IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.12.2021
COM(2021) 570 final
2021/0430(CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.12.2021
COM(2021) 570 final
2021/0430(CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat l-agħar reċessjoni ekonomika fl-aħħar għexieren ta’ snin fl-UE 1 , u skattat rispons politiku rapidu u determinat kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. L-Istati Membri kollha adottaw miżuri diskrezzjonali eċċezzjonali, flimkien mal-“istabbilizzaturi awtomatiċi” tagħhom, sabiex jappoġġaw l-attività ekonomika u jtaffu l-impatti soċjali.
L-UE ħadet ukoll passi mingħajr preċedent biex tindirizza l-kriżi. B’total ta’ EUR 1,8 triljun fi prezzijiet tal-2018, il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE, flimkien mal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (NextGenerationEU), huwa l-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt ġie ffinanzjat mill-baġit tal-UE. NextGenerationEU ġie approvat formalment mill-Kunsill fl-14 ta’ Diċembru 2020 2 bl-appoġġ tal-Parlament Ewropew u se juża EUR 750 biljun (prezzijiet tal-2018), miġbura fis-swieq kapitali, biex jiffinanzja azzjonijiet speċifiċi ta’ rkupru u reżiljenza f’perjodu ta’ żmien limitat, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u jsir investiment fir-reżiljenza u f’futur aktar ekoloġiku u diġitali.
Huwa meħtieġ dħul suffiċjenti biex ikopri l-ħlas lura tal-ispejjeż ta’ finanzjament tas-self ta’ NextGenerationEU, mifrux fuq tliet deċennji. Il-ħlas lura tal-kapital jista’ jibda qabel tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jekk l-ammonti mhux użati għall-pagamenti tal-imgħax ikunu aktar baxxi milli ppjanat u f’każ li jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda 3 , u jrid jiġi konkluż sa tmiem l-2058 4 .
Fil-qafas tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 5 , il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ddikjaraw li n-nefqa mill-baġit tal-Unjoni relatata mal-ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru ma għandhiex twassal għal tnaqqis mhux dovut fin-nefqa tal-programm jew fl-istrumenti ta’ investiment fil-qafas finanzjarju pluriennali. Skont dan il-Ftehim Interistituzzjonali, huwa mixtieq ukoll li jittaffew iż-żidiet fir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING għall-Istati Membri. Għalhekk, it-tliet istituzzjonijiet qablu li “jaħdmu biex jintroduċu biżżejjed riżorsi proprji ġodda bil-ħsieb li jkopru ammont li jikkorrispondi għan-nefqa mistennija relatata mal-ħlas lura.” 6 Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippoponi riżorsi proprji ġodda fl-2021 bil-ħsieb li dawn jiġu introdotti mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2023 7 .
2.KONTENUT TAL-PROPOSTA EMENDATA
Il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi riżorsi proprji ġodda, billi tagħti lill-UE r-riżorsi meħtieġa, b’mod partikolari fid-dawl tan-nefqa baġitarja ġdida għall-ħlas lura tal-ispejjeż ta’ finanzjament tas-self ta’ NextGenerationEU u għall-Fond Soċjali għall-Klima 8 .
Il-proposta emendata tispeċifika li 25 % tal-biċċa l-kbira tad-dħul iġġenerat minn kwoti li se jiġu rkantati min-negozjar tal-emissjonijiet se jmur għall-baġit tal-UE. Dan jinkludi dħul mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet attwali għal installazzjonijiet stazzjonarji u l-avjazzjoni li għalihom se jiġu rkantati kwoti addizzjonali kif ukoll l-estensjoni tagħha għat-trasport marittimu u l-introduzzjoni ta’ skambju separat tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq u l-bini, f’konformità mal-proposta għal emenda tad-Direttiva 2003/87/KE 9 .
Il-kwoti rkantati mill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-Fond għall-Innovazzjoni u d-dotazzjoni inizjali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni huma esklużi. Sabiex jibqa’ newtrali, l-ambitu tar-riżorsi proprji jinkludi wkoll kwoti ddedikati, fil-prinċipju, għall-irkantar mill-Istati Membri, li abbażi tad-diskrezzjoni eżerċitata mill-Istati Membri jiġu ttrasferiti mingħajr ħlas lis-settur tal-enerġija, użati għall-konformità mis-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi, jew irkantati mill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-Fond għall-Modernizzazzjoni.
