Brussell, 20.7.2021

COM(2021) 421 final

2021/0240(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) 1094/2010, (UE) 1095/2010

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2021) 190, 191}
{SEC(2021) 391}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ML/TF) jippreżentaw theddida serja għall-integrità tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja tal-UE u għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħha. Il-Europol stmat li madwar 1 % tal-Prodott Domestiku Gross annwali tal-UE “ġie identifikat bħala involut f’attività finanzjarja suspettuża” 1 . F’Lulju 2019, wara għadd ta’ każijiet prominenti ta’ allegat ħasil tal-flus li seħħew f’istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE, il-Kummissjoni adottat sett ta’ dokumenti 2 li analizzaw l-effettività u l-effiċjenza tar-reġim tal-UE Kontra l-Ħasil tal-Flus/il-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT) kif kien f’dak iż-żmien, u li kkonkludew li kienu meħtieġa riformi, inkluż fl-oqsma tas-superviżjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF). F’dan il-kuntest, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà għall-perjodu 2020-2025 3 enfasizzat l-importanza li jissaħħaħ il-qafas tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex l-Ewropej jiġu protetti mit-terroriżmu u mill-kriminalità organizzata.

Fis-7 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 4 . F’dak il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu miżuri sabiex issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u ddefiniet sitt prijoritajiet jew pilastri:

1.Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas eżistenti tal-UE fil-qasam tal-AML/CFT;

2.Tistabbilixxi ġabra unika ta’ regoli tal-UE dwar l-AML/CFT;

3.Iddaħħal fis-seħħ superviżjoni tal-AML/CFT fil-livell tal-UE;

4.Tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ appoġġ u kooperazzjoni għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja;

5.Teżegwixxi dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali u ttejjeb l-iskambju tal-informazzjoni fil-livell tal-UE; u

6.Issaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tal-qafas eżistenti tal-UE fil-qasam tal-AML/CFT.

Din il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li timplimenta l-azzjonijiet 3 u 4 ta’ dak il-Pjan ta’ Azzjoni, filwaqt li żewġ proposti leġiżlattivi li jakkumpanjawha għandhom l-għan li jimplimentaw l-azzjoni 2, u jikkontribwixxu għall-azzjoni 6. L-azzjonijiet 1 u 5 ma jeħtiġux azzjoni leġiżlattiva.

Il-ħolqien ta’ superviżjoni tal-AML/CFT fil-livell tal-UE u mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja rċevew appoġġ mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill:

Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu 5 laqa’ tajjeb il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni u l-intenzjoni tagħha li tippreżenta superviżur tal-AML/CTF fil-livell tal-UE u mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ tal-UE għall-UIF. Il-Parlament Ewropew talab ukoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li toħloq il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ tal-UE fil-forma ta’ UIF tal-UE, biex jiġi żgurat li r-responsabbiltajiet tas-superviżur tal-AML/CTF ikopru entitajiet marbutin b’obbligu finanzjarji u mhux finanzjarji b’setgħat ta’ superviżjoni diretta fuq ċerti entitajiet marbutin b’obbligu skont id-daqs tagħhom jew ir-riskju li jippreżentaw, kif ukoll is-superviżjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-UE mis-superviżuri nazzjonali, diviżjoni ċara tas-setgħat rispettivi tas-superviżuri tal-UE u dawk nazzjonali u biex is-superviżur tal-AML/CTF fil-livell tal-UE u l-UIF tal-UE jingħataw indipendenza baġitarja u funzjonali. F’dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew osserva li r-riżorsi baġitarji u umani proposti ma humiex suffiċjenti biex jipprovdu appoġġ sħiħ għall-investigazzjonijiet relatati mal-AML u l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni eżistenti u kkonkluda li jenħtieġ li jiġu allokati aktar riżorsi umani u finanzjarji għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Il-Kunsill jappoġġa bl-istess mod il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tal-5 ta’ Novembru 2020 6 . Fost affarijiet oħra, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tipprijoritizza l-istabbiliment ta’ superviżjoni tal-AML/CFT fil-livell tal-UE u l-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ għall-UIF. Is-superviżur tal-AML/CFT tal-UE jenħtieġ li jkun mgħammar b’kompetenzi skattati fuq bażi purament sensittiva għar-riskju 7 . L-awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali u tippromwovi l-konverġenza superviżorja, anki fis-settur mhux finanzjarju. Biex twettaq il-kompitu tagħha ta’ superviżjoni diretta, l-awtorità jenħtieġ li tistabbilixxi timijiet superviżorji konġunti, twettaq spezzjonijiet ġenerali u timponi miżuri superviżorji u sanzjonijiet amministrattivi, filwaqt li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali u tal-istrutturi ta’ infurzar. Is-superviżur il-ġdid jenħtieġ li jkollu struttura ta’ governanza indipendenti u awtonoma u jikkoopera ma’ awtoritajiet rilevanti oħra tal-UE u nazzjonali. Għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ għall-UIF, il-Kunsill jissuġġerixxi li l-awtorità l-ġdida tingħata rwol ċentrali fit-tisħiħ u l-iffaċilitar ta’ analiżi konġunta bejn l-UIF, l-appoġġ għall-analiżijiet tal-UIF u l-promozzjoni ta’ skambji u bini tal-kapaċitajiet fost l-UIF kif ukoll ma’ awtoritajiet kompetenti oħra. Il-governanza tal-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ jenħtieġ li tkun ibbażata fuq governanza li tinvolvi b’mod sħiħ lill-UIF u tirrispetta r-rwoli u r-responsabbiltajiet ewlenin tal-UIF fl-indipendenza u l-awtonomija operazzjonali kif ukoll is-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-intelligence finanzjarja.

Din il-proposta tistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (“AMLA” jew “l-Awtorità”). Din l-awtorità Ewropea l-ġdida hija essenzjali biex tindirizza n-nuqqasijiet kurrenti fis-superviżjoni tal-AML/CFT fl-Unjoni: Is-superviżjoni tal-AML/CFT fl-UE bħalissa hija bbażata fuq l-Istati Membri. Il-kwalità u l-effettività tagħha ma humiex uniformi, minħabba varjazzjonijiet sinifikanti fir-riżorsi u l-prattiki fl-Istati Membri. 8 Kif juru l-każijiet reċenti ta’ allegat ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE, l-approċċ għal sitwazzjonijiet transfruntiera ma huwiex konsistenti. Ir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA, European Banking Authority) dwar l-approċċi tal-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tal-AML/CFT 9 ikkonferma li minkejja l-progress, mhux l-awtoritajiet kompetenti kollha jistgħu jikkooperaw b’mod effettiv mal-partijiet ikkonċernati domestiċi u internazzjonali. Il-metodi biex jiġu identifikati r-riskji u biex jiġi applikat l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni jvarjaw ukoll. Filwaqt li xi riskji jibqgħu ta’ natura nazzjonali, oħrajn huma ta’ natura orizzontali jew jista’ jkollhom impatt fuq is-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni. L-Istati Membri enfasizzaw il-ħtieġa għal metodoloġija komuni u konsistenti biex jiġu vvalutati u identifikati r-riskji bi tweġiba għall-kwestjonarju mmirat iċċirkolat mill-Kummissjoni bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika mnedija meta ġie adottat il-Pjan ta’ Azzjoni fis-7 ta’ Mejju 2020 10 . Minbarra d-diverġenzi fis-setgħat superviżorji diġà deskritti, l-EBA nnotat ukoll li s-superviżuri nazzjonali tal-AML/CFT jistgħu mhux dejjem ikunu lesti li jużaw is-sett sħiħ ta’ setgħat disponibbli. Dan iwassal mhux biss għal superviżjoni inadegwata fil-livell nazzjonali, iżda wkoll għal superviżjoni insuffiċjenti tal-professjonisti li jipprovdu servizzi bejn il-fruntieri, li joħolqu riskji għas-suq uniku kollu. Dawn is-sejbiet ġew affermati mill-ġdid ukoll b’mod wiesa’ mill-aħħar rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. 11

Sabiex jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet, l-Awtorità se ssir iċ-ċentru ta’ sistema superviżorja integrata tal-AML/CFT, li tikkonsisti mill-Awtorità nnifisha u mill-awtoritajiet nazzjonali b’mandat superviżorju għall-AML/CFT (minn hawn ’il quddiem “l-awtoritajiet superviżorji”). Billi tagħmel superviżjoni diretta ta' xi wħud mill-entitajiet marbutin b’obbligu tas-settur finanzjarju transfruntiera l-aktar riskjużi u tieħu deċiżjoni dwarhom, l-Awtorità se tikkontribwixxi direttament għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-Unjoni. Matul dawn l-aħħar snin, diversi inċidenti ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni xierqa minn ditti u/jew ta’ kontromiżuri adegwati meħuda mis-superviżuri kienu għad-diskussjoni fid-dominju pubbliku. L-istabbiliment ta’ superviżjoni Ewropea diretta ta’ dawk l-entitajiet li għandhom riskju għoli ta’ ML/FT se jagħlaq dawn il-lakuni b’mod partikolari għas-superviżjoni transfruntiera. Fl-istess ħin, hija se tikkoordina lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u tassistihom biex iżidu l-effettività tagħhom fl-infurzar tal-ġabra unika ta’ regoli u fl-iżgurar ta’ standards superviżorji, approċċi u metodoloġiji ta’ valutazzjoni tar-riskju omoġenji u ta’ kwalità għolja

Il-każijiet ewlenin reċenti kollha ta’ ħasil tal-flus irrapportati fl-UE kellhom dimensjoni transfruntiera. Madankollu, id-detezzjoni ta’ dawn il-movimenti finanzjarji hija mħollija f’idejn l-UIF nazzjonali u għall-kooperazzjoni bejniethom. Filwaqt li dan jirrifletti l-indipendenza operazzjonali u l-awtonomija tal-UIF, in-nuqqas ta’ struttura komuni li tirfed din il-kooperazzjoni jwassal għal sitwazzjonijiet fejn ma jitwettqux analiżijiet konġunti minħabba nuqqas ta’ għodod jew riżorsi komuni. Dawn id-diverġenzi jxekklu l-kooperazzjoni transfruntiera, u b’hekk inaqqsu l-kapaċità li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jiġu identifikati kmieni u b’mod effettiv. Dan jirriżulta f’approċċ frammentat li huwa espost għall-użu ħażin għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u li ma jistax jidentifika fil-ħin ix-xejriet u t-tipoloġiji fil-livell tal-Unjoni. 12  

L-Awtorità l-ġdida jenħtieġ li jkollha wkoll rwol vitali fit-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-UIF. L-Awtorità se sservi bħala ċentru ta’ appoġġ u koordinazzjoni li jassisti l-ħidma tagħhom, fost l-oħrajn, fuq l-analiżijiet konġunti ta’ Rapporti dwar Tranżazzjonijiet Suspettużi u Rapporti ta’ Attivitajiet Suspettużi b’impronta transfruntiera sinifikanti, u li jipprovdi hosting stabbli tal-pjattaforma FIU.net. Barra minn hekk, l-Awtorità se tippermetti l-iżvilupp ta’ mudelli u standards komuni ta’ rapportar li għandhom jintużaw mill-UIF tal-UE.

Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, l-Awtorità se jkollha s-setgħat li tfassal standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, linji gwida u rakkomandazzjonijiet fl-ambitu tal-kompiti tagħha, kif ukoll li tipprovdi pariri u input lill-Kummissjoni u lill-koleġiżlaturi dwar ħafna aspetti tal-politika tal-AML/CFT, inkluż dwar ir-riskji marbuta ma’ ġuriżdizzjonijiet barra mill-Unjoni.

   Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-qafas legali attwali għall-AML/CFT fl-Unjoni jikkonsisti fid-Direttiva dwar l-AML/CFT 13 u fir-Regolament dwar it-Trasferiment ta’ Fondi 14 . Din il-proposta hija akkumpanjata minn tliet proposti oħra biex jiġi emendat id-dritt applikabbli tal-UE dwar l-AML/CFT:

i.Regolament ġdid li jistabbilixxi ġabra unika ta’ regoli għall-AML/CFT;

ii.Direttiva ġdida dwar l-AML/CFT, li tikkomplementa r-Regolament; u

iii.Tfassil mill-ġdid tar-Regolament 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi.

Dan il-pakkett ta’ erba’ proposti leġiżlattivi huwa meqjus bħala element uniku koerenti, fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-AML/CFT tas-7 ta’ Mejju 2020, li joħloq qafas ta’ infurzar ġdid u aktar strett għar-regoli dwar l-AML/CFT fl-Unjoni.

Li jkun hemm regoli dwar l-AML/CFT applikabbli direttament f’regolament, b’aktar dettall milli fid-Direttiva eżistenti dwar l-AML/CFT, mhux biss se jippromwovi l-konverġenza tal-prattiki superviżorji u ta’ infurzar fl-Istati Membri, iżda jipprovdi wkoll regoli għall-Awtorità biex tapplika hija stess bħala superviżur dirett ta’ ċerti entitajiet marbutin b’obbligu magħżula. Fil-qasam tas-superviżjoni indiretta, u tal-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-UIF, il-proposti li jakkumpanjaw din il-proposta fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Awtorità biex tfassal diversi standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni u biex tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet, u b’hekk jistabbilixxu rwol u funzjoni definiti tal-Awtorità. L-appoġġ mill-Awtorità dwar il-valutazzjonijiet u l-analiżijiet tar-riskju lill-awtoritajiet superviżorji u lill-UIF se jkun ukoll funzjoni ewlenija fl-arkitettura l-ġdida tal-infurzar tal-AML/CFT. L-Awtorità se tappoġġa wkoll il-politika tal-Unjoni dwar pajjiżi terzi fir-rigward tat-theddid ta’ ML/TF minn barra l-Unjoni. L-Awtorità se tikkoopera f’dan ir-rigward mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-korpi u l-aġenziji tal-UE.

   Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Filwaqt li l-kompetenza tal-Awtorità se tkun limitata għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-AML/CFT, dik il-leġiżlazzjoni nnifisha tinteraġixxi u hija koerenti ma’ leġiżlazzjoni oħra fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-liġi kriminali. Dan jinkludi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-pagamenti u t-trasferimenti ta’ fondi (eż. id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament, id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas, u d-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi 15 ). Fir-rigward tal-UIF, ġiet ikkunsidrata wkoll id-Direttiva li tiffaċilita l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja għall-prevenzjoni, id-detezzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali 16 . Il-kompetenzi tal-Awtorità fil-qasam tal-assi virtwali huma koerenti mal-Pakkett dwar il-Finanzi Diġitali ppubblikat mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Settembru 2020.

Kooperazzjoni tajba bejn l-Awtorità u aġenziji deċentralizzati rilevanti oħra tal-UE u korpi oħra tal-UE u nazzjonali hija prevista mid-dispożizzjonijiet fl-abbozz ta’ Regolament għal dan il-għan; dawn jinkludu l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (SSM) fil-livell tal-Unjoni u diversi awtoritajiet nazzjonali, inklużi s-superviżuri prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Biex jittejbu s-superviżjoni u l-infurzar tal-liġi fis-setturi kollha, l-Awtorità jenħtieġ li tippermetti skambju effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet imsemmija hawn fuq u toħloq sinerġiji ma’ dawn l-awtoritajiet fejn dan jista’ jtejjeb il-ġlieda b’suċċess kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

   Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE, l-istess bażi ġuridika bħall-qafas legali kurrenti dwar l-AML/CFT. L-Artikolu 114 instab li huwa xieraq għal-leġiżlazzjoni dwar l-AML/CFT meta jitqies, minn naħa waħda, li żvilupp diverġenti tal-liġijiet nazzjonali jista’ jfixkel il-funzjonament ordnat tas-suq intern; min-naħa l-oħra, li l-attivitajiet tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-moviment liberu tal-kapital u mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi finanzjarji, u b’hekk jikkawżaw telf ekonomiku, tfixkil fil-funzjonament tas-suq uniku, u dannu għar-reputazzjoni fil-livell tal-Unjoni.

Hija liġi stabbilita li l-leġiżlatur tal-UE, li jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 114 TFUE, jista’ jqis li jkun meħtieġ li jiġi previst l-istabbiliment ta’ korp tal-UE responsabbli biex jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni 17 .

   Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

Il-pakkett dwar l-AML/CFT tal-Kummissjoni tal-2019 18 , magħmul minn Komunikazzjoni u erba’ rapporti, issottolinja kif il-kriminali sfruttaw id-differenzi fl-implimentazzjoni nazzjonali tar-reġim Ewropew tal-AML/CFT fl-Istati Membri. In-natura transfruntiera tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu tagħmilha essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn is-superviżuri nazzjonali u l-UIF biex jiġu evitati dawn ir-reati. Ħafna entitajiet soġġetti għall-obbligi tal-AML/CFT għandhom attivitajiet transfruntiera, u l-approċċi differenti mill-awtoritajiet superviżorji u mill-UIF ifixklu lill-entitajiet rilevanti fl-applikazzjoni ta’ prattiki ottimali dwar l-AML/CFT fil-livell ta’ grupp. Hija meħtieġa koordinazzjoni akbar fil-livell tal-Unjoni, inkluż komponent ta’ superviżjoni diretta tal-UE ta’ wħud mill-entitajiet l-aktar riskjużi, biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet transfruntiera u biex tiġi massimizzata l-kapaċità tas-sistema finanzjarja tal-UE kemm għall-prevenzjoni kif ukoll għall-identifikazzjoni tal-ML/TF.

   Proporzjonalità

In-natura transfruntiera tal-ML/TF teħtieġ azzjoni msaħħa fil-livell tal-Unjoni sabiex tinkiseb kooperazzjoni akbar bejn is-superviżuri u l-UIF. Madankollu, kif deskritt fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta, l-għażliet li l-istituzzjonijiet finanzjarji kbar jew transfruntiera kollha jiġu soġġetti għas-superviżjoni tal-AML/CFT fil-livell tal-UE, u li tinħoloq UIF fil-livell tal-UE, ġew miċħuda bħala sproporzjonati.

   Għażla tal-istrument

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-istrument meħtieġ għall-ħolqien ta’ aġenzija ġdida tal-UE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

   Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Għadha ma saritx evalwazzjoni ex post sħiħa tar-reġim tal-AML/CFT attwali tal-UE, u tal-eżerċizzju mill-Awtorità Bankarja Ewropea tal-kompetenzi dwar l-AML/CFT li hija assumiet fil-bidu tal-2020 19 , fl-isfond ta’ għadd ta’ żviluppi leġiżlattivi reċenti. Ir-raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus ġiet adottata fl-20 ta’ Mejju 2015, bi skadenza għat-traspożizzjoni għall-Istati Membri tas-26 ta’ Ġunju 2017. Il-ħames Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus 20 ġiet adottata fit-30 ta’ Mejju 2018, bi skadenza għat-traspożizzjoni tal-10 ta’ Jannar 2020. Il-kontroll tat-traspożizzjoni għadu għaddej. Madankollu, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2019 u r-rapporti ta’ akkumpanjament imsemmija hawn fuq iservu bħala evalwazzjoni tal-effikaċja tar-reġim tal-UE dwar l-AML/CFT kif kien f’dak il-mument.

   Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-istrateġija ta’ konsultazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-AML/CFT kienet magħmula minn għadd ta’ komponenti:

-Konsultazzjoni dwar il-pjan direzzjonali li jħabbar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni. Il-konsultazzjoni, fuq il-portal tal-Kummissjoni “Semma’ leħnek!”, saret bejn il-11 ta’ Frar u l-12 ta’ Marzu 2020, u rċeviet 42 kontribuzzjoni minn firxa ta’ partijiet ikkonċernati;

-Konsultazzjoni pubblika dwar l-azzjonijiet imressqa fil-Pjan ta’ Azzjoni, miftuħa għall-pubbliku ġenerali u għall-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati, imnedija fis-7 ta’ Mejju 2020, u miftuħa sas-26 ta’ Awwissu. Il-konsultazzjoni rċeviet 202 kontribuzzjonijiet uffiċjali;

-Konsultazzjoni mmirata tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-AML/CFT. L-Istati Membri kellhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom f’diversi laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, u l-UIF tal-UE taw il-kontribut tagħhom waqt il-laqgħat tal-Pjattaforma tal-UIF u permezz ta’ dokumenti bil-miktub;

-Talba għal parir mill-Awtorità Bankarja Ewropea, li saret f’Marzu 2020; l-EBA tat l-opinjoni tagħha fl-10 ta’ Settembru 2020;

-Fit-23 ta’ Lulju 2020, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ħareġ opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni;

-Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni organizzat konferenza ta’ livell għoli, li laqqgħet flimkien rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE, MEPs, rappreżentanti tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili u mid-dinja akkademika.

Il-feedback tal-partijiet ikkonċernati dwar il-Pjan ta’ Azzjoni kien ġeneralment pożittiv ħafna, b’appoġġ maġġoritarju għal superviżur tal-UE b’kompetenza għall-entitajiet marbutin b’obbligu kollha, finanzjarji u mhux finanzjarji, u b’setgħat superviżorji diretti fuq mill-anqas ċerti entitajiet marbutin b’obbligu tas-settur finanzjarju.

   Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qagħdet fuq evidenza kwalitattiva u kwantitattiva miġbura minn sorsi rikonoxxuti, inkluż il-konsulenza teknika mill-Awtorità Bankarja Ewropea. L-informazzjoni dwar l-infurzar tar-regoli tal-AML inkisbet ukoll mill-Istati Membri permezz ta’ kwestjonarji u fil-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu.

   Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt 21 , li ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fis-6 ta’ Novembru 2020 u approvata fl-4 ta’ Diċembru 2020. L-istess valutazzjoni tal-impatt takkumpanja wkoll iż-żewġ proposti leġiżlattivi l-oħra li huma ppreżentati flimkien ma’ din il-proposta, abbozz ta’ Regolament dwar l-AML/CFT, u tfassil mill-ġdid tad-Direttiva 2015/849 dwar l-AML/CFT. Fl-opinjoni pożittiva tiegħu l-RSB ippropona diversi titjib ta’ preżentazzjoni għall-valutazzjoni tal-impatt; dawn saru.

Fil-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni qieset separatament l-għażliet ta’ politika rigward it-titjib tal-effettività u l-konsistenza tas-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus, u ż-żieda fil-livell ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni fost l-UIF.

Fir-rigward tas-superviżjoni, l-għażliet ikkunsidrati huma:

(1)Is-superviżjoni kontra l-ħasil tal-flus tkompli titwettaq fil-livell nazzjonali, bl-Awtorità Bankarja Ewropea inkarigata mis-sorveljanza ta’ din is-superviżjoni fis-settur finanzjarju (xenarju ta’ referenza);

(2)Tiġi stabbilita sorveljanza indiretta fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu kollha:

(3)Setgħat superviżorji diretti fuq entitajiet marbutin b’obbligu riskjużi magħżula fis-settur finanzjarju soġġetti għar-rekwiżiti tal-AML/CFT u sorveljanza indiretta fuq l-entitajiet l-oħra kollha;

(4)Superviżjoni diretta kontra l-ħasil tal-flus fil-livell tal-UE tal-entitajiet marbutin b’obbligu kollha.

Abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni tal-impatt, l-għażla ppreferuta hija l-għażla 3, kombinazzjoni ta’ setgħat superviżorji diretti u indiretti f’korp superviżorju fil-livell tal-UE fil-forma ta’ aġenzija deċentralizzata.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-UIF, l-għażliet ikkunsidrati huma:

(1)L-unitajiet tal-intelligence finanzjarja jkomplu jikkooperaw fil-kuntest tal-Pjattaforma tal-UIF tal-UE, li tkun ikklassifikata bħala network (xenarju ta’ referenza);

(2)Il-Pjattaforma tal-UIF tal-UE tiġi ttrasformata f’kumitat tal-komitoloġija li jħalli f’idejn il-Kummissjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-istandards għall-UIF;

(3)Il-Pjattaforma tal-UIF tal-UE ssir mekkaniżmu tal-UE bis-setgħa li toħroġ linji gwida u standards tekniċi u li torganizza analiżijiet u taħriġ konġunti, twettaq analiżi tax-xejriet u tar-riskji;

(4)Il-Pjattaforma tal-UIF tal-UE ssir UIF fil-livell tal-UE, li tissostitwixxi l-UIF nazzjonali.

L-għażla 3, mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni u appoġġ fil-livell tal-UE għall-UIF, bħala parti minn korp tal-UE, hija l-għażla ppreferuta.

L-iggruppar ta’ dawn il-kompiti kollha f’awtorità ġdida huwa pass essenzjali biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-korp il-ġdid billi dan għandu jikkoopera ma’ diversi partijiet ikkonċernati mis-settur finanzjarju u mhux finanzjarju u jikkoordina l-funzjonijiet distinti tas-superviżjoni u tal-intelligence finanzjarja. Wara analiżi bir-reqqa 22 , l-għażla li l-kompiti l-ġodda jiġu assenjati lil korpi eżistenti (pereżempju l-Awtorità Bankarja Ewropea) twarrbet għal diversi raġunijiet: Instabu diffikultajiet fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ xi wħud mis-setgħat kurrenti tal-EBA, speċjalment dawk relatati mal-infurzar, minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-mudell ta’ governanza tal-EBA: l-EBA tkun teħtieġ li jkollha mudell deċiżjonali doppju – wieħed għall-funzjonijiet eżistenti minbarra l-AML, u ieħor għall-kompiti tal-AML biss. Barra minn hekk, l-effetti ta’ sinerġija jkunu limitati ħafna peress li l-EBA ma għandha l-ebda esperjenza bis-superviżjoni diretta tal-entitajiet u jkollha tibni l-għarfien espert rilevanti, mhux biss għas-settur finanzjarju iżda wkoll għas-settur mhux finanzjarju. Dan huwa konformi wkoll mas-sejbiet tal-konsultazzjoni pubblika li żvelat appoġġ baxx għall-idea li l-Awtorità Bankarja Ewropea ssir is-superviżur futur tal-AML/CFT tal-UE. Filwaqt li terz tar-rispondenti ma esprimew l-ebda opinjoni, 19 % biss ta’ dawk li għamlu dan appoġġaw lill-EBA.

Barra minn hekk, minħabba n-natura ġdida tal-kompiti tal-mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni tal-UIF u l-fatt li l-ebda korp eżistenti tal-Unjoni ma għandu mandat legali xieraq biex iwettaq tali kompiti, x’aktarx li tkun meħtieġa aġenzija speċifika ġdida għall-mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni tal-UIF. 23 Il-kombinazzjoni taż-żewġ funzjonijiet (superviżjoni u koordinazzjoni tal-UIF) f’awtorità ġdida jenħtieġ li tipproduċi ffrankar fil-kostijiet meta mqabbel ma’ żewġ aġenziji u jistgħu jiġu antiċipati sinerġiji. Li jkun hemm Awtorità waħda għall-AML fil-livell tal-Unjoni li ġġib taħt l-istess umbrella istituzzjonali stadji u elementi differenti għall-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tidher li hija l-unika risposta ta’ politika li tista’ tiġġustifika s-sejħa għal politika komprensiva tal-UE dwar l-AML/CFT.

   Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta hija inizjattiva biex tinħoloq aġenzija ġdida tal-UE, u ma tħassar jew tissimplifika l-ebda leġiżlazzjoni eżistenti. Ġie eżaminat jekk l-aġenziji eżistenti tal-UE jkunux jistgħu jieħdu l-firxa sħiħa ta’ kompiti proposti għall-Awtorità l-ġdida għall-AML, u ġie konkluż li għal raġunijiet legali u raġunijiet oħra, dan ma kienx il-każ. Fir-rigward tas-simplifikazzjoni, jista’ jiġi nnotat li dawk l-entitajiet finanzjarji transfruntiera ta’ riskju għoli li se jkunu taħt superviżjoni diretta mill-Awtorità għall-AML tal-UE mhux se jkollhom għalfejn jittrattaw aktar ma’ diversi superviżuri tal-AML fi Stati Membri differenti, li se jissimplifika s-superviżjoni tal-AML għalihom. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-UIF se jissimplifika u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-UIF.

   Drittijiet fundamentali

L-UE hija impenjata li tiżgura standards għoljin ta’ ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Bħala korp tal-UE, l-Awtorità se tkun soġġetta għar-regolament rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data 24 sa fejn din tkun tista’ tittratta kwalunkwe data personali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-Awtorità se tkun aġenzija deċentralizzata maħluqa ġdida tal-Unjoni, iffinanzjata parzjalment mill-baġit tal-UE u parzjalment mit-tariffi imposti mill-entitajiet marbutin b’obbligu li se jkunu direttament jew indirettament taħt superviżjoni mill-Awtorità. Il-metodoloġija għall-għażla tal-entitajiet soġġetti għal tariffi, u għad-determinazzjoni tat-tariffi nfushom, se tiġi stabbilita f’Att Delegat tal-Kummissjoni.

Ir-riżorsi umani u baġitarji meħtieġa tal-Awtorità huma determinati mill-kompiti tagħha. Apparti mill-kompiti ċentrali ta’ amministrazzjoni u ġestjoni, dawn jaqgħu fi tliet kategoriji ewlenin:

i.is-superviżjoni diretta ta’ ċerti entitajiet marbutin b’obbligu magħżula tas-settur finanzjarju;

ii.is-superviżjoni indiretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu kemm tas-settur finanzjarju kif ukoll tas-settur mhux finanzjarju permezz tas-sorveljanza tas-superviżuri jew tal-korpi awtoregolatorji; u

iii.Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni u Appoġġ għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE.

Bil-persunal fil-livell operazzjonali sħiħ, huwa previst li l-livell ta’ persunal tal-Awtorità, il-kategoriji kollha ta’ persunal flimkien, se jkun ta’ 250.

L-Awtorità se tieħu f’idejha wkoll il-ġestjoni ta’ żewġ infrastrutturi eżistenti: i. il-bażi tad-data tal-AML/CFT, attwalment ġestita mill-Awtorità Bankarja Ewropea 25 u ii. in-network ta’ komunikazzjoni sigura għall-UIF, FIU.net. 26 Dawn iż-żewġ infrastrutturi diġà huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. L-inċidenza globali tagħhom fuq il-baġit tal-UE għalhekk jenħtieġ li tinbidel biss sal-punt li jiġu żviluppati funzjonalitajiet addizzjonali u titjib ieħor.

In-nefqa annwali totali tal-Awtorità meta tkun kompletament operazzjonali ġiet ikkalkulata bħala EUR 45,6 miljun, li madwar tliet kwarti minnhom huma mistennija li jiġu ffinanzjati minn tariffi mill-entitajiet marbutin b’obbligu. L-Awtorità se tiġi stabbilita fil-bidu tal-2023, is-superviżjoni diretta se tibda kmieni fl-2026, u l-Awtorità għalhekk se tilħaq ir-riżorsi sħaħ fi tmiem l-2025; l-2026 se tkun l-ewwel sena li fiha l-Awtorità jkollha riżorsi sħaħ għal sena kalendarja sħiħa.

L-impatti finanzjarji u baġitarji ta’ din il-proposta huma spjegati fid-dettall fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva annessa ma’ din il-proposta.

5.ELEMENTI OĦRA

   Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-Awtorità se tkun aġenzija deċentralizzata maħluqa ġdida tal-Unjoni, iffinanzjata parzjalment mill-baġit tal-UE u parzjalment mit-tariffi imposti mill-entitajiet marbutin b’obbligu li se jiġu ssupervizzati direttament jew indirettament mill-Awtorità. Il-metodoloġija għall-għażla tal-entitajiet soġġetti għal tariffi, u għad-determinazzjoni tat-tariffi nfushom, se tiġi stabbilita f’Att Delegat tal-Kummissjoni.

Ir-riżorsi umani u baġitarji meħtieġa tal-Awtorità huma determinati mill-kompiti tagħha. Apparti mill-kompiti ċentrali ta’ amministrazzjoni u ġestjoni, dawn jaqgħu fi tliet kategoriji ewlenin:

is-superviżjoni diretta ta’ ċerti entitajiet marbutin b’obbligu magħżula tas-settur finanzjarju;

is-superviżjoni indiretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu kemm tas-settur finanzjarju kif ukoll tas-settur mhux finanzjarju permezz tas-sorveljanza tas-superviżuri jew tal-korpi awtoregolatorji; u

Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni u Appoġġ għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE.

Bil-persunal fil-livell operazzjonali sħiħ, huwa previst li l-livell ta’ persunal tal-Awtorità, il-kategoriji kollha ta’ persunal flimkien, se jkun ta’ 250.

L-Awtorità se tieħu f’idejha wkoll il-ġestjoni ta’ żewġ infrastrutturi eżistenti: i. il-bażi tad-data tal-AML/CFT, attwalment ġestita mill-Awtorità Bankarja Ewropea 27 u ii. in-network ta’ komunikazzjoni sigur għall-UIF, FIU.net. 28 Dawn iż-żewġ infrastrutturi diġà huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE. L-inċidenza kumplessiva tagħhom fuq il-baġit tal-UE għalhekk jenħtieġ li tinbidel biss sal-punt li jiġu żviluppati funzjonalitajiet addizzjonali u titjib ieħor.

In-nefqa annwali totali tal-Awtorità meta tkun kompletament operazzjonali ġiet ikkalkulata bħala EUR 45,6 miljun, li madwar tliet kwarti minnhom huma mistennija li jiġu ffinanzjati minn tariffi mill-entitajiet marbutin b’obbligu. L-Awtorità se tiġi stabbilita fil-bidu tal-2023, is-superviżjoni diretta se tibda kmieni fl-2026, u l-Awtorità għalhekk se tilħaq ir-riżorsi sħaħ fi tmiem l-2025; l-2026 se tkun l-ewwel sena li fiha l-Awtorità jkollha riżorsi sħaħ għal sena kalendarja sħiħa.

L-impatti finanzjarji u baġitarji ta’ din il-proposta huma spjegati fid-dettall fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva annessa ma’ din il-proposta.

   Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Awtorità se tkun korp b’personalità ġuridika, fil-forma ta’ aġenzija deċentralizzata tal-UE. Hija se taġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-AML/CFT, inkluż Regolament ġdid dwar l-AML/CFT li l-Kummissjoni qed tipproponi flimkien ma’ din il-proposta, emendi għad-Direttiva (UE) 2015/849 eżistenti u emendi għar-Regolament (UE) 2015/847. L-objettiv tagħha huwa l-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fl-Unjoni, billi tikkontribwixxi għal superviżjoni msaħħa u kooperazzjoni mtejba bejn l-UIF u l-awtoritajiet superviżorji. Id-deċiżjoni dwar is-sede tal-Awtorità jenħtieġ li tittieħed f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Approċċ Komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-UE u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati 29 .

   Kompiti u setgħat tal-Awtorità (l-Artikolu 5 sal-Artikolu 44) 

Il-kompiti tal-Awtorità jistgħu jinqasmu f’ħames oqsma:

i.Fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula, l-Awtorità għandha tiżgura l-konformità tal-grupp kollu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-AMLD/R u kwalunkwe att ieħor legalment vinkolanti tal-Unjoni li jimponi obbligi relatati mal-AML/CFT fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji. Hija għandha twettaq rieżamijiet u valutazzjonijiet superviżorji fuq bażi ta’ entità individwali u tal-grupp kollu, tipparteċipa fis-superviżjoni tal-grupp kollu, u tiżviluppa u żżomm aġġornata sistema biex tivvaluta r-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula.

ii.Fir-rigward tas-superviżuri finanzjarji, l-Awtorità għandha twettaq rieżamijiet perjodiċi biex tiżgura li s-superviżuri finanzjarji kollha jkollhom riżorsi u setgħat adegwati meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Hija għandha tiffaċilita l-funzjonament tal-kulleġġi u tikkontribwixxi għall-konverġenza tal-prattiki superviżorji u l-promozzjoni ta’ standards superviżorji għoljin. Hija għandha tikkoordina l-iskambji ta’ persunal u tal-informazzjoni fost is-superviżuri finanzjarji fl-Unjoni u tipprovdi assistenza lis-superviżuri.

iii.Fir-rigward tas-superviżuri mhux finanzjarji, inklużi l-Korpi Awtoregolatorji fejn ikun xieraq, l-Awtorità għandha tikkoordina l-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-istandards u l-prattiki superviżorji u titlob lis-superviżuri mhux finanzjarji jinvestigaw ksur possibbli tar-rekwiżiti applikabbli għall-entitajiet marbutin b’obbligu u jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet jew azzjonijiet ta’ rimedju fir-rigward ta’ tali ksur. Hija għandha twettaq rieżamijiet perjodiċi u tipprovdi assistenza lis-superviżuri. Fejn is-superviżjoni ta’ setturi speċifiċi tiġi ddelegata fil-livell nazzjonali lil korpi awtoregolatorji, l-Awtorità għandha teżerċita l-kompiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-korpi pubbliċi li jissorveljaw l-attività ta’ tali korpi awtoregolatorji.

iv.Fir-rigward tal-UIF fl-Istati Membri, l-Awtorità għandu jkollha rwol sinifikanti fit-twettiq ta’ analiżijiet konġunti mill-UIF, jiġifieri fl-identifikazzjoni ta’ każijiet rilevanti u fl-iżvilupp ta’ metodi xierqa għall-analiżijiet konġunti ta’ każijiet transfruntiera. Barra minn hekk, hija għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-UIF servizzi u għodod tal-IT u tal-intelliġenza artifiċjali għall-kondiviżjoni sigura tal-informazzjoni, anki permezz tal-hosting tal-FIU.net. Hija għandha tippromwovi għarfien espert dwar il-metodi ta’ detezzjoni, analiżi u disseminazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, tipprovdi taħriġ u assistenza speċjalizzati lill-UIF u tħejji u tikkoordina valutazzjonijiet tat-theddid.

v.Is-setgħat ġenerali tal-Awtorità li jirrigwardaw il-kompiti kollha msemmija hawn fuq se jinkludu s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji u standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fejn dan ikun previst fil-leġiżlazzjoni applikabbli dwar l-AML/CFT, u setgħa wiesgħa li tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-entitajiet marbutin b’obbligu, lis-superviżuri tal-AML/CFT jew lill-UIF. Fil-kuntest ta’ superviżjoni diretta, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti, miżuri amministrattivi, u sanzjonijiet pekunarji fil-konfront ta’ entitajiet marbutin b’obbligu taħt superviżjoni diretta. Fil-kuntest ta’ superviżjoni indiretta, fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji finanzjarji u mhux finanzjarji, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat, fost l-oħrajn, li toħroġ talbiet għal azzjoni u struzzjonijiet relatati mal-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji proprji tagħhom.

