Brussell, 23.9.2021

COM(2021) 547 final

2021/0291(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/53/UE dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2021) 318 final} - {SWD(2021) 244 final} - {SWD(2021) 245 final} - {SWD(2021) 246 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-Kummissjoni ilha mill-2009 tfittex li tillimita l-frammentazzjoni tas-suq għall-interfaċċi tal-iċċarġjar għall-mowbajls u apparati simili. Madankollu, tali inizjattivi wasslu biss għal skemi volontarji li ma humiex legalment vinkolanti u għalhekk ma jiżgurawx applikazzjoni konsistenti u uniformi.

F’Ġunju 2009, wara talba mill-Kummissjoni, il-produtturi ewlenin tal-mowbajls qablu li jiffirmaw memorandum ta’ qbil (MtQ) dwar l-armonizzazzjoni taċ-ċarġers għall-mowbajls iffaċilitati mid-data, mibjugħin fl-UE 1 . Il-firmatarji qablu li jiżviluppaw speċifikazzjoni komuni bbażata fuq l-interfaċċa tal-USB 2.0 micro-B, li tippermetti kompatibilità tal-iċċarġjar sħiħa mal-mowbajls li jkunu se jitqiegħdu fis-suq.

Il-MtQ naqqas il-frammentazzjoni tas-suq u attira allinjament kważi globali. L-implimentazzjoni tiegħu wasslet għal tnaqqis effettiv fl-għadd ta’ soluzzjonijiet ta’ ċċarġjar għall-mowbajls minn 30 għal tlieta biss. Madankollu, il-MtQ ippermetta wkoll l-użu ta’ interfaċċi ta’ ċċarġjar proprjetarji, u soluzzjoni waħda bħal din kompliet tintuża (u għadha) minn manifattur ewlieni tal-mowbajls, u b’hekk ġiet impeduta l-interoperabbiltà sħiħa. Barra minn hekk, il-MtQ qatt ma indirizza l-kwistjonijiet ambjentali li jirriżultaw mill-eżistenza kontinwa ta’ dawk l-interfaċċi differenti tal-iċċarġjar u ta’ protokolli differenti tal-komunikazzjoni dwar l-iċċarġjar.

Mingħajr l-azzjoni tal-UE, din il-frammentazzjoni tas-suq għall-interfaċċi tal-iċċarġjar u għall-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar hija mistennija li tippersisti u l-impatti ambjentali se jibqgħu ma jiġux indirizzati.

Minn meta l-MtQ skada fl-2014 (wara żewġ ittri ta’ tiġdid), il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tipprova trawwem l-adozzjoni ta’ ftehim volontarju ġdid. F’Marzu 2018, wara diversi sensiliet ta’ diskussjoni fost il-manifatturi rilevanti u skambji ta’ fehmiet mal-Kummissjoni, l-industrija pproponiet MtQ ġdid dwar soluzzjoni tal-iċċarġjar komuni futura għall-ismartphones. Madankollu, il-Kummissjoni ma qisitx li l-MtQ il-ġdid huwa sodisfaċenti peress li ma huwiex konformi mal-objettivi ta’ armonizzazzjoni tal-UE, li jfittxu li jillimitaw il-frammentazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar (kemm l-interfaċċi tal-iċċarġjar kif ukoll il-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar) għall-mowbajls u għal oġġetti simili tat-tagħmir tar-radju. Il-MtQ il-ġdid propost kompla jippermetti soluzzjonijiet proprjetarji (mezzi ta’ konnessjoni speċifiċi għall-bejjiegħ), li l-Kummissjoni ma għadhiex tqis bħala ġġustifikati fid-dawl tal-vantaġġi tekniċi pprovduti bl-introduzzjoni tal-interfaċċa tal-USB tat-tip-C.

F’dan il-kuntest, fl-2018, il-Kummissjoni nediet studju ta’ valutazzjoni tal-impatt għal proposta possibbli mmirata lejn l-implimentazzjoni ta’ soluzzjoni komuni għall-iċċarġjar tal-mowbajls (u possibbilment kategoriji jew klassijiet simili oħrajn ta’ tagħmir tar-radju). Filwaqt li l-objettiv oriġinali ta’ din l-inizjattiva kien li tittejjeb il-konvenjenza tal-konsumatur, l-istudju kkonkluda li l-impożizzjoni ta’ interfaċċa komuni tal-iċċarġjar u protokoll komuni tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar min-naħa tat-tagħmir tar-radju (smartphones, iżda possibbilment anke tablets, kameras, qarrejja, eċċ.), filwaqt li tiġi mħeġġa jew imposta s-separazzjoni (jiġifieri l-provvista lill-utent finali tat-tagħmir tar-radju mingħajr l-apparat tal-iċċarġjar), tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi u tnaqqas l-iskart elettroniku (e-skart). Huwa kkonkluda li l-armonizzazzjoni biss tal-interfaċċa tal-iċċarġjar (fil-każ ta’ tagħmir tar-radju ċċarġjat permezz ta’ ċarġ bil-fili, fejn din l-interfaċċa tkun ir-reċipjent tal-iċċarġjar) ma tiksibx interoperabbiltà sħiħa taċ-ċarġ. Fil-fatt, attwalment, jeżistu diversi protokolli ta’ komunikazzjoni tal-iċċarġjar u mhux kollha jiżguraw l-istess prestazzjoni tal-iċċarġjar jekk jintuża apparat tal-iċċarġjar minn ditta oħra. Barra minn hekk, l-istudju kkonkluda li apparat komuni tal-iċċarġjar għal tipi differenti ta’ tagħmir tar-radju x’aktarx li jżid il-konvenjenza tal-konsumatur b’mod ġenerali. Fir-rigward tal-iċċarġjar mingħajr fili (jiġifieri teknoloġija tal-iċċarġjar b’mod aktar ġenerali għajr l-iċċarġjar bil-fili), l-istudju kkonkluda li jekk ikun hemm xi skoperti fit-teknoloġija tal-iċċarġjar mingħajr fili, dan jista’ jdgħajjef ir-raġunament għal soluzzjoni ta’ konnettur komuni, billi jnaqqas b’mod sinifikanti r-rilevanza tas-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar bil-fili b’mod ġenerali. Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’Ottubru 2020, il-Kummissjoni nediet żewġ studji komplementari, dwar is-separazzjoni tal-mowbajls u apparat elettroniku portabbli simili u teknoloġiji tal-iċċarġjar mingħajr fili sabiex issaħħaħ il-bażi tal-evidenza għall-proposta.

F’Jannar 2020, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni 2 li titlob l-adozzjoni urġenti ta’ standard għal ċarġer komuni għall-mowbajls sabiex tiġi evitata aktar frammentazzjoni tas-suq intern. B’mod speċifiku, ir-riżoluzzjoni talbet lill-Kummissjoni tadotta miżura leġiżlattiva, jekk ikun meħtieġ, biex jiġi stabbilit ċarġer komuni. Hija ħeġġet lill-Kummissjoni wkoll tiżgura li l-konsumaturi ma jibqgħux obbligati jixtru ċarġers ġodda ma’ kull oġġett ġdid ta’ tagħmir tar-radju u li l-miżuri ta’ separazzjoni (li jikkonsistu fil-provvista lill-utent finali ta’ tagħmir tar-radju mingħajr apparat tal-iċċarġjar) jenħtieġ li jiġu introdotti b’soluzzjoni komuni tal-iċċarġjar, inkella l-għan tat-tnaqqis tal-volum tal-apparati tal-iċċarġjar prodotti fis-sena u għaldaqstant it-tnaqqis tal-iskart elettroniku (e-skart) ma jintlaħaqx.

Il-Kummissjoni aġġustat il-programm ta’ ħidma tal-2020 3 , li speċifikament jiddikjara li se jkun hemm proposta ġdida dwar ċarġers komuni għall-mowbajls u kategoriji jew klassijiet simili ta’ tagħmir tar-radju.

