IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 15.9.2021
COM(2021) 574 final
2021/0293(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali”
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2021) 247 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha
Fid-9 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (“Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali”). Il-Komunikazzjoni ppreżentat viżjoni, miri u toroq għal trasformazzjoni diġitali b’suċċess tal-Unjoni Ewropea sal-2030. Din it-trasformazzjoni hi wkoll kritika biex tinkiseb it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ċirkolari u reżiljenti. L-ambizzjoni tal-UE hi li tkun sovrana diġitalment f’dinja miftuħa u interkonnessa, u li ssegwi politiki diġitali li jagħtu s-setgħa lin-nies u lin-negozji biex isawru futur diġitali ffokat fuq il-bniedem, sostenibbli u aktar prosperu. Dan jinkludi li jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet u d-dipendenzi u li jitħaffef l-investiment. Il-Komunikazzjoni wieġbet
is-sejħa tal-Kunsill Ewropew
għal “Kumpass Diġitali”, u hi msejsa fuq
l-istrateġija diġitali
tal-Kummissjoni ta’ Frar 2020. Il-Komunikazzjoni pproponiet li jintlaħaq qbil fuq sett ta’ prinċipji diġitali, li jitniedu malajr proġetti multinazzjonali importanti, u li titħejja proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi governanza soda b’mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni mal-Istati Membri biex ikun żgurat il-progress – il-Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali (“Programm ta’ Politika”)”.
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza tat-trasformazzjoni diġitali għall-irkupru, il-prosperità, is-sigurtà u l-kompetittività tal-Unjoni u għall-benesseri tas-soċjetajiet tagħna. Enfasizza wkoll il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sovranità diġitali tal-UE b’mod awtodeterminat u miftuħ, billi din tissejjes fuq il-preġji tagħha u jonqsu d-dgħufijiet tagħha u billi tittieħed azzjoni intelliġenti u selettiva li tippreserva s-swieq miftuħa u l-kooperazzjoni dinjija. Identifika l-“Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” bħala pass lejn it-tfassil tal-iżvilupp diġitali tal-UE għad-deċennju li jmiss. Stieden rieżami rapidu fid-dawl tat-tħejjija tal-Programm ta’ Politika previst “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali”. Barra minn hekk, stieden lill-Kummissjoni biex twessa’ s-sett ta’ għodod ta’ politika tal-Unjoni Ewropea għat-trasformazzjoni diġitali, kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f’dak nazzjonali, u biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli mill-politika industrijali, kummerċjali u tal-kompetizzjoni, il-ħiliet u l-edukazzjoni, il-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul biex tiffaċilita t-trasformazzjoni diġitali.
Il-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali ħabbret ukoll li l-Kummissjoni se tippreżenta sett ta’ prinċipji u drittijiet diġitali f’dikjarazzjoni solenni interistituzzjonali bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Il-proposta se tibni fuq l-esperjenza tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u fuq l-inizjattivi riċenti tal-Istati Membri fil-qasam, b’mod partikolari d-“Dikjarazzjoni ta’ Lisbona – Demokrazija Diġitali bi Skop” imnedija mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill.
Il-“Perkors għad-Deċennju Diġitali” għandu l-għan li jiżgura li l-Unjoni Ewropea tilħaq l-objettivi u l-miri tagħha lejn trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-ekonomija tagħna f’konformità mal-valuri tal-UE, filwaqt li ssaħħaħ it-tmexxija diġitali tagħna u tippromwovi politiki diġitali li jiffokaw fuq il-bniedem, inklużivi u sostenibbli li jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini u lin-negozji. Dan bil-għan li t-trasformazzjoni diġitali tal-UE ssir f’konformità ma’ din il-viżjoni billi jiġi stabbilit proċess ċar, strutturat u kollaborattiv biex jinkiseb dan ir-riżultat.
Għal dan l-għan, il-“Perkors għad-Deċennju Diġitali” jistabbilixxi l-miri diġitali konkreti li l-Unjoni kollha kemm hi mistennija tilħaq sa tmiem id-deċennju, kif delinjat għall-ewwel darba fil-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali. Imbagħad jistabbilixxi forma ġdida ta’ governanza mal-Istati Membri, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni annwali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-Unjoni tilħaq l-ambizzjoni tagħha b’mod konġunt. Il-miri diġitali għall-2030 huma bbażati fuq erba’ punti kardinali: il-ħiliet diġitali, l-infrastrutturi diġitali, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.
Fid-dinja ta’ għada, il-ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati se jkunu essenzjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tagħna bħala soċjetà: iċ-ċittadini b’setgħa u kapaċitajiet diġitali u forza tax-xogħol b’ħiliet diġitali għoljin biss jistgħu jkunu l-mexxejja tad-destin tagħhom stess, kunfidenti u assertivi fil-mezzi, fil-valuri u fl-għażliet tagħhom. Filwaqt li naturalment għandu l-għan li jagħti ħiliet diġitali bażiċi lill-popolazzjoni kollha tal-Unjoni Ewropea, skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-“Perkors għad-Deċennju Diġitali” jipproġetta l-mira għal dawk li għandhom bejn is-16 u l-74 sena b’mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi sa 80% fl-2030. Barra minn hekk, it-taħriġ u l-edukazzjoni diġitali jenħtieġ li jappoġġaw forza tax-xogħol li tippermetti lin-nies jiksbu ħiliet diġitali speċjalizzati biex ikollhom impjiegi ta’ kwalità u karrieri ta’ sodisfazzjon. Barra minn hekk, se jkun essenzjali li jiġi indirizzat in-nuqqas kbir tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà fil-forza tax-xogħol tal-UE, bħala komponent importanti tal-protezzjoni tal-UE kontra t-theddid ċibernetiku. Għalhekk, minbarra l-mira dwar il-ħiliet diġitali bażiċi stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-UE għandu jkollha mira ta’ 20 miljun speċjalista impjegati fis-settur tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni fl-UE, b’konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel.
Jekk il-ħiliet ikunu prerekwiżit meħtieġ, l-istrument abilitanti essenzjali għat-teħid ta’ vantaġġ mill-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni, għal aktar żviluppi teknoloġiċi u għat-tmexxija diġitali tal-Ewropa hu infrastruttura diġitali sostenibbli għall-konnettività, il-mikroelettronika u l-kapaċità li tiġi pproċessata data vasta. Konnettività eċċellenti u sigura għal kulħadd u kullimkien fl-Ewropa, inkluż f’żoni rurali u remoti, se tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej kollha jgawdu bis-sħiħ l-opportunitajiet tad-Deċennju Diġitali. Il-ħtiġijiet tas-soċjetà għall-wisa’ tal-banda tad-download u tal-upload qed jiżdiedu b’mod kostanti. Sal-2030, jenħtieġ li n-networks b’veloċitajiet tal-gigabits ikunu disponibbli f’kundizzjonijiet aċċessibbli għal dawk kollha li jeħtieġu jew jixtiequ din il-kapaċità, u maż-żoni popolati kollha koperti mill-5G. Bl-istess mod, il-mikroproċessuri jkunu fil-bidu tal-biċċa l-kbira tal-ktajjen ta’ valur strateġiċi ewlenin, bħall-karozzi konnessi, it-telefowns, l-Internet tal-Oġġetti, il-kompjuters ta’ prestazzjoni għolja, l-edge computers u l-Intelliġenza Artifiċjali. Għalhekk, il-produzzjoni ta’ semikondutturi mill-aktar avvanzati u sostenibbli fl-Ewropa, inkluż il-proċessuri, jenħtieġ li sal-2030 tkun mill-inqas 20% tal-produzzjoni dinjija f’termini ta’ valur (jiġifieri kapaċitajiet tal-manifattura taħt nodi ta’ 5nm, li jimmiraw għal 2nm, u 10 darbiet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija mil-lum). Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu installati 10 000 edge node sigur u newtrali għall-klima fl-UE sal-2030, b’mod li jiggarantixxi l-aċċess għal servizzi ta’ data b’latenza baxxa kull fejn ikunu jinsabu n-negozji.
Lil hinn mill-istrumenti abilitanti, it-teknoloġija kollha msemmija se tkun fil-qalba ta’ prodotti ġodda, proċessi ġodda ta’ manifattura u mudelli kummerċjali ġodda bbażati fuq il-kondiviżjoni ġusta tad-data fl-ekonomija tad-data. F’dan il-kuntest, l-ebda negozju ma jista’ jitħalla lura. It-trasformazzjoni tan-negozji se tkun tiddependi fuq il-kapaċità tagħhom li jadottaw teknoloġiji diġitali ġodda malajr u b’mod ġenerali, inkluż fl-ekosistemi industrijali u tas-servizzi li bħalissa għadhom lura. Dan hu partikolarment importanti għan-negozji ż-żgħar li jikkostitwixxu s-sinsla tal-ekonomija Ewropea. Din hi r-raġuni għalfejn sal-2030 mill-inqas 75% tal-intrapriżi Ewropej kellhom jadottaw servizzi tal-cloud computing, big data u Intelliġenza Artifiċjali; u aktar minn 90% tal-SMEs Ewropej jenħtieġ li jkunu laħqu mill-inqas livell bażiku ta’ intensità diġitali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lill-innovazzjoni avvanzata u fixkiela li għandha l-għan li tirdoppja l-għadd ta’ unicorns fl-Ewropa sal-2030, permezz tat-tkabbir tas-sensiela ta’ negozji innovattivi tal-UE li qed jespandu u t-titjib tal-aċċess tagħhom għall-finanzi.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, sal-2030, il-ħajja demokratika u s-servizzi pubbliċi online jridu jkunu aċċessibbli kompletament għal kulħadd, u kulħadd irid jibbenefika minn ambjent diġitali mill-aqwa li jipprovdi servizzi u għodod faċli biex jintużaw, effiċjenti u personalizzati bi standards għoljin ta’ sigurtà u privatezza. Il-Gvern bħala Pjattaforma hu l-mod il-ġdid kif jinbnew is-servizzi pubbliċi diġitali. L-ambizzjoni hi li sal-2030, il-forniment online kollu ta’ servizzi pubbliċi ewlenin ikun disponibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji Ewropej, li ċ-ċittadini Ewropej kollha jkollhom aċċess għar-rekords mediċi (rekords elettroniċi) tagħhom u li 80% taċ-ċittadini jużaw soluzzjoni ta’ ID diġitali.
Biex jintlaħqu dawn il-miri, hemm bżonn sforz konġunt mill-Istati Membri kollha u fil-livell tal-Unjoni, b’investimenti konġunti, meta meħtieġ. Din se sseħħ biss b’mod armonjuż, inklużiv u sostenibbli, permezz ta’ konverġenza kkoordinata apposta fil-livell tal-Unjoni. Dan hu l-għan tas-sistema ta’ governanza ġdida stabbilita fil-“Perkors għad-Deċennju Diġitali”.
Dan jinvolvi l-monitoraġġ u r-rapportar dwar il-progress diġitali li se jiġi ppreżentat f’rapport annwali dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”, li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill. F’dik l-okkażjoni, il-Kummissjoni tikkondividi l-valutazzjoni strateġika tagħha tat-trasformazzjoni diġitali tal-UE mal-Kunsill u mal-Parlament, u tipprovdi azzjonijiet u miżuri rakkomandati lill-Istati Membri jew tiddiskuti impenji konġunti meħuda bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.
Biex titwassal il-viżjoni Ewropea għad-Deċennju Diġitali, huma meħtieġa kapaċitajiet diġitali fl-erba’ oqsma tal-Kumpass Diġitali, li jistgħu jitwettqu biss jekk l-Istati Membri u l-UE jikkondividu r-riżorsi. L-investiment fi proġetti multinazzjonali li għandhom l-iskala meħtieġa u l-massa kritika hu essenzjali biex l-industrija tista’ tkun fuq quddiem nett tal-innovazzjoni u tikkompeti globalment, u biex l-Unjoni ssaħħaħ is-sovranità diġitali tagħha. Madankollu, l-isfida hi li tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni u li jiġu pprovduti proċessi effiċjenti u rapidi, inkluż “permezz ta’ veikoli xierqa biex jiġu appoġġati proġetti multinazzjonali” kif mitlub mill-Kunsill Ewropew, biex jinħolqu inċentivi għall-Istati Membri biex jgħaqqdu l-preġji tagħhom flimkien. Filwaqt li jeżistu għadd ta’ strumenti, hemm lakuna fis-sett ta’ għodod tal-UE biex jiġu kkombinati l-finanzjament mill-Istati Membri, il-baġit tal-UE u l-investiment privat għall-finijiet tal-iskjerament u t-tħaddim ta’ infrastrutturi u servizzi ta’ interess komuni, barra mill-qasam tar-riċerka.
Għal dan l-għan, “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” għandu l-għan li jappoġġa u jikkoordina l-iskjerament u t-tħaddim ta’ Proġetti Multinazzjonali. Dan jipprevedi struttura legali li tippermetti t-twaqqif u l-implimentazzjoni rapidi u flessibbli ta’ proġetti koffinanzjati minn diversi Stati Membri, mill-Kummissjoni, mill-Grupp tal-BEI, minn investituri pubbliċi u privati, u minn partijiet privati oħrajn, b’mod partikolari għall-iskjerament madwar il-pajjiżi ta’ infrastrutturi u/jew servizzi diġitali fuq skala kbira, filwaqt li jiġi żgurat li dawn jibqgħu miftuħa għall-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha.
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-Programm ta’ Politika preżenti “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” jikkumplimenta, jissodisfa u jimplimenta l-viżjoni, il-miri u l-azzjonijiet previsti fil-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali u għandu l-għan li jikkonsolida u jiżgura li l-azzjonijiet definiti fl-Istrateġija tal-2019 bit-titolu “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa” jiġu implimentati b’mod effettiv. Din il-proposta hi konsistenti wkoll mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li taġġorna l-istrateġija industrijali l-ġdida tal-2020, li tidentifika oqsma ta’ dipendenzi strateġiċi li jistgħu jwasslu għal vulnerabbiltajiet bħal nuqqas ta’ provvista jew riskji marbuta maċ-ċibersigurtà. Din il-proposta hi konsistenti wkoll mal-objettivi tal-Osservatorju għat-Teknoloġiji Kritiċi, li għandu l-għan li jgħin biex jiġu identifikati d-dipendenzi strateġiċi diġitali attwali u futuri possibbli tal-Unjoni u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sovranità diġitali tagħha.
Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni
Din id-Deċiżjoni tibni wkoll fuq il-proposti ta’ politika eżistenti (eż. l-Att dwar il-Governanza tad-Data, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-Att dwar is-Swieq Diġitali u dawk taħt l-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà), u l-istrumenti baġitarji tal-Unjoni (eż. il-programmi ta’ Koeżjoni, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, il-Programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa u InvestEU) u fuq l-allokazzjoni minima ta’ 20% għat-tranżizzjoni diġitali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Din il-proposta hi konsistenti wkoll mal-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, mal-Aġenda għall-Ħiliet tal-UE, mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, u tibni fuq ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021, li jsostni t-tmexxija globali tal-UE fit-triq lejn l-2050.
Din il-proposta hi konsistenti wkoll mal-inizjattivi ppreżentati mill-Kummissjoni fil-pakkett tal-Patt Ekoloġiku.
Filwaqt li l-Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” jikkonċerna biss l-Istati Membri tal-UE, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi se tkompli b’mod parallel, kif stabbilit ukoll fil-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali. B’mod partikolari, il-kooperazzjoni mas-sħab tal-viċinat u tat-tkabbir tal-UE se tindirizza wkoll aspetti rilevanti tal-Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” u se tiġi infurmata minnu, filwaqt li twitti t-triq għal integrazzjoni sħiħa, meta rilevanti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din id-deċiżjoni hi l-Artikolu 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
L-Artikolu 173(3) tat-TFUE jistabbilixxi li l-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jistgħu jiddeċiedu dwar miżuri speċifiċi b’appoġġ għall-azzjoni meħuda fl-Istati Membri biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni jkunu fis-seħħ. Din il-bażi ġuridika hi xierqa għax din id-deċiżjoni għandha l-għan li taċċellera t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija tal-UE, issaħħaħ is-sovranità diġitali, tagħti spinta lill-kapaċitajiet industrijali, tiffaċilita l-iżvilupp ta’ negozji ġodda innovattivi u intrapriżi żgħar u medji (SMEs), u tħeġġeġ investimenti ġodda fl-innovazzjoni, fir-riċerka u fl-iżvilupp teknoloġiku.
F’dan il-kuntest, hu partikolarment rilevanti li r-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jipprevedi riformi u investimenti fit-teknoloġiji diġitali, fl-infrastruttura, fil-ħiliet u fil-proċessi biex itejbu l-kompetittività globali tal-Unjoni u jgħinuha ssir aktar reżiljenti, aktar innovattiva u inqas dipendenti permezz tad-diversifikazzjoni tal-ktajjen ta’ provvista ewlenin. B’mod partikolari, jenħtieġ li r-riformi u l-investimenti jippromwovu d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi u l-iżvilupp ta’ infrastruttura diġitali u tad-data, raggruppamenti u ċentri ta’ innovazzjoni diġitali, u soluzzjonijiet diġitali miftuħa. Jenħtieġ li t-tranżizzjoni diġitali tinċentiva wkoll id-diġitalizzazzjoni tal-SMEs. Jenħtieġ li l-investimenti f’teknoloġiji diġitali jirrispettaw il-prinċipju tal-interoperabbiltà, l-effiċjenza enerġetika u jikkonformaw mal-protezzjoni tad-data personali, jippermettu l-parteċipazzjoni tal-SMEs u tan-negozji ġodda, u jippromwovu l-użu ta’ soluzzjonijiet b’sors miftuħ.
Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
L-inizjattiva hi f’qasam ta’ kompetenza kondiviża li fih jenħtieġ li jiġu indirizzati l-problemi transfruntieri u tranżnazzjonali rilevanti.
It-trasformazzjoni diġitali tikkonċerna l-oqsma ta’ politika kollha u teħtieġ azzjoni konġunta minn varjetà ta’ partijiet ikkonċernati, u l-involviment tal-Istati Membri, inkluż minn naħa għal oħra tal-fruntiera. L-isfidi biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri se jeħtieġu rispons rapidu u kkoordinat fil-livell tal-UE. L-aderenza ma’ prinċipji u miri komuni, il-ġbir flimkien tar-riżorsi, il-bini tal-kapaċità u l-iskjerament b’mod wiesa’ madwar l-Unjoni jistgħu jsaħħu l-ekonomija kollha tal-UE, u jippermettu lill-Unjoni tikkompeti globalment u ssawwar trasformazzjoni diġitali globali msejsa fuq il-valuri u d-drittijiet fundamentali Ewropej. In-nuqqas ta’ investiment fit-teknoloġiji u tal-iskjerament tagħhom u n-nuqqas ta’ żvilupp tal-ħiliet diġitali taċ-ċittadini biex dawn jingħataw is-setgħa li jibbenefikaw bis-sħiħ mit-teknoloġiji diġitali jistgħu jillimitaw il-kapaċità tal-UE li tindirizza l-isfidi urġenti relatati mal-klima u sfidi oħrajn ta’ sostenibbiltà.
L-azzjoni fil-livell tal-UE hi b’mod ċar l-aħjar mezz biex l-atturi Ewropej jiġu xprunati jiksbu viżjonijiet, objettivi u miri komuni, u jadottaw pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi komuni li jipprovdu bażi għal standards u normi globali. Din hi kruċjali biex jiġu ġġenerati ekonomiji ta’ skala u ta’ kamp ta’ applikazzjoni, u l-massa kritika meħtieġa għal kapaċitajiet mill-aktar avvanzati, u b’hekk tiġi limitata (jekk mhux evitata) frammentazzjoni tal-isforzi fl-UE u soluzzjonijiet nazzjonali subottimali.
Din il-forma ġdida ta’ governanza, permezz tal-qafas ta’ rapportar u mekkaniżmu funzjonali ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, mistennija ġġib magħha benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali usa’ għall-Istati Membri u għall-partijiet ikkonċernati. Il-mekkaniżmu robust ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni se jgħin biex jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri tagħha jilħqu b’mod kollettiv l-objettivi tad-Deċennju Diġitali u jsibu soluzzjonijiet ikkoordinati u effettivi għal sfidi komuni b’mod affordabbli. Attività wiesgħa ta’ rapportar se tiżgura t-trasparenza għall-partijiet ikkonċernati kollha. Din hi imperattiva fid-dawl tal-ħtiġijiet konsiderevoli ta’ investiment tat-trasformazzjoni diġitali matul id-deċennju li ġej.
Proporzjonalità
Din il-proposta tibni fuq l-inizjattivi ta’ politika u l-oqfsa legali eżistenti u hi proporzjonata biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri tagħha. L-ewwel nett, dan il-Programm ta’ Politika jikkumplimenta l-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali, li ħabbret it-tħejjija tiegħu, u għandu l-approvazzjoni sħiħa tal-Kunsill Ewropew.
Barra minn hekk, dan ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jilħaq l-objettivi u l-miri tiegħu minħabba li jistabbilixxi mekkaniżmu ġdid għal kooperazzjoni strutturata u trasparenti fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni, li jenħtieġ li jwassal għal politiki, miżuri u azzjonijiet miftiehma li jridu jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni. Barra minn hekk, din il-proposta tipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda politiki, miżuri u azzjonijiet lill-Istati Membri u li għandhom jittieħdu fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali, b’mod partikolari lil dawk l-Istati Membri li ma għamlux progress biżżejjed lejn l-objettivi u l-miri stabbiliti jew meta jkunu ġew identifikati lakuni abbażi tar-rapport dwar l-istat tad-Deċennju Diġitali u l-proċess ta’ kooperazzjoni sussegwenti. Meta Stat Membru jonqos milli jadotta aġġustamenti għall-pjan direzzjonali strateġiku nazzjonali tiegħu tad-Deċennju Diġitali, filwaqt li jqis il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni, jew meta r-raġunijiet ipprovduti għan-nuqqas ta’ dan jitqiesu bħala insuffiċjenti, il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjoni, inkluż analiżi speċifika ta’ kif dan in-nuqqas jista’ jkollu impatt fuq l-ilħuq tal-objettivi u tal-miri diġitali fil-livell tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu bis-sħiħ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u, meta jiddeċiedu li ma jindirizzawx xi rakkomandazzjoni jew parti sostanzjali minnha, jenħtieġ li jipprovdu r-raġunijiet tagħhom u jagħmluhom pubbliċi.
Għażla tal-istrument
Il-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali tinkludi referenza għal Kumpass Diġitali fil-forma ta’ programm ta’ politika diġitali li għandu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz tal-“proċedura leġiżlattiva ordinarja”.
Minħabba li l-Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” hu indirizzat l-iżjed lill-Istati Membri u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, l-aktar strument legali xieraq hu Deċiżjoni. Deċiżjoni trendi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni li jinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bħala vinkolanti bl-għan li jiġu appoġġati u jintlaħqu l-miri indikattivi tal-UE stabbiliti fid-Deċiżjoni. Deċiżjoni tipproduċi effetti diretti immedjati lejn dawk li lilhom tiġi indirizzata.
Għalhekk, hu propost li l-Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” jiġi adottat f’forma ta’ Deċiżjoni bbażata fuq l-Art. 288(4) tat-TFUE. Tali deċiżjoni għandha tkun vinkolanti fl-intier tagħha u tispeċifika lil dawk li lilhom tiġi indirizzata u għandha tkun vinkolanti biss fuqhom.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni ħeġġet lill-partijiet ikkonċernati u liċ-ċittadini biex jipprovdu kontribut dwar l-iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm ta’ Politika; il-miżuri konkreti taħt il-Programm u qieset ir-rispons li rċeviet. Il-Kummissjoni ppubblikat pjan direzzjonali għal perjodu ta’ rispons ta’ erba’ ġimgħat (bejn l-24 ta’ Ġunju u t-22 ta’ Lulju 2021). Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika mmirata ta’ sitt ġimgħat (mit-22 ta’ Ġunju sat-3 ta’ Awwissu 2021) biex tippermetti lill-partijiet ikkonċernati interessati kollha jipprovdu kontribut u jkejlu u jiġġeneraw appoġġ minn bosta partijiet ikkonċernati għall-iżvilupp tal-programm ta’ politika. Inħoloq ukoll spazju fuq il-pjattaforma Futurium biex jinteraġixxi mal-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet speċifiċi. Biex jiġi żgurat l-akbar involviment possibbli tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż ir-rappreżentanti tal-industrija, tas-soċjetà, tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri, il-Kummissjoni organizzat ukoll avveniment ta’ livell għoli (Assemblea Diġitali fl-1 ta’ Ġunju), involviet ruħha f’diskussjoni interistituzzjonali mal-koleġiżlaturi (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill), u wettqet konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.
Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati kienu b’mod ġenerali ta’ appoġġ għall-inizjattiva tal-Kummissjoni u l-intenzjoni tagħha li toperazzjonalizza l-ambizzjoni diġitali tal-UE f’mekkaniżmu konkret ta’ monitoraġġ u rapportar. Huma jappoġġaw lill-Kummissjoni biex tieħu dan il-pass li jmiss li tistabbilixxi mekkaniżmu ddedikat ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni biex torganizza l-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri. Jenħtieġ li l-istrutturi, il-monitoraġġ u r-rapportar eżistenti jiġu allinjati u msaħħa fil-livell tal-UE u, għalhekk, kooperazzjoni strutturata u monitoraġġ u rapportar tal-progress fil-livell tal-Unjoni jżidu valur sinifikanti għal viżjoni komuni għal Ewropa adattata għall-era diġitali.
Ħafna rispondenti indikaw li s-suċċess tat-trasformazzjoni diġitali hu marbut mill-qrib mat-teknoloġiji identifikati fil-kumpass diġitali. Il-punti kardinali magħżula huma rilevanti u bbilanċjati tajjeb u konkreti biżżejjed. Huma jqisu li l-Programm ta’ Politika li jmiss se jintroduċi mekkaniżmu ġdid ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni għal kooperazzjoni mill-qrib u koordinazzjoni effettiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dan l-approċċ strateġiku hu essenzjali biex jinħolqu rabtiet xierqa bejn l-Istati Membri fil-livell politiku u fil-livell tal-esperti għall-implimentazzjoni b’suċċess ta’ proġetti multinazzjonali. Minbarra l-miri, ir-rispondenti jqisu li jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħmlu aktar fuq l-inċentivar u l-koordinazzjoni tal-investimenti fil-livell tal-UE madwar ftit prijoritajiet li joħorġu mill-aġenda diġitali usa’ tal-UE. Biex tiġi żgurata trasformazzjoni diġitali sħiħa u ta’ suċċess madwar l-UE u għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej, tan-negozji u tal-amministrazzjoni pubblika, hu meħtieġ qafas regolatorju komprensiv u adattat. Dan se jġib il-viżibbiltà u s-sigurtà meħtieġa għall-atturi privati u pubbliċi biex jimplimentaw il-lievi bl-għan li jintlaħqu l-miri diġitali komuni tal-UE għall-2030. Ħafna rispondenti jqisu l-appoġġ u l-promozzjoni tal-iskambju ta’ kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki madwar l-Istati Membri bħala azzjoni ta’ prijorità biex jitħaffef il-progress lejn il-miri tad-Deċennju Diġitali.
Xi rispondenti saħqu wkoll li l-kontribut għall-objettivi tas-soċjetà ta’ ordni ogħla jenħtieġ li jingħata prijorità biex jiġi żgurat li l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali għall-objettivi tas-soċjetà jiġi vvalutat abbażi tar-regolarità, għax il-kwalità u d-direzzjoni tat-tkabbir diġitali huma importanti wkoll, u jeħtieġ li jiġu żgurati bi prijoritajiet u prinċipji strateġiċi li se jintużaw flimkien ma’ indikaturi kwantitattivi. Ħafna saħqu fuq l-importanza ta’ kunsiderazzjoni u valutazzjoni aħjar tal-impatti ambjentali tad-diġitalizzazzjoni fit-trasformazzjoni diġitali, biex dawn jitnaqqsu u fl-istess ħin biex it-teknoloġiji diġitali jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika.
Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert
Il-Kummissjoni straħet fuq sett solidu u wiesa’ ta’ evidenza b’appoġġ għall-approċċ propost fil-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali u kkonkretizzat permezz ta’ dan il-Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali”.
Fir-rigward tal-miri u l-indikaturi, il-Programm ta’ Politika jiddependi notevolment fuq
Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) imtejjeb
, li hu indiċi kompost li jimmonitorja l-prestazzjoni diġitali tal-Ewropa u jsegwi l-evoluzzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-kompetittività diġitali, inkluż l-analiżi tal-politiki diġitali nazzjonali. L-istudji ewlenin li jiġbru data għad-DESI dwar il-kopertura u l-prezzijiet tal-broadband, il-valutazzjoni komparattiva tal-gvern elettroniku u l-istħarriġ tan-negozju jikkontribwixxu wkoll għall-proċess tal-ġbir tad-data rilevanti. Perspettiva ħolistika tal-vulnerabbiltajiet u l-kapaċitajiet diġitali tal-UE, marbuta wkoll ma’ dimensjonijiet oħra ta’ reżiljenza (ekoloġika, soċjali u ekonomika, u ġeopolitika), tinsab fid-Dashboards tar-Reżiljenza diġitali.
Flimkien ma’ ħafna studji oħrajn imsemmija fil-Komunikazzjoni, studju maħruġ minn McKinsey f’Settembru 2020 jippreżenta analiżi aġġornata u profonda tal-isfidi li għandha quddiemha l-UE fir-rigward tat-trasformazzjoni diġitali tagħha u tal-azzjonijiet meħtieġa biex din tiġi sfruttata bl-aħjar mod.
Valutazzjoni tal-impatt
Skont il-linji gwida fl-Istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni ma qisitx li jeħtieġ issir Valutazzjoni tal-Impatt u minflok ipprovdiet SWD li jakkumpanja l-proposta tad-Deċiżjoni. Il-Komunikazzjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, li kienet approvata mill-Kunsill Ewropew, diġà spjegat mekkaniżmu dettaljat ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni li kien ġie segwit mill-qrib fil-proposta tad-Deċiżjoni. Peress li fil-Komunikazzjoni ġew stabbiliti b’mod sod għadd ta’ elementi (eż. miri, mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni, qafas għall-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali), ftit li xejn fadal lok għal manuvrar f’termini ta’ għażliet ta’ politika, li l-analiżi tagħhom tinsab fil-qalba ta’ Valutazzjoni tal-Impatt.
F’konformità mal-Komunikazzjoni, id-Deċiżjoni proposta telenka miri diġitali komuni tul erba’ punti kardinali biex l-ambizzjoni tal-UE għal Unjoni diġitalizzata b’suċċess sal-2030 tiġi trasformata f’objettivi konkreti komuni. Id-Deċiżjoni proposta tispeċifika biss kif se jitkejlu l-miri. Barra minn hekk, il-forma l-ġdida ta’ governanza, permezz tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni, tiddependi notevolment fuq id-DESI diġà eżistenti, indiċi kompost li jimmonitorja l-prestazzjoni diġitali tal-UE li se jittejjeb biex ikun jirrifletti l-miri l-ġodda. Filwaqt li d-Deċiżjoni proposta tipprevedi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni li għandu l-għan li jippermetti l-monitoraġġ tal-progress lejn l-ilħuq tal-miri, azzjonijiet konkreti possibbli li jistgħu jiġu ssuġġeriti bħala riżultat tal-monitoraġġ se jkunu biss eżitu ta’ proċess iterattiv u kooperattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li għandu jseħħ sussegwentement, fil-forma ta’ azzjonijiet rakkomandati. Billi l-azzjonijiet konkreti neċessarjament se jkunu identifikabbli biss wara l-istabbiliment tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni u, b’mod partikolari, bħala eżitu tal-proċess ta’ monitoraġġ, l-impatt preċiż tal-Programm f’dan l-aspett partikolari ma jistax jiġi identifikat ex ante.
Billi l-ispettru hu strument abilitanti essenzjali għall-progress lejn il-miri tad-Deċennju Diġitali, b’mod partikolari biex tinkiseb infrastruttura diġitali sigura, effiċjenti u sostenibbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrapportaw ukoll dwar il-politiki u l-miżuri adottati u futuri tagħhom rigward id-disponibbiltà u l-possibbiltà li jużaw l-ispettru tar-radju għall-utenti eżistenti u għall-investituri u l-operaturi prospettivi. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi gwida dwar kif l-aħjar jiġu organizzati dawn il-politiki u l-miżuri biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali l-objettivi u l-miri diġitali ta’ din id-deċiżjoni. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tipproponi orjentazzjonijiet jew mekkaniżmi strateġiċi ġodda tal-politika dwar l-ispettru skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-11 ta’ Diċembru 2018.
Il-Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” jipprevedi wkoll mekkaniżmu għal struttura legali li tippermetti t-twaqqif u l-implimentazzjoni rapidi u flessibbli ta’ proġetti multinazzjonali, b’mod partikolari għall-iskjerament fil-pajjiżi ta’ infrastrutturi u/jew servizzi diġitali fuq skala kbira. Il-kombinazzjoni tal-fondi mill-programm tal-Unjoni ġestit ċentralment ma’ riżorsi impenjati mill-Istati Membri jenħtieġ li tkun possibbli, inklużi, taħt ċerti kundizzjonijiet, kontribuzzjonijiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif spjegat fil-Parti 3 tal-gwida tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-istruttura legali se tipprevedi arranġamenti standard li jirregolaw kwistjonijiet komuni bħall-governanza tal-proġett, ir-responsabbiltà, is-sjieda u l-ġestjoni tad-data, kif ukoll il-ġbir flimkien ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament, li jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, programmi tal-Unjoni ġestiti direttament u indirettament, il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u l-finanzjament privat. Din se tikkostitwixxi għażla għall-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali, u l-mekkaniżmu se jibqa’ volontarju għall-Istati Membri. Id-dettalji preċiżi rigward il-finanzjament, l-implimentazzjoni u l-parteċipazzjoni fi proġetti partikolari, kif ukoll l-oqsma speċifiċi, mhumiex se jiġu stabbiliti f’dan il-Programm ta’ Politika. Dawn se jkunu disponibbli biss fis-snin li ġejjin u se jiddependu fuq l-appoġġ mill-Istati Membri.
Kif jidher minn dak li miktub hawn fuq, il-proposta ma tipprevedix għażliet ta’ politika sostantivi konkreti, iżda minflok tipprevedi qafas metodoloġiku u ta’ governanza, li hu anjostiku għal miżuri konkreti futuri bbażati fuqu. Id-dettalji rigward l-impatti tal-qafas issuġġerit jiddependu fuq l-implimentazzjoni ulterjuri tiegħu (u, għalhekk, fuq l-operazzjonalizzazzjoni) fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonsolidat l-evidenza eżistenti f’SWD li jakkumpanja l-proposta. Fir-rigward ta’ Proġetti Multinazzjonali b’mod partikolari, l-SWD juri li qabelxejn hemm bżonn qafas proċedurali għall-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-MCPs u, it-tieni nett li hemm bżonn li l-Istati Membri jingħataw għażla li jimplimentaw l-MCPs bi strument ġdid li jista’ jintuża meta l-ebda strument eżistenti ma jkun adattat għal Proġett Multinazzjonali partikolari. Dan l-istrument ġdid, il-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (EDIC), ma jinvolvix it-twaqqif proprju ta’ korp ġdid tal-Unjoni u mhuwiex immirat lejn Proġett Multinazzjonali speċifiku wieħed, iżda jindirizza lakuna fis-sett ta’ għodod tal-UE biex jiġu kkombinati l-finanzjament mill-Istati Membri, il-baġit tal-UE u l-investiment privat għall-finijiet tal-iskjerament u t-tħaddim ta’ infrastrutturi u servizzi ta’ interess komuni, barra mill-qasam tar-riċerka.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE. B’mod partikolari, il-kompiti ġodda tal-Kummissjoni relatati mar-rwol tagħha bħala Aċċelleratur ta’ Proġetti Multinazzjonali se jitwettqu bl-użu ta’ riżorsi li altrimenti jkunu ġew eżawriti biex jingħata appoġġ ad hoc għall-proġetti tal-Istati Membri fl-oqsma koperti minn Proġetti Multinazzjonali. Permezz tal-ġbir flimkien ta’ dawn ir-riżorsi mxerrda, il-kisbiet fl-effiċjenza se jinkisbu mingħajr spejjeż żejda għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRAJN
Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, tal-evalwazzjoni u tar-rapportar hu stabbilit f’aktar dettall fid-deskrizzjoni tad-dispożizzjoni speċifika ta’ hawn taħt. Essenzjalment, il-Kummissjoni se tirrapporta kull sena dwar il-progress ta’ “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill permezz tar-“Rapport tal-istat tad-Deċennju Diġitali”. Min-naħa tiegħu, dak ir-rapport jiskatta mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li hu deskritt f’aktar dettall fid-deskrizzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ hawn taħt.
Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 1, li jistabbilixxi l-Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali”, inkluż mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni relatat u monitoraġġ. L-Artikolu 2 jiddeskrivi l-objettivi ġenerali tad-Deċiżjoni li jikkonsistu fil-promozzjoni ta’ ambjent diġitali ffokat fuq il-bniedem, sigur u miftuħ; it-tisħiħ tar-reżiljenza kollettiva tal-Istati Membri; l-iżgurar ta’ infrastruttura diġitali sigura u aċċessibbli; il-promozzjoni tal-iskjerament u l-użu tal-kapaċitajiet diġitali; l-iżgurar tal-aċċessibbiltà tal-ħajja demokratika u tas-servizzi pubbliċi online; l-iżgurar li l-infrastrutturi u t-teknoloġiji diġitali jsiru aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi, kif ukoll l-iżgurar li l-politiki eżistenti kollha li huma rilevanti biex jintlaħqu l-miri diġitali, jitqiesu bħala li jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tranżizzjoni diġitali.
L-Artikolu 3 fih id-definizzjonijiet ta’ ċerti termini użati fid-Deċiżjoni.
L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-miri li fir-rigward tagħhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw, stabbiliti tul erba’ “punti kardinali”, jiġifieri popolazzjoni b’ħiliet diġitali u professjonisti b’ħiliet diġitali għoljin; infrastrutturi diġitali siguri, effiċjenti u sostenibbli; trasformazzjoni diġitali tan-negozji; diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi. L-erba’ punti kardinali huma magħmula minn varjetà ta’ dimensjonijiet u subdimensjonijiet. Il-miri għandhom jiġu rieżaminati mill-Kummissjoni sa Ġunju 2026 biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, ekonomiċi u tas-soċjetà.
Il-progress lejn il-miri fil-livell tal-Unjoni se jiġi mmonitorjat (Artikolu 5) permezz tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI). Għal dak l-għan, parti mid-dimensjonijiet u l-indikaturi tad-DESI se tiġi allinjata mal-miri stabbiliti fid-Deċiżjoni. Il-monitoraġġ għall-ilħuq tal-miri tal-2030 hu bbażat fuq indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, definiti mill-Kummissjoni fid-DESI fuq bażi annwali, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, u fuq it-trajettorji proġettati fil-livell tal-UE, identifikati mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi l-lista tal-KPIs meħtieġa għall-monitoraġġ ta’ kull waħda mill-miri diġitali permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, meta jkun meħtieġ għal monitoraġġ effettiv jew biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi. Il-monitoraġġ jista’ jinkludi wkoll “punteġġ fl-għamla ta’ dwal tat-traffiku”: sistema ta’ rapportar li permezz tagħha l-kuluri tad-dwal tat-traffiku (jiġifieri aħdar, isfar u aħmar) jindikaw jekk ix-xejriet attwali monitorjati fil-livell tal-Unjoni humiex fit-triq it-tajba biex tintlaħaq il-mira ta’ indikatur ewlieni tal-prestazzjoni partikolari meta mqabbla max-xejra proġettata.
Kif deskritt fl-Artikolu 6, il-Kummissjoni se tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fit-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni permezz ta’ Rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”. Id-DESI se jiġi inkluż f’dan ir-rapport. Ir-rapport se jkopri t-tranżizzjoni diġitali, b’mod partikolari l-progress lejn il-viżjoni għall-2030 u l-miri diġitali korrispondenti, kif ukoll l-istat aktar ġenerali tal-konformità mal-objettivi ġenerali u l-prinċipji diġitali stabbiliti fi [daħħal it-titolu tad-Dikjarazzjoni solenni]. Ir-rapport se jinkludi wkoll il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati indirizzati lill-Istati Membri, kif ukoll l-impenji konġunti proposti u mwettqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Fir-rapport, il-Kummissjoni tista’ tidentifika l-azzjonijiet rakkomandati f’termini ta’ politiki, miżuri u azzjonijiet li jridu jwettqu l-Istati Membri rigward oqsma meqjusa li ma għamlux progress biżżejjed lejn il-miri diġitali, li jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali tal-Istati Membri. Kull azzjoni rakkomandata bħal din se tqis l-eżitu tad-djalogu kooperattiv, inkluż il-kummenti tal-Istati Membri, wara r-rapport preċedenti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tista’ tissuġġerixxi li timplimenta miżuri regolatorji speċifiċi jew interventi pubbliċi biex trawwem investimenti addizzjonali fit-teknoloġiji u l-kapaċitajiet diġitali, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ Proġetti Multinazzjonali.