   Superviżjoni diretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula tas-settur finanzjarju (l-Artikoli 12 sa 27)

L-Awtorità se tkun is-superviżur ta’ għadd limitat tal-entitajiet marbutin b’obbligu tas-settur finanzjarju transfruntier l-aktar riskjużi (“entitajiet marbutin b’obbligu magħżula”). Barra minn hekk, hemm proċedura biex hija tieħu f’idejha s-superviżjoni ta’ kwalunkwe entità marbuta b’obbligu tas-settur finanzjarju mingħand awtorità superviżorja nazzjonali f’ċirkostanzi ta’ emerġenza jekk ikun hemm indikazzjonijiet ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-AML/CFT li ma jkunx qed jiġi ttrattat b’mod effiċjenti u adegwat minn awtorità superviżorja. Għażla perjodika ta’ entitajiet għal superviżjoni diretta se sseħħ kull tliet snin, abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Għall-għażla, l-entitajiet irid ikollhom attivitajiet f’għadd minimu ta’ Stati Membri, u f’mill-anqas ċertu numru minn dawn l-Istati Membri, huma jridu jiġu kklassifikati fl-ogħla kategorija ta’ riskju mill-awtorità superviżorja, abbażi ta’ metodoloġija armonizzata ta’ valutazzjoni tar-riskju.

L-Awtorità tista’ tieħu f’idejha s-superviżjoni ta’ entità marbuta b’obbligu tas-settur finanzjarju individwali meta jkun hemm problemi relatati mal-konformità mar-rekwiżiti applikabbli fil-livell tal-entità, u l-awtorità superviżorja rilevanti ma tkunx ħadet miżuri adegwati f'waqthom biex tindirizza n-nuqqas ta’ konformità. It-teħid tal-kontroll jista’ jseħħ biss wara proċedura li tintemm b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonferma t-teħid tal-kontroll. Qabel dan, l-Awtorità tkun talbet lill-awtorità superviżorja biex tieħu azzjoni speċifika biex tirrimedja n-nuqqasijiet identifikati fil-livell tal-entità marbuta b’obbligu, l-awtorità nazzjonali tkun naqset milli tieħu tali azzjoni f’perjodu ta’ żmien ipprovdut, u l-Awtorità tkun ressqet il-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni, fejn titlob deċiżjoni li tittrasferixxi l-kompetenza superviżorja. Is-superviżjoni ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula taħt superviżjoni diretta se titwettaq minn Timijiet Superviżorji Konġunti mmexxija mill-Awtorità iżda li jinkludu persunal tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Iż-żjarat fuq il-post se jkunu parti mis-superviżjoni. L-Awtorità se jkollha s-setgħa li tindirizza deċiżjonijiet vinkolanti lil tali entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u li timponi sanzjonijiet amministrattivi fuq entitajiet ġuridiċi sa massimu ta’ 10 % tal-fatturat jew EUR 10 miljun, skont liema jkun l-ogħla.

   Superviżjoni indiretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula (l-Artikoli 25 sa 27) u    entitajiet marbutin b’obbligu mhux finanzjarji (l-Artikoli 28 sa 29)

Ir-rwol superviżorju indirett tal-Awtorità se jkun wieħed ta’ koordinazzjoni u sorveljanza tas-superviżuri nazzjonali tal-AML/CFT, inklużi l-korpi awtoregolatorji (SRBs) f’ċerti Stati Membri għal ċerti Entitajiet Marbutin b’Obbligu mhux finanzjarji. L-evalwazzjonijiet bejn il-pari u r-rieżamijiet tematiċi se jkunu għodod importanti biex jiġu identifikati prattiki tajbin u anqas tajbin u jiġu żgurati standards superviżorji għoljin madwar l-Unjoni. L-Awtorità se jkollha s-setgħa li tindirizza linji gwida, opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet lis-superviżuri nazzjonali u lill-SRBs.

   Mekkaniżmu ta’ Koordinazzjoni u Appoġġ għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (l-Artikoli 33-37)

L-Awtorità se jkollha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ Standards Tekniċi ta’ Implimentazzjoni, formoli u mudelli vinkolanti għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi u attività suspettuża minn entitajiet marbutin b’obbligu lill-UIF, u b’hekk tiffaċilita kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni aktar rapidi u aktar effiċjenti bejn l-UIF. Se tippromwovi u tipparteċipa fl-organizzazzjoni ta’ analiżijiet konġunti ta’ ċerti tranżazzjonijiet u attivitajiet suspettużi transfruntiera. Se twettaq rieżamijiet tal-kondotta, il-metodi u l-proċeduri għat-twettiq ta’ tali analiżijiet konġunti bl-objettiv li ttejjeb l-effettività tagħhom b’mod kostanti. Fl-aħħar nett, hija se tospita u timmaniġġja l-FIU.net, network ta’ komunikazzjoni sigur bejn l-UIF.

   Organizzazzjoni u governanza tal-Awtorità (l-Artikoli 45 sa 63)

L-Awtorità se tkun magħmula minn żewġ korpi ta’ governanza kolleġġjali, jiġifieri Bord Eżekuttiv ta’ ħames membri indipendenti full-time u l-President tal-Awtorità u minn Bord Ġenerali magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Sabiex jiġu ttrattati d-diversi kompiti mogħtija lill-Awtorità, il-Bord Ġenerali se jkollu żewġ kompożizzjonijiet alternattivi – kompożizzjoni superviżorja bil-kapijiet tal-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għas-superviżjoni tal-AML, u kompożizzjoni tal-UIF, bil-kapijiet tal-UIF fl-Istati Membri. Iż-żewġ kompożizzjonijiet tal-Bord Ġenerali għandhom ikunu ppreseduti mill-President tal-Awtorità.

Il-Bord Ġenerali, fil-kompożizzjoni xierqa skont is-suġġett, se jadotta l-istrumenti regolatorji kollha, ifassal Standards ta’ Implimentazzjoni Regolatorji u Tekniċi, Linji Gwida u Rakkomandazzjonijiet. Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jista’ jipprovdi wkoll l-opinjoni tiegħu dwar kwalunkwe deċiżjoni fil-konfront ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula taħt superviżjoni diretta mħejjija mit-tim Superviżorju Konġunt qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali mill-Bord Eżekuttiv.

Il-Bord Eżekuttiv se jkun il-korp ta’ governanza tal-Awtorità. Huwa se jieħu d-deċiżjonijiet kollha fil-konfront ta’ entitajiet marbutin b’obbligu individwali jew awtoritajiet superviżorji individwali meta l-Awtorità tkun qiegħda taġixxi bħala superviżur dirett ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula jew bħala superviżur indirett ta’ entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula jew entitajiet marbutin b’obbligu mhux finanzjarji, b’setgħat ta’ sorveljanza speċifiċi fil-konfront tal-awtoritajiet superviżorji tagħhom. Il-Bord Eżekuttiv se jieħu wkoll id-deċiżjonijiet dwar l-abbozz tal-baġit u kwistjonijiet oħra relatati mal-amministrazzjoni, l-operazzjonijiet u l-funzjonament tal-Awtorità. Fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet partikolari, rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt tal-vot.

L-Awtorità se jkollha President u Direttur Eżekuttiv. Il-President għandu jirrappreżenta lill-Awtorità u għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Bord Ġenerali u tal-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv se jkun inkarigat mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-Awtorità u se jkun amministrattivament responsabbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit, ir-riżorsi, il-persunal u l-akkwist fl-Awtorità. Il-President tal-Awtorità u d-Direttur Eżekuttiv se jintgħażlu skont il-proċeduri tal-għażla individwali tagħhom.

Se jkun hemm Bord Amministrattiv ta’ Rieżami biex jittratta l-appelli kontra deċiżjonijiet vinkolanti tal-Awtorità indirizzati lill-entitajiet marbutin b’obbligu taħt is-superviżjoni diretta tagħha; id-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami se jkunu appellabbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami se jkun magħmul minn individwi ta’ reputazzjoni għolja li se jkollhom il-kompitu li jisimgħu l-appelli amministrattivi tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula fir-rigward tad-deċiżjonijiet vinkolanti indirizzati lilhom mill-Awtorità. Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jista’ jipproponi li jibdel jew jissostitwixxi d-deċiżjoni oriġinali mill-Bord Eżekuttiv li tkun soġġetta għal appell amministrattiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, iżda ma għandux ikun marbut biha.

   Dispożizzjonijiet finanzjarji (l-Artikoli 64 sa 72)

L-Awtorità se tfassal baġit annwali, li jrid ikun ibbilanċjat, għall-adozzjoni mill-Awtorità Baġitarja. Se tadotta Regolament Finanzjarju intern u miżuri kontra l-frodi. Il-Qorti tal-Awdituri se tikkummenta dwar l-abbozz tal-baġit u se tkun kompetenti biex tawditja lill-Awtorità. Il-Parlament Ewropew se jagħti l-kwittanza baġitarja, bħal fil-każ ta’ aġenziji deċentralizzati oħra.

Id-dħul tal-Awtorità se jiġi kemm mill-baġit tal-UE kif ukoll mit-tariffi imposti fuq ċerti entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u mhux magħżula tas-settur finanzjarju. It-tariffi imposti minn entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u mhux magħżula se jikkorrispondu għall-kostijiet imġarrba mill-Awtorità għas-superviżjoni diretta u indiretta tal-entitajiet marbutin b’obbligu tas-settur finanzjarju. Att delegat tal-Kummissjoni se jispeċifika s-subsett ta’ entitajiet marbutin b’obbligu soġġetti għal tariffi u se jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu tat-tariffi għal kull entità marbuta b’obbligu.

   Ir-Regolament tal-persunal (l-Artikoli 73 sa 76) u l-kooperazzjoni (l-Artikoli 77 sa 81) 

L-Awtorità se tapplika r-Regolamenti tal-Persunal (SR) u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra (CEOS), inkluż dwar is-segretezza professjonali u l-privileġġi u l-immunitajiet. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-aċċess għad-dokumenti se jistabbilixxu obbligu ta’ ħidma mill-qrib mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u mal-Bord.

L-Awtorità hija meħtieġa li tikkoopera in bona fede mal-korpi esterni rilevanti, inklużi l-korpi tal-UE (il-Europol, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew), awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti oħra, bħall-awtoritajiet prudenzjali, ta’ riżoluzzjoni u tal-SGD, u ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kif ikun xieraq.

   Dispożizzjonijiet finali (l-Artikoli 82 sa 93) 

Il-kompetenzi tal-Awtorità Bankarja Ewropea fil-qasam tal-AML/CFT jitneħħew u jiġu ttrasferiti lill-Awtorità.

L-Awtorità se tiġi stabbilita fil-bidu tal-2023 u l-attività ta’ superviżjoni diretta se tibda fil-bidu tal-2026. Se ssir evalwazzjoni sa Diċembru 2029.

2021/0240 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) 1094/2010, (UE) 1095/2010

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 30 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data 31 ,

Filwaqt li aġixxew f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-esperjenza bil-qafas kurrenti tal-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CTF), li jiddependi ħafna fuq l-implimentazzjoni nazzjonali ta’ miżuri dwar l-AML/CFT, żvelat dgħufijiet mhux biss fir-rigward tal-funzjonament effiċjenti tal-qafas tal-AML/CFT tal-Unjoni iżda wkoll fir-rigward tal-integrazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet internazzjonali. Dawk id-dgħufijiet iwasslu għall-ħolqien ta’ ostakoli ġodda għall-funzjonament xieraq tas-suq intern kemm minħabba r-riskji fi ħdan is-suq intern kif ukoll minħabba t-theddid estern li qed jiffaċċja s-suq intern.

(2)In-natura transfruntiera tal-kriminalità u tar-rikavat kriminali tipperikola l-isforzi tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawk l-isforzi jridu jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni permezz tal-ħolqien ta’ Awtorità responsabbli biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ regoli armonizzati. Barra minn hekk, l-Awtorità jenħtieġ li ssegwi approċċ armonizzat biex issaħħaħ il-qafas preventiv eżistenti tal-Unjoni għall-AML/CFT, u speċifikament is-superviżjoni u l-kooperazzjoni dwar l-AML bejn l-UIF. Dak l-approċċ jenħtieġ li jnaqqas id-diverġenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fil-prattiki superviżorji u jintroduċi strutturi li jkunu ta’ benefiċċju għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern b’mod determinat u, konsegwentement, jenħtieġ li jkun bbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE.

(3)Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita Awtorità Ewropea għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (“l-Awtorità”). Il-ħolqien ta’ din l-Awtorità l-ġdida huwa kruċjali biex tiġi żgurata superviżjoni effiċjenti u adegwata tal-entitajiet marbutin b’obbligu li għandhom riskju inerenti għoli ta’ Ħasil tal-Flus/Finanzjament tat-Terroriżmu (ML/TF), jissaħħu l-approċċi superviżorji komuni għall-entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula u jiġu faċilitati l-analiżijiet konġunti u l-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet ta’ Investigazzjoni Finanzjarja (UIF).

(4)Dan l-istrument il-ġdid huwa parti minn pakkett komprensiv li għandu l-għan li jsaħħaħ il-qafas tal-Unjoni fil-qasam tal-AML/CFT. Flimkien, dan l-istrument, id-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għas-sitt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus], ir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847] u r-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus] se jifformaw il-qafas legali li jirregola r-rekwiżiti tal-AML/CFT li għandhom jiġu ssodisfati mill-entitajiet marbutin b’obbligu u li jirfdu l-qafas istituzzjonali tal-AML/CFT tal-Unjoni.

(5)Sabiex is-superviżjoni tal-AML/CFT tinġieb f’livell effiċjenti u uniformi madwar l-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Awtorità tingħata s-setgħat li ġejjin: is-superviżjoni diretta ta’ ċertu għadd ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula tas-settur finanzjarju; il-monitoraġġ, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskji ta’ ML/TF li jaffettwaw is-suq intern; il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tas-superviżuri tal-AML/CFT tas-settur finanzjarju; il-koordinazzjoni u s-sorveljanza tas-superviżuri tal-AML/CFT tas-settur mhux finanzjarju, inklużi l-korpi awtoregolatorji u l-koordinazzjoni u l-appoġġ tal-UIF.

(6)Il-kombinazzjoni ta’ kompetenzi superviżorji kemm diretti kif ukoll indiretti fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu, kif ukoll il-funzjonament bħala mekkaniżmu ta’ appoġġ u kooperazzjoni għall-UIF, huma l-aktar mezz xieraq biex tinkiseb superviżjoni u kooperazzjoni bejn l-UIF fil-livell tal-Unjoni. Dan jenħtieġ li jinkiseb billi tinħoloq Awtorità li jenħtieġ li tgħaqqad l-indipendenza u livell għoli ta’ għarfien espert tekniku u li jenħtieġ li tiġi stabbilita f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Approċċ Komuni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati 32 .

(7)Jenħtieġ li jiġi stabbilit ftehim dwar is-sede bejn l-Awtorità u l-Istat Membru ospitanti, li jistipula l-kundizzjonijiet tal-istabbiliment tas-sede u l-vantaġġi mogħtija mill-Istat Membru lill-Awtorità u lill-persunal tagħha.

(8)Is-setgħat tal-Awtorità jenħtieġ li jippermettulha li ttejjeb is-superviżjoni tal-AML/CFT fl-Unjoni b’diversi modi. Fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula, l-Awtorità jenħtieġ li tiżgura l-konformità tal-grupp kollu mar-rekwiżiti stabbiliti fil-qafas tal-AML/CFT u kwalunkwe att ieħor legalment vinkolanti tal-Unjoni li jimponi obbligi relatati mal-AML/CFT fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, l-Awtorità jenħtieġ li twettaq rieżamijiet perjodiċi biex tiżgura li s-superviżuri finanzjarji kollha jkollhom riżorsi u setgħat adegwati meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Jenħtieġ li tiffaċilita l-funzjonament tal-kulleġġi superviżorji tal-AML u tikkontribwixxi għall-konverġenza tal-prattiki superviżorji u għall-promozzjoni ta’ standards superviżorji għoljin. Fir-rigward tas-superviżuri mhux finanzjarji, inklużi l-korpi awtoregolatorji fejn ikun xieraq, l-Awtorità jenħtieġ li tikkoordina l-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-istandards u l-prattiki superviżorji u titlob lis-superviżuri mhux finanzjarji jinvestigaw ksur possibbli tar-rekwiżiti tal-AML/CFT. Barra minn hekk, l-Awtorità jenħtieġ li tikkoordina t-twettiq ta’ analiżijiet konġunti mill-UIF u tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-UIF servizzi u għodod tal-IT u tal-intelliġenza artifiċjali għall-kondiviżjoni sigura tal-informazzjoni, anki permezz tal-hosting tal-FIU.net.

(9)Bl-objettiv li jissaħħu r-regoli tal-AML/CFT fil-livell tal-Unjoni u li tittejjeb iċ-ċarezza tagħhom filwaqt li tiġi żgurata l-konsistenza mal-istandards internazzjonali u leġiżlazzjoni oħra, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Awtorità fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tat-tipi kollha ta’ entitajiet marbutin b’obbligu biex tassisti lis-superviżuri nazzjonali u tippromwovi l-konverġenza superviżorja, sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-AML/CFT, anke fis-settur mhux finanzjarju. Konsegwentement, l-Awtorità jenħtieġ li tingħata l-mandat biex tħejji standards tekniċi regolatorji, biex tadotta linji gwida, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet bil-għan li fejn is-superviżjoni tibqa’ fil-livell nazzjonali, l-istess prattiki u standards superviżorji japplikaw fil-prinċipju għall-entitajiet komparabbli kollha. L-Awtorità jenħtieġ li tiġi fdata, minħabba l-għarfien espert speċjalizzat ħafna tagħha, bl-iżvilupp ta’ metodoloġija superviżorja, f’konformità ma’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Ċerti aspetti tal-metodoloġija, li jistgħu jinkorporaw parametri referenzjarji kwantitattivi armonizzati, bħal approċċi għall-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti tal-entitajiet marbutin b’obbligu jenħtieġ li jiġu dettaljati f’miżuri regolatorji vinkolanti applikabbli direttament – standards tekniċi regolatorji jew ta’ implimentazzjoni. Aspetti oħra, li jirrikjedu diskrezzjoni superviżorja aktar wiesgħa, bħall-approċċi għall-valutazzjoni tal-profil tar-riskju residwu u l-kontrolli interni fl-entitajiet marbutin b’obbligu jenħtieġ li jkunu koperti minn linji gwida, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet mhux vinkolanti tal-Awtorità. Il-metodoloġija superviżorja armonizzata jenħtieġ li tqis, u fejn ikun xieraq, tingrana l-metodoloġiji superviżorji eżistenti relatati ma’ aspetti oħra tas-superviżjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu tas-settur finanzjarju, speċjalment fejn ikun hemm interazzjoni bejn is-superviżjoni tal-AML/CFT u s-superviżjoni prudenzjali. B’mod speċifiku, il-metodoloġija superviżorja li għandha tiġi żviluppata mill-Awtorità jenħtieġ li tkun komplementari għal-linji gwida u strumenti oħra żviluppati mill-Awtorità Bankarja Ewropea li jagħtu dettalji dwar l-approċċi tal-awtoritajiet superviżorji prudenzjali fir-rigward tal-inklużjoni tar-riskji tal-ML/TF fis-superviżjoni prudenzjali, sabiex tiġi żgurata interazzjoni effettiva bejn is-superviżjoni prudenzjali u s-superviżjoni tal-AML/CFT.