Sabiex jintlaħaq l-għan aħħari ta’ ċarġer komuni u bħala prekundizzjonijiet għal separazzjoni sinifikanti u li tħalli impatt, it-tliet studji ta’ sostenn li twettqu sabu li dak it-tagħmir tar-radju għandu jintegra: interfaċċa tal-iċċarġjar armonizzata fit-tarf tat-tagħmir tar-radju (ir-reċipjent tal-iċċarġjar fil-każ ta’ tagħmir tar-radju ċċarġjat permezz tal-iċċarġjar bil-fili), interoperabbiltà komuni minima tal-iċċarġjar permezz ta’ protokoll armonizzat ta’ komunikazzjoni tal-iċċarġjar, u informazzjoni dettaljata dwar ir-rekwiżiti tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju.

Id-disinn tat-tagħmir tar-radju jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/53/UE 4 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju. Min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi tal-provvista tal-elettriku esterna jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/125/KE li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija 5 .

Din il-proposta għandha l-għan li tipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq fir-rigward tal-interfaċċi tal-iċċarġjar u tal-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, ittejjeb il-konvenjenza tal-konsumatur u tnaqqas l-e-skart. B’mod partikolari, hija se:

- tarmonizza l-interfaċċa tal-iċċarġjar għall-mowbajls u kategoriji jew klassijiet simili ta’ tagħmir tar-radju (tablets, kameras diġitali, kuffji, consoles tal-logħob vidjo li jinżammu fl-idejn u spikers portabbli) li jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, sabiex ikunu jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid bl-użu ta’ reċipjent komuni tal-iċċarġjar;

- tiggarantixxi li tali apparati, fejn jappoġġaw l-iċċarġjar rapidu, jinkorporaw mill-inqas l-istess protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar;

- tippermetti l-armonizzazzjoni futura f’dan il-qasam b’rispons għall-iżviluppi teknoloġiċi, inkluż l-armonizzazzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ interfaċċa tal-iċċarġjar minbarra l-iċċarġjar bil-fili;

- tintroduċi rekwiżiti sabiex l-utenti finali ma jkunux obbligati jixtru apparat ġdid għall-iċċarġjar kull meta jixtru mowbajl ġdid jew oġġett simili ta’ tagħmir tar-radju u;

- tintroduċi rekwiżiti sabiex, meta jixtru mowbajl jew oġġett ta’ tagħmir tar-radju simili, l-utenti finali jirċievu l-informazzjoni meħtieġa dwar il-karatteristiċi tal-prestazzjoni tal-iċċarġjar tiegħu u l-apparat tal-iċċarġjar li jista’ jintuża miegħu.

Twettaq Valutazzjoni tal-Impatt biex jiġu eżaminati l-għażliet ta’ politika għal:

(a) l-armonizzazzjoni tal-interfaċċa tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju;

(b) l-appoġġ għall-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar rilevanti dwar it-tagħmir tar-radju u l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-prestazzjoni tal-iċċarġjar; u

(c) it-tqegħid fis-suq ta’ mill-inqas soluzzjoni separata.

Għażla ta’ Politika

(A) L-armonizzazzjoni tal-konnettur tal-apparat finali

(B) L-appoġġ tal-protokoll tal-iċċarġjar rilevanti dwar l-apparat finali u l-informazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prestazzjoni tal-iċċarġjar

(C) L-għemil disponibbli fis-suq ta’ mill-inqas soluzzjonijiet separati 6

Għażla 0

L-ebda azzjoni

L-ebda azzjoni

L-ebda azzjoni

Għażla 1

Obbligatorju

L-ebda azzjoni

L-ebda azzjoni

Għażla 2

L-ebda azzjoni

Obbligatorju

L-ebda azzjoni

Għażla 3

L-ebda azzjoni

Obbligatorju

Obbligatorju

Għażla 4

Obbligatorju

Obbligatorju

L-ebda azzjoni

Għażla 5

Obbligatorju

Obbligatorju

Obbligatorju

Għall-għażliet kollha, hemm sottogħażliet b’kamp ta’ applikazzjoni limitat (jiġifieri li jkopru l-mowbajls biss) jew b’kamp ta’ applikazzjoni usa’ (inklużi wkoll ċerti apparati b’karatteristiċi tal-iċċarġjar li huma komparabbli ma’ dawk ta’ mowbajl). L-għażla ta’ politika ppreferuta hija l-għażla 5 b’kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ peress li tinvolvi l-kompromess l-aktar ġust bejn l-objettivi kollha u tippermetti sitwazzjoni li tkun tajba għal kulħadd għall-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati u l-ambjent.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta tintroduċi rekwiżiti addizzjonali, li għandhom jiġu applikati għall-mowbajls u għal kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju simili, fid-Direttiva 2014/53/UE, li tistabbilixxi qafas regolatorju għall-għemil disponibbli fis-suq u d-dħul fis-servizz fl-Unjoni ta’ tagħmir tar-radju u tiggarantixxi l-funzjonament xieraq tas-suq intern għal dak l-apparat.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-proposta hija relatata mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għal Ekonomija Ċirkolari, li jħabbar inizjattivi li jaffettwaw iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott kollu kemm hu, eż. li jimmira d-disinn tagħhom, li jippromwovi l-proċessi tal-ekonomija ċirkolari, li jrawwem il-konsum sostenibbli, u li għandu l-għan li jiżgura li r-riżorsi użati jinżammu fl-ekonomija tal-UE għall-aktar żmien possibbli.

Proposta għal leġiżlazzjoni dwar ċarġers komuni għall-mowbajls u kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju simili hija inkluża taħt it-tieni prijorità tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2020 (“Ewropa lesta għall-era diġitali”).

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-istess bażi ġuridika bħall-att leġiżlattiv li qiegħed jiġi emendat, jiġifieri l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Is-suq intern huwa kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva 2014/53/UE huwa li jiġi garantit il-funzjonament xieraq tas-suq intern. L-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva, li japplika jekk jiġi adottat att delegat rilevanti tal-Kummissjoni, jirreferi għal ċarġers komuni.

Il-Permessa 12 tad-Direttiva tiddikjara li l-interoperabilità bejn it-tagħmir tar-radju u l-aċċessorji bħaċ-ċarġers tissimplifika l-użu tat-tagħmir tar-radju u tnaqqas il-ħela u l-ispejjeż bla bżonn.

In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam se jwassal għal differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet jew il-prattiki amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-interoperabbiltà tal-mowbajls u kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju simili b’apparat komuni tal-iċċarġjar u dwar is-separazzjoni.

L-azzjoni fil-livell nazzjonali biex jiġu indirizzati l-problemi tista’ toħloq ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija. Barra minn hekk, l-azzjoni fil-livell nazzjonali hija limitata għat-territorju tal-Istat(i) Membru/i inkwistjoni. Fid-dawl tal-internazzjonalizzazzjoni akbar tal-kummerċ, l-għadd ta’ każijiet transfruntiera qiegħed jiżdied kontinwament. Azzjoni koordinata fil-livell tal-UE se tilħaq l-objettivi miftiehma b’mod ħafna aktar effiċjenti, u, b’mod partikolari, se tagħmel is-sorveljanza tas-suq aktar effettiva. Għaldaqstant, huwa xieraq li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE.

Proporzjonalità

F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-emendi proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti.

Ir-rekwiżiti ġodda jew emendati ma jimponux piżijiet u spejjeż bla bżonn fuq l-industrija (speċjalment fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) jew fuq l-amministrazzjonijiet. Fejn ikunu ġew identifikati impatti negattivi, l-analiżi tal-għażla ppreferuta tipproponi l-aktar rispons proporzjonat.

