Brussell, 22.9.2021

COM(2021) 582 final

2021/0296(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2009/138/KE, (UE) 2017/1132 u r-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 648/2012

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2021) 260}
{SWD(2021) 261}
{SEC(2021) 620}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-poloz tal-assigurazzjoni jifformaw parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej. Għal ħafna attivitajiet soċjali u ekonomiċi, il-pussess ta’ polza tal-assigurazzjoni huwa neċessarju għall-protezzjoni kontra riskji potenzjali. Polza tal-assigurazzjoni tista’ tkun ukoll prodott ta’ tfaddil, li jiddetermina l-benesseri fit-tul tad-detenturi filwaqt li l-assiguraturi jgħaddu dan it-tfaddil mis-swieq finanzjarji għall-ekonomija reali. Għalhekk, il-falliment diżordinat tal-assiguraturi jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq il-benefiċjarji, fuq il-partijiet li jġarrbu dannu jew fuq in-negozji affettwati, speċjalment meta s-servizzi kritiċi tal-assigurazzjoni ma jkunux jistgħu jiġu ssostitwiti f’ammont raġonevoli ta’ żmien u b’kost raġonevoli. Il-ġestjoni ta’ kważi falliment jew tal-falliment ta’ ċerti assiguraturi, b’mod partikolari gruppi transfruntiera kbar, jew il-falliment simultanju ta’ diversi assiguraturi, jista’ jwassal ukoll għal jew jamplifika l-instabbiltà finanzjarja.

Id-Direttiva Solvenza II naqqset il-probabbiltà ta’ fallimenti u tejbet ir-reżiljenza tal-industrija tal-assigurazzjoni tal-UE, u se tissaħħaħ bir-rieżami adottat flimkien ma’ din il-proposta 1 . Madankollu, minkejja qafas prudenzjali sod u robust, is-sitwazzjonijiet ta’ diffikultà finanzjarja ma jistgħux jiġu esklużi kompletament.

Madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda proċedura armonizzata fil-livell Ewropew għar-riżoluzzjoni tal-assiguraturi. Dan jirriżulta f’differenzi sostantivi u proċedurali konsiderevoli bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirregolaw il-falliment tal-assiguraturi fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ insolvenza korporattiva jistgħu ma jkunux adattati għall-assigurazzjoni, peress li mhux dejjem jistgħu jiżguraw kontinwazzjoni adegwata tal-funzjonijiet kritiċi. Għalhekk, hemm bżonn ta’ reġim sabiex l-awtoritajiet jiġu pprovduti b’sett kredibbli ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni bl-għan li jintervjenu minn kmieni biżżejjed u malajr jekk l-assiguraturi jkunu qed ifallu jew x’aktarx li jfallu sabiex jiżguraw eżitu aħjar għad-detenturi ta’ poloz, filwaqt li jimminimizzaw l-impatt fuq l-ekonomija, fuq is-sistema finanzjarja u fuq kwalunkwe rikors għal flus il-kontribwenti.

Fil-livell internazzjonali, f’Ottubru 2014, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB) żviluppa Attributi Ewlenin (KA) dwar reġimi effettivi ta’ riżoluzzjoni għas-settur tal-assigurazzjoni mmirati lejn kwalunkwe assiguratur li jista’ jkun sistemikament sinifikanti jew kritiku jekk ifalli. L-FSB ħareġ gwida komplementari dwar l-iżvilupp ta’ strateġiji u ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni effettivi f’Ġunju 2016 u fil-Metodoloġija ta’ Valutazzjoni tal-KA tiegħu f’Awwissu 2020. B’mod parallel, f’Novembru 2019, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni (IAIS) adottat Prinċipji Fundamentali tal-Assigurazzjoni għall-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif ukoll Qafas Komuni għall-Gruppi tal-Assigurazzjoni Attivi fuq Livell Internazzjonali (IAIG) li jispjegaw l-istandards għall-ippjanar ta’ rkupru preventiv għall-IAIG u s-setgħat li l-awtoritajiet huma mistennijin li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jimmaniġġjaw ħruġ ordnat mis-suq. L-ippjanar tar-riżoluzzjoni għal gruppi individwali tal-assigurazzjoni huwa mistenni kif neċessarju.

Din il-proposta tirrifletti dawn l-iżviluppi u timplimenta dawn l-istandards internazzjonali fil-leġiżlazzjoni Ewropea. Hija bbażata fuq il-ħidma preparatorja żviluppata mill-EIOPA, b’mod partikolari l-opinjoni tagħha ta’ Lulju 2017 2 , u fuq il-parir tekniku tal-EIOPA dwar ir-rieżami tad-Direttiva Solvenza II 3 . Issegwi wkoll ir-rapporti mħejjijin mill-BERS fl-2017 u fl-2018 4 li jargumentaw favur qafas armonizzat ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni fl-assigurazzjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta ġiet żviluppata f’konsistenza sħiħa mal-qafas ta’ Solvenza II, b’mod partikolari, l-iskala ta’ intervent tagħha għall-impriżi fil-każ ta’ kundizzjonijiet finanzjarji li jiddeterjoraw u l-miżuri ta’ rkupru diġà disponibbli għall-ksur tar-rekwiżiti ta’ kapital. Filwaqt li żżid ċerti elementi ta’ tħejjija għall-kriżijiet, is-setgħat preventivi l-ġodda huma konsistenti mal-iskala tal-interventi u mas-setgħat superviżorji diġà previsti fil-qafas ta’ Solvenza II; ma jwasslux għal skattatur ta’ intervent definit minn qabel ġdid għajr il-livell tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza. Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-politiki korrispondenti fil-qasam tal-irkupru u tar-riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għad-ditti tal-investiment 5 u għall-kontropartijiet ċentrali 6 .

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Billi tistabbilizza l-funzjonijiet kritiċi tal-assiguraturi f’diffikultà, din il-proposta tgħin sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tal-faddala u tal-investituri, iżżomm il-funzjonijiet essenzjali tal-assiguraturi għall-ekonomija reali u ssaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja. Tappoġġa l-kundizzjonijiet essenzjali għall-iffaċilitar ta’ flussi effiċjenti u sostenibbli tal-kapital lejn fejn ikunu meħtieġa.

B’mod ġenerali, din il-proposta tgħin sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-assiguraturi bħala investituri fit-tul u atturi fl-irkupru ekonomiku wara l-kriżi tal-COVID-19, f’konformità mal-objettivi politiċi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-Artikolu 114 tat-TFUE. Dan jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom bħala t-tir tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

Il-proposta tarmonizza l-liġijiet nazzjonali dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-assiguraturi, jew tintroduċi tali qafas jekk ma jkunx għad hemm wieħed, sa fejn ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom l-istess għodod u proċeduri bl-għan li jindirizzaw il-fallimenti. Billi tistabbilixxi rekwiżiti armonizzati minimi fis-suq intern, il-proposta tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi madwar l-Istati Membri. Il-qafas armonizzat ikun jissalvagwardja wkoll l-interessi tad-detenturi ta’ poloz u jippreserva l-ekonomija reali. Ikun jikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja u għall-fiduċja fis-suq intern għall-assigurazzjoni u għar-riassigurazzjoni billi jiżgura kapaċità minima għar-riżoluzzjoni tal-assiguraturi fl-Istati Membri kollha u billi jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali meta jittrattaw il-falliment ta’ gruppi transfruntiera. Għalhekk, il-proposta għandha bħala t-tir tagħha l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika xierqa.

Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi) 

Bħalissa, is-sistemi ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni tal-assigurazzjoni huma nazzjonali u huma fis-seħħ biss f’għadd żgħir ta’ Stati Membri. Għalhekk, ħafna ordinamenti ġuridiċi nazzjonali ma jagħtux is-setgħat neċessarji lill-awtoritajiet sabiex jittrattaw b’mod adegwat assiguraturi li jkunu qed ifallu. Dawn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali diverġenti lanqas ma huma biżżejjed f’każijiet ta’ falliment transfruntier, b’mod partikolari għal gruppi transfruntier fejn azzjonijiet mhux ikkoordinati malajr jistgħu jwasslu għal eżiti subottimali. L-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ riżoluzzjoni adegwati fil-livell tal-Unjoni jeħtieġ armonizzazzjoni sinifikanti tal-prattiki u tal-proċeduri nazzjonali, li tiġġustifika l-proposta mill-Unjoni tal-leġiżlazzjoni neċessarja.

L-objettiv ta’ din il-proposta, jiġifieri l-armonizzazzjoni tar-regoli u tal-proċessi għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-assiguraturi, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri; minflok, minħabba l-effetti ta’ falliment ta’ kwalunkwe impriża fl-Unjoni, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Proporzjonalità

Din il-proposta timplimenta standards internazzjonali u ssegwi l-parir tal-EIOPA. Sabiex jiġu żgurati l-adegwatezza u l-effettività tal-qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni, u sabiex jiġu limitati l-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi eċċessivi fuq l-assiguraturi u fuq l-awtoritajiet, il-proposta fiha rekwiżiti proporzjonati li jqisu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-organizzazzjoni, tal-attivitajiet u tas-servizzi ta’ assiguratur. Dawn japplikaw għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-impriżi li jkunu soġġetti għal ippjanar ta’ rkupru preventiv u għal ippjanar ta’ riżoluzzjoni; l-awtoritajiet jistgħu jippermettu wkoll lill-assiguraturi jkunu soġġetti għal sett simplifikat ta’ obbligi meta jiżviluppaw u jmantnu l-pjanijiet tagħhom. Il-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza jibqgħu ħruġ possibbli mis-suq għal assiguratur fallut u l-intervent superviżorju jibqa’ bbażat fuq ġudizzju.

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-proposta huma proporzjonati għal dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tagħha.

Għażla tal-istrument

Is-superviżjoni prudenzjali hija bbażata fuq id-Direttiva Solvenza II, u r-riżoluzzjoni hija marbuta mill-qrib ma’ oqsma mhux armonizzati tad-dritt nazzjonali, bħal-liġi dwar l-insolvenza u l-proprjetà. Għalhekk, direttiva hija l-istrument legali xieraq peress li t-traspożizzjoni hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-qafas jiġi implimentat b’mod li jilħaq l-effett maħsub, fi ħdan l-ispeċifiċitajiet tad-dritt nazzjonali rilevanti.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta taqsam il-Valutazzjoni tal-Impatt (IA) tagħha mal-proposta dwar ir-rieżami tal-qafas ta’ Solvenza II. 7 L-Anness 10 tal-IA jevalwa l-qafas attwali ta’ Solvenza II u jikkonkludi li kien effettiv b’mod mifrux fil-kisba tal-progress fir-rigward tal-objettivi kumplessivi tiegħu li jiffaċilita l-iżvilupp tas-suq uniku fis-servizzi tal-assigurazzjoni filwaqt li jipproteġi b’mod adegwat lid-detenturi ta’ poloz. Madankollu, sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2016, il-qafas prudenzjali ta’ Solvenza II ġie implimentat b’diversi modi mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali (ASN). Dan kien il-każ, pereżempju, għall-iskala tal-interventi li għandha l-għan li tirrestawra s-sitwazzjoni finanzjarja tal-assiguraturi wara li jkun ġie osservat deterjorament, jew, b’mod aktar ġenerali, għal miżuri relatati mal-irkupru u mar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-attivitajiet transfruntiera dejjem jikbru u tal-isfidi l-ġodda maħluqin mill-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji prevalenti, il-qafas ta’ Solvenza II għadu ma pprovdiex reġim li jista’ jiżgura r-riżoluzzjoni koordinata tal-assiguraturi.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri ma għandhomx qafas effettiv ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni fis-seħħ, u meta jagħmlu dan, hemm differenzi sostanzjali bejniethom 8 . Dawn id-differenzi jinkludu s-setgħat u l-għodod disponibbli għall-awtoritajiet, il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu eżerċitati dawn is-setgħat u l-objettivi segwiti meta jiġi indirizzat il-falliment tal-assiguraturi. Barra minn hekk, kif muri mill-ftit każijiet ta’ falliment u ta’ kważi falliment irreġistrati mill-EIOPA, in-nuqqas ta’ tħejjija suffiċjenti kemm tal-assiguraturi kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi, in-nuqqas ta’ għodod u ta’ setgħat adegwati jew in-nuqqas ta’ koordinazzjoni transfruntiera setgħu xekklu rkupru jew riżoluzzjoni fil-pront u b’suċċess ta’ assiguraturi li kienu qed ifallu fl-UE. Konsegwentement, il-livell ta’ protezzjoni għad-detenturi ta’ poloz u għall-benefiċjarji seta’ kien subottimali.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’Lulju 2017, l-EIOPA ppubblikat Opinjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-oqfsa ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni għall-assiguraturi madwar l-Istati Membri; L-EIOPA ppubblikat it-tieni Opinjoni f’Diċembru 2020 wara s-“Sejħa għal Pariri” tal-Kummissjoni fi Frar 2019. Fiż-żewġ każijiet, l-EIOPA wettqet konsultazzjoni pubblika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat konferenza f’Jannar 2020, li inkludiet sessjoni waħda ffokata fuq l-irkupru u fuq ir-riżoluzzjoni.

Fid-19 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Banek, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni. L-Istati Membri ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-istrateġija ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni u dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-EIOPA tal-proposti tagħha. Sar skambju speċifiku tal-fehmiet dwar approċċ possibbli għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ stħarriġ immirat.

F’Lulju 2020, Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu (IIA) ipprovdiet analiżi dettaljata tal-għażliet ta’ politika differenti; il-feedback mill-partijiet ikkonċernati dwar l-IIA nġabar sa Awwissu 2020. Minn Lulju sa Ottubru 2020, konsultazzjoni pubblika dwar ir-rieżami tal-qafas ta’ Solvenza II ġabret 73 tweġiba minn varjetà ta’ partijiet ikkonċernati, l-aktar miż-Żona Ekonomika Ewropea. “Rapport fil-qosor” dwar il-feedback għal din il-konsultazzjoni ġie ppubblikat fl-1 ta’ Frar 2021 9 .

Dawn il-konsultazzjonijiet urew li filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili appoġġaw b’mod wiesa’ l-allinjament aħjar tal-elementi ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni, l-industrija tal-assigurazzjoni sabet armonizzazzjoni bħal din fil-biċċa l-kbira mhux neċessarja u indikat il-kostijiet ta’ konformità probabbilment għoljin. Xi parteċipanti enfasizzaw il-ħtieġa li ssir applikazzjoni proporzjonata tar-regoli. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati kollha enfasizzaw il-ħtieġa għal koordinazzjoni u għal skambju ta’ informazzjoni aħjar bejn is-superviżuri f’kuntest transfruntier.

Fl-10 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Banek, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni dwar elementi addizzjonali relatati mal-irkupru u mar-riżoluzzjoni tal-assigurazzjoni. B’mod ġenerali, l-esperti tal-Istati Membri qablu mal-orjentazzjonijiet ta’ politika ssuġġeriti fl-Opinjoni tal-2020 tal-EIOPA.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Sabiex tappoġġa l-ħidma tagħha fuq ir-rieżami tal-qafas ta’ Solvenza II, il-Kummissjoni bagħtet “Sejħa għal Pariri” komprensiva lill-EIOPA, inkluż dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni. Ir-rapport finali mill-EIOPA ġie ppubblikat fis-17 ta’ Diċembru 2020.

Minbarra li kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni ħadet sehem fid-diskussjonijiet u fl-iskambju ta’ fehmiet li jinformaw il-ħidma tal-EIOPA, tal-IAIS u tal-FSB dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-assiguraturi. F’dan ir-rigward, il-proposta leġiżlattiva hija kompletament konformi mal-aħħar orjentazzjonijiet ta’ politika tal-FSB u tal-IAIS.

Valutazzjoni tal-impatt

L-IA għal din il-proposta ġiet żviluppata bħala parti mir-rieżami usa’ ta’ Solvenza II u rċiviet opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fit-23 ta’ April 2021. Il-kostijiet u l-benefiċċji assoċjati ma’ din il-proposta ġew ivvalutati u kkonsultati bir-reqqa f’żewġ okkażjonijiet mill-EIOPA 10 ; l-għarfien ewlieni miksub mill-analiżi tal-EIOPA huwa rifless fl-IA u miġbur fil-qosor hawn taħt.

L-RSB għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib, li wasslu sabiex l-IA tiġi rfinata aktar. B’mod partikolari, il-valutazzjoni tal-għażliet u tal-kostijiet u tal-benefiċċji ġenerali tar-rieżami ta’ Solvenza II, flimkien mal-proposta ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni, komplew jiġu ssostanzjati.

L-IA sabet li l-implimentazzjoni ta’ qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi tindirizza b’mod effettiv in-nuqqas ta’ tħejjija osservat, interventi possibbilment imdewma, is-sett ta’ għodod mhux komplut u l-ġestjoni mhux koordinata ta’ każijiet transfruntiera ta’ (kważi) falliment.

Madankollu, l-IA kkonkludiet li, f’konformità mal-gwida u mal-istandards internazzjonali, huwa neċessarju li jiġu introdotti kundizzjonijiet speċifiċi għad-dħul f’riżoluzzjoni sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet li fihom assiguratur ikollu impatt sistemiku jekk ifalli. B’mod partikolari, l-għażliet ta’ politika żviluppati fil-proposta jipprovdu qafas kredibbli sabiex tiġi indirizzata d-diffikultà tal-assiguraturi li l-falliment tagħhom jista’ jaffettwa b’mod negattiv lid-detenturi ta’ poloz. Sett armonizzat ta’ setgħat għall-prevenzjoni u għall-indirizzar ta’ fallimenti b’karatteristiċi konsistenti ta’ tfassil, ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar irawwem il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni transfruntiera matul il-kriżijiet u jgħin sabiex jiġi evitat kwalunkwe kost ekonomiku mhux meħtieġ li jirriżulta minn teħid ta’ deċiżjonijiet mhux koordinat bejn awtoritajiet pubbliċi u qrati differenti. Ikun jikkontribwixxi wkoll għal kundizzjonijiet ekwi u jevita arbitraġġ regolatorju.

F’termini ta’ kostijiet, l-IA wriet li jkunu jirriżultaw l-aktar mir-rekwiżiti ta’ valutazzjoni tal-ippjanar u tar-riżolvibbiltà. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-EIOPA tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-firxa ta’ kostijiet stmati mill-ASN għall-abbozzar u għall-manutenzjoni ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u ta’ valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà, u għas-superviżjoni ta’ pjanijiet ta’ rkupru preventiv. L-assiguraturi jkunu jiffaċċjaw kostijiet sabiex jabbozzaw pjanijiet ta’ rkupru preventiv, sabiex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet jew sabiex jagħmlu bidliet possibbli bl-għan li jindirizzaw l-impedimenti għar-riżolvibbiltà. Ma kienet disponibbli l-ebda valutazzjoni ta’ dawn il-kostijiet għall-IA; madankollu, peress li l-pjanijiet ta’ rkupru preventiv ikunu integrati fil-ġestjoni tar-riskju kontinwa tal-assiguraturi, ir-rapporti tal-ORSA u l-ippjanar ta’ kontinġenza jistgħu jservu bħala sors ta’ input.

L-IA kkonfermat ukoll il-valutazzjoni tal-EIOPA li ma jkunx proporzjonat li jintalab il-finanzjament ta’ fond ta’ riżoluzzjoni mill-industrija tal-assigurazzjoni jew l-akkumulazzjoni ta’ obbligazzjonijiet minn assiguraturi individwali li jistgħu jiġu rrikapitalizzati internamnet sabiex jiġi assorbit it-telf u jiġu rrikapitalizzati assiguraturi li jkunu qed ifallu. L-IA vvalutat li dawn il-miżuri jkollhom l-effett li jneffħu l-karta bilanċjali tal-assiguraturi sabiex joħolqu kapaċità tal-assorbiment tat-telf b’mod proporzjonat għall-provvedimenti tekniċi tagħhom; dan ikun jinvolvi kostijiet ogħla għall-industrija u jkun jimponi riskji ta’ servizzjar addizzjonali fuq il-kumpaniji li ma jkunux ġustifikati minn benefiċċji materjalment akbar 11 .

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Kif spjegat fit-taqsima 2, ma tinħoloq l-ebda skala ta’ interventi addizzjonali f’Solvenza II u r-rekwiżiti l-ġodda ta’ ppjanar huma soġġetti għal proporzjonalità adegwata. Jenħtieġ li l-introduzzjoni ta’ dawn l-elementi ta’ proporzjonalità tgħin sabiex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji u amministrattivi assoċjati mal-implimentazzjoni tal-proposta u sabiex jinkiseb bilanċ xieraq mal-benefiċċji mistennijin tagħha.

Billi trawwem is-sensibilizzazzjoni u t-tħejjija, il-proposta tikkontribwixxi għal azzjonijiet ta’ rimedju informati aħjar u f’waqthom meta jkunu meħtieġa mill-assiguraturi. Tkun ittejjeb ukoll il-kundizzjonijiet ekwi fil-miżuri meħudin mill-awtoritajiet sabiex jerġgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet finanzjarji tagħhom jew sabiex isolvuhom, u b’hekk tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet kompetittivi aktar ġusti.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b’mod partikolari d-drittijiet għall-proprjetà, il-libertà ta’ impriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-dritt tad-difiża, u trid tiġi implimentata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

Jenħtieġ li kwalunkwe interferenza mad-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri li tirriżulta minn azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun kompatibbli mal-Karta. B’mod partikolari, fejn il-kredituri fl-istess klassi jiġu ttrattati b’mod differenti taħt azzjoni ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li tali distinzjoni tkun iġġustifikata fl-interess pubbliku u proporzjonata għar-riskji li jkunu qed jiġu indirizzati. Jenħtieġ li l-kredituri affettwati, inklużi d-detenturi ta’ poloz, ma jġarrbux telf akbar minn dak li kienu jġarrbu li kieku l-assiguratur kien ġie stralċjat taħt proċedimenti ta’ insolvenza normali fiż-żmien li tittieħed id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

Il-proposta tkun teħtieġ li l-EIOPA: (i) tiżviluppa għaxar standards tekniċi u sitt linji gwida; (ii) tistabbilixxi rapport annwali wieħed dwar l-użu ta’ obbligi simplifikati; (iii) tmantni bażi tad-data dwar sanzjonijiet amministrattivi rrapportati mill-awtoritajiet nazzjonali; u (iv) tieħu sehem fil-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni, tieħu deċiżjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni u teżerċita medjazzjoni vinkolanti. Il-kumitat ta’ riżoluzzjoni li għadu kif twaqqaf ikollu jħejji wkoll il-kompiti għall-EIOPA fl-oqsma koperti mill-proposta. F’dan il-kuntest, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiġu mistidnin jipparteċipaw, bħala membri, f’dawn l-iżviluppi, u b’hekk jimmassimizzaw l-użu tar-riżorsi eżistenti.

L-istandards tekniċi għandhom jiġu ppreżentati 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Jenħtieġ li din l-iskadenza tipprovdi biżżejjed żmien għall-EIOPA sabiex tiżviluppahom fid-dawl tar-riżorsi kurrenti tagħha. L-uniku riżultat rikorrenti huwa relatat mar-rapport dwar l-użu ta’ obbligi simplifikati.

Il-volum ta’ xogħol assoċjat mal-ħolqien u maż-żamma tal-bażi tad-data dwar is-sanzjonijiet x’aktarx jiddependi mill-fluss tal-avvenimenti rrapportati mill-awtoritajiet nazzjonali. Jenħtieġ li l-okkorrenzi jkunu limitati u jinqasmu tul iż-żmien, b’tali mod li jippermettu lill-EIOPA timmaniġġja r-riżorsi eżistenti tagħha kif ikun neċessarju.

Fid-dawl tal-ħidma tal-passat u ta’ dik attwali tal-EIOPA dwar il-maniġġjar ta’ kriżijiet, huwa meqjus li l-kompiti proposti għall-EIOPA ma humiex se jirrikjedu l-istabbiliment ta’ pożizzjonijiet addizzjonali u jistgħu jitwettqu bir-riżorsi attwali.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

Il-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jittrasponu r-regoli dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni fil-liġijiet nazzjonali tagħhom fi żmien 18-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-proposta. Kif imsemmi fit-taqsima 5, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jirrapportaw lill-EIOPA dwar l-applikazzjoni ta’ obbligi simplifikati fuq bażi annwali, li l-EIOPA jenħtieġ li min-naħa tagħha tiżvela.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Titolu I – Kamp ta’ applikazzjoni, definizzjonijiet u awtoritajiet

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni (Artikolu 1)

Din il-proposta tindirizza l-maniġġjar ta’ kriżijiet (setgħat preventivi, ippjanar u riżoluzzjoni ta’ rkupru preventiv) fir-rigward tal-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni stabbiliti fl-UE li huma soġġetti għall-qafas ta’ Solvenza II.

Barra minn hekk, peress li l-falliment ta’ entità affiljata ma’ grupp jista’ jkollu impatt fuq is-solvenza u fuq l-operazzjonijiet tal-grupp kollu, l-ippjanar ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi jeħtieġ li jidentifika u jinkludi l-entitajiet materjali kollha ta’ gruppi li assiguratur jista’ jifforma parti fihom u l-awtoritajiet jenħtieġ li jkollhom mezzi effettivi ta’ teħid ta’ azzjoni fir-rigward ta’ dawk l-entitajiet sabiex jimponu azzjonijiet ta’ rimedju li jqisu s-solidità finanzjarja tal-grupp, jindirizzaw l-impedimenti għar-riżolvibbiltà f’kuntest ta’ grupp u jipproduċu skema ta’ riżoluzzjoni konsistenti għall-grupp kollu kemm hu, b’mod partikolari f’kuntest transfruntier.

It-twaqqif ta’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni (Artikolu 3)

Din il-proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jwaqqfu awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-assigurazzjoni, mgħammrin b’sett minimu armonizzat ta’ setgħat sabiex iwettqu l-azzjonijiet preparatorji u ta’ riżoluzzjoni rilevanti kollha. Il-proposta ma tispeċifikax l-awtorità partikolari li jenħtieġ li jinħatru u għalhekk tista’ tkun, pereżempju, banek ċentrali nazzjonali, ministeri kompetenti, awtoritajiet amministrattivi pubbliċi jew awtoritajiet oħrajn fdati b’setgħat amministrattivi pubbliċi. F’każ li s-setgħat jiġu assenjati lil awtorità eżistenti, jenħtieġ li jkun hemm arranġamenti strutturali adegwati fis-seħħ sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess bejn il-funzjonijiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni u l-indipendenza operazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji.

Titolu II – Tħejjija

Obbligi simplifikati (Artikolu 4)

Sabiex jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità u sabiex jiġi evitat piż amministrattiv eċċessiv, jenħtieġ li, fejn xieraq, l-awtoritajiet japplikaw rekwiżiti differenti jew imnaqqsin ta’ ppjanar u ta’ riżoluzzjoni preventivi u ta’ informazzjoni fuq bażi speċifika għall-impriża, u bi frekwenza aktar baxxa ta’ aġġornamenti, filwaqt li jqisu numru ta’ fatturi relatati mal-impriża. Fuq bażi annwali, jenħtieġ li l-awtoritajiet jirrapportaw lill-EIOPA dwar l-applikazzjoni ta’ obbligi simplifikati.

Ippjanar ta’ rkupru preventiv (l-Artikoli 5 sa 8)

Jenħtieġ li l-gruppi jfasslu u jissottomettu lill-grupp ta’ superviżjoni tal-grupp pjanijiet ta’ rkupru preventiv. Barra minn hekk, l-assiguraturi, li ma humiex parti minn grupp soġġett għal tali rekwiżiti ta’ ppjanar huma meħtieġa jħejju u jaġġornaw regolarment il-pjanijiet ta’ rkupru preventiv li jistabbilixxu l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn dawk l-impriżi għar-restawr tal-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fejn din tkun iddeterjorat b’mod sinifikanti. Jenħtieġ li s-superviżuri jidentifikaw l-assiguraturi li huma obbligati jfasslu pjanijiet ta’ rkupru preventiv fuq il-bażi ta’ numru ta’ fatturi. B’mod ġenerali, jenħtieġ li tal-anqas 80 % tas-suq tal-Istati Membri jkun soġġett għal tali rekwiżiti u impriża b’riskju baxx tkun eskluża fuq bażi individwali.

Dawn il-pjanijiet se jtejbu l-fehim tal-assiguratur dwar il-vulnerabbiltajiet tiegħu u jenħtieġ li l-għażliet realistiċi tiegħu f’xenarji ta’ stress ikunu parti integrali mis-sistema ta’ governanza tal-impriża u l-għodod eżistenti jistgħu jservu bħala kontribut fit-tħejjija tal-pjanijiet ta’ rkupru preventiv.

Il-pjanijiet ta’ rkupru preventiv għandhom jiġu vvalutati mill-awtoritajiet superviżorji sabiex jivverifikaw jekk il-pjanijiet ikunux komprensivi u jistgħux jistabbilixxu mill-ġdid b’mod fattibbli l-vijabbiltà ta’ impriża b’mod tempestiv.

Ippjanar ta’ riżoluzzjoni u valutazzjonijiet tar-riżolvibbiltà (Artikoli 9 sa 16)

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni huma meħtieġa jħejju pjanijiet ta’ riżoluzzjoni li jistabbilixxu l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li l-awtorità tipprevedi f’każ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni. B’mod ġenerali, jenħtieġ li 70 % tal-impriżi għal kull Stat Membru jkunu soġġetti għal ippjanar ta’ riżoluzzjoni u impriża b’riskju baxx tkun eskluża fuq bażi individwali. Jenħtieġ li l-assiguraturi rilevanti jiġu identifikati fuq il-bażi ta’ numru ta’ kriterji tal-proporzjonalità, li jinkludu l-impatt mistenni tal-falliment tagħhom.

Jenħtieġ li la l-pjanijiet ta’ rkupru preventiv u lanqas il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni preventiva ma jiddependu fuq kwalunkwe assistenza finanzjarja pubblika straordinarja jew jiskopru lill-kontribwenti għar-riskju ta’ telf.

Bħala parti mill-ippjanar tar-riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jivvalutaw ukoll ir-riżolvibbiltà ġenerali tal-assiguratur u jindirizzaw kwalunkwe impediment għaliha. Jenħtieġ li d-diskrezzjoni tal-awtoritajiet tkun limitata għal dik li hija neċessarja sabiex jissimplifikaw l-istruttura u l-operazzjonijiet tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni bl-għan uniku li jtejbu ir-riżolvibbiltà tagħha.

Deċiżjonijiet konġunti (Artikolu 17)

Jenħtieġ li s-superviżuri tal-grupp, l-awtoritajiet superviżorji, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, kif applikabbli, jagħmlu ħilithom sabiex jilħqu deċiżjonijiet konġunti, skont il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu.

Titolu III – Riżoluzzjoni

Kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni (Artikolu 19)

Il-proposta tistabbilixxi parametru komuni għall-iskattar tal-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni titqiegħed taħt riżoluzzjoni meta tkun qed tfalli jew probabbli li tfalli u ma jkun hemm l-ebda prospett li alternattivi mis-settur privat jew miżuri superviżorji jistgħu jevitaw il-falliment.

Fl-istess ħin, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-miżuri intrużivi jiġu skattati biss meta l-interferenza mad-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati tkun iġġustifikata u l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun fl-interess pubbliku.

Għodod u setgħat ta’ riżoluzzjoni (Artikoli 26 sa 52)

Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni li ġejjin:

(a)il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali, ta’ strumenti ta’ dejn u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn b’mod partikolari sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni oħrajn bħar-run-off solventi jew l-għodod ta’ trasferiment. Tinħoloq ġerarkija speċifika li tikkomplementa u, fejn neċessarju, tissostitwixxi dik stabbilita f’kull liġi nazzjonali dwar l-insolvenza. Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-pretensjonijiet tal-azzjonisti jiġu eżawriti qabel dawk tal-kredituri subordinati. Huwa biss meta dawk il-pretensjonijiet jiġu eżawriti li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jimponu telf fuq pretensjonijiet superjuri. F’ċerti ċirkostanzi, il-konverżjoni sseħħ sabiex jiġu dilwiti serjament il-pretensjonijiet tal-azzjonisti li jifdal;

(b)run-off solventi: l-awtorizzazzjoni ta’ impriża taħt riżoluzzjoni sabiex tikkonkludi kuntratti ġodda tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tiġi rtirata sabiex l-attività tagħha tiġi limitata għall-amministrazzjoni esklużiva tal-portafoll eżistenti tagħha, u b’hekk tiġi mmassimizzata l-kopertura tal-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni minn assi eżistenti;

(c)il-bejgħ ta’ negozju: in-negozju kollu ta’ impriża jew parti minnu jista’ jinbiegħ skont termini kummerċjali, mingħajr ma tinżamm konformità mar-rekwiżiti proċedurali li kieku japplikaw.

(d)impriża tranżitorja: in-negozju kollu ta’ impriża jew parti minnu jista’ jiġi ttrasferit lil entità kkontrollata pubblikament. L-impriża tranżitorja trid tiġi awtorizzata f’konformità mad-Direttiva Solvenza II. L-operazzjonijiet tagħha huma ta’ natura temporanja, bl-għan li tbigħ in-negozju lil akkwirent privat meta l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu xierqa.

(e)separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet: assi indeboliti jew problematiċi u/jew obbligazzjonijiet jistgħu jiġu ttrasferiti għal veikolu tal-immaniġġjar sabiex ikunu jistgħu jiġu mmaniġġjati u jinħadmu maż-żmien. Sabiex jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet kompetittivi u r-riskji ta’ periklu morali, jenħtieġ li din l-għodda tintuża biss flimkien ma’ għodda oħra ta’ riżoluzzjoni.

Fejn disponibbli, l-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-proċess ta’ riżoluzzjoni billi jassorbu t-telf sal-punt tat-telf nett li dawk l-iskemi kien ikollhom iġarrbu wara li jipproteġu lid-detenturi ta’ poloz fi proċedimenti normali ta’ insolvenza. F’dawk il-każijiet, l-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni tkun tiżgura li d-detenturi ta’ poloz eliġibbli jkunu protetti sa mill-inqas il-livell ta’ kopertura li huwa r-raġuni ewlenija għaliex skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni bħal dawn ikunu ġew stabbiliti skont id-dritt nazzjonali.

Sabiex japplikaw dawk l-għodod, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħat li jieħdu kontroll ta’ istituzzjoni li tkun falliet jew li tkun se tfalli, jieħdu r-rwol ta’ azzjonisti u ta’ maniġers, jittrasferixxu l-assi u l-obbligazzjonijiet u jeżegwixxu l-kuntratti. Fejn applikabbli, l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom ikunu konsistenti mal-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. L-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jipprovdu, minbarra s-sett ta’ għodod armonizzat minimu, għodod u setgħat nazzjonali speċifiċi jekk ikunu kompatibbli mal-prinċipji u mal-objettivi tal-qafas ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkunsidraw l-użu tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni għar-rikapitalizzazzjoni ta’ assiguratur li jkun qed ifalli sakemm il-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni ma jkunux affettwati u li jittieħdu miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni u ta’ ristrutturar.

Dispożizzjonijiet anċillari li jikkonċernaw ir-riżoluzzjoni, inklużi l-valwazzjoni, is-salvagwardji, l-obbligi proċedurali u d-drittijiet ta’ appell u l-esklużjoni ta’ azzjonijiet oħrajn (Artikoli 23 sa 25 u 53 sa 66)

Sabiex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni jittieħdu f’konformità mal-prinċipji ewlenin rigward id-drittijiet tal-proprjetà u f’konformità mad-dritt tal-kumpaniji u dwar it-titoli rilevanti, id-Direttiva tinkludi d-dispożizzjonijiet u l-passi neċessarji li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jkollhom jikkonformaw magħhom qabel u malli jieħdu deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni. Pereżempju, dawn jinkludu l-iżgurar ta’ valwazzjoni akkurata tal-karta bilanċjali tal-assiguratur, salvagwardji għall-azzjonisti u għall-kredituri affettwati, li jinkludu d-detenturi ta’ poloz, sabiex jirċievu kumpens jekk jispiċċaw agħar milli li kieku l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ġiet stralċjata skont proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza, il-passi proċedurali li permezz tagħhom l-awtoritajiet jenħtieġ li jinnotifikaw lill-assiguratur u lil awtoritajiet oħrajn ikkonċernati bid-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni u bid-dritt ta’ appell kontra miżuri ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet jew ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet. Sabiex jiġu ffaċilitati r-riżoluzzjoni u l-objettiv li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, il-qafas jinkludi wkoll moratorju temporanju fuq il-ħlas ta’ pretensjonijiet u sospensjonijiet fid-drittijiet ta’ tifdija tad-detenturi ta’ poloz fir-rigward ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni tal-ħajja.

Titolu IV - Riżoluzzjoni ta’ grupp transfruntier (Artikoli 67 sa 71)

Sabiex titqies in-natura transfruntiera ta’ xi gruppi tal-assigurazzjoni u jinħoloq qafas komprensiv u integrat għall-azzjonijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni, il-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni jitwaqqfu taħt it-tmexxija tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp u bil-parteċipazzjoni tal-EIOPA. L-EIOPA tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet, u tikkontribwixxi għall-konsistenza u għall-medjazzjoni jekk dawn ikunu neċessarji. L-objettiv tal-kulleġġi huwa li jikkoordinaw miżuri preparatorji u ta’ riżoluzzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jiżguraw soluzzjonijiet ottimali fil-livell tal-Unjoni.

Titolu V – Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi (Artikoli 72 sa 77)

L-assiguraturi fl-Unjoni huma attivi f’pajjiżi terzi u viċi versa, u għalhekk qafas effettiv għar-riżoluzzjoni jeħtieġ li jipprevedi kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi. Il-proposta tipprovdi lill-awtoritajiet tal-Unjoni bis-setgħat neċessarji sabiex jappoġġaw l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni barranija ta’ assiguratur barrani li jkun falla billi tagħti effett lit-trasferimenti tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tiegħu li jinsabu fil-liġi tal-ġurisdizzjoni tagħhom jew li huma rregolati minnha, taħt ċerti kundizzjonijiet. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni jkollhom ukoll is-setgħa li japplikaw għodod ta’ riżoluzzjoni għall-fergħat nazzjonali ta’ impriżi ta’ pajjiżi terzi fejn tkun neċessarja riżoluzzjoni separata għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew għall-protezzjoni tad-detenturi ta’ politika lokali.

Il-proposta tipprevedi li l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni barranin jistgħu jiġu konklużi sabiex jiġi ffaċilitat l-appoġġ għal azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni barranija. L-EIOPA tista’ tidħol f’arranġamenti amministrattivi qafas mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1094/2010 u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkonkludu arranġamenti bilaterali f’konformità mal-arranġamenti qafas tal-EIOPA.

Titolu VI – Penali (Artikoli 78 sa 82)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mill-assiguraturi, dawk li effettivament jikkontrollaw in-negozju tagħhom u l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tagħhom mal-obbligi li jirriżultaw minn din il-proposta, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jenħtieġ li l-EIOPA tmantni bażi tad-data ċentrali tas-sanzjonijiet amministrattivi kollha.

Titolu VII - Bidliet fid-Direttiva Solvenza II, fid-Direttivi dwar id-Dritt tal-Kumpaniji u fir-Regolament dwar l-EIOPA

Bidliet fid-Direttiva Solvenza II, inkluż dwar miżuri preventivi (Artikolu 83)

Mingħajr ma taffettwa l-iskala eżistenti ta’ interventi, din il-proposta tiċċara s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji li jimponu miżuri preventivi lill-assiguraturi f’każijiet ta’ pożizzjonijiet finanzjarji li jkunu qed jiddeterjoraw jew ta’ ksur tar-rekwiżiti regolatorji, sabiex tiġi evitata l-eskalazzjoni tal-problemi fi stadju bikri biżżejjed ta’ deterjorament.

Sabiex tinkiseb riżoluzzjoni effettiva, id-dispożizzjonijiet dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ huma emendati sabiex jestendu l-applikazzjoni tagħhom fil-każ tal-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni kemm meta dawk l-istrumenti jiġu applikati għall-assiguraturi kif ukoll għall-entitajiet koperti mir-reġim ta’ riżoluzzjoni.

Bidliet fid-Direttivi dwar id-Dritt tal-Kumpaniji u fir-Regolament dwar l-EIOPA (Artikoli 83 sa 88)

Id-Direttivi tal-Unjoni dwar id-Dritt tal-Kumpaniji jinkludu regoli għall-protezzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri. Uħud minn dawn ir-regoli jistgħu jfixklu l-azzjoni rapida mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, qed jiġi propost li dawn jiġu emendati.

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu rrappreżentati fis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja u sabiex jiġi żgurat li l-EIOPA jkollha l-għarfien espert meħtieġ, ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 jiġi emendat sabiex jinkludi lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fil-kunċett ta’ awtoritajiet kompetenti.

2021/0296 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2009/138/KE, (UE) 2017/1132 u r-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 648/2012

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 12 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 13 ,

Filwaqt li aġixxew f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Diffikultà tal-impriżi tal-assigurazzjoni jista’ jkollha riperkussjonijiet sostanzjali fuq l-ekonomija u fuq il-benesseri soċjali fl-Istati Membri jekk tali diffikultà twassal għal tfixkil tal-protezzjoni pprovduta lid-detenturi ta’ poloz, lill-benefiċjarji jew lill-partijiet li jkunu ġarrbu dannu. Ir-rwol tal-impriżi tar-riassigurazzjoni fl-ekonomija, l-interkonnettività tagħhom mal-impriżi tal-assigurazzjoni primarja u s-swieq finanzjarji b’mod aktar wiesa’, kif ukoll is-suq tar-riassigurazzjoni relattivament ikkonċentrat jeħtieġu qafas xieraq sabiex jindirizzaw id-diffikultà jew il-falliment tagħhom b’mod ordnat. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu indirizzati l-irkupru u r-riżoluzzjoni kemm tal-impriżi tal-assigurazzjoni primarja kif ukoll tal-impriżi tar-riassigurazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet rispettivi tagħhom.

(2)Il-kriżi finanzjarja globali tal-2008 kixfet il-vulnerabbiltajiet tas-settur finanzjarju u l-interkonnettività tiegħu. Il-kawżi ta’ diffikultà u ta’ falliment dehru li huma marbutin, fost l-oħrajn, mal-evoluzzjoni tas-swieq finanzjarji u man-natura intrinsika tal-attivitajiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. F’dak ir-rigward, ir-riskji tas-sottoskrizzjoni, jiġifieri pretensjonijiet bi provvedimenti insuffiċjenti, ipprezzar ħażin, jiġifieri primjums sottovalutati, ġestjoni ħażina tal-assi u tal-obbligazzjonijiet u telf mill-investimenti spiss jissejħu sorsi ewlenin ta’ tħassib għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. F’dak il-kuntest, flus il-kontribwenti ntużaw sabiex jiġu rrestawrati l-kundizzjonijiet finanzjarji deterjorati ta’ diversi impriżi tal-assigurazzjoni. Għalkemm id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 kellha l-għan li ssaħħaħ is-sistema finanzjarja fl-Unjoni u r-reżiljenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, hija ma eliminatx kompletament il-possibbiltà ta’ fallimenti ta’ tali impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Il-volatilitajiet għoljin tas-suq u l-livelli baxxi mtawlin tar-rati tal-imgħax jistgħu jkunu partikolarment ta’ ħsara għall-profittabilità u għall-pożizzjoni ta’ solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Għalhekk, is-sensittività tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għall-iżviluppi tas-suq u ekonomiċi titlob kawtela partikolari u qafas adegwat sabiex jiġu ġestiti, inkluż b’mod preventiv, deterjoramenti potenzjali tal-pożizzjonijiet finanzjarji ta’ tali impriżi. Xi fallimenti riċenti u kważi fallimenti, b’mod partikolari ta’ natura transfruntiera, urew dgħufijiet tal-qafas kurrenti li jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex jiġi organizzat b’mod adegwat il-ħruġ ordnat mis-suq tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

(3)L-attivitajiet, is-servizzi jew l-operazzjonijiet imwettqin mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li ma jistgħux jiġu ssostitwiti faċilment fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli, jew b’kost raġonevoli għad-detenturi ta’ poloz, għall-benefiċjarji jew għall-partijiet li ġarrbu dannu, jeħtieġ li jitqiesu bħala funzjonijiet kritiċi li jeħtieġ li jitkomplew. Tali attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet jistgħu jkunu kritiċi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali. Il-kontinwità tal-protezzjoni tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni spiss tkun preferibbli mill-istralċ ta’ impriża li qed tfalli peress li tali kontinwità twassal l-aktar eżitu favorevoli għad-detenturi ta’ poloz, għall-benefiċjarji jew għall-partijiet li ġarrbu dannu. Għalhekk, huwa kruċjali li jkunu disponibbli għodod adegwati sabiex jiġu evitati l-fallimenti u, fejn iseħħu l-fallimenti, sabiex jiġu mminimizzati r-riperkussjonijiet negattivi billi tiġi ppreservata l-kontinwità ta’ dawk il-funzjonijiet kritiċi.

(4)L-iżgurar ta’ riżoluzzjoni effettiva ta’ istituzzjonijiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li qed ifallu fl-Unjoni huwa element essenzjali għall-ikkompletar tas-suq intern. Il-falliment ta’ impriżi bħal dawn għandu impatt mhux biss fuq id-detenturi ta’ poloz u possibbilment fuq l-ekonomija reali u fuq l-istabbiltà finanzjarja tas-swieq li fihom joperaw direttament dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, iżda wkoll fuq il-fiduċja fis-suq intern għall-assigurazzjoni. It-tlestija tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji saħħet in-nisġa bejn is-sistemi finanzjarji nazzjonali differenti. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni huma attivi fis-swieq finanzjarji sabiex jimmaniġġjaw il-portafoll ta’ investiment tagħhom u r-riskji relatati mal-attivitajiet tagħhom. Dawn huma relatati ma’ xulxin permezz tal-operazzjonijiet derivattivi tagħhom mas-swieq interbankarji u ma’ swieq finanzjarji oħrajn li huma, essenzjalment, pan-Ewropej. F’dak il-kuntest, l-inabilità tal-Istati Membri li jindirizzaw il-falliment ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u jsolvuha b’mod li jkun prevedibbli u armonizzat u li effettivament jipprevjeni dannu sistemiku usa’, tista’ ddgħajjef l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u, konsegwentement, tas-suq intern fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

(5)Il-kriżi finanzjarja globali tal-2008 aċċennat il-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas xieraq ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Fil-livell internazzjonali, f’Ottubru 2014, il-Bord għall-Istabbiltà finanzjarja (“FSB”) żviluppa Attributi Ewlenin dwar reġimi effettivi ta’ riżoluzzjoni 15 għal kwalunkwe impriża tal-assigurazzjoni li tista’ tkun sistemikament sinifikanti jew kritika jekk tfalli. F’Ġunju 2016, l-FSB ħareġ gwida komplementari dwar l-iżvilupp ta’ strateġiji u ta’ pjanijiet effettivi ta’ riżoluzzjoni għal assiguraturi sistemikament importanti 16 . B’mod parallel, f’Novembru 2019 l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni (“IAIS”) adottat Prinċipji Fundamentali tal-Assigurazzjoni għall-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, Qafas Komuni għal Gruppi tal-Assigurazzjoni Attivi f’Livell Internazzjonali li jispjega l-istandards għall-ippjanar ta’ rkupru preventiv, u azzjonijiet li l-awtoritajiet huma mistennijin jieħdu fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li toħroġ mis-suq u tidħol f’riżoluzzjoni  17 . Jenħtieġ li dawk l-iżviluppi jitqiesu meta jiġi stabbilit qafas għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jkunu qed ifallu.

