijiet totali stmati

(EUR) 32  

Servizzi personalizzati (miżuri skont l-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament tal-FEG)

Informazzjoni ġenerali. Sessjonijiet ta’ merħba u tfassil ta’ profili
(
Difusión y presentación del proyecto. Acogida)

300

406

121 800

Gwida okkupazzjonali
(
Asesoramiento y orientación laboral) 

300

455

136 500

Għajnuna intensiva għat-tfittix ta’ impjieg
(
Apoyo a la búsqueda de empleo)

280

750

210 000

Appoġġ għall-ħolqien ta’ negozju
(
Apoyo a personas emprendedoras) 

20

1 838

36 750

Kontribuzzjoni għall-bidu ta’ negozju
(
Ayuda al emprendimiento) 

10

8 000

80 000

Taħriġ
(
Desarrollo profesional y prácticas en empresas) 

300

1 486

445 900

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

1 030 950

(74,44 %)

Benefiċċji u inċentivi (miżuri skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Inċentivi
(
Ayuda por la participación) 

300

1 180 33

354 000

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

354 000

(25,56 %)

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament tal-FEG

1. Attivitajiet preparatorji

3 000

2. Ġestjoni

3 000

3. Informazzjoni u pubbliċità

3 000

4. Kontroll u rapportar

35 000

Subtotal (c):

Perċentwal tal-kostijiet totali:

44 000

(3,08 %)

Kostijiet totali (a + b + c):

1 428 950

Kontribuzzjoni tal-FEG (85 % tal-kostijiet totali)

1 214 607

33.Il-kostijiet tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala miżuri skont l-Artikolu 7(2)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati. Spanja kkonfermat li dawn il-miżuri huma kondizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta’ tfittix ta’ impjieg jew ta’ taħriġ.

34.Spanja kkonfermat li l-kostijiet tal-investimenti għall-impjieg indipendenti, għall-bidu tan-negozji u għall-akkwiżizzjonijiet maġġoritarji mill-impjegati ma humiex se jaqbżu l-EUR 22 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

35.Spanja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fil-11 ta’ Ġunju 2021. Għalhekk, in-nefqa fuq il-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-11 ta’ Ġunju 2021 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

36.Spanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva sabiex timplimenta l-FEG fl-1 ta’ Frar 2021. In-nefqa għal attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar għandha għalhekk tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Frar 2021 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

37.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jimmaniġġaw u li jikkontrollaw il-Fond Soċjali Ewropew Plus. Lanbide se jkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta’ ġestjoni.

Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

38.Spanja pprovdiet l-assigurazzjonijiet neċessarji kollha rigward dawn li ġejjin:

il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,

ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati,

l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

39.L-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 186 miljun (prezzijiet tal-2018), kif stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 34 .

40.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mobilizzat għall-ammont ta’ EUR 1 214 607, li jirrappreżenta 85 % tal-kostijiet totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

41.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 35 .

Atti relatati

42.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 214 607 għal-linja baġitarja rilevanti.

43.Fl-istess ħin li adottat din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mobilizzat l-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju 36 . Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

2021/0316 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2021/001 ES/País Vasco metal

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssenjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 37 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda 38 , u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjieg deċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ avvenimenti kbar ta’ ristrutturar u jgħinhom jirritornaw għal xogħol deċenti u impjieg sostenibbli mill-aktar fis possibbli.

(2)L-FEG ma jridx jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 186 miljun (il-prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 39 .

(3)Fil-25 ta’ Ġunju 2021, Spanja ssottomettiet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta’ sensji ta’ ħaddiema fis-settur ekonomiku kklassifikat skont il-klassifikazzjoni Statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (“NACE”) 40 Reviżjoni 2 Diviżjoni 25 (Manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr għal makkinarju u tagħmir fil-Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”) 41 livell 2 ir-reġjun ta’ País Vasco (ES21) fi Spanja. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) Nru 2021/691. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mal-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 2021/691.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 214 607 fir-rigward tal-applikazzjoni sottomessa minn Spanja.