Għażla tal-istrument

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/53/UE jistgħu jiġu emendati permezz ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/53/UE. Id-Direttiva emendatorja jenħtieġ li tiġi trasposta mill-Istati Membri permezz ta’ strumenti legali nazzjonali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni li ġejjin twettqu bejn Mejju 2019 u April 2021 sabiex jiġu vvalutati oqsma potenzjali għar-reviżjoni u l-impatti tal-għażla politika ssuġġerita f’diversi oqsma:

valutazzjoni tal-impatt tal-bidu (2018-2019) li kellha lil ċittadini, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs), assoċjazzjonijiet tal-manifatturi, u manifatturi individwali fil-mira tagħha;

konsultazzjoni pubblika (2019) li kellha lill-Istati Membri, liċ-ċittadini, lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, lill-NGOs, lill-assoċjazzjonijiet tal-manifatturi, u lil manifatturi individwali fil-mira tagħha;

żewġ stħarriġiet tal-konsumaturi (2019 u 2021) li kellhom liċ-ċittadini fil-mira tagħhom;

stħarriġ tal-partijiet ikkonċernati (2020-2021) li kellu lill-Istati Membri, liċ-ċittadini, lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, u lill-manifatturi fil-mira tiegħu;

intervisti mmirati (2021) li kellhom lil assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, lil assoċjazzjonijiet ambjentali, lil awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, lil NGOs, lil assoċjazzjonijiet tal-manifatturi, u lill-manifatturi fil-mira tagħhom;

laqgħat tal-grupp ta’ esperti li kellhom lil assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, Stati Membri, awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, NGOs, assoċjazzjonijiet u manifatturi fil-mira tagħhom.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni nediet studju ta’ valutazzjoni tal-impatt appoġġat minn tliet studji għal proposta legali possibbli li għandha l-għan li: tneħħi l-frammentazzjoni u tindirizza l-konvenjenza tal-konsumatur; tnaqqas l-e-skart; tkun tħares ’il quddiem u timmonitorja s-sitwazzjoni attwali tat-teknoloġiji futuri tal-iċċarġjar (eż. mingħajr fili), bl-għan li tevita l-frammentazzjoni iżda mingħajr ma tiġi mxekkla l-innovazzjoni. It-tliet studji ta’ sostenn huma: studju ta’ valutazzjoni tal-impatt dwar soluzzjoni komuni għall-iċċarġjar ta’ mowbajls u possibbilment apparati portabbli żgħar u medji oħrajn (“l-ewwel studju”) 7 ; valutazzjoni tal-istatus tat-teknoloġiji tal-iċċarġjar mingħajr fili użati għall-mowbajls u għal apparati simili (“it-tieni studju”); u studju ta’ valutazzjoni tal-impatt dwar id-separazzjoni taċ-Ċarġers (“it-tielet studju”).

Valutazzjoni tal-impatt

L-ewwel studju ta’ appoġġ sab li l-MtQ tal-2009 kien effettiv fl-armonizzazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar (kemm l-interfaċċa tal-iċċarġjar kif ukoll il-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar) u fit-titjib tal-konvenjenza tal-konsumatur. Madankollu, ma kienx kiseb armonizzazzjoni sħiħa tas-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar. Barra minn hekk, is-separazzjoni ma kinitx inkisbet b’mod sinifikanti, b’xi manifatturi biss fl-Unjoni joffru lill-konsumaturi l-għażla li jixtru mowbajl mingħajr apparat tal-iċċarġjar, u b’hekk jillimitaw il-benefiċċji mistennija għall-ambjent.

L-ewwel studju sab li l-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar iċ-ċarġers tal-mowbajls ma kinux sodisfatti (41 %) jew xejn ma kienu sodisfatti (22 %) bis-“sitwazzjoni attwali rigward iċ-ċarġers tal-mowbajls u bl-interkonnessjoni bla xkiel tagħhom”, u 76 % qablu jew qablu “bis-sħiħ” li s-sitwazzjoni attwali tirriżulta f’inkonvenjenza għall-utenti tal-mowbajls. Deher ukoll li kien hemm appoġġ fost ir-rispondenti għal ċarġer komuni. 63 % kienu favur li l-Unjoni teżerċita s-setgħa regolatorja tagħha biex timponi standard għaċ-ċarġers, filwaqt li 31 % qiesu li l-Unjoni jenħtieġ li tippromwovi ftehim mal-industrija kollha. Huma 6 % biss taċ-ċittadini mistħarrġa li ssuġġerew li l-Unjoni jeħtieġ li toqgħod lura minn kwalunkwe forma ta’ intervent. L-awtoritajiet pubbliċi, l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi esprimew ukoll appoġġ għal soluzzjoni komuni tal-iċċarġjar.

L-ewwel studju sab ukoll li l-konsum ta’ materja prima għall-produzzjoni ta’ apparat għall-iċċarġjar għandu impatti ambjentali kif ukoll impatti f’termini tal-ġenerazzjoni tal-e-skart fi tmiem il-ħajja tal-prodott. Huwa stima li l-apparat tal-iċċarġjar tal-mowbajls kien responsabbli għal madwar 11 000 t ta’ e-skart fl-2018 u l-emissjonijiet assoċjati taċ-ċiklu tal-ħajja kienu madwar 600 ktCO2e. Dawk l-ammonti huma mistennija jiżdiedu fis-snin li ġejjin, xprunati prinċipalment mix-xejra lejn ċarġers veloċi li jifilħu aktar.

L-istudju jirreferi għal żvilupp teknoloġiku ewlieni ieħor: l-iċċarġjar b’kuntatt mhux elettriku (mingħajr fili). Din it-teknoloġija tiddependi fuq interfaċċja tal-iċċarġjar li ma tużax reċipjent tal-iċċarġjar iddedikat (għall-kuntrarju tat-tagħmir tar-radju, li jiġi ċċarġjat permezz ta’ konnessjoni bil-fili). Mill-introduzzjoni ta’ mowbajls li jistgħu jiġu ċċarġjati b’mod mingħajr fili, l-adozzjoni tagħhom mill-konsumatur kibret b’mod kostanti. Bejn l-2016 u l-2018, il-bejgħ żdied b’sitt darbiet, għal madwar 44 miljun unità, jew madwar 28 % tal-bejgħ fl-2018 8 . Madankollu, din it-teknoloġija bħalissa ma hijiex meqjusa bħala sostituzzjoni għall-iċċarġjar bil-fili minħabba r-rati ta’ effiċjenza ta’ tali ċarġers. Barra minn hekk, minħabba l-koeżistenza attwali tal-iċċarġjar mingħajr fili u tal-iċċarġjar konvenzjonali bil-fili, il-potenzjal għat-tnaqqis tal-e-skart huwa limitat peress li ċ-ċarġers mingħajr fili jagħmlu użu aktar intensiv ta’ materjali minn ċarġers bil-fili.

L-ewwel studju kkunsidra wkoll sa liema punt inizjattiva dwar ċarġer komuni tista’ tappoġġa x-xejra attwali ta’ separazzjoni volontarja (jiġifieri operaturi ekonomiċi li joffru mowbajls mingħajr apparat tal-iċċarġjar) sabiex jiġu żgurati benefiċċji ambjentali u l-klijenti jingħataw dik l-għażla. Huwa kkonkluda li tali inizjattiva, akkumpanjata minn miżuri oħrajn biex tiġi stimulata s-separazzjoni, tista’ tikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali tal-UE. Aktar ma tkun għolja r-rata ta’ separazzjoni, aktar ikunu kbar il-benefiċċji għall-ambjent u għall-konsumaturi, f’termini ta’ ffrankar tal-ispejjeż u ta’ konvenjenza.

Skont it-tieni studju, l-iċċarġjar mingħajr fili għadu teknoloġija li għadha qed tiżviluppa, li turi frammentazzjoni baxxa tal-interfaċċi tal-iċċarġjar u livell tajjeb ta’ interoperabbiltà fost is-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar, għalhekk jidher li huwa kmieni wisq biex jiġu introdotti rekwiżiti obbligatorji għal dik it-teknoloġija. Madankollu, hekk kif it-teknoloġija tiżviluppa u tiġi inkorporata f’aktar prodotti, tista’ tiġi żviluppata aktar frammentazzjoni jekk jintużaw interfaċċi tal-iċċarġjar u protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar differenti.

