Brussell, 10.9.2021

COM(2021) 545 final

2021/0287(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2021


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jiffissa għall-2021 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed jeħtieġ li jiġi modifikat biex jiġi implimentat ir-riport tal-kwota mhux użata tal-UE tal-2020 għall-barbun imperjali fil-qafas tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM).

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-miżuri proposti huma mfassla f’konformità mal-objettivi u mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd u huma konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-politiki fil-qasam tal-ambjent.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-obbligi tal-Unjoni li tisfrutta b’mod sostenibbli r-riżorsi akkwatiċi ħajjin ġejjin mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta tidħol fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-Trattat. Għaldaqstant, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġuni li ġejja: il-PKS hija politika komuni. Skont l-Artikolu 43(3) tat-Trattat, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jadotta l-miżuri dwar l-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżuri proposti mhu se jkollhom l-ebda implikazzjonijiet baġitarji.

5.ELEMENTI OĦRA

Il-pjanijiet ta' implimentazzjoni u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-emenda proposta tfittex li timmodifika r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90 b’mod partikolari l-Anness VII, kif deskritt hawn taħt.

Fl-2020, skont id-data ddikjarata fil-GFCM, il-Bulgarija użat 83 % tal-kwota annwali tagħha għall-barbun imperjali (jiġifieri 62 tunnellata minn 75 tunnellata). Bl-istess mod, ir-Rumanija użat 93 % tal-kwota annwali tagħha għall-barbun imperjali (jiġifieri 70 tunnellata minn 75 tunnellata). Dan iwassal għal użu totali tal-kwota tal-UE ta’ 88 % (jiġifieri 132 tunnellata minn 150 tunnellata). Għalhekk, il-kwantitajiet mhux mistada sal-2021 mill-UE jikkorrispondu għal madwar 18-il tunnellata.

Skont il-pjan ta’ ġestjoni pluriennali tal-barbun imperjali tal-GFCM, kif stabbilit bir-Rakkomandazzjoni GFCM//41/2017/4 u kif emendata mir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/3, b’mod partikolari l-paragrafu 1(e) tagħha, “Il-massimu ta’ taħt l-età li CPC jista’ jirriporta fi kwalunkwe sena partikolari ma għandux jaqbeż il-15 fil-mija tal-kwota annwali inizjali tiegħu. Jekk l-istokk ikun fi stat ħażin u l-parir xjentifiku tal-WGBS jirrakkomanda tnaqqis fil-mortalità mis-sajd, ir-riport ta’ kwalunkwe kwota mhux użata jista’ jiġi pprojbit”.

It-talba tal-UE biex tiġi riportata l-kwota mhux użata tagħha fl-2020 ġiet ippreżentata matul il-Kumitat ta’ Konformità tal-GFCM (il-21 ta’ Mejju 2021), li rrikonoxxa s-sitwazzjoni eċċezzjonali maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19. It-talba għar-riport ġiet diskussa wkoll fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat għall-Baħar l-Iswed, f’laqgħa antiċipata għal dak il-għan, f’Lulju 2021. Sussegwentement, l-44 sessjoni annwali tal-Kummissjoni tal-GFCM approvat dan ir-riport.

Għalhekk id-deċiżjoni meħuda mill-GFCM għandha tiġi implimentata fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90.

Għalhekk jenħtieġ li d-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/90 tiġi emendata sabiex tirrifletti l-aġġustamenti għall-kwoti tal-Unjoni għall-barbun imperjali stabbiliti mill-GFCM fl-2021. Jenħtieġ li d-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, li jirriżultaw minn dan is-sottoutilizzazzjoni, titwettaq abbażi tal-kontribuzzjoni rispettiva ta’ kull Stat Membru lejn is-sottoutilizzazzjoni mingħajr ma jiġi mmodifikat il-koeffiċjent tal-allokazzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/90 dwar l-allokazzjoni annwali tal-kwoti tal-barbun imperjali tal-Unjoni lill-Istati Membri tiegħu. Kemm l-Istati Membri kkonċernati kif ukoll il-Bulgarija u r-Rumanija jikkondividu b’mod ugwali l-kwoti tal-barbun imperjali tal-Unjoni b’koeffiċjent ta’ allokazzjoni li jikkorrispondi għal 50 % tal-kwoti tal-Unjoni għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed għal kull Stat Membru.

2021/0287 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2021

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90 jiffissa, għall-2021, l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed 1 . Ir-Regolament jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-pjan ta’ ġestjoni tal-barbun imperjali adottat mill-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (GFCM) 2 għas-sajd tal-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed (subżona ġeografika 29).

(2)Fl-44 laqgħa annwali tagħha fl-2021, il-GFCM adottat deċiżjoni fejn osservat li matul is-sena 2020, l-Unjoni Ewropea ma kinitx sfruttat biżżejjed il-kwota tagħha għall-barbun imperjali u approvat riport tal-kwota mhux użata fid-dawl tas-sitwazzjoni eċċezzjonali maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk jenħtieġ li d-deċiżjoni tal-GFCM tiġi implimentata fid-dritt tal-Unjoni.

(3)Jenħtieġ li d-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar l-Iswed stabbilita fir-Regolament (UE) 2021/90 tiġi emendata biex tirrifletti l-aġġustamenti għall-kwoti tal-Unjoni stabbiliti mill-GFCM. Jenħtieġ li d-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd li jirriżultaw minn din is-sottoutilizzazzjoni titwettaq abbażi tal-kontribuzzjoni rispettiva ta’ kull Stat Membru lejn is-sottoutilizzazzjoni mingħajr ma jinbidel il-koeffiċjent ta’ distribuzzjoni stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/90 dwar l-allokazzjoni annwali tat-TACs.

(4)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/90 jiġi emendat skont dan.

(5)Il-limiti tal-qbid previsti fir-Regolament (UE) 2021/90 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021. Għalhekk jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jdaħħal dan ir-Regolament marbutin mal-limiti tal-qbid jiddaħħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun u japplikaw b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021. Tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi l-opportunitajiet tas-sajd ikkonċernati żdiedu u għadhom ma ġewx eżawriti. Minħabba l-urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ minnufih wara li jiġi ppubblikat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90

L-Anness VII tar-Regolament (UE) 2021/90 huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2021 (ĠU L 31, 29.1.2021, p. 1-19).
(2)    Ir-rakkomandazzjoni GFCM//41/2017/4 kif emendata mir-Rakkomandazzjoni GFCM/43/2019/3.

Brussell, 10.9.2021

COM(2021) 545 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal

Regolament tal-Kunsill

li jemenda Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/90 tat-28 ta’ Jannar 2021 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut applikabbli fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għall-2021


ANNESS

Fl-Anness VII tar-Regolament (UE) 2021/90, it-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għall-barbun imperjali

fl-ilmijiet tal-Unjoni fil-Baħar l-Iswed hija sostitwita b’dan li ġej:     

“ANNESS VII

L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI FIL-BAĦAR L-ISWED



Speċi:

Barbun imperjali

Żona:

L-ilmijiet tal-Unjoni li jinsabu fil-Baħar l-Iswed — is-subżona ġeografika 29

Scophthalmus maximus

(TUR/F3742C)

Il-Bulgarija

87,825

TAC analitika

Ma għandux japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

Ma għandux japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96

Ir-Rumanija

80,116

L-Unjoni

167,941

(*)

TAC

857

_________

(*)    L-ebda attività tas-sajd, inkluż it-trażbord, iż-żamma abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ ma għandha tkun permessa mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju 2021.