(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2021, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 214 607 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha] 42*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(2)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS). ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1–56
(3)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(4)    F’konformità mal-ħames paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 2021/691.
(5)    Il-limitu ta’ żmien ta’ 12-il ġimgħa ġie sospiż bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u t-3 ta’ Mejju 2021, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/691.
(6)    Auxiliar Troquelería SL, Calderería del Oria, Matricería Deusto, Mecanizados de la Industria Vasca SLU, Taller Mecanizado Pablo López Lacalle SL, Tratamientos Superficiales Iontech SA.
(7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16).
(8)    Confemetal hija l-Konfederazzjoni Spanjola tal-Organizzazzjonijiet tan-Negozju tal-Metall, li tirrappreżenta lil madwar 220 000 intrapriża u lil aktar minn miljun u nofs ħaddiem.
(9)     Rapport dwar l-impatt ekonomiku tal-COVID-19 fuq is-settur tal-metall. Ottubru 2020 - https://atra.gal/files/noticias/Archivos_3680.pdf
(10)    Confemetal. Bullettin ta’ kull xahar Nru 185 u Nru 197
(11)    L-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar ġew applikati minn 60 % tal-intrapriżi u nofs il-forza tax-xogħol tas-settur (56,71 %) kienet f’xogħol b’ħinijiet iqsar.
(12)     Rapport dwar l-impatt ekonomiku tal-COVID-19 fuq is-settur tal-Metall. Ottubru 2020 - https://atra.gal/files/noticias/Archivos_3680.pdf
(13)     https://es.statista.com/estadisticas/1220166/porcentaje-del-vab-total-en-espana-por-sector/
(14)     https://www.eustat.eus/elementos/El-32-del-VAB-industrial-esta-generado-por-sectores-de-nivel-tecnologico-alto-o-medio-alto-en-2019/not0018911_c.html
(15)     Avance de los datos del mercado laboral del año 2020 (data tas-suq tax-xogħol għall-2020).
(16)     Avance de los datos del mercado laboral del año 2020 (data tas-suq tax-xogħol għall-2020).
(17)    Frar 2020.
(18)     https://www.lanbide.euskadi.eus/general/-/aukeraberri/
(19)    Il-pjanijiet ta’ rikollokament huma obbligu legali għall-intrapriża li tkeċċi 50 ħaddiem jew aktar. Id-durata tagħhom hija ta’ sitt xhur u jridu joffru għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg, gwida u taħriġ okkupazzjonali lill-ħaddiema. Il-178 ħaddiem issensjati f’Matricería Deusto kienu intitolati għal pjan ta’ rikollokament.
(20)     Eraikune (ragruppament tal-kostruzzjoni tal-Pajjiż Bask), laqgħa li saret fis-26 ta’ Jannar 2021,  
    GAIA (l-assoċjazzjoni tal-industriji tal-għarfien u tat-teknoloġiji applikati fil-Pajjiż Bask) u     Aclima (raggruppament ambjentali tal-pajjiż Bask) laqgħat li saru fis-27 ta’ Jannar 2021, 
    ACICAE (grupp awtomobilistiku tal-pajjiż Bask), laqgħa li saret fit-28 ta’ Jannar 2021,  
    Clúster Energía (raggruppament tal-enerġija Bask), laqgħa li saret fit-2 ta’ Frar 2021, 
    AFM (raggruppament għall-manifattura avvanzata), laqgħa li saret fit-3 ta’ Marzu 2021, u 
    HEGAN (Grupp tal-ajruspazju Bask), laqgħa li saret fl-4 ta’ Marzu 2021.
(21)    ISCED 0-2
(22)    ISCED 3
(23)    ISCED 4
(24)    ISCED 5-8
(25)    Disinjar permezz tal-kompjuter (CAD).
(26)    Il-Programmazzjoni tas-CNC (Programmazzjoni tal-Kontroll Numeriku tal-Kompjuter) jintuża mill-manifatturi biex joħolqu struzzjonijiet tal-programmi għall-kompjuters biex jikkontrollaw għodod b’magna.
(27)    CATIA (akronimu ta’ applikazzjoni interattiva tridimensjonali permezz tal-kompjuter) hija sett ta’ software b’diversi pjattaformi għad-disinjar permezz tal-kompjuter (CAD), il-manifattura permezz tal-kompjuter (CAM), l-inġinerija permezz tal-kompjuter (CAE), il-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott (PLM) u t-3D.
(28)    Gass inerti tat-tungstenu.
(29)     https://www.miteco.gob.es/es/calidad-y-evaluacion-ambiental/temas/economia-circular/estrategia/
(30)     https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/policies/desi
(31)    Biex jiġu evitati d-deċimali, il-kostijiet stmati għal kull ħaddiem ġew ittondjati. Madankollu, l-ittondjar ma għandu l-ebda impatt fuq il-kost totali ta’ kull miżura li jifdal bħal fl-applikazzjoni sottomessa minn Spanja.
(32)    It-totali ma jaqblux minħabba l-ittondjar.
(33)    Il-kost għal kull parteċipant għal din il-miżura huwa pprovdut biss għal skopijiet ta’ preżentazzjoni. Il-kost għal kull parteċipant tal-inċentivi se jiddependi fuq is-sitwazzjoni individwali ta’ kull ħaddiem u fuq l-eliġibbiltà tiegħu għat-tipi differenti ta’ inċentivi.
(34)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. I/11.
(35)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. I/29.
(36)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.)
(37)    ĠU L 153, 3.5.2021, p. 48.
(38)    ĠU L 433, 22.12.2020, p. I/29
(39)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433, 22.12.2020, p. I/11).
(40)    Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta’ l-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
(41)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/1755 tat-8 ta’ Awwissu 2019 li jemenda l-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS). ĠU L 270, 24.10.2019, p. 1–56
(42) *     Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni f’Il-ĠU.