Skont it-tielet studju, l-għażliet ta’ separazzjoni jinvolvu kompromessi ċari u ovvji ħafna, l-aktar importanti dawk tal-benefiċċji ambjentali meta mqabbla ma’ kost finanzjarju u telf ta’ konvenjenza għall-konsumaturi. Il-maġġoranza tar-rispondenti tal-istħarriġ tal-partijiet ikkonċernati, (l-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini privati), ippreferew l-għażla li l-manifatturi u d-distributuri jiġu obbligati jagħtu lill-klijenti l-għażla ta’ jekk jixtrux provvista tal-elettriku esterna (EPS) ġdida u/jew kejbil ma’ mowbajl ġdid. Madankollu, sitta minn kull għaxar rispondenti tal-industrija ħassew li kull manifattur jew distributur tal-mowbajls jenħtieġ li jkun liberu li jagħżel kif ibigħ il-mowbajls u ċ-ċarġers tiegħu (jiġifieri x’jinkludi fil-kaxxa tal-bejgħ bl-imnut).

It-tielet studju indika li, minn Ottubru 2020, xi manifatturi (li jammontaw għal 30- 40 % tas-sehem mis-suq) kienu ħabbru t-tneħħija tal-EPS (u aċċessorji oħra) mill-kaxxa tal-bejgħ bl-imnut għal ċerti mudelli ġodda. Oħrajn qed jikkunsidraw l-għażliet tagħhom, u jidher probabbli ħafna li mill-inqas xi wħud, fil-futur qrib, se jibdew joffru wkoll soluzzjonijiet separati. Madankollu, dawk il-manifatturi li investew ħafna fit-teknoloġija tal-iċċarġjar proprjetarju jidhru inqas ħerqana, peress li l-prestazzjoni għolja tal-iċċarġjar tal-mowbajls aggregati tagħhom u tal-EPS hija parti importanti mill-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Madankollu, il-manifatturi li żviluppaw dawn is-soluzzjonijiet jonqsu milli juru li dan huwa minħabba l-iżvilupp u mhux minħabba li s-soluzzjoni tagħhom timblokka jew tillimita l-effiċjenza tal-użu ta’ ċarġers oħra.

Interfaċċa armonizzata tal-iċċarġjar fit-tmiem tat-tagħmir tar-radju (jiġifieri fil-każ ta’ tagħmir tar-radju ċċarġjat permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, jiġifieri r-reċipjent tal-iċċarġjar), l-interoperabbiltà komuni minima ta’ ċċarġjar permezz ta’ protokoll armonizzat ta’ komunikazzjoni tal-iċċarġjar, u l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju tagħhom huma għalhekk prekundizzjonijiet għal separazzjoni sinifikanti u li tħalli impatt.

Twettqet valutazzjoni tal-impatt li eżaminat l-għażliet ta’ politika li jikkombinaw it-tliet (3) miżuri differenti ta’: (a) l-armonizzazzjoni tal-interfaċċa tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju; (b) l-appoġġ għall-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar rilevanti dwar it-tagħmir tar-radju u l-informazzjoni lill-konsumaturi dwar il-prestazzjoni tal-iċċarġjar; u (c) l-għemil disponibbli fis-suq ta’ mill-inqas soluzzjoni sseparata.

Għall-għażliet kollha, hemm sottogħażliet ta’ kamp ta’ applikazzjoni dejjaq (jiġifieri mowbajls biss) jew kamp ta’ applikazzjoni usa’ (ċerti apparati b’karatteristiċi tal-iċċarġjar li huma komparabbli ma’ dawk ta’ mowbajl). L-għażla ta’ politika ppreferuta hija l-għażla 5 b’kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ minħabba li tinvolvi l-kompromess l-aktar ġust bejn l-objettivi kollha u sitwazzjoni fejn kulħadd jirbaħ għall-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati u l-ambjent.

L-għażla 5 hija mistennija li tiġġenera benefiċċji ambjentali billi tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) b’madwar 180 ktCO2e fis-sena, l-użu tal-materjali b’madwar 2 600 t fis-sena, u tnaqqas l-e-skart b’980 t fis-sena. Is-separazzjoni tal-EPS tikkontribwixxi l-aktar bis-saħħa ta’ inqas estrazzjoni ta’ riżorsi, manifattura, trasport, użu u rimi taċ-ċarġers.

Fir-rigward tal-konvenjenza tal-konsumatur, l-għażla ppreferuta se tiżgura l-interoperabbiltà permezz ta’ interfaċċa komuni u l-prestazzjoni tal-iċċarġjar, tnaqqas il-bejgħ ta’ EPS u kejbils awtonomi u tippromwovi l-użu mill-ġdid tagħhom. Fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-interfaċċa tal-iċċarġjar, l-impożizzjoni ta’ port tal-iċċarġjar tal-USB tat-tip C fuq it-tagħmir tar-radju hija biżżejjed biex tindirizza l-inkonvenjenza li jiffaċċjaw il-konsumaturi li mhumiex kapaċi jiċċarġjaw l-apparat tagħhom minħabba li ma hemm l-ebda ċarġer kompatibbli għad-dispożizzjoni tagħhom. Dan se jissarraf ukoll fi tnaqqis fl-infiq tal-konsumaturi fuq dawk l-oġġetti b’madwar EUR 250 miljun fis-sena.

L-għażla ppreferuta hija mistennija li ttejjeb il-fatturat tal-operaturi ekonomiċi b’mod ġenerali b’EUR 105 miljun fis-sena. Il-benefiċċji tal-fatturat għall-bejjiegħa bl-imnut u għad-distributuri (EUR 457 miljun fis-sena), l-apparati tal-iċċarġjar li ma humiex inklużi fil-kaxxa tal-bejgħ bl-imnut u għalhekk li qed jinxtraw aktar ta’ spiss b’mod awtonomu jegħlbu l-impatt negattiv fuq il-fatturat tal-manifatturi tal-apparat (EUR 352 miljun fis-sena) imġarrba mill-implimentazzjoni tal-konnettur komuni għall-manifatturi tal-apparat kif ukoll mit-telf ta’ profitt għall-manifatturi tal-EPS.

Il-kostijiet diretti għall-manifatturi li ma jużawx il-konnettur komuni u li jridu jfasslu mill-ġdid l-apparat tagħhom se jiġu mmitigati b’perjodu ta’ tranżizzjoni u għalhekk jitqiesu negliġibbli. Il-kostijiet diretti għall-manifatturi li bħalissa jużaw protokolli ta’ komunikazzjoni tal-iċċarġjar mgħaġġel proprjetarji li mhumiex kompatibbli mas-soluzzjoni komuni huma stmati li jlaħħqu EUR 30 miljun. Il-kostijiet indiretti huma diffiċli biex jiġu stmati (minħabba n-nuqqas ta’ rieda tal-manifatturi li jiżvelaw tali informazzjoni) u jfeġġu biss mit-telf ta’ royalties għal manifatturi li għadhom ma jużawx il-konnettur komuni għall-prodotti tagħhom.

Benefiċċju (annwali)

Kost (annwali)

L-emissjonijiet tal-GHG

180 ktCO2e

Użu tal-materjali

2 600 tunnellata

E-skart

980 tunnellata

L-infiq tal-konsumatur

250 m€

Fatturat għall-bejjiegħa bl-imnut u għad-distributuri

457 m€

Fatturat għall-manifatturi fuq livell dinji

352 m€

Iddisinjar mill-ġdid tal-apparat għall-implimentazzjoni ta’ konnettur komuni

Inkluż f’dan ta’ hawn fuq.

Immitigati mill-perjodu ta’ tranżizzjoni peress li aktar u aktar manifatturi jmorru lejn il-konnettur komuni anki fil-linja bażi

L-implimentazzjoni ta’ protokoll komuni tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar

Inkluża f’dan ta’ hawn fuq.