L-Artikolu 7 jipprevedi li mhux aktar tard minn ħames xhur qabel il-ħruġ tar-rapport dwar l-istat tad-Deċennju Diġitali, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali (“pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali”). L-Istati Membri se jiddeskrivu fil-pjanijiet direzzjonali tagħhom il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet ewlenin eżistenti u ppjanati biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri tad-Deċennju Diġitali; trajettorji proġettati nazzjonali bbażati fuq gwida pprovduta mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri; skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet ippjanati, inkluż valutazzjoni ta’ meta dawk il-politiki u l-miżuri huma mistennija jipproduċu effetti fir-rigward tal-ilħuq tal-miri; ħarsa ġenerali lejn l-investiment meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi, il-miri u l-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-pjanijiet direzzjonali nazzjonali, kif ukoll valutazzjoni ġenerali dwar is-sorsi ta’ dak l-investiment. Il-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali jistgħu jinkludu wkoll proposta għal Proġett(i) Multinazzjonali. Jekk ikun meħtieġ, biex jitqiesu s-sejbiet tar-rapport annwali dwar l-istat tad-Deċennju Diġitali, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw aġġustament għall-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali li jikkonsistu f’politiki, miżuri u azzjonijiet li biħsiebhom iwettqu biex irawmu l-progress fl-oqsma kkonċernati mill-miri diġitali. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida biex tgħin lill-Istati Membri jħejju l-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali, inkluż l-artikolazzjoni bejn it-trajettorji proġettati nazzjonali u tal-Unjoni u kif it-trajettorji proġettati tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu trasformati mill-Istati Membri fi trajettorji nazzjonali li jqisu punti ta’ tluq nazzjonali differenti, riżorsi, vantaġġi komparattivi u fatturi rilevanti oħra.
L-Artikolu 8 jipprevedi kooperazzjoni annwali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-objettivi u l-miri tad-Deċennju Diġitali jintlaħqu permezz ta’ kombinazzjoni ta’ inizjattivi tal-Unjoni u politiki nazzjonali rilevanti, filwaqt li jitqiesu d-dimensjonijiet transfruntiera tal-politiki diġitali u tal-miri għall-Unjoni kollha, b’mod partikolari l-iżvilupp tas-suq intern. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jikkooperaw mill-qrib biex jidentifikaw modi ta’ kif jindirizzaw in-nuqqasijiet f’oqsma li ma għamlux progress biżżejjed biex jintlaħqu mira diġitali waħda jew aktar jew meta l-aktar rapport ta’ progress riċenti u d-data disponibbli jindikaw lakuni u nuqqasijiet sinifikanti. F’dak il-kuntest, l-Istati Membri se jkunu obbligati jippreżentaw il-politiki u l-miżuri li jkunu ppjanaw, adottaw jew implimentaw.
Bħala parti mid-djalogu kooperattiv, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jeżaminaw ukoll kif implimentaw b’mod kollettiv u individwali l-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati inklużi fir-rapport tas-sena ta’ qabel. Il-valutazzjoni se tkopri l-impatti tal-azzjonijiet u l-miżuri tal-Istati Membri u/jew tistma meta aktarx jinħolqu dawn l-effetti. Din se tkopri wkoll il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri jew azzjonijiet, li jaġġustaw jew jikkumplimentaw lil dawk diġà fis-seħħ.
Fi kwalunkwe punt matul il-kooperazzjoni annwali, il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar se jkunu jistgħu jwettqu impenji konġunti, inkluż l-istabbiliment ta’ MCPs, u jaqblu fuq miżuri u azzjonijiet fil-livelli tal-Unjoni u nazzjonali, filwaqt li jqisu, inter alia, l-implimentazzjoni ta’ politiki u inizjattivi diġitali oħrajn. Dawn l-impenji konġunti u miżuri oħrajn se jitwettqu bil-ħsieb li jsir progress lejn l-ilħuq tal-miri tad-Deċennju Diġitali, f’allinjament mat-trajettorji proġettati msemmija fir-Rapport tal-Istat tad-Deċennju Diġitali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri individwali se jkunu jistgħu jitolbu laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Laqgħa bħal din se ssir b’mod partikolari meta Stat Membru jipproponi li jwettaq Proġetti Multinazzjonali ġdid jew azzjoni konġunta li teħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ Stati Membri oħra. L-Istati Membri kkonċernati jew il-Kummissjoni se jkunu jistgħu wkoll jitolbu li jitnieda proċess ta’ rieżami bejn il-pari.
L-Artikolu 9 jippermetti lill-Kummissjoni tadotta rakkomandazzjonijiet distinti fil-każ li Stat Membru ma jemendax il-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tiegħu tad-Deċennju Diġitali f’konformità mal-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati, jew fil-każ li ma jipprovdix spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar għaliex għandu l-ħsieb li ma jindirizzax l-azzjonijiet rakkomandati. L-Istat Membru kkonċernat se jkun meħtieġ iqis din ir-rakkomandazzjoni bl-akbar reqqa, u jispjega kif għandu l-ħsieb li jimplimentaha. Ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni se jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni rrakkomandat il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati li jinsabu fir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet distinti tal-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu kumplimentari għall-aħħar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.
Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri se tkun miftuħa, effettiva u trasparenti permezz ta’ struttura xierqa stabbilita mill-Kummissjoni (Artikolu 10). Tali struttura se sservi wkoll bħala forum għal rieżami bejn il-pari bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jinvolvu ruħhom ukoll mal-partijiet ikkonċernati interessati kollha (inkluż fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, notevolment il-korpi tat-trasformazzjoni diġitali tas-settur pubbliku tal-Istati Membri, u mas-sħab soċjali, iċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili) (l-Artikolu 11).
Filwaqt li jiftaħ blokka ta’ dispożizzjonijiet dwar Proġetti Multinazzjonali, l-Artikolu 12 jistabbilixxi l-għanijiet li jikkaratterizzaw Proġett Multinazzjonali. Fl-ogħla livell, dawn l-għanijiet jinkludu l-kontribut tal-proġett għall-miri għat-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni sal-2030. Dan imbagħad jiġi ttrasformat f’rekwiżiti aktar operazzjonali. L-Artikolu 12 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjoni biex tistabbilixxi Proġett Multinazzjonali jew tistieden lil Stat Membru jipparteċipa fi Proġett Multinazzjonali, kif ukoll il-possibbiltà li tistabbilixxi jew tissieħeb fi Proġett Multinazzjonali bħala impenn konġunt. Il-lista indikattiva ta’ oqsma ta’ attività possibbli li fihom jistgħu jiġu stabbiliti Proġetti Multinazzjonali tinsab fl-Anness.
Ir-regoli dwar l-għażla u l-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali huma previsti fl-Artikolu 13. L-ewwel nett, dan l-artikolu jistabbilixxi li l-Kummissjoni se tinkludi anness għar-rapport tal-istat tad-Deċennju Diġitali li fih se tipprovdi l-prinċipji u l-prijoritajiet strateġiċi fl-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali u lista aġġornata ta’ dawn il-proġetti magħżula għall-implimentazzjoni. It-tieni nett, qed tingħata lista miftuħa ta’ strumenti ta’ implimentazzjoni potenzjali. Jekk jintgħażlu l-istrumenti ta’ implimentazzjoni eżistenti, ir-regoli applikabbli għal dawn l-istrumenti mhumiex modifikati b’din id-Deċiżjoni u jridu jiġu rispettati fl-intier tagħhom.
Il-qafas proċedurali biex titħaffef l-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali hu previst fl-Artikolu 14. Hu previst mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni f’żewġ stadji, li jrid jiġi implimentat f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Bħala l-ewwel pass, l-Istati Membri kollha huma mistiedna jesprimu l-interess tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali speċifiċi. Bħala t-tieni pass, sakemm ikun hemm biżżejjed interess mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tipprovdi gwida dwar il-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni li tqisu l-aktar wieħed adattat għall-implimentazzjoni ta’ proġett partikolari, u aspetti strateġiċi oħra tal-implimentazzjoni tiegħu. Jistgħu jingħataw ukoll assistenza teknika u appoġġ ieħor waqt l-implimentazzjoni tal-proġett.
L-Artikolu 15 jipprovdi mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (EDIC). L-EDIC mistenni jintuża l-aktar fil-każ ta’ Proġetti Multinazzjonali li ma jistgħux jiġu implimentati bil-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni eżistenti. Kif previst ulterjorment f’dan l-Artikolu, l-EDIC se jkollu personalità ġuridika. Dan ifisser li meta ssir applikazzjoni għal għotja tal-Unjoni, l-EDIC innifsu hu l-applikant u eventwalment jeħtieġ li japplika hu stess billi jissottometti l-proposti tiegħu għal sejħa jew stedina mill-korp awtorizzanti. Bl-eċċezzjoni ta’ ftehim ta’ għotja b’bosta benefiċjarji, l-applikazzjoni ma tistax tiġi sottomessa minn parti terza, eż. minn Stat Membru f’isem l-EDIC.
L-Artikolu 16 jistabbilixxi li l-EDIC jista’ jiġi stabbilit fuq talba tal-Istati Membri b’deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata skont il-proċedura ta’ komitoloġija.
L-Artikoli sussegwenti jipprevedu r-regoli meħtieġa għat-tħaddim bla xkiel u aġli ta’ EDIC. L-Artikolu 17 jittratta r-regoli tas-sħubija, li permezz tagħhom l-Istati Membri li jipprovdu kontribuzzjoni finanzjarja jew mhux finanzjarja huma membri bid-dritt tal-vot u Stati Membri oħrajn jistgħu jkunu osservaturi. L-Artikolu 18 jipprevedi mekkaniżmu ta’ governanza soġġett għad-drittijiet tal-veto tal-Kummissjoni f’ċirkostanzi deskritti b’mod ristrett. L-Artikolu 19 jipprovdi rekwiżiti minimi li jridu jiġu ssodisfati mill-Istatuti.
Fl-aħħar nett, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà applikabbli għal EDIC huma previsti fl-Artikolu 20, il-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni fl-Artikolu 21, ir-regoli dwar l-istralċ fl-Artikolu 22 u dwar ir-rapportar u l-kontroll fl-Artikolu 23.
2021/0293 (COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali”
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 173(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Waqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fil-Komunikazzjoni tagħha “Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” tad-9 ta’ Marzu 2021 (“Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali”), il-Kummissjoni stabbilixxiet il-viżjoni tagħha għall-2030 biex tagħti s-setgħa liċ-ċittadini u lin-negozji permezz tat-tranżizzjoni diġitali. L-approċċ tal-Unjoni għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà jenħtieġ li jinkludi s-sovranità diġitali, l-inklużjoni, l-ugwaljanza, is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza, is-sigurtà, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja, ir-rispett tad-drittijiet u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini u jenħtieġ li dan jikkontribwixxi għal ekonomija u soċjetà dinamiċi, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ġusti fl-Unjoni.
(2)Fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill Ewropew ikkunsidra l-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali bħala pass lejn it-tfassil tal-iżvilupp diġitali tal-Ewropa għad-deċennju li jmiss u kkonferma l-viżjoni stabbilita hemmhekk, inkluż l-idea ta’ Programm ta’ Politika bi struttura ta’ governanza robusta u qafas biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ proġetti multinazzjonali li huma meħtieġa għat-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa f’oqsma kritiċi. Stieden ukoll lill-Kummissjoni biex twessa’ s-sett ta’ għodod ta’ politika tal-Unjoni Ewropea għat-trasformazzjoni diġitali, kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f’dak nazzjonali, u biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli mill-politika industrijali, kummerċjali u tal-kompetizzjoni, il-ħiliet u l-edukazzjoni, il-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-istrumenti ta’ finanzjament fit-tul biex tiffaċilita t-trasformazzjoni diġitali.
(3)Kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li taġġorna l-istrateġija industrijali l-ġdida tal-2020, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tidentifika sistemi ta’ teknoloġiji kritiċi u setturi strateġiċi biex tindirizza dgħufijiet strateġiċi u dipendenzi ta’ riskju għoli li jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ provvista jew riskji marbuta maċ-ċibersigurtà, u biex trawwem tranżizzjoni diġitali. Dan jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jingħaqdu flimkien u jappoġġaw l-isforzi tal-industrija biex tindirizza dawn id-dipendenzi u biex tiżviluppa ħtiġijiet ta’ kapaċità strateġika. Dan iwieġeb ukoll għall-analiżi fir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2021. Fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u t-tħejjija ta’ pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri jikkoordinaw l-isforzi tagħhom favur Proġetti Multinazzjonali fil-qasam diġitali. Din l-esperjenza enfasizzat il-ħtieġa li l-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi ta’ koordinazzjoni mill-Istati Membri, u li l-Unjoni tiddisponi minn mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni li jiffaċilitaw l-investimenti konġunti, biex il-Proġetti Multinazzjonali jimmaterjalizzaw. Flimkien ma’ inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni, bħall-Osservatorju għat-Teknoloġiji Kritiċi, jenħtieġ li tiġi stabbilita struttura ta’ governanza li timplimenta l-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali u jenħtieġ li din tgħin biex jiġu identifikati d-dipendenzi strateġiċi diġitali attwali u futuri possibbli tal-Unjoni u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sovranità diġitali tagħha.
(4)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew enfasizzat li l-Ewropa jenħtieġ li tisfrutta l-potenzjal tat-trasformazzjoni diġitali, li hi strument abilitanti ewlieni biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Jenħtieġ li l-Unjoni tippromwovi u tinvesti fit-trasformazzjoni diġitali meħtieġa billi t-teknoloġiji diġitali huma strument abilitanti kritiku għall-kisba tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku f’ħafna setturi differenti. Teknoloġiji diġitali bħall-intelliġenza artifiċjali, il-5G, il-cloud u l-edge computing u l-internet tal-oġġetti jistgħu jaċċelleraw u jimmassimizzaw l-impatt tal-politiki biex jittrattaw it-tibdil fil-klima u jħarsu l-ambjent. Id-diġitalizzazzjoni tippreżenta wkoll opportunitajiet ġodda għall-monitoraġġ mill-bogħod tat-tniġġis tal-arja u tal-ilma, jew għall-monitoraġġ u l-ottimizzazzjoni ta’ kif jintużaw l-enerġija u r-riżorsi naturali. L-Ewropa teħtieġ settur diġitali li jpoġġi s-sostenibbiltà fil-qalba tiegħu, filwaqt li jiżgura li l-infrastrutturi u t-teknoloġiji diġitali jsiru aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi b’mod verifikabbli, u jikkontribwixxu għal ekonomija u soċjetà sostenibbli, ċirkolari u newtrali għall-klima f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
(5)Jenħtieġ li l-miżuri previsti fil-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali jiġu implimentati, biex jiġu intensifikati l-azzjonijiet definiti fl-istrateġija “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa”, u filwaqt li jibnu fuq l-istrumenti eżistenti tal-Unjoni (bħall-programmi ta’ Koeżjoni, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u dwar il-fondi allokati għat-tranżizzjoni diġitali tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għalhekk, permezz ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” biex tinkiseb, titħaffef u titfassal trasformazzjoni diġitali b’suċċess tal-ekonomija u s-soċjetà tal-Unjoni.