(6)Ħafna impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni qed joperaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Nuqqas ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi sabiex iħejju u jimmaniġġjaw id-diffikultà jew il-falliment ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li topera bejn il-fruntieri jimmina l-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri, jirriżulta f’eżitu subottimali għad-detenturi ta’ poloz, għall-benefiċjarji u għall-partijiet li ġarrbu dannu u jaffettwaw il-kredibbiltà tas-suq intern għall-assigurazzjoni.

(7)Bħalissa ma hemm l-ebda armonizzazzjoni tal-proċeduri fil-livell tal-Unjoni Ewropea għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni b’mod ikkoordinat. Minflok, huma osservati differenzi sostantivi u proċedurali konsiderevoli bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw il-falliment tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni madwar l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ insolvenza korporattiva mhux dejjem jistgħu jkunu xierqa għall-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, peress li dawk il-proċeduri mhux dejjem jistgħu jiżguraw kontinwazzjoni adegwata tal-funzjonijiet kritiċi għad-detenturi ta’ poloz, għall-benefiċjarji u għall-partijiet li ġarrbu dannu, għall-ekonomija reali jew għall-istabbiltà finanzjarja kollha kemm hi.

(8)Huwa neċessarju li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu qed ifallu, jew ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li x’aktarx ifallu, filwaqt li jiġi mminimizzat l-impatt tal-falliment ta’ impriża bħal din fuq l-ekonomija u fuq is-sistema finanzjarja. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi stabbilit qafas sabiex l-awtoritajiet jiġu pprovduti b’sett kredibbli ta’ għodod bl-għan li jintervjenu minn kmieni biżżejjed u malajr f’impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu qed ifallu jew li x’aktarx se jfallu. Jenħtieġ li t-tali qafas jiżgura li l-azzjonisti jġarrbu t-telf l-ewwel u li l-kredituri jġarrbu t-telf wara l-azzjonisti, dment li l-ebda kreditur ma jġarrab telf akbar minn dak li kien iġarrab li kieku l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri ta’ insolvenza normali f’konformità mal-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur agħar.

(9)Jenħtieġ li l-qafas li għandu jiġi stabbilit jippermetti lill-awtoritajiet jiżguraw il-kontinwità tal-protezzjoni tal-assigurazzjoni għad-detenturi ta’ poloz, għall-benefiċjarji u għall-partijiet li jġarrbu dannu, jittrasferixxu attivitajiet u portafolli vijabbli tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fejn xieraq, u jaqsmu t-telf b’mod li jkun ġust u prevedibbli. Jenħtieġ li dawk l-objettivi jgħinu sabiex jiġi evitat telf mhux neċessarju jew tbatija soċjali li jaqgħu fuq id-detenturi ta’ poloz, il-benefiċjarji u l-partijiet li jġarrbu dannu, itaffu l-impatti negattivi fuq l-ekonomija reali, jimminimizzaw l-effetti negattivi fuq is-swieq finanzjarji u jimminimizzaw il-kostijiet għall-kontribwenti.

(10)Ir-rieżami tad-Direttiva 2009/138/KE, u b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kapital aktar sensittivi għar-riskju, ta’ superviżjoni msaħħa, ta’ monitoraġġ imtejjeb tal-likwidità u ta’ għodod aħjar għall-politiki makroprudenzjali, jenħtieġ li jkompli jnaqqas il-probabbiltà ta’ fallimenti tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u jtejjeb ir-reżiljenza ta’ dawk l-impriżi għal stress ekonomiku, kemm jekk ikkawżat minn disturbi sistemiċi kif ukoll minn avvenimenti speċifiċi għall-impriża individwali. Madankollu, minkejja qafas prudenzjali sod u robust, is-sitwazzjonijiet ta’ diffikultà finanzjarja ma jistgħux jiġu esklużi kompletament. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu ppreparati u jkollhom għodod ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni adegwati sabiex jittrattaw sitwazzjonijiet li jinvolvu kemm kriżijiet sistemiċi kif ukoll fallimenti ta’ impriżi individwali. Jenħtieġ li t-tali għodod jinkludu mekkaniżmi li jagħmluha possibbli li l-awtoritajiet jittrattaw b’mod effettiv impriżi li jkunu qed ifallu jew li x’aktarx ifallu. Jenħtieġ li l-użu ta’ għodod bħal dawn u l-eżerċizzju ta’ setgħat bħal dawn iqisu ċ-ċirkostanzi li fihom iseħħ il-falliment.

(11)Xi Stati Membri diġà introduċew rekwiżiti ta’ ppjanar ta’ rkupru preventiv, u mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu qed ifallu. Madankollu, in-nuqqas ta’ kundizzjonijiet, ta’ setgħat u ta’ proċessi komuni għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni madwar l-Unjoni x’aktarx li jikkostitwixxi xkiel għall-operat mingħajr intoppi tas-suq intern u jfixkel il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali meta jittrattaw gruppi ta’ impriżi transfruntiera f’diffikultà jew li jkunu qed ifallu. Dak ikun partikolarment minnu meta approċċi differenti jfissru li l-awtoritajiet nazzjonali ma jkollhomx l-istess livell ta’ kontroll jew l-istess abilità għar-riżoluzzjoni ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Dawk id-differenzi fir-reġimi ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet ekwi u potenzjalment joħolqu distorsjonijiet kompetittivi bejn l-impriżi. Jenħtieġ li dak ix-xkiel jiġi eliminat u jenħtieġ li jiġu adottati regoli sabiex jiġi żgurat li s-suq intern ma jiġix imxekkel. Għal dan l-għan, jenħtieġ li r-regoli li jirregolaw l-irkupru u r-riżoluzzjoni preventivi tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkunu soġġetti għal regoli komuni dwar l-armonizzazzjoni minima. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi tal-assigurazzjoni, jenħtieġ li r-reġim ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi japplika għall-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE.

(12)Il-falliment ta’ entità affiljata ma’ grupp jista’ jkollu impatt rapidu fuq is-solvenza u fuq l-operazzjonijiet tal-grupp kollu. Għalhekk, huwa neċessarju li jkun hemm fis-seħħ rekwiżiti ta’ ppjanar ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi tal-grupp. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ikollhom mezzi effettivi ta’ azzjoni fir-rigward ta’ dawk l-entitajiet sabiex jimponu azzjonijiet ta’ rimedju li jqisu s-solidità finanzjarja tal-entitajiet kollha ta’ grupp, jindirizzaw l-impedimenti għar-riżolvibbiltà f’kuntest ta’ grupp u jipproduċu skema ta’ riżoluzzjoni konsistenti għall-grupp kollu kemm hu, b’mod partikolari f’kuntest transfruntier. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ ppjanar u ta’ riżoluzzjoni preventivi u ta’ riżolvibbiltà u r-reġim ta’ riżoluzzjoni japplikaw ukoll għall-kumpaniji omm, għall-kumpaniji azzjonarji u għal entitajiet oħrajn ta’ grupp, li jinkludu fergħat ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jkunu stabbiliti barra mill-Unjoni.

(13)Huwa neċessarju li jiġu żgurati l-adegwatezza u l-effettività tal-qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni filwaqt li jiġu evitati piżijiet u kostijiet amministrattivi mhux neċessarji fuq l-impriżi u fuq l-awtoritajiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ tali qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni tkun proporzjonata għan-natura, għall-iskala u għall-kumplessità tal-impriża kkonċernata, u tal-attivitajiet u tas-servizzi tagħha. Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ppjanar ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet jiddeterminaw, fuq il-bażi ta’ sett armonizzat ta’ kriterji bbażati fuq ir-riskju, liema impriżi huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ ppjanar. Sabiex titrawwem il-fiduċja fis-suq uniku tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u sabiex jitrawmu kundizzjonijiet ekwi, jenħtieġ li jinkiseb grad minimu ta’ tħejjija billi jiġi stabbilit livell minimu ta’ kopertura tas-suq. Madankollu, jenħtieġ li dak il-livell minimu ta’ kopertura tas-suq iqis id-differenzi bejn l-irkupru minn naħa u r-riżoluzzjoni min-naħa l-oħra, u l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ interess pubbliku sabiex tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

(14)Għall-istess raġuni, jenħtieġ li, fejn xieraq, l-awtoritajiet japplikaw rekwiżiti differenti jew imnaqqsin ta’ ppjanar ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi u ta’ informazzjoni fuq bażi speċifika għall-impriża, u bi frekwenza aktar baxxa ta’ aġġornamenti. Jenħtieġ li, meta japplikaw dawn l-obbligi simplifikati, l-awtoritajiet iqisu n-natura, id-daqs, il-kumplessità u s-sostitwibbiltà tan-negozju ta’ impriża, l-istruttura azzjonarja u l-forma ġuridika tagħha, il-profil tar-riskju tagħha, il-grad ta’ interkonnettività tagħha ma’ impriżi regolati oħrajn jew mas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali. Jenħtieġ li l-awtoritajiet iqisu wkoll jekk ikunx probabbli li l-falliment u l-istralċ sussegwenti tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq is-swieq finanzjarji, fuq impriżi oħrajn, jew fuq l-ekonomija usa’. Jenħtieġ li l-awtoritajiet jirrapportaw lill-EIOPA dwar l-applikazzjoni ta’ tali obbligi simplifikati fuq bażi annwali.

(15)Għal proċess ta’ riżoluzzjoni ordnat, u sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet jew awtoritajiet amministrattivi pubbliċi fdati b’setgħat amministrattivi pubbliċi sabiex iwettqu l-funzjonijiet u l-kompiti fir-rigward tal-qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li jiġu allokati riżorsi adegwati lil dawk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. Meta Stat Membru jaħtar awtorità ta’ riżoluzzjoni li jkollha funzjonijiet oħrajn, jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti strutturali adegwati sabiex dawk il-funzjonijiet jiġu sseparati mill-funzjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni u sabiex tiġi żgurata l-indipendenza operazzjonali. Jenħtieġ li separazzjoni bħal din ma tipprevjenix lill-funzjoni ta’ riżoluzzjoni milli jkollha aċċess għal kwalunkwe informazzjoni li tkun teħtieġ għall-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħha skont il-qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni, jew għall-kooperazzjoni bejn awtoritajiet differenti involuti fl-applikazzjoni tal-qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni.

(16)Fid-dawl tal-konsegwenzi li l-falliment ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jista’ jkollha fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq is-sistema finanzjarja u fuq l-ekonomija ta’ Stat Membru, u fid-dawl tal-ħtieġa possibbli li jintużaw fondi pubbliċi sabiex tiġi jiġi indirizzat falliment bħal dan, jenħtieġ li l-Ministeri tal-Finanzi jew ministeri rilevanti oħrajn fl-Istati Membri jkunu involuti mill-qrib, fi stadju bikri, fil-proċess ta’ mmaniġġjar u ta’ riżoluzzjoni tal-kriżijiet.

(17)Huwa neċessarju li jiġu ttrattati b’mod effiċjenti l-pożizzjonijiet finanzjarji li jkunu qed jiddeterjoraw tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jew il-ksur tar-rekwiżiti regolatorji minn dawk l-impriżi, u li tiġi evitata l-eskalazzjoni tal-problemi. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jimponu miżuri preventivi. Madankollu, jenħtieġ li setgħat preventivi bħal dawn ikunu konsistenti mal-iskala tal-interventi u mas-setgħat superviżorji diġà previsti fid-Direttiva 2009/138/KE għal ċirkostanzi simili, li jinkludu s-setgħat superviżorji previsti fil-Proċess ta’ Rieżami Superviżorju stabbilit fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/138/KE. Jenħtieġ li setgħat preventivi bħal dawn lanqas ma jwasslu għal skattatur ġdid ta’ intervent definit minn qabel, qabel ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 4 ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw kull sitwazzjoni individwalment u jiddeċiedu dwar il-ħtieġa għal miżuri preventivi fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi, tas-sitwazzjoni tal-impriża u tal-ġudizzju superviżorju tagħhom.

(18)Huwa essenzjali li l-gruppi jew, fejn applikabbli, l-impriżi individwali, iħejju u jaġġornaw b’mod regolari l-pjanijiet ta’ rkupru preventiv li jistabbilixxu l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn dawn il-gruppi jew l-impriżi sabiex tiġi rrestawrata l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom wara deterjorament sinifikanti ta’ din il-pożizzjoni li jista’ joħloq riskju għall-vijabbiltà tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jidentifikaw sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jiskattaw l-attivazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ rimedju previsti fi pjanijiet ta’ rkupru preventiv bħal dawn. Jenħtieġ li indikaturi bħal dawn jgħinu lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jieħdu azzjonijiet ta’ rimedju fl-aħjar interess tad-detenturi ta’ poloz tagħhom u jenħtieġ li ma jistabbilixxux rekwiżiti prudenzjali regolatorji ġodda. Jenħtieġ li l-pjanijiet ta’ rkupru preventiv li jkopru l-entitajiet ġuridiċi materjali kollha fi ħdan il-grupp ikunu dettaljati u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq suppożizzjonijiet realistiċi li huma applikabbli f’firxa ta’ xenarji robusti u severi. Jenħtieġ li dawk il-pjanijiet ta’ rkupru preventiv ikunu parti integrali mis-sistema ta’ governanza ta’ impriża. L-għodod eżistenti jistgħu jservu bħala kontribut fit-tħejjija ta’ tali pjanijiet ta’ rkupru preventiv, li jinkludu l-valutazzjoni proprja tar-riskju u tas-solvenza, il-pjanijiet ta’ kontinġenza jew il-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità. Madankollu, jenħtieġ li r-rekwiżit għat-tħejjija ta’ pjan ta’ rkupru preventiv jiġi applikat b’mod proporzjonat u jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-iżvilupp u għas-sottomissjoni ta’ pjan ta’ rkupru realistiku kif meħtieġ mill-Artikolu 138(2) tad-Direttiva 2009/138/KE. Fejn rilevanti, l-elementi tal-pjan ta’ rkupru preventiv jistgħu jinformaw jew iservu bħala bażi għall-iżvilupp tal-pjan ta’ rkupru meħtieġ mill-Artikolu 138(2) tad-Direttiva 2009/138/KE.

(19)Huwa neċessarju li jiġi żgurat livell adegwat ta’ tħejjija għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Għalhekk, jenħtieġ li l-kumpaniji omm apikali jew l-impriżi individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkunu meħtieġa jissottomettu l-pjanijiet ta’ rkupru preventiv tagħhom lill-awtoritajiet superviżorji għal valutazzjoni sħiħa, li tinkludi l-valutazzjoni ta’ jekk dawk il-pjanijiet ikunux komprensivi u jistgħux possibbilment jerġgħu jistabbilixxu l-vijabbiltà ta’ impriża jew ta’ grupp fil-ħin, anke f’perjodi ta’ stress finanzjarju serju. Meta impriża tippreżenta pjan ta’ rkupru preventiv li ma jkunx adegwat, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jingħataw is-setgħa li jirrikjedu li l-impriża tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja n-nuqqasijiet materjali tal-pjan.

(20)L-ippjanar tar-riżoluzzjoni huwa komponent essenzjali ta’ riżoluzzjoni effettiva. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex jidentifikaw funzjonijiet kritiċi u jiżguraw il-kontinwazzjoni tagħhom. L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom għarfien privileġġat dwar il-funzjonament tagħhom stess u dwar kwalunkwe problema li tirriżulta minnu, u, għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jfasslu pjanijiet ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi, fost l-oħrajn, tal-informazzjoni pprovduta mill-impriżi kkonċernati. Sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi mhux neċessarji, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni primarjament jirkupraw l-informazzjoni neċessarja mingħand l-awtoritajiet superviżorji.

(21)Jenħtieġ li, minħabba l-profil ta’ riskju baxx tagħhom, l-impriżi bi profil ta’ riskju baxx ma jkunux obbligati jfasslu pjanijiet separati ta’ rkupru preventiv, u jenħtieġ li lanqas ma jkunu soġġetti għal ippjanar ta’ riżoluzzjoni.

(22)Sabiex tiġi antiċipata l-interazzjoni possibbli tal-miżuri ta’ rimedju u ta’ riżoluzzjoni u sabiex tissaħħaħ it-tħejjija għall-kriżijiet u r-riżolvibbiltà tal-gruppi, jenħtieġ li kwalunkwe trattament ta’ grupp għall-ippjanar ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi japplika għall-entitajiet kollha ta’ grupp soġġetti għal superviżjoni tal-grupp. Jenħtieġ li l-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi jqisu l-istruttura finanzjarja, teknika u tan-negozju tal-grupp ikkonċernat u l-grad ta’ interkonnettività interna tiegħu.

(23)Jenħtieġ li l-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi tal-grupp jitħejjew għall-grupp kollu kemm hu u jenħtieġ li jidentifikaw miżuri fir-rigward kemm ta’ impriża prinċipali finali kif ukoll ta’ sussidjarji individwali li huma parti minn dak il-grupp. Madankollu, jenħtieġ li l-punt sa fejn is-sussidjarji jitqiesu fil-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi tal-grupp ikun proporzjonat għar-rilevanza tagħhom għall-grupp u għad-detenturi ta’ poloz, għall-ekonomija reali u għas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri fejn joperaw dawk is-sussidjarji. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri fejn grupp ikollu s-sussidjarji jkunu involuti fit-tfassil ta’ kwalunkwe pjan ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li, filwaqt li jaġixxu fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ikkonċernati jagħmlu kull sforz sabiex jilħqu deċiżjoni konġunta dwar il-valutazzjoni u l-adozzjoni ta’ dawk il-pjanijiet. Madankollu, jenħtieġ li t-tħejjija adegwata għall-kriżijiet ma tiġix affettwata minn nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta fil-kulleġġi superviżorji jew ta’ riżoluzzjoni. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li kull awtorità superviżorja responsabbli għal sussidjarja jkollha l-possibbiltà li tirrikjedi pjan ta’ rkupru preventiv għas-sussidjarji taħt il-ġurisdizzjoni tagħha u tagħmel il-valutazzjoni tagħha stess tal-pjan ta’ rkupru preventiv. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li kull awtorità ta’ riżoluzzjoni responsabbli għal sussidjarja, għas-sussidjarji taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, tfassal u żżomm aġġornat pjan ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li t-tfassil ta’ pjanijiet individwali ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi għal impriżi li huma parti minn grupp jibqa’ eċċezzjonali, debitament ġustifikat u japplika l-istess standards li huma applikati għal impriżi komparabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Meta jitħejjew pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi individwali għal impriżi li jkunu parti minn grupp, jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti jkollhom l-għan li jiksbu, kemm jista’ jkun, konsistenza mal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi għall-bqija tal-grupp.

(24)Sabiex l-awtoritajiet ikkonċernati kollha jinżammu informati bis-sħiħ u b’mod permanenti, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jittrażmettu kwalunkwe pjan ta’ rkupru preventiv u kwalunkwe bidla fih lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kkonċernati u jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jittrażmettu kwalunkwe pjan ta’ riżoluzzjoni u kwalunkwe bidla fih lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati.

(25)Fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jirrikjedu, direttament jew indirettament permezz tal-awtorità superviżorja, li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jbiddlu l-istruttura u l-organizzazzjoni tagħhom. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jieħdu wkoll miżuri neċessarji iżda proporzjonati sabiex inaqqsu jew ineħħu kwalunkwe impediment materjali għall-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni u sabiex jiżguraw ir-riżolvibbiltà tal-entitajiet ikkonċernati. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jivvalutaw ir-riżolvibbiltà tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-livell ta’ dawk l-impriżi fejn ikun mistenni li, f’konformità mal-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, jittieħdu azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-kapaċità tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jitolbu bidliet fl-istruttura u fl-organizzazzjoni ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew li jieħdu miżuri sabiex inaqqsu jew ineħħu kwalunkwe impediment materjali għall-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni u sabiex jiżguraw ir-riżolvibbiltà tal-impriżi kkonċernati, ma tmurx lil hinn minn dik li hija neċessarja sabiex jiġu ssimplifikati l-istruttura u l-operazzjonijiet tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata bl-għan li tittejjeb ir-riżolvibbiltà ta’ dik l-impriża.

(26)L-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet deskritti fi pjan ta’ rkupru preventiv jew fi pjan ta’ riżoluzzjoni jista’ jkollhom effetti fuq il-persunal tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-pjanijiet jinkludu proċeduri ta’ kif jiġu informati u kkonsultati r-rappreżentanti tal-impjegati fil-proċessi ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni fejn ikun xieraq. Jenħtieġ li dawn il-proċeduri jqisu l-ftehimiet kollettivi, arranġamenti oħrajn previsti mis-sħab soċjali, u d-dritt nazzjonali u tal-Unjoni dwar l-involviment tat-trade unions u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-proċessi ta’ ristrutturar tal-kumpaniji.

(27)L-irkupru u r-riżoluzzjoni effettivi tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jew tal-entitajiet ta’ grupp li joperaw madwar l-Unjoni jeħtieġu kooperazzjoni fost l-awtoritajiet superviżorji u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fil-kulleġġi superviżorji u ta’ riżoluzzjoni fl-istadji kollha tal-proċess, mit-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni preventivi sar-riżoluzzjoni attwali ta’ impriża. Meta l-awtoritajiet ma jaqblux dwar id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ gruppi u ta’ impriżi, jenħtieġ li l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (“EIOPA”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 , bħala l-aħħar alternattiva, taqdi rwol ta’ medjatur.

(28)Matul il-fażijiet ta’ rkupru u preventivi, jenħtieġ li l-azzjonisti jżommu r-responsabbiltà u l-kontroll sħaħ tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Jenħtieġ li ma jibqgħux iżommu tali responsabbiltà ladarba l-istituzzjoni ditta titqiegħed taħt riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-qafas ta’ riżoluzzjoni jipprevedi dħul f’waqtu f’riżoluzzjoni, jiġifieri qabel ma impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun insolventi fil-karta bilanċjali jew fil-flussi ta’ flus, qabel ma l-ekwità kollha tkun spiċċat kompletament, jew qabel ma l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tasal f’punt li ma tkunx tista’ tikkonforma mal-obbligi ta’ ħlas tagħha kif ikunu dovuti. Jenħtieġ li tinbeda riżoluzzjoni meta awtorità superviżorja, wara li tikkonsulta awtorità ta’ riżoluzzjoni, jew wara li tkun ġiet ikkonsultata minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, tiddetermina li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni qed tfalli jew x’aktarx li tfalli u miżuri alternattivi ma jkunux jipprevjenu falliment bħal dan f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Jenħtieġ li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni titqies li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin: (i) meta l-impriża tikser jew x’aktarx li tikser ir-Rekwiżit Kapitali Minimu (“MCR”) stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2009/138/KE u fejn ma jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli ta’ restawr tal-konformità; (ii) meta l-impriża ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jew meta l-impriża tonqos serjament milli tikkonforma mal-obbligi legali tagħha skont il-liġijiet u r-regolamenti li tkun soġġetta għalihom jew x’aktarx li tonqos serjament milli tikkonforma mal-obbligi legali tagħha skont il-liġijiet u r-regolamenti li tkun soġġetta għalihom fil-futur qarib b’mod li jkun jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni; (iii) meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma tkunx tista’ jew x’aktarx li ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn fil-futur qrib, inklużi ħlasijiet lid-detenturi ta’ poloz jew lill-benefiċjarji hekk kif dawn ikunu dovuti; jew (iv) meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun teħtieġ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju.

(29)L-użu ta’ għodod u ta’ setgħat ta’ riżoluzzjoni jista’ jfixkel id-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. B’mod partikolari, is-setgħa tal-awtoritajiet li jittrasferixxu l-ishma jew l-assi kollha jew parti minnhom ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni lil akkwirent privat mingħajr il-kunsens tal-azzjonisti taffettwa d-drittijiet ta’ proprjetà tal-azzjonisti. Barra minn hekk, is-setgħa li jiġi deċiż liema obbligazzjonijiet għandhom jiġu ttrasferiti ’l barra minn impriża li tkun qed tfalli sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi u sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq il-benefiċjarji u fuq il-partijiet li jġarrbu dannu, fuq l-ekonomija reali jew fuq l-istabbiltà finanzjarja kollha kemm hi, tista’ taffettwa t-trattament ugwali tal-kredituri. Għalhekk, jenħtieġ li kwalunkwe għodda ta’ riżoluzzjoni tiġi applikata biss għal dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu qed ifallu jew li x’aktarx li jfallu, u biss meta tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni fl-interess ġenerali. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-għodod ta’ riżoluzzjoni jiġu applikati biss meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma tkunx tista’ tiġi stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza mingħajr ma taffettwa b’mod mhux xieraq il-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz, tal-benefiċjarji u tal-pretendenti jew billi tiddestabbilizza s-sistema finanzjarja. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-miżuri ta’ riżoluzzjoni jkunu neċessarji sabiex jiġu żgurati t-trasferiment rapidu u l-kontinwazzjoni ta’ funzjonijiet kritiċi u jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli għal kwalunkwe soluzzjoni privata alternattiva, inkluża kwalunkwe żieda fil-kapital mill-azzjonisti eżistenti jew minn kwalunkwe parti terza sa livell suffiċjenti sabiex tiġi rrestawrata l-vijabbiltà sħiħa tal-entità mingħajr ma jkun hemm effett fuq il-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni. Jenħtieġ li kwalunkwe interferenza mad-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri li tirriżulta minn azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta). B’mod partikolari, meta l-kredituri fl-istess klassi jiġu ttrattati b’mod differenti fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li tali distinzjonijiet ikunu ġġustifikati fl-interess pubbliku u jkunu proporzjonati għar-riskji li jkunu qed jiġu indirizzati u jenħtieġ li ma jkunux diskriminatorji, la b’mod dirett u lanqas indirett, fuq il-bażi tan-nazzjonalità.

(30)Meta japplikaw għodod ta’ riżoluzzjoni u jeżerċitaw setgħat ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-prinċipju li l-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni jkunu affettwati wara l-azzjonisti u li kredituri oħrajn ikunu ġarrbu s-sehem tagħhom tat-telf. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiżguraw ukoll li l-kostijiet tar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jiġu mminimizzati u li l-kredituri tal-istess klassi jiġu ttrattati b’mod ekwu.

(31)Jenħtieġ li l-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali, ta’ strumenti ta’ dejn u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn tipprevedi mekkaniżmu intern tal-assorbiment tat-telf. Jenħtieġ li dak il-mekkaniżmu, flimkien ma’ għodod ta’ trasferiment li għandhom l-għan li jżommu l-kontinwità tal-kopertura tal-assigurazzjoni għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ poloz, tal-benefiċjarji u tal-partijiet li jġarrbu dannu, jippermettu l-ilħuq tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni u jenħtieġ li jillimitaw ħafna l-impatt ta’ falliment ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fuq id-detenturi ta’ poloz. Madankollu, jista’ jkun hemm każijiet estremi li fihom ir-riżoluzzjoni ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tista’ tkun tirrikjedi l-intervent ta’ skemi nazzjonali speċifiċi, b’mod partikolari skema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni jew fond ta’ riżoluzzjoni, sabiex jipprovdu għal riżorsi komplementari ta’ assorbiment u ta’ ristrutturar tat-telf jew, bħala l-aħħar alternattiva, finanzjament pubbliku straordinarju. Jenħtieġ li s-salvagwardji neċessarji li għandhom l-għan li jipproteġu lill-kredituri jirriflettu wkoll l-eżistenza ta’ skemi nazzjonali speċifiċi bħal dawn, li min-naħa tagħhom iridu jikkonformaw mal-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Jenħtieġ li l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni tiġi applikata qabel l-użu ta’ kwalunkwe appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju.

(32)Jenħtieġ li l-interferenza mad-drittijiet għall-proprjetà ma tkunx sproporzjonata. Għalhekk, jenħtieġ li l-azzjonisti u l-kredituri affettwati tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, li jinkludu d-detenturi ta’ poloz, ma jġarrbux telf akbar milli kieku kienu jġarrbu li kieku l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ġiet stralċata fiż-żmien li ttieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Fil-każ ta’ trasferiment parzjali tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt riżoluzzjoni lil akkwirent privat jew lil impriża tranżitorja, jenħtieġ li l-parti residwa tal-impriża taħt ir-riżoluzzjoni tiġi stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza. Jenħtieġ li l-azzjonisti u l-kredituri li jitħallew fil-proċedimenti ta’ stralċ ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkunu intitolati jirċievu bi ħlas, jew kumpens, għall-pretensjonijiet tagħhom fil-proċedimenti ta’ stralċ mhux anqas minn dak li kienu jirkupraw li kieku l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kollha kienet ġiet stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza.

(33)Sabiex jiġu protetti d-drittijiet tal-azzjonisti u tal-kredituri, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti obbligi ċari dwar il-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tal-impriża taħt riżoluzzjoni u dwar il-valwazzjoni tat-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu li kieku l-impriża ġiet stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li, qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni, titwettaq valwazzjoni ġusta u realistika tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Jenħtieġ li tali valwazzjoni tkun soġġetta għal dritt ta’ appell. Madankollu, minħabba n-natura tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni u r-rabta mill-qrib tagħha mal-valwazzjoni, jenħtieġ li t-tali appell ikun possibbli biss meta jiġi dirett fl-istess ħin kontra d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li, wara li jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni, isir tqabbil bejn it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri fil-fatt ikunu rċivew u t-trattament li kienu jirċievu taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza. Jenħtieġ li dak it-tqabbil ex post ikun kontestabbli minbarra d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-azzjonisti u l-kredituri li jkunu rċivew anqas mill-ammont li kienu jirċievu taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza jkunu intitolati għall-ħlas tad-differenza.

(34)Huwa importanti li t-telf jiġi rikonoxxut mal-falliment tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Jenħtieġ li l-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu qed ifallu tkun ibbażara fuq suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi fil-mument meta jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-valur tal-obbligazzjonijiet ma jkunx affettwat fil-valwazzjoni mill-istat finanzjarju tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli, f’każijiet eċċezzjonali ta’ urġenza, li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jagħmlu valwazzjoni rapida tal-assi jew tal-obbligazzjonijiet ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli. Jenħtieġ li dik il-valwazzjoni tkun proviżorja u jenħtieġ li tapplika sakemm titwettaq valwazzjoni indipendenti. Jenħtieġ li l-EIOPA tistabbilixxi qafas ta’ prinċipji li għandhom jintużaw fit-twettiq ta’ tali valwazzjonijiet u jenħtieġ li dan jippermetti li jiġu applikati metodoloġiji speċifiċi differenti mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u minn valwaturi indipendenti, kif ikun xieraq.

(35)Meta jieħdu azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jqisu u jsegwu l-miżuri previsti fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni sakemm l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma jivvalutawx, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-objettivi ta’ riżoluzzjoni jintlaħqu b’mod aktar effettiv billi jittieħdu azzjonijiet li ma humiex previsti fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni.

(36)Jenħtieġ li l-għodod ta’ riżoluzzjoni jitfasslu u jkunu adattati sabiex jindirizzaw xenarji li fil-parti l-kbira jkunu imprevedibbli, filwaqt li jitqies li jaf ikun hemm differenza bejn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni waħda fi kriżi u kriżi sistemika usa’. Għalhekk, jenħtieġ li l-għodod ta’ riżoluzzjoni jkopru kull wieħed minn dawk ix-xenarji, inkluża r-run-off solventi tal-impriża taħt riżoluzzjoni sat-terminazzjoni tagħha, il-bejgħ tan-negozju jew tal-ishma tal-impriża taħt riżoluzzjoni, l-istabbiliment ta’ impriża tranżitorja, is-separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet mill-portafolli indeboliti jew improduttivi inqas tal-impriża li tkun qed tfalli, u l-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli.

(37)Meta jkunu ntużaw għodod ta’ riżoluzzjoni għat-trasferiment ta’ portafolli tal-assigurazzjoni lil entità soda, li tista’ tkun akkwirent mis-settur privat jew impriża tranżitorja, jenħtieġ li l-parti residwa tal-impriża tiġi llikwidata f’perjodu ta’ żmien xieraq. Jenħtieġ li t-tul ta’ dak il-perjodu ta’ żmien ikun ibbażat fuq il-ħtieġa li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli tipprovdi servizzi jew appoġġ sabiex l-akkwirent mis-settur privat jew l-impriża tranżitorja tkun tista’ twettaq l-attivitajiet jew is-servizzi akkwistati bis-saħħa ta’ dak it-trasferiment.

(38)Jenħtieġ li l-għodda ta’ bejgħ tan-negozju tippermetti lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jbigħu l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew partijiet min-negozju tagħha lil akkwirent wieħed jew aktar mingħajr il-kunsens tal-azzjonisti. Meta japplikaw l-għodda ta’ bejgħ tan-negozju, jenħtieġ li l-awtoritajiet jagħmlu arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew il-parti min-negozju tagħha fi proċess miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju, filwaqt li jimmassimizzaw kemm jista’ jkun il-prezz tal-bejgħ. Meta, għal raġunijiet ta’ urġenza, tali proċess ikun impossibbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet jieħdu passi sabiex jirranġaw l-effetti detrimentali fuq il-kompetizzjoni u fuq is-suq intern.

(39)Jenħtieġ li kwalunkwe rikavat nett mit-trasferiment ta’ assi jew ta’ obbligazzjonijiet tal-impriża taħt riżoluzzjoni meta tiġi applikata l-għodda ta’ bejgħ tan-negozju jibbenifika lill-impriża li titħalla fil-proċedimenti ta’ stralċ. Jenħtieġ li kwalunkwe rikavat nett mit-trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda maħruġin mill-impriża taħt riżoluzzjoni meta tiġi applikata l-għodda ta’ bejgħ tan-negozju jibbenefika lis-sidien ta’ dawk l-ishma jew strumenti oħrajn ta’ sjieda. Jenħtieġ li r-rikavat jiġi kkalkolat nett mill-kostijiet li jinħolqu mill-falliment tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u mill-proċess tar-riżoluzzjoni.

(40)Informazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli u negozjati ma’ akkwirenti potenzjali qabel l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju x’aktarx li tkun sensittiva u tista’ toħloq riskji għall-fiduċja fis-suq tal-assigurazzjoni. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-iżvelar lill-pubbliku ta’ tali informazzjoni, li huwa meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 19 , jista’ jiġi ttardjat għaż-żmien neċessarju għall-ippjanar u għat-tfassil tar-riżoluzzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

(41)Impriża tranżitorja hija impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li hija kompletament jew parzjalment proprjetà ta’ awtorità pubblika waħda jew aktar jew ikkontrollata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. L-iskop ewlieni ta’ impriża tranżitorja huwa li tiżgura li l-funzjonijiet kritiċi jkomplu jiġu pprovduti lid-detenturi ta’ poloz tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli. Għalhekk, jenħtieġ li impriża tranżitorja titħaddem bħala negozju avvjat vijabbli u jenħtieġ li terġa’ titqiegħed fis-suq malli l-kundizzjonijiet ikunu xierqa, jew tiġi stralċata f’każ li l-impriża tranżitorja ma tkunx vijabbli.

(42)Jenħtieġ li l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tippermetti lill-awtoritajiet jittrasferixxu assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni lil veikolu separat sabiex ineħħi, jimmaniġġja u jistralċa t-tali assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet. Sabiex jiġi evitat vantaġġ kompetittiv mhux dovut għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli, jenħtieġ li l-għodda tal-assi u tal-obbligazzjoni tintuża biss flimkien ma’ għodod oħrajn.

(43)Jenħtieġ li reġim ta’ riżoluzzjoni effettiv jiżgura li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkunu jistgħu jiġu riżolti b’mod li jimminimizza l-impatt negattiv ta’ falliment fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq il-kontribwenti, fuq l-ekonomija reali u fuq l-istabbiltà finanzjarja. Jenħtieġ li l-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tiżgura li, qabel ma jiġu affettwati l-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli jġarrbu t-telf l-ewwel u jġarrbu parti xierqa mill-kostijiet li jirriżultaw mill-falliment tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni malli tintuża setgħa ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni tagħti lill-azzjonisti u lill-kredituri tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u, sa ċertu punt, lid-detenturi ta’ poloz, inċentiv aktar b’saħħtu sabiex jimmonitorjaw is-saħħa ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni matul ċirkostanzi normali.

(44)Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom il-flessibbiltà neċessarja, f’firxa ta’ ċirkostanzi, sabiex iqiegħdu l-impriża f’riżoluzzjoni f’run-off solventi, jittrasferixxu l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet għad-detenturi ta’ poloz, jew jallokaw it-telf li jifdal. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi stabbilit li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni kemm meta l-objettiv ikun li tiġi riżolta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli bħala impriża f’run-off solventi, u meta servizzi kritiċi tal-assigurazzjoni jiġu ttrasferiti filwaqt li l-parti residwa tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma tibqax topera u tiġi stralċata. F’dak il-kuntest, ir-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jista’ jkun ġustifikat sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta’ porzjon materjali tal-kopertura tal-assigurazzjoni u meta dan jitqies fl-aħjar interess tad-detenturi ta’ poloz.

(45)Fejn ikun hemm prospett realistiku li l-vijabbiltà tal-impriża tista’ tiġi rrestawrata u d-detenturi ta’ poloz ma jkunux qed iġarrbu xi telf fil-proċess ta’ riżoluzzjoni, l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni tista’ tintuża sabiex l-impriża taħt riżoluzzjoni tiġi rrestawrata għal negozju avvjat. F’każ bħal dan, jenħtieġ li r-riżoluzzjoni permezz ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tkun akkumpanjata mis-sostituzzjoni tal-maniġment, ħlief fejn iż-żamma tal-maniġment tkun xierqa u neċessarja għall-ilħuq tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni.

(46)Ma huwiex xieraq li tiġi applikata l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni għal pretensjonijiet sa fejn dawn ikunu garantiti, kollateralizzati jew inkella garantiti peress li tali valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tista’ tkun ineffettiva jew minħabba l-impatt negattiv potenzjali ta’ tali valwazzjoni negattiva jew konverżjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konveżjoni tkun effettiva u tilħaq l-objettivi tagħha, ikun tajjeb li tkun tista’ tiġi applikata għal firxa kemm jista’ jkun wiesgħa tal-obbligazzjonijiet mhux garantiti ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli. Minkejja dan, huwa xieraq li jiġu esklużi ċerti tipi ta’ obbligazzjonijiet mhux garantiti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi, jenħtieġ li l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni ma tiġix applikata għal ċerti obbligazzjonijiet lill-impjegati tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli jew għal pretensjonijiet kummerċjali li jirrigwardjaw oġġetti u servizzi kritiċi għall-operat ta’ kuljum tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Sabiex jiġu onorati l-intitolamenti tal-pensjoni u l-ammonti tal-pensjoni dovuti għal trusts tal-pensjoni u għal trustees tal-pensjoni jew minħabba fihom, jenħtieġ li l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni ma tiġix applikata għall-obbligazzjonijiet għal skema tal-pensjoni ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaġju sistemiku, jenħtieġ li l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni la tiġi applikata għal obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagament li jkollhom maturità li jifdal ta’ anqas minn sebat ijiem, u lanqas għal obbligazzjonijiet lil impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u għal ditti tal-investiment, bl-eċċezzjoni ta’ entitajiet li jkunu parti mill-istess grupp, b’maturità oriġinali ta’ anqas minn sebat ijiem.

(47)Il-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz, tal-benefiċjarji jew tal-partijiet li jġarrbu dannu hija wieħed mill-objettivi ewlenin tar-riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni jkunu soġġetti biss għall-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni bħala miżura tal-aħħar istanza u jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkunsidraw bir-reqqa l-konsegwenzi ta’ valwazzjoni negattiva potenzjali tal-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni li jirriżultaw minn kuntratti tal-assigurazzjoni miżmuma minn persuni fiżiċi u minn intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

(48)Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jeskludu jew jeskludu parzjalment l-obbligazzjonijiet f’numru ta’ ċirkostanzi meta ma jkunx possibbli li jiġu valwati b’mod negattiv jew li jiġu kkonvertiti tali obbligazzjonijiet fi skeda ta’ żmien raġonevoli, meta l-esklużjoni tkun strettament neċessarja u tkun proporzjonata għall-kisba tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni, jew meta l-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni tkun tikkawża distruzzjoni fil-valur bir-riżultat li t-telf imġarrab minn kredituri oħrajn ikun ogħla milli kieku dawk l-obbligazzjonijiet ma jkunux ġew esklużi. Meta jiġu applikati dawk l-esklużjonijiet, il-livell ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn jista’ jiżdied sabiex jitqiesu tali esklużjonijiet, sakemm ikun irrispettat il-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar milli taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza”. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux meħtieġa jiffinanzjaw ir-riżoluzzjoni mill-baġit ġenerali tagħhom.

(49)Bħala regola, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni b’mod li jirrispetta t-trattament pari passu tal-kredituri u l-klassifikazzjoni statutorja tal-pretensjonijiet skont il-liġi applikabbli dwar l-insolvenza. Għalhekk, jenħtieġ li t-telf l-ewwel jiġi assorbit minn strumenti ta’ kapital regolatorju u jenħtieġ li jiġi allokat lill-azzjonisti permezz ta’ kanċellazzjoni jew trasferiment ta’ ishma jew permezz ta’ dilwizzjoni severa. Meta dak ma jkunx biżżejjed, jenħtieġ li d-dejn subordinat jiġi kkonvertit jew jingħata valwazzjoni negattiva. Jenħtieġ li l-obbligazzjonijiet prijoritarji jiġu kkonvertiti jew jingħataw valwazzjoni negattiva meta d-dejn subordinat ikun ġie kkonvertit jew jingħata valwazzjoni negattiva għalkollox.

(50)Jenħtieġ li l-eżenzjonijiet tal-obbligazzjonijiet, fost l-oħrajn għas-sistemi ta’ pagament u ta’ saldu, għall-impjegati jew għall-kredituri kummerċjali, jew il-klassifikazzjoni preferenzjali, japplikaw bl-istess mod f’pajjiżi terzi u fl-Unjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-obbligazzjonijiet ikunu jingħataw valwazzjoni negattiva jew jiġu kkonvertiti f’pajjiżi terzi, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali rregolati bil-liġi ta’ pajjiżi terzi jirrikonoxxu dik il-possibbiltà. Jenħtieġ li tali termini kuntrattwali ma jkunux meħtieġa għal obbligazzjonijiet eżentati mill-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni, jew meta l-liġi tal-pajjiż terz jew ftehim vinkolanti konkluż ma’ dak il-pajjiż terz jippermetti lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tapplika l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni.

(51)Jenħtieġ li l-azzjonisti u l-kredituri jikkontribwixxu, sa fejn ikun neċessarju, għall-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni tat-telf ta’ impriża li tkun qed tfalli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li strumenti ta’ kapital tal-Grad 1, tal-Grad 2 u tal-Grad 3 jassorbu bis-sħiħ it-telf fil-punt ta’ nuqqas ta’ vijabbiltà tal-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mittenti. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu meħtieġa japplikaw valwazzjoni negattiva totali fuq dawk l-istrumenti, jew jikkonvertuhom, fjen applikabbli, fi strumenti tal-Grad 1, fil-punt ta’ nuqqas ta’ vijabbiltà u qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-punt ta’ nuqqas ta’ vijabbiltà jinftiehem bħala l-punt li fih l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata tiddetermina li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni, jew il-punt li fih l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata tiddeċiedi li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma tibqax vijabbli jekk dawk l-istrumenti kapitali ma jingħatawx valwazzjoni negattiva jew jiġu kkonvertiti. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti jiġu rrikonoxxuti fit-termini li jirregolaw l-istrument, u fi kwalunkwe prospett jew dokument ta’ offerta ppubblikat jew ipprovdut b’rabta mal-istrumenti.

(52)Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħat legali neċessarji kollha li, f’kombinazzjonijiet differenti, jistgħu jiġu eżerċitati meta jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat legali jinkludu s-setgħa ta’ trasferiment tal-ishma, jew ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet, tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli lil entità oħra, li tinkludi impriża oħra jew impriża tranżitorja, is-setgħa li tapplika valwazzjoni negattiva jew tikkanċella ishma, jew tapplika valwazzjoni negattiva jew tikkonverti obbligazzjonijiet ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli, is-setgħa li tissostitwixxi l-maniġment u s-setgħa li timponi moratorju temporanju fuq il-pagament tal-pretensjonijiet. Jinħtieġu setgħat anċillari, inkluża s-setgħa li tintalab il-kontinwità ta’ servizzi essenzjali minn partijiet oħrajn ta’ grupp.

(53)Ma huwiex neċessarju li jiġu predefiniti l-mezzi eżatti li permezz tagħhom l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jintervjenu fl-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom l-għażla bejn it-teħid tal-kontroll permezz ta’ intervent dirett fl-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew permezz ta’ ordni eżekuttiva. Jenħtieġ li jiddeċiedu skont iċ-ċirkostanzi tal-każ.