Sabiex jiġu indirizzati l-impatti soċjali possibbli fir-rigward tal-introduzzjoni tal-iskambju tal-emissjonijiet tat-trasport bit-triq u tal-bini, il-Kummissjoni pproponiet li jiġi stabbilit Fond Soċjali għall-Klima. Il-Fond se jkun ta’ benefiċċju għal familji vulnerabbli, mikrointrapriżi u utenti tat-trasport. Għat-tul ta’ żmien tiegħu, il-Fond se jiġi ffinanzjat mir-riżorsi proprji tal-baġit tal-Unjoni, inkluż mill-2026 id-dħul mill-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għat-trasport bit-triq u l-bini. Il-pakkett finanzjarju totali tal-Fond għall-perjodu 2025-32 se jkun ta’ EUR 72,2 biljun fi prezzijiet attwali, li fil-prinċipju jikkorrispondi għal ammont ekwivalenti għal madwar 25 % tad-dħul mistenni mis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-bini u t-trasport bit-triq għall-perjodu 2026-2032.
Qed jiġi propost mekkaniżmu temporanju ta’ aġġustament tas-solidarjetà biex jittaffew l-impatti distributtivi rigressivi tar-riżorsa proprja bbażata fuq in-negozjar tal-emissjonijiet, bl-introduzzjoni ta’ kontribuzzjoni massima għal Stati Membri b’introjtu aktar baxx u b’intensità qawwija ta’ karbonju u kontribuzzjoni minima għal Stati Membri tipikament b’introjtu ogħla u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Dan se jevita li xi Stati Membri jikkontribwixxu b’mod sproporzjonat għall-baġit tal-UE meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija tagħhom, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni lejn ekonomiji u soċjetajiet aktar sostenibbli, u se jiżgura kontribuzzjoni ġusta minn kulħadd.
Din il-proposta tistabbilixxi li sehem mid-dħul mill-bejgħ taċ-ċertifikati tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera se jiġi ttrasferit għall-baġit tal-UE bħala riżorsi proprji fil-forma ta’ kontribuzzjoni nazzjonali.
Fl-aħħar nett, din il-proposta tipprevedi li l-Istati Membri se jagħmlu kontribuzzjoni nazzjonali għall-baġit tal-UE abbażi tas-sehem tal-profitti residwi tal-akbar intrapriżi multinazzjonali u dawk l-aktar profittabbli, li se tiġi riallokata lill-Istati Membri f’każ li jkunu ġurisdizzjonijiet tas-suq aħħari fejn il-prodotti jew is-servizzi jintużaw jew jiġu kkunsmati fl-ambitu tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 għal ftehim dwar l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u trasferiment tal-profitti 10 bil-għan ta’ riforma tal-qafas fiskali internazzjonali. Filwaqt li l-ħidma fuq Konvenzjoni Multilaterali għadha għaddejja fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni ħabbret li se tressaq proposta għal direttiva tal-Kunsill fl-2022 li tiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-Konvenzjoni Multilaterali dwar allokazzjoni parzjali mill-ġdid tad-drittijiet ta’ tassazzjoni.
3.QAFAS LEGALI
3.1.Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji
Skont l-Artikolu 311(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill, wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew “jista’ jistabbilixxi kategoriji ġodda ta’ riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti”. Din id-dispożizzjoni tippermetti b’mod espliċitu li d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tiġi emendata biex jiżdiedu riżorsi proprji ġodda kif miftiehem fil-Ftehim Interistituzzjonali.
F’konformità mal-proċedura leġislattiva speċjali stabbilita fl-Artikolu 311(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jadotta d-deċiżjoni riveduta b’unanimità wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew. Id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ ladarba tiġi approvata mill-Istati Membri f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom.
3.2.Leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni
B’mod parallel, il-Kunsill jeħtieġ li jemenda l-miżuri ta’ implimentazzjoni relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji biex jiżgura li jibqgħu adatti għall-iskop tagħhom. Barra minn hekk, huma meħtieġa dispożizzjonijiet ġodda ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għar-riżorsi proprji ġodda kollha. Il-Kummissjoni se tressaq il-proposti meħtieġa fl-ewwel nofs tal-2022.