(6)Biex tiġi segwita t-trajettorja tal-Unjoni fir-rigward tal-pass tat-trasformazzjoni diġitali, jenħtieġ li jiġu stabbiliti miri diġitali. Jenħtieġ li dawn il-miri jkunu marbuta ma’ oqsma konkreti, meta l-progress jenħtieġ li jsir b’mod kollettiv fl-Unjoni. Il-miri jsegwu l-erba’ punti kardinali identifikati fil-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali, identifikati bħala l-oqsma essenzjali għat-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni: il-ħiliet diġitali, l-infrastrutturi diġitali, id-diġitalizzazzjoni tan-negozji u d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.
(7)Il-ħiliet diġitali, bażiċi u avvanzati, huma essenzjali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tas-soċjetà tal-Unjoni. Iċ-ċittadini b’setgħa u kapaċitajiet diġitali se jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tad-Deċennju Diġitali. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-taħriġ u l-edukazzjoni diġitali jappoġġaw forza tax-xogħol li tippermetti lin-nies jistgħu jiksbu ħiliet diġitali speċjalizzati biex ikollhom impjiegi ta’ kwalità u karrieri ta’ sodisfazzjon f’numri ferm akbar mil-lum, b’konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel. Barra minn hekk, fattur abilitanti essenzjali biex jittieħed vantaġġ mill-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni, għal aktar żviluppi teknoloġiċi u għat-tmexxija diġitali tal-Ewropa hu infrastruttura diġitali sostenibbli għall-konnettività, il-mikroelettronika u l-kapaċità li tiġi pproċessata data vasta. Hemm bżonn konnettività eċċellenti u sigura għal kulħadd u kullimkien fl-Ewropa, inkluż f’żoni rurali u remoti. Il-ħtiġijiet tas-soċjetà għall-wisa’ tal-banda tad-download u tal-upload qed jiżdiedu b’mod kostanti. Sal-2030, jenħtieġ li n-networks b’veloċitajiet tal-gigabits ikunu disponibbli f’kundizzjonijiet aċċessibbli għal dawk kollha li jeħtieġu jew jixtiequ din il-kapaċità. Barra minn hekk, il-mikroproċessuri li llum diġà huma fil-bidu tal-biċċa l-kbira tal-ktajjen tal-valur strateġiċi ewlenin huma mistennija li jkunu f’domanda saħansitra ogħla fil-futur, b’mod partikolari dawk l-aktar innovattivi. Fatturi abilitanti kritiċi mistennija jkunu edge node newtrali għall-klima u sigur ħafna li jiżgura aċċess għal servizzi tad-data b’latenza baxxa kull fejn ikunu jinsabu n-negozji, u l-kapaċità kwantistika.
(8)Lil hinn mill-fatturi abilitanti, it-teknoloġiji kollha msemmija hawn fuq se jkunu fil-qalba ta’ prodotti ġodda, proċessi ta’ manifattura ġodda u mudelli kummerċjali ġodda bbażati fuq il-kondiviżjoni ġusta tad-data fl-ekonomija tad-data. It-trasformazzjoni tan-negozji se tkun tiddependi fuq il-kapaċità tagħhom li jadottaw teknoloġiji diġitali ġodda malajr u b’mod ġenerali, inkluż fl-ekosistemi industrijali u tas-servizzi li bħalissa għadhom lura.
(9)Il-ħajja demokratika u s-servizzi pubbliċi se jiddependu wkoll b’mod kruċjali fuq it-teknoloġiji diġitali u, għalhekk, għandhom ikunu kompletament aċċessibbli għal kulħadd, bħala ambjent diġitali mill-aqwa li jipprovdi servizzi u għodod faċli biex jintużaw, effiċjenti u personalizzati bi standards għoljin ta’ sigurtà u privatezza.
(10)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi dawn il-miri diġitali sa Ġunju 2026 biex tivvaluta jekk għadhomx jilħqu l-livell għoli ta’ ambizzjoni tat-trasformazzjoni diġitali u taġġornahom jew tintroduċi miri diġitali addizzjonali, jekk ikun meħtieġ.
(11)Progress armonjuż, inklużiv u kostanti lejn it-trasformazzjoni diġitali u lejn l-ilħuq tal-miri diġitali fl-Unjoni, jeħtieġ forma ta’ governanza komprensiva, robusta, affidabbli, flessibbli u trasparenti, ibbażata fuq kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, u l-Istati Membri. Mekkaniżmu xieraq jenħtieġ li jiżgura l-koordinazzjoni tal-konverġenza u l-konsistenza u l-effettività tal-politiki u tal-miżuri fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali. Għalhekk, jeħtieġ jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni li jimplimenta l-Komunikazzjoni dwar il-Kumpass Diġitali.
(12)Jenħtieġ li dan il-mekkaniżmu jinkludi sistema ta’ monitoraġġ imtejba biex jiġu identifikati l-lakuni fil-kapaċitajiet diġitali strateġiċi tal-Unjoni. Jenħtieġ li dan jinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ rapportar, fost l-oħrajn, dwar il-progress lejn il-viżjoni għall-2030 u l-miri diġitali korrispondenti, kif ukoll dwar l-istat aktar ġenerali tal-konformità mal-objettivi stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li dan jistabbilixxi qafas kooperattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiġu identifikati soluzzjonijiet li jindirizzaw id-dgħufijiet u jiġu proposti azzjonijiet immirati għal rimedji effettivi.
(13)Jenħtieġ li l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (“DESI”) isir parti mir-rapport dwar l-istat tad-Deċennju Diġitali u jenħtieġ li jintuża għall-monitoraġġ tal-progress lejn il-miri diġitali. Jenħtieġ li dan il-monitoraġġ ikun jinkludi analiżi tal-indikaturi li jkejlu l-progress fil-livell tal-Istati Membri, il-politiki u l-inizjattivi nazzjonali mmirati biex jilħqu l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni u l-miri kif ukoll l-analiżijiet orizzontali u tematiċi li jsegwu t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji Ewropej u klassifikazzjoni tal-progress tal-Istati Membri fihom. B’mod partikolari, id-dimensjonijiet u l-indikaturi tad-DESI jenħtieġ li jkunu allinjati mal-miri diġitali stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Għal kull mira diġitali, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (“KPIs”) jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-KPIs jiġu aġġornati kull meta jkun meħtieġ għal monitoraġġ effettiv kontinwu u biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi. Il-mekkaniżmu għall-ġbir tad-data fi ħdan l-Istati Membri jenħtieġ li jissaħħaħ biex jippreżenta s-sitwazzjoni attwali dwar il-progress lejn il-miri diġitali, kif ukoll informazzjoni dwar il-politiki, il-programmi u l-inizjattivi rilevanti fil-livell nazzjonali. Abbażi tar-rieżamijiet u meta meħtieġ, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji pjan direzzjonali b’konsultazzjoni mal-Istati Membri biex jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet futuri tal-ġbir tad-data. . Meta tiġi biex tiddefinixxi d-DESI, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża l-aktar fuq l-istatistika uffiċjali miġbura fi stħarriġiet differenti tal-Unjoni dwar is-soċjetà tal-informazzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tuża studji speċifiċi biex tiġbor data għal dawk l-indikaturi rilevanti li ma jitkejlux fl-istħarriġiet tal-Unjoni.
(14)Biex il-koleġiżlaturi jinżammu infurmati dwar il-progress tat-trasformazzjoni diġitali fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”, li jkun fih ħarsa ġenerali u analiżi tat-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni u evalwazzjoni tal-progress li jkun sar fir-rigward tal-objettivi tad-Deċennju Diġitali u l-miri diġitali għall-perjodu lejn l-2030. Ir-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali” u, b’mod partikolari d-DESI, jenħtieġ li jikkontribwixxu għas-Semestru Ewropew, inkluż aspetti relatati mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
(15)B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress lejn il-miri diġitali, filwaqt li tagħti dettalji dwar il-grad ta’ progress tal-Unjoni b’rabta mat-trajettorji proġettati għal kull mira, il-valutazzjoni tal-isforzi meħtieġa biex tintlaħaq kull mira, l-inklużjoni ta’ lakuni fl-investiment fil-kapaċitajiet diġitali u s-sensibilizzazzjoni dwar l-azzjonijiet meħtieġa biex tiżdied is-sovranità diġitali. Jenħtieġ li r-rapport jinkludi wkoll valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proposti regolatorji rilevanti, kif ukoll tal-azzjonijiet imwettqa fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri.
(16)Abbażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport ikun jinkludi politiki, miżuri u azzjonijiet rakkomandati speċifiċi. Meta tirrakkomanda politiki, miżuri jew azzjonijiet fir-rapport, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-aktar data riċenti disponibbli, l-impenji konġunti meħuda, il-politiki u l-miżuri definiti mill-Istati Membri, kif ukoll il-progress rigward l-azzjonijiet rakkomandati identifikati f’rapporti preċedenti u indirizzati matul il-kooperazzjoni annwali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis id-differenzi fil-potenzjal tal-Istati Membri individwali li jikkontribwixxu għall-miri diġitali, kif ukoll il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet diġà fis-seħħ u meqjusa bħala xierqa biex jintlaħqu l-miri, anki jekk l-effetti tagħhom ikunu għadhom ma mmaterjalizzawx.
(17)Ir-rapport annwali dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali” jenħtieġ li jippreżenta l-implimentazzjoni tal-prinċipji diġitali kif approvati fi [daħħal it-titolu tad-Dikjarazzjoni solenni].
(18)Bil-ħsieb li jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tad-Deċennju Diġitali u l-miri diġitali, kif stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, u li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu b’mod effettiv għal dak l-għan, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni jenħtieġ li jiżguraw l-iskambji ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki permezz ta’ djalogu kostruttiv u inklużiv bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.
(19)Jenħtieġ li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tiżviluppa trajettorji proġettati għall-Unjoni biex tilħaq il-miri diġitali kif stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Imbagħad, dawn it-trajettorji proġettati jenħtieġ li jiġu trasformati mill-Istati Membri fi trajettorji nazzjonali, meta possibbli. Il-potenzjal differenti tal-Istati Membri li jikkontribwixxu għall-miri diġitali jenħtieġ li jitqies u jiġi rifless fit-trajettorji nazzjonali. Jenħtieġ li dawn it-trajettorji jgħinu fil-valutazzjoni tal-progress maż-żmien fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali, rispettivament.
(20)Biex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tkun effiċjenti u effettiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali li jkopru l-perjodu sal-2030 (“pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali”) li jipproponu, meta possibbli, trajettorji nazzjonali li jistgħu jitkejlu fil-livell nazzjonali, li jiddeskrivu l-istrumenti kollha adottati, ippjanati jew implimentati bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-ilħuq fil-livell tal-Unjoni tal-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni u tal-miri diġitali. Dawn il-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali jenħtieġ li jkunu għodda kruċjali għall-koordinazzjoni tal-politiki tal-Istati Membri u għall-iżgurar tal-prevedibbiltà għas-suq. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-inizjattivi settorjali rilevanti, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali, u jiżguraw il-konsistenza magħhom. Matul iċ-ċiklu annwali ta’ kooperazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jipproponu aġġustamenti għall-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali biex iqisu l-evoluzzjoni tat-tranżizzjoni diġitali fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali u biex jirrispondu, b’mod partikolari, għall-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni.
(21)Id-disponibbiltà f’waqtha tal-ispettru tar-radju u l-aċċess għalih huma kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-konnettività tal-“Perkors għad-Deċennju Diġitali”. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri u l-utenti tal-ispettru jeħtieġu prevedibbiltà u ċertezza u, fl-istess ħin, flessibbiltà (abbażi tal-ħtiġijiet li qed jevolvu) għall-ippjanar tal-istadji importanti għad-disponibbiltà tal-ispettru. B’mod partikolari taħt il-proċess ta’ trasformazzjoni diġitali u ekoloġika li qed jevolvi malajr, l-informazzjoni bikrija dwar id-disponibbiltà u l-kontribut futuri tal-ispettru dwar l-iffissar ta’ kwalunkwe stadju importanti minn partijiet ikkonċernati ewlenin (bħall-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija u l-utenti) iżżid iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tal-investiment.
(22)Billi l-ispettru hu essenzjali biex jintlaħqu l-miri diġitali u, b’mod partikolari, infrastruttura diġitali sigura, effiċjenti u sostenibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw ukoll dwar il-politiki u l-miżuri adottati u futuri tagħhom rigward id-disponibbiltà u l-possibbiltà li jintuża l-ispettru tar-radju għall-utenti eżistenti u għall-investituri u l-operaturi prospettivi. Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tipproponi orjentazzjonijiet jew mekkaniżmi strateġiċi ġodda tal-politika dwar l-ispettru skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tista’ tingħata gwida xierqa mill-Kummissjoni f’dak ir-rigward biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali u l-miri diġitali stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.
(23)Id-djalogu kooperattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jibda bil-valutazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali u jenħtieġ li jkun ibbażat fuq id-data pprovduta u l-valutazzjoni magħmula fir-rapport tal-istat tad-Deċennju Diġitali, u fuq ir-rispons li taw il-partijiet ikkonċernati rilevanti.
(24)Jenħtieġ li l-kooperazzjoni sussegwentement tkun strutturata fi ħdan ċiklu annwali. L-għażla taż-żmien tal-kooperazzjoni annwali jenħtieġ li tqis il-ħtieġa li jiġu riflessi r-riżultati tal-kooperazzjoni sa issa, kif ukoll il-miżuri, l-azzjoni u l-aġġustamenti għall-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali proposti fir-rapport tas-sena ta’ wara.