(54)Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti rekwiżiti proċedurali sabiex ikun żgurat li l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jiġu nnotifikati kif suppost u jsiru pubbliċi. Madankollu, l-informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u mill-konsulenti professjonali tagħhom matul il-proċess ta’ riżoluzzjoni x’aktarx li tkun sensittiva u, għalhekk, jenħtieġ li tkun soġġetta għal reġim ta’ kunfidenzjalità effettiv qabel ma d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ssir pubblika. Kwalunkwe informazzjoni pprovduta fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm dwar jekk il-kundiżżjonijiet għal riżoluzzjoni jkunux issodisfati, dwar l-użu ta’ għodda speċifika jew ta’ kwalunkwe azzjoni matul il-proċedimenti, trid titqies li jkollha effett fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi xierqa għaż-żamma tal-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni, inkluż dwar il-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa f’dak il-kuntest.

(55)Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom setgħat anċillari sabiex jiżguraw l-effettività tat-trasferiment tal-ishma jew tal-istrumenti tad-dejn u tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet lil akkwirent terz jew lil impriża tranżitorja. B’mod partikolari, sabiex jiġi ffaċilitat trasferiment tal-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni mingħajr ma jiġi affettwat il-profil tar-riskju ġenerali tal-portafoll relatat u tal-provvedimenti tekniċi assoċjati u tar-rekwiżiti kapitali, jenħtieġ li jiġu ppreservati l-benefiċċji ekonomiċi pprovduti mill-ftehimiet ta’ riassigurazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom il-kapaċità li jittrasferixxu l-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni flimkien mad-drittijiet ta’ riassigurazzjoni korrispondenti tagħhom. Jenħtieġ li dik l-abilità tinkludi wkoll is-setgħa li jitneħħew id-drittijiet ta’ partijiet terzi mill-istrumenti jew mill-assi ttrasferiti, is-setgħa li jiġu eżegwiti l-kuntratti u s-setgħa li tiġi prevista l-kontinwità tal-arranġamenti fir-rigward tal-benefiċjarju tal-assi u tal-ishma ttrasferiti. Jenħtieġ li lanqas ma jkun affettwat id-dritt ta’ parti li ttemm kuntratt ma’ impriża taħt riżoluzzjoni, jew ma’ entità fi grupp tagħha, għal raġunijiet oħrajn minbarra r-riżoluzzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħat anċillari li jirrikjedu li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni residwa li tkun qed tiġi stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza tipprovdi s-servizzi li jkunu neċessarji sabiex l-impriża li lilha ġew ittrasferiti assi jew ishma permezz tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tan-negozju jew l-għodda tal-impriża tranżitorja tkun tista’ topera n-negozju tagħha.

(56)Skont l-Artikolu 47 tal-Karta, kull min iġarrab ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tiegħu garantiti bid-dritt tal-Unjoni jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem tribunal. Għalhekk, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu soġġetti għal dritt ta’ appell.

(57)Il-miżuri ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet meħudin mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jirrikjedu valutazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u marġni kbira ta’ diskrezzjoni. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni huma speċifikament mgħammrin bil-kompetenzi meħtieġa sabiex jagħmlu dawk il-valutazzjonijiet u sabiex jiddeterminaw l-użu xieraq tal-marġni ta’ diskrezzjoni. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmulin mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni f’dak il-kuntest jintużaw bħala bażi mill-qrati mazzjonali fl-istħarriġ tal-miżuri ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet ikkonċernati. Madankollu, jenħtieġ li n-natura kumplessa ta’ dawk il-valutazzjonijiet ma twaqqafx lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw jekk l-evidenza użata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkunx fattwalment akkurata, affidabbli u konsistenti, jekk dik l-evidenza fihiex informazzjoni rilevanti li jenħtieġ li titqies sabiex tiġi vvalutata sitwazzjoni kumplessa u jekk hijiex kapaċi tissostanzja l-konklużjonijiet mislutin minnha.

(58)Sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ urġenza, huwa neċessarju li jiġi previst li l-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe appell ma tirriżultax f’sospensjoni awtomatika tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata u li d-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun eżegwibbli minnufih bi preżunzjoni li s-sospensjoni tagħha tmur kontra l-interess pubbliku.

(59)Huwa neċessarju li jiġu protetti partijiet terzi li jkunu kisbu assi, drittijiet u obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni in bona fide bis-saħħa tal-eżerċitar tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet. Huwa ugwalment neċessarju li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Għalhekk, jenħtieġ li dritt ta’ appell kontra deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma jaffettwax xi att amministrattiv jew tranżazzjoni sussegwenti konkluża fuq il-bażi ta’ deċiżjoni annullata. Jenħtieġ li f’dawn il-każijiet ir-rimedji għal deċiżjoni inġusta jkunu limitati għall-għoti ta’ kumpens għad-danni mġarrbin mill-persuni affettwati.

(60)Jistgħu jkunu meħtieġa li jittieħdu miżuri ta’ maniġġjar tal-kriżijiet b’mod urġenti minħabba riskji serji għall-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru kkonċernat u fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li kwalunkwe proċedura skont il-liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni għall-approvazzjoni ġudizzjarja ex ante ta’ miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet u mal-kunsiderazzjoni ta’ tali applikazzjoni minn qorti tkun rapida. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtorità kkonċernata tkun tista’ tieħu d-deċiżjoni tagħha immedjatament wara li qorti tkun tat l-approvazzjoni tagħha. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet interessati li jopponu d-deċiżjoni quddiem il-qorti. Madankollu, jenħtieġ li tali possibbiltà tingħata biss għal perjodu limitat wara li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun ħadet il-miżura ta’ maniġġjar tal-kriżijiet sabiex ma ddewwimx bla bżonn l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

(61)Riżoluzzjoni effiċjenti u l-ħtieġa li jiġu evitati kunflitti dwar il-ġuriżdizzjoni jeħtieġu li l-ebda proċediment normali ta’ insolvenza għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli waqt li awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun qed teżerċita s-setgħat ta’ riżoluzzjoni tagħha jew tapplika l-għodod ta’ riżoluzzjoni, ħlief fuq l-inizjattiva jew bil-kunsens tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li ċerti obbligi kuntrattwali jistgħu jiġu sospiżi għal perjodu limitat sabiex l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, jenħtieġ li dik il-possibbiltà ma tapplikax għall-obbligi fir-rigward tas-sistemi ddeżinjati minn Stat Membru kif imsemmi fid-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 , inklużi kontropartijiet ċentrali. Id-Direttiva 98/26/KE tnaqqas ir-riskju assoċjat mal-parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagament u ta’ saldu tat-titoli, b’mod partikolari billi tnaqqas id-disturbi fil-każ tal-insolvenza ta’ parteċipant f’sistema bħal din. Huwa neċessarju li jiġi żgurat li dawk il-protezzjonijiet ikomplu japplikaw f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u li tinżamm ċertezza xierqa għall-operaturi ta’ sistemi ta’ pagament u ta’ titoli u għal parteċipanti oħrajn fis-suq. Għalhekk, jenħtieġ li, minnha nnifisha, miżura ta’ prevenzjoni tal-kriżijiet jew miżura ta’ maniġġjar tal-kriżijiet ma titqiesx li tikkostitwixxi proċedimenti ta’ insolvenza skont it-tifsira tad-Direttiva 98/26/KE, dment li jkomplu jitwettqu l-obbligi sostantivi skont il-kuntratt ikkonċernat.

(62)Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, meta jittrasferixxu assi u obbligazzjonijiet lil akkwirent mis-settur privat jew lil impriża tranżitorja, ikollhom perjodu ta’ żmien adegwat sabiex jidentifikaw kuntratti li jeħtieġ li jiġu ttrasferiti. Għalhekk, jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jirrestrinġu d-drittijiet tal-kontropartijiet li jagħlqu, jaċċelleraw jew jitterminaw b’xi mod ieħor il-kuntratti finanzjarji qabel ma jsir it-trasferiment. Jenħtieġ li tali restrizzjonijiet jippermettu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiksbu stampa vera tal-karta bilanċjali tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli mingħajr il-bidliet fil-valur u fil-kamp ta’ applikazzjoni li jkun jinvolvi eżerċizzju estensiv tad-drittijiet ta’ terminazzjoni, u jenħtieġ li jgħinu sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ instabbiltà fis-suq. Madankollu, jenħtieġ li l-interferenza mad-drittijiet kuntrattwali tal-kontropartijiet tkun ristretta għall-minimu neċessarju. Għalhekk, jenħtieġ li kwalunkwe restrizzjoni fuq id-drittijiet ta’ terminazzjoni imposta mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tapplika biss fir-rigward ta’ miżuri jew ta’ avvenimenti ta’ ġestjoni tal-kriżijiet direttament marbutin mal-applikazzjoni ta’ tali miżuri. Għalhekk, jenħtieġ li jinżammu d-drittijiet ta’ terminazzjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe inadempjenza oħra, inkluż in-nuqqas ta’ ħlas jew ta’ konsenja ta’ marġni.

(63)Huwa neċessarju li jiġu ppreservati l-arranġamenti leġittimi tas-suq kapitali fil-każ ta’ trasferiment ta’ xi wħud mill-assi, mid-drittijiet u mill-obbligazzjonijiet ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun qed tfalli, iżda mhux kollha. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu stabbiliti salvagwardji sabiex jiġi evitat il-qsim ta’ obbligazzjonijiet marbutin jew ta’ drittijiet u ta’ kuntratti marbutin, li jinkludu kuntratti mal-istess kontroparti koperti minn arranġamenti ta’ titoli, minn arranġamenti kollaterali finanzjarji bi trasferiment ta’ titlu, minn arranġamenti ta’ tpaċija, minn arranġamenti ta’ tpaċija, minn arranġamenti ta’ netting ta’ saldu, u minn arranġamenti ta’ finanzjament strutturat. Meta jkunu japplikaw salvagwardji bħal dawn, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu marbutin li jittrasferixxu l-kuntratti konnessi kollha fi ħdan arranġament protett, jew iħalluhom kollha mal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni residwa li tkun qed tfalli. Jenħtieġ li dawn is-salvagwardji jiżguraw li t-trattament regolatorju tal-kapital ta’ skoperturi koperti minn ftehim ta’ netting għall-finijiet tad-Direttiva 2009/138/KE ma jkunx affettwat.

(64)Sabiex tiġi pprovduta l-istabbiltà finanzjarja lill-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, jenħtieġ li jiġi introdott moratorju fuq id-drittijiet ta’ ċediment tad-detenturi ta’ poloz. Jenħtieġ li t-tali moratorju u l-istabbiltà finanzjarja li tirriżulta għall-impriża kkonċernata jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biżżejjed żmien sabiex jagħtu valwazzjoni lil dawk l-impriżi u jivvalutaw liema għodod ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jiġu applikati. Jenħtieġ li t-tali moratorju jiżgura wkoll trattament ugwali tad-detenturi ta’ poloz, u b’hekk jevita impatti finanzjarji avversi potenzjali fuq id-detenturi ta’ poloz li ma jkunux fost l-ewwel li jċedu l-polza tagħhom. Minħabba li wieħed mill-objettivi tar-riżoluzzjoni huwa l-kontinwazzjoni tal-kopertura tal-assigurazzjoni, jenħtieġ li d-detenturi ta’ poloz ikomplu jagħmlu kwalunkwe pagament obbligatorju skont il-kuntratti tal-assigurazzjoni kkonċernati, inkluż fil-każ ta’ annwalitajiet.

(65)L-iżgurar li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom l-istess għodod u setgħat ta’ riżoluzzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom jiffaċilita azzjoni koordinata fil-każ ta’ falliment ta’ grupp transfruntier. Madankollu, hija neċessarja azzjoni ulterjuri sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni u jiġu evitati risponsi nazzjonali frammentati. Għalhekk, sabiex jaqblu dwar skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp meta jiġu riżolti entitajiet fi grupp, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu meħtieġa jikkonsultaw lil xulxin u jikkooperaw fil-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni. Sabiex jiġi previst forum għad-diskussjoni u sabiex jintlaħaq tali ftehim, jenħtieġ li jitwaqqfu kulleġġi ta’ riżoluzzjoni madwar il-qalba tal-kulleġġi superviżorji eżistenti permezz tal-inklużjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-involviment ta’ ministeri kompetenti, tal-EIOPA u, fejn xieraq, tal-awtoritajiet responsabbli għall-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni. Jenħtieġ li l-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni ma jkunux korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, iżda pjattaformi li jiffaċilitaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li jenħtieġ li jkun f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati li jieħdu d-deċiżjonijiet konġunti.

(66)Jenħtieġ li r-riżoluzzjoni ta’ gruppi transfruntiera ssib bilanċ bejn, fuq naħa waħda, il-ħtieġa għal proċeduri li jqisu l-kritikalità tas-sitwazzjoni u jippermettu soluzzjonijiet effiċjenti, ġusti u fil-ħin għall-grupp kollu u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu protetti d-detenturi ta’ poloz, l-ekonomija reali u l-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri kollha fejn jopera l-grupp. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni differenti jaqsmu l-fehmiet tagħhom fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni u jenħtieġ li kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni proposta mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp titħejja u tiġi diskussa bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni differenti fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp. Sabiex jiġu ffaċilitati deċiżjonijiet rapidi u konġunti kull meta jkunu possibbli, jenħtieġ li l-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni jqisu wkoll il-fehmiet tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri kollha li fihom ikun attiv il-grupp.

(67)Jenħtieġ li l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dejjem iqisu l-impatt tagħhom fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali u fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri fejn jopera l-grupp. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istat Membru li fih tkun stabbilita impriża sussidjarja jkollhom il-possibbiltà li joġġezzjonaw, bħala l-aħħar alternattiva u f’każijiet debitament ġustifikati, għad-deċiżjonijiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp meta dawk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu tal-fehma li l-azzjonijiet u l-miżuri ta’ riżoluzzjoni ma jkunux xierqa, jew minħabba l-ħtieġa li jiġu protetti d-detenturi ta’ poloz, l-ekonomija reali u l-istabbiltà finanzjarja f’dak l-Istat Membru, jew minħabba obbligi li jkunu soġġetti għalihom impriżi komparabbli f’dak l-Istat Membru.

(68)Jenħtieġ li l-iskemi ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp tiffaċilita riżoluzzjoni koordinata, li għandha probabbiltà akbar li twassal l-aħjar riżultat għall-impriżi kollha fi grupp. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp jipproponu skemi ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u jissottomettu dawk l-iskemi lill-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li ma jaqblux ma’ skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp jew jiddeċiedu li jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni indipendenti jispjegaw lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u lil awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni oħrajn koperti mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil tagħhom u jinnotifikaw dawk ir-raġunijiet, flimkien mad-dettalji ta’ kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni indipendenti li jkun biħsiebhom jieħdu. Jenħtieġ li kwalunkwe awtorità ta’ riżoluzzjoni li tiddeċiedi li titlaq mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp tikkunsidra kif xieraq l-impatt potenzjali tat-tali tluq fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali u fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri fejn jinsabu l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni l-oħrajn u l-effetti potenzjali tat-tali tluq fuq partijiet oħrajn tal-grupp.

(69)Sabiex tiġi żgurata azzjoni koordinata fil-livell tal-grupp, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiġu mistiedna japplikaw, fi ħdan skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, l-istess għodda għall-entitajiet li jappartjenu għall-grupp li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp ikollhom is-setgħa li japplikaw l-għodda ta’ impriża tranżitorja fil-livell tal-grupp sabiex jistabbilizzaw grupp b’mod ġenerali u jittrasferixxu s-sjieda tas-sussidjarji lill-impriża tranżitorja bil-ħsieb tal-bejgħ ulterjuri ta’ tali sussidjarji, jew bħala pakkett jew individwalment, meta l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu xierqa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp ikollha s-setgħa tapplika l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni fil-livell tal-kumpanija omm.

(70)Ir-riżoluzzjoni effettiva tal-impriżi u tal-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni attivi internazzjonalment teħtieġ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi. Għal dak l-għan, meta jkun iġġustifikat mis-sitwazzjoni inkwistjoni, jenħtieġ li l-EIOPA tingħata s-setgħa li tiżviluppa u tidħol f’arranġamenti ta’ kooperazzjoni qafas mhux vinkolanti mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jitħallew jikkonkludu arranġamenti bilaterali ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-ftehimiet qafas ta’ kooperazzjoni tal-EIOPA. Jenħtieġ li l-iżvilupp ta’ tali arranġamenti bilaterali jiżgura ppjanar, teħid ta’ deċiżjonijiet u koordinazzjoni effettivi fir-rigward ta’ tali impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni attivi internazzjonalment. Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi, jenħtieġ li t-tali arranġamenti bilaterali jkunu reċiproċi, bl-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jirrikonoxxu u jinfurzaw il-proċedimenti ta’ xulxin, sakemm ma tkunx tapplika xi eċċezzjoni li tippermetti ċ-ċaħda tar-rikonoxximent ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi.

(71)Jenħtieġ li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kemm fir-rigward tas-sussidjarji ta’ gruppi tal-Unjoni jew ta’ pajjiżi terzi kif ukoll fir-rigward ta’ fergħat ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-Unjoni jew ta’ pajjiżi terzi. Is-sussidjarji ta’ gruppi ta’ pajjiżi terzi huma impriżi stabbiliti fl-Unjoni u, għalhekk, huma soġġetti bis-sħiħ għad-dritt tal-Unjoni, inkluża l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe għodda ta’ riżoluzzjoni. Madankollu, huwa neċessarju li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jaġixxu fir-rigward ta’ fergħat ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom f’pajjiżi terzi, meta r-rikonoxximent u l-applikazzjoni ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi relatati ma’ fergħa jipperikolaw l-ekonomija reali jew l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, jew meta d-detenturi ta’ poloz tal-Unjoni ma jirċivux trattament ugwali bħad-detenturi ta’ poloz ta’ pajjiżi terzi. F’dawk iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom id-dritt, wara li jkunu kkonsultaw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tagħhom, li jirrifjutaw ir-rikonoxximent ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi.

(72)Jenħtieġ li l-EIOPA tippromwovi l-konverġenza tal-prattiki tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni permezz ta’ linji gwida li jinħarġu f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. B’mod aktar partikolari, jenħtieġ li l-EIOPA tispeċifika dan kollu li ġej: (a) l-applikazzjoni ta’ obbligi simplifikati għal ċerti impriżi; (b) il-metodi li għandhom jintużaw meta jiġu ddeterminati l-ishma tas-suq u l-kriterji għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-ippjanar ta’ rkupru preventiv; (c) lista minima ta’ indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi u firxa ta’ xenarji għal pjanijiet ta’ rkupru preventiv; (d) il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ funzjonijiet kritiċi; (e) id-dettalji dwar il-miżuri sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà u ċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tiġi applikata kull miżura; u (f) kif jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi pprovduta fil-qosor jew f’forma kollettiva għall-fini tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità.

(73)Jenħtieġ li standards tekniċi fis-servizzi finanzjarji jiffaċilitaw armonizzazzjoni konsistenti u protezzjoni adegwata tad-detenturi ta’ poloz, tal-investituri u tal-konsumaturi madwar l-Unjoni. Bħala korp b’għarfien espert speċjalizzat ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-EIOPA tiġi fdata bl-iżvilupp ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni li ma jinvolvux għażliet ta’ politika u li għandhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni.

(74)Jenħtieġ li, fejn provdut f’din id-Direttiva, il-Kummissjoni tadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji żviluppat mill-EIOPA permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE, u f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tispeċifika l-elementi li ġejjin: (a) l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fil-pjanijiet ta’ rkupru preventiv; (b) il-kontenut tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-kontenut tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-gruppi; (c) il-kwistjonijiet u l-kriterji għall-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà; (d) elementi differenti fuq il-valwazzjoni, inkluża l-metodoloġija għall-kalkolu tar-riżerva għal telf addizzjonali li għandu jiġi inkluż f’valutazzjonijiet provviżorji u l-metodoloġija għat-twettiq tal-valwazzjoni tad-differenza fit-trattament; (e) il-kontenut tat-terminu kuntrattwali li għandu jiġi inkluż fil-kuntratt finanzjarju rregolat bil-liġi ta’ pajjiż terz; (f) il-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni. Jenħtieġ li, fejn previst f’din id-Direttiva, il-Kummissjoni tadotta abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppati mill-EIOPA permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE, f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tispeċifika l-proċeduri, il-kontenut u s-sett minimu ta’ formoli u ta’ mudelli standard għall-għoti ta’ informazzjoni għall-fini ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u għall-kooperazzjoni mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

(75)Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi r-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar fl-Istati Membri kollha ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw ir-riorganizzazzjoni jew l-istralċ ta’ impriżi tal-assigurazzjoni. Dik id-Direttiva tiżgura li l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-impriża, irrispettivament mill-pajjiż li jinsabu fih, jiġu ttrattati fi proċess uniku fl-Istat Membru ta’ domiċilju u li l-kredituri fl-Istati Membru ospitanti jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-kredituri fl-Istat Membru ta’ domiċilju. Sabiex tinkiseb riżoluzzjoni effettiva, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE fil-każ tal-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni, kemm meta dawk l-istrumenti jiġu applikati għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif ukoll meta jiġu applikati għal entitajiet oħrajn koperti mir-reġim ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu emendati kif xieraq.

(76)Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 , id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 u d-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 jinkludu regoli dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri ta’ impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-Direttivi. F’sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu meħtieġa jaġixxu b’mod rapidu, dawk ir-regoli jistgħu jfixklu azzjoni ta’ riżoluzzjoni effettiva u l-applikazzjoni ta’ għodda u ta’ setgħat ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li d-derogi skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 u r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 jiġu estiżi għal azzjonijiet meħudin fil-kuntest tar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Sabiex ikun garantit il-grad massimu ta’ ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li t-tali derogi jkunu stabbiliti b’mod ċar, ikunu ristretti, u jenħtieġ li jintużaw biss fl-interess pubbliku u meta jkunu ssodisfati l-iskattaturi ta’ riżoluzzjoni.

(77)Sabiex jiġu pprovduti kondiviżjoni u aċċess adegwati tal-informazzjoni lill-awtoritajiet ikkonċernati kollha, huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu rrappreżentati fil-fora rilevanti kollha u li l-EIOPA tibbenefika mill-għarfien espert neċessarju sabiex twettaq il-kompiti relatati mal-irkupru u mar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1094/2010 jiġi emendat sabiex jinħatru awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bħala awtoritajiet kompetenti kif imsemmi f’dak ir-Regolament. Tali assimilazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti hija konsistenti mal-funzjonijiet attribwiti lill-EIOPA skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tikkontribwixxi u tipparteċipa b’mod attiv fl-iżvilupp u fil-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni.

(78)Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, dawk li effettivament jikkontrollaw in-negozju tagħhom, u l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tagħhom jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ tali impriżi. Huwa ugwalment neċessarju li jiġi żgurat li dawk l-impriżi, dawk li effettivament jikkontrollaw in-negozju tagħhom, u l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tagħhom ikunu soġġetti għal trattament simili madwar l-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Jenħtieġ li t-tali sanzjonijiet u miżuri amministrattivi oħrajn jissodisfaw ċerti rekwiżiti essenzjali fir-rigward tad-destinatarji, tal-kriterji li għandhom ikunu kkunsidrati meta tiġi applikata sanzjoni amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra, tal-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi jew ta’ miżuri amministrattivi oħrajn, tas-setgħat ewlenin ta’ sanzjonar u tal-livelli ta’ multi amministrattivi. Soġġetta għal segretezza professjonali stretta, jenħtieġ li l-EIOPA żżomm bażi ta’ data ċentrali tas-sanzjonijiet amministrattivi kollha u ta’ miżuri amministrattivi oħrajn u informazzjoni dwar l-appelli rrapportati lillha mill-awtoritajiet superviżorji u mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni.

(79)Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux meħtieġa jistabbilixxu regoli għal sanzjonijiet amministrattivi jew għal miżuri amministrattivi oħrajn għal ksur ta’ din id-Direttiva li huwa soġġett għad-dritt penali nazzjonali. Madankollu, jenħtieġ li ż-żamma ta’ sanzjonijiet kriminali minflok sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn għall-ksur ma tnaqqasx jew ma taffettwax b’xi mod ieħor il-kapaċità tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u tal-awtoritajiet superviżorji li jikkooperaw, jaċċedu u jiskambjaw informazzjoni fil-ħin ma’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u ma’ awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħrajn, inkluż wara kwalunkwe riferiment tal-ksur ikkonċernat lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għal prosekuzzjoni.

(80)Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni tar-regoli u tal-proċessi għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-effetti ta’ falliment ta’ kwalunkwe impriża fl-Unjoni kollha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-objettiv.

(81)Meta jieħdu deċiżjonijiet jew azzjonijiet skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni dejjem iqisu kif xieraq l-impatt tad-deċiżjonijiet u tal-azzjonijiet tagħhom fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali u fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Stati Membri oħrajn u jenħtieġ li jqisu s-sinifikat ta’ kwalunkwe impriża sussidjarja jew ta’ attivitajiet transfruntiera għad-detenturi ta’ poloz, għas-settur finanzjarju u għall-ekonomija tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita t-tali impriża sussidjarja jew jitwettqu l-attivitajiet, anki f’każijiet li fihom l-impriża sussidjarja jew l-attivitajiet transfruntiera kkonċernati jkunu ta’ importanza iżgħar għall-grupp.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I
IS-SUĠĠETT U L-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, ID-DEFINIZZJONIJIET U D-DEŻINJAZZJONI TAL-AWTORITAJIET TA’ RIŻOLUZZJONI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-irkupru u għar-riżoluzzjoni, tal-entitajiet segwenti:

(a)impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma stabbiliti fl-Unjoni u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)kumpaniji omm tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni stabbiliti fl-Unjoni;

(c)kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin li huma stabbiliti fl-Unjoni;

(d)kumpaniji azzjonarji omm tal-assigurazzjoni u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin omm stabbiliti fi Stat Membru;

(e)kumpaniji azzjonarji omm tal-assigurazzjoni tal-Unjoni u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħalltin omm tal-Unjoni;

(f)fergħat ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma stabbiliti barra l-Unjoni u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 72 sa 77.

Meta jistabbilixxu u japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u meta jużaw l-għodod differenti għad-dispożizzjoni tagħhom fir-rigward ta’ entità msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom iqisu n-natura tan-negozju ta’ dik l-entità, l-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja, il-forma ġuridika, il-profil tar-riskju, id-daqs, l-istatus legali, l-interkonnettività ma’ istituzzjonijiet oħrajn jew mas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali, u l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-entità.

2.L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli li huma aktar stretti jew addizzjonali għal dawk stipulati f’din id-Direttiva u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva, dment li dawk ir-regoli jkunu ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jmorrux kontra din id-Direttiva jew l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 212(a) sa (d) u (f) sa (h) tad-Direttiva 2009/138/KE.

2.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“riżoluzzjoni” tfisser l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni jew ta’ għodda msemmija fl-Artikolu 26(3) sabiex jinkiseb wieħed jew aktar mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18(2);

(2)“kumpanija azzjonarja omm tal-assigurazzjoni fi Stat Membru” tfisser kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (f) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE li hija stabbilita fi Stat Membru u li ma hijiex impriża sussidjarja ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta awtorizzata jew stabbilita fl-istess Stat Membru;

(3)“kumpanija azzjonarja omm tal-assigurazzjoni tal-Unjoni” tfisser kumpanija azzjonarja omm tal-assigurazzjoni fi Stat Membru li ma hijiex impriża sussidjarja ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni oħra jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta awtorizzata jew stabbilita fi kwalunkwe Stat Membru;

(4)“kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm fi Stat Membru” tfisser kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE li hija stabbilita fi Stat Membru, li ma hijiex hija stess impriża sussidjarja ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta awtorizzata jew stabbilita f’dak l-istess Stat Membru;

(5)“kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-UE” tfisser kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni mħallta omm fi Stat Membru li ma tkunx impriża sussidjarja ta’ impriża awtorizzata fi kwalunkwe Stat Membru jew ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni oħra jew ta’ kumpannija azzjonarja finanzjarja mħallta stabbilita fi kwalunkwe Stat Membru;

(6)“objettivi ta’ riżoluzzjoni” tfisser l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18(2);

(7)“awtorità ta’ riżoluzzjoni” tfisser awtorità ddeżinjata minn Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 3;

(8)“awtorità superviżorja” tfisser awtorità superviżorja kif iddefinita fil-punt (10) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(9)“għodda ta’ riżoluzzjoni” tfisser għodda ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 26(3);

(10)“setgħa ta’ riżoluzzjoni” tfisser setgħa imsemmija fl-Artikoli 40 sa 52;

(11)“ministeri kompetenti” tfisser ministeri tal-finanzi jew ministeri oħrajn tal-Istati Membri li huma responsabbli għal deċiżjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u baġitarji fil-livell nazzjonali f’konformità mal-kompetenzi nazzjonali u li ġew innominati skont l-Artikolu 3(7);

(12)“amministrazzjoni għolja” tfisser dawk il-persuni fiżiċi li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi fi ħdan impriża u li jkunu responsabbli, u jagħtu kont lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-impriża;

(13)“grupp transfruntier” tfisser grupp li għandu entitajiet tal-grupp stabbiliti f’aktar minn Stat Membru wieħed;

(14)“appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju” tfisser għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jew kwalunkwe appoġġ finanzjarju pubbliku ieħor fil-livell supranazzjonali, li jekk jiġi pprovdut fil-livell nazzjonal, ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tiġi pprovduta sabiex tiġi ppreservata jew tinġieb lura l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), jew ta’ grupp li tali impriża jew entità tagħmel parti minnu;

(15)“entità fi grupp” tfisser persuna ġuridika li hija parti minn grupp;

(16)“pjan ta’ rkupru preventiv” tfisser pjan ta’ rkupru preventiv imfassal u mantnut minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5;

(17)“pjan ta’ rkupru preventiv ta’ grupp” tfisser pjan ta’ rkupru ta’ grupp imfassal u mantnut f’konformità mal-Artikolu 7;

(18)“attivitajiet transfruntiera sinifikanti” tfisser attivitajiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mwettqin taħt id-dritt ta’ stabbiliment u dawk imwettqin taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Stat Membru ospitanti partikolari li għalihom il-primjum gross miktub annwali jaqbeż il-5 % tal-primjum gross miktub annwali tal-impriża, imkejjel b’referenza għall-aħħar rapport finanzjarju disponibbli tal-impriża;

(19)“funzjonijiet kritiċi” tfisser attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet imwettqin minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għal partijiet terzi li ma jistgħux jiġu ssostitwiti fi żmien raġonevoli jew b’kost raġonevoli, u fejn l-inabbiltà tal-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li twettaq l-attivitajiet, is-servizzi jew l-operazzjonijiet x’aktarx li jkollhom impatt sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja u fuq l-ekonomija reali fi Stat Membru wieħed jew aktar, inkluż billi jaffettwaw il-benesseri soċjali ta’ numru kbir ta’ detenturi ta’ poloz, ta’ benefiċjarji jew ta’ partijiet li jġarrbu dannu jew billi jwasslu għal tfixkil sistemiku jew billi jimminaw il-fiduċja ġenerali fil-forniment ta’ servizzi tal-assigurazzjoni;

(20)“linji operatorji ewlenin” tfisser linji operatorji u servizzi assoċjati li jirrappreżentaw sorsi materjali ta’ dħul, ta’ profitt jew ta’ valur ta’ franchise għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew għal grupp li tifforma parti minnu impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(21)“arranġament ta’ finanzjament” tfisser arranġament rikonoxxut uffiċjalment minn Stat Membru li jipprovdi finanzjament permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u s-setgħat imsemmijin fl-Artikoli 40 sa 52;

(22)“fondi proprji” tfisser fondi kif iddefiniti fl-Artikolu 87 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(23)“azzjoni ta’ riżoluzzjoni” tfisser id-deċiżjoni li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew entità kif imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 19 jew 20, l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 26(3), jew l-eżerċitar ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni waħda jew aktar kif imsemmijin fl-Artikoli 40 sa 52;

(24)“pjan ta’ riżoluzzjoni” tfisser pjan ta’ riżoluzzjoni għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni mfassal f’konformità mal-Artikolu 9;

(25)“riżoluzzjoni ta’ grupp” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)it-teħid ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni fil-livell ta’ kumpanija omm jew ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni soġġetta għal superviżjoni ta’ grupp, jew

(b)il-koordinazzjoni tal-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikoli 40 sa 52 mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-entitajiet ta’ grupp li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3);

(26)“pjan ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp” tfisser pjan għal riżoluzzjoni ta’ grupp imfassal f’konformità mal-Artikoli 10 u 11;

(27)“awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp” tfisser l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fl-Istat Membru fejn ikun jinsab is-superviżur ta’ grupp;

(28)“skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp” tfisser pjan imfassal għall-fini ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp f’konformità mal-Artikolu 70;

(29)“kulleġġ ta’ riżoluzzjoni” tfisser kulleġġ stabbilit f’konformità mal-Artikolu 68 sabiex iwettaq il-kompiti msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(30)“proċedimenti normali ta’ insolvenza” tfisser il-proċedimenti ta’ insolvenza kollettivi li jinvolvu l-iżvestiment parzjali jew totali ta’ debitur u l-ħatra ta’ likwidatur jew ta’ amministratur normalment applikabbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni skont id-dritt nazzjonali u speċifiċi għal dawk l-impriżi jew inkella applikabbli b’mod ġenerali għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika;

(31)“strumenti ta' dejn” tfisser bonds u forom oħrajn ta’ dejn trasferibbli, strumenti li joħolqu jew jirrikonoxxu dejn, u strumenti li jagħtu drittijiet għall-akkwist ta’ strumenti ta’ dejn;

(32)“pretensjonijiet tal-assigurazzjoni” tfisser pretensjonijiet tal-assigurazzjoni kif iddefiniti fil-punt (g) tal-Artikolu 268(1) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(33)“kumpanija omm fi Stat Membru” tfisser kumpanija omm kif iddefinita fil-punt (15) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE stabbilita fi Stat Membru;

(34)“kulleġġ ta’ superviżuri” tfisser kulleġġ ta’ superviżuri kif iddefinit fil-punt (e) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE u stabbilit f’konformità mal-Artikolu 248 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(35)“qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat” tfisser il-qafas stabbilit bl-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE u regolamenti u l-atti kollha tal-Unjoni, inklużi l-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi, magħmulin jew adottati skont l-Artikolu 108(4) jew l-Artikolu 109 tat-TFUE;

(36)“stralċ” tfisser ir-realizzazzjoni tal-assi ta’ impriża jew entità tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1);

(37)“għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet” tfisser il-mekkaniżmu sabiex jitwettaq trasferiment minn awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni lil veikolu tal-immaniġġjar tal-assi f’konformità mal-Artikolu 30;

(38)“veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet” tfisser persuna ġuridika li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 30(2);

(39)“għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni” tfisser il-mekkaniżmu sabiex jitwettaq l-eżerċizzju minn awtorità tar-riżoluzzjoni tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 34;

(40)“għodda ta’ bejgħ ta’ negozju” tfisser il-mekkaniżmu sabiex jitwettaq trasferiment minn awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda maħruġin minn impriża taħt riżoluzzjoni, jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni lil akkwirent li ma jkunx impriża tranżitorja f’konformità mal-Artikolu 31;

(41)“impriża tranżitorja” tfisser persuna ġuridika li tissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 32(2);

(42)“għodda ta’ impriża tranżitorja” tfisser il-mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda maħruġa minn impriża taħt riżoluzzjoni jew ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni lil impriża tranżitorja, f’konformità mal-Artikolu 32;

(43)“għodda ta’ run-off solventi” tfisser il-mekkaniżmu għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ impriża taħt riżoluzzjoni sabiex tikkonkludi kuntratti ġodda tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u sabiex tiġi limitata l-attività tagħha għall-amministrazzjoni esklużiva tal-portafoll eżistenti tagħha sat-terminazzjoni u sal-likwidazzjoni tagħha taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza f’konformità mal-Artikolu 27;

(44)“strumenti ta’ sjieda” tfisser ishma, strumenti oħrajn li jagħtu s-sjieda, strumenti li jistgħu jiġu kkonvertiti jew jagħtu d-dritt ta’ akkwist ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, u ta’ strumenti li jirrappreżentaw interessi f’ishma jew fi strumenti oħrajn ta’ sjieda;

(45)“azzjonisti” tfisser azzjonisti jew detenturi ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda;

(46)“setgħat ta’ trasferiment” tfisser is-setgħat speċifikati fil-punti (d) jew (e) tal-Artikolu 40(1) ta’ trasferiment ta’ ishma, ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, ta’ strumenti ta’ dejn, ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet, jew kwalunke taħlita ta’ dawn l-elementi minn impriża taħt riżoluzzjoni għal għand benefiċjarju;

(47)“CCP” tfisser CCP kif iddefinita fil-punt (1) tal- Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 26 ;

(48)“setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni” tfisser is-setgħat imsemmijin fl-Artikolu 34(2) u fil-punti (f) sa (j) tal-Artikolu 40(1);

(49)“obbligazzjoni garantita” tfisser obbligazzjoni fejn id-dritt tal-kreditur għall-ħlas jew forma oħra ta’ prestazzjoni huwa garantit bi gravami, bi pleġġ jew b’rahan, jew b’arranġamenti kollaterali li jinkludu obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet ta’ riakkwist u arranġamenti kollaterali oħrajn bi trasferiment ta’ titlu;

(50)“strumenti tal-Grad 1” tfisser entrati ta’ fondi proprji bażiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(51)“strumenti tal-Grad 2” tfisser entrati ta’ fondi proprji bażiċi u anċillari li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 94(2) tad-Direttiva 2009/38/KE;

(52)“strumenti tal-Grad 3” tfisser entrati ta’ fondi proprji bażiċi u anċillari li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 94(3) tad-Direttiva 2009/38/KE;

(53)“obbligazzjonijiet eliġibbli” tfisser l-obbligazzjonijiet u l-istrumenti kapitali li ma jikkwalifikawx bħala strumenti tal-Grad 1, tal-Grad 2 jew tal-Grad 3 ta’ impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jew entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), u li ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni skont il-paragrafi 5 jew 6 tal-Artikolu 34;

(54)“skema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni” tfisser skema rikonoxxuta uffiċjalment minn Stat Membru u ffinanzjata permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li tiggarantixxi l-ħlas ta’ pretensjonijiet tal-assigurazzjoni eliġibbli, parzjalment jew kompletament, lil detenturi ta’ poloz eliġibbli, lil partijiet assigurati u lil benefiċjarji meta impriża tal-assigurazzjoni ma tkunx tista’ jew x’aktarx ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligi u l-impenji tagħha li jirriżultaw mill-kuntratti tal-assigurazzjoni tagħha;

(55)“strumenti kapitali rilevanti” tfisser strumenti tal-Grad 1, tal-Grad 2 u tal-Grad 3;

(56)“rata ta’ konverżjoni” tfisser il-fattur li jiddetermina n-numru ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda li fihom se tiġi kkonvertita obbligazzjoni ta’ klassi speċifika, b’referenza jew għal strument uniku tal-klassi inkwistjoni jew għal unità speċifika tal-valur tal-pretensjoni ta’ dejn;

(57)“kreditur affettwat” tfisser kreditur li l-pretensjoni tiegħu tirrelata ma’ obbligazzjoni li tnaqqset jew li ġiet ikkonvertita f’ishma jew fi strumenti oħrajn ta’ sjieda permezz tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni skont l-użu tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni;

(58)“benefiċjarju” tfisser l-entità li lilha jiġu ttrasferiti ishma, strumenti oħrajn ta’ sjieda, strumenti ta’ dejn, assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet, jew kwalunkwe taħlita ta’ dawk l-elementi minn impriża taħt riżoluzzjoni;

(59)“jum ta’ negozju” tfisser jum għajr is-Sibt, il-Ħadd jew vaganza pubblika fl-Istat Membru kkonċernat;

(60)“dritt tat-terminazzjoni” tfisser dritt li jiġi tterminat kuntratt, dritt ta’ aċċellerazzjoni, ta’ għeluq, ta’ tpaċija jew ta’ netting ta’ obbligazzjonijiet jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni simili li tissospendi, timmodifika jew ittemm obbligu ta’ parti għall-kuntratt jew dispożizzjoni li tipprevjeni obbligu taħt il-kuntratt li kien jirriżulta f’sitwazzjonijiet oħrajn;

(61)“impriża taħt riżoluzzjoni” tfisser kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmijin fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 1, li fir-rigward tagħha tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni;

(62)“impriża sussidjarja tal-Unjoni” tfisser impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru u li tkun impriża sussidjarja ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz jew kumpanija omm ta’ pajjiż terz;

(63)“kumpanija omm apikali” tfisser kumpanija omm fi Stat Membru ta’ grupp li huwa soġġetta għal superviżjoni ta’ grupp f’konformità mal-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 213(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, li ma hijiex impriża sussidjarja ta’ impriża oħra tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni jew kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta li hija awtorizzata u stabbilita fi kwalunkwe Stat Membru;

(64)“impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz” tfisser impriża tal-assigurazzjoni ta’ pajjiż terz jew impriża tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz kif iddefinita fil-punti (3) u (6) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(65)“proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiż terz” tfisser azzjoni skont il-liġi ta’ pajjiż terz sabiex jiġi mmaniġġjat il-falliment ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz jew ta’ kumpanija omm ta’ pajjiż terz li tkun komparabbli, f’termini ta’ objettivi u ta’ riżultati antiċipati, għal azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni skont din id-Direttiva;

(66)“fergħa fl-Unjoni” tfisser fergħa ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ pajjiż terz li tkun tinsab fi Stat Membru;

(67)“awtorità ta’ pajjiż terz rilevanti” tfisser awtorità ta’ pajjiż terz responsabbli sabiex twettaq funzjonijiet kumparabbli ma’ dawk tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew tal-awtoritajiet superviżorji skont din id-Direttiva;

(68)“arranġament kollaterali finanzjarju bi trasferiment ta’ titlu” tfisser arranġament kollaterali finanzjarju bi trasferiment ta’ titlu kif iddefinit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 ;

(69)“arranġament ta’ netting” tfisser arranġament li bis-saħħa tiegħu numru ta’ pretensjonijiet jew ta’ obbligi jistgħu jiġu kkonvertiti fi pretensjoni unika netta, inklużi arranġamenti ta’ close-out netting li bis-saħħa tagħhom, meta jseħħ avveniment ta’ infurzar (definit bi kwalunkwe mod u jkun fejn ikun definit) l-obbligi tal-partijiet jiġu aċċellerati b’mod li jsiru dovuti immedjatament jew jiġu tterminati, u fiż-żewġ każijiet jiġu kkonvertiti fi, jew jiġu ssostitwiti bi, pretensjoni unika netta, inkulżi “dispożizzjonijiet dwar il-close-out netting” kif iddefiniti fil-punt (n)(i) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE u “netting” kif iddefinit fil-punt (k) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;

(70)“arranġament ta’ tpaċija” tfisser arranġament li fih żewġ pretensjonijiet jew obbligi jew aktar dovuti bejn l-impriża taħt riżoluzzjoni u kontroparti jistgħu jiġu paċuti kontra xulxin;

(71)“kuntratti finanzjarji” tfisser kuntratti finanzjarji kif iddefiniti fil-punt (100) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(72)“miżura ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet” tfisser l-eżerċizzju tas-setgħat sabiex tiġi diretta t-tneħħija tan-nuqqasijiet jew tal-impedimenti għall-irkuprabbiltà skont l-Artikolu 6(5) ta’ din id-Direttiva, l-eżerċizzju tas-setgħat sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 15 jew 16 ta’ din id-Direttiva, l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura skont l-Artikolu 137, il-paragrafi 3 u 5 tal-Artikolu 138, l-Artikolu 139(3) u l-Artikolu 140 tad-Direttiva 2009/138/KE u l-applikazzjoni ta’ miżura preventiva skont l-Artikolu 141 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(73)“miżura għall-maniġġjar ta’ kriżijiet” tfisser azzjoni ta’ riżoluzzjoni, il-ħatra ta’ maniġer speċjali skont l-Artikolu 42 jew il-ħatra ta’ persuna skont l-Artikolu 52(1);

(74)“awtorità makroprudenzjali nazzjonali ddeżinjata” tfisser l-awtorità inkarigata bit-tmexxija tal-politika makroprudenzjali msemmija fir-Rakkomandazzjoni B1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-22 ta’ Diċembru 2011 dwar il-mandat makroprudenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali (BERS/2011/3);

(75)“suq regolat” tfisser suq regolat kif iddefinit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 .

(76)“impriża tal-assigurazzjoni” tfisser impriża tal-assigurazzjoni kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(77)“impriża tar-riassigurazzjoni” tfisser impriża tar-riassigurazzjoni kif iddefinita fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(78)“istituzzjonijiet ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 ;

(79)“ditta ta’ investiment” tfisser ditta ta’ investiment kif iddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(80)“impriża bi profil ta’ riskju baxx” tfisser impriża bi profil ta’ riskju baxx kif iddefinita fil-punt (10a) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(81)“impriża sussidjarja” tfisser “impriża sussidjarja” kif iddefinita fil-punt 16 tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(82)“kumpanija omm” tfisser kumpanija omm kif iddefinita fil-punt (15) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(83)“fergħa” tfisser fergħa kif iddefinita fil-punt (11) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(84)“korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju” tfisser korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju kif iddefinit fil-punt (43) tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 30 .

Artikolu 3

Ħatra ta’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u ministeri kompetenti

1.Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità ta’ riżoluzzjoni waħda jew, b’mod eċċezzjonali, awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jkollhom is-setgħa japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni.

2.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom ikunu banek ċentrali nazzjonali, ministeri kompetenti, awtoritajiet amministrattivi pubbliċi jew awtoritajiet fdati b’setgħat amministrattivi pubbliċi.

3.Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun fdata b’funzjonijiet oħrajn, għandhom ikunu fis-seħħ arranġamenti strutturali adegwati sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess bejn il-funzjonijiet fdati lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni skont din id-Direttiva u l-funzjonijiet l-oħrajn kollha fdati lil dik l-awtorità, mingħajr preġudizzju għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-obbligi ta’ kooperazzjoni meħtieġa mill-paragrafu 6.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmijin fis-subparagrafu 1, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti sabiex tiġi żgurata indipendenza operazzjonali effettiva, inkluż persunal separat, linji ta’ rapportar u proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni minn kwalunkwe funzjoni superviżorja jew funzjoni oħra ta’ dik l-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

4.Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 ma għandhomx jipprekludu li:

(a)il-linji ta’ rapportar jikkonverġu fl-ogħla livell ta’ organizzazzjoni li tassorbi funzjonijiet jew awtoritajiet differenti;

(b)il-persunal jista’, f’kundizzjonijiet predefiniti, jinqasam bejn il-funzjonijiet l-oħrajn fdati lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni sabiex tlaħħaq mal-volumi tax-xogħol temporanjament għoljin, jew sabiex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tagħmel użu mill-għarfien espert tal-persunal kondiviż.