2021/0430 (CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 311, it-tielet paragrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)NextGenerationEU, stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 11 , se juża EUR 750 biljun fi prezzijiet tal-2018, miġbura fis-swieq finanzjarji bħala strument temporanju biex jiżgura rkupru sostenibbli u reżiljenti fl-Unjoni kollha u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-appoġġ ekonomiku fis-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, u jippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
(2)Il-ħlas lura tal-kapital ta’ dawk il-fondi li għandhom jintużaw għan-nefqa mill-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u l-imgħax dovut relatat se jkollhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ dħul suffiċjenti minn riżorsi proprji ġodda introdotti wara l-2021. Fil-qafas tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 12 , il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew l-importanza tal-kuntest tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru u rrikonoxxew li “n-nefqa mill-baġit tal-Unjoni relatata mal-ħlas lura tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru jenħtieġ li ma twassal għal tnaqqis mhux dovut fin-nefqa tal-programm jew fl-istrumenti ta’ investiment taħt il-QFP”. Il-Ftehim Interistituzzjonali ddikjara wkoll li “huwa mixtieq ukoll li jiġu mitigati ż-żidiet fir-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING għall-Istati Membri”.
(3)L-iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 , hija parti ċentrali tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima. Meta titqies ir-rabta mill-qrib tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet mal-objettivi tal-politika dwar il-klima tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi allokat sehem mid-dħul ikkonċernat għall-baġit tal-Unjoni.
(4)Ir-riżorsi proprji għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet jinkludu sehem mid-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti fis-setturi kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE. Skont id-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 , l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jirkantawx parti mill-kwantità totali ta’ kwoti speċifikata skont id-Direttiva 2003/87/KE jew li jittrasferixxu u jirkantaw lill-Fond għall-Modernizzazzjoni stabbilit minn dik id-Direttiva. Jenħtieġ li dawk il-kwoti jintużaw ukoll biex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ riżorsi proprji abbażi tal-iskambju tal-emissjonijiet. Huwa xieraq li jiġu esklużi l-kwoti għad-dotazzjoni inizjali tal-Fond għall-Modernizzazzjoni kif ukoll il-kwoti għall-Fond għall-Innovazzjoni.
(5)Sabiex jiġi evitat impatt eċċessivament rigressiv fuq il-kontribuzzjonijiet mill-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet, jenħtieġ li tiġi stabbilita kontribuzzjoni massima għall-Istati Membri eliġibbli. Għall-perjodu mill-2023 sal-2027, l-Istati Membri huma eliġibbli jekk l-introjtu nazzjonali gross per capita, imkejjel skont l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkulat abbażi taċ-ċifri tal-Unjoni għall-2020 ikun anqas minn 90 % tal-medja tal-UE. Għall-perjodu mill-2028 sal-2030, jenħtieġ li jintuża l-introjtu nazzjonali gross per capita fl-2025. Jenħtieġ li l-kontribuzzjoni massima tiġi stabbilita billi l-ishma tal-Istati Membri fir-riżorsa proprja bbażata fuq l-iskambju totali tal-emissjonijiet jitqabblu mal-ishma tal-introjtu nazzjonali gross tal-Unjoni ta’ dawk l-Istati Membri. Jenħtieġ li tiġi stabbilita kontribuzzjoni minima għall-Istati Membri kollha jekk is-sehem tagħhom tal-ammont totali tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ETS ikun anqas minn 75 % tas-sehem tagħhom fl-introjtu nazzjonali gross tal-Unjoni.
(6)Ir-Regolament (UE) [XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera biex jikkomplementa l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet u biex jiżgura l-effettività tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima. Meta titqies ir-rabta mill-qrib tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera mal-politika tal-Unjoni dwar il-klima, jenħtieġ li sehem mid-dħul mill-bejgħ ta’ ċertifikati jiġi ttrasferit għall-baġit tal-Unjoni bħala riżorsa proprja.
(7)F’Ottubru 2021, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u l-Qafas Inklużiv tal-G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt laħqu ftehim dwar l-allokazzjoni lil ġurisdizzjonijiet tas-suq parteċipanti ta’ 25 % tal-profitti residwi ta’ intrapriżi multinazzjonali kbar li jkunu jaqbżu l-livell limitu ta’ profittabbiltà ta’ 10 % (“il-Ftehim tal-OECD/G20 IF Pilastru 1”). Jenħtieġ li r-riżorsa proprja tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ ġbir għas-sehem tal-profitti residwi tal-intrapriżi multinazzjonali, riallokata lill-Istati Membri [skont id-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar ir-riallokazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni.]