(10)L-Awtorità jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tiżviluppa standards tekniċi regolatorji sabiex titlesta l-ġabra ta’ regoli armonizzata stabbilita fil-[jekk jogħġbok daħħal ir-referenzi – il-proposta għas-sitt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, ir-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-proposta għal tfassil mill-ġdid tar-Regolament (UE) 2015/847]. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tapprova l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE sabiex tagħtihom effett legali vinkolanti. Dawn jenħtieġ li jkunu soġġetti għal emenda biss f’ċirkostanzi ristretti ħafna u straordinarji, billi l-Awtorità hija l-attur f’kuntatt mill-qrib ma’, u li taf bl-aħjar mod il-qafas tal-AML/CFT. Biex jiġi żgurat proċess ta’ adozzjoni bla xkiel u rapidu għal dawk l-istandards, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji jenħtieġ li tkun soġġetta għal limitu ta’ żmien.

(11)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata wkoll is-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 291 TFUE.

(12)Billi ma hemm l-ebda arranġament effettiv b’mod suffiċjenti biex jiġu ttrattati inċidenti tal-AML/CFT li jinvolvu aspetti transfruntiera, huwa neċessarju li tiġi stabbilita sistema superviżorja integrata tal-AML/CFT fil-livell tal-Unjoni li tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ kwalità għolja tal-metodoloġija superviżorja tal-AML/CFT u tippromwovi kooperazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-AML/CFT (“l-awtoritajiet superviżorji”) jenħtieġ li jikkostitwixxu sistema superviżorja tal-AML/CFT. Dan ikun ta’ benefiċċju wkoll għall-awtoritajiet superviżorji meta jiffaċċjaw sfidi speċifiċi, pereżempju fir-rigward ta’ riskju msaħħaħ tal-AML/CFT jew minħabba nuqqas ta’ riżorsi, billi f'dik is-sistema jenħtieġ li l-assistenza reċiproka tkun possibbli fuq talba. Dan jista’ jinvolvi l-iskambju u l-issekondar ta’ persunal, attivitajiet ta’ taħriġ u skambji tal-aħjar prattiki. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tippromwovi riformi mmirati lejn it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. 33

(13)Meta jitqies ir-rwol importanti tar-rieżamijiet tematiċi fis-superviżjoni tal-AML/CFT fl-Unjoni billi dawn jippermettu li jiġi identifikat u mqabbel il-livell ta’ esponiment għar-riskji u x-xejriet fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu taħt superviżjoni, u li bħalissa s-superviżuri fi Stati Membri differenti ma jibbenefikawx minn dawn ir-rieżamijiet, huwa neċessarju li l-Awtorità tidentifika rieżamijiet tematiċi nazzjonali li jkollhom ambitu u perjodu ta’ żmien simili u tiżgura l-koordinazzjoni tagħhom fil-livell tal-Unjoni. Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ komunikazzjonijiet possibbilment konfliġġenti mal-entitajiet taħt superviżjoni, ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Awtorità jenħtieġ li jkun limitat għall-interazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji rilevanti, u jenħtieġ li ma jinkludi l-ebda interazzjoni diretta ma’ entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula. Għall-istess raġuni, l-Awtorità jenħtieġ li tesplora l-possibbiltà li tallinja jew tissinkronizza l-perjodu ta’ żmien tar-rieżamijiet tematiċi nazzjonali u tiffaċilita kwalunkwe attività li l-awtoritajiet superviżorji rilevanti jistgħu jkunu jixtiequ jwettqu b’mod konġunt jew simili.

(14)L-użu effiċjenti tad-data jwassal għal monitoraġġ u konformità aħjar tad-ditti. Għalhekk, kemm is-superviżjoni diretta kif ukoll dik indiretta mill-Awtorità u mill-awtoritajiet superviżorji, tal-entitajiet kollha marbutin b’obbligu fis-sistema, jenħtieġ li jibbażaw fuq aċċess espedjenti għad-data u l-informazzjoni rilevanti dwar l-entitajiet marbutin b’obbligu nfushom u l-azzjonijiet u l-miżuri superviżorji meħuda fil-konfront tagħhom. Għal dak il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tistabbilixxi bażi tad-data ċentrali dwar l-AML/CFT bl-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet superviżorji kollha, u jenħtieġ li tagħmel din l-informazzjoni disponibbli b’mod selettiv għal kwalunkwe awtorità superviżorja fis-sistema. Din id-data jenħtieġ li tkopri wkoll l-irtirar tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, il-valutazzjonijiet xierqa tal-azzjonisti u tal-membri ta’ entitajiet marbutin b’obbligu individwali billi dan jippermetti lill-awtoritajiet rilevanti jikkunsidraw b’mod xieraq in-nuqqasijiet possibbli ta’ entitajiet u individwi speċifiċi li setgħu seħħew fi Stati Membri oħra. Il-bażi tad-data jenħtieġ li tinkludi wkoll informazzjoni statistika dwar awtoritajiet superviżorji u awtoritajiet pubbliċi oħra involuti fis-superviżjoni tal-AML/CFT. Tali informazzjoni tippermetti sorveljanza effettiva mill-Awtorità tal-funzjonament xieraq u l-effettività tas-sistema superviżorja tal-AML/CFT. L-informazzjoni mill-bażi tad-data tippermetti lill-Awtorità tirreaġixxi fil-ħin għal dgħufijiet potenzjali u każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità minn entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula. Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 34 , l-Awtorità se tirrapporta mingħajr dewmien żejjed lill-UPPE kwalunkwe mġiba kriminali li fir-rigward tagħha jista’ jeżerċita l-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 22 u l-Artikolu 25(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament. Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament 883/2013 35 , l-Awtorità se tittrażmetti lill-OLAF mingħajr dewmien kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ każijiet possibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(15)Bl-objettiv li tiġi żgurata protezzjoni aktar effettiva u anqas frammentata tal-qafas finanzjarju tal-Unjoni, għadd limitat tal-entitajiet marbutin b’obbligu l-aktar riskjużi jenħtieġ li jkunu taħt superviżjoni diretta mill-Awtorità. Billi r-riskji tal-ML/TF ma humiex proporzjonali għad-daqs tal-entitajiet taħt superviżjoni, jenħtieġ li jiġu applikati kriterji oħra biex jiġu identifikati l-entitajiet l-aktar riskjużi. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati żewġ kategoriji: l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji transfruntiera ta’ riskju għoli b’attività f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri, magħżula perjodikament; u, f’każijiet eċċezzjonali, kwalunkwe entità li l-ksur materjali tar-rekwiżiti applikabbli tagħha ma jkunx indirizzat b’mod suffiċjenti jew f’waqtu mis-superviżur nazzjonali tagħha. Dawk l-entitajiet jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “entitajiet marbutin b’obbligu magħżula”.

(16)L-ewwel kategorija ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, jew gruppi ta’ tali istituzzjonijiet jenħtieġ li jiġu vvalutati kull tliet snin, abbażi ta’ kombinazzjoni ta’ kriterji oġġettivi relatati mal-preżenza u l-attività transfruntiera tagħhom, u kriterji relatati mal-profil tar-riskju inerenti tagħhom ta’ ML/FT. Fil-proċess tal-għażla jenħtieġ li jiġu inklużi biss gruppi finanzjarji kumplessi kbar preżenti f’għadd ta’ Stati Membri li jistgħu jiġu supervizzati b’mod aktar effiċjenti fil-livell tal-Unjoni. Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-preżenza transfruntiera minima għall-inklużjoni fil-proċess tal-għażla jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-għadd ta’ sussidjarji u fergħat fi Stati Membri differenti, minħabba li l-attivitajiet bankarji riskjużi ta’ volum sinifikanti jeħtieġu preżenza lokali f’forma ta’ stabbiliment. Entitajiet oħra tas-settur finanzjarju jistgħu, b’kuntrast, iwettqu attivitajiet li jistgħu jkunu suffiċjentement riskjużi minn perspettiva ta’ ML/TF permezz tal-provvista diretta ta’ servizzi, pereżempju permezz ta’ network ta’ aġenti, iżda jistgħu ma jkunux stabbilew sussidjarji jew fergħat f’għadd kbir ta’ Stati Membri. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-istess kriterji transfruntiera, jiġifieri dik relatata mad-dritt ta’ stabbiliment, tirriżulta fl-eżami ta’ entitajiet kbar tas-settur finanzjarju li jista’ jkollhom profil ta’ riskju sinifikanti f’għadd ta’ Stati Membri, mingħajr ma jkunu stabbiliti hemmhekk. Billi l-volum tal-attivitajiet permezz tal-forniment dirett ta’ servizzi huwa ġeneralment iżgħar mill-volum tal-attivitajiet imwettqa f’fergħa jew f’sussidjarja, huwa xieraq li jiġu kkunsidrati biss il-gruppi li jkunu stabbiliti f’mill-anqas żewġ Stati Membri, iżda li jipprovdu servizzi direttament jew permezz ta’ network ta’ aġenti f’mill-anqas tmien Stati Membri oħra.

(17)Sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet marbutin b’obbligu l-aktar riskjużi biss fost dawk b’operazzjonijiet transfruntiera sinifikanti jiġu supervizzati direttament fil-livell tal-Unjoni, il-valutazzjoni tar-riskju inerenti tagħhom jenħtieġ li tiġi armonizzata. Bħalissa, hemm diversi approċċi nazzjonali u l-awtoritajiet superviżorji jużaw parametri referenzjarji distinti għall-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni tar-riskju inerenti ta’ ML/TF tal-entitajiet marbutin b’obbligu. L-użu ta’ dawn il-metodoloġiji nazzjonali għall-għażla tal-entitajiet għal superviżjoni diretta fil-livell tal-Unjoni jista’ jwassal għal kundizzjonijiet differenti bejniethom. Għalhekk, l-Awtorità jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tiżviluppa standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu metodoloġija u parametri referenzjarji armonizzati għall-klassifikazzjoni tar-riskju inerenti ta’ ML/TF bħala baxx, medju, sostanzjali, jew għoli. Il-metodoloġija jenħtieġ li tkun adattata għal tipi partikolari ta’ riskji u għalhekk jenħtieġ li ssegwi kategoriji differenti ta’ entitajiet marbutin b’obbligu li huma istituzzjonijiet finanzjarji f’konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għal COM(2021)420]. Dik il-metodoloġija jenħtieġ li tkun dettaljata b’mod suffiċjenti u jenħtieġ li tistabbilixxi parametri referenzjarji kwantitattivi u kwalitattivi speċifiċi li jqisu tal-anqas il-fatturi ta’ riskju relatati mat-tipi ta’ klijenti moqdija, il-prodotti u s-servizzi offruti, u ż-żoni ġeografiċi, inklużi l-ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li l-entitajiet marbutin b’obbligu joperaw fihom jew ikunu relatati magħhom. B’mod speċifiku, kull entità marbuta b’obbligu vvalutata jkollha l-profil tar-riskju inerenti tagħha kklassifikat f’kull Stat Membru fejn topera b’mod konsistenti mal-klassifikazzjoni ta’ kwalunkwe entità marbuta b’obbligu oħra fl-Unjoni. Il-parametri referenzjarji kwantitattivi u kwalitattivi jippermettu li tali klassifikazzjoni tkun oġġettiva u ma tiddependix fuq id-diskrezzjoni ta’ awtorità superviżorja partikolari fi Stat Membru, jew fuq id-diskrezzjoni tal-Awtorità.

(18)Il-kriterju finali tal-għażla jenħtieġ li jiġġustifika kundizzjonijiet ekwi fost l-entitajiet marbutin b’obbligu taħt superviżjoni diretta, u għal dak il-għan, jenħtieġ li ma titħalla l-ebda diskrezzjoni f’idejn l-Awtorità jew l-awtoritajiet superviżorji fid-deċiżjoni dwar il-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal superviżjoni diretta. Għalhekk, meta entità marbuta b’obbligu vvalutata partikolari topera b’mod transfruntier u taqa’ fil-kategorija ta’ riskju għoli f’konformità mal-metodoloġija armonizzata f’għadd minimu ta’ Stati Membri, din jenħtieġ li titqies bħala entità marbuta b’obbligu magħżula. Fil-każ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-aspett transfruntier jenħtieġ li jiġi indirizzat billi jiġu inklużi dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu kklassifikati bħala ta’ riskju għoli f’mill-anqas erba’ Stati Membri u fejn f’mill-anqas Stat Membru wieħed minn dawk l-erbgħa l-entità kienet taħt investigazzjoni superviżorja jew investigazzjoni pubblika oħra għal ksur materjali tar-rekwiżiti tal-AML/CFT. Fil-każ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra, l-aspett transfruntier jenħtieġ li jiġi indirizzat billi jiġu inklużi dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu kklassifikati bħala ta’ riskju għoli f’mill-anqas Stat Membru wieħed fejn ikunu stabbiliti u mill-anqas ħames Stati Membri oħra fejn joperaw permezz ta’ provvista diretta ta’ servizzi.

(19)Biex tipprovdi trasparenza u ċarezza lill-istituzzjonijiet rilevanti, l-Awtorità jenħtieġ li tippubblika lista tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula fi żmien xahar mill-bidu ta’ sessjoni ta’ għażla, wara li tivverifika l-korrispondenza tal-informazzjoni pprovduta mis-superviżuri finanzjarji mal-kriterji tal-attivitajiet transfruntiera u l-metodoloġija tar-riskju inerenti. Għalhekk huwa importanti li fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ għażla, is-superviżuri finanzjarji rilevanti jipprovdu lill-Awtorità informazzjoni statistika aġġornata biex tiddetermina l-lista ta’ istituzzjonijiet finanzjarji eliġibbli għall-valutazzjoni f’konformità mal-kriterji tad-dħul fil-valutazzjoni relatati mal-operazzjonijiet transfruntiera tagħhom. F’dan il-kuntest, is-superviżuri finanzjarji jenħtieġ li jinfurmaw lill-Awtorità dwar il-kategorija ta’ riskju inerenti li istituzzjoni finanzjarja taqa’ fiha fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-istandards tekniċi regolatorji. L-Awtorità mbagħad jenħtieġ li tassumi l-kompiti relatati mas-superviżjoni diretta ħames xhur wara l-pubblikazzjoni tal-lista. Dak iż-żmien huwa meħtieġ biex jitħejja b’mod xieraq it-trasferiment tal-kompiti superviżorji mil-livell nazzjonali għal dak tal-Unjoni, inkluża l-formazzjoni ta’ tim superviżorju konġunt, u l-adozzjoni ta’ kwalunkwe arranġament ta’ ħidma rilevanti mas-superviżuri finanzjarji rilevanti.

(20)Biex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi fost l-entitajiet magħżula, kwalunkwe entità magħżula jenħtieġ li tibqa’ taħt is-superviżjoni diretta tal-Awtorità għal mill-anqas tliet snin, anke jekk mill-mument tal-għażla u matul it-tliet snin hija ma tibqax tissodisfa xi wieħed mill-kriterji tal-attività transfruntiera jew il-kriterji relatati mar-riskju minħabba, pereżempju, il-konsolidazzjoni, l-espansjoni jew ir-riallokazzjoni potenzjali ta’ attivitajiet imwettqa permezz ta’ stabbilimenti jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. L-Awtorità jenħtieġ li tiżgura wkoll li jiġi allokat żmien suffiċjenti għat-tħejjija mill-entitajiet marbutin b’obbligu u mill-awtoritajiet superviżorji tagħhom għat-trasferiment tas-superviżjoni mil-livell nazzjonali għal dak tal-Unjoni. Għalhekk, kull għażla sussegwenti jenħtieġ li tibda sitt xhur qabel id-data tat-tmiem tal-perjodu ta’ tliet snin ta’ superviżjoni tal-entitajiet magħżula qabel.

(21)L-atturi rilevanti involuti fl-applikazzjoni tal-qafas tal-AML/CFT jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin f’konformità mad-dmir ta’ kooperazzjoni leali minqux fit-Trattati. Sabiex jiġi żgurat li s-sistema superviżorja tal-AML magħmula mill-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji tiffunzjona bħala mekkaniżmu integrat, u li r-riskji speċifiċi għall-ġuriżdizzjoni u l-għarfien espert superviżorju lokali jitqiesu b’mod xieraq u jintużaw tajjeb, is-superviżjoni diretta tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula jenħtieġ li sseħħ fil-forma ta’ timijiet superviżorji konġunti. Dawn it-timijiet jenħtieġ li jitmexxew minn membru tal-persunal tal-Awtorità li jikkoordina l-attivitajiet superviżorji kollha tat-tim. Biex jiġi żgurat fehim adegwat tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali possibbli, il-mexxej tat-tim (“koordinatur tat-TSK”) jenħtieġ li jiġi stazzjonat fl-Istat Membru fejn entità magħżula jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha. L-Awtorità jenħtieġ li tkun responsabbli mill-istabbiliment u l-kompożizzjoni tat-tim superviżorju konġunt, u s-superviżuri lokali jenħtieġ li jiżguraw li jinħatru għadd suffiċjenti ta’ membri tal-persunal tagħhom fit-tim, b’kont meħud tal-profil tar-riskju tal-entità magħżula fil-ġuriżdizzjoni tagħhom.

(22)Biex jiġi żgurat li l-Awtorità tkun tista’ tissodisfa l-obbligi superviżorji tagħha b’mod effiċjenti fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tikseb kwalunkwe dokument intern u informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħha u għal dak il-għan ikollha setgħat ta’ investigazzjoni ġenerali mogħtija lill-awtoritajiet superviżorji kollha skont il-liġi amministrattiva nazzjonali.