5.L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni għandhom jadottaw u jippubblikaw ir-regoli interni li jkollhom fis-seħħ sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4, inklużi regoli li jirrigwardaw is-segretezza professjonali u l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-oqsma funzjonali differenti.

6.L-Istati Membri għandhom jitolbu li l-awtoritajiet li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ superviżjoni u ta’ riżoluzzjoni u l-persuni li jeżerċitaw dawk il-funzjonijiet f’isimhom jikkooperaw mill-qrib fil-preparazzjoni, fl-ippjanar u fl-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni, kemm fil-każ fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-awtorità superviżorja jkunu entitajiet separati kif ukoll fil-każ fejn il-funzjonijiet jitwettqu fl-istess entità.

7.Kull Stat Membru għandu jiddeżinja ministeru wieħed li jkun responsabbli għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-ministeru kompetenti skont din id-Direttiva.

8.Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni fi Stat Membru ma tkunx il-ministeru kompetenti, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinforma lill-ministeru kompetenti bid-deċiżjonijiet meħudin skont din id-Direttiva mingħajr dewmien żejjed u, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor fid-dritt nazzjonali, ma timplimentax xi deċiżjoni li jkollha impatt fiskali dirett mingħajr ma tkun kisbet l-approvazzjoni ta’ dak il-ministeru kompetenti.

9.Stat Membru li jiddeżinja aktar minn awtorità ta’ riżoluzzjoni waħda għandu jipprovdi lill-EIOPA b’notifika motivata bis-sħiħ bir-raġuni għal dan u għandu jalloka b’mod ċar il-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet bejn dawk l-awtoritajiet, jiżgura koordinazzjoni adegwata bejniethom u jiddeżinja awtorità unika bħala awtorità ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti ta’ Stati Membri oħrajn.

10.L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-EIOPA bl-awtorità jew bl-awtoritajiet nazzjonali ddeżinjati bħala l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u, fejn rilevanti, bħala l-awtorità ta’ kuntatt u, fejn rilevanti, bil-funzjonijiet u bir-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom. L-EIOPA għandha tippubblika l-lista ta’ dawk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet ta’ kuntatt.

11.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 65, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-obbligazzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, tal-awtorità superviżorja u tal-persunal rispettiv tagħhom f’konformità mad-dritt nazzjonali għall-atti u għall-ommissjonijiet tagħhom fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom skont din id-Direttiva.

TITOLU II
PREPARAZZJONI

KAPITOLU I
Rkupru preventiv u ppjanar ta’ riżoluzzjoni

Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 4

Obbligi simplifikati għal ċerti impriżi

1.Filwaqt li jitqies l-impatt li l-falliment tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jista’ jkollu, minħabba n-natura tan-negozju tagħha, l-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha, il-forma ġuridika tagħha, il-profil tar-riskju, id-daqs u l-istatus legali tagħha, l-interkonnettività tagħha ma’ impriżi regolati oħrajn jew mas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, u jekk ikunx probabbli li l-falliment u l-istralċ sussegwenti tagħha taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, fuq impriżi oħrajn, fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, jew fuq l-ekonomija usa’, l-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni għandhom jiddeterminaw jekk jistgħux japplikaw obbligi simplifikati għal ċerti impriżi u gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fir-rigward ta’:

(a)il-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni previsti fl-Artikoli 5 sa 7;

(b)id-data sakemm l-ewwel pjanijiet ta’ rkupru preventiv u ta’ riżoluzzjoni għandhom jitfasslu u l-frekwenza għall-aġġornar tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni, li tista’ tkun aktar baxxa minn dik prevista fl-Artikolu 5(4), fl-Artikolu 7(5), fl-Artikolu 9(5) u fl-Artikolu 11(3);

(c)il-kontenut u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni meħtieġa mill-impriżi skont l-Artikolu 5(6), l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 12(1);

(d)il-livell ta’ dettall għall-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà prevista fl-Artikoli 13 u 14.

2.Sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], l-EIOPA għandha toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tispeċifika l-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmijin fil-paragrafu 1.

3.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet superviżorji jew l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, kif applikabbli, jipprovdu lill-EIOPA, fuq bażi annwali u għal kull Stat Membru separatament, bl-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)in-numru ta’ impriżi u ta’ gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni soġġetti għal ippjanar preventiv ta’ rkupru u għal ippjanar ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikoli 5, 7, 9 u 10;

(b)in-numru ta’ impriżi u ta’ gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jibbenefikaw minn obbligi simplifikati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(c)informazzjoni kwantitattiva dwar l-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 1;

(d)deskrizzjoni tal-obbligi ssimplifikati applikati fuq il-bażi tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 1 meta mqabblin mal-obbligi sħaħ, flimkien mal-volum tar-rekwiżiti kapitali, mal-primjums, mal-provvedimenti tekniċi u mal-assi, rispettivament imkejlin bħala perċentwali tal-volum totali tar-rekwiżiti kapitali, tal-primjums, tal-provvedimenti tekniċi u tal-assi tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-Istati Membri jew tal-gruppi kollha, kif applikabbli.

4.L-EIOPA għandha tiżvela pubblikament, fuq bażi annwali u għal kull Stat Membru separatament, l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)in-numru ta’ impriżi u ta’ gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni soġġetti għal ippjanar preventiv ta’ rkupru u għal ippjanar ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikoli 5, 7, 9 u 10;

(b)in-numru ta’ impriżi u ta’ gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jibbenefikaw minn obbligi simplifikati msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(c)informazzjoni kwantitattiva dwar l-applikazzjoni tal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(d)deskrizzjoni tal-obbligi ssimplifikati applikati fuq il-bażi tal-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmijin fil-paragrafu 1 meta mqabblin mal-obbligi sħaħ, flimkien mal-volum tar-rekwiżiti kapitali, mal-primjums, mal-provvedimenti tekniċi u mal-assi, rispettivament imkejlin bħala perċentwali tal-volum totali tar-rekwiżiti kapitali, tal-primjums, tal-provvedimenti tekniċi u tal-assi tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-Istati Membri jew tal-gruppi kollha, kif applikabbli;

(e)u valutazzjoni ta’ kwalunkwe diverġenza rigward l-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fil-livell nazzjonali.

Taqsima 2
Ippjanar ta’ rkupru preventiv

Artikolu 5

Pjanijiet ta’ rkupru preventiv

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li ma humiex parti minn grupp soġġett għall-ippjanar ta’ rkupru preventiv skont l-Artikolu 7 u li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 jew 3, ifasslu u jżommu aġġornat pjan ta’ rkupru preventiv. Tali pjan ta’ rkupru preventiv għandu jkun fih miżuri li għandhom jittieħdu mill-impriża kkonċernata sabiex terġa’ tistabbilixxi l-pożizzjoni finanzjarja tagħha fejn dik il-pożizzjoni tkun iddeterjorat b’mod sinifikanti.

It-tfassil, iż-żamma aġġornata u l-applikazzjoni ta’ pjanijiet ta’ rkupru preventiv għandhom jitqiesu bħala parti mis-sistema ta’ governanza skont it-tifsira tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/138/KE.

2.L-awtorità superviżorja għandha tissoġġetta lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għal rekwiżiti ta’ ppjanar ta’ rkupru preventiv fuq il-bażi tad-daqs, tal-mudell tan-negozju tagħhom, tal-profil tar-riskju, tal-interkonnettività, tas-sostitwibbiltà u, b’mod partikolari, tal-attività transfruntiera.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li tal-anqas 80 % tas-suq tal-ħajja u mhux tal-ħajja u tar-riassigurazzjoni tal-Istat Membru, rispettivament, fejn is-sehem mis-suq mhux tal-ħajja huwa bbażat fuq primjums miktubin grossi u s-sehem mis-suq tal-ħajja huwa bbażat fuq provvedimenti tekniċi grossi, għandu jkun soġġett għal rekwiżiti ta’ ppjanar ta’ rkupru preventiv skont dan l-Artikolu.

Fil-kalkolu tal-livell ta’ kopertura tas-suq imsemmi fis-subparagrafu 2, l-impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ grupp jistgħu jitqiesu meta dawk l-impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkunu parti minn grupp li għalih il-kumpanija omm apikali tkun qed tfassal u żżomm pjan ta’ rkupru preventiv ta’ grupp imsemmi fl-Artikolu 7.

3.Kwalunkwe impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun soġġetta għal pjan ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 9 għandha tkun soġġetta għal rekwiżiti ta’ ppjanar preventiv għall-irkupru.

Madankollu, l-impriżi bi profil ta’ riskju baxx ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ ppjanar ta’ rkupru preventiv fuq bażi individwali.

4.L-EIOPA għandha toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tispeċifika aktar il-metodi li għandhom jintużaw meta jiġu ddeterminati l-ishma mis-suq imsemmijin fil-paragrafu 2, u l-kriterji, b’mod partikolari fir-rigward tal-attività transfruntiera, imsemmijin fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

5.L-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jaġġornaw il-pjanijiet ta’ rkupru preventiv tagħhom tal-anqas darba fis-sena jew wara bidla fl-istruttura legali jew organizzazzjonali tal-impriża kkonċernata, fin-negozju jew fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, li jista’ jkollha effett materjali fuq il-pjan ta’ rkupru preventiv jew teħtieġ bidla materjali fih.

6.Il-pjanijiet ta’ rkupru preventiv ma għandhomx jassumu li se jkollhom aċċess, jew li se jirċievu appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju.

7.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-pjanijiet ta’ rkupru preventiv ikun fihom dawn kollha li ġejjin:

(a)sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan, inklużi l-bidliet materjali għall-pjan li ġie ppreżentat l-aktar reċentement;

(b)deskrizzjoni tal-impriża jew tal-grupp;

(c)qafas ta’ indikaturi msemmi fil-paragrafu 8;

(d)deskrizzjoni ta’ kif tfassal il-pjan ta’ rkupru preventiv, kif se jiġi aġġornat u kif se jiġi applikat;

(e)firxa ta’ azzjonijiet ta’ rimedju;

(f)strateġija ta’ komunikazzjoni.

8.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif imsemmijin fil-paragrafu 1 jivvalutaw il-kredibbiltà u l-fattibbiltà tal-pjanijiet ta’ rkupru preventiv, b’mod partikolari l-qafas ta’ indikaturi msemmi fil-paragrafu 8 u l-azzjonijiet ta’ rimedju, kontra firxa ta’ xenarji ta’ stress makroekonomiku u finanzjarju serju rilevanti għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, inklużi avvenimenti mifruxin mas-sistema kollha, avvenimenti ta’ stress idjosinkratiku li x’aktarx jaffettwaw materjalment il-profil tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tagħhom, u taħlitiet ta’ tali avvenimenti ta’ stress.

9.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżguraw li l-pjanijiet ta’ rkupru preventiv tagħhom ikun fihom qafas ta’ indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi li jidentifikaw il-punti li fihom jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet ta’ rimedju. Dawk l-indikaturi jistgħu jinkludu kriterji relatati, fost l-oħrajn, mal-kapital, mal-likwidità, mal-kwalità tal-assi, mal-profittabilità, mal-kundizzjonijiet tas-suq, mal-kundizzjonijiet makroekonomiċi u mal-avvenimenti operazzjonali. L-indikaturi relatati mal-pożizzjoni kapitali għandhom bħala minimu jkun fihom kwalunkwe ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2009/138/KE.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet superviżorji jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistabbilixxu arranġamenti xierqa għall-monitoraġġ regolari tal-indikaturi msemmijin fl-ewwel subparagrafu.

Impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 li tiddeċiedi li tieħu azzjoni ta’ rimedju li tinsab fil-pjan ta’ rkupru preventiv jew tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni ta’ rimedju bħal din għalkemm ikun ġie ssodisfat indikatur kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, għandha tinnotifika tali deċiżjoni lill-awtorità superviżorja mingħajr dewmien.

10.Il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jivvaluta u japprova l-pjan ta’ rkupru preventiv qabel ma jissottomettih lill-awtorità superviżorja għal rieżami.

11.Sa [PO – iżżid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], l-EIOPA għandha toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tispeċifika aktar il-lista minima ta’ indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi msemmijin fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 7 u, f’kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), il-firxa ta’ xenarji msemmijin fil-paragrafu 8.

12.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, l-informazzjoni li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi fil-pjan ta’ rkupru preventiv, inklużi l-azzjonijiet ta’ rimedju msemmijin fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 7 u l-implimentazzjoni tagħhom.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 6

Rieżami u valutazzjoni mill-awtoritajiet superviżorji tal-pjanijiet ta’ rkupru preventiv

1.Fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni ta’ kull pjan ta’ rkupru preventiv kif imsemmi fl-Artikolu 5 u fl-Artikolu 7, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jirrieżaminaw dak il-pjan u jivvalutaw sa liema punt jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 u, fejn applikabbli, fl-Artikolu 7, u dan kollu li ġej:

(a)jekk l-implimentazzjoni tal-arranġamenti proposti fil-pjan hijiex raġonevolment probabbli li żżomm jew tirrestawra l-vijabbiltà u l-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-grupp;

(b)jekk il-pjan u l-għażliet speċifiċi fi ħdan il-pjan ikunux raġonevolment probabbli li jiġu implimentati malajr u b’mod effettiv f’sitwazzjonijiet ta’ stress finanzjarju;

(c)jekk il-pjan u l-għażliet speċifiċi fil-pjan humiex raġonevolment probabbli li jevitaw sa fejn ikun possibbli kwalunkwe effett avvers sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja, inkluż f’xenarji li jwasslu sabiex impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni oħrajn jimplimentaw pjanijiet ta’ rkupru preventiv fl-istess perjodu.

2.L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bil-pjanijiet ta’ rkupru preventiv kollha li jkunu rċivew. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jeżaminaw il-pjan ta’ rkupru preventiv sabiex jidentifikaw kwalunkwe azzjoni fil-pjan ta’ rkupru preventiv li jista’ jkollha impatt avvers fuq ir-riżolvibbiltà tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernati u jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-awtorità superviżorja fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet.

3.Meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni twettaq attivitajiet transfruntiera sinifikanti, l-awtorità superviżorja ta’ domiċilju għandha, fuq talba ta’ awtorità superviżorja ospitanti, tipprovdi l-pjan ta’ rkupru preventiv lil dik l-awtorità superviżorja ospitanti. L-awtorità superviżorja ospitanti tista’ teżamina l-pjan ta’ rkupru preventiv sabiex tidentifika kwalunkwe azzjoni fil-pjan ta’ rkupru preventiv li jista’ jkollha impatt negattiv fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali jew fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru tagħha u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtorità superviżorja ta’ domiċilju fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet.

4.L-awtoritajiet superviżorji li, wara li jkunu vvalutaw il-pjan ta’ rkupru preventiv, jikkonkludu li hemm nuqqasijiet materjali f’dak il-pjan, jew impedimenti materjali għall-implimentazzjoni tiegħu għandhom jinnotifikaw lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata, jew lill-kumpanija omm apikali kkonċernata, dwar il-kontenut tal-valutazzjoni tagħhom u jirrekjedu li l-impriża kkonċernata tissottometti, fi żmien xahrejn, pjan rivedut li juri kif jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet jew l-impedimenti. Il-perjodu ta’ xahrejn jista’ jiġi estiż b’xahar meta l-awtorità superviżorja taqbel ma’ dan.

Qabel ma impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tintalab tressaq mill-ġdid pjan ta’ rkupru preventiv, l-awtorità superviżorja għandha tagħti lill-impriża l-opportunità li tiddikjara l-opinjoni tagħha dwar dak ir-rekwiżit.

Awtorità superviżorja li ssib li n-nuqqasijiet u l-impedimenti ma ġewx indirizzati b’mod adegwat fil-pjan rivedut tista’ tagħti struzzjonijiet lill-impriża sabiex tagħmel bidliet speċifiċi fil-pjan.

5.Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tonqos milli tissottometti pjan ta’ rkupru preventiv rivedut, jew meta l-awtorità superviżorja tiddetermina li l-pjan ta’ rkupru preventiv rivedut ma jirrimedjax b’mod adegwat in-nuqqasijiet jew l-impedimenti potenzjali identifikati fil-valutazzjoni oriġinali tagħha, u ma jkunx possibbli li jiġu rrimedjati adegwatament in-nuqqasijiet jew l-impedimenti permezz ta’ ordni għal tibdil speċifiku fil-pjan, l-awtorità superviżorja għandha titlob lill-impriża tidentifika fi żmien raġonevoli l-bidliet li tista’ tagħmel fin-negozju tagħha sabiex tindirizza n-nuqqasijiet fil-pjan ta’ rkupru preventiv jew l-impedimenti għall-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan.

Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tonqos milli tidentifika tali bidliet fi ħdan iż-żmien stabbilit mill-awtorità superviżorja, jew meta l-awtorità superviżorja tikkonkludi li l-azzjonijiet proposti mill-impriża ma jkunux jindirizzaw adegwatament in-nuqqasijiet jew l-impedimenti, l-awtorità superviżorja jaf ikollha bżonn tieħu deċiżjoni motivata sabiex tordna lill-impriża tieħu kwalunkwe miżura li tikkunsidra bħala neċessarja u proporzjonata, b’kont meħud tas-serjetà tan-nuqqasijiet u tal-impedimenti u tal-effett tal-miżuri fuq in-negozju tal-impriża.

Id-deċiżjoni motivata msemmija fit-tieni subparagrafu għandha tiġi nnotifikata bil-miktub lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u għandha tkun soġġetta għal dritt ta’ appell.

Artikolu 7

Pjanijiet ta’ rkupru preventiv tal-grupp

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji omm apikali jfasslu u jissottomettu lis-superviżur tal-grupp pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp.

Il-pjanijiet ta’ rkupru preventiv tal-grupp għandhom jikkonsistu fi pjan ta’ rkupru preventiv għall-grupp immexxi mill-kumpanija omm apikali. Il-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp għandu jidentifika azzjonijiet ta’ rimedju li jistgħu jkunu meħtieġa li jiġu implimentati fil-livell tal-kumpanija omm apikali u tas-sussidjarji individwali.

2.Il-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp fih azzjonijiet ta’ rimedju sabiex tinkiseb l-istabbilizzazzjoni tal-grupp, jew ta’ kwalunkwe impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-grupp, meta l-grupp jew kwalunkwe waħda mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tiegħu tkun f’sitwazzjoni ta’ stress sabiex tindirizza jew tneħħi l-kawżi tad-diffikultà u tirrestawra l-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp jew tal-impriża li tkun parti mill-grupp inkwistjoni, fl-istess ħin filwaqt li titqies il-pożizzjoni finanzjarja ta’ entitajiet oħrajn fil-grupp.

Il-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp għandu jkun fih arranġamenti sabiex jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-konsistenza ta’ miżuri proporzjonati li għandhom jittieħdu fil-livell tal-grupp u tal-entitajiet fil-grupp.

3.Il-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp, u kwalunkwe pjan imfassal għal impriża sussidjarja individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, għandu jkun fihom l-elementi speċifikati fl-Artikolu 5.

Il-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp għandu jidentifika jekk hemmx xi ostaklu għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rimedju fi ħdan il-grupp, inkluż fil-livell tal-entitajiet individwali koperti mill-pjan, u jekk hemmx impedimenti prattiċi jew legali sostanzjali għat-trasferiment fil-pront tal-fondi proprji jew għar-ripagament ta’ obbligazzjonijiet jew ta’ assi fi ħdan il-grupp.

4.L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirrikjedu li impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew l-entitajiet imsemmijin fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) ifasslu u jissottomettu pjanijiet ta’ rkupru preventiv fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)ma jkun jeżisti l-ebda pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp;

(b)l-awtorità superviżorja kkonċernata turi li l-entità kkonċernata ma hijiex ikkunsidrata biżżejjed minn pjan ta’ rkupru preventiv ta’ grupp fid-dawl tas-sinifikat tal-entità inkwistjoni fl-Istat Membru kkonċernat u fid-dawl tal-obbligi li huma soġġetti għalihom impriżi komparabbli f’dak l-Istat Membru.

5.Dment li jkunu fis-seħħ ir-rekwiżiti tas-sigriet professjonali previsti fl-Artikolu 64, is-superviżur tal-grupp għandu jibgħat il-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp lil:

(a)l-EIOPA;

(b)l-awtoritajiet superviżorji rilevanti li huma membri tal-kulleġġ superviżorju jew li jipparteċipaw fih kif imsemmi fl-Artikolu 248(3) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(c)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp;

(d)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji.

6.Il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-entità li tfassal il-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 4 għandu jivvaluta u japprova l-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp qabel ma jissottomettih lis-superviżur tal-grupp għal rieżami.

Artikolu 8

Rieżami u valutazzjoni mis-superviżur tal-grupp tal-pjanijiet ta’ rkupru preventiv tal-grupp

1.Wara li jkun ikkonsulta mal-awtoritajiet superviżorji rilevanti li huma membri tal-kulleġġ superviżorju jew jipparteċipaw fih kif imsemmi fl-Artikolu 248(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, is-superviżur tal-grupp għandu jirrieżamina l-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp u jivvaluta sa liema punt jissodisfa r-rekwiżiti u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6 u f’dan l-Artikolu. Dik il-valutazzjoni għandha ssir f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 u ma’ dan l-Artikolu u għandha tqis l-impatt potenzjali tal-azzjonijiet ta’ rimedju fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali u fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri kollha fejn jopera l-grupp.

2.Is-superviżur tal-grupp għandu jagħmel ħiltu sabiex jilħaq deċiżjoni konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 17, fil-kulleġġ tas-superviżuri dwar:

(a)ir-rieżami u l-valutazzjoni tal-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp u jekk għandux jitfassal pjan ta’ rkupru fuq bażi individwali għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li huma parti mill-grupp, kif stabbilit fl-Artikolu 7(3);

(b)l-applikazzjoni tal-miżuri msemmijin fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 6.

Taqsima 3
Ippjanar ta’ riżoluzzjoni

Artikolu 9

Pjanijiet ta' riżoluzzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, wara li jkunu kkonsultaw lill-awtorità superviżorja, ifasslu pjan ta’ riżoluzzjoni għal kull impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2, li ma tkunx parti minn grupp soġġett għal ippjanar ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikoli 10 u 11. Il-pjan ta’ riżoluzzjoni għandu jipprevedi l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tieħu meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3).

2.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom ifasslu pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tad-daqs, tal-mudell tan-negozju tagħhom, tal-profil tar-riskju, tal-interkonnettività, tas-sostitwibbiltà u tal-impatt probabbli tal-falliment fuq id-detenturi ta’ poloz. Meta tagħżel l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni soġġetti għall-ippjanar tar-riżoluzzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha b’mod partikolari tqis l-attività transfruntiera tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-eżistenza ta’ funzjonijiet kritiċi.

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li tal-anqas 70 % tas-suq tal-ħajja u mhux tal-ħajja u tar-riassigurazzjoni tal-Istat Membru, rispettivament, fejn is-sehem mis-suq mhux tal-ħajja huwa bbażat fuq primjums miktubin grossi u s-sehem mis-suq tal-ħajja huwa bbażat fuq provvedimenti tekniċi grossi, għandu jkun soġġett għal ippjanar ta’ riżoluzzjoni. Fil-kalkolu tal-livell ta’ kopertura tas-suq, is-sussidjarji ta’ grupp jistgħu jitqiesu meta dawk is-sussidjarji jkunu koperti fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 10.

L-impriżi bi profil ta’ riskju baxx ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ ppjanar ta’ riżoluzzjoni fuq bażi individwali.

3.Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata twettaq attivitajiet transfruntiera sinifikanti, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ domiċilju, fuq talba ta’ awtorità superviżorja jew ta’ riżoluzzjoni ospitanti, għandhom jipprovdu l-abbozz tal-pjan ta’ riżoluzzjoni lil dik l-awtorità superviżorja jew ta’ riżoluzzjoni ospitanti. L-awtorità superviżorja jew ta’ riżoluzzjoni ospitanti tista’ teżamina l-abbozz tal-pjan ta’ riżoluzzjoni sabiex tidentifika kwalunkwe azzjoni fil-abbozz tal-pjan ta’ riżoluzzjoni li jista’ jkollha impatt negattiv fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali jew fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istat Membru tagħha u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ domiċilju fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet.

4.Meta jiġu speċifikati l-għażliet għall-applikazzjoni tal-għodod u tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom iqisu x-xenarji ta’ riżoluzzjoni rilevanti, inkluż ix-xenarju li fih il-falliment tal-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkun idjosinkratiku jew iseħħ fi żmien ta’ instabbiltà finanzjarja usa’ jew ta’ avvenimenti fis-sistema kollha.

Il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhom jassumu l-ebda appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju minbarra, fejn disponibbli, l-użu ta’ skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni jew ta’ kwalunkwe arranġament ta’ finanzjament.

5.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jirrieżaminaw, u fejn xieraq jaġġornaw, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-anqas kull sena u wara kwalunkwe bidla materjali fl-istruttura legali jew organizzazzjonali tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew fin-negozju jew fil-pożizzjoni finanzjarja tagħha li jista’ jkollha effett materjali fuq l-effettività tal-pjan jew inkella tagħmel neċessarja reviżjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkomunikaw minnufih lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kwalunkwe avveniment li jeħtieġ reviżjoni jew aġġornament tal-pjan ta’ riżoluzzjoni.

6.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jistipulaw l-għażliet għall-applikazzjoni tal-għodod u tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkun fihom, ikkwantifikati kull meta jkun xieraq u possibbli, dawn kollha li ġejjin:

(a)sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan;

(b)sommarju tal-bidliet materjali fl-impriża li seħħew wara li kienet ippreżentata l-aħħar informazzjoni relatata mar-riżoluzzjoni;

(c)turija ta’ kif il-funzjonijiet kritiċi u l-linji operatorji ewlenin jistgħu legalment u ekonomikament jiġu sseparati, sal-punt neċessarju, minn funzjonijiet oħrajn sabiex tiġi żgurata l-kontinwità malli tfalli l-impriża;

(d)identifikazzjoni ta’ dawk l-assi li jkunu mistennijin jikkwalifikaw bħala kollateral;

(e)stima tal-limitu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni ta’ kull aspett materjali tal-pjan;

(f)deskrizzjoni dettaljata tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mwettqa f’konformità mal-Artikolu 13;

(g)deskrizzjoni ta’ kwalunkwe miżura meħtieġa skont l-Artikolu 15 sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà identifikati bħala riżultat tal-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 13;

(h)spjegazzjoni dwar kif l-għażliet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jiġu ffinanzjati mingħajr is-suppożizzjoni ta’ kwalunkwe appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju minbarra, fejn disponibbli, l-użu ta’ skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni jew ta’ kwalunkwe arranġament ta’ finanzjament;

(i)deskrizzjoni dettaljata tal-istrateġiji differenti ta' riżoluzzjoni li jistgħu jiġu applikati fid-dawl tax-xenarji differenti possibbli u tal-limiti ta' żmien applikabbli;

(j)deskrizzjoni tal-interdependenzi ta’ importanza kritika;

(k)analiżi tal-impatt tal-pjan ta’ riżoluzzjoni fuq l-impjegati tal-impriża, inkluża valutazzjoni ta’ kwalunkwe kost assoċjat, u deskrizzjoni tal-proċeduri previsti sabiex jiġi kkonsultat il-persunal matul il-proċess ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati s-sistemi nazzjonali għad-djalogu mas-sħab soċjali, fejn applikabbli;

(l)pjan għall-komunikazzjoni mal-media u mal-pubbliku;

(m)deskrizzjoni tal-operazzjonijiet u tas-sistemi essenzjali neċessarji sabiex jinżamm il-funzjonament kontinwu tal-proċessi operazzjonali tal-impriża;

(n)fejn applikabbli, kwalunkwe opinjoni espressa mill-impriża fir-rigward tal-pjan ta’ riżoluzzjoni.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (a) għandha tiġi żvelata lill-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kkonċernata.

7.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tibgħat il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u kwalunkwe bidla li ssir fihom lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati.

8.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, il-kontenut tal-pjan ta’ riżoluzzjoni.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

9.Sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], l-EIOPA għandha toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tispeċifika aktar kriterji għall-identifikazzjoni ta’ funzjonijiet kritiċi.

Artikolu 10

Pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp ifasslu pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi.

2.Il-pjan ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandu:

(a)jistabbilixxi l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ kull entità fejn se jkunu neċessarji miżuri sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi;

(b)jeżamina sa liema punt jistgħu jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u jiġu eżerċitati s-setgħat ta’ riżoluzzjoni b’mod koordinat u jidentifika kwalunkwe impediment potenzjali għal riżoluzzjoni koordinata;

(c)fejn grupp fih entitajiet inkorporati f’pajjiżi terzi, jidentifika arranġamenti adegwati għall-kooperazzjoni u għall-koordinazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti ta’ dawk il-pajjiżi terzi u l-implikazzjonijiet għar-riżoluzzjoni fl-Unjoni;

(d)jidentifika miżuri, inkluża s-separazzjoni ġuridika u ekonomika ta’ funzjonijiet jew ta’ linji operatorji partikolari, li huma neċessarji sabiex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni tal-grupp, b’kunsiderazzjoni tal-interdipendenzi fi ħdan il-grupp;

(e)jidentifika s-sorsi disponibbli ta’ finanzjament għall-finanzjament tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp u, fejn ikun meħtieġ l-użu ta’ skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni jew ta’ kwalunkwe arranġament ta’ finanzjament, jistabbilixxi l-prinċipji għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għal dak il-finanzjament bejn is-sorsi ta’ finanzjament fi Stati Membri differenti. Il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp ma għandu jassumi l-ebda appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju;

(f)fih l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 9(6).

3.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi għandha tibgħat il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi u kwalunkwe bidla li ssir fihom lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati.

4.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, billi tqis id-diversità tal-mudelli ta’ negozju tal-gruppi fis-suq intern.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 11

Rekwiżiti u proċedura għall-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji omm apikali għandhom jissottomettu lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp l-informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa mill-Artikolu 12. Dik l-informazzjoni għandha tikkonċerna lill-kumpanija omm apikali u sal-punt meħtieġ lil kull entità fi grupp inklużi l-entitajiet imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1).

Dment li jkunu fis-seħħ ir-rekwiżiti tas-sigriet professjonali previsti f’din id-Direttiva, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha tibgħat l-informazzjoni rilevanti pprovduta f’konformità ma’ dan il-paragrafu lil:

(a)l-EIOPA;

(b)l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li huma membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni;

(c)l-awtoritajiet superviżorji rilevanti li huma membri tal-kulleġġ superviżorju jew li jipparteċipaw fih kif imsemmi fl-Artikolu 248(3) tad-Direttiva 2009/138/KE.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni msemmijin fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, u wara li jkunu kkonsultaw lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati li huma membri tal-kulleġġ superviżorju jew jipparteċipaw fih kif imsemmi fl-Artikolu 248(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, ifasslu u jżommu pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi jistgħu, fid-diskrezzjoni tagħhom, u bil-kundizzjoni li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 77 ta’ din id-Direttiva, jinvolvu fit-tfassil u fil-manutenzjoni tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi tal-ġurisdizzjonijiet fejn il-grupp ikun stabbilixxa impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni jew fergħat sinifikattivi.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi jiġu rieżaminati u, fejn xieraq, aġġornati, tal-anqas kull sena u wara kwalunkwe bidla fl-istruttura legali jew organizzazzjonali, fin-negozju jew fil-pożizzjoni finanzjarja tal-grupp inkluża kwalunkwe entità fi grupp, li jista’ jkollha effett materjali fuq il-pjan jew titlob bidla fih.

4.L-adozzjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha tieħu l-forma ta’ deċiżjoni konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 17, tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni sussidjarji u tal-entitajiet imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1).

Artikolu 12

Informazzjoni għall-fini tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u għall-kooperazzjoni mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jitolbu lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jew lill-kumpanija omm apikali, kif applikabbli, sabiex:

(a)jikkooperaw kemm jista’ jkun possibbli fit-tfassil tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jew fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp;

(b)jipprovdulhom, direttament jew permezz tal-awtorità superviżorja, l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ifasslu u jimplimentaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni jew pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp.

2.L-awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni sabiex jivverifikaw jekk xi informazzjoni jew l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1 hijiex diġà disponibbli u għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lil dawk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiksbu l-informazzjoni rilevanti kollha mingħand l-awtoritajiet superviżorji qabel ma jitolbu informazzjoni mingħand l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

3.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tispeċifika l-proċeduri u sett minimu ta’ formoli u ta’ mudelli standard għall-għoti tal-informazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu, u sabiex tispeċifika l-kontenut ta’ tali informazzjoni.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

KAPITOLU II
Riżolvibbiltà

Artikolu 13

Valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, wara li jkunu kkonsultaw lill-awtorità superviżorja, jivvalutaw sa liema punt l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li ma jkunux parti minn grupp ikunu riżolvibbli mingħajr is-suppożizzjoni ta’ kwalunkwe appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju minbarra, fejn disponibbli, l-użu ta’ skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni jew ta’ kwalunkwe arranġament ta’ finanzjament.

Impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha titqies riżolvibbli meta jkun fattibbli u kredibbli li dik l-impriża tiġi llikwidata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza, jew li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tirriżolvi lil dik l-impriża billi tapplika għaliha l-għodod ta’ riżoluzzjoni differenti msemmijin fl-Artikolu 26(3) u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikoli 40 sa 52.

2.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jagħmlu l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 fl-istess ħin bħat-tfassil u l-aġġornar tal-pjan ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 9, u għall-finijiet tat-tali tfassil u aġġornar.

3.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kwistjonijiet u l-kriterji għall-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-impriżi jew tal-gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni previsti fil-paragrafu 1 u fl-Artikolu 14.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 14

Valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għall-gruppi

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi, flimkien mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji, wara li jkunu kkonsultaw lis-superviżur tal-gruppi u lill-awtoritajiet superviżorji ta’ tali sussidjarji, jivvalutaw sa liema punt il-gruppi jkunu riżolvibbli mingħajr is-suppożizzjoni ta’ kwalunkwe appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju minbarra, fejn disponibbli, l-użu ta’ skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni jew ta’ kwalunkwe arranġament ta’ finanzjament.

2.Grupp għandu jitqies bħala riżolvibbli meta jkun fattibbli u kredibbli għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew li jistralċaw l-entitajiet fil-grupp fi proċedimenti normali ta’ insolvenza, li jirriżolvu dak il-grupp billi japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni fir-rigward fuq l-entitajiet fi grupp fejn ikunu jistgħu jiġu sseparati faċilment b’mod tempestiv, jew bi kwalunkwe mezz ieħor previst skont id-dritt nazzjonali.

Il-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 68 għandhom iqisu l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta’ grupp meta jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

3.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi għandhom jagħmlu l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-gruppi fl-istess ħin bħat-tfassil u l-aġġornar tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi f’konformità mal-Artikolu 10, u għall-finijiet tat-tali tfassil u aġġornar. Il-valutazzjoni għandha ssir taħt il-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet stipulata fl-Artikolu 11.

Artikolu 15

Setgħa sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikoli 13 jew 14 tiżvela li jkun hemm impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinnotifika bil-miktub lil dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u lill-awtorità superviżorja kkonċernata.

2.Ir-rekwiżit għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jfasslu pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-rekwiżit għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni rilevanti li jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-Artikolu 17 dwar pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp imsemmijin fl-Artikolu 9(1) u fl-Artikolu 11(4) rispettivament għandha tiġi sospiża wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sa ma jiġu aċċettati l-miżuri għat-tneħħija ta’ impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jew deċiżi skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

3.Fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tipproponi lill-awtorità ta' riżoluzzjoni miżuri possibbli sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti sostantivi identifikati fin-notifika.

L-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu mħejjija mill-impriża kkonċernata għandha tqis ir-raġunijiet għall-impediment sostantiv.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni, wara li tkun ikkonsultat lill-awtorità superviżorja, għandha tivvaluta jekk il-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu jindirizzawx jew ineħħux b’mod effettiv l-impediment sostantiv ikkonċernat.

4.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jsibu li l-miżuri proposti minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, ma jnaqqsux jew ma jneħħux b’mod effettiv l-impedimenti kkonċernati, għandhom, direttament jew indirettament permezz tal-awtorità superviżorja, jirrikjedu li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata tieħu kwalunkwe waħda mill-miżuri alternattivi msemmijin fil-paragrafu 5, u tinnotifika tali miżuri bil-miktub lil dik l-entità, li għandha tipproponi pjan għall-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti fi żmien xahar wara li tkun irċiviet it-tali notifika.

Meta jidentifikaw miżuri alternattivi, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom juru kif il-miżuri proposti mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jkunux kapaċi jneħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà u kif il-miżuri alternattivi proposti jkunu proporzjonati fit-tneħħija ta’ dawk l-impedimenti. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom iqisu l-effett tal-miżuri fuq in-negozju tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, fuq l-istabbiltà tagħha u fuq il-kapaċità tagħha li tikkontribwixxi għall-ekonomija.

5.Il-miżuri alternattivi msemmijin fil-paragrafu 4 għandhom ikunu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)jirrikjedu li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tirrevedi kwalunkwe ftehim ta’ finanzjament intragrupp jew tirrieżamina n-nuqqas ta’ ftehim bħalu, jew tfassal ftehimiet ta’ servizz, kemm jekk intragrupp kif ukoll jekk ma’ partijiet terzi;

(b)jitolbu lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tillimita l-iskoperturi individwali u skoperturi aggregati massimi tagħha;

(c)jimponu rekwiżiti speċifiċi jew regolari tal-informazzjoni addizzjonali rilevanti għall-finijiet tar-riżoluzzjoni;

(d)jeħtieġu lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tiddivesti assi speċifiċi jew tirristruttura l-obbligazzjonijiet;

(e)jitolbu lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tillimita jew twaqqaf attivitajiet speċifiċi eżistenti jew proposti;

(f)jirrestrinġu jew jipprevjenu l-iżvilupp ta’ linji operatorji ġodda jew eżistenti jew il-bejgħ ta’ prodotti ġodda jew eżistenti;

(g)jirrikjedu li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tbiddel l-istrateġija tar-riassigurazzjoni;

(h)jitolbu bidliet fl-istrutturi legali jew operazzjonali tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ kwalunkwe entità fi grupp, direttament jew indirettament taħt il-kontroll tagħha, ħalli titnaqqas il-kumplessità sabiex jiġi żgurat li l-funzjonijiet kritiċi jkunu jistgħu jiġu sseparati legalment u operattivament minn funzjonijiet oħrajn permezz tal-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni;

(i)jitolbu lil impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew lil kumpanija omm tistabbilixxi kumpanija azzjonarja omm tal-assigurazzjoni fi Stat Membru jew kumpanija azzjonarja omm tal-assigurazzjoni tal-Unjoni;

(j)meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun is-sussidjarja ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni b’attività mħallta, tirrikjedi li l-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni b’attività mħallta tistabbilixxi kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni separata sabiex tikkontrolla l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, fejn neċessarju sabiex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u sabiex jiġi evitat li l-applikazzjoni ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni u l-eżerċitar tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni jkollhom effett avvers fuq il-parti mhux finanzjarja tal-grupp.

6.Qabel ma tidentifika kwalunkwe miżura alternattiva msemmija fil-paragrafu 5, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, wara li tkun ikkonsultat lill-awtorità superviżorja, għandha tqis kif xieraq l-effett potenzjali ta’ tali miżura fuq is-solidità u fuq l-istabbiltà tan-negozju avvjat ta’ dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni partikolari u fuq is-suq intern.

7.Notifika jew deċiżjoni magħmula skont il-paragrafu 1 jew 4:

(a)għandu jkun fiha r-raġunijiet għall-valutazzjoni jew għad-determinazzjoni inkwistjoni;

(b)għandha tindika kif in-notifika jew id-deċiżjoni tikkonforma mar-rekwiżit għall-applikazzjoni proporzjonata stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4;

(c)għandha tkun soġġetta għal dritt ta’ appell.

8.Sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], l-EIOPA għandha toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tispeċifika dettalji ulterjuri dwar il-miżuri previsti fil-paragrafu 5 u ċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tiġi applikata kull miżura.

Artikolu 16

Setgħa sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà: it-trattament tal-grupp

1.Awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, flimkien mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji, wara li tkun ikkonsultat lill-kulleġġ superviżorju, għandha tikkunsidra l-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni u għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha sabiex tilħaq deċiżjoni konġunta kif imsemmi fl-Artikolu 17 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri identifikati f’konformità mal-Artikolu 15(4) fir-rigward tal-entitajiet rilevanti kollha fil-grupp.

2.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, f’kooperazzjoni mas-superviżur tal-grupp u mal-EIOPA, f’konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, għandha tħejji u tissottometti rapport lill-kumpanija omm apikali u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji, li għandhom jipprovdu dak ir-rapport lis-sussidjarji taħt il-mandat tagħhom. Ir-rapport għandu jitħejja wara li ssir konsultazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, u għandu janalizza l-impedimenti sostantivi għall-applikazzjoni effettiva tal-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 26(3) u għall-eżerċitar tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikoli 40 sa 52 fir-rigward tal-grupp. Ir-rapport għandu jirrakkomanda kwalunkwe miżura proporzjonata u mmirata li, fil-fehma tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, tkun neċessarja jew xierqa sabiex jitneħħew dawk l-impedimenti, filwaqt li jitqies l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq il-mudell ta’ negozju tal-grupp.

3.Fi żmien erba’ xhur mid-data tar-riċevuta tar-rapport, il-kumpanija omm apikali tista’ tippreżenta osservazzjonijiet u tipproponi miżuri alternattivi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp sabiex tirrimedja l-impedimenti identifikati fir-rapport.

L-awtorità ta' riżoluzzjoni, wara li tikkonsulta lill-awtorità superviżorja, għandha tivvaluta jekk dawk il-miżuri effettivament jindirizzawx jew ineħħux l-impediment sostantiv.

4.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha tikkomunika kwalunkwe miżura proposta mill-kumpanija omm apikali lill-awtoritajiet li huma membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni jew li jipparteċipaw fih. L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tas-sussidjarji, wara li jkunu kkonsultaw lill-awtoritajiet superviżorji, għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu sabiex jilħqu deċiżjoni konġunta, kif imsemmi fl-Artikolu 17, fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni rigward l-identifikazzjoni ta’ impedimenti sostantivi, u fejn ikun neċessarju, fir-rigward tal-valutazzjoni tal-miżuri proposti mill-kumpanija omm apikali u l-miżuri meħtieġa mill-awtoritajiet sabiex jindirizzaw jew ineħħu l-impedimenti. Meta jagħmlu dan, huma għandhom iqisu l-impatt potenzjali tal-miżuri fl-Istati Membri kollha fejn jopera l-grupp.

KAPITOLU III
Deċiżjonijiet konġunti

Artikolu 17

Deċiżjonijiet konġunti

1.Is-superviżuri tal-gruppi, l-awtoritajiet superviżorji, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jilħqu d-deċiżjonijiet konġunti msemmijin fl-Artikolu 8(2), fl-Artikolu 11(4) u fl-Artikolu 16(4), kif applikabbli, fi żmien 4 xhur mid-data ta’ dawn:

(a)it-trażmissjoni mis-superviżur tal-grupp tal-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp f’konformità mal-Artikolu 7(4);

(b)it-trażmissjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp tal-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1);

(c)is-sottomissjoni ta’ kwalunkwe osservazzjoni mill-kumpanija omm apikali jew mal-iskadenza tal-perjodu ta’ erba’ xhur imsemmi fl-Artikolu 16(3), skont liema tiġi l-ewwel.

Fuq talba ta’ awtorità superviżorja jew ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni, l-EIOPA tista’ tassisti lis-superviżuri tal-gruppi, lill-awtoritajiet superviżorji, lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni sabiex jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

2.Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 dwar kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet elenkati fit-tieni subparagrafu, is-superviżur tal-grupp jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, kif ikun applikabbli, għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha stess dwar dawk il-kwistjonijiet.

Il-kwistjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu huma dawn li ġejjin:

(a)ir-rieżami u l-valutazzjoni tal-pjan ta’ rkupru preventiv tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 8;

(b)kwalunkwe miżura li l-kumpanija omm apikali hija meħtieġa li tieħu f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 6;

(c)il-pjan ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp imsemmi fl-Artikolu 10;

(d)il-miżuri msemmijin fl-Artikolu 16.

Id-deċiżjoni meħuda mis-superviżur tal-grupp jew mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, kif ikun applikabbli, għandha tkun motivata bis-sħiħ u għandha tqis il-fehmiet u r-riżervi ta’ awtoritajiet superviżorji jew ta’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni oħrajn, kif ikun applikabbli, espressi matul il-perjodu ta’ erba’ xhur. Id-deċiżjoni għandha tiġi pprovduta lill-kumpanija omm apikali u lill-awtoritajiet l-oħrajn ikkonċernati.

3.Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 bejn l-awtoritajiet superviżorji jew l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni dwar kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet elenkati fit-tieni subparagrafu, kull awtorità superviżorja jew awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ sussidjarja, kif ikun applikabbli, għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha stess dwar dawk il-kwistjonijiet.

Il-kwistjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu huma dawn li ġejjin:

(a)jekk għandux jitfassal pjan ta’ rkupru fuq bażi individwali għall-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 8(2);

(b)l-applikazzjoni fil-livell sussidjarju tal-miżuri msemmijin fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 6;

(c)l-identifikazzjoni tal-impedimenti materjali, u fejn neċessarja, il-valutazzjoni tal-miżuri proposti mill-kumpanija omm apikali u l-miżuri meħtieġa mill-awtoritajiet sabiex jindirizzaw jew ineħħu l-impedimenti, kif imsemmi fl-Artikolu 16(1).

4.Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni konġunta bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni dwar l-adozzjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, kif imsemmi fl-Artikolu 11(4), fil-perjodu ta’ erba’ xhur imsemmi fil-paragrafu 1, kull awtorità ta’ riżoluzzjoni responsabbli għal sussidjarja għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha stess u għandha tfassal u żżomm aġġornat pjan ta’ riżoluzzjoni għall-entitajiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Kull awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-membri l-oħrajn tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni.