L-implimentazzjoni tas-soluzzjoni ta’ separazzjoni

Inkluża f’dan ta’ hawn fuq.

Telf ta’ royalties

Ma jistax jiġi stmat

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Id-Direttiva 2014/53/UE diġà tirrikjedi li l-manifatturi jiżguraw li t-tagħmir tar-radju mqiegħed fis-suq tal-Unjoni jkun iddisinjat u manifatturat f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fih u li jkun akkumpanjat mill-informazzjoni (eż. dwar is-sikurezza, l-użu maħsub tat-tagħmir tar-radju u r-restrizzjonijiet fuq l-użu). Ir-rekwiżiti l-ġodda se japplikaw biss għal xi kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju u għalhekk ma humiex mistennija li joħolqu piż addizzjonali.

L-emendi ma humiex estensivi u ma jbiddlux il-qafas legali attwali dwar it-tagħmir tar-radju b’mod sinifikanti.

Drittijiet fundamentali

L-armonizzazzjoni tal-interfaċċja għall-mowbajls u għal apparati simili oħrajn, sa fejn dawn jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, sabiex ikunu jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid billi jintuża reċipjent komuni tal-iċċarġjar u protokoll komuni għall-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, u s-separazzjoni ta’ dawk l-apparati miċ-ċarġers tagħhom se żżid il-livell ta’ protezzjoni ambjentali (l-Artikolu 37 tal-Karta) u l-protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 38 tal-Karta).

Huwa stmat li ċ-ċarġers tal-mowbajls kienu responsabbli għal madwar 11 000 tunnellata ta’ e-skart fl-2018 u għall-emissjonijiet assoċjati taċ-ċiklu tal-ħajja kienu madwar 600 ktCO2e. Dawn l-ammonti huma mistennija li jiżdiedu xi ftit fis-snin li ġejjin, xprunati b’mod partikolari mix-xejra ta’ ċaqliq lejn ċarġers veloċi aktar robusti.

Għalhekk, il-proposta se tnaqqas l-iskart ambjentali u se tiżgura l-konvenjenza tal-konsumatur.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Din il-proposta ma għandha ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-proposta se temenda d-Direttiva 2014/53/UE li diġà teħtieġ fl-Artikolu 47 tagħha:

li l-Kummissjoni tirrieżamina l-operat tad-Direttiva u tirrapporta dwarha sentejn wara d-data tal-applikabbiltà tad-Direttiva u kull ħames snin wara dan; u

li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni tagħha sena wara d-data tal-applikabbiltà tad-Direttiva u kull sentejn minn hemm ’il quddiem.

L-Artikolu 2 tal-proposta jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni tal-emendi.

Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost huwa ta’ rilevanza għaż-ŻEE u għalhekk jenħtieġ li jiġi estiż għaliha.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tal-proposta jemenda ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/53/UE.

L-emendi ewlenin li jridu jiġu introdotti fid-Direttiva 2014/53/UE mill-proposta huma dawn li ġejjin.

(1)Jiżdied paragrafu ġdid fl-Artikolu 3 (li jistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali) u jiddaħħal Anness ġdid.

Il-paragrafu 4 il-ġdid (l-Artikolu 3): Dan il-paragrafu jeħtieġ li l-oġġetti tat-tagħmir tar-radju, elenkati f’Anness ġdid (Parti I) miżjud mill-proposta, jikkonformaw mal-interfaċċa tal-iċċarġjar u mal-protokoll ta’ komunikazzjoni tal-iċċarġjar deskritti f’dak l-Anness il-ġdid. L-istess paragrafu jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li temenda, permezz ta’ atti delegati, il-kontenut tal-Anness il-ġdid li jista’ jippermetti wkoll fil-futur, jekk ikun meħtieġ, li jiġi indirizzat kwalunkwe tip addizzjonali ta’ teknoloġiji tal-iċċarġjar minbarra l-iċċarġjar bil-fili

Anness ġdid (Parti I): Dan jeħtieġ li l-mowbajls u t-tagħmir tar-radju simili, jekk ikunu kapaċi jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, ikunu mgħammra bir-reċipjent tal-USB tat-Tip C u, jekk ikunu jeħtieġu wkoll iċċarġjar b’vultaġġi ogħla minn 5 volts jew kurrenti ogħla minn 3 amperes jew powers ogħla minn 15-il watt, jinkorporaw il-protokoll ta’ komunikazzjoni tal-iċċarġjar tat-twassil tal-enerġija bil-USB.

(2)Jiddaħħal Artikolu 3a ġdid dwar il-provvista ta’ ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju mingħajr apparati tal-iċċarġjar.

(3)Dan l-Artikolu l-ġdid jirrikjedi li jekk operatur ekonomiku jforni t-tagħmir tar-radju lill-utenti finali flimkien ma’ apparat tal-iċċarġjar, l-operatur ekonomiku għandu jkun meħtieġ joffri wkoll li jforni lill-utenti finali kollha l-istess tagħmir tar-radju mingħajr ebda apparat tal-iċċarġjar.

(4)L-Artikolu 10(8) huwa emendat sabiex jiżdied rekwiżit ġdid ta’ informazzjoni.

(5)B’mod aktar speċifiku, fil-każ ta’ tagħmir tar-radju li għalih japplikaw ir-rekwiżiti l-ġodda tal-proposta, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prestazzjoni tal-iċċarġjar tiegħu kif ukoll il-kunsinna tal-elettriku tal-apparat tal-iċċarġjar li tista’ tintuża ma’ dak it-tagħmir tar-radju. Id-dettalji tal-informazzjoni huma speċifikati fl-Anness il-ġdid (il-Parti II) u l-Kummissjoni għandha s-setgħa li temenda, permezz ta’ atti delegati, il-kontenut ta’ dak l-Anness il-ġdid (il-parti II).

(6)L-Artikolu 17, li jistabbilixxi l-proċeduri applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità, biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/53/UE, huwa emendat sabiex jiżdiedu r-referenzi, fil-paragrafu 2 tagħha, għal dawk ir-rekwiżiti l-ġodda li huma proposti li jiddaħħlu fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/53/UE (rekwiżiti essenzjali).

(7)Għalhekk, il-manifattur dejjem ikollu l-għażla li jsegwi l-proċedura ta’ kontroll intern tal-prodott sabiex juri l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti l-ġodda (rekwiżiti essenzjali).

(8)L-Artikoli 40 u 43 huma emendati sabiex jiġu allinjati mar-rekwiżiti l-ġodda miżjuda mill-proposta.

(9)B’dan il-mod, l-Istati Membri se jkollhom is-setgħat li jieħdu miżuri kontra dawk il-prodotti, li ma humiex konformi mar-rekwiżiti l-ġodda.

(10)L-Artikolu 44, li huwa dwar is-setgħat delegati huwa emendat sabiex jiżdiedu referenzi għas-setgħat delegati mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-proposta.

L-Artikolu 2 jirrikjedi li l-Istati Membri jittrasponu l-emendi sa [PO jekk jogħġbok daħħal id-data – 12-il xahar wara l-adozzjoni] u japplikawhom minn [PO jekk jogħġbok daħħal id-data 12-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni indikat fil-paragrafu ta’ hawn fuq].

Kwalunkwe rekwiżit li għandu jiġi introdott mill-proposta mhux se japplika għal kwalunkwe apparat tar-radju mqiegħed fis-suq tal-Unjoni qabel dik id-data tal-applikabbiltà ta’ din id-Direttiva.

2021/0291 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2014/53/UE dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 9 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 10 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Wieħed mill-objettivi tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 huwa li jiġi ggarantit il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Skont l-Artikolu 3(3), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva, wieħed mir-rekwiżiti essenzjali li jrid jissodisfa t-tagħmir tar-radju huwa li dan ikun interoperabbli mal-aċċessorji, b’mod partikolari maċ-ċarġers komuni. F’dak ir-rigward, il-premessa (12) tad-Direttiva 2014/53/UE tindika li l-interoperabbiltà bejn it-tagħmir tar-radju u l-aċċessorji bħaċ-ċarġers tissimplifika l-użu tat-tagħmir tar-radju u tnaqqas l-iskart u l-ispejjeż bla bżonn.