(23)L-Awtorità jenħtieġ li jkollha s-setgħa li tirrikjedi azzjonijiet, interni għall-entità, biex issaħħaħ il-konformità tal-entitajiet marbutin b’obbligu mal-qafas tal-AML/CFT, inkluż it-tisħiħ tal-proċeduri interni u l-bidliet fl-istruttura ta’ governanza, sat-tneħħija tal-membri tal-korp maniġerjali, mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta’ awtoritajiet superviżorji rilevanti oħra tal-istess entità magħżula. Wara sejbiet rilevanti relatati man-nuqqas ta’ konformità jew il-konformità parzjali mar-rekwiżiti applikabbli mill-entità marbuta b’obbligu, hija jenħtieġ li tkun tista’ timponi miżuri jew proċeduri speċifiċi għal klijenti jew kategoriji ta’ klijenti partikolari li jippreżentaw riskji għoljin. Il-verifiki fuq il-post jenħtieġ li jkunu karatteristika regolari ta’ tali superviżjoni. Jekk tip speċifiku ta’ spezzjoni fuq il-post ikun jeħtieġ awtorizzazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja nazzjonali, din l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li ssir applikazzjoni għaliha mill-Awtorità.

(24)L-Awtorità jenħtieġ li jkollha firxa sħiħa ta’ setgħat superviżorji fir-rigward tal-entitajiet taħt superviżjoni diretta sabiex tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli. Dawn is-setgħat jenħtieġ li japplikaw f’każijiet fejn l-entità magħżula ma tissodisfax ir-rekwiżiti tagħha, f’każijiet fejn ċerti rekwiżiti ma jkunux probabbli li jiġu ssodisfati, kif ukoll f’każijiet fejn il-proċess u l-kontrolli interni ma jkunux xierqa biex tiġi żgurata ġestjoni tajba tar-riskji ta’ ML/FT tal-entità marbuta b’obbligu magħżula. L-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat jista’ jsir permezz ta’ deċiżjonijiet vinkolanti indirizzati lil entitajiet marbutin b’obbligu magħżula individwali.

(25)Minbarra s-setgħat superviżorji u sabiex tiġi żgurata l-konformità, f’każijiet ta’ ksur materjali tar-rekwiżiti direttament applikabbli, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ timponi sanzjonijiet amministrattivi pekunarji fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula. Dawn is-sanzjonijiet jenħtieġ li jkunu proporzjonati u dissważivi, jenħtieġ li jkollhom effett kemm punittiv kif ukoll ta’ deterrent, u jenħtieġ li jikkonformaw mal-prinċipju ta’ ne bis in idem. L-ammonti massimi tas-sanzjonijiet pekunarji jenħtieġ li jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti minn [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – is-Sitt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus] u disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji kollha fl-Unjoni. L-ammonti bażiċi ta’ dawn is-sanzjonijiet jenħtieġ li jiġu ddeterminati fil-limiti stabbiliti mill-qafas tal-AML/CFT, b’kont meħud tan-natura tar-rekwiżiti li jkunu nkisru. Sabiex l-Awtorità tikkunsidra b’mod adegwat il-fatturi aggravanti jew mitiganti, jenħtieġ li jkunu possibbli aġġustamenti għall-ammont bażiku rilevanti. Bl-objettiv li tinkiseb bidla f’waqtha fil-prattika kummerċjali dannuża, il-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità jenħtieġ li jkollu s-setgħa li jimponi pagamenti perjodiċi ta’ penali biex iġiegħel lill-persuna ġuridika jew fiżika rilevanti twaqqaf l-imġiba rilevanti. Bil-għan li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu kollha, billi jiġu mħeġġa jadottaw prattiki kummerċjali f’konformità mal-qafas tal-AML/CFT, is-sanzjonijiet u l-penali jenħtieġ li jiġu ddivulgati. Il-Qorti tal-Ġustizzja jenħtieġ li jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Awtorità, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll biex tiddetermina r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom.

(26)Sabiex l-Awtorità u s-superviżuri finanzjarji jikkomunikaw malajr u b’mod effiċjenti fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT u jkun hemm proċessi deċiżjonali aktar koerenti, jeħtieġ li jkun hemm arranġamenti speċifiċi għall-komunikazzjoni f'dik is-sistema.

(27)Għall-entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula, is-superviżjoni tal-AML/CFT għandha tibqa’ primarjament fil-livell nazzjonali, bl-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jżommu r-responsabbiltà u l-obbligu ta’ rendikont sħaħ għas-superviżjoni diretta. L-Awtorità jenħtieġ li tingħata setgħat superviżorji indiretti adegwati biex tiżgura li l-azzjonijiet superviżorji fil-livell nazzjonali jkunu konsistenti u ta’ kwalità għolja madwar l-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li twettaq valutazzjonijiet tal-istat ta’ konverġenza superviżorja u tippubblika rapporti bis-sejbiet tagħha. Hija jenħtieġ li tingħata s-setgħa li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, indirizzati kemm lill-entitajiet marbutin b’obbligu kif ukoll lill-awtoritajiet superviżorji, bil-għan li jiġu żgurati prattiki superviżorji armonizzati u ta’ livell għoli madwar l-Unjoni.

(28)Ċerti entitajiet marbutin b’obbligu fis-settur finanzjarju li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għal għażla regolari xorta jista’ jkollhom profil inerenti għoli mill-perspettiva tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jew jistgħu jieħdu f’idejhom, ibiddlu jew jespandu attivitajiet li jinvolvu riskju għoli, li ma jkunux mitigati b’livell proporzjonat ta’ kontrolli interni, u b’hekk iwasslu għal ksur materjali tar-rekwiżiti tal-AML/CFT tagħhom. Jekk ikun hemm indikazzjonijiet ta’ ksur materjali possibbli tar-rekwiżiti applikabbli tal-AML/CFT, dawn jistgħu jkunu sinjal ta’ negliġenza serja min-naħa tal-entità marbuta b’obbligu. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-awtorità superviżorja jenħtieġ li tkun tista’ tirrispondi b’mod adegwat għal kwalunkwe ksur possibbli u tipprevjeni r-riskji milli jimaterjalizzaw u jwasslu għal negliġenza serja tar-rekwiżiti tal-AML/CFT. Madankollu, f’ċerti każijiet, rispons fil-livell nazzjonali jista’ ma jkunx suffiċjenti jew f’waqtu, speċjalment meta jkun hemm indikazzjonijiet li diġà seħħ ksur materjali fil-livell tal-entità. F’dawk il-każijiet, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ titlob lis-superviżur lokali jieħu miżuri speċifiċi biex jirrimedja s-sitwazzjoni, inkluż li jitlob li jinħarġu sanzjonijiet finanzjarji. Biex jiġi evitat li r-riskji tal-ħasil tal-flus u tat-terroriżmu jimmaterjalizzaw, l-iskadenza għall-azzjoni fil-livell nazzjonali jenħtieġ li tkun qasira b’mod suffiċjenti.

(29)L-Awtorità jenħtieġ li jkollha l-opportunità li titlob it-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat superviżorji relatati ma’ entità marbuta b’obbligu speċifika fuq inizjattiva proprja tagħha f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni jew nuqqas ta’ segwitu għall-istruzzjonijiet tagħha sal-iskadenza pprovduta. Billi t-trasferiment tal-kompiti u tas-setgħat fuq entità marbuta b’obbligu mingħajr it-talba speċifika tas-superviżur finanzjarju lill-Awtorità jkun jeħtieġ deċiżjoni diskrezzjonali min-naħa tal-Awtorità, l-Awtorità jenħtieġ li tindirizza talba speċifika għal dak il-għan lill-Kummissjoni. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni koerenti mal-qafas tal-kompiti allokati lill-Awtorità fil-qafas tal-AML/CFT, it-talba tal-Awtorità jenħtieġ li tinkludi ġustifikazzjoni xierqa, u jenħtieġ li tindika durata preċiża tar-riallokazzjoni tal-kompiti u s-setgħat lejn l-Awtorità. Il-perjodu ta’ żmien għar-riallokazzjoni tas-setgħat jenħtieġ li jikkorrispondi għaż-żmien li l-Awtorità tkun teħtieġ biex tittratta r-riskji fil-livell tal-entità, u jenħtieġ li ma jaqbiżx it-tliet snin. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta deċiżjoni li tittrasferixxi s-setgħat u l-kompiti għas-superviżjoni tal-entità lill-Awtorità malajr, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar.

(30)Sabiex jittejbu l-prattiki superviżorji fis-settur mhux finanzjarju, l-Awtorità jenħtieġ li twettaq evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet superviżorji fis-settur mhux finanzjarju, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw il-korpi awtoregolatorji (SRBs), u tippubblika rapporti bis-sejbiet tagħha; dawn jistgħu jkunu akkumpanjati minn linji gwida jew rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw l-SRBs. L-SRBs jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw f’evalwazzjonijiet bejn il-pari fuq bażi ta’ każ b’każ meta jkunu esprimew ir-rieda tagħhom li jipparteċipaw.

(31)Bl-objettiv li tiżdied l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-AML/CFT anki fis-settur mhux finanzjarju, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tinvestiga wkoll il-ksur jew l-applikazzjoni ħażina possibbli tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet superviżorji f’dak is-settur, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi li jissorveljaw l-SRBs.

(32)Sabiex tiġi analizzata attività suspettuża li taffettwa diversi ġuriżdizzjonijiet, l-UIF rilevanti li jkunu rċevew rapporti kollegati jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu b’mod effiċjenti analiżijiet konġunti ta’ każijiet ta’ interess komuni. Għal dan il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tipproponi, tikkoordina u tappoġġa bil-mezzi kollha xierqa l-analiżijiet konġunti ta’ tranżazzjonijiet jew attivitajiet suspettużi transfruntiera. L-analiżijiet konġunti jenħtieġ li jiġu skattati meta jkun hemm il-ħtieġa li jitwettqu biss tali analiżijiet konġunti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt tal-Unjoni. Bil-kunsens espliċitu tal-UIF li jipparteċipaw fl-analiżijiet konġunti, il-persunal tal-Awtorità li jappoġġa t-twettiq ta’ analiżijiet konġunti jenħtieġ li jkun jista’ jirċievi u jipproċessa d-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa, inklużi d-data u l-informazzjoni li jirrigwardaw il-każijiet analizzati.

(33)Sabiex tittejjeb l-effettività tal-analiżijiet konġunti, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tibda rieżamijiet tal-metodi, tal-proċeduri u tat-twettiq tal-analiżijiet konġunti, bil-għan li tiddetermina t-tagħlimiet meħuda u ttejjeb u tippromwovi dawn l-analiżijiet. Il-feedback dwar l-analiżi konġunta jenħtieġ li jippermetti lill-awtorità toħroġ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet li finalment iwasslu għall-irfinar u t-titjib regolari tal-metodi u l-proċeduri għat-twettiq tal-analiżijiet konġunti.

(34)Sabiex tiġi faċilitata u mtejba l-kooperazzjoni bejn l-UIF u l-Awtorità, inkluż għall-finijiet tat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti, l-UIF jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddelegaw membru wieħed tal-persunal għal kull UIF lill-Awtorità fuq bażi volontarja. Id-delegati nazzjonali tal-UIF jenħtieġ li jappoġġaw lill-persunal tal-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti kollha relatati mal-UIF, inkluż it-twettiq ta’ analiżijiet konġunti u t-tħejjija ta’ valutazzjonijiet tat-theddid u analiżijiet strateġiċi tat-theddid, ir-riskji u l-metodi tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Minbarra l-analiżijiet konġunti, l-Awtorità jenħtieġ li tinkoraġġixxi u tiffaċilita diversi forom ta’ assistenza reċiproka bejn l-UIF, inkluż it-taħriġ u l-iskambji tal-persunal sabiex jittejjeb il-bini tal-kapaċitajiet u jkun jista’ jsir l-iskambju ta’ għarfien u prattiki tajba fost l-UIF.

(35)L-Awtorità jenħtieġ li timaniġġja, tospita u żżomm l-FIU.net, is-sistema tal-IT iddedikata li tippermetti lill-UIF jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni bejniethom u, fejn ikun xieraq, mal-kontropartijiet tagħhom minn pajjiżi terzi u partijiet terzi. L-Awtorità, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, jenħtieġ li żżomm is-sistema aġġornata. Għal dan il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tiżgura li f’kull ħin tintuża l-aktar teknoloġija avvanzata disponibbli għall-iżvilupp tal-FIU.net, soġġetta għal analiżi tal-kostbenefiċċji.

(36)Sabiex jiġu stabbiliti prattiki superviżorji u prattiki relatati mal-UIF konsistenti, effiċjenti u effettivi u tiġi żgurata applikazzjoni komuni, uniformi u koerenti tad-dritt tal-Unjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-entitajiet marbutin b’obbligu kollha jew kategorija tagħhom u lill-awtoritajiet superviżorji u l-UIF kollha jew kategorija tagħhom. Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinħarġu skont awtorizzazzjoni speċifika fl-atti applikabbli tal-Unjoni, jew fuq inizjattiva proprja tal-Awtorità, meta jkun hemm il-ħtieġa li jissaħħaħ il-qafas tal-AML/CFT fil-livell tal-Unjoni.

(37)L-istabbiliment ta’ struttura ta’ governanza solida fl-Awtorità huwa essenzjali biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità, u għal proċess deċiżjonali effiċjenti u oġġettiv. Minħabba l-kumplessità u l-varjetà tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità kemm fl-oqsma tas-superviżjoni kif ukoll f’dawk tal-UIF, id-deċiżjonijiet ma jistgħux jittieħdu minn korp ta’ governanza wieħed, kif spiss ikun il-każ fl-aġenziji deċentralizzati. Filwaqt li ċerti tipi ta’ deċiżjonijiet, bħad-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni ta’ strumenti komuni, jeħtieġ li jittieħdu minn rappreżentanti ta’ awtoritajiet xierqa jew tal-UIF, u jirrispettaw ir-regoli tal-vot tat-TFUE, ċerti deċiżjonijiet oħra, bħad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula individwali, jew awtoritajiet individwali, jeħtieġu korp deċiżjonali iżgħar, li l-membri tiegħu jenħtieġ li jkunu soġġetti għal arranġamenti xierqa ta’ rendikont. Għalhekk, l-Awtorità jenħtieġ li tinkludi Bord Ġenerali, u Bord Eżekuttiv magħmul minn ħames membri indipendenti full-time u mill-President tal-Awtorità.

(38)Sabiex jiġi żgurat l-għarfien espert rilevanti, il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jkollu żewġ kompożizzjonijiet. Għad-deċiżjonijiet kollha dwar l-adozzjoni ta’ atti ta’ applikazzjoni ġenerali bħall-istandards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet relatati mal-UIF, huwa jenħtieġ li jkun magħmul mill-kapijiet tal-UIF tal-Istati Membri (“Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-UIF”). Għall-istess tipi ta’ atti relatati mas-superviżjoni diretta jew indiretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu finanzjarji u mhux finanzjarji, huwa jenħtieġ li jkun magħmul mill-kapijiet tas-superviżuri tal-AML/CFT li jkunu awtoritajiet pubbliċi (“Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja”). Il-partijiet kollha rappreżentati fil-Bord Ġenerali jenħtieġ li jagħmlu sforzi sabiex jillimitaw id-dawran tar-rappreżentanti tagħhom, bil-għan li jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tal-Bord. Il-partijiet kollha jenħtieġ li jimmiraw li jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-Bord Ġenerali.

(39)Għal proċess deċiżjonali bla xkiel, il-kompiti jenħtieġ li jinqasmu b’mod ċar: il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-UIF jenħtieġ li jiddeċiedi dwar il-miżuri rilevanti għall-UIF, il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jenħtieġ li jiddeċiedi dwar atti delegati, linji gwida u miżuri simili għall-entitajiet marbutin b’obbligu. Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jenħtieġ li jkun jista’ jipprovdi wkoll l-opinjoni u l-pariri tiegħu lill-Bord Eżekuttiv dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet kollha fir-rigward ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula individwali proposti mit-Timijiet Superviżorji Konġunti. Fin-nuqqas ta’ tali opinjoni jew parir, id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jittieħdu mill-Bord Eżekuttiv. Kull meta l-Bord Eżekuttiv jiddevja mill-parir mogħti mill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja fid-deċiżjoni finali, huwa jenħtieġ li jispjega r-raġunijiet għal dan bil-miktub.

(40)Għall-finijiet ta’ votazzjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet, kull Stat Membru jenħtieġ li jkollu rappreżentant wieħed bid-dritt tal-vot. Għalhekk, il-kapijiet tal-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jaħtru rappreżentant permanenti bħala l-membru bid-dritt tal-vot tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja. B’mod alternattiv, skont is-suġġett tad-deċiżjoni jew l-aġenda ta’ laqgħa partikolari tal-Bord Ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jistgħu jiddeċiedu dwar rappreżentant ad hoc. L-arranġamenti prattiċi relatati mat-teħid ta’ deċiżjonijiet u mal-votazzjoni mill-membri tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jenħtieġ li jiġu stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord Ġenerali, li għandhom jiġu żviluppati mill-Awtorità.

(41)Il-President tal-Awtorità jenħtieġ li jippresiedi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali u jkollu d-dritt tal-vot meta d-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun membru mingħajr vot fil-Bord Ġenerali. Biex tiġi stabbilita kooperazzjoni tajba ma’ istituzzjonijiet rilevanti oħra, il-Bord Ġenerali jenħtieġ li jkun jista’ jdaħħal ukoll osservaturi oħra mingħajr id-dritt tal-vot, bħal rappreżentant tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u ta’ kull waħda mit-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (EBA, EIOPA u ESMA) għall-Bord Ġenerali fil-Kompożizzjoni Superviżorja u l-Europol, l-UPPE u l-Eurojust għall-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tiegħu tal-UIF, meta jiġu diskussi u deċiżi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandati rispettivi tagħhom. Biex ikun hemm proċess deċiżjonali bla xkiel, id-deċiżjonijiet tal-Bord Ġenerali jenħtieġ li jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, ħlief għad-deċiżjonijiet dwar abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, linji gwida u rakkomandazzjonijiet li jenħtieġ li jittieħdu permezz ta’ maġġoranza kwalifikata tar-rappreżentanti tal-Istati Membri f’konformità mar-regoli tal-vot tat-TFUE.

(42)Il-korp ta’ governanza tal-Awtorità jenħtieġ li jkun il-Bord Eżekuttiv magħmul mill-President tal-Awtorità u minn ħames membri full-time, maħtura mill-Bord Ġenerali abbażi tal-lista qasira mill-Kummissjoni. Bil-għan li jiġi żgurat proċess deċiżjonali rapidu u effiċjenti, il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jkun inkarigat mill-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-kompiti kollha tal-Awtorità ħlief meta deċiżjonijiet speċifiċi jiġu allokati b’mod espliċitu lill-Bord Ġenerali. Sabiex jiġu żgurati l-oġġettività u r-rapidità xierqa tal-proċess deċiżjonali fil-qasam tas-superviżjoni diretta tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula, il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jieħu d-deċiżjonijiet vinkolanti kollha indirizzati lill-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula. Barra minn hekk, flimkien ma’ rappreżentant tal-Kummissjoni, il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jkun kollettivament responsabbli għad-deċiżjonijiet amministrattivi u baġitarji tal-Awtorità. Jenħtieġ li jkun meħtieġ il-kunsens tal-Kummissjoni meta l-Bord Eżekuttiv ikun qed jieħu deċiżjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-baġit, l-akkwist, ir-reklutaġġ u l-awditjar tal-Awtorità, minħabba li porzjon mill-finanzjament tal-Awtorità se jiġi pprovdut mill-baġit tal-Unjoni.