(25)Biex isir progress lejn l-ilħuq tal-miri f’allinjament mat-trajettorji proġettati, l-Istati Membri li huma kkunsidrati fir-rapport bħala li għamlu progress insuffiċjenti f’qasam partikolari, jenħtieġ li jipproponu miżuri u azzjonijiet ta’ aġġustament li għandhom il-ħsieb li jieħdu biex irawmu l-progress f’dak il-qasam kritiku. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeżaminaw kif il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati magħmula fir-rapport tas-sena preċedenti ġew indirizzati mill-Istati Membri b’mod kollettiv u individwali. Stat Membru jista’ jitlob li jiġi mniedi proċess ta’ rieżami bejn il-pari biex Stati Membri oħrajn jingħataw opportunità li jikkummentaw dwar il-proposti li jkollu l-ħsieb li jippreżenta fil-pjan direzzjonali strateġiku nazzjonali tiegħu tad-Deċennju Diġitali, b’mod partikolari fir-rigward tal-adegwatezza tagħhom biex jilħqu mira speċifika. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi wkoll it-tnedija ta’ proċess ta’ rieżami bejn il-pari fir-rigward ta’ pjan direzzjonali strateġiku tad-Deċennju Diġitali ta’ Stat Membru.
(26)Il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jidħlu għal impenji konġunti fir-rigward ta’ azzjonijiet ikkoordinati li jixtiequ jwettqu biex jilħqu l-miri, jistabbilixxu Proġetti Multinazzjonali, u jaqblu fuq kwalunkwe miżura u azzjoni oħra fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali bl-għan li jsir progress lejn l-ilħuq tal-miri f’allinjament mat-trajettorji proġettati.
(27)L-implimentazzjoni effettiva tal-politiki, tal-miżuri u tal-azzjonijiet rakkomandati u tal-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali u l-aġġustamenti tagħhom, hija kruċjali għall-ilħuq tal-objettivi u tal-miri diġitali. Jekk Stat Membru jonqos milli jimplimenta dawn il-miżuri b’mod effettiv, u r-raġunijiet ipprovduti għan-nuqqas ta’ dan jitqiesu bħala insuffiċjenti, il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjoni distinta, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont it-Trattat. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jenħtieġ li jqisu u jkunu kumplimentari għall-aktar rakkomandazzjonijiet riċenti speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.
(28)Jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat jikkunsidra r-rakkomandazzjoni bl-akbar reqqa u, meta xieraq, jaġġusta l-pjan direzzjonali strateġiku nazzjonali tiegħu tad-Deċennju Diġitali. F’każ li Stat Membru ma jkollux il-ħsieb li jimplimenta r-rakkomandazzjoni, jenħtieġ li dan jipprovdi r-raġunijiet għaliex jiddeċiedi li ma jagħmilx dan u jagħmel dawk ir-raġunijiet pubbliċi.
(29)Biex tiżgura t-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha mal-partijiet ikkonċernati interessati kollha. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkoopera mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, inkluż atturi privati u pubbliċi, bħal korpi regolati mil-liġijiet pubbliċi tas-settur edukattiv jew tas-saħħa, u tikkonsulta magħhom dwar miżuri biex titħaffef it-trasformazzjoni diġitali fil-livell tal-Unjoni. L-involviment tal-partijiet ikkonċernati jkun importanti fil-livell tal-Istati Membri wkoll, b’mod partikolari meta jadottaw il-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali u l-aġġustamenti tagħhom.
(30)Proġetti Multinazzjonali li jinvolvu diversi Stati Membri jenħtieġ li jippermettu intervent fuq skala kbira f’oqsma ewlenin meħtieġa għall-ilħuq tal-miri diġitali, b’mod partikolari billi jinġabru flimkien ir-riżorsi mill-Unjoni, mill-Istati Membri u, meta xieraq, minn sorsi privati. Jenħtieġ li dawn jiġu implimentati b’mod ikkoordinat, f’kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni jenħtieġ li taqdi rwol ċentrali fl-aċċellerazzjoni tal-iskjerament ta’ Proġetti Multinazzjonali permezz tal-identifikazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali lesti għall-implimentazzjoni fost il-kategoriji ta’ proġetti inklużi b’mod indikattiv fl-Anness, meta tiġi biex tagħti pariri lill-Istati Membri dwar l-għażla tal-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni, dwar l-għażla tas-sorsi ta’ finanzjament u l-kombinazzjoni tagħhom, dwar kwistjonijiet strateġiċi oħra relatati mal-implimentazzjoni ta’ dawk il-proġetti, u dwar l-għażla ta’ Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (EDIC) bħala mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni, meta xieraq.
(31)L-appoġġ pubbliku għall-Proġetti Multinazzjonali jenħtieġ li jintuża b’mod partikolari biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq jew sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, b’mod proporzjonat, mingħajr ma jiġi dduplikat jew eskluż il-finanzjament privat u b’valur miżjud Ewropew ċar, f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali konsistenti mad-dritt tal-Unjoni.
(32)Jenħtieġ li l-Proġetti Multinazzjonali jkunu jistgħu jattiraw u jikkombinaw, b’mod effiċjenti, diversi sorsi ta’ finanzjament tal-Unjoni u tal-Istati Membri. B’mod partikolari, il-kombinazzjoni tal-fondi mill-programm tal-Unjoni ġestit ċentralment ma’ riżorsi impenjati mill-Istati Membri jenħtieġ li tkun possibbli, inklużi, f’ċerti kundizzjonijiet, kontribuzzjonijiet mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif spjegat fil-Parti 3 tal-gwida tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif ukoll kontribuzzjonijiet mill-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fondi ta’ Koeżjoni. Kull meta jkun ġustifikat min-natura ta’ Proġett Multinazzjonali partikolari, jenħtieġ li dan ikun miftuħ ukoll għall-kontribuzzjonijiet ta’ entitajiet oħra għajr l-Unjoni u l-Istati Membri, inkluż għal kontribuzzjonijiet privati.
(33)Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u billi taġixxi bħala l-koordinatur ta’ Proġetti Multinazzjonali, jenħtieġ li tgħin lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni tal-interessi tagħhom fi Proġetti Multinazzjonali, tagħti gwida rigward l-għażla ta’ mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni ottimali u tipprovdi assistenza fl-implimentazzjoni, filwaqt li tikkontribwixxi għall-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli.
(34)Wara applikazzjoni mingħand l-Istati Membri, u meta tqis xieraq, b’mod partikolari meta ma jkun hemm l-ebda mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni xieraq alternattiv, il-Kummissjoni jenħtieġ tkun tista’ tistabbilixxi Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (“EDIC”) biex jimplimenta dak il-Proġett Multinazzjonali.
(35)Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u għat-twaqqif tal-EDIC. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Kapitolu 1
Suġġett, objettivi u definizzjonijiet
Artikolu 1
Suġġett
(1)Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi Programm ta’ Politika “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” u tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u kooperazzjoni għal dak il-programm li jikkonsisti f’miżuri biex:
(a)tiġi stabbilita direzzjoni ċara għat-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni u għall-ilħuq tal-miri diġitali;
(b)tiġi strutturata u stimulata l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri;
(c)jiġu żgurati l-konsistenza, il-komparabbiltà u l-kompletezza tal-monitoraġġ u tar-rapportar mill-Unjoni.
(2)Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll qafas għal Proġetti Multinazzjonali.
Artikolu 2
Objettivi ġenerali
L-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jappoġġaw u jilħqu l-objettivi ġenerali li ġejjin:
(a)jippromwovu ambjent diġitali li jiffoka fuq il-bniedem, inklużiv, sigur u miftuħ, fejn it-teknoloġiji u s-servizzi diġitali jirrispettaw u jtejbu l-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni;
(b)isaħħu r-reżiljenza kollettiva tal-Istati Membri u jnaqqsu d-distakk diġitali, b’mod partikolari billi jippromwovu ħiliet diġitali bażiċi u speċjalizzati għal kulħadd u jrawmu l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ diġitali bi prestazzjoni għolja;
(c)jiżguraw is-sovranità diġitali, b’mod partikolari permezz ta’ infrastruttura diġitali sigura u aċċessibbli li kapaċi tipproċessa volumi kbar ta’ data li tippermetti żviluppi teknoloġiċi oħrajn, filwaqt li jappoġġaw il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni;
(d)jippromwovu l-iskjerament u l-użu ta’ kapaċitajiet diġitali li jagħtu aċċess għat-teknoloġiji u d-data diġitali fuq termini faċli u ġusti biex jinkiseb livell għoli ta’ intensità u innovazzjoni diġitali fl-intrapriżi tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk żgħar u medji;
(e)jiżguraw li l-ħajja demokratika, is-servizzi pubbliċi u s-servizzi tas-saħħa u tal-kura jkunu aċċessibbli online għal kulħadd, b’mod partikolari għal gruppi żvantaġġati, inklużi persuni b’diżabbiltà, filwaqt li joffru servizzi u għodod inklużivi, effiċjenti u personalizzati bi standards għoljin ta’ sigurtà u privatezza;
(f)jiżguraw li l-infrastrutturi u t-teknoloġiji diġitali jsiru aktar sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi, u jikkontribwixxu għal ekonomija u soċjetà sostenibbli, ċirkolari u newtrali għall-klima f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew;
(g)jiffaċilitaw kundizzjonijiet konverġenti għall-investimenti fit-trasformazzjoni diġitali madwar l-Unjoni kollha, inkluż billi jsaħħu s-sinerġiji bejn l-użu tal-fondi tal-Unjoni u ta’ dawk nazzjonali, u jiżviluppaw approċċi regolatorji prevedibbli;
(h)jiżguraw li l-politiki u l-programmi kollha li huma rilevanti għall-ilħuq tal-miri diġitali jiġu kkunsidrati b’mod ikkoordinat u koerenti biex jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tranżizzjoni diġitali.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (“DESI”)” tfisser sett annwali ta’ indikaturi tal-analiżi u tal-kejl li abbażi tagħhom il-Kummissjoni timmonitorja l-prestazzjoni diġitali ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri f’diversi dimensjonijiet ta’ politika, inkluż il-progress tagħhom lejn il-miri diġitali stabbiliti fl-Artikolu 4;
(2)“Proġetti Multinazzjonali” tfisser proġetti fuq skala kbira li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-miri diġitali stabbiliti fl-Artikolu 4, inkluż il-finanzjament tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12;
(3)“statistika” tfisser statistika kif definita fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(4)“rieżami bejn il-pari” tfisser mekkaniżmu ta’ rieżami li bih l-Istati Membri jistgħu jikkummentaw dwar aspetti speċifiċi tal-politiki, tal-miżuri u tal-azzjonijiet proposti minn Stat Membru partikolari u, b’mod partikolari, dwar l-adegwatezza tagħhom biex jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ mira speċifika tal-miri diġitali stabbiliti fl-Artikolu 4, fil-kuntest tal-kooperazzjoni annwali stabbilita fl-Artikolu 8 u li jistgħu jservu għall-iskambju tal-aħjar prattiki;
(5)“trajettorja proġettata” tfisser il-perkors preżunt għal kull mira diġitali sal-2030, biex jintlaħqu l-miri diġitali stabbiliti fl-Artikolu 4 u abbażi ta’ data storika, meta disponibbli.
Kapitolu 2
Miri diġitali
Artikolu 4
Miri diġitali
(1)L-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jilħqu l-miri diġitali li ġejjin fl-Unjoni sal-2030:
(1)popolazzjoni b’ħiliet diġitali u professjonisti b’ħiliet diġitali għoljin:
(a)mill-inqas 80% ta’ dawk li għandhom bejn is-16 u l-74 sena jkollhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi;
(b)jiġu impjegati mill-inqas 20 miljun speċjalista fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), b’konverġenza bejn in-nisa u l-irġiel;
(2)infrastrutturi diġitali siguri, effiċjenti u sostenibbli:
(a)l-unitajiet domestiċi Ewropej kollha jkunu koperti minn network tal-Gigabits, biż-żoni popolati kollha jkunu koperti mill-5G;
(b)il-produzzjoni ta’ semikondutturi mill-aktar avvanzati u sostenibbli fl-Unjoni tkun mill-inqas 20% tal-produzzjoni dinjija fil-valur;
(c)jiġu skjerati mill-inqas 10 000 “edge node” siguri ħafna u newtrali għall-klima fl-Unjoni, li jkunu distribwiti b’mod li jiggarantixxi aċċess għal servizzi tad-data b’latenza baxxa (ftit millisekondi) kull fejn ikunu jinsabu n-negozji;
(d)sal-2025, l-Unjoni jkollha l-ewwel kompjuter tagħha b’aċċellerazzjoni kwantistika, li jwitti t-triq biex l-Unjoni jkollha kapaċitajiet kwantistiċi mill-aktar avvanzati sal-2030.
(3)it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji:
(a)mill-inqas 75% tal-intrapriżi tal-Unjoni jkunu adottaw:
(1)servizzi ta’ cloud computing;
(2) big data;
(3) l-intelliġenza artifiċjali;
(b)aktar minn 90% tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (“SMEs”) tal-Unjoni jilħqu mill-inqas livell bażiku ta’ intensità diġitali;
(c)l-Unjoni żżid is-sensiela ta’ negozji innovattivi li qed jespandu u ttejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzi, b’dan iwassal biex l-għadd ta’ unicorns jiżdied mill-inqas bid-doppju;
(4)id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi:
(a)100% forniment aċċessibbli online ta’ servizzi pubbliċi ewlenin għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni;
(b)100% taċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom aċċess għar-rekords mediċi tagħhom (rekords elettroniċi tas-saħħa (EHR));
(c)mill-inqas 80% taċ-ċittadini tal-Unjoni jużaw soluzzjoni ta’ identifikazzjoni diġitali (ID).
(2)Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-miri diġitali stabbiliti fil-paragrafu 1 sal-2026. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-eżitu tar-rieżami u għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tirrevedi l-miri diġitali fil-paragrafu 1 meta tqis li dan hu meħtieġ biex jiġu indirizzati l-iżviluppi tekniċi, ekonomiċi u tas-soċjetà għal trasformazzjoni diġitali b’suċċess tal-Unjoni.