5.Kull waħda mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji jew ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-paragrafi 3 jew 4 għandha tkun motivata bis-sħiħ u għandha tqis il-fehmiet u r-riżervi tal-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn, tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew tal-awtoritajiet tal-grupp, kif ikun applikabbli.

6.L-awtoritajiet superviżorji jew l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li ma jaqblux ma’ deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 jistgħu jilħqu deċiżjoni konġunta dwar pjan ta’ rkupru preventiv ta’ grupp jew pjan ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp li jkopri l-entitajiet fi grupp taħt il-ġurisdizzjonijiet tagħhom.

7.Meta, sa tmiem il-perjodu ta’ erba’ xhur imsemmi fil-paragrafu 1, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji jew mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kkonċernati tkun irreferiet kwistjoni lill-EIOPA f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, l-awtorità superviżorja jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata, kif ikun applikabbli, għandha tiddifferixxi d-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafi 2, 3 u 4, tistenna kwalunkwe deċiżjoni li l-EIOPA tista’ tieħu f’konformità mal-Artikolu 19(3) ta’ dak ir-Regolament, u tieħu d-deċiżjoni tagħha f’konformità mad-deċiżjoni tal-EIOPA. Il-perjodu ta’ erba’ xhur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitqies bħala l-fażi ta’ konċiljazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) ta’ dak ir-Regolament. L-EIOPA għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar. Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferita lill-EIOPA wara t-tmiem tal-perjodu ta’ erba’’ xhur imsemmi fil-paragrafu 1 jew wara li tkun ittieħdet deċiżjoni konġunta. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-EIOPA fi żmien xahar wara li jkun sar ir-riferiment lill-EIOPA, għandha tapplika d-deċiżjoni tas-superviżur tal-grupp, tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, tal-awtorità superviżorja jew tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni għall-grupp jew għas-sussidjarja f’livell individwali, kif ikun applikabbli.

8.Id-deċiżjoni konġunta msemmija fl-Artikolu 8(2), fl-Artikolu 11(4), fl-Artikolu 16(4) u fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala konklużivi u applikati mill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn jew mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kkonċernati fl-Istati Membri kkonċernati.

9.Fejn jittieħdu deċiżjonijiet konġunti skont l-Artikolu 11(4) u, fir-rigward tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu u fejn awtorità ta’ riżoluzzjoni tivvaluta li s-suġġett ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp jaffettwa r-responsabbiltajiet fiskali tal-Istat Membru tagħha, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha tibda rivalutazzjoni tal-pjan ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp.

TITOLU III
RIŻOLUZZJONI

KAPITOLU I
Objettivi tar-riżoluzzjoni, kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u prinċipji ġenerali

Artikolu 18

Objettivi tar-riżoluzzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, meta japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikoli 40 sa 52, iqisu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni elenkati fil-paragrafu 2, u jagħżlu l-għodod u s-setgħat li l-aħjar jilħqu l-objettivi li huma rilevanti fiċ-ċirkostanzi tal-każ.

2.L-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 huma:

(a)il-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz, tal-benefiċjarji u tal-pretendenti;

(b)iż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari, billi jiġi evitat kontaġju u billi tinżamm id-dixxiplina fis-suq;

(c)l-iżgurar tal-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi;

(d)il-protezzjoni tal-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, meta jsegwu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, ifittxu li jimminimizzaw il-kost tar-riżoluzzjoni u jevitaw il-qerda tal-valur sakemm ma tkunx neċessarja sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi tar-riżoluzzjoni.

3.L-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fil-paragrafu 2 huma ta’ sinifikat ugwali, u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jibbilanċjawhom kif xieraq skont in-natura u ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ.

Artikolu 19

Kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-awtorità superviżorja, wara li tkun ikkonsultat lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, jew soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni wara li tkun ikkonsultat lill-awtorità superviżorja, tkun iddeterminat li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni qed tfalli jew x’aktarx li tfalli;

(b)ma jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli li kwalunkwe miżura alternattiva tas-settur privat jew azzjoni superviżorja, inklużi miżuri preventivi u korrettivi, ikunu jipprevjenu l-falliment tal-impriża f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

(c)tkun neċessarja azzjoni ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku.

2.L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, wara li jkunu kkonsultaw lill-awtorità superviżorja, ikollhom l-għodod neċessarji sabiex jagħmlu d-determinazzjoni skont il-punt (a) tal-paragrafu 1, inkluż, b’mod partikolari, aċċess adegwat għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti. L-awtorità superviżorja għandha tipprovdi lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li din tal-aħħar titlob bil-ħsieb li twettaq il-valutazzjoni tagħha mingħajr dewmien.

3.Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tkun qed tfalli jew x’aktarx li tfalli fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun qed tikser jew x’aktarx li tkun qed tikser ir-Rekwiżit Kapitali Minimu msemmi fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 5, tad-Direttiva 2009/138/KE u ma jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli li tiġi rrestawrata l-konformità;

(b)l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jew tonqos serjament fl-obbligi tagħha skont il-liġijiet u r-regolamenti li tkun soġġetta għalihom, jew ikun hemm elementi oġġettivi li jappoġġaw li l-impriża, fil-futur qarib, se tonqos serjament milli tissodisfa l-obbligi tagħha b’mod li jkun jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni;

(c)l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn, inklużi pagamenti lid-detenturi ta’ poloz jew lill-benefiċjarji, kif ikunu dovuti, jew ikun hemm elementi oġġettivi li jappoġġaw determinazzjoni li l-impriża, fil-futur qrib, se tkun f’tali sitwazzjoni;

(d)ikun meħtieġ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju.

4.Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tkun fl-interess pubbliku meta tali azzjoni tkun neċessarja għall-kisba u proporzjonata fir-rigward ta’ wieħed jew ta’ aktar mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni elenkati fl-Artikolu 18(2) u l-istralċ tal-istituzzjoni fi proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jissodisfax dawk l-objettivi bl-istess mod.

Artikolu 20

Kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni fir-rigward ta’ kumpaniji omm u kumpaniji azzjonarji

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), meta dik l-entità tirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1).

2.Meta l-impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta’ kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni b’attività mħallta jinżammu direttament jew indirettament minn kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni intermedja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp fir-rigward tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni intermedja, u ma għandhomx jieħdu azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni għall-finijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp fir-rigward tal-kumpanija azzjonarja tal-assigurazzjoni b’attività mħallta.

3.Soġġetti għall-paragrafu 2, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmijin fil-punti (c) sa (e) tal-Artikolu 1(1), anki meta dawk l-entitajiet ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, fejn japplikaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)impriża sussidjarja waħda jew aktar tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1);

(b)l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni huma tali li l-falliment tagħhom jhedded impriża oħra tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-grupp jew tal-grupp kollu kemm hu, jew il-liġi dwar l-insolvenza tal-Istat Membru tirrikjedi li l-gruppi jiġu ttrattati kollha kemm huma;

(c)azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-entitajiet imsemmija fil-punti (c) sa (e) tal-Artikolu 1(1) tkun meħtieġa għar-riżoluzzjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni sussidjarji jew għar-riżoluzzjoni tal-grupp kollu kemm hu.

Artikolu 21

Proċedimenti ta' insolvenza fir-rigward tal-impriżi li ma jkunux soġġetti għal azzjoni ta’ riżoluzzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19(1), iżda mhux il-kundizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 19(1), u li jissodisfaw ir-Rekwiżit Kapitali Minimu stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 5, tad-Direttiva 2009/138/KE, jiġu stralċati b’mod ordnat f’konformità ma’ proċedimenti normali ta’ insolvenza li jiżguraw ħruġ ordnat mis-suq.

Artikolu 22

Prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, meta japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikoli 40 sa 52, jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw li tittieħed l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(a)l-azzjonisti tal-impriża taħt riżoluzzjoni jġarrbu l-ewwel telf;

(b)il-kredituri tal-impriża taħt riżoluzzjoni jġarrbu t-telf wara l-azzjonisti f’konformità mal-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, ħlief kif altrimenti previst espressament f’din id-Direttiva;

(c)il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju u l-maniġment superjuri tal-impriża taħt riżoluzzjoni jiġu ssostitwiti, ħlief meta ż-żamma, fis-sħuħija jew parzjali, ta’ dak il-korp jew tal-maniġment superjuri titqies neċessarja għall-kisba tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni;

(d)il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju u l-maniġment superjuri tal-impriża taħt riżoluzzjoni jipprovdu l-assistenza kollha neċessarja għall-kisba tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni;

(e)il-persuni fiżiċi u ġuridiċi jsiru responsabbli skont id-dritt ċivili jew penali għar-responsabbiltà tagħhom għall-falliment tal-impriża taħt riżoluzzjoni;

(f)ħlief fejn previst mod ieħor f’din id-Direttiva, kredituri tal-istess klassi jiġu ttrattati b’mod ekwu;

(g)l-ebda azzjonist jew kreditur ma jġarrab telf akbar milli kien iġarrab li kieku l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ġiet stralċata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza f’konformità mas-salvagwardji fl-Artikoli 53 sa 55;

(h)l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tittieħed f’konformità mas-salvagwardji f’din id-Direttiva.

2.Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun parti minn grupp, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikoli 40 sa 52 b’mod li jiġu mminimizzati, b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn jopera l-grupp:

(a)l-impatt fuq entitajiet oħrajn ful-grupp u fuq il-grupp kollu kemm hu;

(b)l-effetti avversi fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali u fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.

3.Meta japplikaw l-għodod tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikoli 40 sa 52, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jikkonformaw mal-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli.

4.Meta jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3), l-entità li għaliha jiġu applikati dawk l-għodod għandha titqies bħala s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ proċedimenti ta’ insolvenza analogi għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE 31 .

5.Meta japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikoli 40 sa 52, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinformaw u jikkonsultaw lir-rappreżentanti tal-impjegati tal-impriża kkonċernata fejn xieraq.

6.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikoli 40 sa 52 mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati f’korpi maniġerjali kif previst fil-liġi jew prattika nazzjonali.

KAPITOLU II
Valwazzjoni

Artikolu 23

Valwazzjoni tal-għanijiet ta’ riżoluzzjoni

1.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni tittieħed fuq il-bażi ta’ valwazzjoni li tiżgura valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi, tal-obbligazzjonijiet, tad-drittijiet u tal-obbligi tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

2.Qabel ma l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqiegħed impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt riżoluzzjoni, hija għandha tiżgura li titwettaq valwazzjoni inizjali sabiex tiddetermina jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 19(1) jew l-Artikolu 20(3).

3.Wara li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun iddeċidiet li tqiegħed impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt riżoluzzjoni, hija għandha tiżgura li titwettaq it-tieni valwazzjoni sabiex:

(a)tipprovdi informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni adatta li għandha tittieħed;

(b)tiżgura li kwalunkwe telf tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkun rikonoxxut b’mod sħiħ fil-mument li jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni;

(c)tipprovdi informazzjoni sabiex tittieħed id-deċiżjoni dwar il-firxa tal-kanċellazzjoni jew tad-dilwizzjoni tal-istrumenti ta’ sjieda;

(d)tipprovdi informazzjoni sabiex tittieħed id-deċiżjoni dwar il-firxa tal-valwazzjoni negattiva jew tal-konverżjoni ta’ kwalunkwe obbligazzjoni mhux garantita, inklużi l-istrumenti tad-dejn;

(e)meta tiġi applikata l-għodda ta’ impriża tranżitorja msemmija fl-Artikolu 32, tipprovdi informazzjoni sabiex tittieħed id-deċiżjoni dwar l-assi, l-obbligazzjonijiet, id-drittijiet u l-obbligi jew l-istrumenti ta’ sjieda li jistgħu jiġu ttrasferiti lill-impriża tranżitorja, u tipprovdi informazzjoni għad-deċiżjoni dwar il-valur ta’ kwalunkwe korrispettiv li jista’ jitħallas lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt riżoluzzjoni jew, fejn ikun rilevanti, lid-detenturi tal-istrumenti ta’ sjieda;

(f)meta tiġi applikata l-għodda għall-bejgħ ta’ negozju msemmija fl-Artikolu 31, tipprovdi informazzjoni sabiex tittieħed id-deċiżjoni dwar l-assi, l-obbligazzjonijiet, id-drittijiet u l-obbligi jew l-istrumenti ta’ sjieda li jistgħu jiġu ttrasferiti lill-akkwirent terz u tgħin lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni tifhem x’jikkostitwixxi termini kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 31.

4.Il-valwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu soġġetti għal appell f’konformità mal-Artikolu 65 biss flimkien mad-deċiżjoni li tiġi applikata għodda ta’ riżoluzzjoni jew li tiġi eżerċitata setgħa ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 24

Rekwiżiti għall-valwazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 23 jitwettqu minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika u mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(b)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, meta dawk il-valwazzjonijiet ma jkunux jistgħu jitwettqu minn persuna kif imsemmi fil-punt (a).

2.Il-valwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 23 għandhom jitqiesu bħala definittivi meta jitwettqu mill-persuna msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha stipulati fil-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.Mingħajr preġudizzju għall-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli, valwazzjoni definittiva għandha tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet prudenti u ma għandha tassumi l-ebda provvediment potenzjali ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju mill-mument li fih tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

4.Valwazzjoni definittiva għandha tiġi ssupplimentata bl-informazzjoni li ġejja miżmuma mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew mill-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1):

(a)rapport finanzjarju aġġornat u valwazzjoni ekonomika aġġornata ta’ Solvenza II tal-karta bilanċjali tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1);

(b)rapport dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, inkluża evalwazzjoni minn funzjoni attwarja indipendenti tal-provvedimenti tekniċi msemmijin fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 2 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-impriża jew tal-entità tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1);

(c)kwalunkwe informazzjoni addizzjonali dwar il-valuri tas-suq u tal-kontabilità tal-assi, il-provvedimenti tekniċi, imsemmijin fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 2 tad-Direttiva 2009/138/KE, u obbligazzjonijiet oħrajn tal-impriża jew tal-entità tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni msemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1).

5.Valwazzjoni definittiva għandha tindika s-sottodiviżjoni tal-kredituri fi klassijiet f’konformità mal-livelli ta’ prijorità skont il-liġi applikabbli dwar l-insolvenza. Il-valwazzjoni definittiva għandu jkun fiha wkoll stima tat-trattament li kull klassi ta’ azzjonisti u ta’ kredituri kienet tkun mistennija li tirċievi jekk l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) kienu jiġu stralċati taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza.

L-istima msemmija fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tippreġudika l-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 54.

6.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)iċ-ċirkostanzi li fihom persuna titqies li hija indipendenti kemm mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni kif ukoll mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-kuntest tar-riżoluzzjoni;

(c)is-separazzjoni tal-valwazzjonijiet skont l-Artikoli 23 u 54 ta’ din id-Direttiva.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 25

Valutazzjonijiet proviżorji u definittivi

1.Il-valwazzjonijiet kif imsemmijin fl-Artikolu 23 li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 24(2) għandhom jitqiesu bħala valwazzjonijiet proviżorji.

Il-valwazzjonijiet proviżorji għandhom jinkludu riżerva għat-telf addizzjonali u ġustifikazzjoni xierqa għal dik ir-riżerva.

2.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi ta’ valwazzjoni proviżorja għandhom jiżguraw li titwettaq valwazzjoni definittiva malli jkun possibbli.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li l-valwazzjoni definittiva msemmija fl-ewwel subparagrafu:

(a)tippermetti r-rikonoxximent sħiħ ta’ kwalunkwe telf tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-kotba tagħha;

(b)tipprovdi informazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni bl-għan li jitnaqqsu l-pretensjonijiet tal-kredituri jew jiżdied il-valur tal-korrispettiv imħallas f’konformità mal-paragrafu 3.

3.Meta l-istima tal-valwazzjoni definittiva tal-valur tal-assi nett tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun ogħla mill-istima tal-valwazzjoni proviżorja tal-valur tal-assi nett tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’:

(a)iżżid il-valur tal-pretensjonijiet tal-kredituri affettwati li jkunu ġew valwati negattivament jew ristrutturati;

(b)tirrikjedi li impriża tranżitorja tagħmel pagament ulterjuri ta’ korrispettiv fir-rigward tal-assi, tal-obbligazzjonijiet, tad-drittijiet u tal-obbligi lill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lis-sidien tal-istrumenti ta’ sjieda.

4.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-metodoloġija għall-kalkolu tar-riżerva għal telf addizzjonali li għandu jiġi inkluż f’valutazzjonijiet proviżorji.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

KAPITOLU III
Għodod ta’ riżoluzzjoni

Taqsima 1
Prinċipji ġenerali

Artikolu 26

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-għodod ta’ riżoluzzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħat neċessarji sabiex japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u għall-entitajiet imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3).

2.Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddeċiedi li tapplika għodda ta’ riżoluzzjoni għal impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew għal entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), u li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun tirriżulta f’telf imġarrab mill-kredituri, b’mod partikolari d-detenturi ta’ poloz, jew jirriżultaw f’ristrutturar jew f’konverżjoni tal-pretensjonijiet tagħhom, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha teżerċita s-setgħa li tivvalwa b’mod negattiv jew tikkonverti strumenti kapitali u obbligazzjonijiet eliġibbli f’konformità mal-Artikolu 34 immedjatament qabel jew flimkien mal-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni.

Il-konverżjoni ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli fi strumenti kapitali ma għandhiex tapplika għal pretensjonijiet tal-assigurazzjoni.

3.L-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

(a)l-għodda ta’ run-off solventi;

(b)l-għodda tal-bejgħ ta’ negozju;

(c)l-għodda tal-impriża tranżitorja;

(d)l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet;

(e)l-għodda ta’ valutazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni.

Soġġetti għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni individwalment jew fi kwalunkwe taħlita, ħlief għall-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, li tista’ tintuża biss flimkien ma’ għodda oħra ta’ riżoluzzjoni.

4.Meta jintużaw biss l-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju u l-għodda ta’ impriża tranżitorja, u meta dawk l-għodod jintużaw għat-trasferiment ta’ parti biss mill-assi, mid-drittijiet jew mill-obbligazzjonijiet tal-impriża taħt riżoluzzjoni, l-impriża residwa tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li minnha jkunu ġew ittrasferiti l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet, għandha tiġi stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza. Tali stralċ għandu jsir f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, filwaqt li titqies kwalunkwe ħtieġa għal dik l-impriża residwa tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li tipprovdi servizzi jew appoġġ skont l-Artikolu 43 sabiex il-benefiċjarju ikun jista’ jwettaq l-attivitajiet jew is-servizzi akkwistati bis-saħħa ta’ dak it-trasferiment, u kwalunkwe raġuni oħra li l-kontinwazzjoni tal-impriża residwa tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), tkun neċessarja sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 jew sabiex tinżamm konformità mal-prinċipji msemmijin fl-Artikolu 22.

Meta tintuża l-għodda ta’ run-off solventi u meta l-valur nett tal-assi tal-impriża taħt riżoluzzjoni f’run-off solventi jkun sar negattiv, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni residwa għandha tiġi stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza.

5.L-awtorità tar-riżoluzzjoni tista’ tirkupra kwalunkwe spiża raġonevoli mġarrba kif xieraq b’konnessjoni mal-użu tal-għodod ta’ riżoluzzjoni jew mal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni bi kwalunkwe wieħed jew aktar mill-modi li ġejjin:

(a)bħala tnaqqis minn kwalunkwe korrispettiv imħallas minn benefiċjarju lill-imipriża taħt riżoluzzjoni jew, jekk ikun japplika l-każ, lis-sidien tal-ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda;

(b)mill-impriża taħt riżoluzzjoni, bħala kreditur preferut;

(c)minn kwalunkwe rikavat iġġenerat bħala riżultat tat-terminazzjoni tal-operazzjoni tal-impriża tranżitorja, tal-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet jew tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f’run-off solventi, bħala kreditur preferut.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli taħt il-liġi nazzjonali dwar l-insolvenza fuq l-annulabbiltà jew in-noninfurzabbiltà ta’ atti legali ta’ detriment għall-kredituri ma japplikawx għal trasferimenti ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet minn impriża taħt riżoluzzjoni lil entità oħra bis-saħħa tal-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni jew tal-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni.

7.L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għodod u setgħat addizzjonali eżerċitabbli meta impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3), dment li:

(a)meta jiġu applikati għal grupp transkonfinali, dawk l-għodod u s-setgħat addizzjonali ma jikkostitwux impedimenti għar-riżoluzzjoni effettiva tal-grupp;

(b)dawk l-għodod u s-setgħat huma konsistenti mal-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18 u mal-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 18 u 22.

Taqsima 2
L-għodda ta’ run-off solventi

Artikolu 27

L-għodda ta’ run-off solventi

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jirtiraw l-awtorizzazzjoni tal-impriża taħt riżoluzzjoni sabiex jiktbu kuntratti tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ġodda u jqiegħdu lill-impriża taħt riżoluzzjoni fi proċedura ta’ run-off solventi sabiex jintemmu l-attivitajiet ta’ dik l-impriża.

2.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt riżoluzzjoni f’run-off solventi tkun kapaċi żżomm persunal imħarreġ b’mod adegwat u kompetenti sabiex tiżgura l-kontinwazzjoni ordnata tal-attivitajiet tal-assigurazzjoni tagħha f’run-off sal-likwidazzjoni tagħha.

3.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jimmonitorjaw, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji, il-kostijiet u l-ispejjeż ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt riżoluzzjoni sabiex jippreservaw il-valur u l-kummerċjabbiltà tagħha.

4.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet superviżorji, jivvalutaw il-bidliet maħsubin għall-kompożizzjoni tal-assi, jimmonitorjaw mill-qrib l-arranġamenti tar-riassigurazzjoni u jirrikjedu, tal-anqas fuq bażi trimestrali, rieżamijiet attwarji indipendenti tal-provvedimenti tekniċi u tar-riżervi.

5.Fl-applikazzjoni tal-għodda ta’ run-off solventi, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jirrestrinġu jew jipprojbixxu kwalunkwe remunerazzjoni ta’ ekwità u ta’ strumenti ttrattati bħala ekwità, inklużi pagamenti ta’ dividendi, u għandhom jirrestrinġu jew jipprojbixxu kwalunkwe pagament ta’ remunerazzjoni varjabbli u benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni.

6.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jieħdu deċiżjoni li impriża taħt riżoluzzjoni f’run-off solventi trid tiġi llikwidata fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin, skont liema jseħħ l-ewwel:

(a)l-impriża taħt riżoluzzjoni f’fużjonijiet ta’ run-off solventi ma’ entità oħra;

(b)l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha jew sostanzjalment kollha tal-impriża taħt riżoluzzjoni f’run-off solventi jinbiegħu lil akkwirent terz;

(c)l-assi tal-impriża taħt riżoluzzjoni f’run-off solventi jiġu stralċati kompletament u l-obbligazzjonijiet tagħha jiġu rrilaxxati kompletament;

(d)il-valur nett tal-assi tal-impriża taħt riżoluzzjoni f’run-off solventi sar negattiv.

7.Meta l-operazzjonijiet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni f’run-off solventi jintemmu fiċ-ċirkostanzi msemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 6, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni residwa għandha tiġi stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza.

Soġġett għall-Artikolu 26(6), kwalunkwe rikavat iġġenerat bħala riżultat tat-terminazzjoni tal-operazzjoni tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f’run-off għandu jkun ta’ benefiċċju għall-azzjonisti tagħha.

Taqsima 3
l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, l-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju, u l-għodda ta’ impriża tranżitorja

Artikolu 28

Prinċipji għall-applikazzjoni tal-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju, u tal-għodda ta’ impriża tranżitorja

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, soġġetti għall-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 31 u għall-Artikolu 65, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jużaw l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, l-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju, u l-għodda ta’ impriża tranżitorja mingħajr ma jiksbu l-kunsens tal-azzjonisti tal-impriża taħt riżoluzzjoni jew ta’ kwalunkwe parti terza, minbarra l-akkwirent jew l-impriża tranżitorja, u mingħajr ma jkun hemm konformità ma’ kwalunkwe rekwiżit proċedurali skont id-dritt tal-kumpaniji jew dwar it-titoli, għajr dawk stabbiliti fl-Artikolu 29.

2.Soġġett għall-Artikolu 26(7), kwalunkwe korrispettiv li jitħallas mill-akkwirent jew mill-impriża tranżitorja għandu jibbenefika:

(a)lis-sidien tal-ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, fejn tali ishma jew tali strumenti oħrajn ta’ sjieda maħruġin mill-impriża taħt riżoluzzjoni jkunu ġew ittrasferiti mid-detenturi ta’ dawk l-ishma jew l-istrumenti lill-akkwirent jew lill-impriża tranżitorja;

(b)lill-impriża taħt riżoluzzjoni, fejn xi wħud mill-assi jew mill-obbligazzjonijiet tal-impriża taħt riżoluzzjoni jew kollha kemm huma jkunu ġew ittrasferiti lill-akkwirent jew lill-impriża tranżitorja.

3.Soġġett għall-Artikolu 26(7), kull korrispettiv imħallas minn veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 30(2) fir-rigward tal-assi, tad-drittijiet jew tal-obbligazzjonijiet akkwistati direttament mill-impriża taħt riżoluzzjoni għandu jibbenefika lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. Il-korrispettiv jista’ jitħallas fil-forma ta’ dejn maħruġ mill-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet.

4.Trasferimenti magħmulin bl-użu tal-għodda tal-assi u tal-obbligazzjoni, tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda ta’ impriża tranżitorja għandhom ikunu soġġetti għas-salvagwardji msemmijin fit-Titolu III, Kapitolu V.

5.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jużaw l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, l-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju u l-għodda ta’ impriża tranżitorja aktar minn darba sabiex jagħmlu trasferimenti supplimentari fejn neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-akkwirent jew l-impriża tranżitorja msemmija fil-paragrafu 1 tkun tista’ tkompli teżerċita d-drittijiet ta’ sħubija u l-aċċess għal, fejn rilevanti, sistemi ta’ pagament, ta’ kklerjar u ta’ saldu, għal Boroż u għal skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni tal-impriża taħt riżoluzzjoni, dment li tissodisfa l-kriterji għas-sħubija u għall-parteċipazzjoni sabiex tieħu sehem f’tali sistemi.

F’każijiet fejn ma jiġux issodisfati l-kriterji kollha elenkati fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)is-sħubija jew il-parteċipazzjoni f’sistemi ta’ pagament, ta’ kklerjar u ta’ saldu, f’Boroż u fi skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni ma tiġix miċħuda fuq il-bażi li l-akkwirent jew l-impriża tranżitorja ma jkollhiex klassifikazzjoni minn aġenzija ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, jew li tali klassifikazzjoni ma tkunx proporzjonata mal-livelli ta’ klassifikazzjoni meħtieġa sabiex tingħata aċċess għal tali sistemi jew skemi;

(b)meta l-akkwirent jew l-impriża tranżitorja ma tissodisfax il-kriterji ta’ sħubija jew ta’ parteċipazzjoni għal sistema ta’ pagament, ta’ kklerjar jew ta’ saldu, għal Borża jew għal skema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni, id-drittijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu jiġu eżerċitati għal perjodu ta’ żmien speċifikat mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, li ma taqbiżx l-24 xahar, u li tista’ tiġġedded wara applikazzjoni mill-akkwirent jew mill-impriża tranżitorja lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

7.Mingħajr preġudizzju għat-Titolu III, il-Kapitolu V, l-azzjonisti jew il-kredituri tal-impriża taħt riżoluzzjoni u partijiet terzi oħrahb li l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet tagħhom ma jiġux ittrasferiti bl-użu tal-għodda tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda ta’ impriża tranżitorja, ma għandu jkollhom l-ebda dritt jew pretensjoni fuq jew fir-rigward tal-assi, tad-drittijiet jew tal-obbligazzjonijiet ittrasferiti jew fuq jew fil-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju jew fuq jew fil-maniġment superjuri tal-impriża tranżitorja jew tal-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet.

Artikolu 29

Rekwiżiti proċedurali rigward il-bejgħ ta’ negozju, ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet f’riżoluzzjoni

1.Soġġetti għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jfittxu li japplikaw l-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju, jew ibigħu impriża tranżitorja, jew l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet tagħha, l-impriża taħt riżoluzzjoni, l-impriża tranżitorja jew l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet, l-ishma jew l-istrumenti ta’ sjieda l-oħrajn ikkonċernati jiġu kkummerċjalizzati f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2. Aggregazzjonijiet ta’ drittijiet, ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet jistgħu jiġu kkummerċjalizzati separatament.

2.Mingħajr preġudizzju għall-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli, il-kriterji dwar il-kummerċjalizzazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

(a)il-kummerċjalizzazzjoni għandha tkun trasparenti kemm jista’ jkun u ma għandhiex tirrappreżenta b’mod materjalment ħażin l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet, l-ishma jew strumenti oħrajn ta’ sjieda tal-impriża jew tal-impriża tranżitorja li awtorità ta’ riżoluzzjoni jkollha l-ħsieb li tittrasferixxi;

(b)il-kummerċjalizzazzjoni ma għandhiex tiffavorixxi b’mod mhux dovut jew tiddiskrimina bejn akkwirenti potenzjali;

(c)il-kummerċjalizzazzjoni għandha tkun ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess;

(d)il-kummerċjalizzazzjoni ma għandhiex tagħti xi vantaġġ inġust lil xi akkwirent potenzjali;

(e)il-kummerċjalizzazzjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa li tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni rapida;

(f)il-kummerċjalizzazzjoni għandha timmira lejn il-massimizzazzjoni, sa fejn possibbli, tal-prezz tal-bejgħ tal-ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, tal-assi, tad-drittijiet jew tal-obbligazzjonijet involuti.

Il-prinċipji msemmijin f’dan il-paragrafu ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni milli tissolleċita akkwirenti potenzjali partikolari.

Kwalunkwe żvelar pubbliku tal-kummerċjalizzazzjoni tal-impriża taħt riżoluzzjoni jew ta’ entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), jew tal-impriża tranżitorja li altrimenti jkun meħtieġ f’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jista’ jiġi pospost f’konformità mal-paragrafu 4 jew 5 tal-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament.

3.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jiddeċiedu li ma jikkonformawx mar-rekwiżit li jikkummerċjalizzaw bejgħ meta jiddeterminaw li l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2 x’aktarx li xxekkel wieħed jew aktar mill-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18.

Artikolu 30

L-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jittrasferixxu assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni jew ta’ impriża tranżitorja għal veikolu wieħed jew aktar tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet.

2.Għall-finijiet tal-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet għandu jkun persuna ġuridika li tissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)tkun kompletament jew parzjalment proprjetà ta’ jew hija kontrollata minn awtorità pubblika waħda jew aktar, li jistgħu jinkludu l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u tkun ikkontrollata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni;

(b)tkun inħolqot sabiex tirċievi l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet kollha jew xi wħud minnhom ta’ impriża waħda jew aktar taħt riżoluzzjoni jew ta’ impriża tranżitorja waħda jew aktar.

3.Il-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet għandha timmaniġġja l-portafolli ttrasferiti lilha bl-għan li timmassimizza l-valur tagħhom permezz ta’ bejgħ ta’ dawk il-portafolli jew stralċ ordnat.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operat ta’ veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet jirrispetta r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata tkun approvat id-dokumenti kostituzzjonali tal-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet;

(b)soġġetta għall-istruttura ta’ sjieda tal-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata taħtar jew tapprova l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-veikolu;

(c)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata tapprova r-remunerazzjoni tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju u tispeċifika r-responsabbiltajiet tagħhom;

(d)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata tapprova l-istrateġija u l-profil tar-riskju tal-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi.

5.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jeżerċitaw is-setgħa speċifikata fil-paragrafu 1 li jittrasferixxu assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet biss flimkien ma’ għodod ta’ riżoluzzjoni oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 26(3) u fejn isseħħ kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)is-sitwazzjoni tas-suq partikolari għal dawk l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet tkun ta’ tali natura li l-likwidazzjoni ta’ dawk l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza jista’ jkollha effett avvers fuq suq finanzjarju wieħed jew aktar;

(b)tali trasferiment huwa neċessarju sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-għodda ta’ run-off solventi jew sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-impriża taħt riżoluzzjoni jew ta’ impriża tranżitorja;

(c)trasferiment bħal dan huwa neċessarju sabiex jimmassimizza r-rikavati minn likwidazzjoni.

6.Meta japplikaw l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom, f’konformità mal-Artikolu 23 u f’konformità mal-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, jiddeterminaw il-korrispettiv li għalih l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet jiġu ttrasferiti lill-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet. Dan il-paragrafu ma għandux jimpedixxi li l-korrispettiv ikollu valur nominali jew negattiv.

7.Meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu applikaw l-għodda ta’ impriża tranżitorja, il-veikoli tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet jistgħu, wara l-applikazzjoni tal-għodda ta’ impriża tranżitorja, jakkwistaw assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet mill-impriża tranżitorja.

8.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jittrasferixxu assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet mill-impriża taħt riżoluzzjoni għal veikolu wieħed jew aktar tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet f’aktar minn okkażjoni waħda u jittrasferixxu assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet lura minn veikolu wieħed jew aktar tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet lill-impriża taħt riżoluzzjoni fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)il-possibbiltà li l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet jistgħu jiġu ttrasferiti lura hija ddikjarata espressament fl-istrument li bih ikun sar it-trasferiment;

(b)l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet ma jaqgħux fi ħdan il-klassijiet, jew jissodisfaw il-kondizzjonijiet għat-trasferiment tad-drittijiet, tal-assi jew tal-obbligazzjonijiet speċifikati fl-istrument li bih ikun sar it-trasferiment.

Fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b), it-trasferiment lura jista’ jsir fi kwalunkwe perjodu, u għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe kondizzjoni oħra ddikjarata f’dak l-istrument għall-iskop rilevanti.

L-impriża taħt riżoluzzjoni għandha tkun obbligata li tieħu lura kwalunkwe assi, dritt jew obbligazzjoni ttrasferita f’konformità mal-punti (a) u (b).

9.L-objettivi ta’ veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ma għandhom jimplikaw l-ebda dmir jew responsabbiltà għall-azzjonisti jew għall-kredituri tal-impriża taħt riżoluzzjoni. Il-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju jew tal-maniġment superjuri tal-veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ma għandu jkollhom l-ebda responsabbiltà quddiem tali azzjonisti jew kredituri għal atti u għal ommissjonijiet fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, sakemm tali atti jew ommissjonijiet ma jkunux implikaw negliġenza serja jew imġiba ħażina serja skont id-dritt nazzjonali li tkun affettwat direttament id-drittijiet ta’ tali azzjonisti jew kredituri.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw ukoll l-obbligazzjoni ta’ veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet, u tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju jew tal-maniġment superjuri tiegħu għal atti u għal ommissjonijiet fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Artikolu 31

L-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa jittrasferixxu għand akkwirent li ma jkunx impriża tranżitorja:

(a)ishma jew strumenti oħrajn ta’ sjieda maħruġin minn impriża taħt riżoluzzjoni;

(b)l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha ta’ impriża taħt riżoluzzjoni jew kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn.

2.Trasferiment li jsir skont il-paragrafu 1 għandu jsir fuq termini kummerċjali, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi, u f’konformità mal-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha sabiex jiksbu termini kummerċjali għat-trasferiment li jkunu konformi mal-valwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 23, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ.

3.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu, bil-kunsens tal-akkwirent, ireġġgħu lura t-trasferimenti eżegwiti fejn dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi tal-każ. L-impriża taħt riżoluzzjoni jew is-sidien oriġinali għandhom ikunu obbligati jieħdu lura kwalunkwe sehem ittrasferit jew strument ieħor ta’ sjieda, jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet.

4.L-akkwirenti għandhom ikunu meħtieġa jkollhom l-awtorizzazzjoni xierqa sabiex iwettqu n-negozju li jakkwistaw meta jsir trasferiment kif imsemmi fil-paragrafu 1. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li kwalunkwe applikazzjoni għal awtorizzazzjoni bħal din għandha tiġi kkunsidrata, flimkien mat-trasferiment, fil-ħin.

5.B’deroga mill-Artikoli 57 sa 62 tad-Direttiva 2009/138/KE, meta trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda bis-saħħa ta’ applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju jirriżulta fl-akkwiżizzjoni ta’ jew f’żieda f’parteċipazzjoni kwalifikanti f’impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-awtorità superviżorja ta’ dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha twettaq il-valutazzjoni meħtieġa skont dawk l-Artikoli fil-ħin b’tali mod li ma ddewwimx l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju u tipprevjeni l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni milli tilħaq l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 ta’ din id-Direttiva.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-awtorità superviżorja ma tkunx lestiet il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 mid-data tat-trasferiment, għandu jkun japplika dan li ġej:

(a)dan it-trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti ta’ sjieda lill-akkwirent għandu jkollu effett legali immedjat;

(b)matul il-perijodu ta’ valutazzjoni u matul kwalunkwe perijodu ta’ divestiment previst mill-punt (f), id-drittijiet tal-vot tal-akkwirent marbutin ma’ dawn l-ishma jew l-istrumenti ta’ sjieda l-oħrajn għandhom jiġu sospiżi u vestiti biss fl-awtorità ta’ riżoluzzjoni, li ma għandu jkollha l-ebda obbligu li teżerċita dawn id-drittijiet tal-vot u li ma għandu jkollha l-ebda responsabbiltà sabiex teżerċita jew iżżomm milli teżerċita kwalunkwe dritt tal-vot bħal dan;

(c)matul il-perjodu ta’ valutazzjoni u matul kwalunkwe perijodu ta’ divestiment previst mill-punt (f), il-penali u miżuri oħrajn għall-ksur tar-rekwiżiti għall-akkwisti u għad-disponimenti ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti stabbiliti fl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2009/138/UE ma għandhomx japplikaw għal tali trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda;

(d)hekk kif titlesta l-valutazzjoni tagħha, l-awtorità superviżorja għandha tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u lill-akkwirent bil-miktub dwar jekk hija tapprovax jew, f’konformità mal-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2009/138/UE, topponix it-tali trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda lill-akkwirent;

(e)meta l-awtorità superviżorja tapprova tali trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda lill-akkwirent, id-drittijiet tal-vot marbutin ma’ tali ishma jew strumenti ta’ sjieda għandu jitqies bħala vestit bis-sħiħ fl-akkwirent hekk kif l-awtorità ta’ riżoluzzjoni u l-akkwirent jirċievu approvazzjoni bħal din mingħand l-awtorità superviżorja;

(f)jekk l-awtorità superviżorja topponi tali trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn lill-akkwirent:

(i)id-drittijiet tal-vot marbutin ma’ tali ishma strumenti oħrajn ta’ sjieda kif previst fil-punt (b) għandhom jibqgħu fis-seħħ u effettivi;

(ii)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ titlob lill-akkwirent sabiex jiddivesti dawn l-ishma jew l-istrumenti oħrajn ta’ sjieda fi ħdan perjodu ta’ divestiment iddeterminat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni wara li tkun qieset il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq;(iii)meta l-akkwirent ma jikkonformax mat-talba prevista fil-punt (ii), l-awtorità superviżorja, bil-kunsens tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, tista’ timponi fuq l-akkwirent penali u miżuri oħrajn għall-ksur tar-rekwiżiti għall-akkwiżizzjonijiet jew għad-disponimenti ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti stabbiliti fl-Artikolu 62 tad-Direttiva 2009/138/KE.

7.Għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet li ta’ forniment ta’ servizzi jew ta’ stabbiliment fi Stat Membru ieħor f’konformità mad-Direttiva 2009/138/UE, l-akkwirent għandu jitqies bħala kontinwazzjoni tal-impriża taħt riżoluzzjoni, u jista’ jkompli jeżerċita kwalunkwe tali dritt li kien eżerċitat mill-impriża taħt riżoluzzjoni fir-rigward tal-assi, tad-drittijiet jew tal-obbligazzjonijiet ittrasferiti.

Artikolu 32

Għodda ta’ impriża tranżitorja

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa jittrasferixxu għand impriża tranżitorja:

(a)ishma jew strumenti oħrajn ta’ sjieda maħruġin minn impriża waħda jew aktar taħt riżoluzzjoni;

(b)l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha jew kwalunkwe wieħed minnhom ta’ impriża waħda jew aktar taħt riżoluzzjoni.

2.L-impriża tranżitorja għandha tkun persuna ġuridika li tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)tkun kompletament jew parzjalment proprjetà ta’ jew hija kontrollata minn awtorità pubblika waħda jew aktar, li jistgħu jinkludu l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew, fejn applikabbli skema ta' garanzija tal-assigurazzjoni, u tkun ikkontrollata mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni;

(b)tinħoloq għall-fini li tirċievi u żżomm xi wħud mill-ishma jew mill-istrumenti l-oħrajn ta’ sjieda kollha jew uħud minnhom li jinħarġu minn impriża taħt riżoluzzjoni jew l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet kollha jew uħud minnhom ta’ impriża waħda jew aktar taħt riżoluzzjoni bl-għan li jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni u tinbiegħ l-impriża jew l-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1).

3.Meta japplikaw l-għodda ta’ impriża tranżitorja, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li l-valur totali tal-obbligazzjonijiet ittrasferiti lill-impriża tranżitorja ma jaqbiżx il-valur totali tad-drittijiet u tal-assi ttrasferiti mill-impriża taħt riżoluzzjoni.

4.Wara applikazzjoni tal-għodda ta’ impriża tranżitorja, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu, fejn iġġustifikat miċ-ċirkostanzi, ireġġgħu lura t-trasferimenti eżegwiti, u l-impriża taħt riżoluzzjoni jew is-sidien oriġinali għandhom ikunu obbligati jieħdu lura kwalunkwe assi, dritt jew obbligazzjoni ttrasferita, jew ishma jew strumenti oħrajn ta’ sjieda, fejn iġġustifikat miċ-ċirkustanzi tal-każ, fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)il-possibbiltà li l-ishma jew l-istrumenti oħrajn ta’ sjieda, l-assi, id-drittijiet, jew l-obbligazzjonijiet speċifiċi jistgħu jiġu ttrasferiti lura hija ddikjarata espressament fl-istrument li bih ikun sar it-trasferiment;

(b)l-ishma jew l-istrumenti ta’ sjieda jew l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet speċifiċi ma jkunux fil-fatt jaqgħu fi ħdan il-klassijiet, jew jissodisfaw il-kundizzjonijiet għat-trasferiment tal-ishma jew tal-istrumenti l-oħrajn ta’ sjieda, jew tal-assi, tad-drittijiet jew tal-obbligazzjonijiet speċifikati fl-istrument li bih ikun sar it-trasferiment.

Trasferiment lura kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jsir fi kwalunkwe perjodu u għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe kundizzjoni oħra ddikjarata fl-istrument li bih ikun sar it-trasferiment.

5.Wara applikazzjoni tal-għodda ta’ impriża tranżitorja, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jittrasferixxu ishma jew strumenti oħrajn ta’ sjieda, jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet mill-impriża tranżitorja lil akkwirent terz.

6.Impriża tranżitorja għandha titqies bħala kontinwazzjoni tal-impriża taħt riżoluzzjoni, u tkun tista’ tkompli teżerċita kwalunkwe dritt eżerċitat mill-impriża taħt riżoluzzjoni fir-rigward tal-assi, tad-drittijiet jew tal-obbligazzjonijiet trasferiti.

Istituzzjoni tranżitorja ma għandhiex tikkonkludi kuntratti tal-assigurazzjoni ġodda jew tbiddel il-kuntratti tal-assigurazzjoni eżistenti b’mod li jista’ jżid il-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni tal-impriża tranżitorja.

7.L-objettivi ta’ impriża tranżitorja ma għandhomx jimplikaw xi dmir jew responsabbiltà fil-konfront ta’ azzjonisti jew ta’ kredituri tal-impriża taħt riżoluzzjoni, u l-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju jew tal-maniġment superjuri ma għandux ikollhom responsabbiltà quddiem tali azzjonisti jew kredituri għal atti jew għal omissjonijiet fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, sakemm l-att jew l-ommissjoni ma tkunx timplika negliġenza serja jew imġiba ħażina serja f’konformità mad-dritt nazzjonali li taffettwa direttament id-drittijiet ta’ tali azzjonisti jew kredituri.

L-Istati Membri jistgħu jkomplu jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ impriża tranżitorja u tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġjerjali jew superviżorju jew tal-maniġment superjuri tagħha f’konformità mad-dritt nazzjonali għal atti u għal ommissjonijiet fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom.

Artikolu 33

Operat ta’ impriża tranżitorja

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operat ta’ impriża tranżitorja jirrispetta r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni approvat id-dokumenti kostituzzjonali tal-impriża tranżitorja;

(b)soġġett għall-istruttura ta’ sjieda tal-impriża tranżitorja, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni taħtar jew tapprova l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża tranżitorja;

(c)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tapprova r-remunerazzjoni tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju u tiddetermina r-responsabbiltajiet tagħhom;

(d)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tapprova l-istrateġija u l-profil tar-riskju tal-impriża tranżitorja;

(e)l-impriża tranżitorja tkun awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2009/138/UE u jkollha l-awtorizzazzjoni neċessarja skont id-dritt nazzjonali applikabbli sabiex twettaq l-attivitajiet jew is-servizzi li takkwista bis-saħħa ta’ trasferiment magħmul skont l-Artikolu 40 ta’ din id-Direttiva;

(f)l-impriża tranżitorja tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/138/KE u hija soġġetta għal superviżjoni f’konformità magħha;

(g)l-operat tal-impriża tranżitorja għandu jkun konformi mal-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tispeċifika restrizzjonijiet fuq l-operazzjonijiet tagħha kif xieraq.

Minkejja d-dispożizzjonijiet imsemmijin fil-punti (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu u fejn neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18, impriża tranżitorja tista’ tiġi stabbilita u awtorizzata mingħajr ma tikkonforma mad-Direttiva 2009/138/KE għal perjodu qasir ta’ żmien fil-bidu tal-operat tagħha. Għal dan l-għan, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tippreżenta talba f’dak is-sens lill-awtorità superviżorja. Meta l-awtorità superviżorja tiddeċiedi li tagħti awtorizzazzjoni bħal din, hija għandha tindika l-perjodu li matulu l-impriża transitorja tkun eżentata milli tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/138/KE.