(2)Mill-2009, saru sforzi fil-livell tal-Unjoni biex tiġi limitata l-frammentazzjoni tal-interfaċċi tal-iċċarġjar għall-mowbajls u għal oġġetti simili tat-tagħmir tar-radju. Inizjattivi volontarji riċenti ma jissodisfawx bis-sħiħ l-objettivi tal-politika tal-Unjoni biex jitnaqqas l-iskart elettroniku (e-skart), tiġi żgurata l-konvenjenza tal-konsumatur u tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq għall-apparati tal-iċċarġjar.

(3)L-Unjoni hija impenjata li tagħti spinta lill-użu effiċjenti tar-riżorsi billi timxi lejn ekonomija nadifa u ċirkolari permezz tal-introduzzjoni ta’ inizjattivi bħad-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 u aktar reċentement permezz tal-introduzzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Din id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas l-e-skart iġġenerat mill-bejgħ ta’ tagħmir tar-radju u li tnaqqas l-estrazzjoni ta’ materja prima u l-emissjonijiet tas-CO2 iġġenerati mill-produzzjoni, mit-trasport u mir-rimi ta’ ċarġers, u b’hekk tippromwovi ekonomija ċirkolari.

(4)Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari tal-Kummissjoni pprovda għal inizjattivi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodotti, fejn poġġa d-disinn tagħhom fil-mira tiegħu, filwaqt li ppromwova l-proċessi tal-ekonomija ċirkolari, rawwem il-konsum sostenibbli, u mmira li jiġi żgurat li r-riżorsi użati jinżammu fl-ekonomija tal-Unjoni għall-aktar żmien possibbli.

(5)Il-Kummissjoni lestiet studju ta’ valutazzjoni tal-impatt, li wera li s-suq intern ma huwiex qed jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu peress li l-frammentazzjoni kontinwa tas-suq għall-interfaċċi tal-iċċarġjar u għall-protokolli ta’ komunikazzjoni tal-iċċarġjar għal mowbajls u tagħmir tar-radju simili ieħor jirriżulta f’nuqqas ta’ konvenjenza tal-konsumatur u f’żieda fl-e-skart.

(6)L-interoperabbiltà bejn tagħmir tar-radju u aċċessorji bħal ċarġers hija mxekkla peress li hemm interfaċċi tal-iċċarġjar differenti għal ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju li jużaw iċċarġjar bil-fili bħal mowbajls li jinżammu fl-idejn, tablets, kameras diġitali, kuffji, consoles tal-logħob bil-vidjo li jinżammu fl-idejn u spikers portabbli. Barra minn hekk, hemm diversi tipi ta’ protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar rapidu li għalihom mhux dejjem ikun garantit livell minimu ta’ prestazzjoni. B’riżultat ta’ dan, hija meħtieġa azzjoni tal-Unjoni biex jiġi promoss grad komuni ta’ interoperabbiltà u l-għoti ta’ informazzjoni relatata mal-karatteristiċi tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju lill-utenti finali. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti xierqa fid-Direttiva 2014/53/UE rigward il-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, l-interfaċċa tal-iċċarġjar (jiġifieri r-reċipjent tal-iċċarġjar) ta’ ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, kif ukoll l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-utenti finali dwar il-karatteristiċi tal-iċċarġjar ta’ dawk il-kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju.

(7)In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni f’dan il-qasam jista’ jwassal għal differenzi sostanzjali bejn il-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet jew il-prattiki amministrattivi tal-Istati Membri dwar l-interoperabbiltà tal-mowbajls u kategoriji jew klassijiet simili ta’ tagħmir tar-radju bl-apparat tal-iċċarġjar tagħhom, u dwar il-provvista ta’ tagħmir tar-radju mingħajr apparat tal-iċċarġjar.

(8)Id-daqs tas-suq intern fil-mowbajls rikarikabbli u kategoriji jew klassijiet simili ta’ tagħmir tar-radju, il-proliferazzjoni ta’ tipi differenti ta’ apparati tal-iċċarġjar għal tali tagħmir tar-radju u l-kummerċ transfruntier sinifikanti ta’ dawk il-prodotti jitolbu azzjoni leġiżlattiva aktar b’saħħitha fil-livell tal-Unjoni aktar milli fil-livell nazzjonali jew inkella f’miżuri volontarji, sabiex jinkiseb il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

(9)Għalhekk, huwa meħtieġ li l-interfaċċa tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar jiġu armonizzati għal kategoriji jew għal klassijiet speċifiċi ta’ tagħmir tar-radju rikarikabbli permezz ta’ ċċarġjar bil-fili. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi pprovduta l-bażi għall-adattament għal kwalunkwe progress teknoloġiku futur billi tiġi introdotta armonizzazzjoni tal-interfaċċi tal-iċċarġjar u tal-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar fir-rigward tat-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat permezz ta’ kwalunkwe mezz għajr l-iċċarġjar bil-fili, inkluż l-iċċarġjar permezz ta’ mewġ tar-radju (iċċarġjar mingħajr fili). Tali armonizzazzjoni jenħtieġ li tnaqqas l-iskart ambjentali, tiżgura l-konvenjenza tal-konsumatur u tevita l-frammentazzjoni tas-suq fost interfaċċi differenti tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar kif ukoll fost kwalunkwe inizjattiva fil-livell nazzjonali, li tista’ tikkawża ostakli għall-kummerċ fis-suq intern.

(10)Madankollu, armonizzazzjoni bħal din ma tkunx kompluta, jekk ma tkunx ikkombinata ma’ rekwiżiti dwar il-bejgħ ikkombinat ta’ tagħmir tar-radju u ċ-ċarġers tagħhom u l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-utenti finali. Frammentazzjoni tal-approċċi fost l-Istati Membri fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kategoriji jew tal-klassijiet tat-tagħmir tar-radju kkonċernat u l-apparat tal-iċċarġjar tagħhom tfixkel il-kummerċ transfruntier f’dawk il-prodotti, pereżempju billi tobbliga lill-operaturi ekonomiċi jippakkjaw mill-ġdid il-prodotti tagħhom skont l-Istat Membru, li fih għandhom jiġu fornuti l-prodotti. Dan min-naħa tiegħu jirriżulta f’aktar inkonvenjent għall-konsumaturi u jiġġenera e-skart bla bżonn u b’hekk jikkumpensa għall-benefiċċji li jirriżultaw mill-armonizzazzjoni tal-interfaċċa tal-iċċarġjar u l-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu imposti rekwiżiti biex jiġi żgurat li l-utenti finali ma jkunux obbligati jixtru apparat ġdid għall-iċċarġjar kull darba li jixtru mowbajl ġdid jew oġġett simili ta’ tagħmir tar-radju. Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-utenti finali jenħtieġ li jirċievu l-informazzjoni meħtieġa dwar il-karatteristiċi tal-iċċarġjar meta jixtru mowbajl jew oġġett simili ta’ tagħmir tar-radju.

(11)Huwa teknikament fattibbli li l-USB tat-Tip-C jiġi definit bħala r-reċipjent tal-iċċarġjar komuni għall-kategoriji jew għall-klassijiet rilevanti tat-tagħmir tar-radju. It-teknoloġija tal-USB tat-Tip-C, li qed tintuża globalment ġiet adottata fil-livell tal-istandardizzazzjoni internazzjonali u ġiet trasposta fis-sistema Ewropea mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) skont is-serje tal-Istandard Ewropew EN IEC 62680-1 13 .