Kapitolu 3
Governanza: Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ u Kooperazzjoni
Artikolu 5
Monitoraġġ tal-progress
(1)Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-progress tal-Unjoni fl-isfond tal-objettivi u l-miri diġitali stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tistrieħ fuq l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) u, għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, f’konformità mal-Artikolu 25(2), għandha tistabbilixxi f’att ta’ implimentazzjoni l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (“KPIs”) għal kull mira diġitali. .
(2)L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-ħin lill-Kummissjoni l-istatistika u d-data meħtieġa għall-monitoraġġ effettiv tat-tranżizzjoni diġitali u tal-grad ta’ lħuq tal-miri diġitali stabbiliti fl-Artikolu 4. Dan għandu jinkludi informazzjoni rilevanti dwar id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-ispettru. Meta l-istatistika rilevanti tal-Istati Membri tkun għadha mhux disponibbli, il-Kummissjoni tista’ tuża metodoloġija alternattiva għall-ġbir tad-data, bħal studji jew ġbir dirett tad-data mill-Istati Membri, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri. L-użu ta’ dik il-metodoloġija alternattiva għall-ġbir tad-data ma għandux jaffettwa l-kompiti tal-Eurostat kif stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/504/UE.
(3)Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tiddefinixxi t-trajettorji proġettati fil-livell tal-Unjoni għall-ilħuq ta’ kull waħda mill-miri diġitali, li jservu bħala bażi għall-monitoraġġ u l-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali. Meta meħtieġ, fid-dawl tal-iżviluppi tekniċi, ekonomiċi jew tas-soċjetà, il-Kummissjoni għandha taġġorna waħda jew aktar minn dawn it-trajettorji proġettati.
(4)L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-ħin lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ effettiv tal-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fi [daħħal it-titolu tad-Dikjarazzjoni solenni].
Artikolu 6
Rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”
(1)Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”. Dan ir-rapport għandu jkun ir-rapport komprensiv tal-Kummissjoni dwar il-progress fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni u għandu jinkludi l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI).
(2)Fir-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”, il-Kummissjoni għandha tipprovdi valutazzjoni tal-progress tat-tranżizzjoni diġitali tal-Unjoni fl-isfond tal-miri diġitali stabbiliti fl-Artikolu 4, kif ukoll l-istat ta’ konformità mal-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 2 u l-prinċipji stabbiliti fi [daħħal it-titolu tad-Dikjarazzjoni solenni]. Il-valutazzjoni tal-progress li jkun sar għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq l-analiżi u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fid-DESI meta mqabbla mal-livell tal-Unjoni u, meta applikabbli, mat-trajettorji proġettati nazzjonali u, meta applikabbli, fuq l-istabbiliment ta’ Proġetti Multinazzjonali u l-progress fir-rigward tagħhom.
(3)Fir-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda politiki, miżuri jew azzjonijiet li jridu jieħdu l-Istati Membri f’oqsma li ma għamlux progress biżżejjed biex jintlaħqu l-miri diġitali stabbiliti fl-Artikolu 4 jew meta jkunu ġew identifikati lakuni u nuqqasijiet sinifikanti abbażi tar-riżultati tar-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”. Dawk il-politiki, il-miżuri jew l-azzjonijiet rakkomandati jistgħu, b’mod partikolari, jindirizzaw:
(a)il-livell ta’ ambizzjoni tal-kontribuzzjonijiet u tal-inizjattivi proposti mill-Istati Membri, bil-ħsieb li jintlaħqu b’mod kollettiv l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4;
(b)il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri u politiki u miżuri oħrajn ta’ rilevanza transfruntiera potenzjali;
(c)kwalunkwe politika, miżura jew azzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa fl-aġġustamenti tal-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali;
(d) l-interazzjonijiet bejn il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet eżistenti u ppjanati u l-konsistenza tagħhom.
(4)Ir-rapport għandu jqis l-impenji konġunti kif imsemmija fl-Artikolu 8(4), kif ukoll l-implimentazzjoni tagħhom.
(5)Ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-progress rigward il-politiki, il-miżuri jew l-azzjonijiet rakkomandati msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u r-rakkomandazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 9 u l-implimentazzjoni tagħhom.
(6)Ir-rapport jista’ jivvaluta wkoll il-ħtieġa għal kwalunkwe politika, miżura jew azzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa fil-livell tal-Unjoni.
(7)
Artikolu 7
Pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali
(1)Sa [sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni - id-data speċifika li għandha tiddaħħal mill-PO], l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali li għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi u l-miri diġitali stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u jikkontribwixxu biex dawn jintlaħqu fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iqisu l-inizjattivi settorjali rilevanti u jiżguraw il-konsistenza magħhom.
(2)L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali:
(a)il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet ewlenin implimentati, adottati u ppjanati li jikkontribwixxu għall-objettivi u l-miri diġitali stabbiliti fl-Artikoli 2 u 4;
(b)it-trajettorji proġettati nazzjonali li jikkontribwixxu għall-miri diġitali rilevanti li jistgħu jitkejlu fil-livell nazzjonali;
(c)l-impatt li mistenni jsir fuq kull mira diġitali bħala riżultat tal-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet implimentati, adottati u ppjanati;
(d)l-għażla taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-politiki, tal-miżuri u tal-azzjonijiet adottati u ppjanati, kif ukoll stima taż-żmien meta dawk il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet ikunu mistennija li jipproduċu impatt fuq l-ilħuq tal-miri diġitali.
(3)Il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet imsemmija fil-punt (a) għandhom ikunu relatati mal-ilħuq tal-objettivi u tal-miri diġitali ta’ din id-Deċiżjoni li għalihom, fid-data tas-sottomissjoni tal-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali jew tal-aġġustament ta’ dawk il-pjanijiet direzzjonali, japplikaw waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
(a)ikunu fis-seħħ il-liġijiet tal-Unjoni jew nazzjonali direttament applikabbli;
(b)ikunu ttieħdu impenn wieħed jew aktar biex jiġu adottati l-politiki, il-miżuri jew l-azzjonijiet;
(c)ikunu ġew allokati riżorsi finanzjarji;
(d)ikunu ġew mobilizzati r-riżorsi umani;
(e)ir-riżorsi tal-ispettru tar-radju jkunu ġew jew huma impenjati li jiġu allokati jew assenjati mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti;
(f)ikunu jikkostitwixxu fatturi abilitanti importanti oħra relatati mal-objettivi u mal-miri diġitali.
(4)L-Istati Membri għandhom jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-investiment meħtieġ biex jikkontribwixxu għall-objettivi u l-miri diġitali kif stabbiliti fil-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali, u deskrizzjoni ġenerali dwar is-sorsi ta’ dak l-investiment, inkluż, meta applikabbli, l-użu ppjanat tal-programmi u l-istrumenti tal-Unjoni. Il-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali jistgħu jinkludu proposti għal Proġetti Multinazzjonali.
(5)L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali jqisu l-aktar rakkomandazzjonijiet riċenti speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. L-aġġustamenti għall-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali għandhom iqisu l-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati skont l-Artikolu 6(3) u r-rakkomandazzjonijiet adottati skont l-Artikolu 9.
(6)Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida u appoġġ lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali, inkluż dwar kif għandhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali, meta possibbli, trajettorji proġettati xierqa li jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-kisba tat-trajettorji proġettati fil-livell tal-Unjoni.
Artikolu 8
Il-kooperazzjoni annwali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri
(1) L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jidentifikaw modi kif jindirizzaw in-nuqqasijiet f’oqsma fejn il-progress ma kienx biżżejjed biex jintlaħqu waħda jew aktar mill-miri diġitali stabbiliti fl-Artikolu 4 jew meta jkunu ġew identifikati lakuni u nuqqasijiet sinifikanti abbażi tar-riżultati tar-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”. Din l-analiżi għandha tqis, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet differenti tal-Istati Membri biex jikkontribwixxu għal uħud mill-miri diġitali u r-riskju li d-dewmien fuq uħud minn dawn il-miri jista’ jkollu effett detrimentali fuq l-ilħuq ta’ miri diġitali oħrajn.
(2)Fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tar-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiddiskutu l-osservazzjonijiet preliminari tal-Istat Membru, notevolment fir-rigward tal-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni fir-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”.
(3)Fi żmien ħames xhur mill-pubblikazzjoni tar-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-aġġustamenti għall-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali, li jikkonsistu f’politiki, miżuri u azzjonijiet li jkollhom il-ħsieb li jwettqu, inkluż, meta rilevanti, proposti għal Proġetti Multinazzjonali, biex jitrawwem il-progress fl-oqsma kkonċernati mill-miri diġitali stabbiliti fl-Artikolu 4 u biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2. Jekk Stat Membru jqis li ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni u li l-pjan direzzjonali strateġiku nazzjonali tiegħu tad-Deċennju Diġitali ma jkunx jeħtieġ li jiġi aġġornat, dan għandu jipprovdi r-raġunijiet tiegħu bil-miktub.
(4)Fi kwalunkwe punt tal-kooperazzjoni annwali, il-Kummissjoni u Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jwettqu impenji konġunti, jikkonsultaw ma’ Stati Membri oħrajn dwar il-politika, il-miżuri jew l-azzjonijiet jew jistabbilixxu Proġetti Multinazzjonali kif previst fl-Artikolu 12. Il-Kummissjoni jew Stat Membru li jkun ippropona politika, miżura jew azzjoni jistgħu jitolbu wkoll li jitnieda proċess ta’ rieżami bejn il-pari rigward aspetti speċifiċi ta’ dik il-politika, il-miżura jew l-azzjoni u, b’mod partikolari, dwar l-adegwatezza tagħha li tikkontribwixxi biex tintlaħaq mira diġitali speċifika. L-eżitu tal-proċess ta’ rieżami bejn il-pari jista’ jiġi inkluż fir-Rapport li ġej dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”.
(5)Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-Istati Membri dwar il-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati li jkollha l-ħsieb li tinkludi fir-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali” qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport.
Artikolu 9
Rakkomandazzjonijiet
(1)Jekk Stat Membru jonqos milli jimplimenta l-aġġustamenti xierqa għall-pjan direzzjonali strateġiku nazzjonali tiegħu tad-Deċennju Diġitali skont il-politiki, il-miżuri jew l-azzjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(3) mingħajr ma jipprovdi raġunijiet suffiċjenti, il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjoni, inkluż analiżi speċifika ta’ kif dan in-nuqqas jista’ jkollu impatt fuq l-ilħuq tal-objettivi u tal-miri diġitali ta’ din id-Deċiżjoni.
(2)L-Istat Membru kkonċernat għandu jqis ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni bl-akbar reqqa u, meta xieraq, jaġġusta kif xieraq il-pjan direzzjonali strateġiku nazzjonali tiegħu tad-Deċennju Diġitali fi żmien tliet xhur. Jekk l-Istat Membru kkonċernat iqis li ma jenħtieġx li jaġġusta l-pjan direzzjonali strateġiku nazzjonali tad-Deċennju Diġitali f’konformità mar-rakkomandazzjoni jew ma’ parti sostanzjali minnha, dan għandu jipprovdi r-raġunijiet tiegħu lill-Kummissjoni bil-miktub u jagħmilhom pubbliċi fi żmien tliet xhur.
(3)Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu kumplimentari għall-aktar rakkomandazzjonijiet riċenti speċifiċi għall-pajjiżi maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.
(4)Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri nazzjonali mhumiex biżżejjed u jpoġġu f’riskju l-ilħuq fil-ħin tal-objettivi u tal-miri diġitali stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, din tista’ tipproponi miżuri, kif xieraq, u teżerċita s-setgħat tagħha skont it-Trattati biex tiżgura l-ilħuq kollettiv ta’ dawk l-objettivi u l-miri.
(5)F’każ li Stat Membru jiddevja kontinwament mit-trajettorja proġettata nazzjonali għal diversi snin, jew inkella ma jkollux il-ħsieb li jadotta azzjoni korrettiva bbażata fuq rakkomandazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tibda djalogu mmirat mal-Istat Membru inkwistjoni u tinforma b’dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(6)Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi kwalunkwe rakkomandazzjoni adottata skont dan l-Artikolu.
Artikolu 10
Kooperazzjoni
(1)Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-obbligi u l-kompiti stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Għal dak l-għan, l-Istati Membri jistgħu jibdew djalogu jew mal-Kummissjoni jew inkella mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri dwar kwalunkwe suġġett rilevanti għall-ilħuq tal-objettivi u tal-miri diġitali. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-għarfien espert u s-servizzi ta’ assistenza teknika xierqa kollha u għandha torganizza skambju strutturat tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki u koordinazzjoni.
Artikolu 11
Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
(1)Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi, inkluż is-sħab soċjali, biex tiġbor l-informazzjoni u tiżviluppa l-politiki, il-miżuri u l-azzjonijiet rakkomandati għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
(2)L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi, inkluż is-sħab soċjali, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta jadottaw il-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom tad-Deċennju Diġitali u l-aġġustamenti tagħhom.
Kapitolu 4
qafas għall-Proġetti Multinazzjonali
Artikolu 12
Proġetti Multinazzjonali
(1)L-objettiv ġenerali tal-Proġetti Multinazzjonali għandu jkun li jiffaċilitaw l-ilħuq tal-miri diġitali.
(2)Il-Proġetti Multinazzjonali għandhom jimmiraw għal wieħed jew aktar mill-objettivi speċifiċi li ġejjin:
(a)it-titjib tal-kooperazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri fl-ilħuq tal-objettivi tad-Deċennju Diġitali;
(b)it-tisħiħ tal-eċċellenza teknoloġika u tal-kompetittività industrijali tal-Unjoni f’teknoloġiji kritiċi u fi prodotti, servizzi u infrastrutturi diġitali li huma essenzjali għall-irkupru ekonomiku u għall-prosperità, kif ukoll għas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini;
(c)l-indirizzar tal-vulnerabbiltajiet u tad-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni tul il-ktajjen tal-provvista diġitali;
(d)it-twessigħ tad-diffużjoni u l-aħjar użu ta’ soluzzjonijiet diġitali f’oqsma ta’ interess pubbliku u fis-settur privat;
(e)il-kontribut għal trasformazzjoni diġitali sostenibbli tas-soċjetà u tal-ekonomija ta’ benefiċċju għan-negozji u għaċ-ċittadini kollha madwar l-Unjoni;
(f)
(3)L-Anness jistabbilixxi lista indikattiva ta’ oqsma possibbli ta’ attività li fihom jistgħu jiġu stabbiliti Proġetti Multinazzjonali li jindirizzaw dawn l-objettivi speċifiċi.