2.Soġġetta għal kwalunkwe restrizzjoni imposta mir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali, il-maniġment tal-impriża tranżitorja għandu jopera l-impriża tranżitorja sabiex jilħaq l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 u sabiex ibigħ l-impriża taħt riżoluzzjoni u l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet tagħha lil akkwirent wieħed jew aktar mis-settur privat malli l-kundizzjonijiet tas-suq ikunu xierqa.

3.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiddeċiedu li entità ma tibqax impriża tranżitorja fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin, skont liema sseħħ l-ewwel:

(a)l-impriża tranżitorja tiġi fuża ma’ entità oħra;

(b)l-impriża tranżitorja ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 32(2);

(c)l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha tal-impriża tranżitorja jew sostanzjalment kollha jinbiegħu lil akkwirent terz;

(d)l-assi tal-impriża tranżitorja jiġu kompletament stralċati u l-obbligazzjonijiet tagħha jinħelsu kompletament.

4.Meta l-operazzjonijiet ta’ impriża tranżitorja jintemmu fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 3, l-impriża tranżitorja għandha tiġi stralċata taħt il-proċedimenti normali ta’ insolvenza.

Soġġett għall-Artikolu 26(7), kwalunkwe rikavat iġġenerat bħala riżultat tat-terminazzjoni tal-operat tal-impriża tranżitorja għandu jibbenefika lill-azzjonisti tal-impriża tranżitorja.

Taqsima 4
L-għodda ta’ valutazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni

Artikolu 34

Objettiv u ambitu tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni sabiex jilħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet li ġejjin:

(a)għar-rikapitalizzazzjoni ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità kif imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikoli 19(1) u 20(3) sa punt biżżejjed sabiex tiġi applikata l-għodda ta’ run-off solventi msemmija fl-Artikolu 27 u sabiex tinżamm l-awtorizzazzjoni tagħha skont id-Direttiva 2009/138/KE;

(b)għall-konverżjoni f’ekwità jew għat-tnaqqis tal-ammont ta’ kapital ta’ pretensjonijiet, li jinkludu pretensjonijiet tal-assigurazzjoni jew strumenti ta’ dejn li jiġu ttrasferiti:

(i)lil impriża tranżitorja bl-għan li jiġi pprovdut kapital lil dik l-istituzzjoni tranżitorja; jew

(ii)taħt l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 30 jew l-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju msemmija fl-Artikolu 31.

Meta japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni għall-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu wkoll jirristrutturaw it-termini tal-kuntratti tal-assigurazzjoni relatati sabiex jilħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 b’mod aktar effettiv.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiddeterminaw l-ammont li bih l-istrumenti kapitali, l-istrumenti ta’ dejn u obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn iridu jiġu valwati b’mod negattiv jew ikkonvertiti għall-finijiet fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-valwazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 23.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni għall-obbligazzjonijiet kollha tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-entitajiet imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), filwaqt li jżommu l-forma ġuridika attwali tagħhom jew jikkunsidraw bidla fil-forma ġuridika tagħhom meta din tkun neċessarja.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni tkun tista’ tiġi applikata għall-istrumenti kapitali kollha u għall-obbligazzjonijiet kollha ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) li ma jkunux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-għodda skont il-paragrafu 5 jew 6 ta’ dan l-Artikolu.

5.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni fir-rigward tal-obbligazzjonijiet li ġejjin kemm jekk ikunu rregolati bil-liġi ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz:

(a)obbligazzjonijiet garantiti;

(b)obbligazzjonijiet lil istituzzjonijiet ta’ kreditu, lil ditti tal-investiment u lil impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, ħlief għal entitajiet li jkunu parti mill-istess grupp, b’maturità oriġinali ta’ anqas minn sebat ijiem;

(c)obbligazzjonijiet b’maturità li jifdal ta’ anqas minn sebat ijiem, dovuti jew lil sistemi jew lil operaturi ta’ sistemi ddeżinjati f’konformità mad-Direttiva 98/26/KE jew lill-parteċipanti tagħhom u li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f’tali sistema, jew lil CCPs awtorizzati fl-Unjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 u lil CCPs ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti mill-ESMA skont l-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament;

(d)obbligazzjoni lejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)impjegat, b’rabta mas-salarju, ma’ benefiċċji tal-pensjoni jew ma’ remunerazzjoni oħra fissa dovuta, ħlief għall-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni li ma hijiex regolata bil-liġi jew bi ftehim ta’ negozjar kollettiv;

(ii)kreditur kummerċjali jew ta’ negozju li jinħoloq mill-forniment ta’ oġġetti jew servizzi lil impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew lil entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) li huma fundamentali għall-funzjonament ta' kuljum tal-operazzjonijiet tagħha, inkluż servizzi tal-IT, utilitajiet u l-kirja, il-manutenzjoni u ż-żamma tal-bini f’kundizzjoni tajba;

(iii)awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, dment li dawk l-obbligazzjonijiet ikunu preferuti skont il-liġi applikabbli;

(iv)skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni li jirriżultaw minn kontribuzzjonijiet dovuti f’konformità mal-liġijiet nazzjonali applikabbli.

Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, fejn xieraq, milli japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe parti ta’ obbligazzjoni garantita jew ta’ obbligazzjoni li għaliha ġie ppleġġjat kollateral li jaqbeż il-valur tal-assi, tal-pleġġ, tar-rahan jew tal-kollateral li huwa garanti tiegħu.

6.F’ċirkostanzi eċċezzjonali, meta tiġi applikata l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ teskludi jew parzjalment teskludi ċerti obbligazzjonijiet mill-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)ma jkunx possibbli li ssir valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ dik l-obbligazzjoni fi ħdan żmien raġonevoli, minkejja sforzi bona fide tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni;

(b)l-esklużjoni tkun strettament neċessarja u proporzjonata sabiex tinkiseb il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u tal-linji operatorji ewlenin b’mod li tinżamm l-abbiltà tal-impriża taħt riżoluzzjoni li tkompli bl-operazzjonijiet, bis-servizzi u bit-tranżazzjonijiet ewlenin;

(c)l-esklużjoni tkun strettament neċessarja u proporzjonata sabiex jiġi evitat li jinħoloq kontaġju mifrux, b’mod li jista’ jikkawża disturb serju għall-ekonomija ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni; jew

(d)l-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni għal dawk l-obbligazzjonijiet tkun tikkawża qerda fil-valur b’mod li t-telf imġarrab minn kredituri oħrajn ikun ogħla milli kieku dawk l-obbligazzjonijiet jiġu esklużi mill-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni.

Artikolu 35

Trattament tal-azzjonisti u tad-detenturi ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda meta tiġi applikata l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni msemmija fl-Artikolu 34, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jieħdu, fir-rigward tal-azzjonisti u tad-detenturi ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda, waħda mill-azzjonijiet li ġejjin, jew it-tnejn li huma:

(a)jikkanċellaw ishma eżistenti jew strumenti oħrajn ta’ sjieda, jew jittrasferuhom lil kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu ġew ikkonvertiti;

(b)dment li l-valwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 23 turi li l-impriża taħt riżoluzzjoni jkollha valur nett pożittiv, jiddilwixxu lill-azzjonisti u lid-detenturi ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda eżistenti billi jikkonvertu strumenti kapitali jew strumenti ta’ dejn rilevanti maħruġin mill-impriża taħt riżoluzzjoni, jew obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn tal-impriża taħt riżoluzzjoni, f’ishma jew fi strumenti oħrajn ta’ sjieda skont l-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-konverżjoni għandha ssir b’rata ta’ konverżjoni li tnaqqas ferm il-parteċipazzjonijiet eżistenti ta’ ishma jew ta’ strumenti oħrajn ta’ sjieda.

2.Meta jikkunsidraw liema mill-azzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom iqisu:

(a)il-valwazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 23;

(b)l-ammont li bih l-awtorità ta’ riżoluzzjoni vvalutat li elementi tal-Grad 1 iridu jitnaqqsu u l-istrumenti kapitali rilevanti jridu jiġu valwati negattivament jew ikkonvertiti skont l-Artikolu 37(1).

3.B’deroga mill-Artikoli 57 sa 62 tad-Direttiva 2009/138/KE, fejn il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali, ta’ strumenti ta’ dejn maħruġin mill-impriża taħt riżoluzzjoni, jew ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn tal-impriża taħt riżoluzzjoni, tkun tirriżulta fl-akkwist ta’ jew fiż-żieda f’parteċipazzjoni kwalifikanti f’impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, l-awtoritajiet superviżorji għandhom iwettqu l-valutazzjoni meħtieġa skont dawk l-Artikoli fil-ħin b’mod li ma jdewmux il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali, jew jipprevjenu l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni milli tilħaq l-objettivi tar-riżoluzzjoni rilevanti msemmijin fl-Artikolu 18.

4.Meta l-awtorità superviżorja ta’ dik l-istituzzjoni ma tkunx lestiet il-valutazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 3 fid-data tal-konverżjoni tal-istrument kapitali, l-Artikolu 31(6) għandu japplika għal kwalunkwe akkwist jew żieda f’parteċipazzjoni kwalifikanti minn akkwirent li tirriżulta mill-applikazzjoni mill-konverżjoni ta’ strumenti kapitali.

Artikolu 36

Rata tal-konverżjoni ta’ dejn ma’ ekwità

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeżerċitaw l-għodod speċifikati fl-Artikolu 34(1) u s-setgħat speċifikati fil-punt (g) tal-Artikolu 40(1), huma jistgħu japplikaw rata ta’ konverżjoni differenti għal klassijiet differenti ta’ strumenti kapitali u ta’ obbligazzjonijiet f’konformità ma’ wieħed mill-prinċipji li ġejjin jew mat-tnejn li huma:

(a)ir-rata tal-konverżjoni tkun tirrappreżenta kumpens xieraq lill-kreditur affettwat għal kwalunkwe telf imġarrab permezz tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni;

(b)ir-rata ta’ konverżjoni applikabbli għal obbligazzjonijiet li jitqiesu bħala superjuri skont il-liġi applikabbli dwar l-insolvenza tkun ogħla mir-rata ta’ konverżjoni applikabbli għal obbligazzjonijiet subordinati.

Artikolu 37

Dispożizzjonijiet addizzjonali li jirregolaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni

1.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni f’konformità mal-prijorità tal-pretensjonijiet applikabbli taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, b’mod li jipproduċi r-riżultati li ġejjin:

(a)L-elementi tal-Grad 1 jitnaqqsu l-ewwel, fi proporzjon mat-telf u sal-punt tal-kapaċità tagħhom u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tieħu waħda mill-azzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 35(1), jew it-tnejn li huma, fir-rigward tad-detenturi ta’ strumenti tal-Grad 1;

(b)l-ammont ta’ kapital ta’ strumenti tal-Grad 2 issirlu valwazzjoni negattiva jew jiġi kkonvertit fi strumenti tal-Grad 1 jew it-tnejn li huma, sal-punt meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 jew sal-punt tal-kapaċità tal-istrumenti ta’ kapital rilevanti, skont liema minnhom ikun l-aktar baxx;

(c)l-ammont ta’ kapital ta’ strumenti tal-Grad 3 issirlu valwazzjoni negattiva jew jiġi kkonvertit fi strumenti tal-Grad 1 jew it-tnejn li huma, sal-punt meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 jew sal-punt tal-kapaċità tal-istrumenti ta’ kapital rilevanti, skont liema minnhom ikun l-aktar baxx;

(d)l-ammont ta’ kapital jew l-ammont pendenti pagabbli fir-rigward tal-bqija tal-obbligazzjonijiet eliġibbli f’konformità mal-ġerarkija tal-pretensjonijiet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza, inkluża l-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni prevista fl-Artikolu 275(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, jiġi valwat jew ikkonvertit fi strumenti tal-Grad 1 jew it-tnejn, sal-punt meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18.

Meta l-livell ta’ valwazzjoni negattiva bbażat fuq il-valwazzjoni provviżorja kif imsemmija fl-Artikolu 25 jinstab li jaqbeż ir-rekwiżiti meta jiġi vvalutat skont il-valwazzjoni definittiva kif imsemmija fl-Artikolu 24(2), jista’ jiġi applikat mekkaniżmu ta’ valwazzjoni pożittiva għar-rimborż tal-kredituri u, sussegwentement, tal-azzjonisti, sa fejn ikun neċessarju.

Meta jiddeċiedu dwar jekk l-obbligazzjonijiet għandhomx jiġu valwati negattivament jew jiġux ikkonvertiti f’ekwità, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx jikkonvertu klassi waħda ta’ obbligazzjonijiet, filwaqt li klassi ta’ obbligazzjonijiet li tkun subordinata għall-klassi tibqa’ mhux konvertita f’ekwità jew mhux valwata negattivament.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pretensjonijiet kollha li jirriżultaw minn entrati ta’ fondi proprji jkollhom, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jirregolaw il-proċedimenti ta’ insolvenza normali, klassifikazzjoni ta’ prijorità inferjuri għal dik ta’ kwalunkwe pretensjoni li ma tirriżultax minn entrata ta’ fondi proprji. Għall-finijiet ta’ dan is-subparagrafu, sa fejn strument huwa biss parzjalment rikonoxxut bħala entrata ta’ fondi proprji, l-istrument kollu għandu jiġi ttrattat bħala pretensjoni li tirriżulta minn elementi ta’ fondi proprji u għandu jkollu klassifikazzjoni inferjuri minn kwalunkwe pretensjoni li ma tirriżultax minn entrata ta’ fondi proprji.

2.Meta l-ammont ta’ kapital ta’ strument kapitali rilevanti jew l-ammont ta’ kapital ta’ strument ta’ dejn jew ta’ obbligazzjoni eliġibbli oħra jiġi valwat negattivament, għandu japplika dan li ġej:

(a)it-tnaqqis li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni għandu jkun permanenti, soġġett għal kwalunkwe valwazzjoni pożittiva f’konformità mal-mekkaniżmu ta’ rimborż imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)l-ebda obbligazzjoni lejn id-detentur tal-istrument kapitali, tal-istrument ta’ dejn jew ta’ obbligazzjoni eliġibbli oħra rilevanti ma għandha tibqa’ taħt jew marbuta ma’ dak l-ammont tal-istrument, li jkun ġie valwat negattivament, ħlief għal kwalunkwe obbligazzjoni diġà dovuta, u kwalunkwe obbligazzjoni għal danni li jistgħu jinħolqu bħala riżultat ta’ appell li jikkontesta l-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa tal-valwazzjoni negattiva;

(c)ma għandu jitħallas l-ebda kumpens lil kwalunkwe detentur tal-istrument kapitali, tal-istrument ta’ dejn jew ta’ obbligazzjoni eliġibbli oħra rilevanti minbarra f’konformità mal-paragrafu 3.

3.Sabiex titwettaq konverżjoni tal-istrumenti kapitali, tal-istrumenti ta’ dejn jew ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn ikkonċernati f’konformità mal-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jirrikjedu lill-impriżi u lill-entitajiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni msemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li joħorġu strumenti tal-Grad 1 lid-detenturi tal-istrumenti kapitali, tal-istrumenti ta’ dejn jew ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn ikkonċernati.

L-istrumenti kapitali, l-istrumenti ta’ dejn jew obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn ikkonċernati jistgħu jiġu kkonvertiti biss meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-istrumenti tal-Grad 1 jinħarġu mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, mill-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), jew mill-kumpanija omm bil-qbil tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni rilevanti;

(b)l-istrumenti tal-Grad 1 jinħarġu qabel kwalunkwe ħruġ ta’ ishma jew ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn minn dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew minn dik l-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) għall-finijiet tal-għoti ta’ fondi proprji mill-Istat jew minn entità governattiva;

(c)l-istrumenti tal-Grad 1 jingħataw u jiġu ttrasferiti mingħajr dewmien wara l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ konverżjoni;

(d)ir-rata ta’ konverżjoni li tiddetermina n-numru ta’ strumenti tal-Grad 1 li huma pprovduti fir-rigward ta’ kull strument kapitali, strument ta’ dejn jew obbligazzjoni eliġibbli oħra rilevanti tikkonforma mal-Artikolu 36.

4.Għall-finijiet tal-forniment ta’ strumenti tal-Grad 1 f’konformità mal-paragrafu 3, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ titlob lill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u lill-entitajiet imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) sabiex iżommu f’kull ħin l-awtorizzazzjoni minn qabel neċessarja sabiex joħorġu n-numru rilevanti ta’ strumenti tal-Grad 1.

Artikolu 38

Effett ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tapplika l-għodda u s-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni f’konformità mal-Artikolu 34(1) u mal-punti (f) sa (j) tal-Artikolu 40(1), it-tnaqqis tal-ammont ta’ kapital jew tal-ammont pendenti dovut, il-konverżjoni jew il-kanċellazzjoni tidħol fis-seħħ u tkun immedjatament vinkolanti fuq l-impriża taħt riżoluzzjoni u fuq il-kredituri u fuq l-azzjonisti affettwati.

2.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tlesti jew titlob li jitlestew il-kompiti proċedurali u amministrattivi kollha neċessarji sabiex jingħata effett lill-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva u ta’ konverżjoni, inklużi:

(a)l-emenda tar-reġistri kollha kkonċernati;

(b)it-tneħħija mill-elenkar jew it-tneħħija mill-kummerċ ta’ ishma jew ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn jew ta’ strumenti ta’ dejn;

(c)l-elenkar jew l-ammissjoni għall-kummerċ ta’ ishma jew ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn ġodda;

(d)l-elenkar mill-ġdid jew ir-riammissjoni ta’ kwalunkwe strument ta’ dejn li ġie valwat negattivament, mingħajr ir-rekwiżit ta’ ħruġ ta’ prospett kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 33 .

3.Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas għal żero l-ammont ta’ kapital jew l-ammont pendenti pagabbli fir-rigward ta’ obbligazzjoni permezz tas-setgħa msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 40(1), dik l-obbligazzjoni u kwalunkwe obbligu jew pretensjoni li jirriżultaw f’relazzjoni magħha li ma humiex dovuti fil-mument meta tiġi eżerċitata s-setgħa għandhom jiġu ttrattati bħala mħallsin għalkollox, u ma għandhomx ikunu jistgħu jiġu pprovati fi kwalunkwe proċediment sussegwenti fir-rigward tal-impriża taħt riżoluzzjoni jew ta’ kwalunkwe entità suċċessur fi kwalunkwe stralċ sussegwenti.

4.Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tnaqqas parzjalment, imma mhux għalkollox, l-ammont ta’ kapital jew l-ammont pagabbli pendenti fir-rigward ta’ obbligazzjoni permezz tas-setgħa msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 40(1):

(a)l-obbligazzjoni għandha tiġi rrilaxxata sal-punt tal-ammont imnaqqas;

(b)l-istrument rilevanti jew il-ftehim li ħoloq l-obbligazzjoni oriġinali għandu jkompli japplika fir-rigward tal-ammont ta’ kapital residwu, jew tal-ammont pendenti pagabbli fir-rigward tal-obbligazzjoni, soġġett għal kwalunkwe modifika tal-ammont tal-interess pagabbli sabiex tirrifletti t-tnaqqis tal-ammont ta’ kapital, u kwalunkwe modifika ulterjuri fit-termini li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tagħmel permezz tas-setgħa msemmija fil-punt (k) tal-Artikolu 40(1).

Artikolu 39

Tneħħija tal-ostakli proċedurali għall-valwazzjoni negattiva u għall-konverżjoni

1.Meta tiġi applikata l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni, fejn applikabbli, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-impriżi u lill-entitajiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) iżommu f’kull ħin ammont suffiċjenti ta’ kapital tal-ishma awtorizzat jew ta’ strumenti oħrajn tal-Grad 1 sabiex jiżguraw li dawk l-impriżi u l-entitajiet ma jinżammux milli joħorġu ishma ġodda jew strumenti ta’ sjieda oħrajn suffiċjenti sabiex bl-għan li jiġi żgurat li l-konverżjoni tal-obbligazzjonijiet f’ishma jew fi strumenti ta’ sjieda oħrajn tkun tista’ titwettaq b’mod effettiv.

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 fil-kuntest tal-iżvilupp u tal-manutenzjoni tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 9 u mal-Artikolu 10.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impediment proċedurali għall-konverżjoni tal-obbligazzjonijiet f’ishma jew fi strumenti ta’ sjieda oħrajn li jeżistu minħaba l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni jew l-istatuti tagħhom, inklużi jeddijiet ta’ prelazzjoni għall-azzjonisti jew rekwiżiti għall-kunsens tal-azzjonisti sabiex jiżdied il-kapital.

KAPITOLU IV
Setgħat ta’ riżoluzzjoni

Artikolu 40

Setgħat ġenerali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħat kollha neċessarji sabiex japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u għall-entitajiet imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(1) jew 20(3), kif ikun applikabbli. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkollhom is-setgħat ta’ riżoluzzjoni li ġejjin, li jistgħu jeżerċitaw individwalment jew fi kwalunkwe taħlita:

(a)is-setgħa li jitolbu lil kwalunkwe persuna tipprovdi kwalunkwe informazzjoni rikjesta mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni sabiex jiddeċiedu u jħejju azzjoni ta’ riżoluzzjoni, inklużi aġġornamenti u supplimenti ta’ informazzjoni pprovduta fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u inkluża informazzjoni li tingħata permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post;

(b)is-setgħa li jieħdu kontroll ta’ impriża taħt riżoluzzjoni u li jeżerċitaw id-drittijiet u s-setgħat kollha mogħtijin lill-azzjonisti, lil sidien oħrajn u lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża taħt riżoluzzjoni;

(c)is-setgħa li jirtiraw l-awtorizzazzjoni għall-kitba ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ġodda u li jqiegħdu impriża taħt riżoluzzjoni fi proċedura ta’ run-off solventi ordnata u li jtemmu l-attivitajiet tagħha;

(d)is-setgħa li jittrasferixxu ishma jew strumenti ta’ sjieda oħrajn maħruġin minn impriża taħt riżoluzzjoni;

(e)is-setgħa li jittrasferixxu lil entità oħra, bil-kunsens ta’ dik l-entità, drittijiet, assi jew obbligazzjonijiet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni;

(f)is-setgħa ta’ ristrutturar ta’ pretensjonijiet tal-assigurazzjoni jew ta’ tnaqqis, inkluż it-tnaqqis għal żero, tal-ammont ta’ kapital ta’ jew tal-ammont pendenti dovut fir-rigward ta’ strumenti ta’ dejn u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli, inklużi pretensjonijiet tal-assigurazzjoni, ta’ impriża taħt riżoluzzjoni;

(g)bl-eċċezzjoni tal-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni, is-setgħa li jikkonvertu l-istrumenti ta’ dejn u l-obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ impriża taħt riżoluzzjoni f’ishma ordinarji jew fi strumenti ta’ sjieda oħrajn ta’ dik l-impriża jew l-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) ta’ kumpanija omm rilevanti jew ta’ impriża tranżitorja li lilha jiġu ttrasferiti l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1);

(h)is-setgħa li jikkanċellaw strumenti ta’ dejn maħruġin minn impriża taħt riżoluzzjoni ħlief għal obbligazzjonijiet garantiti soġġetti għall-Artikolu 34(5);

(i)is-setgħa li jnaqqsu, inkluż inaqqsu għal żero, l-ammont nominali ta’ ishma jew ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn ta’ impriża taħt riżoluzzjoni u li jikkanċellaw tali ishma jew strumenti ta’ sjieda oħrajn;

(j)is-setgħa li jesiġu li istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew kumpanija omm rilevanti toħroġ ishma jew strumenti ta’ sjieda oħrajn ġodda, jew strumenti kapitali oħrajn, inklużi ishma privileġġati u strumenti konvertibbli kontinġenti;

(k)is-setgħa li jemendaw jew jibdlu l-maturità ta’ strumenti ta’ dejn u ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn maħruġin minn impriża taħt riżoluzzjoni jew jemendaw l-ammont ta’ mgħax pagabbli fl-ambitu ta’ dawn l-istrumenti u obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn, jew id-data li fiha l-imgħax isir pagabbli, inkluż billi jissospendu l-ħlas għal perjodu temporanju;

(l)is-setgħa li jagħlqu u jtemmu kuntratti finanzjarji, jew derivattivi kif iddefiniti fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(m)is-setgħa li jneħħu jew ibiddlu l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju u l-maniġment superjuri ta’ impriża taħt riżoluzzjoni;

(n)is-setgħa li teħtieġ lill-awtorità superviżorja tivvaluta lill-akkwirent ta’ parteċipazzjoni kwalifikanti fil-ħin permezz ta’ deroga mil-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2009/138/KE.

2.l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li, meta japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma jkunu soġġetti għall-ebda rekwiżit li ġejjin, li kieku jkunu japplikaw minħabba d-dritt nazzjonali jew kuntratti jew xort’oħra:

(a)soġġetti għall-Artikolu 3(8) u għall-Artikolu 65(1), ir-rekwiżiti li jiksbu approvazzjoni jew kunsens mingħand kwalunkwe persuna kemm pubblika jew privata, inklużi l-azzjonisti, il-kredituri jew id-detenturi ta’ poloz tal-impriża taħt riżoluzzjoni;

(b)qabel l-eżerċizzju tas-setgħa, ir-rekwiżiti proċedurali li jinnotifikaw lil kwalunkwe persuna inkluż kwalunkwe rekwiżit ta’ pubblikazzjoni ta’ avviż jew ta’ prospett jew ta’ ffajljar jew ta’ reġistrazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ma’ kwalunkwe awtorità oħra.

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 61 u 63 u għal kwalunkwe rekwiżit ta’ notifika taħt il-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa fejn kwalunkwe waħda mis-setgħat elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma tkunx applikabbli għal entità fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva bħala riżultat tal-forma ġuridika speċifika tiegħu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkollhom setgħat li jkunu simili kemm jista’ jkun, inkluż f’termini tal-effetti tagħhom.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 3, is-salvagwardji previsti fil-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva, jew is-salvagwardji li jwasslu l-istess effett, għandhom jiġu applikati għall-persuni milqutin, inklużi l-azzjonisti, il-kredituri, id-detenturi ta’ poloz u l-kontropartijiet.

Artikolu 41

Setgħat anċillari

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, meta jeżerċitaw setgħa ta’ riżoluzzjoni, ikollhom is-setgħa li jagħmlu dan kollu li ġej:

(a)soġġetti għall-Artikolu 58, jipprovdu li t-trasferiment rilevanti jseħħ ħieles minn kwalunkwe obbligazzjoni jew tfixkil li jaffettwa l-istrumenti finanzjarji, id-drittijiet, l-assi jew l-obbligazzjonijiet ittrasferiti;

(b)ineħħu d-drittijiet għall-akkwist ta’ kwalunkwe sehem jew strument ta’ sjieda ieħor addizzjonali;

(c)jesiġu li l-awtorità kkonċernata twaqqaf jew tissospendi l-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat fl-elenkar uffiċjali ta’ strumenti finanzjarji skont id-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 ;

(d)jipprevedu li r-riċevitur jiġi ttrattat daqslikieku dak ir-riċevitur kien l-impriża taħt riżoluzzjoni għall-finijiet ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu ta’, jew azzjonijiet meħudin mill-impriża taħt riżoluzzjoni, inkluż, soġġett għall-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju u tal-għodda ta’ impriża tranżitorja msemmija fl-Artikoli 31 u 32, kwalunkwe dritt jew obbligu relatat mal-parteċipazzjoni f’infrastruttura tas-suq;

(e)jeħtieġu lill-impriża taħt riżoluzzjoni jew lir-riċevitur jipprovdu b’informazzjoni u b’assistenza lil xulxin;

(f)jikkanċellaw jew jimmodifikaw it-termini ta’ kuntratt li għalih l-impriża taħt riżoluzzjoni tkun parti jew jissostitwixxu riċevitur bħala parti;

(g)jittrasferixxu kwalunkwe dritt ta’ riassigurazzjoni li jkopri l-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-impriża tar-riassigurazzjoni fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tittrasferixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-impriża taħt riżoluzzjoni sħiħa jew parzjalment lil entità oħra.

Għall-finijiet tal-punt (a), kwalunkwe dritt għal kumpens ipprovdut f’konformità ma’ din id-Direttiva ma għandux jitqies bħala obbligazzjoni jew tfixkil.

2.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 fejn iqisu li tali eżerċizzju jkun xieraq sabiex jiġi żgurat li azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun effettiva jew sabiex jintlaħaq wieħed jew aktar mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jeżerċitaw setgħa ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa jipprovdu għall-arranġamenti ta’ kontinwità neċessarji sabiex jiżguraw li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun effettiva u, fejn rilevanti, sabiex jiżguraw li n-negozju ttrasferit jista’ jkun operat mir-riċevitur. Arranġamenti ta’ kontinwità bħal dawn għandhom jinkludu, partikolarment:

(a)il-kontinwità ta’ kuntratti konklużi mill-impriża taħt riżoluzzjoni, sabiex ir-riċevitur jassumi d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-impriża taħt riżoluzzjoni relatati ma’ kwalunkwe strument finanzjarju, dritt, assi jew obbligazzjoni li ġiet ittrasferiti u hija ssostitwita għall-impriża taħt riżoluzzjoni, kemm jekk espressament jew impliċitament, fid-dokumenti kuntrattwali rilevanti kollha;

(b)is-sostituzzjoni tar-riċevitur mal-impriża taħt riżoluzzjoni fi kwalunkwe proċediment legali b’rabta ma’ kwalunkwe strument finanzjarju, dritt, assi jew obbligazzjoni li ġiet ittrasferita.

4.Is-setgħat imsemmijin fil-punt (d) tal-paragrafu 1, u fil-punt (b) tal-paragrafu 3 ma għandhomx jaffettwaw dawn li ġejjin:

(a)id-dritt ta’ impjegat tal-impriża taħt riżoluzzjoni li jittermina kuntratt ta’ impjieg;

(b)soġġett għall-Artikoli 47, 48 u 49, kwalunkwe dritt ta’ parti għal kuntratt li teżerċita drittijiet skont il-kuntratt, inkluż id-dritt li ttemm, fejn intitolata tagħmel hekk f’konformità mat-termini tal-kuntratt minħabba att jew ommissjoni mill-impriża taħt riżoluzzjoni qabel it-trasferiment rilevanti, jew mir-riċevitur wara t-tlestija tat-trasferiment ikkonċernat.

Artikolu 42

Immaniġġjar speċjali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jaħtru maniġer speċjali sabiex jissostitwixxi l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża taħt riżoluzzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-maniġer speċjali jkollu l-kwalifiki, l-abbiltà u l-għarfien sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

2.Il-maniġer speċjali għandu jkollu s-setgħat kollha tal-azzjonisti u tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni. Il-maniġer speċjali għandu jeżerċita dawk is-setgħat biss taħt il-kontroll tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni. L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tillimita l-azzjonijiet tal-maniġer speċjali jew teħtieġ kunsens minn qabel għal ċerti atti.

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tippubblika l-ħatra msemmija fil-paragrafu 1 u t-termini u l-kundizzjonijiet marbutin ma’ dik il-ħatra.

3.Il-maniġer speċjali għandu jkollu d-dmir statutorju li jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jippromwovi l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 u jimplimenta azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni meħudin mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Fil-każ ta’ inkonsistenza jew ta’ kunflitt ma’ kwalunkwe dmir ieħor ta’ ġestjoni stabbilit fl-istatuti tal-impriża jew fid-dritt nazzjonali, dak id-dmir statutorju għandu jipprevali tali dmir ieħor.

4.L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-maniġer speċjali jfassal rapporti għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-ħatra li tkun ħatritu f’intervalli regolari stabbiliti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u fil-bidu u fit-tmiem tal-mandat tiegħu. Dawk ir-rapporti għandhom jiddeskrivu fid-dettall is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża taħt riżoluzzjoni u jiddikjaraw ir-raġunijiet għall-miżuri meħudin.

5.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tneħħi lill-maniġer speċjali fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 43

Setgħa li jiġi meħtieġ il-forniment ta’ servizzi u ta’ faċilitajiet operazzjonali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jesiġu li impriża taħt riżoluzzjoni, jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet tal-grupp tagħha, tipprovdi kwalunkwe servizz jew faċilità operazzjonali li hija meħtieġa sabiex riċevitur ikun jista’ jopera b’mod effettiv in-negozju ttrasferit lilu b’mod effettiv, inkluż meta l-impriża taħt riżoluzzjoni jew l-entità fi grupp rilevanti tkun daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tagħhom ikollhom is-setgħat li jinfurzaw l-obbligi imposti, skont il-paragrafu 1, fuq entitajiet fi grupp stabbiliti fit-territorju tagħhom minn awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

3.Is-servizzi u l-faċilitajiet operazzjonali pprovduti f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu skont it-termini li ġejjin:

(a)meta s-servizzi u l-faċilitajiet operazzjonali jkunu ġew ipprovduti lill-impriża taħt riżoluzzjoni skont ftehim qabel ma ttieħdet azzjoni ta’ riżoluzzjoni u għad-durata ta’ dak il-ftehim, bl-istess termini;

(b)meta ma jkun jeżisti l-ebda ftehim jew fejn il-ftehim ikun skada, b’termini raġonevoli.

Artikolu 44

Setgħa li jiġu infurzati miżuri ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet minn Stati Membri oħrajn

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn trasferiment ta’ strumenti ta’ sjieda, jew ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet jinkludi attivi li jinsabu fi Stat Membru differenti mill-Istat tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew jinkludi drittijiet jew obbligazzjonijiet skont id-dritt ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, it-trasferiment ikollu effett fi jew skont id-dritt ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

2.L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tkun għamlet jew biħsiebha tagħmel it-trasferiment bl-assistenza raġonevoli kollha sabiex jiżguraw li l-istrumenti ta’ sjieda jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet jiġu ttrasferit lir-riċevitur f’konformità ma’ kwalunkwe rekwiżit applikabbli tad-dritt nazzjonali.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li azzjonisti, kredituri u partijiet terzi li huma affettwati bi trasferiment ta’ ishma, ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn, ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet kif imsemmijin fil-paragrafu 1 ma għandhomx dritt jimpedixxu, jikkontestaw, jew jannullaw it-trasferiment taħt kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru fejn ikunu jinsabu l-assi jew tad-dritt li tirregola strumenti ta’ sjieda oħrajn, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitnaqqas l-ammont ta’ kapital ta’ strumenti kapitali, ta’ strumenti ta’ dejn jew ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn, jew li tali obbligazzjonijiet jew strumenti jiġu kkonvertiti, f’konformità mal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni minn awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ Stat Membru ieħor għal impriża taħt riżoluzzjoni, fejn l-obbligazzjonijiet jew l-istrumenti rilevanti:

(a)ikunu rregolati bil-liġi ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li eżerċitat is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni;

(b)ikunu dovuti lil kredituri li jinsabu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li eżerċitat is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kredituri li jkunu affettwati mill-eżerċizzju ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni msemmi fil-paragrafu 4 ma jkunux intitolati jikkontestaw it-tnaqqis tal-ammont ta’ kapital tal-istrument jew tal-obbligazzjonijiet jew il-konverżjoni tiegħu, skont kif ikun il-każ, taħt kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Istat Membru għajr tal-Ista Membru tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tkun eżerċitat is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni.

6.Kull Stat Membru għandu jiżgura li dawn kollha li ġejjin jiġu ddeterminati f’konformità mad-dritt tal-Istat Membru tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni:

(a)id-dritt tal-azzjonisti, tal-kredituri u tal-partijiet terzi li jikkontestaw permezz ta’ appell kif stabbilit fl-Artikolu 65, trasferiment ta’ ishma, ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn, jew ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)id-dritt tal-kredituri li jikkontestaw permezz ta’ appell kif stabbilit fl-Artikolu 65, it-tnaqqis tal-ammont ta’ kapital, jew il-konverżjoni, ta’ strument jew ta’ obbligazzjoni kopert(a) mill-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu;

(c)is-salvagwardji għal trasferimenti parzjali, kif imsemmi fil-Kapitolu V, fir-rigward ta’ assi, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

Artikolu 45

Setgħa fir-rigward ta’ assi, ta’ drittijiet, ta’ obbligazzjonijiet, ta’ ishma u ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn li jinsabu f’pajjiżi terzi jew irregolati bil-liġi tagħhom

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li, f’każijiet li fihom azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun tinvolvi t-teħid ta’ azzjoni f’dak li jirrigawarda assi li jinsabu f’pajjiż terz jew ishma, strumenti ta’ sjieda oħrajn, drittijiet jew obbligazzjonijiet irregolati bil-liġi ta’ pajjiż terz, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jesiġu li:

(a)il-persuna li teżerċita kontroll fuq l-impriża taħt riżoluzzjoni u r-riċevitur jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni ssir effettiva;

(b)il-persuna li teżerċita l-kontroll fuq l-impriża taħt riżoluzzjoni żżomm l-ishma, strumenti ta’ sjieda oħrajn, l-assi jew id-drittijiet jew tirrilaxxa l-obbligazzjonijiet f’isem ir-riċevitur sakemm l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni ssir effettiva;

(c)l-ispejjeż raġonevoli tar-riċevitur korrettament imġarrbin fit-twettiq ta’ kwalunkwe azzjoni meħtieġa skont il-punti (a) u (b) jitħallsu fi kwalunkwe wieħed mill-modi msemmijin fl-Artikolu 26(5).

2.Sabiex tiġi ffaċilitata azzjoni potenzjali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi u l-entitajiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni msemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) jinkludu fil-ftehimiet relatati termini kuntrattwali li permezz tagħhom l-azzjonisti, il-kredituri jew il-partijiet għall-ftehim li joħloq l-obbligazzjoni jirrikonoxxu li l-obbligazzjoni tista’ tkun soġġetta għal setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni u jaqblu li jkunu marbutin bi kwalunkwe tnaqqis tal-ammont ta’ kapital jew pendenti dovut, konverżjoni jew kanċellazzjoni li ssir fid-dawl tal-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat minn awtorità ta’ riżoluzzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jirrikjedu lill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u lill-entitajiet kif imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), jipprovdu lil dawk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni b’opinjoni legali motivata minn espert legali indipendenti li jikkonferma l-eżegwibilità u l-effettività legali tat-tali termini kuntrattwali.

3.Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tivvaluta li, minkejja l-passi kollha neċessarji meħudin mill-persuna li teżerċita kontroll fuq l-impriża taħt riżoluzzjoni f’konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 1, ikun improbabbli ħafna li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni ssir effettiva fir-rigward ta’ ċerti assi li jinsabu f’pajjiż terz jew ta’ ċerti ishma, ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn, ta’ drittijiet jew ta’ obbligazzjonijiet irregolati bil-liġi ta’ pajjiż terz, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma għandhiex tipproċedi bl-azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun diġà ordnat l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, dik l-ordni għandha tkun nulla fir-rigward tal-assi, tal-ishma, tal-istrumenti ta’ sjieda, tad-drittijiet jew tal-obbligazzjonijiet ikkonċernati.

Artikolu 46

Esklużjoni ta’ ċerti termini kuntrattwali

1.Miżura ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet jew miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet meħuda fir-rigward ta’ entità, inkluża l-okkorrenza ta’ kwalunkwe avveniment marbut direttament mal-applikazzjoni ta’ tali miżura, ma għandhiex titqies, minnha nnifisha, taħt kuntratt konkluż mill-entità kkonċernata, bħala avveniment ta’ infurzar skont it-tifsira tad-Direttiva 2002/47/KE jew proċedimenti ta’ insolvenza skont it-tifsira tad-Direttiva 98/26/KE, dment li l-obbligi sostantivi skont dak il-kuntratt, inklużi l-obbligi ta’ ħlas u ta’ konsenja u l-forniment ta’ kollateral, ikomplu jitwettqu.

Barra minn hekk, miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet jew miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet ma għandhiex, fiha nnifisha, titqies bħala avveniment ta’ infurzar skont it-tifsira tad-Direttiva 2002/47/KE jew proċedimenti ta’ insolvenza skont it-tifsira tad-Direttiva 98/26/KE skont kuntratt konkluż minn:

(a)sussidjarja, fejn il-kumpanija omm jew kwalunkwe entità fi grupp tiggarantixxi jew inkella tappoġġa l-obbligi skont dak il-kuntratt; jew

(b)kwalunkwe entità fi grupp, meta l-kuntratt ikun fih dispożizzjonijiet ta’ inadempjenza indiretta.

2.Meta l-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiż terz jiġu rrikonoxxuti skont l-Artikolu 73, jew, fin-nuqqas ta’ tali rikonoxximent, meta awtorità ta’ riżoluzzjoni tiddeċiedi hekk, il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiż terz għandhom jikkostitwixxu miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu.

3.Dment li l-obbligi sostantivi skont il-kuntratt, inklużi l-obbligi ta’ ħlas u ta’ konsenja, u l-forniment ta’ kollateral, ikomplu jitwettqu, miżura ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet, jew miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet, inkluż kwalunkwe avveniment marbut direttament mal-applikazzjoni ta’ tali miżura, ma għandhiex, fiha nnifisha, tagħmilha possibbli għal kwalunkwe persuna li:

(a)teżerċita xi dritt ta’ terminazzjoni, ta’ sospensjoni, ta’ modifika, ta’ netting jew ta’ tpaċija, inkluż fir-rigward ta’ kuntratt konkluż minn:

(i)sussidjarja, meta l-obbligi skont il-kuntratt ikunu ggarantiti jew altrimenti appoġġati minn entità fi grupp;

(ii)kwalunkwe entità fi grupp, meta l-kuntratt ikun fih dispożizzjonijiet ta’ inadempjenza indiretta;

(b)tikseb pussess, jteżerċita kontroll jew tinfurza kwalunkwe garanzija fuq kwalunkwe proprjetà tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) ikkonċernata jew kwalunkwe entità fi grupp fir-rigward ta’ kuntratt li jkun fih klawżoli ta’ inadempjenza indiretta;

(c)taffettwa kwalunkwe dritt kuntrattwali tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) ikkonċernati jew ta’ kwalunkwe entità fi grupp fir-rigward ta’ kuntratt li jkun fih klawżoli ta’ inadempjenza indiretta.

4.Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jaffettwaw id-dritt ta’ persuna li tieħu azzjoni kif imsemmi fil-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 3 meta dak id-dritt jirriżulta minħabba avveniment għajr il-miżura ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet, il-miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet, jew bis-saħħa ta’ kwalunkwe avveniment marbut direttament mal-applikazzjoni ta’ miżura bħal din.

5.Sospensjoni jew restrizzjoni skont l-Artikoli 47 jew 48 ma għandhiex tikkostitwixxi ksur ta' obbligu kuntrattwali għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 49(1).

6.Id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala dispożizzjonijiet obbligatorji li jieħdu preċedenza fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 .

Artikolu 47

Setgħa ta’ sospensjoni ta’ ċerti obbligi

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa jissospendu kwalunkwe obbligu ta’ ħlas jew ta’ konsenja skont kwalunkwe kuntratt li impriża taħt riżoluzzjoni tkun parti fih mill-pubblikazzjoni tal-avviż tas-sospensjoni f’konformità mal-Artikolu 63(3) sa nofsillejl fl-Istat Membru fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-impriża taħt riżoluzzjoni sa tmiem il-ġurnata ta’ negozju wara dik il-pubblikazzjoni.

2.Obbligu ta’ ħlas jew ta’ konsenja kien ikun dovut matul il-perjodu ta’ sospensjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun dovut immedjatament mal-iskadenza tal-perjodu tas-sospensjoni.

3.Meta impriża taħt l-obbligi ta’ ħlas jew ta’ konsenja ta’ riżoluzzjoni skont kuntratt tiġi sospiża f’konformità mal-paragrafu 1, l-obbligi ta’ ħlas jew ta’ konsenja tal-impriża taħt il-kontropartijiet ta’ riżoluzzjoni skont dak il-kuntratt għandhom jiġu sospiżi għall-istess perjodu ta’ żmien.

4.Kwalunkwe sospensjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal obbligi ta’ ħlas u ta’ konsenja dovuti għal dawn li ġejjin:

(a)sistemi u operaturi ta’ sistemi ddeżinjati f’konformità mad-Direttiva 98/26/KE;

(b)CCPs awtorizzati fl-Unjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u CCPs ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti mill-ESMA skont l-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament.

5.Meta jeżerċitaw setgħa li taqa’ taħt dan l-Artikolu, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom iqisu l-impatt li jista’ jkollu l-eżerċizzju ta’ dik is-setgħa.

L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik is-setgħa filwaqt li jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

Artikolu 48

Setgħa li tiġi ristretta l-eżekuzzjoni tal-interessi ta’ garanzija

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jirrestrinġu lill-kredituri garantiti ta’ impriża taħt riżoluzzjoni milli jeżegwixxu l-interessi ta’ garanzija fir-rigward ta’ kwalunkwe assi ta’ dik l-impriża mill-pubblikazzjoni ta’ avviż tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 63(3) sa nofsillejl fl-Istat Membru tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-impriża taħt riżoluzzjoni fi tmiem il-jum ta’ negozju wara dik il-pubblikazzjoni.

2.Kwalunkwe restrizzjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal:

(a)interess ta’ garanzija ta’ sistemi jew ta’ operaturi ta’ sistemi deżinjati għall-finijiet tad-Direttiva 98/26/KE;

(b)CCPs awtorizzati fl-Unjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti mill-ESMA skont l-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament.

3.Meta jkun japplika l-Artikolu 60, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe restrizzjoni imposta skont is-setgħa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun konsistenti għall-entitajiet kollha fi grupp li fir-rigward tagħhom tittieħed azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 49

Setgħa li jiġu sospiżi temporanjament id-drittijiet għat-terminazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jissospendu d-drittijiet ta’ terminazzjoni ta’ kwalunkwe parti għal kuntratt ma’ impriża taħt riżoluzzjoni mill-pubblikazzjoni tal-avviż f’konformità mal-Artikolu 63(3) sa nofsillejl fl-Istat Membru tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-impriża taħt riżoluzzjoni fi tmiem il-jum ta’ negozju wara dik il-pubblikazzjoni, dment li jkomplu jitwettqu l-obbligi ta’ ħlas u ta’ konsenja u l-forniment ta’ kollateral.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jissospendu d-drittijiet ta’ terminazzjoni ta’ kwalunkwe parti għal kuntratt ma’ sussidjarja ta’ impriża taħt riżoluzzjoni meta tkun tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

(a)l-obbligi fl-ambitu ta’ dak il-kuntratt ikunu ggarantiti jew ikunu b’xi mod ieħor appoġġati mill-impriża taħt riżoluzzjoni;

(b)id-drittijiet ta’ terminazzjoni fl-ambitu ta’ dak il-kuntratt ikunu bbażati unikament fuq l-insolvenza jew fuq il-kundizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(c)fil-każ ta’ setgħa ta’ trasferiment li tkun ġiet jew tista’ tkun ġiet eżerċitata fir-rigward tal-impriża taħt riżoluzzjoni, jew:

(i)l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tas-sussidjarja marbutin ma’ dak il-kuntratt ikunu ġew jew jistgħu jkunu ġew ittrasferiti lir-riċevitur u assunti minnu; jew

(ii)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tagħti fi kwalunkwe mod ieħor protezzjoni adegwata għal tali obbligi.