(43)Sabiex ikunu jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet malajr, id-deċiżjonijiet kollha tal-Bord Eżekuttiv, inkluża d-deċiżjoni fejn il-Kummissjoni jkollha d-dritt tal-vot, jenħtieġ li jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, bil-President ikollu vot deċiżiv f’każ ta’ voti ndaqs. Biex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba tal-Awtorità, jenħtieġ li jkun meħtieġ il-kunsens tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet relatati mal-baġit, mal-amministrazzjoni u mar-reklutaġġ. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv bid-dritt tal-vot għajr il-President, jenħtieġ li jintgħażlu mill-Bord Ġenerali, abbażi ta’ lista qasira stabbilita mill-Kummissjoni.

(44)Biex jiġi żgurat il-funzjonament indipendenti tal-Awtorità, il-ħames Membri tal-Bord Eżekuttiv u l-President tal-Awtorità jenħtieġ li jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi. Huma jenħtieġ li jġibu ruħhom, kemm matul kif ukoll wara l-mandat tagħhom, b’integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti ħatriet jew benefiċċji. Biex jiġi evitat li tingħata kwalunkwe impressjoni li Membru tal-Bord Eżekuttiv jista’ juża l-pożizzjoni tiegħu bħala Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità biex jikseb ħatra ta’ grad għoli fis-settur privat wara l-mandat tiegħu u biex jiġi evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess wara l-impjieg fis-servizz pubbliku, jenħtieġ li jiġi introdott perjodu ta’ preklużjoni għall-ħames Membri tal-Bord Eżekuttiv, inkluż il-President tal-Awtorità.

(45)Il-President tal-Awtorità jenħtieġ li jinħatar abbażi ta’ kriterji oġġettivi mill-Kunsill wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew. Huwa jenħtieġ li jirrappreżenta lill-Awtorità esternament u jenħtieġ li jirrapporta dwar it-twettiq tal-kompiti tal-Awtorità.

(46)Id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità jenħtieġ li jinħatar mill-Bord Eżekuttiv abbażi ta’ lista qasira mill-Kummissjoni. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità jenħtieġ li jkun uffiċjal amministrattiv għoli tal-Awtorità, inkarigat mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-Awtorità, u responsabbli għall-amministrazzjoni tal-baġit, l-akkwist, u r-reklutaġġ u l-persunal.

(47)Biex jiġu protetti b’mod effettiv id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati, għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali u biex jitnaqqas il-piż fuq il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-Awtorità jenħtieġ li tipprovdi lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi l-possibbiltà li jitolbu rieżami tad-deċiżjonijiet meħuda skont is-setgħat relatati mas-superviżjoni diretta u mogħtija lill-Awtorità b’dan ir-Regolament u indirizzati lilhom, jew li jkunu ta’ tħassib dirett u individwali għalihom. L-indipendenza u l-oġġettività tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jenħtieġ li jiġu żgurati, fost l-oħrajn, bil-kompożizzjoni tiegħu ta’ ħames persuni indipendenti u kwalifikati b’mod xieraq. Id-deċiżjonijiet tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jenħtieġ imbagħad li jkunu appellabbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(48)Biex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tal-Awtorità, il-finanzjament jenħtieġ li jiġi pprovdut permezz ta’ kombinazzjoni ta’ tariffi imposti fuq ċerti entitajiet marbutin b’obbligu u kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni, skont il-kompiti u l-funzjonijiet. Il-baġit tal-Awtorità jenħtieġ li jkun parti mill-baġit tal-Unjoni, ikkonfermat mill-Awtorità Baġitarja abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. L-Awtorità jenħtieġ li tippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta’ baġit u regolament finanzjarju intern għall-approvazzjoni.

(49)Biex jiġi żgurat li l-Awtorità tkun tista’ twettaq ukoll il-kompiti tagħha bħala superviżur dirett u indirett tal-entitajiet marbutin b’obbligu, jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu adegwat għad-determinazzjoni u l-ġbir tat-tariffi. Fir-rigward tat-tariffi imposti fuq entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u ċerti entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula, il-metodoloġija għall-kalkolu tagħhom u l-proċess tal-ġbir tat-tariffi jenħtieġ li jiġu żviluppati f’att delegat tal-Kummissjoni. Il-metodoloġija jenħtieġ li tkun ibbażata fuq ir-riskju tal-entitajiet taħt superviżjoni diretta u indiretta kif ukoll il-fatturat jew id-dħul tagħhom.

(50)Ir-regoli dwar l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità, kif ukoll il-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tal-Awtorità, jenħtieġ li jsegwu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 36 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi.

(51)Sabiex jiġu evitati u miġġielda b’mod effettiv il-frodi interna, il-korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra fil-Awtorità, jenħtieġ li din tkun soġġetta għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. L-Awtorità jenħtieġ li taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar l-investigazzjonijiet interni mill-OLAF, li jenħtieġ li jkun jista’, iwettaq kontrolli fuq il-post fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu.

(52)Kif iddikjarat fl-Istrateġija ta’ Ċibersigurtà għall-Unjoni Ewropea 37 , huwa essenzjali li jiġi żgurat livell għoli ta’ reżiljenza ċibernetika fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE minħabba l-ambjent ta’ theddid dejjem aktar ostili. Id-Direttur Eżekuttiv għalhekk irid jiżgura ġestjoni xierqa tar-riskji għall-IT, governanza interna b’saħħitha tal-IT u finanzjament suffiċjenti għas-sigurtà tal-IT. L-Awtorità għandha taħdem mill-qrib mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet, il-Korpi u l-Aġenziji Ewropej u tirrapporta inċidenti kbar f’24 siegħa lis-CERT UE kif ukoll lill-Kummissjoni.

(53)L-Awtorità jenħtieġ li jkollha obbligu ta’ rendikont kemm lill-Parlament Ewropew kif ukoll lill-Kunsill għat-twettiq tal-kompiti tagħha u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Il-President tal-Awtorità jenħtieġ li jippreżenta rapport rispettiv lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

(54)Il-persunal tal-Awtorità jenħtieġ li jkun magħmul minn aġenti temporanji, membri tal-persunal bil-kuntratt u esperti nazzjonali sekondati kif ukoll minn delegati nazzjonali mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Awtorità mill-UIF tal-Unjoni. L-Awtorità, bi qbil mal-Kummissjoni, jenħtieġ li tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti f’konformità mal-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal 38 .

(55)Biex jiġi żgurat li l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi ttrattata skont dan, il-membri kollha tal-korpi ta’ governanza tal-Awtorità, il-persunal kollu tal-Awtorità, inklużi l-persunal sekondat u l-persunal imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Awtorità, kif ukoll kwalunkwe persuna li twettaq kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-obbligu tas-segretezza professjonali, inkluż kwalunkwe restrizzjoni u obbligu ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u relatati mal-kompiti speċifiċi tal-Awtorità. Madankollu, jenħtieġ li l-obbligi ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali ma jimpedux lill-Awtorità milli tikkoopera ma’awtoritajiet jew korpi nazzjonali jew tal-Unjoni rilevanti oħra, tiskambja informazzjoni magħhom jew tiżvela informazzjoni lilhom , meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom u meta tali kooperazzjoni u obbligi ta’ skambju ta’ informazzjoni jkunu previsti fid-dritt tal-Unjoni.

(56)Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ kunfidenzjalità li japplikaw għall-persunal u r-rappreżentanti tal-Awtorità f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt tal-Unjoni, l-Awtorità jenħtieġ li tkun soġġetta għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. 39 F’konformità mar-restrizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali relatati mal-kompiti superviżorji u ta’ appoġġ u koordinazzjoni tal-UIF tal-Awtorità, tali aċċess jenħtieġ li ma jiġix estiż għal informazzjoni kunfidenzjali ttrattata mill-persunal tal-Awtorità. B’mod partikolari, kwalunkwe data jew informazzjoni operazzjonali relatata ma’ tali data operazzjonali tal-Awtorità u tal-UIF tal-UE li tkun fil-pussess tal-Awtorità minħabba t-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet relatati mal-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-UIF jenħtieġ li titqies bħala kunfidenzjali. Fir-rigward tal-kompiti superviżorji, l-aċċess għall-informazzjoni jew għad-data tal-Awtorità, tas-superviżuri finanzjarji, jew tal-entitajiet marbutin b’obbligu, miksuba fil-proċess tat-twettiq tal-kompiti u tal-attivitajiet relatati mas-superviżjoni diretta, fil-prinċipju jenħtieġ li jiġu ttrattati wkoll bħala kunfidenzjali u ma jkunu soġġetti għall-ebda divulgazzjoni. Madankollu, l-informazzjoni kunfidenzjali elenkata li tirrigwarda proċedura superviżorja tista’ tiġi ddivulgata b’mod sħiħ jew parzjali lill-entitajiet marbutin b’obbligu li jkunu partijiet għal tali proċedura superviżorja, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi għajr il-parti rilevanti, fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

(57)Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe arranġament lingwistiku speċifiku li jista’ jiġi adottat fis-sistema superviżorja tal-AML u ma’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 40 jenħtieġ li japplika għall-Awtorità u kwalunkwe servizz ta’ traduzzjoni li jista’ jkun meħtieġ għall-funzjonament tal-Awtorità jenħtieġ li jiġi pprovdut miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea.

(58)Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet tagħhom, l-ipproċessar ta’ data personali abbażi ta’ dan ir-Regolament għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jenħtieġ li jitqies bħala meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fl-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 u l-Artikolu 6 tar-Regolament 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 . Meta tkun qiegħda tiżviluppa kwalunkwe strument jew tieħu kwalunkwe deċiżjoni li jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tad-data personali, l-Awtorità jenħtieġ li tikkoopera mill-qrib, fejn ikun rilevanti, mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679 u mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1725 biex tiġi evitata d-duplikazzjoni.

(59)L-Awtorità jenħtieġ li tistabbilixxi relazzjonijiet kooperattivi mal-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-Unjoni, inklużi l-Europol, il-Eurojust, l-UPPE, u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol. Biex tittejjeb is-superviżjoni transsettorjali u kooperazzjoni aħjar bejn is-superviżuri prudenzjali u s-superviżuri tal-AML/CFT, l-Awtorità jenħtieġ li tistabbilixxi wkoll relazzjonijiet kooperattivi mal-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet marbutin b’obbligu tas-settur finanzjarju, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kompiti mogħtija lilu mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 43 , kif ukoll mal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni kif definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 u mal-awtoritajiet maħtura tal-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti kif definiti fl-Artikolu 2(1), il-punt 18 tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 . Għal dan il-għan, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tikkonkludi ftehimiet jew memoranda ta’ qbil ma’ tali korpi, anki fir-rigward ta’ kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni li jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tal-Awtorità u ta’ dawn il-korpi. L-Awtorità jenħtieġ li tagħmel l-aħjar sforzi tagħha biex taqsam informazzjoni ma’ tali korpi fuq talba tagħhom, fil-limiti imposti minn restrizzjonijiet legali, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, l-Awtorità jenħtieġ li tippermetti skambju effettiv ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji kollha fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT u l-awtoritajiet imsemmija hawn fuq, u tali kooperazzjoni u skambji ta’ informazzjoni jenħtieġ li jseħħu b’mod strutturat u effiċjenti.

(60)Is-sħubijiet pubbliċi-privati (“PPPs”) saru fora dejjem aktar importanti ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF, diversi awtoritajiet superviżorji nazzjonali u tal-infurzar tal-liġi u entitajiet marbutin b’obbligu f’xi Stati Membri. Fejn l-Awtorità taġixxi bħala superviżur dirett ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula li jkunu parti minn PPP fi kwalunkwe Stat Membru, jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-Awtorità li tipparteċipa fiha wkoll, skont il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-awtorità jew mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali rilevanti li jkunu stabbilew tali PPP, u bil-qbil espliċitu tagħhom.

(61)Meta titqies li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, amministrattivi u tal-infurzar tal-liġi hija kruċjali għall-ġlieda b’suċċess kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u ċerti awtoritajiet u korpi tal-Unjoni għandhom kompiti jew mandati speċifiċi f’dak il-qasam, l-Awtorità jenħtieġ li tiżgura li tkun tista’ tikkoopera ma’ tali awtoritajiet u korpi, b’mod partikolari l-OLAF, il-Europol, il-Eurojust, u l-UPPE. Jekk ikun hemm bżonn li jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ ħidma speċifiċi jew li jiġu konklużi Memoranda ta’ Qbil bejn l-Awtorità u dawn il-korpi u l-awtoritajiet, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel dan. L-arranġament jenħtieġ li jkun ta’ natura strateġika u teknika, jenħtieġ li ma jimplikax il-kondiviżjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali jew operazzjonali fil-pussess tal-Awtorità u jenħtieġ li jqis il-kompiti diġà mwettqa mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji l-oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(62)Billi kemm ir-reati predikati kif ukoll ir-reat tal-ħasil tal-flus innifsu spiss ikunu ta’ natura globali, u minħabba li l-entitajiet marbutin b’obbligu tal-Unjoni joperaw ukoll ma’ u f’pajjiżi terzi, il-kooperazzjoni effettiva mal-awtoritajiet rilevanti kollha ta’ pajjiżi terzi fl-oqsma kemm tas-superviżjoni kif ukoll tal-funzjonament tal-UIF hija kruċjali għat-tisħiħ tal-qafas tal-AML/CFT tal-Unjoni. Minħabba l-kombinazzjoni unika ta’ superviżjoni diretta u indiretta u kompiti u setgħat relatati mal-kooperazzjoni mal-UIF tal-Awtorità, hija jenħtieġ li tkun tista’ tieħu rwol attiv f’tali arranġamenti ta’ kooperazzjoni esterna. B’mod speċifiku, l-Awtorità jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tiżviluppa kuntatti u tidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ awtoritajiet f’pajjiżi terzi li għandhom kompetenzi regolatorji, superviżorji u relatati mal-UIF. Ir-rwol tal-Awtorità jista’ jkun partikolarment ta’ benefiċċju f’każijiet fejn l-interazzjoni ta’ diversi awtoritajiet pubbliċi u UIF tal-Unjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi tkun tikkonċerna kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti tal-Awtorità. F’każijiet bħal dawn, l-Awtorità jenħtieġ li jkollha rwol ewlieni fl-iffaċilitar ta’ din l-interazzjoni.

(63)Peress li l-Awtorità se jkollha firxa sħiħa ta’ setgħat u kompiti relatati mas-superviżjoni u s-sorveljanza diretta u indiretta tal-entitajiet marbutin b’obbligu kollha, huwa meħtieġ li dawn is-setgħat jibqgħu kkonsolidati f’korp wieħed tal-Unjoni, u ma jwasslux għal kompetenzi kunfliġġenti ma’ korpi oħra tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Awtorità Bankarja Ewropea ma żżommx il-kompiti u s-setgħat tagħha relatati mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u l-artikoli rispettivi fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 46 jenħtieġ li jitħassru. Ir-riżorsi allokati lill-Awtorità Bankarja Ewropea għat-twettiq ta’ dawk il-kompiti jenħtieġ li jiġu ttrasferiti lill-Awtorità. Meta jitqies li t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej kollha (EBA, ESMA u EIOPA) se jkunu qed jikkooperaw mal-Awtorità, u jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja bħala osservaturi, jenħtieġ li tingħata l-istess possibbiltà lill-Awtorità fir-rigward tal-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. F’każijiet fejn il-Bordijiet tas-Superviżuri rispettivi jiddiskutu jew jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jkunu rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-kompiti u s-setgħat tal-Awtorità, l-Awtorità jenħtieġ li tkun tista’ tipparteċipa fil-laqgħat tagħhom bħala osservatur. L-artikoli dwar il-kompożizzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010, ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 , u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 jenħtieġ għalhekk li jiġu emendati skont dan.

(64)L-Awtorità jenħtieġ li tkun operattiva b’mod sħiħ sal-bidu tal-2024. Dan jenħtieġ li jagħti lill-Awtorità biżżejjed żmien biex tistabbilixxi l-kwartieri ġenerali tagħha fl-Istat Membru kif determinat minn dan ir-Regolament.

(65)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 [u ta opinjoni fi ...],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

STABBILIMENT, STATUS ĠURIDIKU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Stabbiliment u kamp ta’ applikazzjoni

1.L-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (“l-Awtorità”) hija stabbilita mill-1 ta’ Jannar 2023.

2.L-Awtorità għandha taġixxi fis-setgħat mogħtija minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikolu 6, u fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 , id-Direttiva dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 [OP: jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss ta’ COM(2021)423] u r-Regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu [OP: jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss ta’ COM(2021)422], inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, ta’ kwalunkwe att tal-Unjoni legalment vinkolanti ieħor li jagħti kompiti lill-Awtorità u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus [OP: jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss ta’ COM(2021)423] jew Direttivi oħra li jagħtu kompiti lill-awtoritajiet superviżorji.

3.L-objettiv tal-Awtorità għandu jkun li tipproteġi l-interess pubbliku, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi:

(a)tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)tikkontribwixxi biex jiġu identifikati u valutati r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fis-suq intern kollu, kif ukoll ir-riskji u t-theddid li joriġinaw minn barra l-Unjoni li qed ikollhom impatt, jew li għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt fuq is-suq intern;

(c)tiżgura superviżjoni ta’ kwalità għolja fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AML/CFT”) fis-suq intern kollu;

(d)tikkontribwixxi għall-konverġenza superviżorja fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fis-suq intern kollu;

(e)tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-prattiki fid-detezzjoni ta’ flussi suspettużi transfruntiera ta’ flejjes jew attivitajiet mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (“UIF”);

(f)tappoġġa u tikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF u bejn l-UIF u awtoritajiet kompetenti oħra.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, b’mod partikolari f’konformità mal-Artikolu 258 TFUE, sabiex tiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ [OP: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus COM(2021)420] u l-Artikolu 2 [OP: jekk jogħġbok daħħal ir-referenza għas-Sitt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus COM(2021)423], japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“entità marbuta b’obbligu magħżula” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu, istituzzjoni finanzjarja, jew grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Unjoni, li tkun taħt superviżjoni diretta mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 13;

(2)“entità marbuta b’obbligu mhux magħżula” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu, istituzzjoni finanzjarja, jew grupp ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ta’ istituzzjonijiet finanzjarji fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Unjoni, għajr entità marbuta b’obbligu magħżula;

(3)“sistema superviżorja tal-AML/CFT” tfisser l-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri;

(4)“superviżur mhux finanzjarju” tfisser superviżur responsabbli mill-entitajiet marbutin b’obbligu elenkati fl-Artikolu 3 tal-[AMLR], għajr l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji.

(5)“awtorità mhux tal-AML/CFT” tfisser:

(a)awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 4(1), il-punt (40) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 50 ;

(b)il-Bank Ċentrali Ewropew meta jwettaq il-kompiti mogħtija lilu mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013;

(c)awtorità ta’ riżoluzzjoni maħtura f’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(d)awtorità maħtura għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti (“SGD”) kif definita fl-Artikolu 2(1), il-punt (18) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 3

Status Ġuridiku

1.L-Awtorità għandha tkun korp tal-Unjoni b’personalità ġuridika.