(a)
(4)Proġett Multinazzjonali għandu jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas tliet Stati Membri.
(5)Id-dritt applikabbli tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali konsistenti mad-dritt tal-Unjoni għandhom ikomplu japplikaw għall-Proġetti Multinazzjonali.
(6)Il-Kummissjoni tista’ tadotta rakkomandazzjoni biex tistabbilixxi Proġett Multinazzjonali jew biex tistieden lil Stat Membru jipparteċipa fi Proġett Multinazzjonali li jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi minn (1) sa (3), filwaqt li jitqiesu l-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali u l-aderenza mal-azzjonijiet rakkomandati tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jintrabtu wkoll li jistabbilixxu, jew jissieħbu fi, Proġett Multinazzjonali bħala impenn konġunt.
Artikolu 13
L-għażla u l-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali
(1)Filwaqt li tqis il-proposti għal Proġetti Multinazzjonali fil-pjanijiet direzzjonali strateġiċi nazzjonali tad-Deċennju Diġitali u l-impenji konġunti, il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tħejji u tippubblika, bħala anness għar-rapport dwar “L-Istat tad-Deċennju Diġitali”, il-prinċipji u l-prijoritajiet strateġiċi fl-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali u rapport ta’ progress dwar il-Proġetti Multinazzjonali magħżula għall-implimentazzjoni fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-rapport.
(2)Il-programmi u l-iskemi ta’ investiment kollha tal-Unjoni, jekk ikunu permessi mir-regoli speċifikati fil-bażi ġuridika tal-programm, jistgħu jikkontribwixxu għal Proġett Multinazzjonali, skont it-tipi ta’ azzjonijiet meħtieġa biex jintlaħaq l-għan meħtieġ.
(3)Entitajiet oħrajn, kemm jekk pubbliċi jew privati, jistgħu jikkontribwixxu għal Proġetti Multinazzjonali, meta xieraq.
(4)Il-Proġetti Multinazzjonali jistgħu jiġu implimentati permezz tal-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni li ġejjin:
(a)Impriżi Konġunti;
(b)il-Konsorzji Ewropej għall-Infrastruttura tar-Riċerka;
(c)l-aġenziji tal-Unjoni;
(d)indipendentement mill-Istati Membri kkonċernati;
(e)il-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni skont il-punt (b) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat;
(f)il-Konsorzji Ewropej għall-Infrastruttura Diġitali f’konformità mal-Kapitolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni;
(g)kwalunkwe mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni xieraq ieħor.
Artikolu 14
Aċċelleratur ta’ Proġetti Multinazzjonali
(1)Wara rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 12(5), impenji konġunti jew fuq talba tal-Istati Membri parteċipanti, il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ Proġett Multinazzjonali, billi taġixxi bħala Aċċelleratur ta’ Proġetti Multinazzjonali.
(2)Fl-ewwel pass ta’ koordinazzjoni, il-Kummissjoni tippubblika sejħa għal espressjoni ta’ interess indirizzata lill-Istati Membri kollha. Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għandu jkollha l-għan li tistabbilixxi jekk Stat Membru għandux il-ħsieb li jipparteċipa fil-Proġett Multinazzjonali u x’kontribuzzjoni finanzjarja jew mhux finanzjarja jipproponi li jipprovdi.
(3)Fit-tieni pass ta’ koordinazzjoni, jekk mill-inqas tliet Stati Membri jesprimu interess fi Proġett Multinazzjonali u fl-istess ħin jipproponu impenji finanzjarji jew mhux finanzjarji għal dak il-proġett, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat mal-Istati Membri kollha, għandha tagħti gwida dwar l-għażla tal-mekkaniżmu ta’ implimentazzjoni xieraq, dwar is-sorsi ta’ finanzjament u dwar il-kombinazzjoni tagħhom fi ħdan il-proġett, kif ukoll aspetti strateġiċi oħrajn relatati mal-implimentazzjoni ta’ dak il-proġett. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi wkoll fuq inizjattiva tagħha stess li tikkoordina Proġett Multinazzjonali f’konformità mal-passi deskritti fil-paragrafi 2 u 3 lill-Istati Membri parteċipanti.
(4)Il-Kummissjoni tista’ tagħti gwida rigward it-twaqqif ta’ Konsorzju Ewropew ġdid għall-Infrastruttura Diġitali f’konformità mal-Artikolu 15.
(5)Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ Proġetti Multinazzjonali billi tipprovdi, kif xieraq, is-servizzi u r-riżorsi msemmija fl-Artikolu 10.
Kapitolu 5
Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali
Artikolu 15
L-objettiv u l-istatus tal-Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (EDIC)
(1)L-Istati Membri jistgħu jimplimentaw Proġett Multinazzjonali permezz ta’ Konsorzju Ewropew għall-Infrastruttura Diġitali (“EDIC”).
(2)EDIC għandu jkollu personalità ġuridika mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 16(3).
(3)EDIC għandu jkollu, f’kull Stat Membru, l-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-entitajiet ġuridiċi skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Dan jista’, b’mod partikolari, jakkwista, jippossedi u jiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċedimenti legali.
(4)EDIC għandu jkollu sede statutorja, li għandha tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru.
Artikolu 16
It-twaqqif tal-EDIC
(1)L-Istati Membri li japplikaw għat-twaqqif ta’ EDIC (“applikanti”) għandhom jissottomettu applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi sottomessa bil-miktub u jkun fiha dawn li ġejjin:
(a)talba lill-Kummissjoni biex twaqqaf l-EDIC;
(b)l-Istatuti proposti tal-EDIC;
(c)deskrizzjoni teknika tal-Proġett Multinazzjonali li għandu jiġi implimentat mill-EDIC;
(d)dikjarazzjoni mill-Istat Membru ospitanti li tirrikonoxxi l-EDIC bħala korp internazzjonali skont it-tifsira tal-punt (g) tal-Artikolu 143 u tal-punt (b) tal-Artikolu 151(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u bħala organizzazzjoni internazzjonali skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE, mit-twaqqif tiegħu. Il-limiti u l-kundizzjonijiet tal-eżenzjonijiet previsti f’dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-membri tal-EDIC.
(2)Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni, filwaqt li tqis l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni u l-kunsiderazzjonijiet prattiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-Proġett Multinazzjonali li għandu jiġi implimentat mill-EDIC.
(3)Il-Kummissjoni għandha, filwaqt li tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 25(2), tadotta waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:
(a)it-twaqqif tal-EDIC wara li jkun ikkonkluda li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu huma ssodisfati;
(b)ir-rifjut tal-applikazzjoni jekk din tikkonkludi li r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament mhumiex issodisfati, inkluż fin-nuqqas tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 16(1). F’dan il-każ, l-Istati Membri xorta jistgħu jifformaw konsorzju permezz ta’ ftehim, iżda dan ma għandux ikollu l-isem EDIC, u lanqas jibbenefika mill-istruttura ta’ implimentazzjoni stabbilita f’dan il-Kapitolu.
(4)Id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi nnotifikata lill-applikanti. Meta l-applikazzjoni tiġi rifjutata, id-deċiżjoni għandha tiġi spjegata f’termini ċari u preċiżi lill-applikanti.
(5)Id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-EDIC għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(6)L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-EDIC, kif stabbiliti fil-punti (a) u (ċ) tal-Artikolu 19(1) u, jekk applikabbli, li jinsabu fl-applikazzjoni għandhom jiġu annessi mad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-EDIC.
Artikolu 17
Sħubija
(1)Is-sħubija fl-EDIC għandha tinkludi mill-inqas tliet Stati Membri. Huma biss l-Istati Membri li jipprovdu kontribuzzjoni finanzjarja jew mhux finanzjarja li għandhom ikunu membri tal-EDIC bi drittijiet tal-vot.
(2)Wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi EDIC, Stati Membri oħrajn jistgħu jissieħbu bħala membri fi kwalunkwe ħin fuq termini ġusti u raġonevoli speċifikati fl-Istatuti.
(3)L-Istati Membri li ma jipprovdux kontribuzzjoni finanzjarja jew mhux finanzjarja jistgħu jissieħbu fl-EDIC bħala osservaturi mingħajr drittijiet tal-vot.
(4)EDIC jista’ jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet għajr l-Istati Membri, li jistgħu jinkludu, inter alia, organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet privati, kif speċifikat fl-Istatuti. Jekk dan ikun il-każ, l-Istati Membri għandu jkollhom b’mod konġunt il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot fl-assemblea tal-membri, irrispettivament mill-ammont ta’ kontribuzzjonijiet minn entitajiet għajr l-Istati Membri.
Artikolu 18
Governanza
(1)EDIC għandu jkollu mill-inqas iż-żewġ korpi li ġejjin:
(a)assemblea tal-membri magħmula mill-Istati Membri, minn entitajiet oħrajn imsemmija fl-Artikolu 17(4) u mill-Kummissjoni bħala l-korp li għandu setgħat sħaħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet, inkluż l-adozzjoni tal-baġit;
(b)direttur, maħtur mill-assemblea tal-membri, bħala l-korp eżekuttiv u r-rappreżentant legali tal-EDIC.
(2)Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-assemblea tal-membri mingħajr dritt tal-vot. Madankollu, meta programm tal-Unjoni ġestit ċentralment jikkontribwixxi finanzjarjament għal Proġett Multinazzjonali, il-Kummissjoni għandu jkollha dritt ta’ veto fuq id-deċiżjonijiet tal-assemblea.
(3)L-Istatuti ta’ EDIC għandhom jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-governanza, fi ħdan ir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 19
Statuti tal-EDIC
(1)L-Istatuti ta’ EDIC għandu jkun fihom mill-inqas dawn li ġejjin:
(a)lista ta’ membri, osservaturi u l-proċedura għall-bidliet fis-sħubija u fir-rappreżentanza, li għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Istati Membri mhux parteċipanti li jissieħbu f’EDIC;
(b)id-deskrizzjoni dettaljata tal-Proġett Multinazzjonali, il-kompiti tal-Membri, jekk applikabbli, u l-iskeda ta’ żmien indikattiva;
(c)is-sede statutorja u l-isem;
(d)id-drittijiet u l-obbligi tal-membri, inkluż l-obbligu li jagħmlu kontribuzzjonijiet għall-baġit;
(e)id-drittijiet tal-vot;
(f)ir-regoli dwar is-sjieda tal-infrastruttura, tal-proprjetà intellettwali u ta’ assi oħrajn, kif applikabbli.
(2)L-emendi tal-Istatuti għandhom ikunu soġġetti għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 16.
Artikolu 20
Responsabbiltà
(1)EDIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.
(2)Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri għad-djun tal-EDIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom ipprovduti lill-EDIC. Il-membri jistgħu jispeċifikaw fl-Istatuti li huma se jassumu responsabbiltà fissa ’l fuq mill-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom jew responsabbiltà illimitata.
(3)L-Unjoni ma għandhiex tkun responsabbli għad-djun ta’ EDIC.
Artikolu 21
Il-liġi u l-ġurisdizzjoni applikabbli
(1)It-twaqqif u l-funzjonament intern ta’ EDIC għandhom ikunu regolati:
(a)mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari din id-Deċiżjoni;
(b)mil-liġi tal-Istat fejn l-EDIC jkollu s-sede statutorja tiegħu fil-każ ta’ kwistjonijiet mhux regolati, jew regolati parzjalment biss, mill-atti msemmija fil-punt (a);
(c)mill-Istatuti u mir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom.
(2)Mingħajr preġudizzju għall-każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha ġurisdizzjoni skont it-Trattati, il-liġi tal-Istat fejn l-EDIC ikollu s-sede statutorja tiegħu għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni kompetenti għas-soluzzjoni ta’ tilwim fost il-Membri b’rabta mal-EDIC, bejn il-membri u l-EDIC, u bejn EDIC u partijiet terzi.
Artikolu 22
Stralċ
(1)L-Istatuti għandhom jiddeterminaw il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-istralċ ta’ EDIC wara deċiżjoni tal-assemblea tal-membri. L-istralċ jista’ jkun jinkludi t-trasferiment ta’ attivitajiet lil entità ġuridika oħra.
(2)Ir-regoli ta’ insolvenza tal-Istat fejn l-EDIC ikollu s-sede statutorja tiegħu għandhom japplikaw fil-każ li l-EDIC ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu.
Artikolu 23
Rapportar u kontroll
(1)EDIC għandu jipproduċi rapport annwali tal-attività, b’deskrizzjoni teknika tal-attivitajiet tiegħu u rapport finanzjarju. Dan għandu jiġi approvat mill-assemblea tal-membri u jintbagħat lill-Kummissjoni. Dan ir-rapport għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.
(2)Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi rakkomandazzjonijiet rigward il-kwistjonijiet koperti fir-rapport annwali tal-attività.
Kapitolu 6
Dispożizzjonijiet Finali
Artikolu 24
Għoti ta’ informazzjoni
(1)Wara talba mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti tagħha skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari rigward l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 7, 8 u 9. L-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni għandha tkun proporzjonata mat-twettiq ta’ dawk il-kompiti. Meta l-informazzjoni pprovduta tkun tirreferi għal informazzjoni pprovduta qabel mill-impriżi bit-talba ta’ Stat Membru, dawn l-impriżi għandhom jiġu informati b’dan.
Artikolu 25
Kumitat
(1)Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (“il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
(2)Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, wara li jitqies l-Artikolu 8 tiegħu.
Artikolu 26
Dħul fis-seħħ
(1)Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President