Is-sospensjoni tad-drittijiet ta’ terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-pubblikazzjoni tal-avviż f’konformità mal-Artikolu 63(3) sa nofsillejl fl-Istat Membru fejn is-sussidjarja tal-impriża taħt riżoluzzjoni tkun stabbilita fil-jum ta’ negozju wara dik il-pubblikazzjoni.

3.L-ebda sospensjoni skont il-paragrafu 1 jew 2 ma għandha tapplika għal:

(a)sistemi jew operaturi ta’ sistemi deżinjati għall-finijiet tad-Direttiva 98/26/KE; jew

(b)CCPs awtorizzati fl-Unjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u kontropartijiet ċentrali ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti mill-ESMA skont l-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament.

4.Persuna tista’ teżerċita dritt ta’ terminazzjoni fl-ambitu ta’ kuntratt qabel tmiem il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 jew 2 meta dik il-persuna tirċievi l-avviż mingħand l-awtorità ta’ riżoluzzjoni li d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet koperti mill-kuntratt ma għandhomx jiġu:

(a)ittrasferiti lil entità oħra; jew

(b)soġġetti għal valwazzjoni negattiva jew għal konverżjoni f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 34(1).

5.Meta awtorità ta’ riżoluzzjoni teżerċita s-setgħa speċifikata fil-paragrafu 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu li tissospendi d-drittijiet ta’ terminazzjoni, u fejn ma jkun ingħata ebda avviż skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, dawk id-drittijiet ta’ terminazzjoni jistgħu jiġu eżerċitati mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sospensjoni, soġġett għall-Artikolu 46, kif ġej:

(a)meta d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet koperti mill-kuntratt ikunu ġew ittrasferiti lil entità oħra, kontroparti tista’ terżerċita dawk id-drittijiet ta’ terminazzjoni f’konformità mat-termini ta’ dak il-kuntratt biss fuq l-okkorrenza ta’ kwalunkwe avveniment kontinwat jew sussegwenti ta’ infurzar mir-riċevitur;

(b)meta d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet koperti mill-kuntratt jibqgħu mal-impriża taħt riżoluzzjoni u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ma tkunx applikat l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni għal dak il-kuntratt għall-finijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 34(1), kontroparti tista’ teżerċita dawk id-drittijiet ta’ terminazzjoni f’konformità mat-termini ta’ dak il-kuntratt mal-iskadenza ta’ sospensjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 50

Rikonoxximent kuntrattwali ta’ setgħat ta’ sospensjoni tar-riżoluzzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi u l-entitajiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), jinkludu fi kwalunkwe kuntratt finanzjarju li jidħlu fih u li huwa rregolat bil-liġi ta’ pajjiż terz, it-termini li bihom il-partijiet jirrikonoxxu li l-kuntratt finanzjarju jista’ jkun soġġett għall-eżerċitar tas-setgħat mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni sabiex tissospendi jew tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi skont l-Artikoli 47, 48, u 49, u jirrikonoxxu li huma marbutin bir-rekwiżiti tal-Artikolu 46.

2.L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu wkoll li l-kumpaniji omm apikali jiżguraw li s-sussidjarji tagħhom ta’ pajjiżi terzi li jkunu impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jew entitajiet imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), jinkludu, fil-kuntratti finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1, it-termini sabiex jiġi eskluż li l-eżerċitar tas-setgħa tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tissospendi jew tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi tal-kumpanija omm apikali, f’konformità mal-paragrafu 1, jikkostitwixxi raġuni valida għat-terminazzjoni bikrija, is-sospensjoni, il-modifika, in-netting, l-eżerċitar ta’ drittijiet ta’ tpaċija jew l-infurzar ta’ interessi ta’ garanzija fuq dawk il-kuntratti.

3.Il-paragrafu 1 għandu japplika għal kwalunkwe kuntratt finanzjarju li:

(a)joħloq obbligu ġdid, jew li jemenda materjalment obbligu eżistenti wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet adottati fil-livell nazzjonali għat-traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu;

(b)jipprevedi l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ terminazzjoni wieħed jew aktar jew drittijiet ta’ infurzar tal-interessi ta’ garanzija, li għalihom japplikaw l-Artikoli 46, 47, 48 jew 49 li kieku l-kuntratt finanzjarju kien rregolat bil-liġijiet ta’ Stat Membru.

4.Il-fatt li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew entità kif imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) ma tinkludix fil-kuntratti finanzjarji tagħha t-termini kuntrattwali msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni milli tapplika s-setgħat imsemmijin fl-Artikoli 46, 47, 48 jew 49 fir-rigward ta’ dak il-kuntratt finanzjarju.

5.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kontenut tat-terminu kuntrattwali msemmi fil-paragrafu 1, filwaqt li tqis il-mudelli kummerċjali differenti tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u tal-entitajiet.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 51

Setgħa li jiġu sospiżi temporanjament id-drittijiet għat-tifdija

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa li jirrestrinġu jew jissospendu temporanjament id-drittijiet ta’ tifdija tad-detenturi ta’ poloz fir-rigward tal-kuntratti tal-assigurazzjoni tal-ħajja miktuba mill-impriża taħt riżoluzzjoni, dment li l-obbligi sostantivi skont il-kuntratti, u b’mod partikolari l-obbligi ta’ ħlas għall-benefiċċju tad-detenturi ta’ poloz, tal-benefiċjarji jew tal-partijiet li jkunu ġarrbu dannu, ikomplu jitwettqu.

2.Is-setgħa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintuża biss sakemm ikun neċessarju sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni waħda jew aktar minn fost dawk imsemmijin fl-Artikolu 26(3). Dik is-setgħa għandha tkun valida għall-perjodu ta’ żmien speċifikat fl-avviż ta’ sospensjoni ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 63(3).

Artikolu 52

Eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw kontroll fuq l-impriża taħt riżoluzzjoni, sabiex:

(a)joperaw u jmexxu l-attivitajiet u s-servizzi tal-impriża taħt riżoluzzjoni bis-setgħat kollha tal-azzjonisti tagħha, u l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju;

(b)jimmaniġġjaw u jiddisponu mill-assi u mill-proprjetà tal-impriża taħt riżoluzzjoni.

Il-kontroll imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista’ jiġi eżerċitat direttament mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew indirettament minn persuna jew minn persuni maħturin mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-vot ikkonferiti mill-ishma jew minn strumenti ta’ sjieda oħrajn tal-impriża taħt riżoluzzjoni ma jkunux jistgħu jiġu eżerċitati waqt il-perjodu ta’ riżoluzzjoni.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, soġġetti għad-dritt ta’ appell imsemmi fl-Artikolu 65(1), ikunu jistgħu jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni permezz ta’ ordni eżekuttiva f’konformità mal-kompetenzi u mal-proċeduri amministrattivi nazzjonali, mingħajr ma jeżerċitaw kontroll fuq l-impriża taħt riżoluzzjoni.

3.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiddeċiedu f’kull każ partikolari jekk huwiex xieraq li jwettqu azzjoni ta’ riżoluzzjoni permezz tal-mezzi speċifikati fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, wara li jikkunsidraw l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 u l-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 22, iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-impriża taħt riżoluzzjoni inkwistjoni u l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni effettiva ta’ gruppi transfruntiera.

4.Ma għandux jitqies li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni huma viċi diretturi jew diretturi de facto skont id-dritt nazzjonali.

KAPITOLU V
Salvagwardji

Artikolu 53

Trattament tal-azzjonisti u tal-kredituri f’każ ta’ trasferimenti parzjali u tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tkun ġiet applikata għodda ta’ riżoluzzjoni waħda jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 26(3), ħlief f’sitwazzjoni deskritta fit-tieni subparagrafu, u meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jittrasferixxu biss partijiet mid-drittijiet, mill-assi u mill-obbligazzjonijiet tal-impriża taħt riżoluzzjoni, l-azzjonisti u l-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ma jkunux ġew ittrasferiti, jirċievu b’sodisfazzjon tal-pretensjonijiet tagħhom tal-anqas dak li kienu jirċievu li kieku l-impriża taħt riżoluzzjoni kienet ġiet stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 62.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tkun ġiet applikata għodda ta’ riżoluzzjoni waħda jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 26(3) u meta l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni japplikaw l-għodda ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni, l-azzjonisti u l-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu ġew valwati negattivament jew ikkonvertiti f’ekwità ma jġarrbux telf akbar milli kieku kienu jġarrbu li kieku l-impriża taħt riżoluzzjoni kienet ġiet stralċata taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza immedjatament fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 62.

Artikolu 54

Valwazzjoni tad-differenza fit-trattament

1.Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta’ jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jirċievu trattament aħjar li kieku l-impriża taħt riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna indipendenti twettaq valwazzjoni mill-aktar fis possibbli wara t-twettiq tal-azzjoni jew tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni. Dik il-valwazzjoni għandha tkun distinta mill-valwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 23.

2.Il-valwazzjoni fil-paragrafu 1 għandha tiddetermina:

(a)it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri, jew l-iskemi rilvanti ta’ garanzija tal-assigurazzjoni, kienu jirċievu kieku l-impriża taħt riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha tkun seħħet l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 62;

(b)it-trattament effettiv li l-azzjonisti u l-kredituri rċevew, fir-riżoluzzjoni tal-impriża taħt riżoluzzjoni;

(c)jekk hemmx xi differenza bejn it-trattament imsemmi fil-punt (a) u t-trattament imsemmi fil-punt (b).

3.Il-valutazzjoni għandha:

(a)tassumi li l-impriża taħt riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha tkun seħħet l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 62;

(b)tassumi li l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni ma daħlux fis-seħħ;

(c)tinjora kwalunkwe dispożizzjoni ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju lill-impriża taħt riżoluzzjoni.

4.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifika l-metodoloġija għat-twettiq tal-valwazzjoni f’dan l-Artikolu, b’mod partikolari l-metodoloġija għall-valutazzjoni tat-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu kieku l-impriża taħt riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti ta’ insolvenza fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 62.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 55

Salvagwardja tal-azzjonisti u tal-kredituri

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-valwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 54 tiddetermina li kwalunkwe azzjonist jew kreditur imsemmi fl-Artikolu 53, jew, fejn rilevanti, l-iskema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni f’konformità mad-dritt nazzjonali applikabbli, ikun ġarrab telf akbar milli kieku kien iġarrab fi stralċ taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, huwa jkollu d-dritt għal pagament tad-differenza.

Artikolu 56

Salvagwardja għall-kontropartijiet fi trasferimenti parzjali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw protezzjoni xierqa tal-arranġamenti li ġejjin u tal-kontropartijiet għall-arranġamenti li ġejjin:

(a)arranġamenti ta’ garanzija, taħt liema persuna jkollha bħala garanzija interess effettiv jew kontinġenti fl-assi jew fid-drittijiet li huma soġġetti għal trasferiment, irrispettivament minn jekk dak l-interess ikunx iggarantit b’assi jew bi drittijiet speċifiċi jew permezz ta’ imposta flessibbli jew arranġament simili;

(b)arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju għat-trasferiment ta’ titoli li taħthom kollateral li jiggarantixxi jew ikopri t-twettiq ta’ obbligi speċifikati jiġi pprovdut bi trasferiment ta’ sjieda sħiħa ta’ attiv minn min jipprovdi l-kollateral lir-riċevitur tal-kollateral, fuq termini li jipprevedu li r-riċevitur tal-kollateral jittrasferixxi attivi meta jitwettqu dawk l-obbligi speċifikati;

(c)arranġamenti ta’ tpaċija, li fihom żewġ pretensjonijiet jew obbligi jew aktar dovuti bejn l-impriża taħt riżoluzzjoni u kontroparti jistgħu jiġu paċuti kontra xulxin;

(d)arranġamenti ta’ netting;

(e)poloz marbutin ma’ unitajiet jew portafolli delimitati oħrajn;

(f)ftehimiet ta’ riassigurazzjoni;

(g)arranġamenti finanzjarji strutturati, inkluż titolizzazzjonijiet u strumenti użati għall-finijiet ta’ ħħeġġjar li jifformaw parti integrali tal-pula tal-kopertura u li skont id-dritt nazzjonali huma ggarantiti u jinvolvu l-għoti u ż-żamma ta’ titoli minn parti fl-arranġament jew minn fiduċjarju, minn aġent jew minn persuna nominata.

Il-forma ta’ protezzjoni li hija xierqa, għall-klassijiet ta’ arranġamenti speċifikati fil-punti (a) sa (g) ta’ dan il-paragrafu u għandha tintgħażel f’konformità mal-Artikoli 57 sa 60.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-protezzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1 japplikaw fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)awtorità ta’ riżoluzzjoni tittrasferixxi xi assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet, iżda mhux kollha, ta’ impriża taħt riżoluzzjoni lil entità oħra jew, fl-eżerċitar ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 26(3), minn impriża tranżitorja jew minn veikolu tal-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet lil persuna oħra;

(b)awtorità ta’ riżoluzzjoni teżerċita s-setgħat speċifikati fil-punt (f) tal-Artikolu 41(1).

3.Ir-rekwiżit taħt il-paragrafu 1 għandu japplika irrispettivament min-numru ta’ partijiet involuti fl-arranġamenti u minn jekk l-arranġamenti:

(a)humiex maħluqin b’kuntratt, fiduċjarji jew mezzi oħrajn, jew jirriżultaw awtomatikament bl-operat tad-dritt;

(b)jinħolqux taħt jew humiex regolati bis-sħiħ jew parzjalment mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz.

Artikolu 57

Protezzjoni għal kollateral finanzjarju, ftehimiet ta’ tpaċija u ta’ netting, u ftehimiet ta’ riassigurazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm protezzjoni xierqa għall-arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju għat-trasferiment tat-titolu, għall-arranġamenti ta’ tpaċija u ta’ netting, u għall-ftehimiet ta’ riassigurazzjoni sabiex jiġi evitat it-trasferiment ta’ xi wħud mid-drittijiet u mill-obbligazzjonijiet, iżda mhux kollha, li jkunu protetti taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju għat-trasferiment tat-titolu, arranġament ta’ tpaċija, arranġament ta’ netting jew ftehim ta’ riassigurazzjoni bejn l-impriża taħt riżoluzzjoni u persuna oħra u l-modifika jew it-terminazzjoni ta’ drittijiet u ta’ obbligazzjonijiet li huma protetti taħt tali arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ trasferiment tat-titolu, arranġament ta’ tpaċija, arranġament ta’ netting jew ftehim ta’ riassigurazzjoni permezz tal-użu ta’ setgħat anċillari.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet għandhom jiġu ttrattati bħala protetti taħt arranġament ta’ kollateral finanzjarju bi trasferiment ta’ titolu, arranġament ta’ tpaċija u ta’ netting u ftehim ta’ riassigurazzjoni fejn il-partijiet għall-arranġament jew arranġament ikunu intitolati għal tpaċija jew għal netting ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet.

2.Minkejja l-paragrafu 1, fejn neċessarju sabiex jintlaħqu aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18 u b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata protezzjoni aħjar tad-detenturi ta’ poloz, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jittrasferixxu, jimmodifikaw jew jitterminaw l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet li huma parti minn arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ trasferiment tat-titolu, minn arranġament ta’ tpaċija u ta’ netting, jew minn ftehim ta’ riassigurazzjoni.

Artikolu 58

Protezzjoni għal arranġamenti ta’ garanzija

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm protezzjoni xierqa għal obbligazzjonijiet iggarantiti b’arranġament ta’ garanzija sabiex jimpedixxu wieħed, waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)it-trasferiment ta’ assi li jiggarantixxu l-obbligazzjoni, sakemm dak il-obbligazzjoni u l-benefiċċju tal-garanzija ma jiġux ittrasferiti wkoll;

(b)it-trasferiment ta’ obbligazzjoni garantita, sakemm il-benefiċċju tat-titolu ma jiġix ittrasferit ukoll;

(c)it-trasferiment tal-benefiċċju tal-garanzija, sakemm ma tiġix ittrasferita wkoll l-obbligazzjoni garantita;

(d)il-modifika jew it-terminazzjoni ta’ arranġament tat-titoli permezz tal-użu ta’ setgħat anċillari, meta l-effett ta’ dik il-modifika jew it-terminazzjoni jkun li l-obbligazzjoni ma tibqax garantita.

2.Minkejja l-paragrafu 1, fejn neċessarju sabiex jintlaħqu aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18 u b’mod partikolari tiġi żgurata protezzjoni aħjar tad-detenturi ta’ poloz, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tittrasferixxi, timmodifika jew tittermina l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet li huma parti mill-istess arranġament.

Artikolu 59

Protezzjoni għal arranġamenti ta’ finanzjament strutturat u għal portafolli separati oħrajn

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm protezzjoni xierqa għall-arranġamenti ta’ finanzjament strutturat jew għal portafolli separati oħrajn, inklużi l-arranġamenti msemmija fil-punti (e) u (g) tal-Artikolu 56(1), għall-evitar ta’ kwalunwke wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(a)it-trasferiment ta’ xi wħud mill-assi, mid-drittijiet u mill-obbligazzjonijiet, iżda mhux ta’ kollha, li jikkostitwixxu jew jifformaw parti minn arranġament finanzjarju strutturat jew minn portafolli delimitati oħrajn, inklużi l-arranġamenti msemmijin fil-punti (e) u (f) tal-Artikolu 56(1), li l-impriża taħt riżoluzzjoni tkun parti fih;

(b)it-terminazzjoni jew il-modifika permezz tal-użu ta’ setgħat anċillari tal-assi, tad-drittijiet u tal-obbligazzjonijiet li jikkostitwixxu jew jifformaw parti minn arranġament finanzjarju strutturat jew minn portafolli delimitati oħrajn, inklużi l-arranġamenti msemmija fil-punti (e) u (g) tal-Artikolu 56(1), li għalihom tkun parti l-impriża taħt riżoluzzjoni.

2.Minkejja l-paragrafu 1, fejn neċessarju sabiex jintlaħqu aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18 u b’mod partikolari tiġi żgurata protezzjoni aħjar tad-detenturi ta’ poloz, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jittrasferixxu, jimmodifikaw jew jitterminaw l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet li huma parti mill-istess arranġament.

Artikolu 60

Trasferimenti parzjali: protezzjoni ta’ sistemi tal-kummerċ, tal-ikklirjar u tas-saldu

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 26(3) ma taffettwax l-operat tas-sistemi u r-regoli tas-sistemi koperti mid-Direttiva 98/26/KE, meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tagħmel xi ħaġa minn fost dawn li ġejjin:

(a)tittrasferixxi xi assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni, iżda mhux kollha, lil entità oħra;

(b)tuża s-setgħat anċillari msemmijin fl-Artikolu 41 sabiex tikkanċella jew temenda t-termini ta’ kuntratt li għalih tkun parti l-impriża taħt riżoluzzjoni jew sabiex tissostitwixxi riċevitur bħala parti.

2.Trasferiment, kanċellazzjoni jew emenda kif imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex:

(a)tirrevoka ordni ta’ trasferiment bi ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/26/KE;

(b)timmodifika jew iċċaħħad l-eżegwibilità ta’ ordnijiet ta’ trasferiment u ta’ netting kif meħtieġ mill-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 98/26/KE, l-użu ta’ fondi, ta’ garanziji jew ta’ faċilitajiet ta’ kreditu kif meħtieġ mill-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva jew il-protezzjoni ta’ kollateral kif meħtieġ mill-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva.

KAPITOLU VI
Obbligi proċedurali

Artikolu 61

Rekwiżiti ta’ notifika

1.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ kwalunkwe entità kif imsemmi fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li tinnotifika lill-awtorità superviżorja meta dawk il-korpi jqisu li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), qed tfalli jew x’aktarx se tfalli, skont it-tifsira speċifikata fl-Artikolu 19(3).

2.L-awtoritajiet superviżorji għandhom jinformaw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kkonċernati dwar:

(a)kwalunkwe notifika riċevuta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skont l-Artikoli 136, 138(1) u 139(1) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b)kwalunkwe azzjoni li l-awtorità superviżorja tirrikjedi li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew kwalunkwe entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) tieħu skont l-eżerċizzju tas-setgħat li jkollha skont l-Artikolu 15 jew 16 ta’ din id-Direttiva, u skont l-Artikolu 137, l-Artikolu 138, il-paragrafi 3 u 5, l-Artikolu 139(3), u l-Artikoli 140, 141 u 144 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(c)kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ rkupru skont l-Artikolu 138(4) tad-Direttiva 2009/138/KE.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu wkoll lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni b’kopja tal-pjan ta’ rkupru li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew kwalunkwe entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) tkun issottomettiet, skont l-Artikolu 138(2) tad-Direttiva 2009/138/KE, kopja tal-iskema finanzjarja sottomessa mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, jew minn kwalunkwe entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) skont l-Artikolu 139(2) tad-Direttiva 2009/138/KE u l-opinjoni tal-awtoritajiet superviżorji dwar dawk id-dokumenti, kif applikabbli.

3.Awtorità superviżorja jew awtorità ta’ riżoluzzjoni li tiddetermina li l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 19(1) ikunu ssodisfati fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) għandha tikkomunika dik id-determinazzjoni mingħajr dewmien lill-awtoritajiet li ġejjin, jekk ikunu differenti:

(a)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għal dik l-impriża jew l-entità;

(b)l-awtorità superviżorja għal dik l-impriża jew l-entità;

(c)l-awtorità superviżorja ta’ kwalunkwe Stat Membru meta dik l-impriża jew l-entità twettaq attivitajiet transfruntiera sinifikanti;

(d)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru meta dik l-impriża jew l-entità twettaq attivitajiet transfruntiera sinifikanti;

(e)l-iskema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni li magħha istituzzjoni ta’ kreditu tkun affiljata, fejn applikabbli u neċessarju sabiex tippermetti li jitwettqu l-funzjonijiet tal-iskema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni;

(f)fejn applikabbli, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp;

(g)il-ministeru kompetenti;

(h)fejn applikabbli, is-superviżur tal-grupp;

(i)il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u l-awtorità makroprudenzjali nazzjonali ddeżinjata.

Artikolu 62

Deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni

1.Malli tirċievi komunikazzjoni mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 61(3), jew fuq inizjattiva tagħha stess, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 19(1) jew tal-Artikolu 20(3) humiex issodisfati fir-rigward tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) inkwistjoni.

2.Deċiżjoni li tittieħed jew li ma titteħidx azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew entità kif imsemmi fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)ir-raġunijiet għal din id-deċiżjoni;

(b)l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni biħsiebha tieħu, inklużi, jekk ikun il-każ, id-determinazzjoni ta’ applikazzjoni għal stralċ, il-ħatra ta’ amministratur jew kwalunkwe miżura oħra skont proċedimenti normali ta’ insolvenza applikabbli jew, soġġetta għall-Artikolu 26(8) skont id-dritt nazzjonali.

Artikolu 63

Obbligi proċedurali tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, malajr kemm ikun raġonevolment prattiku wara li jieħdu l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

2.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinnotifikaw lill-impriża taħt riżoluzzjoni u lill-awtoritajiet li ġejjin, jekk ikunu differenti, bl-azzjoni ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1:

(a)l-awtorità superviżorja għall-impriża taħt riżoluzzjoni;

(b)l-awtorità superviżorja ta’ kwalunkwe fergħa tal-impriża taħt riżoluzzjoni;

(c)il-bank ċentrali tal-Istat Membru li fih hija stabbilita l-impriża taħt riżoluzzjoni;

(d)fejn applikabbli, l-iskema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni li magħha tkun affiljata l-impriża taħt riżoluzzjoni;

(e)fejn applikabbli, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp;

(f)il-ministeru kompetenti;

(g)fejn applikabbli, l-awtorità superviżorja tal-grupp;

(h)l-awtorità makroprudenzjali nazzjonali maħtura u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku;

(i)il-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-EIOPA, l-ESMA u l-EBA;

(j)fejn l-impriża taħt riżoluzzjoni tkun impriża kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE, l-operaturi tas-sistemi li tipparteċipa fihom.

3.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tippubblika jew tiżgura l-pubblikazzjoni ta’ kopja tal-ordni jew tal-istrument li bih tittieħed l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, jew ta’ avviż li jagħti sommarju tal-effetti tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni, inklużi l-effetti fuq id-detenturi ta’ poloz u, fejn applikabbli, it-termini u l-perjodu ta’ sospensjoni jew ta’ restrizzjoni msemmijin fl-Artikoli 47, 48 u 49, bil-mezzi li ġejjin:

(a)fuq is-sit web uffiċjali tagħha;

(b)fuq is-sit web tal-awtorità superviżorja, jekk differenti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u fuq is-sit web tal-EIOPA;

(c)fuq is-sit web tal-impriża taħt riżoluzzjoni;

(d)fejn l-ishma jew strumenti oħra ta’ sjieda jew strumenti tad-dejn tal-impriża taħt riżoluzzjoni huma ammessi għal negozjar f’suq regolat, il-mezzi użati għall-iżvelar ta’ informazzjoni regolata dwar l-impriża taħt riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 .

4.Meta l-ishma, l-istrumenti ta’ sjieda jew l-istrumenti ta’ dejn ma jkunux ammessi għan-negozjar f’suq regolat, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tiżgura li d-dokumenti li jagħtu prova tal-istrumenti msemmijin fil-paragrafu 3 jintbagħtu lill-azzjonisti u lill-kredituri tal-impriża taħt riżoluzzjoni li huma magħrufin mir-reġistri jew mill-bażijiet tad-data tal-impriża taħt riżoluzzjoni u li huma disponibbli għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 64

Kunfidenzjalità

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti tas-segretezza professjonali jkunu vinkolanti fir-rigward tal-persuni, tal-awtoritajiet u tal-korpi li ġejjin u li l-ebda informazzjoni kunfidenzjali ma tiġi żvelata minn xi wieħed jew waħda minnhom:

(a)l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni;

(b)l-awtoritajiet superviżorji u l-EIOPA;

(c)il-ministeri kompetenti;

(d)il-maniġers speċjali maħturin f’konformità mal-Artikolu 42 ta’ din id-Direttiva;

(e)l-akkwirenti potenzjali li ġew ikkuntattjati mill-awtoritajiet superviżorji jew solleċitati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, irrispettivament minn jekk dak il-kuntatt jew dik is-solleċitazzjoni tkunx saret bħala tħejjija għall-użu tal-għodda ta’ bejgħ ta’ negozju, kif ukoll irrispettivament minn jekk is-solleċitazzjoni rriżultatx f’akkwist;

(f)l-awdituri, il-kontabilisti, il-konsulenti legali u professjonali, il-valwaturi u esperti oħrajn ingaġġati direttament jew indirettament mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, mill-awtoritajiet superviżorji, mill-ministeri kompetenti jew mill-akkwirenti potenzjali msemmijin fil-punt (e);

(g)korpi li jamministraw skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni;

(h)il-korp inkarigat mill-arranġamenti ta’ finanzjament;

(i)banek ċentrali u awtoritajiet oħrajn involuti fil-proċess tar-riżoluzzjoni;

(j)istituzzjoni tranżitorja jew veikolu tal-immaniġġjar tal-assi;

(k)kwalunkwe persuna oħra li tipprovdi jew li kienet tipprovdi servizzi direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, lill-persuni msemmijin fil-punti (a) sa (j);

(l)il-maniġment superjuri, membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali u superviżorju, u l-impjegati tal-korpi jew l-entitajiet imsemmijin fil-punti (a) sa (j) qabel, matul jew wara l-ħatra tagħhom.

2.Mingħajr preġudizzju għall-ġeneralità tar-rekwiżiti skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 jiġu pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali riċevuta matul l-attivitajiet professjonali tagħhom, jew riċevuta mingħand awtorità superviżorja jew awtorità ta’ riżoluzzjoni b’rabta mal-funzjonijiet ta’ dik l-awtorità, lil kwalunkwe persuna jew awtorità, ħlief fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)l-iżvelar isir fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom skont din id-Direttiva;

(b)l-iżvelar isir f’forma fil-qosor jew kollettiva b’tali mod li l-impriżi individwali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), ma jkunux jistgħu jiġu identifikati;

(c)l-iżvelar isir bil-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtorità, tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li pprovdiet l-informazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 jivvalutaw l-effetti possibbli tal-iżvelar tal-informazzjoni fuq l-interess pubbliku b’rabta mal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, fuq l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq l-investigazzjonijiet u fuq l-awditi.

Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-effetti msemmijin fit-tieni subparagrafu għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta’ kwalunkwe żvelar tal-kontenut u tad-dettalji tal-pjan ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni kif imsemmi fl-Artikoli 5, 7, 9, 10 u 12 u tar-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa skont l-Artikoli 6, 8 u 13.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għal responsabbiltà ċivili fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-Artikolu.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni msemmijin fil-punti (a), (b), (c), (g), (i) u (j) tal-paragrafu 1 ikollhom fis-seħħ regoli interni sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, inklużi regoli sabiex jiżguraw is-segretezza tal-informazzjoni bejn il-persuni involuti direttament fil-proċess ta’ riżoluzzjoni.

4.Il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jipprevjenu:

(a)lill-impjegati u lill-esperti tal-korpi jew tal-entitajiet imsemmijin fil-punti (a) sa (i) tal-paragrafu 1 milli jikkondividu informazzjoni bejniethom fi ħdan kull korp jew entità;

(b)lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u lill-awtoritajiet superviżorji, inklużi l-impjegati u l-esperti tagħhom, milli jikkondividu informazzjoni ma’ xulxin u ma’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni oħrajn tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet superviżorji oħrajn tal-Unjoni, mal-ministeri kompetenti, mal-banek ċentrali, ma’ skemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni, mal-awtoritajiet responsabbli mill-proċedimenti normali ta’ insolvenza, mal-awtoritajiet responabbli miż-żamma tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri permezz tal-użu ta’ regoli makroprudenzjali, mal-persuni inkarigati bit-twettiq ta’ verifiki statutorji tal-kontijiet, mal-EIOPA, jew, soġġetti għall-Artikolu 77, ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi li jwettqu funzjonijiet ekwivalenti għal dawk imwettqin mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, jew, soġġetti għal rekwiżiti stretti ta’ kunfidenzjalità, ma’ akkwirent potenzjali għall-finijiet ta’ ppjanar jew ta’ twettiq ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

5.L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(a)soġġett għal rekwiżiti stretti ta’ kunfidenzjalità, ma’ kwalunkwe persuna oħra fejn meħtieġ għall-finijiet ta’ ppjanar jew ta’ twettiq ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni;

(b)ma’ kumitati ta’ inkjesta parlamentari fl-Istat Membru tagħhom, qrati tal-awdituri fl-Istat Membru tagħhom u entitajiet oħrajn inkarigati minn inkjesti fl-Istat Membru tagħhom, taħt kondizzjonijiet xierqa;

(c)mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza ta’sistemi ta’ pagament, l-awtoritajiet responsabbli għal proċedimenti ta’ insolvenza normali, mal-awtoritajiet fdati bid-dmir pubbliku ta’ superviżjoni ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju oħrajn, mal-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u mad-ditti ta’ investiment u mal-ispetturi li jaġixxu f’isimhom, mal-awtoritajiet ta’ Stat Membru responsabbli għaż-żamma tal-istabbilta’ tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri permezz tal-użu ta’ regoli makro-prudenzjali, mal-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u mal-persuni inkarigati li jwettqu awditi statutorji.

6.Il-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ proċedimenti legali f’kawżi kriminali jew ċivili.

7.Sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], l-EIOPA għandha toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tispeċifika kif jenħtieġ li l-informazzjoni tingħata f’sommarju jew f’forma kollettiva għall-finijiet tal-paragrafu 2.

KAPITOLU VII
Dritt ta’ appell u esklużjoni ta’ azzjonijiet oħrajn

Artikolu 65

Approvazzjoni ġudizzjarja ex ante u drittijiet li jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet

1.L-Istati Membri jistgħu jesiġu li deċiżjoni li tittieħed miżura ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet jew miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet tkun soġġetta għal approvazzjoni ġudizzjarja ex ante, dment li fir-rigward tad-deċiżjoni li tittieħed miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet, f’konformità mad-dritt nazzjonali, il-proċedura relatata mal-applikazzjoni għal approvazzjoni u għal kunsiderazzjoni mill-qorti tkun rapida.

2.L-Istati Membri għandhom jistipulaw fil-liġi nazzjonali dritt ta’ appell kontra deċiżjoni sabiex tittieħed miżura ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet jew deċiżjoni sabiex tiġi eżerċitata kwalunkwe setgħa, għajr miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet, skont din id-Direttiva.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni kollha affettwati minn deċiżjoni li tittieħed miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet, ikollhom id-dritt li jappellaw dik id-deċiżjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istħarriġ ta’ miżura ta’ maniġġjar ta’ kriżijiet isir rapidament u li l-qrati nazzjonali jużaw il-valutazzjonijiet ekonomiċi tal-fatti mwettqin mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bħala bażi għall-valutazzjoni tagħhom stess.

4.Id-dritt ta’ appell imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)il-preżentazzjoni ta’ appell ma għandhiex tinvolvi xi sospensjoni awtomatika tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata;

(b)id-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tkun tista’ tiġi eżegwita minnufih u għandha tagħti lok għal suppożizzjoni konfutabbli li s-sospensjoni tal-infurzar tagħha tkun kontra l-interess pubbliku.

Fejn jeħtieġ li jiġu protetti l-interessi ta’ partijiet terzi li jaġixxu in bona fide li akkwistaw strumenti ta’ sjieda, jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ impriża taħt riżoluzzjoni permezz tal-użu ta’ għodod ta’ riżoluzzjoni kif imsemmijin fl-Artikolu 26(3) jew permezz tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni ma għandux jaffettwa xi att amministrattiv sussegwenti jew tranżazzjoni amministrattiva sussegwenti konkluża mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata li kienu bbażati fuq id-deċiżjoni annullata. F’dak il-każ, ir-rimedji għal deċiżjoni jew għal azzjoni inġusta mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandhom ikunu limitati għal kumpens għat-telf imġarrab mill-applikant bħala riżultat tad-deċiżjoni jew tal-att annullat.

Artikolu 66

Restrizzjonijiet fuq proċedimenti oħrajn

1.Mingħajr preġudizzju għall-punt (b) tal-Artikolu 62(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw fir-rigward ta’ impriża taħt riżoluzzjoni jew ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li fir-rigward tagħha jkunu ġew iddeterminati li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3), dawk il-proċedimenti normali ta’ insolvenza ma għandhomx jinbdew ħlief fuq l-inizjattiva tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni u li deċiżjoni li tqiegħed impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) fi proċedimenti normali ta’ insolvenza għandha tittieħed biss bil-kunsens tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)l-awtoritajiet superviżorji u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiġu nnotifikati mingħajr dewmien dwar kwalunkwe applikazzjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti normali ta’ insolvenza fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), irrispettivament minn jekk dik l-impriża jew l-entità tkunx taħt riżoluzzjoni jew jekk tkunx saret pubblika deċiżjoni f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 63;

(b)l-applikazzjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti normali ta’ insolvenza ma tiġix iddeterminata sakemm ma jkunux saru n-notifiki msemmijin fil-punt (a) u sseħħ waħda minn dawn li ġejjin:

(i)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun innotifikat lill-awtoritajiet responsabbli għal proċedimenti normali ta’ insolvenza li hija ma għandhiex l-intenzjoni li tieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1);

(ii)ikun skada l-perjodu ta’ sebat ijiem li jibda bid-data li fiha jkunu saru n-notifiki msemmijin fil-punt (a).

3.Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe restrizzjoni fuq l-infurzar ta’ interessi ta’ garanzija imposti skont l-Artikolu 48, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, jekk ikun neċessarju għall-applikazzjoni effettiva tal-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) u tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fil-Kapitolu IV tat-Titolu III, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jitolbu lil qorti tapplika sospensjoni għal perjodu ta’ żmien xieraq f’konformità mal-objettiv fil-mira, fuq kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja jew proċediment ġudizzjarju li għalih tkun parti jew issir parti impriża taħt riżoluzzjoni.

TITOLU IV
RIŻOLUZZJONI TA’ GRUPP TRANSFRUNTIER

Artikolu 67

Prinċipji ġenerali rigward it-teħid ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu aktar minn Stat Membru wieħed

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jieħdu deċiżjonijiet jew jieħdu azzjoni skont din id-Direttiva li jista’ jkollha impatt fuq Stat Membru wieħed jew aktar, l-awtoritajiet tagħhom josservaw il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a)meta jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni, it-teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jkun effiċjenti u l-kostijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jinżammu baxxi kemm jista’ jkun;

(b)id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu u l-azzjoni għandha tittieħed fil-ħin u, fejn ikun meħtieġ, bl-urġenza dovuta;

(c)l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet oħrajn għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet u l-azzjoni jittieħdu b’mod ikkoordinat u effiċjenti;

(d)ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet rilevanti f’kull Stat Membru jkunu definiti b’mod ċar;

(e)għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-interessi, lill-impatt potenzjali ta’ kwalunkwe deċiżjoni, azzjoni jew inazzjoni u lill-effetti negattivi fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-istabbiltà finanzjarja, fuq ir-riżorsi fiskali, fuq l-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni u lill-effetti ekonomiċi u soċjali negattivi fl-Istati Membri kollha fejn joperaw il-kumpanija omm apikali u s-sussidjarji tagħha jew fejn huma jwettqu attivitajiet transfruntiera sinifikanti;

(f)għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-objettivi li jiġu bbilanċjati l-interessi tad-diversi Stati Membri involuti u li jiġi evitat preġudizzju inġust jew li jiġu protetti b’mod inġust l-interessi ta’ Stati Membri partikolari;

(g)l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, meta jieħdu azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, għandhom iqisu u jsegwu l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp kif imsemmijin fl-Artikolu 11, sakemm l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma jqisux, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 jintlaħqu b’mod aktar effikaċi billi jittieħdu azzjonijiet li ma jkunux previsti fil-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni;

(h)deċiżjoni jew azzjoni proposta għandha tkun trasparenti kull meta dik id-deċiżjoni jew azzjoni x’aktarx li jkollha implikazzjonijiet fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali, fuq l-istabbiltà finanzjarja, fuq ir-riżorsi fiskali, u, fejn rilevanti, fuq l-iskemi ta’ garanzija tal-assigurazzjoni u fuq arranġamenti ta’ finanzjament ta’ kwalunkwe Stat Membru kkonċernat.

Artikolu 68

Kulleġġi ta’ riżoluzzjoni

1.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp għandhom jistabbilixxu kulleġġi ta’ riżoluzzjoni sabiex iwettqu l-kompiti msemmijin fl-Artikoli 10, 11, 14, 16, 70 u 71, u, fejn xieraq, sabiex jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi.

B’mod partikolari, il-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni għandhom jipprovdu qafas għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni l-oħrajn u, fejn xieraq, għall-awtoritajiet superviżorji u għas-superviżuri tal-grupp ikkonċernati, sabiex iewttqu l-kompiti li ġejjin:

(a)jiskambjaw informazzjoni li tkun rilevanti għall-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u għall-applikazzjoni tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni għal gruppi;

(b)jiżviluppaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ gruppi skont l-Artikoli 10 u 11;

(c)jivvalutaw ir-riżolvibbiltà ta’ gruppi skont l-Artikolu 14;

(d)jeżerċitaw is-setgħat sabiex jindirizzaw jew ineħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà ta’ gruppi skont l-Artikolu 16;

(e)jiddeċiedu dwar il-ħtieġa li tiġi stabbilita skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp kif imsemmija fl-Artikolu 70 jew 71;

(f)jilħqu l-ftehim dwar skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp propost f’konformità mal-Artikolu 70 jew 71;

(g)jikkoordinaw il-komunikazzjoni pubblika tal-istrateġiji u tal-iskemi ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp;

(h)jikkoordinaw l-użu ta’ kwalunkwe skema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni jew arranġament ta’ finanzjament.

Barra minn hekk, il-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni jistgħu jintużaw bħala forum sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet marbutin mar-riżoluzzjoni ta’ gruppi transfruntiera.

2.Dawn li ġejjin għandhom ikunu membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni:

(a)l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp;

(b)l-awtoritjiet ta’ riżoluzzjoni ta’ kull Stat Membru li fih tkun stabbilita sussidjarja koperta b’superviżjoni tal-grupp;

(c)l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri fejn tkun stabbilita kumpanija omm ta’ impriża waħda jew akbar tal-grupp li tkun entità kif imsemmija fil-punti (b), (d) jew (e) tal-Artikolu 1(1);

(d)is-superviżur tal-grupp u l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membru fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun membru fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni;

(e)il-ministeri kompetenti, fejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li huma membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni ma jkunux il-ministeri kompetenti;

(f)fejn rilevanti, l-awtorità li hija responsabbli għall-iskema ta’ garanzija tal-assigurazzjoni ta’ Stat Membru, fejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ dak l-Istat Membru tkun membru tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni;

(g)l-EIOPA, soġġetta għall-paragrafu 4.

(h)l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri fejn l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-grupp iwettqu attivitajiet transfruntiera sinifikanti.

Għall-finijiet tal-punt (g), l-EIOPA għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni u għall-monitoraġġ tal-funzjonament effiċjenti, effettiv u konsistenti tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni u għall-konverġenza fil-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni. L-EIOPA għandha tkun mistiedna tattendi għal-laqgħat tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għal dak l-għan. L-EIOPA ma għandu jkollha l-ebda dritt tal-vot.

Għall-finijiet tal-punt (h), il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandha tkun limitata għall-ilħuq tal-objettivi ta’ skambju effiċjenti ta’ informazzjoni.

3.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi, fejn kumpanija omm jew impriża stabbilita fl-Unjoni jkollha istituzzjoni sussidjarja jew impriża tar-riassigurazzjoni jew fergħa li tkun ikkunsidrata bħala sinifikanti li kieku kienet tinstab fl-Unjoni jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni bħala osservaturi, dment li dawk l-awtoritajiet ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità li, fl-opinjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 77.

4.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha tippresjedi l-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni. F’dik il-kapaċità, hija għandha:

(a)tistabbilixxi arranġamenti u proċeduri bil-miktub għall-funzjonament tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, wara konsultazzjoni lill-membri l-oħrajn tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni;

(b)tikkoordina l-attivitajiet kollha tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni;

(c)tlaqqa’ u tippresjedi l-laqgħat kollha tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni u żżomm lill-membri kollha tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni informati bis-sħiħ u bil-quddiem dwar l-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, dwar it-temi prinċipali li se jiġu diskussi u dwar l-elementi li se jiġu kkunsidrati;

(d)tinnotifika lill-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni dwar kwalunkwe laqgħa ppjanata sabiex ikunu jistgħu jitolbu li jipparteċipaw;

(e)tiddeċiedi liema membri u osservaturi għandhom jiġu mistednin jattendu għal laqgħat partikolari tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni, fuq il-bażi tal-bżonnijiet speċifiċi, b’kont meħud tar-rilevanza tat-tema li tkun se tiġi diskussa għal dawk il-membri u l-osservaturi;

(f)iżżomm lill-membri kollha tal-kulleġġ informati, fil-ħin, dwar id-deċiżjonijiet u l-eżiti ta’ dawk il-laqgħat.

Minkejja l-punt (e), l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkollhom id-dritt jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni kull meta fuq l-aġenda jkun hemm temi soġġetti għal teħid ta’ deċiżjonijiet konġunti jew relatati ma’ entità fi grupp li tinsab fl-Istat Membru tagħhom.

5.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp ma għandhomx ikunu obbligati jistabbilixxu kulleġġ ta’ riżoluzzjoni jekk gruppi jew kulleġġi oħrajn iwettqu l-istess funzjonijiet u jwettqu l-istess kompiti speċifikati fil-paragrafu 1 u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet u mal-proċeduri kollha, inkluż dawk li jkopru s-sħubija u l-parteċipazzjoni f’kulleġġi ta’ riżoluzzjoni, stabbiliti f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 69. F’tali każ, ir-referenzi kollha għall-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni f’din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dawk il-gruppi jew il-kulleġġi l-oħrajn.

6.L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards regolatorji sabiex tispeċifika l-funzjonament operazzjonali tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni għat-twettiq tal-kompiti msemmijin fil-paragrafi 1.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [PO – żid 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 69

Skambju ta’ informazzjoni

1.Soġġetti għall-Artikolu 64, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom, fuq talba, jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni rilevanti kollha għall-eżerċizzju tal-kompiti tal-awtoritajiet l-oħrajn skont din id-Direttiva.

2.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha tikkoordina l-fluss tal-informazzjoni rilevanti kollha bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikolari, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp għandha tipprovdi lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fi Stati Membri oħrajn bl-informazzjoni rilevanti kollha fil-ħin sabiex tiffaċilita l-eżerċitar tal-kompiti msemmija fil-punti (b) sa (h) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 68(1).

3.Awtorità ta’ riżoluzzjoni ma għandhiex tittrażmetti informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta minn awtorità superviżorja jew ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiż terz sakemm dik l-awtorità superviżorja jew ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiż terz ma tkunx tat il-kunsens tagħha għal tali trażmissjoni.

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni ma għandhomx ikunu obbligati jittrażmettu tali informazzjoni jekk l-awtorità superviżorja jew ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiż terz ma tkunx tat il-kunsens tagħha għat-trażmissjoni ulterjuri tagħha.

Artikolu 70

Riżoluzzjoni ta’ grupp li tinvolvi sussidjarja tal-grupp

1.Awtorità ta’ riżoluzzjoni li tiddeċiedi li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew kwalunkwe entità kif imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), li tkun sussidjarja ta’ grupp, tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3), għandha tinnotifika l-informazzjoni li ġejja mingħajr dewmien lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, jekk tkun differenti, lis-superviżur tal-grupp, u lill-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni għall-grupp inkwistjoni:

(a)id-deċiżjoni li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew kwalunkwe entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19 jew 20;

(b)l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew il-miżuri ta’ insolvenza li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li jkunu xierqa għal dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew għal dik l-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1).