2.F’kull Stat Membru, l-Awtorità għandha tgawdi l-iżjed kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali. Hija tista’, b’mod partikolari, takkwista jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċedimenti legali.

3.L-Awtorità għandha tkun rappreżentata mill-President tagħha.

Artikolu 4

Sede

L-Awtorità għandu jkollha s-sede tagħha fi […]

KAPITOLU II

KOMPITI U SETGĦAT TAL-AWTORITÀ

TAQSIMA 1

Kompiti u setgħat

Artikolu 5

Kompiti

1.L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tar-riskji tal-ħasil tal-flus/finanzjament tat-terroriżmu (“ML/TF”) li qed jiffaċċja s-suq intern:

(a)timmonitorja l-iżviluppi fis-suq intern u tivvaluta t-theddid, il-vulnerabbiltajiet u r-riskji fir-rigward tal-ML/TF;

(b)timmonitorja l-iżviluppi f’pajjiżi terzi u tivvaluta t-theddid, il-vulnerabbiltajiet u r-riskji fir-rigward tas-sistemi tal-AML/CFT tagħhom;

(c)tiġbor informazzjoni mill-attivitajiet superviżorji tagħha stess u minn dawk tas-superviżuri u tal-awtoritajiet superviżorji dwar id-dgħufijiet identifikati fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-AML/CFT mill-entitajiet marbutin b’obbligu, l-iskopertura tagħhom għar-riskju, is-sanzjonijiet amministrati u l-azzjonijiet ta’ rimedju applikati;

(d)tistabbilixxi bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT tal-informazzjoni miġbura mis-superviżuri u mill-awtoritajiet superviżorji u żżommha aġġornata;

(e)tanalizza l-informazzjoni miġbura fil-bażi tad-data ċentrali u taqsam dawn l-analiżijiet mas-superviżuri u mal-awtoritajiet superviżorji fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u kunfidenzjali;

(f)timmonitorja u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-iffriżar tal-assi skont il-miżuri restrittivi tal-Unjoni fis-suq intern kollu;

(g)tappoġġa, tiffaċilita u ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-entitajiet marbutin b’obbligu u l-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġi żviluppat fehim komuni tar-riskji tal-ML/TF u t-theddid li qed jiffaċċja s-suq intern;”

(h)twettaq kwalunkwe kompitu speċifiku ieħor stipulat f’dan ir-Regolament jew f’atti leġiżlattivi oħra.

2.L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula:

(a)tiżgura l-konformità tal-grupp kollu mar-rekwiżiti applikabbli għall-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u kwalunkwe att ieħor legalment vinkolanti tal-Unjoni li jimponi obbligi relatati mal-AML/CFT fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji;

(b)twettaq rieżamijiet u valutazzjonijiet superviżorji fil-livell tal-entità individwali u tal-grupp kollu sabiex tiddetermina jekk l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi stabbiliti mill-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula jkunux adegwati biex jimmitigaw ir-riskji tagħhom relatati mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u abbażi ta’ dawk ir-rieżamijiet superviżorji timponi rekwiżiti speċifiċi, miżuri superviżorji u sanzjonijiet amministrattivi pekunarji f’konformità mal-Artikoli 20, 21 u 22;

(c)tipparteċipa fis-superviżjoni tal-grupp kollu, b’mod partikolari fil-kulleġġi tas-superviżuri, inkluż fejn entità marbuta b’obbligu magħżula tkun parti minn grupp li jkollu kwartieri ġenerali, sussidjarji jew fergħat barra mill-Unjoni;

(d)tiżviluppa u żżomm aġġornata sistema biex tivvaluta r-riskji u l-vulnerabbiltajiet tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula biex tinforma l-attivitajiet superviżorji tal-Awtorità u tal-awtoritajiet superviżorji, inkluż permezz tal-ġbir ta’ data minn dawn l-entitajiet.

3.L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tas-superviżuri finanzjarji:

(a)iżżomm lista aġġornata tas-superviżuri finanzjarji fl-Unjoni;

(b)twettaq rieżamijiet perjodiċi biex tiżgura li s-superviżuri finanzjarji kollha jkollhom riżorsi u setgħat adegwati meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT;

(c)twettaq valutazzjonijiet tal-istrateġiji, tal-kapaċitajiet u tar-riżorsi tas-superviżuri finanzjarji fil-qasam tal-AML/CFT u tagħmel ir-riżultati ta’ tali valutazzjonijiet disponibbli għas-superviżuri finanzjarji kollha;

(d)tiffaċilita l-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri finanzjarji fil-qasam tal-AML/CFT;

(e)tikkontribwixxi għall-konverġenza tal-prattiki superviżorji u għall-promozzjoni ta’ standards superviżorji għoljin fil-qasam tal-AML/CFT;

(f)tikkoordina l-iskambji ta’ persunal u ta’ informazzjoni fost is-superviżuri finanzjarji fl-Unjoni;

(g)tipprovdi assistenza lis-superviżuri finanzjarji, wara t-talbiet speċifiċi tagħhom, inklużi t-talbiet biex jiġi solvut kwalunkwe nuqqas ta’ qbil dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu.

4.L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tas-superviżuri mhux finanzjarji:

(a)iżżomm lista aġġornata tas-superviżuri mhux finanzjarji fl-Unjoni;

(b)tikkoordina l-evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-istandards u l-prattiki superviżorji fil-qasam tal-AML/CFT;

(c)titlob lis-superviżuri mhux finanzjarji biex jinvestigaw ksur possibbli tar-rekwiżiti applikabbli għall-entitajiet marbutin b’obbligu u biex jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet jew azzjonijiet ta’ rimedju fir-rigward ta’ tali ksur;

(d)twettaq rieżamijiet perjodiċi biex tiżgura li s-superviżuri mhux finanzjarji kollha jkollhom riżorsi u setgħat adegwati meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom fil-qasam tal-AML/CFT;

(e)tikkontribwixxi għall-konverġenza tal-prattiki superviżorji u għall-promozzjoni ta’ standards superviżorji għoljin fil-qasam tal-AML/CFT;

(f)tipprovdi assistenza lis-superviżuri mhux finanzjarji, wara t-talbiet speċifiċi tagħhom, inklużi t-talbiet biex jiġi solvut kwalunkwe nuqqas ta’ qbil dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu.

Fejn is-superviżjoni ta’ setturi speċifiċi tiġi ddelegata fil-livell nazzjonali lil korpi awtoregolatorji (“SRBs”), l-Awtorità għandha teżerċita l-kompiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu fir-rigward tal-awtoritajiet superviżorji li jissorveljaw l-attività tal-SRBs.

5.L-Awtorità għandha twettaq il-kompiti li ġejjin fir-rigward tal-UIF u l-attivitajiet tagħhom fl-Istati Membri:

(a)tappoġġa u tikkoordina l-ħidma tal-UIF u tikkontribwixxi għal kooperazzjoni mtejba bejn l-UIF;

(b)tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u l-għażla ta’ każijiet rilevanti għat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti mill-UIF;

(c)tiżviluppa metodi u proċeduri xierqa għat-twettiq ta’ tali analiżijiet konġunti ta’ każijiet transfruntiera;

(d)tistabbilixxi, tikkoordina, torganizza u tiffaċilita t-twettiq ta’ analiżijiet konġunti mwettqa mill-UIF;

(e)tiżviluppa u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-UIF servizzi u għodod tal-IT u tal-intelliġenza artifiċjali għall-kondiviżjoni sigura tal-informazzjoni, anki permezz tal-hosting tal-FIU.net;

(f)tiżviluppa, taqsam u tippromwovi l-għarfien espert dwar il-metodi ta’ detezzjoni, analiżi u disseminazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suspettużi;

(g)tipprovdi taħriġ u assistenza speċjalizzati lill-UIF, inkluż permezz tal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju, fl-ambitu tal-objettivi tagħha u f’konformità mar-riżorsi tal-persunal u baġitarji għad-dispożizzjoni tagħha;

(h)tappoġġa l-interazzjoni tal-UIF mal-entitajiet marbutin b’obbligu billi tipprovdi taħriġ speċjalizzat lill-entitajiet marbutin b’obbligu, inkluż it-titjib tas-sensibilizzazzjoni u tal-proċeduri tagħhom biex jidentifikaw attivitajiet u operazzjonijiet finanzjarji suspettużi u r-rapportar tagħhom lill-UIF;

(i)tħejji u tikkoordina l-valutazzjonijiet tat-theddid, l-analiżijiet strateġiċi tat-theddid, ir-riskji u l-metodi tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu identifikati mill-UIF.

6.Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha tapplika d-dritt rilevanti kollu tal-Unjoni, u fejn dan id-dritt tal-Unjoni jkun magħmul minn Direttivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi. Meta d-dritt rilevanti tal-Unjoni jkun magħmul minn Regolamenti u meta attwalment dawk ir-Regolamenti jagħtu espliċitament opzjonijiet lill-Istati Membri, l-Awtorità għandha tapplika wkoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali li teżerċita dawk l-opzjonijiet.

Artikolu 6

Setgħat tal-Awtorità

1.Fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat superviżorji u investigattivi kif speċifikati fl-Artikoli 16 sa 20 u s-setgħa li timponi sanzjonijiet amministrattivi pekunarji u pagamenti perjodiċi ta’ penali kif speċifikat fl-Artikoli 21 u 22.

Għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat, l-Awtorità tista’ toħroġ deċiżjonijiet vinkolanti indirizzati lil entitajiet individwali magħżula. L-Awtorità għandu jkollha s-setgħa li timponi sanzjonijiet amministrattivi pekunarji għan-nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjonijiet meħuda fl-eżerċizzju tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 20 f’konformità mal-Artikolu 21.

2.Fir-rigward tas-superviżuri u tal-awtoritajiet superviżorji, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat li ġejjin:

(a)li tirrikjedi s-sottomissjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dokument, inklużi spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali, meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħha, inkluża informazzjoni statistika u informazzjoni dwar il-proċessi jew l-arranġamenti interni tal-awtoritajiet nazzjonali;

(b)li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet;

(c)li toħroġ talbiet għal azzjoni u struzzjonijiet dwar miżuri li jenħtieġ li jittieħdu fil-konfront ta’ entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu II.

3.Fir-rigward tal-UIF fl-Istati Membri, l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat li ġejjin:

(a)li titlob data u analiżijiet mill-UIF li jkunu rilevanti għall-valutazzjoni tat-theddid, il-vulnerabbiltajiet u r-riskji li qed jiffaċċja s-suq intern fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)li tiġbor informazzjoni u statistika fir-rigward tal-kompiti u l-attivitajiet tal-UIF;

(c)li tikseb u tipproċessa l-informazzjoni u d-data meħtieġa għall-koordinazzjoni tal-analiżijiet konġunti kif speċifikat fl-Artikolu 33;

(d)li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet.

4.Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat li ġejjin:

(a)li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 38;

(b)li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fil-każijiet speċifiċi msemmija fl-Artikolu 42;

(c)li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 43;

(d)li toħroġ opinjonijiet għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill, jew għall-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 44.

TAQSIMA 2

Sistema superviżorja fil-qasam tal-AML/CFT

Artikolu 7

Kooperazzjoni fi ħdan is-sistema superviżorja tal-AML/CFT

1.L-Awtorità għandha tkun responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tas-sistema superviżorja tal-AML/CFT.

2.L-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu soġġetti għal dmir ta’ kooperazzjoni bona fede, u għal obbligu ta’ skambju ta’ informazzjoni.

Artikolu 8

Metodoloġija superviżorja fil-qasam tal-AML/CFT 

1.L-Awtorità għandha tiżviluppa u żżomm metodoloġija superviżorja aġġornata u armonizzata tal-AML li tagħti dettalji dwar l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għas-superviżjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu fl-Unjoni. Il-metodoloġija għandha tinkludi linji gwida, rakkomandazzjonijiet u miżuri u strumenti oħra kif xierqa, inkluż b’mod partikolari abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, abbażi tal-għoti tas-setgħat stabbiliti fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2).

2.Meta tkun qiegħda tiżviluppa l-metodoloġija superviżorja, l-Awtorità għandha tagħmel distinzjoni bejn l-entitajiet marbutin b’obbligu abbażi tas-setturi li joperaw fihom. Il-metodoloġija superviżorja għandu jkun fiha tal-anqas l-elementi li ġejjin:

(a)il-parametri referenzjarji u l-metodoloġija għall-klassifikazzjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu f’kategoriji ta’ riskju abbażi tal-profil tar-riskju residwu tagħhom, separatament għal kull kategorija ta’ entitajiet marbutin b’obbligu;

(b)l-approċċi għar-rieżami superviżorju tal-awtovalutazzjonijiet tar-riskju ta’ ħasil tal-flus tal-entitajiet marbutin b’obbligu;

(c)l-approċċi għar-rieżami superviżorju tal-politiki u l-proċeduri interni tal-entitajiet marbutin b’obbligu, inklużi l-politiki dwar id-diliġenza dovuta tal-klijenti;

(d)l-approċċi għall-evalwazzjoni superviżorja tal-fatturi ta’ riskju inerenti tal-klijenti, ir-relazzjonijiet kummerċjali, it-tranżazzjonijiet u l-kanali ta’ konsenja tal-entitajiet marbutin b’obbligu, kif ukoll il-fatturi ta’ riskju ġeografiku, jew relatati magħha.

3.Il-metodoloġija għandha tirrifletti standards superviżorji għoljin fil-livell tal-Unjoni u għandha tibni fuq standards u gwida internazzjonali rilevanti. L-Awtorità għandha tirrieżamina u taġġorna perjodikament il-metodoloġija superviżorja tagħha, b’kont meħud tal-evoluzzjoni tar-riskji li jaffettwaw is-suq intern.

Artikolu 9

Rieżamijiet tematiċi 

1.Sal-31 ta’ Ottubru ta’ kull sena, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jissottomettu lill-Awtorità l-programmi ta’ ħidma annwali tagħhom għas-sena ta’ wara. Meta dawk il-programmi ta’ ħidma jinkludu rieżamijiet superviżorji mwettqa fuq bażi tematika bil-għan li jiġu valutati r-riskji tal-ML/TF jew aspett speċifiku ta’ tali riskji li diversi entitajiet marbutin b’obbligu jkunu esposti għalihom fl-istess ħin, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-ambitu ta’ kull rieżami tematiku ppjanat f’termini ta’ kategorija u l-għadd ta’ entitajiet marbutin b’obbligu inklużi u s-suġġett(i) tar-rieżami;

(b)il-perjodu ta’ żmien ta’ kull rieżami tematiku ppjanat;

(c)it-tipi, in-natura u l-frekwenza ppjanati tal-attivitajiet superviżorji li għandhom jitwettqu fir-rigward ta’ kull rieżami tematiku, inklużi kwalunkwe spezzjoni fuq il-post jew tipi oħra ta’ interazzjoni diretta mal-entitajiet marbutin b’obbligu, fejn applikabbli.

2.Sal-aħħar ta’ kull sena, il-President tal-Awtorità għandu jippreżenta lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja kif imsemmi fl-Artikolu 46(2) ippjanar konsolidat tar-rieżamijiet tematiċi li l-awtoritajiet superviżorji jkun beħsiebhom iwettqu matul is-sena ta’ wara.

3.Meta l-ambitu u r-rilevanza għall-Unjoni kollha tar-rieżamijiet tematiċi jiġġustifikaw il-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni, dawn għandhom jitwettqu b’mod konġunt mill-awtoritajiet superviżorji rilevanti u għandhom jiġu kkoordinati mill-Awtorità. Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jfassal lista ta’ rieżamijiet tematiċi konġunti. Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jfassal rapport dwar it-twettiq, is-suġġett u l-eżitu ta’ kull rieżami tematiku konġunt. L-Awtorità għandha tippubblika dak ir-rapport fuq is-sit web tagħha.

4.L-Awtorità għandha tikkoordina l-attivitajiet tal-awtoritajiet superviżorji u tiffaċilita l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tar-rieżamijiet tematiċi konġunti magħżula msemmija fil-paragrafu 3. Kwalunkwe interazzjoni diretta ma’ entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula fil-kuntest ta’ kwalunkwe rieżami tematiku għandha tibqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-awtorità superviżorja responsabbli għas-superviżjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula u ma għandhiex tiġi interpretata bħala trasferiment ta’ kompiti u setgħat relatati ma’ dawk l-entitajiet fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT.

5.Fejn ir-rieżamijiet tematiċi ppjanati fil-livell nazzjonali ma jkunux soġġetti għal approċċ koordinat fil-livell tal-Unjoni, l-Awtorità għandha, b’mod konġunt mal-awtoritajiet superviżorji, tesplora l-ħtieġa u l-possibbiltà li tallinja jew tissinkronizza l-perjodu ta’ żmien ta’ dawk ir-rieżamijiet tematiċi, u għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet superviżorji li jwettqu dawk ir-rieżamijiet tematiċi. L-Awtorità għandha tiffaċilita wkoll kwalunkwe attività li l-awtoritajiet superviżorji rilevanti jistgħu jkunu jixtiequ jwettqu b’mod konġunt jew b’mod simili fil-kuntest tar-rieżamijiet tematiċi rispettivi tagħhom.

6.L-Awtorità għandha tiżgura l-kondiviżjoni mal-awtoritajiet superviżorji kollha, tal-eżiti u l-konklużjonijiet tar-rieżamijiet tematiċi mwettqa fil-livell nazzjonali minn diversi awtoritajiet superviżorji, bl-eċċezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali dwar entitajiet marbutin b’obbligu individwali. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni għandha tinkludi kwalunkwe konklużjoni komuni li tirriżulta minn skambji ta’ informazzjoni jew minn kwalunkwe attività konġunta jew koordinata fost diversi awtoritajiet superviżorji.

Artikolu 10

Assistenza reċiproka fis-sistema superviżorja fil-qasam tal-AML/CFT

1.L-Awtorità tista’, kif ikun xieraq, tiżviluppa:

(a)strumenti prattiċi ġodda u għodod ta’ konverġenza għall-promozzjoni ta’ approċċi superviżorji komuni u tal-aħjar prattiki;

(b)għodod u metodi prattiċi għall-assistenza reċiproka wara:

(i)talbiet speċifiċi mill-awtoritajiet superviżorji;

(ii)ir-riferiment ta’ nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet superviżorji dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu b’mod konġunt minn diversi awtoritajiet superviżorji fir-rigward ta’ entità marbuta b’obbligu.

2.L-Awtorità għandha tiffaċilita u tinkoraġġixxi tal-anqas l-attivitajiet li ġejjin:

(a)programmi ta’ taħriġ settorjali u transsettorjali, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika;

(b)skambji ta’ persunal u l-użu ta’ skemi ta’ sekondar, ġemellaġġ u żjarat għal żmien qasir;

(c)skambji ta’ prattiki superviżorji bejn l-awtoritajiet superviżorji, meta awtorità waħda tkun żviluppat għarfien espert f’qasam speċifiku tal-prattiki superviżorji fil-qasam tal-AML/CFT.