(12)Il-USB tat-Tip-C hija teknoloġija li diġà hija komuni għal ħafna kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju peress li tipprovdi ċċarġjar u trasferiment tad-data ta’ kwalità għolja. Ir-reċipjent tal-iċċarġjar tal-USB tat-Tip-C, meta kkombinat mal-protokoll tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar tal-Kunsinna tal-Enerġija tal-USB, ikun kapaċi jipprovdi sa 100W ta’ enerġija u għalhekk iħalli biżżejjed spazju għal aktar żvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ ċċarġjar rapidu, filwaqt li jippermetti lis-suq jipprovdi għal mowbajls ta’ livell baxx li ma jeħtiġux iċċarġjar rapidu. Il-mowbajls u tagħmir tar-radju simili li jappoġġaw l-iċċarġjar rapidu jistgħu jinkorporaw il-karatteristiċi tal-Kunsinna tal-Enerġija tal-USB kif deskritti fl-istandard EN IEC 62680-1-2:2020 “Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku - Parti 1-2: Komponenti komuni - Speċifikazzjoni tal-Provvista tal-Elettriku tal-USB”.

(13)Fir-rigward tal-iċċarġjar b’mezzi oħrajn għajr l-iċċarġjar bil-fili, jistgħu jiġu żviluppati soluzzjonijiet diverġenti fil-futur, li jista’ jkollhom impatti negattivi fuq l-interoperabbiltà, fuq il-konvenjenza tal-konsumatur u fuq l-ambjent. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġu imposti rekwiżiti speċifiċi fuq tali soluzzjonijiet f’dan l-istadju, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tieħu azzjoni lejn l-armonizzazzjoni tagħhom fil-futur, jekk tiġi osservata frammentazzjoni fis-suq intern.

(14)L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex ikopri l-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar. Il-kategoriji jew il-klassijiet tat-tagħmir tar-radju koperti speċifikament minn din id-dispożizzjoni l-ġdida jenħtieġ li jiġu spjegati aktar fid-dettall f’anness ġdid tad-Direttiva 2014/53/UE.

(15)Id-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ li tiġi emendata wkoll sabiex jiddaħħal Artikolu ġdid li jkun relatat mar-rekwiżiti dwar il-provvista ta’ ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju mingħajr apparati tal-iċċarġjar. Il-kategoriji jew il-klassijiet tat-tagħmir tar-radju kkonċernat kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet fir-rigward tas-soluzzjonijiet tal-iċċarġjar jenħtieġ li jiġu speċifikati f’anness ġdid tad-Direttiva 2014/53/UE.

(16)L-Artikolu 10(8) tad-Direttiva 2014/53/UE jipprevedi li l-informazzjoni għandha tiġi inkluża fl-istruzzjonijiet għall-użu u għalhekk jenħtieġ li jiddaħħlu rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali f’dak l-Artikolu. Id-dettalji tar-rekwiżiti l-ġodda jenħtieġ li jiġu speċifikati fl-anness il-ġdid tad-Direttiva 2014/53/UE. Dawk ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni jippermettu lill-konsumaturi jiddeterminaw l-aktar provvista tal-elettriku esterna xierqa (EPS) meħtieġa biex jiċċarġjaw it-tagħmir tar-radju tagħhom. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu adattati fil-futur sabiex tiġi riflessa kwalunkwe bidla fir-rekwiżiti tat-tikkettar għall-EPS, li tista’ tiġi introdotta skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 .

(17)L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/53/UE, li jistabbilixxi l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jiżdiedu referenzi għar-rekwiżiti essenzjali l-ġodda li jridu jiddaħħlu fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, il-manifattur jenħtieġ li jkollu l-għażla li jsegwi l-proċedura ta’ kontroll intern sabiex juri l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti essenzjali l-ġodda.

(18)L-Artikoli 40, 43 u 44 tad-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ li jiġu emendati sabiex ir-referenzi li jinkludu jiġu adattati għad-dispożizzjonijiet il-ġodda li huma introdotti b’din id-Direttiva.

(19)Sabiex jiġi indirizzat kwalunkwe żvilupp futur fit-teknoloġija tal-iċċarġjar u sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà komuni minima bejn it-tagħmir tar-radju u l-apparat tal-iċċarġjar għal tali tagħmir tar-radju, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex temenda l-kategoriji jew il-klassijiet tat-tagħmir tar-radju u l-ispeċifikazzjonijiet dwar l-interfaċċi tal-iċċarġjar u l-protokolli tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, kif ukoll id-dettalji dwar l-informazzjoni fir-rigward tal-iċċarġjar. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 15 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(20)Għalhekk, id-Direttiva 2014/53/UE jenħtieġ li tiġi emendata bix-xieraq.

(21)L-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jingħataw biżżejjed żmien biex jipproċedu bl-adattamenti meħtieġa għat-tagħmir tar-radju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li huma għandhom l-intenzjoni li jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2014/53/UE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-virgola u l-frażi “, b’mod partikolari maċ-ċargers komuni” huma sostitwiti bil-frażi “għajr l-apparat tal-iċċarġjar għall-kategoriji jew il-klassijiet ta’ tagħmir tar-radju, speċifikati fl-Anness Ia, il-Parti I, li huma speċifikament imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu”;

(b)jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4. It-tagħmir tar-radju li jaqa’ fil-kategoriji jew fil-klassijiet speċifikati fl-Anness Ia, il-Parti I għandu jinbena b’tali mod li jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet dwar l-iċċarġjar stabbiliti f’dak l-Anness għall-kategorija jew għall-klassi rilevanti ta’ tagħmir tar-radju.

Fir-rigward tat-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ ċċarġjar bil-fili, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 biex temenda l-Anness Ia fid-dawl tal-progress tekniku, u li tiżgura l-interoperabbiltà komuni minima bejn it-tagħmir tar-radju u l-apparat tal-iċċarġjar tiegħu, billi:

(a)timmodifika, iżżid jew tneħħi kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju;

(b)timmodifika, iżżid jew tneħħi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, inkluż ir-referenzi u d-deskrizzjonijiet, fir-rigward tar-reċipjent(i) tal-iċċarġjar u l-protokoll(i) tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, għal kull kategorija jew klassi ta’ tagħmir tar-radju kkonċernat(i).”

Fir-rigward tat-tagħmir tar-radju li jista’ jiġi ċċarġjat mill-ġdid permezz ta’ mezzi li ma humiex l-iċċarġjar bil-fili, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex temenda l-Anness Ia fid-dawl tal-progress tekniku, u li tiżgura l-interoperabbiltà komuni minima bejn it-tagħmir tar-radju u l-apparat tal-iċċarġjar tagħhom, billi:

(a)tintroduċi, timmodifika, iżżid jew tneħħi kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju;

(b)tintroduċi, timmodifika, iżżid jew tneħħi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, inkluż ir-referenzi u d-deskrizzjonijiet, fir-rigward tal-interfaċċa/i tal-iċċarġjar u tal-protokoll(i) tal-komunikazzjoni tal-iċċarġjar, għal kull kategorija jew klassi ta’ tagħmir tar-radju kkonċernat.”;

(2)għandu jiddaħħal l-Artikolu 3a li ġej:

“Artikolu 3a

Il-possibbiltà għall-utenti finali li jiksbu ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju mingħajr apparat tal-iċċarġjar

Meta operatur ekonomiku joffri lill-utenti finali l-possibbiltà li jakkwistaw tagħmir tar-radju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(4) flimkien ma’ apparat tal-iċċarġjar, l-utent finali għandu jiġi offrut ukoll il-possibbiltà li jikseb it-tagħmir tar-radju mingħajr ebda apparat tal-iċċarġjar.”;

(3)fl-Artikolu 10(8), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Tagħmir tar-radju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4) għandu jkun akkumpanjat b’informazzjoni dwar speċifikazzjonijiet relatati mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar u mal-apparat tal-iċċarġjar tiegħu, kif deskritt fil-Parti II tal-Anness Ia. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 44 sabiex temenda l-Parti II tal-Anness Ia, billi tintroduċi, timmodifika, iżżid jew tneħħi kwalunkwe dettall fir-rigward ta’ dik l-informazzjoni jew il-mod kif tali informazzjoni għandha tiġi indikata.”;