2.Malli tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, wara li tkun ikkonsultat lill-membri l-oħrajn tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni kkonċernat, għandha tivvaluta l-impatt probabbli tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew ta’ miżuri oħrajn notifikati f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1, fuq il-grupp u fuq l-entitajiet fi grupp fi Stati Membri oħrajn, u jekk l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew miżuri oħrajn jagħmluhiex probabbli li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3) fir-rigward ta’ entità fi grupp fi Stat Membru ieħor.

3.Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp tivvaluta li l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew miżuri oħrajn notifikati f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1 ma jagħmluhiex probabbli li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3) jiġu ssodisfati fir-rigward ta’ entità fi grupp fi Stat Membru ieħor, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni responsabbli għall-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew għall-entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) tista’ tieħu l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew miżuri oħrajn li hija nnotifikat f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp tivvaluta li l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew miżuri oħrajn notifikati f’konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1 jagħmluha probabbli li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1) jew 20(3) jiġu ssodisfati fir-rigward ta’ entità fi grupp fi Stat Membru ieħor, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha, mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1, tipproponi skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u tissottometti dik l-iskema lill-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni. Dak il-perjodu ta’ 24 siegħa jista’ jiġi estiż bil-kunsens tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tkun għamlet in-notifika msemmija fil-paragrafu 1.

5.Fin-nuqqas ta’ valutazzjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp fi żmien 24 siegħa, jew wara perjodu itwal ta’ żmien li jkun intlaħaq ftehim dwaru, wara li tkun rċeviet in-notifika msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tkun għamlet in-notifika msemmija fil-paragrafu 1 tista’ twettaq l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew miżuri oħrajn li tkun innotifikat f’konformità mal-punt (b) ta’ dak il-paragrafu.

6.L-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp imsemmija fil-paragrafu 4 għandha:

(a)tiddeskrivi l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kkonċernati jenħtieġ li jieħdu fir-rigward tal-kumpanija omm apikali jew entitajiet partikolari fi grupp sabiex jilħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 u jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22;

(b)tispeċifika kif jenħtieġ li jiġu kkoordinati l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni msemmijin fil-punt (a);

(c)tistabbilixxi pjan ta’ finanzjament li jqis il-pjan ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u l-prinċipji għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà stabbiliti f’dak il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 10(2).

7.Soġġett għall-paragrafu 8, l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha tieħu l-forma ta’ deċiżjoni konġunta tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni responsabbli għas-sussidjarji li huma koperti mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp.

L-EIOPA tista’ fuq talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 31(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

8.Awtorità ta’ riżoluzzjoni li ma taqbilx mal-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp proposta mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp jew li tqis li, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz, tal-ekonomija reali u tal-istabbiltà finanzjarja, jeħtieġ li tieħu azzjonijiet jew miżuri ta’ riżoluzzjoni indipendenti minbarra dawk proposti fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), għandha:

(a)tistabbilixxi fid-dettall ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil jew ir-raġunijiet li għat-tbegħid mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp;

(b)tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni l-oħrajn li huma koperti mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp bir-raġunijiet imsemmijin fil-punt (a);

(c)tinforma lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni l-oħrajn li huma kkonċernati mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp dwar l-azzjonijiet jew il-miżuri ta’ riżoluzzjoni li se tieħu.

Meta tistabbilixxi r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil tagħha, awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tqis il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp imsemmijin fl-Artikolu 11, l-impatt potenzjali tal-azzjonijiet jew tal-miżuri li se tieħu fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali u fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri kkonċernati, u l-effett potenzjali ta’ dawn l-azzjonijiet jew il-miżuri ta’ riżoluzzjoni fuq partijiet oħrajn tal-grupp.

9.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jaqblu mal-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp proposta mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp jistgħu jilħqu deċiżjoni konġunta dwar skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp li tkopri l-entitajiet fi grupp fl-Istati Membri rispettivi tagħhom mingħajr il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li ma jaqblux.

10.Id-deċiżjonijiet konġunti msemmijin fil-paragrafi 7 u 9 u l-azzjonijiet jew il-miżuri ta’ riżoluzzjoni meħudin f’konformità mal-paragrafu 8 għandhom jiġu rikonoxxuti bħala konklużivi u applikati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri kkonċernati.

11.L-awtoritajiet għandhom jieħdu l-azzjonijiet u l-miżuri kollha msemmijin f’dan l-Artikolu mingħajr dewmien, u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-urġenza tas-sitwazzjoni.

12.Meta ma tiġix implimentata skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, meta jieħdu azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni relatati ma’ entità fi grupp, għandhom jikkooperaw mill-qrib fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni bil-ħsieb li jilħqu strateġija ta’ riżoluzzjoni koordinata għall-entitajiet kollha fi grupp li jkunu qed ifallu jew li aktarx se jfallu.

13.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jieħdu kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe entità fi grupp għandhom jinformaw lill-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni b’mod regolari u bis-sħiħ dwar dawk l-azzjonijiet jew il-miżuri u l-progress kontinwu tagħhom.

Artikolu 71

Riżoluzzjoni ta’ grupp li tinvolvi kumpanija omm apikali

1.Awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp li tiddeċiedi li kumpanija omm apikali li għaliha hija responsabbli tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3) għandha tinnotifika l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 70(1), lis-superviżur tal-grupp u lill-membri l-oħrajn tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni tal-grupp inkwistjoni mingħajr dewmien.

L-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew il-miżuri ta’ insolvenza msemmijin fil-punt (b) tal-Artikolu 70(1) jistgħu jinkludu l-implimentazzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp imfassla f’konformità mal-Artikolu 70(6) fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew miżuri oħrajn fil-livell tal-kumpanija omm innotifikati f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 70(1) jagħmluha probabbli li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1) jew 20(3) jiġu ssodisfati b’rabta mal-entità fi grupp fi Stat Membru ieħor;

(b)l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew miżuri oħrajn fil-livell tal-kumpanija omm biss ma jkunux biżżejjed sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni jew ma jkunx probabbli li jipprovdu l-aħjar eżitu possibbli;

(c)l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkunu ddeterminaw li waħda jew aktar mis-sussidjarji li għalihom ikunu responsabbli jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 19(1) jew fl-Artikolu 20(3);

(d)l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jew miżuri oħrajn fil-livell tal-grupp se jkunu ta’ benefiċċju għas-sussidjarji tal-grupp b’mod li skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp titqies xierqa.

2.Meta l-azzjonijiet jew il-miżuri proposti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp skont il-paragrafu 1 ma jinkludux skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha wara li tikkonsulta lill-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni.

3.Meta l-azzjonjiet jew il-miżuri proposti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp skont il-paragrafu 1 ikun fihom skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp għandha tieħu l-forma ta’ deċiżjoni konġunta tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni responsabbli għas-sussidjarji li huma koperti mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp.

L-EIOPA tista’ fuq talba tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tgħin lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jilħqu deċiżjoni konġunta f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 31(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

4.Awtorità ta’ riżoluzzjoni li ma taqbilx mal-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp proposta mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, titbiegħed minn din jew li tqis li, għal raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja, jeħtieġ li tieħu azzjonijiet jew miżuri ta’ riżoluzzjoni indipendenti minbarra dawk proposti fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità kif imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), għandha:

(a)tistabbilixxi fid-dettall ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil jew ir-raġunijiet li għat-tbegħid mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp;

(b)tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni l-oħrajn li huma koperti mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp bir-raġunijiet imsemmijin fil-punt (a);

(c)tinforma lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp u lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni l-oħrajn li huma koperti mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp dwar l-azzjonijiet jew il-miżuri li biħsiebha tieħu.

Meta tistabbilixxi r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil tagħha, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata għandha tqis il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp imsemmijin fl-Artikolu 11, l-impatt potenzjali tal-azzjonijiet jew tal-miżuri li se tieħu fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri kkonċernati, u l-effett potenzjali tal-azzjonijiet jew tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni fuq partijiet oħrajn tal-grupp.

5.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jaqblu mal-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp proposta mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp jistgħu jilħqu deċiżjoni konġunta dwar skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp li tkopri l-entitajiet fi grupp fl-Istati Membri rispettivi tagħhom mingħajr il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li ma jaqblux.

6.Id-deċiżjoni konġunta msemmija fil-paragrafu 3 jew 5 u l-azzjonijiet u l-miżuri msemmijin fil-paragrafu 4 għandhom jiġu rikonoxxuti bħala konklużivi u applikati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri kkonċernati.

7.L-awtoritajiet għandhom twettaq l-azzjonijiet u l-miżuri kollha msemmijin fil-paragrafi 1 sa 6 mingħajr dewmien, u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-urġenza tas-sitwazzjoni.

8.Meta ma tiġix implimentata skema ta’ riżoluzzjoni ta’ grupp, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, meta jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni relatata ma’ entità fi grupp, għandhom jikkooperaw mill-qrib fil-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni bil-ħsieb li jilħqu strateġija ta’ riżoluzzjoni koordinata għall-entitajiet affettwati kollha fi grupp.

9.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni li jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe entità fi grupp għandhom jinformaw lill-membri tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni b’mod regolari u bis-sħiħ dwar dawk l-azzjonijiet jew il-miżuri u l-progress kontinwu tagħhom.

TITOLU V
RELAZZJONIJIET MA’ PAJJIŻI TERZI

Artikolu 72

Ftehimiet ma’ pajjiżi terzi

1.F’konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE, il-Kummissjoni tista’ tibgħat proposti lill-Kunsill għan-negozjar ta’ ftehimiet ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar rigward il-mezzi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet ikkonċernati tal-pajjiżi terzi, fost l-oħrajn bi skop ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni b’rabta mal-ippjanar ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-pajjiżi terzi, u tal-gruppi.

2.Il-ftehimiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ifittxu li jiżguraw l-istabbiliment ta’ proċessi u ta’ arranġamenti bejn l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi għal kooperazzjoni fit-twettiq ta’ xi kompiti jew tal-kompiti kollha u għall-eżerċizzju ta’ xi setgħat jew tas-setgħat kollha msemmijin fl-Artikolu 76.

3.L-Istati Membri jistgħu jidħlu fi ftehimiet bilaterali ma’ pajjiż terz rigward il-materji msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 sad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 mal-pajjiż terz rilevanti sakemm tali ftehimiet bilaterali ma jkunux inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

Artikolu 73

Rikonoxximent u infurzar ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi

1.Dan l-Artikolu għandu japplika fir-rigward tal-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi, dment u sakemm jidħol fis-seħħ ftehim internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 72(1) mal-pajjiż terz ikkonċernat. Huwa għandu japplika wkoll wara d-dħul fis-seħħ ta’ ftehim internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 72(1) mal-pajjiż terz ikkonċernat dment li r-rikonoxximent u l-infurzar tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi ma jkunux regolati b’dak il-ftehim.

2.L-awtorità ta’ riżoluzzjoni kkonċernata għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tirrikonoxxi u tinforza, ħlief kif previst fl-Artikolu 74, proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi relatati ma’ sussidjarja fl-Unjoni jew ma’ fergħa fl-Unjoni ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ kumpanija omm ta’ pajjiż terz.

Id-deċiżjoni għandha tqis kif xieraq l-interessi ta’ kull Stat Membru fejn topera impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew kumpanija omm ta’ pajjiż terz, u b’mod partikolari l-effetti fuq il-partijiet l-oħrajn tal-grupp u fuq id-detenturi ta’ poloz, fuq l-ekonomija reali u fuq l-istabbiltà finanzjarja f’dawk l-Istati Membri.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom, bħala minimu, is-setgħa li jagħmlu dan li ġej:

(a)jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(i)assi ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ kumpanija omm minn pajjiż terz li tinsab fl-Istat Membru tagħhom jew regolata bil-liġi tal-Istat Membru tagħhom;

(ii)drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni minn pajjiż terz li ddaħħlu fil-kotba minn fergħa fl-Unjoni fl-Istat Membru tagħhom jew regolati bil-liġi tal-Istat Membru tagħhom, jew meta l-pretensjonijiet fir-rigward ta’ tali drittijiet u obbligazzjonijiet ikunu infurzabbli fl-Istat Membru tagħhom;

(b)jipperfezzjonaw, inkluż li jeħtieġu persuna oħra tieħu azzjoni sabiex jiġu pperfezzjonati, trasferiment ta’ ishma jew ta’ strumenti ta’ sjieda oħrajn f’sussidjarja fl-Unjoni stabbilita f’dak l-Istat Membru;

(c)jeżerċitaw is-setgħat fl-Artikoli 47, 48 jew 49 fir-rigward tad-drittijiet ta’ kwalunkwe parti fil-kuntratt ma’ entità msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, meta tali setgħat ikunu neċessarji sabiex jiġu nfurzati l-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi; u

(d)jirrendu mhux infurzabbli kwalunkwe dritt li iwaqqfu, jillikwidaw jew jaċċeleraw kuntratti, jew jaffettwaw id-drittijiet kuntrattwali, ta’ entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u ta’ entitajiet fi grupp oħrajn, meta dan id-dritt ikun kaġun ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni meħuda fir-rigward ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, ta’ pajjiż terz, ta’ kumpanija omm ta’ tali entitajiet jew ta’ entitajiet fi grupp oħrajn, kemm jekk mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiż terz innifisha jew inkella skont ir-rekwiżiti legali jew regulatorji fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ riżoluzzjojni f’dak il-pajjiż, sakemm ikomplu jitwettqu l-obbligi sostantivi skont il-kuntratt, inkluż l-obbligi ta’ pagament u ta’ provvista u l-provvista ta’ kollateral.

4.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jistgħu jieħdu azzjoni ta’ riżoluzzjoni, fejn tkun neċessarja fl-interess pubbliku, fir-rigward ta’ kumpanija omm meta l-awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz tiddetermina li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun sussidjarja ta’ dik il-kumpanija omm u li tkun inkorporata f’dak il-pajjiż terz tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni skont il-liġi ta’ dak il-pajjiż terz. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jingħataw is-setgħha li jużaw kwalunkwe setgħa ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ dik il-kumpanija omm, u għandu jkun japplika l-Artikolu 46.

5.Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ta’ insolvenza normali skont id-dritt nazzjonali applikabbli, fejn xieraq, f’konformità ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 74

Id-dritt li jiġu rrifjutati r-rikonoxximent jew l-infurzar ta’ proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi

L-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi jew li tinforza proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi skont l-Artikolu 73 jekk tqis:

(a)li il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi għandhom effetti avversi fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru li fih l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun ibbażata jew li l-proċedimenti jkollhom effetti avversi fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Stat Membru ieħor;

(b)li hija neċessarja azzjoni ta’ riżoluzzjoni indipendenti skont l-Artikolu 75 fir-rigward ta’ fergħa fl-Unjoni sabiex jinkiseb objettiv wieħed jew aktar ta’ riżoluzzjoni minn fost dawk imsemmijin fl-Artikolu 18;

(c)li l-kredituri ma jirċivux l-istess trattament bħall-kredituri ta’ pajjiżi terzi bi drittijiet legali simili skont il-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni tal-pajjiż terz ta’ domiċilju;

(d)li r-rikonoxximent jew l-infurzar tal-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni ta’ pajjiżi terzi jkollhom implikazzjonijiet fiskali materjali għall-Istat Membru; jew

(e)li l-effetti ta’ tali rikonoxximent jew infurzar imorru kontra d-dritt nazzjonali.

Artikolu 75

Riżoluzzjoni ta’ fergħat fl-Unjoni

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħat neċessarji sabiex jaġixxu fir-rigward ta’ fergħa fl-Unjoni li ma tkun soġġetta għall-ebda proċediment ta’ riżoluzzjoni jew li tkun soġġetta għall-proċedimenti ta’ pajjiż terz jew tkun tapplika waħda miċ-ċirkostanzi msemmijin fl-Artikolu 74.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 46 japplika għall-eżerċizzju ta’ tali setgħat.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-setgħat meħtieġa fil-paragrafu 1 ikunu jistgħu jiġu eżerċitati mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis dik l-azzjoni tkun neċessarja fl-interess pubbliku u tkun issodisfata waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-fergħa fl-Unjoni ma għadhiex tissodisfa jew probabbilment ma hijiex se tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali għall-awtorizzazzjoni u għall-operat tagħha f’dak l-Istat Membru u ma hemmx prospett li kwalunkwe azzjoni mis-settur privat, superviżorja jew ta’ pajjiż terz rilevanti tkun tirrestawra l-fergħa għall-konformità jew tipprevjeni falliment fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli;

(b)fl-opinjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-pajjiż terz ma tkunx kapaċi, jew ma tkunx tridx, jew x’aktarx li ma tkunx kapaċi tħallas l-obbligi tagħha lill-kredituri tal-Unjoni, jew obbligi li nħolqu jew iddaħħlu fil-kotba permezz tal-fergħa, bħal pagamenti lil detenturi ta’ poloz jew lil benefiċjarji, hekk kif isiru dovuti u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun sodisfatta li ma nbeda jew ma hu se jinbeda l-ebda proċediment ta’ riżoluzzjoni jew proċediment ta’ insolvenza ta’ pajjiż terz fir-rigward ta’ dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-pajjiż terz fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli;

(c)l-awtorità rilevanti tal-pajjiż terz bdiet proċedimenti ta’ riżoluzzjoni tal-pajjiż terz fir-rigward tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-pajjiż terz, jew innotifikat lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bl-intenzjoni tagħha li tiftaħ proċediment bħal dan.

3.Fejn awtorità ta’ riżoluzzjoni tieħu azzjoni indipendenti fir-rigward ta’ fergħa fl-Unjoni, għandha tqis l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 18 u tieħu azzjoni f’konformità mal-prinċipji u r-rekwiżiti li ġejjin, sakemm ikunu rilevanti:

(a)il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 22;

(b)ir-rekwiżiti relatati mal-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni fil-Kapitolu II tat-Titolu III.

Artikolu 76

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi

1.Dan l-Artikolu għandu japplika fir-rigward tal-kooperazzjoni ma’ pajjiż terz dment li u sakemm jidħol fis-seħħ ftehim internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 72(1) mal-pajjiż terz rilevanti. Huwa għandu japplika wkoll wara d-dħul fis-seħħ ta’ ftehim internazzjonali previst fl-Artikolu 72(1) mal-pajjiż terz rilevanti sal-punt li s-suġġett ta’ dan l-Artikolu ma jkunx regolat b’dak il-ftehim.

2.L-EIOPA tista’ tikkonkludi qafas ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni mhux vinkolanti mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi. Il-ftehimiet qafas ta’ kooperazzjoni għandhom jistabbilixxu proċessi u arranġamenti bejn l-awtoritajiet parteċipanti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni neċessarja u għall-kooperazzjoni għat-twettiq ta’ xi wħud mill-kompiti jew tal-kompiti kollha li ġejjin u għall-eżerċitar ta’ xi wħud mis-setgħat jew tas-setgħat kollha li ġejjin fir-rigward tal-impriżi jew tal-gruppi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni:

(a)l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikoli 9 sa 12 u ma’ rekwiżiti simili skont id-dritt tal-pajjiżi terzi rilevanti;

(b)il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta’ tali impriżi u gruppi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, f’konformità mal-Artikoli 13 u 14 u ma’ rekwiżiti simili skont id-dritt tal-pajjiżi terzi rilevanti;

(c)l-applikazzjoni tas-setgħat sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew impedimenti għar-riżolvibbiltà skont l-Artikoli 15 u 16 u kwalunkwe setgħa simili skont id-dritt tal-pajjiżi terzi rilevanti;

(d)l-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi skont l-Artikolu 141 tad-Direttiva 2009/138/KE u ta’ setgħat simili skont id-dritt tal-pajjiżi terzi rilevanti;

(e)l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni kif imsemmijin fl-Artikolu 26(3) u l-eżerċitar tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni u ta’ setgħat simili li jistgħu jiġu eżerċitati mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi rilevanti.

3.L-awtoritajiet superviżorji jew ta’ riżoluzzjoni, fejn xieraq, jistgħu jikkonkludu arranġamenti ta’ kooperazzjoni f’konformità mal-arranġament qafas tal-EIOPA msemmi fil-paragrafu 2 mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi.

4.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-EIOPA dwar kwalunkwe arranġamenti ta’ kooperazzjoni li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji jkunu kkonkludew f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 77

Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet superviżorji u l-ministeri kompetenti jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali, inklużi pjanijiet ta’ rkupru preventiv imfasslin u mantnuti f’konformità mal-Artikoli 5 u 7, mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi rilevanti biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)dawk l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi jkunu soġġetti għal rekwiżiti u għal standards tas-segretezza professjonali tal-anqas meqjusin bħala ekwivalenti, fl-opinjoni tal-awtoritajiet kollha kkonċernati, għal dawk imposti mill-Artikolu 64.

(b)l-informazzjoni tkun neċessarja għat-twettiq mill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi rilevanti tal-funzjonijiet ta’ riżoluzzjoni tagħhom skont id-dritt nazzjonali li jkunu komparabbli ma’ dawk taħt din id-Direttiva u, soġġett għall-punt (a), ma tintuża għall-ebda fini ieħor.

Għall-finijiet tal-punt (a), fir-rigward ta’ kif l-iskambju tal-informazzjoni jirrelata mad-data personali, it-trattament u t-trażmissjoni ta’ dan it-tip ta’ data personali lill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi għandhom jkunu regolati bil-liġi applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.

2.Meta l-informazzjoni kunfidenzjali toriġina minn Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet superviżorji u l-ministeri kompetenti ma għandhomx jiżvelaw dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-awtorità rilevanti tal-Istat Membru fejn oriġinat l-informazzjoni (l-awtorità tal-oriġini) taqbel ma’ dak l-iżvelar;

(b)l-informazzjoni tiġi żvelata biss għall-iskopijiet permissibbli mill-awtorità tal-oriġini.

TITOLU VI
PENALI

Artikolu 78

Penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn

1.Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u superviżorji stabbiliti f’din id-Direttiva u fid-Direttiva 2009/138/KE u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu pieni kriminali msemmijin fit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn applikabbli fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva ma jkunux ġew irrispettati, u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li jiġu implimentati.

L-Istati Membri li jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal penali amministrattivi jew għal miżuri amministrattivi oħrajn għal ksur li huwa soġġett għad-dritt penali nazzjonali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt penali kkonċernati.

Il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta’ ksur, jistgħu jiġu applikati penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali, fuq il-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, u fuq persuni fiżiċi oħrajn li skont id-dritt nazzjonali jkunu responsabbli għall-ksur.

3.Is-setgħat ta’ impożizzjoni ta’ penali amministrattivi jew ta’ miżuri amministrattivi oħrajn previsti f’din id-Direttiva għandhom jiġu attribwiti lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew lill-awtoritajiet superviżorji, skont it-tip ta’ ksur. L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħat investigattivi u ta’ ġbir ta’ informazzjoni kollha li huma neċessarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu penali amministrativi jew miżuri amminstrattivi oħrajn, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw li l-penali amministrattivi jew il-miżuri amministrattivi l-oħrajn jipproduċu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.

4.L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jeżerċitaw is-setgħat amministrattivi tagħhom sabiex jimponu penali u miżuri amministrattivi oħrajn f’konformità ma’ din id-Direttiva u mad-dritt nazzjonali fi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

(a)direttament;

(b)f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn;

(c)taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lil awtoritajiet oħrajn;

(d)b’applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħudin mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u mill-awtoritajiet superviżorji f’konformità ma’ dan it-Titolu jkunu soġġetti għal dritt ta’ appell.

Artikolu 79

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom jipprevedu penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn tal-anqas fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)ksur tal-Artikoli 5 jew 7 fid-dawl ta’ nuqqas ta’ tfassil, ta’ manutenzjoni u ta’ aġġornar ta’ pjanijiet ta’ rkupru preventiv u ta’ pjanijiet ta’ rkupru preventiv tal-grupp;

(b)ksur tal-Artikolu 12 fid-dawl ta’ nuqqas ta’ provvista tal-informazzjoni kollha neċessarja għall-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni;

(c)ksur tal-Artikolu 61(1) fid-dawl ta’ nuqqas tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità kif imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), milli jinnotifika lill-awtorità superviżorja meta dik l-impriża jew dik l-entità tkun qed tfalli jew x’aktarx li tfalli.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, il-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi l-oħrajn li jkunu jistgħu jiġu applikati jkunu tal-anqas jinkludu dawn li ġejjin:

(a)dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna fiżika, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, l-entità kif imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), kumpanija omm apikali jew persuna ġuridika oħra responsabbli għall-ksur u n-natura tal-ksur;

(b)ordni li teħtieġ li l-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli twaqqaf l-imġiba u li ma tirrepetix dik l-imġiba;

(c)projbizzjoni temporanja ta’ kwalunkwe membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju jew tal-maniġment superjuri tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew ta’ entità kif imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1), jew ta’ kwalunkwe persuna fiżika oħra li tinżamm responsabbli, milli teżerċita funzjonijiet f’impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew f’entità kif imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1);

(d)fil-każ ta’ persuna ġuridika, multi amministrattivi sa 10 % tal-fatturat nett annwali totali ta’ dik il-persuna ġuridika fis-sena kontabilistika preċedenti;

(e)fil-każ ta’ persuna fiżika, multi amministrattivi sa EUR 5 000 000, jew fl-Istati Membri fejn l-euro ma hijiex il-munita uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fi [PO – jekk jogħġbok daħħal data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva];

(f)multi amministrattivi sad-doppju tal-ammont tal-benefiċċju miksub minħabba l-ksur meta dak il-benefiċċju jkun jista’ jiġi ddeterminat.

Għall-finijiet tal-punt (d), meta l-persuna ġuridika tkun sussidjarja ta’ kumpanija omm, il-fatturat rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali li jirriżulta mill-kontijiet konsolidati tal-kumpanija omm apikali fis-sena kontabilistika preċedenti.

Artikolu 80

Pubblikazzjoni ta’ penali amministrattivi jew ta’ miżuri amministrattivi oħrajn

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji jippubblikaw fuq is-sit web uffiċjali tagħhom tal-anqas kwalunkwe penali amministrattiva u kwalunkwe miżura amministrattiva oħra li jkunu ġew imposti minn dawk l-awtoritajiet għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva meta tali penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn ma kinux is-suġġett ta’ appell jew fejn id-dritt ta’ appell ikun ġie eżawrit. Tali pubblikazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien żejjed wara li l-persuna fiżika jew ġuridika tiġi informata b’dik il-penali amministrattiva jew b’miżura amministrattiva oħra. Il-pubblikazzjoni għandu jkun fiha informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li fuqha tkun imposta l-penali amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra.

Meta l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ penali amministrattivi u ta’ miżuri amministrattivi oħrajn li dwarhom ikun hemm appell, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom, mingħajr dewmien mhux dovut, jippubblikaw fuq is-siti web uffiċjali tagħhom, informazzjoni dwar l-istatus ta’ dak l-appell u l-eżitu tiegħu.

2.Meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew l-awtorità superviżorja tqis li l-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni ġuridiċi, jew l-identità jew id-data personali ta’ persuni fiżiċi tkun sproporzjonata wara valutazzjoni każ b’każ imwettqa dwar il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ tali data, jew meta tali pubblikazzjoni tkun tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew l-awtorità superviżorja għandha tieħu kwalunkwe azzjoni minn dawn li ġejjin:

(a)tiddifferixxi l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-penali amministrattiva jew miżuri amministrattivi oħrajn sakemm ma jibqgħux jeżistu r-raġunijiet għal dak id-differiment;

(b)tippubblika d-deċiżjoni li timponi l-penali amministrattiva jew miżuri amministrattivi oħrajn fuq bażi anonima f’konformità mad-dritt nazzjonali meta tali pubblikazzjoni anonima tkun tiżgura l-protezzjoni effettiva tad-data personali konċernata;

(c)ma tippubblikawx id-deċiżjoni li timponi l-penali amministrattiva jew miżuri amministrattivi oħrajn meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew l-awtorità superviżorja tkun tal-fehma li l-pubblikazzjoni f’konformità mal-punt (a) jew (b) ma tkunx biżżejjed sabiex tiżgura waħda minn dawn li ġejjin:

(i)li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji ma tiġix ipperikolata;

(ii)il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ din id-data fir-rigward ta’ miżuri meqjusin bħala ta’ natura minuri.

L-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tibqa’ fuq is-sit web uffiċjali tagħhom għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin wara li tiġi ppubblikata. Id-data personali li tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm biss fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew tal-awtorità superviżorju għall-perijodu li jkun neċessarju skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 81

Manutenzjoni tal-bażi tad-data ċentrali mill-EIOPA

1.Soġġetti għar-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali msemmijin fl-Artikolu 64, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jinformaw lill-EIOPA dwar il-penali amministrattivi u l-miżuri amministrattivi l-oħrajn kollha li ġew imposti minnhom skont l-Artikolu 79 u dwar l-istatus ta’ dak l-appell u l-eżitu tiegħu.

L-EIOPA għandha tmantni u żżomm aġġornata bażi tad-data ċentrali tal-penali u ta’ miżuri amministrattivi oħrajn irrapportati lilha mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, unikament sabiex tippermetti lil dawk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jiskambjaw informazzjoni, li għandha tkun aċċessibbli għal dawk l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni biss.

L-EIOPA għandha żżomm u żżomm aġġornata bażi tad-data ċentrali ta’ penali u ta’ miżuri amministrattivi oħrajn irrapportati lilha mill-awtoritajiet superviżorji, unikament sabiex tippermetti lil dawk l-awtoritajiet superviżorji jiskambjaw informazzjoni, li għandha tkun aċċessibbli għal dawk l-awtoritajiet superviżorji biss.

2.L-EIOPA għandha tmantni u żżomm aġġornata paġna web bl-informazzjoni jew bil-links li ġejjin għal dik l-informazzjoni:

(a)il-pubblikazzjoni tal-penali minn kull awtorità ta’ riżoluzzjoni;

(b)il-pubblikazzjoni tal-penali minn kull awtorità superviżorja skont l-Artikolu 80;

(c)il-perjodu li għalih kull Stat Membru jippubblika l-penali.

Artikolu 82

Applikazzjoni effettiva tal-penali u eżerċizzju tas-setgħat ta’ impożizzjoni tal-penali mill-awtoritajiet superviżorji u mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jkunu qegħdin jiddeterminaw it-tip ta’ penali amministrattivi jew ta’ miżuri amministrattivi oħrajn u l-livell tal-multi amministrattivi, l-awtoritajiet superviżorji u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi, jekk xierqa:

(a)il-gravità u d-durata tal-ksur;

(b)il-livell ta’ responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

(c)is-saħħa finanzjarja tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli;

(d)l-ammont tal-profitti miksubin jew tat-telf evitat mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli, sa fejn dawk il-profitti jew dak it-telf ikun jista’ jiġi ddeterminat;

(e)it-telf għal partijiet terzi, li jinkludu detenturi ta’ poloz, ikkaġunat mill-ksur, meta dak it-telf ikun jista’ jiġi stabbilit;

(f)il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mal-awtorità superviżorja u mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni;

(g)ksur preċedenti mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli.

Għall-finijiet tal-punt (c), l-indikaturi tas-saħħa finanzjarja ta’ persuna fiżika jew ġuridika għandhom jinkludu l-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali tal-persuna fiżika responsabbli.

TITOLU VII
EMENDI GĦAD-DIRETTIVI 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2009/138/KE, (UE) 2017/1132 U GĦAR-REGOLAMENTI (UE) NRU 1094/2010 U (UE) NRU 648/2012

Artikolu 83

Emendi għad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 141 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 141

Setgħat superviżorji f’kondizzjonijiet finanazjarji li qed jiddeterjoraw

1.    Wara notifika skont l-Artikolu 136 jew wara l-identifikazzjoni ta’ kundizzjonijiet finanzjarji li jkunu qed jiddeterjoraw skont l-Artikolu 36(3), meta d-deċiżjonijiet tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, inklużi dawk finanzjarji, ikunu jirriżultaw fit-tliet xhur ta’ wara jew diġà jirriżultaw f’nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe wieħed mill-elementi msemmijin fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 36(2), l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi rrestawrata l-konformità.

2.    Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju u sal-punt ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti regolatorji, u jista’ jkun fihom dawn li ġejjin:

(a)il-ħtieġa li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża jaġġorna l-pjan ta’ rkupru preventiv imfassal f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*1, meta ċ-ċirkostanzi jkunu differenti mis-suppożizzjonijiet stabbiliti f’dak il-pjan;

(b)il-ħtieġa li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża jieħu miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru preventiv imfassal f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD]. Meta l-pjan jiġi aġġornat skont il-punt (a), il-miżuri meħudin għandu jkun fihom kwalunkwe miżura aġġornata;

(c)il-ħtieġa li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ impriża li ma jkollhiex fis-seħħ pjan ta’ rkupru preventiv kif imsemmi fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD], jidentifika l-kawżi tan-nuqqas ta’ konformità jew tan-nuqqas ta’ konformità probabbli mar-rekwiżiti regolatorji u li jidentifika miżuri u perjodu ta’ żmien xierqa għall-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti regolatorji;

(d)il-ħtieġa li l-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-impriża jissospendi jew jirrestrinġi r-remunerazzjoni varjabbli u l-bonusijiet, id-distribuzzjonijiet fuq strumenti ta’ fondi proprji jew ir-ripagament jew ir-riakkwist ta’ entrati ta’ fondi proprji.

3.    Meta l-pożizzjoni ta’ solvenza tal-impriża tkompli tiddeterjora wara notifika kif imsemmi fl-Artikoli 138(1) jew 139(1), l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu l-miżuri kollha, inklużi dawk imsemmijin fil-paragrafu 2, li jkunu neċessarji sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tad-detenturi ta’ poloz fil-każ ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni, jew l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti tar-riassigurazzjoni.

Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati u, b’hekk, jirriflettu l-livell tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ solvenza tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata.

_________________________________________________________________

*1    Id-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [PO, jekk jogħġbok daħħal referenza għall-IRRD].”;

(2)fl-Artikolu 267 jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Fil-każ ta’ applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD] u ta’ eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fil-Kapitolu IV, it-Titolu III, ta’ dik id-Direttiva, dan it-Titolu għandu japplika wkoll għall-impriżi tar-riassigurazzjoni u għall-entitajiet imsemmijin fil-punti (b) sa (e) tal-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva.

L-Artikoli 270 u 272 ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw meta jkun japplika l-Artikolu 63 tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD].

L-Artikolu 295 ta’ din id-Direttiva ma għandux japplika meta jkun japplika l-Artikolu 64 tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD].”;

(3)L-Artikolu 268(1) huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt (a)(ii) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(a)    “awtoritajiet kompetenti” tfisser jew l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji tal-Istati Membri li huma kompetenti għal miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew għall-proċedimenti ta’ stralċ, jew awtorità ta’ riżoluzzjoni kif definita fil-punt (7) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD] fir-rigward tal-miżuri ta’ riorganizzazzjoni meħudin skont dik id-Direttiva;”;

(b)il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)    “miżuri ta’ organizzazzjoni” tfisser miżuri li jinvolvu kwalunkwe intervent mill-awtoritajiet kompetenti li huma maħsubin sabiex jippreservaw jew jirrestawraw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża tal-assigurazzjoni u li jaffettwaw id-drittijiet preeżistenti ta’ partijiet għajr tal-impriża tal-assigurazzjoni nnifisha, inkluża s-sospensjoni tal-pagamenti jew tal-miżuri ta’ infurzar jew it-tnaqqis tal-pretensjonijiet, l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 26(3) tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD] u l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmijin fil-Kapitolu IV, it-Titolu III, tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD];”.

Artikolu 84

Emendi għad-Direttiva 2002/47/KE

Id-Direttiva 2002/47/KE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“6.    L-Artikoli 4 sa 7 ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għall-ebda restrizzjoni fuq l-infurzar ta’ arranġamenti ta’ kollateral finanzjarju jew ebda restrizzjoni fuq l-effett ta’ arranġament ta’ kollateral finanzjarju ta’ garanzija, dispożizzjoni ta’ close out netting jew ta’ tpaċija imposta skont it-Titolu IV, il-Kapitolu V jew VI tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*2, jew tat-Titolu V, il-Kapitolu III, it-Taqsima 3, jew il-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*3, jew it-Titolu III, il-Kapitolu III, it-Taqsima 4, jew il-Kapitolu IV tad-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*4, jew għal kwalunkwe restrizzjoni bħal din imposta bis-saħħa ta’ setgħat simili fid-dritt domestiku ta’ Stat Membru sabiex tiffaċilita r-riżoluzzjoni ordinata ta’ kwalunkwe entità kif imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li hija soġġetta għal salvagwardji tal-inqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu IV Kapitolu VII tad-Direttiva 2014/59/UE u fit-Titolu V, il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2021/23;

______________________________________________________________

*2Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

*3Ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1).

*4[PO, jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għall-IRRD].”;

(2)L-Artikolu 9a huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9a

Id-Direttiva 2008/48/KE, id-Direttiva 2014/59/UE, id-Direttiva (UE) xx/xx u r-Regolament (UE) 2021/23

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/48/KE, għad-Direttiva 2014/59/UE, għad-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*5 [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD] u għar-Regolament (UE) 2021/23.

_______________________________________________________

*5    Id-Direttiva xx/xx/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [PO, jekk jogħġbok daħħal referenza għall-IRRD]”.

Artikolu 85

Emendi għad-Direttiva 2004/25/KE

Fl-Arikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/25/KE, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 5(1) ta’ din id-Direttiva ma japplikax f’każ ta’ applikazzjoni ta’ għodod, ta’ setgħat u ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, fit-Titolu V tar-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*6 jew fit-Titolu III tad-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*7 [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD].

___________________________________________________________

*6Ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1).

*7Id-Direttiva xx/xx/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [PO, jekk jogħġbok daħħal referenza għall-IRRD]”.

Artikolu 86

Emendi għad-Direttiva 2007/36/KE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2007/36/KE, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-Direttiva ma tapplikax fil-każ tal-użu ta’ għodod, ta’ setgħat u ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*8, fit-Titolu V tar-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*9 jew fit-Titolu III tad-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*10 [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD].

______________________________________________________

*8Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

*9Ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1).

*10Id-Direttiva XX/XX/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [PO, jekk jogħġbok daħħal referenza għall-IRRD]’.”

Artikolu 87

Emenda għad-Direttiva (UE) 2017/1132

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 84, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 49, l-Artikolu 58(1), l-Artikolu 68(1), (2) u (3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 70(2), l-Artikoli 72 sa 75, 79, 80 u 81 ta’ din id-Direttiva ma japplikawx fil-każ tal-applikazzjoni tal-għodod, is-setgħat u l-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*11, jew fit-Titolu V tar-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*12 jew fit-Titolu III tad-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*13.

______________________________________________________

*11Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

*12Ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1).

*13Id-Direttiva (UE) XX/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [PO, jekk jogħġbok daħħal referenza għall-IRRD].”;

(2)l-Artikolu 86a huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)    il-kumpanija hija soġġetta għal għodod, għal setgħat u għal mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, fit-Titolu V tar-Regolament (UE) 2021/23 jew fit-Titolu III tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD].”;

(b)fil-paragrafu 4, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)    is-suġġett ta’ miżuri ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet kif definit fil-punt (101) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, fil-punt (48) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/23 jew fil-punt (75) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD].”;

(3)fl-Artikolu 87, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan il-Kapitolu ma japplikax għal kumpaniji li huma s-suġġett tal-applikazzjoni ta’ għodod, ta’ setgħat u ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, fit-Titolu V tar-Regolament (UE) 2021/23 jew fit-Titolu III tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD].”;

(4)l-Artikolu 120 jiġi emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 4, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)    il-kumpanija hija soġġetta għal għodod, għal setgħat u għal mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, fit-Titolu V tar-Regolament (UE) 2021/23 jew fit-Titolu III tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD].”;

(b)fil-paragrafu 5, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)    is-suġġett ta’ miżuri ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet kif definit fil-punt (101) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, fil-punt (48) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/23 jew fil-punt (75) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD].”;

(5)l-Artikolu 160a huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 4, il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)    il-kumpanija hija soġġetta għal għodod, għal setgħat u għal mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, fit-Titolu V tar-Regolament (UE) 2021/23 jew fit-Titolu III tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal referenza għall-IRRD].”;

(b)fil-paragrafu 5, il-punt (c) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(c)    is-suġġett ta’ miżuri ta’ prevenzjoni ta’ kriżijiet kif definit fil-punt (101) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, fil-punt (48) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/23 jew fil-punt (75) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal referenza għall-IRRD].”.

Artikolu 88

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1094/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)fil-punt (2) tal-Artikolu 4, il-punt (ii) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(i)    l-awtoritajiet superviżorji kif iddefiniti fil-punt (10) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE, l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kif iddefiniti fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*14, u l-awtoritajiet kompetenti kif iddefiniti fil-punt (8) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*15 u kif imsemmijin fid-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*16;”

(2)fl-Artikolu 40(6), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet ta’ aġir fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) xx/xx [PO, jekk jogħġbok daħħal in-numru tal-IRRD], il-membru tal-Bord tas-Superviżuri msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 jista’, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn rappreżentant mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni f’kull Stat Membru, li ma għandux ikollu vot.

_________________________________________________________________

*14    [PO, jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għall-IRRD].

*15    Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

*16    Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19).”.

Artikolu 89

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jiżdied il-punt li ġej:

“(r)    l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni deżinjati skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) xx/xx tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*17.

_______________________________________________________________

*17    [PO, jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għall-IRRD].”.

TITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 90

Kumitat ta’ Riżoluzzjoni tal-EIOPA

1.L-EIOPA għandha toħloq kumitat intern permanenti skont l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex iħejji d-deċiżjonijiet tal-EIOPA kif imsemmi fl-Artikolu 44 ta’ dak ir-Regolament, li jinkludu deċiżjonijiet dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni dwar il-kompiti li jkunu ngħataw lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva. Dak il-kumitat intern għandu jkun kompost mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva.

2.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-EIOPA għandha tikkoopera mal-ESMA u mal-EBA fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej stabbilit fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-EIOPA għandha tiżgura separazzjoni strutturali bejn il-kumitat ta’ riżoluzzjoni u funzjonijiet oħrajn imsemmijin fir-Regolament (UE) Nru 1094/2010. Il-kumitat ta’ riżoluzzjoni għandu jippromwovi l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u jiżviluppa metodi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet kif imsemmijin fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva li jkunu qed ifallu.

Artikolu 91

Kooperazzjoni mal-EIOPA

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni jikkooperaw mal-EIOPA għall-finijiet ta’ din id-Direttiva f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji u ta’ riżoluzzjoni għandhom, bla dewmien, jipprovdu lill-EIOPA bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex twettaq dmirijietha f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Artikolu 92

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [PO – daħħal data 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 87, 90 u 91 ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. L-Artikoli 88 u 89 għandhom jorbtu fl-intier tagħhom u japplikaw direttament fl-Istati Membri kollha.

Għandhom japplikaw l-Artikoli 1 sa 87, 90 u 91 minn [PO – żid data 18-il xahar u jum wara d-dħul fis-seħħ].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk l-Artikoli 1 sa 87, 90 u 91, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 93

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 94

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    COM(2021)581.
(2)    Ara l- Opinjoni tal-EIOPA għall-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-armonizzazzjoni tal-oqfsa ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni għall-assiguraturi (għar-riassiguraturi) madwar l-Istati Membri, Lulju 2017.
(3)    https://www.eiopa.europa.eu/content/opinion-2020-review-of-solvency-ii_en
(4)    Rapport tal-BERS, “Recovery and resolution for the EU insurance sector: a macroprudential perspective, Awwissu 2017. Ir-Rapport tal-BERS “Macroprudential provisions, measures and instruments for insurance”, Novembru 2018.
(5)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment
(6)    Ir-Regolament (UE) 2021/23 tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali
(7)    Żid referenza għall-valutazzjoni tal-impatt
(8)    https://www.eiopa.europa.eu/content/opinion-2020-review-of-solvency-ii_en.
(9)     https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12461-Review-of-measures-on-taking-up-and-pursuit-of-the-insurance-and-reinsurance-business-Solvency-II-/public-consultation
(10)    Ara t-taqsimiet 11.6 u 12 fil- Valutazzjoni tal-Impatt tal-EIOPA u t-taqsima 12 fid- Dokument ta’ Sfond . L-Opinjoni tal-EIOPA dwar ir-rieżami ta’ Solvenza II kienet preċeduta minn Opinjoni dwar l-armonizzazzjoni tal-oqfsa ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni għal (ri)assiguraturi madwar l-Istati Membri (il-5 ta’ Lulju 2017) u Dokument ta’ Diskussjoni dwar il-Finanzjament tar-Riżoluzzjoni u l-Iskemi Nazzjonali ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni (EIOPA, Lulju 2018).
(11)    L-EIOPA qieset u kkonsultat dwar dawn l-għażliet fid- Dokument ta’ Diskussjoni dwar il-Finanzjament tar-Riżoluzzjoni u l-Iskemi Nazzjonali ta’ Garanzija tal-Assigurazzjoni (EIOPA, it-30 ta’ Lulju 2018).
(12)    ĠUC , , p. .
(13)    ĠU C , , p. .
(14)    Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(15)    Il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, Key Attributes of Effective Resolution Regimes for Financial Institutions, 2014.
(16)    Il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, Developing Effective Resolution Strategies and Plans for Systemically Important Insurers, 2016.
(17)    L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni, Insurance Core Principles and Common Framework for the Supervision of Internationally Active Insurance Groups, 2019.
(18)    Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(19)    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).
(20)    Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).
(21)    Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri, (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).
(22)    Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati (ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17).
(23)    Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).
(24)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(25)    Ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1).
(26)    Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(27)    Id-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).
(28)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(29)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(30)    Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/35 tal-10 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2009/138/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), (ĠU L 012 17.1.2015, p. 1).
(31)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).
(32)    Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(33)    Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).
(34)    Id-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 fuq l-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ stock exchange uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tkun ippubblikata fuq dawk it-titoli (ĠU L 184, 6.7.2001, p. 1).
(35)    Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).
(36)    Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).