Brussell, 11.8.2021

COM(2021) 469 final

2021/0263(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

(Orizzont Ewropa)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra l-erba’ libertajiet

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim.

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’ kunsens. F’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

L-għan tal-att previst huwa li jestendi l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE biex jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-programm Orizzont Ewropa. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni tiegħu u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 1 u r-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) 2 għandhom jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE. 

Peress li l-Liechtenstein ma esprimiex l-interess tiegħu li jipparteċipa f’Orizzont Ewropa, l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jikkonċerna biss lin-Norveġja u lill-Iżlanda.

Skont il-politika baġitarja tal-UE, kull parteċipazzjoni f’attività tal-UE tista’ sseħħ biss wara li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji korrispondenti. Madankollu, il-ħlas jista’ jsir ladarba sseħħ l-adozzjoni ta’ dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill u wara l-preżentazzjoni tas-sejħa għal fondi tal-UE, stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati tal-EFTA u taż-ŻEE.

Għalhekk, biex jimtela l-vojt fiż-żmien bejn l-1 ta’ Jannar 2021 u r-riċeviment tal-ħlas rispettiv, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se jkun applikabbli b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021. Ir-retroattività ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati u tirrispetta l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Kummissjoni tippreżenta l-Abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentah fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista’ jkun malajr.

Il-kontenut u n-natura tal-abbozz tad-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE b’rabta mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwarhom trid tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li simultanjament isegwi għadd ta’ objettivi, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta għandha tikkorrispondi mal-bażi ġuridika sostantiva tal-att legali li tinkorpora fil-Ftehim ŻEE.

Il-“programm Orizzont Ewropa” huwa bbażat fuq it-Titoli tat-TFUE “Industrija” u “Riċerka u żvilupp teknoloġiku u spazju” (Artikoli 173, 182, 183 u 188).

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(1), l-Artikolu 183 t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(1), l-Artikolu 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 TFUE, b’rabta mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

5.Implikazzjonijiet baġitarji

In-Norveġja u l-Iżlanda għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-Baġit tal-Unjoni. L-ammont eżatt jiġi determinat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, ladarba dan l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill jiġi adottat.

6.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra l-erba’ libertajiet, huwa xieraq li jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2021/0263 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

(Orizzont Ewropa)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 173(3), l-Artikolu 182(1), l-Artikolu 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 5 (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, li fih dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet.

(3)Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(4)Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7   għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(5)Għaldaqstant, il-Protokoll 31 (dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet) tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(6)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ippreżentat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 (dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.
(2)    ĠU L 189, 28.5.2021, p. 61.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6–8.
(5)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni tiegħu u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013, ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.
(7)    Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni), ĠU L 189, 28.5.2021, p. 61.

Brussell, 11.8.2021

COM(2021) 469 final

ANNESS

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet







(Orizzont Ewropa)


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru […]

ta’ […]

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 1 .

(2)Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tiġi estiża għall-Ftehim dwar iż-ŻEE biex tinkludi r-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) 2 .

(3)Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 2021/695 u mir-Regolament (UE) 2021/819 tibda mill-1 ta’ Jannar 2021, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2021. 

(4)Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jkunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-kostijiet imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.

(5)Il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA u l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tagħhom fil-programmi tal-Unjoni Ewropea huma stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-ŻEE u b’mod partikolari fl-Artikolu 81 tiegħu.

(6)Għaldaqstant, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.Dan li ġej jiżdied fil-paragrafu 5:

“-32021 R 0695: Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).

Il-kostijiet imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mid-data tal-bidu tal-azzjoni msemmija fil-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru XX/2021 ta’ xx 2021 [din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.

Il-Liechtenstein għandu jkun eżentat mill-parteċipazzjoni f’dan il-programm u mill-kontribuzzjoni finanzjarja għalih.”

2.Fil-paragrafu 11 (a), il-kliem “att Komunitarju” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “atti Komunitarji”, u għandu jiżdied dan li ġej:

“-32021 R 0819: Ir-Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 61).

Il-kostijiet imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mid-data tal-bidu tal-azzjoni msemmija fil-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom, dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru XX/2021 ta’ xx 2021 [din id-Deċiżjoni] tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE 3*.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, […].

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President

   [...]

   

   Is-Segretarji

   Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

                       [...]

(1)    ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.
(2)    ĠU L 189, 28.5.2021, p. 61.
(3) *    [Mhuwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]