(8)Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontribuzzjoni mill-irkant tal-kwoti skont l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet attwali jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023. Ladarba d-Direttiva 2003/87/KE tkun ġiet emendata, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontribuzzjoni mill-irkantar ta’ kwoti fl-ambitu tal-Iskema riveduta għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet japplikaw mill-ewwel jum wara l-aħħar jum tal-perjodu għat-traspożizzjoni ta’ dik l-emenda. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontribuzzjoni mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera jenħtieġ li japplikaw mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament. [Id-dispożizzjonijiet dwar il-Ftehim tal-OECD/G20 IF Pilastru 1 għandhom jidħlu fis-seħħ ladarba d-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar ir-riallokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni tkun tapplika u l-Konvenzjoni Multilaterali tidħol fis-seħħ.]
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Emendi għad-Deċiżjoni (UE, Euratom) Nru 2020/2053
Id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 hija emendata kif ġej:
(1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1 jiżdied il-punt (e) li ġej:
“(e) l-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ 25 % għal:
(1)id-dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti mill-Istati Membri skont l-Artikoli 3d, 10 u 30d tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 1;
(2)l-ammont ikkalkulat billi jiġi mmultiplikat l-ammont annwali ta’ kwoti li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru rilevanti japplika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
(a)l-għażla għal allokazzjoni tranżitorja bla ħlas imsemmija fl-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE;
(b)il-possibbiltà ta’ kanċellazzjoni limitata msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 2;
(c)l-użu tal-kwoti msemmija fl-Artikolu 10d(4) tad-Direttiva 2003/87/KE għall-irkantar għall-Fond għall-Modernizzazzjoni msemmi fl-Artikolu 10d(3) ta’ dik id-Direttiva;
bil-prezz medju ppeżat tal-kwoti rkantati fuq il-pjattaforma komuni tal-irkant fis-sena li fiha dawn il-kwoti kienu jiġu rkantati.”
(b)fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (f) li ġej:
“(f) l-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ ġbir ugwali għal 75 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ ċertifikati tal-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera stabbilit bir-Regolament (UE) [XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 183.”
(c)fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (g) li ġej:
“(g) l-applikazzjoni ta’ rata uniformi ta’ ġbir ta’ 15 % għas-sehem tal-profitt residwu ta’ intrapriżi multinazzjonali riallokat lill-Istati Membri skont [id-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar ir-riallokazzjoni tad-drittijiet ta’ tassazzjoni 194.]”
(d)jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a. B’deroga mill-paragrafu 1, il-punt (e), dan li ġej għandu japplika sas-sena finanzjarja 2030:
(a)meta s-sehem ta’ Stat Membru fl-ammont totali ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (e), ikun anqas minn 75 % tas-sehem tiegħu fid-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni, dak l-Istat Membru għandu jagħmel disponibbli ammont li jkun ugwali għal 75 % ta’ dak is-sehem tad-dħul nazzjonali gross, multiplikat bl-ammont totali ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (e).
(b)is-sehem ta’ Stat Membru fl-ammont totali ta’ dħul li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1, punt (e), ma għandux ikun ogħla minn 150 % tas-sehem ta’ dak l-Istat Membru fid-dħul nazzjonali gross tal-Unjoni għal Stati Membri bi dħul nazzjonali gross per capita li jkun anqas minn 90 % tal-medja tal-Unjoni, imkejjel skont l-istandard tal-kapaċità tal-akkwist u kkalkolat abbażi taċ-ċifri għall-2020, għall-perjodu mill-2023 sal-2027, u abbażi taċ-ċifri għall-2025, għall-perjodu mill-2028 sal-2030.
Id-dħul gross nazzjonali kif imsemmi fil-punti (a) u (b) għandu jfisser id-dħul gross nazzjonali bil-prezzijiet tas-suq kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 205.”
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri b’din id-Deċiżjoni.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill mingħajr dewmien bit-tlestija tal-proċeduri għall-approvazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li tkun waslet l-aħħar notifika min-notifiki msemmija fit-tieni paragrafu.
L-Artikolu 1(1), il-punt (a), għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 għad-dħul skont l-Artikolu 3d u 10 tad-Direttiva 2003/87/KE, u mill-jum wara l-aħħar jum tal-perjodu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) [XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 216 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tad-dħul skont l-Artikolu 30d tad-Direttiva 2003/87/KE.
L-Artikolu 1(1), il-punt (b), għandu japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) [XXX] li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera.
L-Artikolu 1(1), il-punt (c), għandu japplika minn
l-ewwel jum tad-data tal-applikazzjoni tad-[Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim globali dwar ir-riallokazzjoni tad-drittijiet tat-tassazzjoni] jew
il-jum tad-dħul fis-seħħ u l-effett tal-Konvenzjoni Multilaterali, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.
Artikolu 3
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President