(4)fl-Artikolu 17(2), il-frażi “fl-Artikolu 3(1)” hija sostitwita bil-frażi “fl-Artikolu 3(1) u (4)”;

(5)L-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Proċedura fil-livell nazzjonali għat-trattament ta’ tagħmir tar-radju li jippreżenta riskju jew li ma jikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali”;

(b)fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, jiżdiedu l-kliem “jew li ma jikkonformax ma’ mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti essenzjali applikabbli stabbiliti fl-Artikolu 3” wara l-kliem “protezzjoni ta’ interess pubbliku koperti mir-rekwiżiti essenzjali f’din id-Direttiva”;

(6)L-Artikolu 43(1) huwa emendat kif ġej:

(a)fil-punt (h), il-kliem “l-informazzjoni dwar l-użu intiż tat-tagħmir tar-radju” huwa sostitwit bil-kelma “l-informazzjoni”;

(b)il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(j) ma hemmx konformità mal-Artikolu 3a jew 5.”;

(7)L-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, is-sentenza li ġejja tiddaħħal wara l-ewwel sentenza:

“Fir-rigward tal-atti delegati msemmija fl-Artikoli 3(4) u fl-Artikolu 10(8), it-tielet subparagrafu, is-setgħa li jiġu adottati atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]”;

(b)fil-paragrafi 3 u 5, il-frażi “tal-Artikolu 3(3), 4(2) u 5(2)” hija sostitwita bil-frażi “tal-Artikolu 3(3), l-Artikoli 3(4), 4(2) u 5(2) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(8)”;

(8)it-test stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva jiddaħħal bħala Anness Ia.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data – 12-il xahar wara l-adozzjoni ta’ din id-direttiva], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amminstrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għalhekk għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data 12-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni indikat fis-subparagrafu preċedenti].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b’tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     https://ec.europa.eu/docsroom/documents/2417/attachments/1/translations?locale=mt .
(2)    2019/2983(RSP)
(3)    COM(2020) 440 final
(4)    Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(5)    Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).
(6)    jiġifieri l-apparat se jinbiegħ mingħajr ċarġer fil-kaxxa (xorta waħda se jkun permess kejbil li jinqala’, b’mod diskrezzjonali)
(7)     https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/c6fadfea-4641-11ea-b81b-01aa75ed71a1  
(8)    Innota li dawn iċ-ċifri jirreferu għal mowbajls mingħajr fili, jiġifieri mhux għal mowbajls li jiġu b’apparat tal-iċċarġjar mingħajr fili, iżda dawk li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid b’apparat tal-iċċarġjar mingħajr fili li jeħtieġ li jinxtara separatament.
(9)    ĠU C , , p. .
(10)    ĠU C , , p. .
(11)    Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(12)    Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).
(13)    Interfaċċi tal-universal serial bus għad-data u l-elettriku - Parti 1-3: Komponenti komuni - Speċifikazzjoni tal-Kejbil u tal-Konnettur tal-USB tat-Tip-CTM
(14)    Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).
(15)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

Brussell, 23.9.2021

COM(2021) 547 final

ANNESS

tal-proposta għal Direttiva

tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill

li temenda d-Direttiva 2014/53/EU dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju

{SEC(2021) 318 final} - {SWD(2021) 244 final} - {SWD(2021) 245 final} - {SWD(2021) 246 final}


ANNESS

“ANNESS Ia

Speċifikazzjonijiet u informazzjoni b’rabta mal-iċċarġjar applikabbli għal ċerti kategoriji jew klassijiet ta’ tagħmir tar-radju

PARTI I

SPEĊIFIKAZZJONIJIET DWAR IL-KAPAĊITAJIET TAL-IĊĊARĠJAR

1.Mobiles li jinżammu fl-idejn, tablets, kameras diġitali, kuffji, headsets, consoles tal-logħob vidjo li jinżammu fl-idejn u speakers portabbli, sa fejn ikunu jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ iċċarġjar bil-fili, għandhom:

(a)ikunu mgħammra bir-reċipjent USB tat-Tip-C, kif deskritt fl-istandard EN IEC 62680-1-3:2021 “Interfaċċi universal serial bus għad-data u l-potenza — Parti 1–3: Jenħtieġ li l-komponenti komuni — Speċifikazzjonijiet tal-Kejbils u l-Konnetturi USB tat-Tip-CTM”, jibqgħu aċċessibbli u operattivi l-ħin kollu;

(b)ikunu kapaċi, fil-każ ta’ potenza tal-iċċarġjar ta’ inqas minn 60 watts, li jiġi ċċarġjat b’kejbils li jikkonformaw mal-istandard EN IEC 62680-1-3:2021 “Interfaċċi universal serial bus għad-data u l-potenza — Parti 1–3: Komponenti komuni — Speċifikazzjonijiet tal-Kejbils u l-Konnetturi USB tat-Tip-CTM”.

2.Mobiles li jinżammu fl-idejn, tablets, kameras diġitali, kuffji, headsets, consoles tal-logħob vidjo li jinżammu fl-idejn u speakers portabbli, sa fejn ikunu jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz ta’ iċċarġjar bil-fili b’vultaġġi ogħla minn 5 volts jew kurrenti ogħla minn 3 amperes jew potenza ogħla minn 15-il watt, għandhom:

(a)jinkorporaw il-Konsenja tal-Potenza tal-USB, kif deskritt fl-istandard EN IEC 62680-1-2:2021 “Interfaċċi universal serial bus għad-data u l-potenza — Parti 1–2: Komponenti komuni — Speċifikazzjoni tal-Konsenja tal-Potenza USB”;

(b)jiżguraw li kwalunkwe protokoll addizzjonali tal-iċċarġjar jippermetti l-funzjonalità sħiħa tal-Konsenja tal-Potenza USB imsemmija fil-punt (a).

PARTI II

INFORMAZZJONI DWAR L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET RELATATI MAL-KAPAĊITAJIET TAL-IĊĊARĠJAR

Fil-każ ta’ tagħmir tar-radju li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(4), l-ewwel subparagrafu, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi indikata f’forma stampata fuq l-imballaġġ jew, fin-nuqqas ta’ imballaġġ, fuq tikketta li takkumpanja t-tagħmir tar-radju bil-kundizzjoni li t-tikketta tista’ tkun viżibbli:

(a)deskrizzjoni tar-rekwiżiti tal-potenza tal-apparat tal-iċċarġjar bil-fili li jista’ jintuża ma’ dak it-tagħmir tar-radju, inkluża l-potenza massima meħtieġa biex jiġi ċċarġjat it-tagħmir tar-radju espressa f’watts billi jintwera t-test: “Il-potenza minima mogħtija miċ-ċarġer għandha tkun daqs jew ogħla minn [xx] Watts”. Jenħtieġ li n-numru ta’ watts jesprimi l-potenza massima meħtieġa mit-tagħmir tar-radju;

(b)Deskrizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet b’rabta mal-kapaċitajiet tal-iċċarġjar tat-tagħmir tar-radju, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid permezz tal-iċċarġjar bil-fili b’vultaġġi ogħla minn 5 volts jew kurrenti ogħla minn 3 amperes jew qawwa ogħla minn 15-il watt, inkluża indikazzjoni li t-tagħmir tar-radju jappoġġa l-protokoll tal-iċċarġjar tal-Konsenja tal-Potenza USB billi juri t-test “USB PD iċċarġjar rapidu” u indikazzjoni ta’ kwalunkwe protokoll ieħor tal-iċċarġjar appoġġat billi juri ismu f’format testwali.

Din l-informazzjoni għandha tkun b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-utenti aħħarin, kif iddeterminat mill-Istat Membru kkonċernat, u għandha tkun ċara, tinftiehem u intelliġibbli.”