3.Kull awtorità superviżorja tista’ tippreżenta talba għal assistenza reċiproka relatata mal-kompiti superviżorji tagħha lill-Awtorità, filwaqt li tispeċifika t-tip ta’ assistenza li tista’ tiġi pprovduta mill-persunal tal-Awtorità, il-persunal ta’ awtorità superviżorja waħda jew aktar, jew kombinazzjoni tagħhom. Jekk it-talba tkun tikkonċerna attivitajiet relatati mas-superviżjoni ta’ entitajiet marbutin b’obbligu speċifiċi, l-awtorità superviżorja rikjedenti għandha tiżgura li jkun jista’ jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni u data meħtieġa għall-għoti tal-assistenza. L-Awtorità għandha żżomm u taġġorna b’mod regolari l-informazzjoni dwar oqsma speċifiċi ta’ għarfien espert u dwar il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet superviżorji li jipprovdu assistenza reċiproka.

4.Fejn l-Awtorità tiġi mitluba tipprovdi assistenza għat-twettiq ta’ kompiti superviżorji speċifiċi fil-livell nazzjonali fil-konfront ta’ entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula, l-awtorità superviżorja rikjedenti għandha tagħti dettalji tal-kompiti li għalihom jintalab appoġġ fit-talba tagħha. L-assistenza ma għandhiex tiġi interpretata bħala t-trasferiment ta’ kompiti superviżorji, setgħat, jew obbligu ta’ rendikont għas-superviżjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula mill-awtorità superviżorja rikjedenti lill-Awtorità.

5.L-Awtorità għandha tagħmel kull sforz biex tipprovdi l-assistenza mitluba, anki billi timmobilizza r-riżorsi umani proprji kif ukoll billi tiżgura l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi fl-awtoritajiet superviżorji fuq bażi volontarja.

6.Sal-aħħar ta’ kull sena, il-President tal-Awtorità għandu jinforma lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja bir-riżorsi li l-Awtorità tkun se talloka biex tipprovdi tali assistenza.

7.Kwalunkwe interazzjoni bejn il-persunal tal-Awtorità u l-entità marbuta b’obbligu għandha tibqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-awtorità superviżorja responsabbli għas-superviżjoni ta’ dik l-entità, u ma għandhiex tiġi interpretata bħala trasferiment tal-kompiti u s-setgħat relatati ma’ entitajiet marbutin b’obbligu individwali fis-sistema superviżorja fil-qasam tal-AML/CFT.

Artikolu 11

Bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT

1.L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata bażi tad-data ċentrali tal-informazzjoni miġbura skont il-paragrafu 2. L-Awtorità għandha tanalizza l-informazzjoni li tirċievi u tiżgura li din tkun disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ għarfien u kunfidenzjali. L-Awtorità tista’ taqsam ir-riżultati tal-analiżi tagħha fuq inizjattiva proprja tagħha mal-awtoritajiet superviżorji għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-attivitajiet superviżorji tagħhom.

2.L-awtoritajiet superviżorji għandhom jittrażmettu lill-Awtorità tal-anqas l-informazzjoni li ġejja, inkluża d-data relatata ma’ entitajiet marbutin b’obbligu individwali:

(a)lista tal-awtoritajiet superviżorji u tal-korpi awtoregolatorji kollha fdati bis-superviżjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu, inkluża informazzjoni dwar il-mandat, il-kompiti u s-setgħat tagħhom;

(b)informazzjoni statistika dwar it-tip u l-għadd ta’ entitajiet marbutin b’obbligu taħt superviżjoni f’kull Stat Membru u informazzjoni bażika dwar il-profil tar-riskju;

(c)il-miżuri vinkolanti u s-sanzjonijiet meħuda matul is-superviżjoni ta’ entitajiet marbutin b’obbligu individwali;

(d)kwalunkwe parir mogħti lil awtoritajiet nazzjonali oħra fir-rigward tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, il-proċeduri talirtirar ta’ awtorizzazzjoni, u valutazzjonijiet idonei u xierqa tal-azzjonisti jew tal-membri tal-korp maniġerjali ta’ entitajiet marbutin b’obbligu individwali;

(e)rapporti dwar l-eżiti tal-attivitajiet superviżorji;

(f)ir-riżultati mill-ispezzjonijiet superviżorji ta’ fajls li jikkonċernaw persuni politikament esposti, il-membri tal-familja tagħhom u l-assoċjati tagħhom;

(g)informazzjoni statistika dwar l-attivitajiet superviżorji mwettqa matul l-aħħar sena kalendarja, inkluż l-għadd ta’ spezzjonijiet mhux fuq il-post u fuq il-post;

(h)informazzjoni statistika dwar il-persunal u riżorsi oħra tal-awtoritajiet pubbliċi.

3.L-Awtorità tista’ titlob lill-awtoritajiet superviżorji jipprovdu informazzjoni oħra minbarra dik imsemmija fil-paragrafu 2. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jaġġornaw kwalunkwe informazzjoni pprovduta.

4.Kwalunkwe awtorità superviżorja jew kwalunkwe awtorità mhux tal-AML tista’ tindirizza lill-Awtorità talba motivata għall-informazzjoni miġbura skont il-paragrafu 2 li tkun rilevanti għall-attivitajiet superviżorji tagħha. L-Awtorità għandha tivvaluta dawk it-talbiet u tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet superviżorji jew mill-awtoritajiet mhux tal-AML fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ għarfien u fuq bażi kunfidenzjali u f'waqtha. L-Awtorità għandha tinforma lill-awtorità li tkun inizjalment ipprovdiet l-informazzjoni mitluba, bl-identità tal-awtorità superviżorja jew awtorità oħra rikjedenti, l-identità ta’ entità marbuta b’obbligu kkonċernata, ir-raġuni għat-talba għall-informazzjoni kif ukoll jekk l-informazzjoni tkunx ġiet ipprovduta lill-awtorità rikjedenti.

TAQSIMA 3

Superviżjoni diretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula

Artikolu 12

Valutazzjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu għall-finijiet tal-għażla għas-superviżjoni diretta

1.Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti elenkati fl-Artikolu 5(2), l-Awtorità għandha twettaq valutazzjoni perjodika tal-entitajiet marbutin b’obbligu li ġejjin, abbażi ta’ kriterji u skont il-proċess speċifikat fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 13:

(a)istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu stabbiliti f’mill-anqas seba’ Stati Membri, inkluż l-Istat Membru ta’ stabbiliment u l-Istati Membri fejn ikunu qed joperaw permezz ta’ sussidjarji jew fergħat;

(b)istituzzjonijiet finanzjarji oħra li joperaw f’mill-anqas għaxar Stati Membri, inkluż l-Istat Membru ta’ stabbiliment, Stat Membru ieħor fejn ikunu qed joperaw permezz ta’ sussidjarja jew fergħa, u l-Istati Membri l-oħra kollha fejn ikunu qed joperaw permezz ta’ provvista diretta ta’ servizzi jew permezz ta’ network ta’ aġenti rappreżentattivi.

2.Il-profil tar-riskju inerenti tal-entitajiet marbutin b’obbligu vvalutati msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a) jew (b) għandu jiġi kklassifikat bħala baxx, medju, sostanzjali jew għoli f’kull ġuriżdizzjoni li joperaw fiha, abbażi tal-parametri referenzjarji u skont il-metodoloġija stabbilita fl-istandard tekniku regolatorju msemmi fil-paragrafu 5.

3.Il-metodoloġija għall-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti għandha tiġi stabbilita separatament għal mill-anqas il-kategoriji li ġejjin ta’ entitajiet marbutin b’obbligu:

(a)istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(b)bureaux de change;

(c)impriża ta' investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u fondi ta’ investiment alternattiv;

(d)fornituri ta’ kreditu għajr istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(e)istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi;

(f)ditti ta’ investiment;

(g)fornituri ta’ servizzi ta’ pagament;

(h)impriżi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja;

(i)intermedjarji tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja;

(j)istituzzjonijiet finanzjarji oħra.

4.Għal kull kategorija ta’ entitajiet marbutin b’obbligu msemmija fil-paragrafu 4, il-parametri referenzjarji fil-metodoloġija tal-valutazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-kategoriji tal-fatturi ta’ riskju relatati mal-klijent, il-prodotti, is-servizzi, it-tranżazzjonijiet, il-kanali ta’ konsenja u ż-żoni ġeografiċi. Il-parametri referenzjarji għandhom jiġu stabbiliti għal mill-anqas l-indikaturi li ġejjin ta’ riskju inerenti fi kwalunkwe Stat Membru li joperaw fih:

(a)fir-rigward tar-riskju relatat mal-klijent: is-sehem ta’ klijenti mhux residenti, il-preżenza u s-sehem ta’ klijenti identifikati bħala Persuni Politikament Esposti (“PEPs”);

(b)fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi offruti:

(i)is-sinifikanza u l-volum ta’ negozjar ta’ prodotti u servizzi identifikati bħala l-aktar potenzjalment vulnerabbli għar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell tas-suq intern fil-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali jew fil-livell tal-pajjiż fil-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali;

(ii)il-volum tas-servizzi ta’ kontijiet ta’ depożitu u ta’ pagament ipprovduti taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi;

(iii)għall-fornituri ta’ servizzi ta’ rimessa ta’ flus, is-sinifikanza tal-attività annwali aggregata ta’ emissjoni u riċeviment ta’ kull mittent f’ġuriżdizzjoni;

(c)fir-rigward taż-żoni ġeografiċi:

(i)il-volum annwali ta’ servizzi bankarji korrispondenti pprovduti minn entitajiet tas-settur finanzjarju tal-Unjoni f’pajjiżi terzi;

(ii)l-għadd u s-sehem ta’ klijenti bankarji korrispondenti minn pajjiżi terzi b’dgħufijiet strutturali fis-sistemi tagħhom tal-AML identifikati minn korpi globali li jistabbilixxu l-istandards;

(iii)il-volum ta’ attività ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ assi virtwali rreġistrati jew liċenzjati f’pajjiżi terzi u li joperaw bħala istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni.

5.L-Awtorità għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu l-metodoloġija bil-parametri referenzjarji msemmija fil-paragrafu 4 għall-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti ta’ kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu jew finanzjarja transfruntiera f’kull Stat Membru li topera fih bħala baxx, medju, sostanzjali jew għoli.

L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sa [l-1 ta’ Jannar 2025].

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dan ir-Regolament.

6.L-Awtorità għandha tirrieżamina l-parametri referenzjarji u l-metodoloġija mill-anqas kull tliet snin. Fejn ikunu meħtieġa emendi, l-Awtorità għandha tissottometti abbozzi emendati ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni.

Artikolu 13

Il-proċess ta’ elenkar tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu li ġejjin għandhom jikkwalifikaw bħala entità marbuta b’obbligu magħżula:

(a)kull istituzzjoni ta’ kreditu vvalutata f’konformità mal-Artikolu 12 li jkollha profil ta’ riskju inerenti għoli f’mill-anqas erba’ Stati Membri u li kienet taħt investigazzjoni superviżorja jew investigazzjoni pubblika oħra għal ksur materjali tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) f’mill-anqas wieħed minn dawk l-Istati Membri fit-tliet snin preċedenti;

(b)kull istituzzjoni finanzjarja vvalutata f’konformità mal-Artikolu 12 li jkollha riskju inerenti għoli f’mill-anqas Stat Membru wieħed fejn tkun stabbilita jew topera permezz ta’ sussidjarja jew fergħa, u mill-anqas ħames Stati Membri oħra fejn topera permezz ta’ provvista diretta ta’ servizzi jew permezz ta’ network ta’ aġenti rappreżentattivi.

2.L-Awtorità għandha tibda l-ewwel proċess ta’ għażla fl-1 ta’ Lulju 2025 u għandha tikkonkludi l-għażla fi żmien xahar. L-għażla għandha ssir kull tliet snin wara d-data tal-bidu tal-ewwel għażla, u għandha tiġi konkluża fi żmien xahar f’kull perjodu tal-għażla. Il-lista tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula għandha tiġi ppubblikata mill-Awtorità mingħajr dewmien żejjed mat-tlestija tal-proċess tal-għażla. L-Awtorità għandha tibda s-superviżjoni diretta tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula ħames xhur wara l-pubblikazzjoni tal-lista.

3.Entità marbuta b’obbligu magħżula għandha tibqa’ soġġetta għal superviżjoni diretta mill-Awtorità sakemm l-Awtorità tibda s-superviżjoni diretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula abbażi ta’ lista stabbilita għas-sessjoni ta’ għażla sussegwenti li ma tkunx għadha tinkludi dik l-entità marbuta b’obbligu.

Artikolu 14

Kooperazzjoni fi ħdan is-sistema superviżorja fil-qasam tal-AML/CFT għall-finijiet ta’ superviżjoni diretta 

1.Mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 20(2), il-punt (g), li tirċievi direttament, jew ikollha aċċess dirett għall-informazzjoni rrapportata, fuq bażi kontinwa, mill-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula, is-superviżuri finanzjarji għandhom jipprovdu lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità.

2.Fejn ikun xieraq, is-superviżuri finanzjarji għandhom ikunu responsabbli biex jassistu lill-Awtorità fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe att relatat mal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(2), il-punt (b), fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula kollha, inkluża l-assistenza fl-attivitajiet ta’ verifika. Huma għandhom isegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Awtorità meta jwettqu dawk il-kompiti.

3.L-Awtorità għandha tiżviluppa standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li bihom is-superviżuri finanzjarji għandhom jassistu lill-Awtorità skont il-paragrafu 2.

4.L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 42.

Artikolu 15

Timijiet superviżorji konġunti

1.Għandu jiġi stabbilit tim superviżorju konġunt għas-superviżjoni ta’ kull entità marbuta b’obbligu magħżula. Kull tim superviżorju konġunt għandu jkun magħmul minn persunal mill-Awtorità u mis-superviżuri finanzjarji responsabbli għas-superviżjoni tal-entità marbuta b’obbligu magħżula fil-livell nazzjonali. Il-membri tat-tim superviżorju konġunt għandhom jinħatru f’konformità mal-paragrafu 4 u għandhom jaħdmu taħt il-koordinazzjoni ta’ membru tal-persunal maħtur mill-Awtorità (“koordinatur tat-TSK”).

2.Il-koordinatur tat-TSK għandu jiżgura l-koordinazzjoni tal-ħidma fi ħdan it-tim superviżorju konġunt. Il-membri tat-tim superviżorju konġunt għandhom isegwu l-istruzzjonijiet tal-koordinatur tat-TSK fir-rigward tal-kompiti tagħhom fit-tim superviżorju konġunt. Dan ma għandux jaffettwa l-kompiti u d-dmirijiet tagħhom fis-superviżuri finanzjarji rispettivi tagħhom. Il-koordinatur tat-TSK għandu jiġi ddelegat mill-Awtorità lis-superviżur finanzjarju fl-Istat Membru fejn entità marbuta b’obbligu magħżula jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha, bi qbil tas-superviżuri finanzjarji rilevanti. Id-durata tad-delega għandha tkun limitata għall-perjodu ta’ żmien li matulu l-Awtorità twettaq kompiti superviżorji fir-rigward tal-entità marbuta b’obbligu magħżula.

3.Il-kompiti ta’ tim superviżorju konġunt għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)it-twettiq tar-rieżamijiet u l-valutazzjonijiet superviżorji għall-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula;

(b)it-twettiq u l-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet fuq il-post f’entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u t-tħejjija tar-rapporti, inklużi proposti għall-adozzjoni ta’ miżuri superviżorji wara tali rapporti, fejn ikun meħtieġ;

(c)b’kont meħud tar-rieżamijiet, il-valutazzjonijiet u l-ispezzjonijiet fuq il-post imsemmija fil-punti (a) u (b), il-parteċipazzjoni fit-tħejjija tal-abbozzi ta’ deċiżjonijiet applikabbli għall-entità marbuta b’obbligu magħżula rispettiva li għandhom jiġu proposti lill-Bord Ġenerali u lill-Bord Eżekuttiv;

(d)il-koordinazzjoni mas-superviżuri finanzjarji fejn meħtieġ għall-eżerċizzji ta’ kompiti superviżorji fi kwalunkwe Stat Membru fejn tkun stabbilita entità marbuta b’obbligu magħżula.

4.L-Awtorità għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u l-kompożizzjoni tat-timijiet superviżorji konġunti. Is-superviżuri finanzjarji rispettivi għandhom jaħtru persuna waħda jew aktar mill-persunal tagħhom bħala membru jew membri ta’ tim superviżorju konġunt. Membru tal-persunal tas-superviżur finanzjarju jista’ jinħatar bħala membru ta’ aktar minn tim superviżorju konġunt wieħed.

5.L-Awtorità u s-superviżuri finanzjarji għandhom jikkonsultaw lil xulxin u jaqblu dwar l-użu tal-persunal fir-rigward tat-timijiet superviżorji konġunti.

Artikolu 16

Talba għal informazzjoni

1.L-Awtorità tista’ tirrikjedi li l-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jappartjenu għalihom, u l-partijiet terzi li lilhom l-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula jkunu esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet operazzjonali u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi affiljati magħhom, jipprovdu l-informazzjoni kollha li tkun meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament.

2.Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ tal-persuni ġuridiċi jew tal-assoċjazzjonijiet li ma jkollhom l-ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom, għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba. L-avukati debitament awtorizzati biex jaġixxu jistgħu jagħtu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu kompletament responsabbli jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

3.Meta l-Awtorità tikseb l-informazzjoni direttament mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fil-paragrafu 1, hija għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għas-superviżur finanzjarju kkonċernat.

Artikolu 17

Investigazzjonijiet ġenerali

1.Sabiex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa ta’ kwalunkwe entità marbuta b’obbligu magħżula jew ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika impjegata minn entità marbuta b’obbligu magħżula jew li tappartjeni għaliha u li tkun stabbilita fi Stat Membru jew li tinsab fih.

Għal dak il-għan, l-Awtorità tista’:

(a)titlob is-sottomissjoni ta’ dokumenti;

(b)teżamina l-kotba u r-rekords tal-persuni u tieħu kopji jew estratti mill-kotba u mir-rekords;

(c)tikseb aċċess għar-rapporti tal-awditjar intern, iċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet u kwalunkwe software, bażijiet tad-data, għodod tal-IT jew mezzi elettroniċi oħra għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni;

(d)tikseb spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali minn kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 16 jew ir-rappreżentanti jew il-persunal tagħhom;

(e)tintervista kwalunkwe persuna oħra li tagħti l-kunsens tagħha biex tiġi intervistata għall-iskop li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni.

2.Il-persuni msemmija fl-Artikolu 16 għandhom ikunu soġġetti għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-Awtorità. Meta persuna tostakola t-twettiq tal-investigazzjoni, is-superviżur finanzjarju tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-bini rilevanti għandu jipprovdi, f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-assistenza meħtieġa, inkluż l-iffaċilitar tal-aċċess mill-Awtorità għall-post minn fejn joperaw il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 16, sabiex ikunu jistgħu jiġu eżerċitati d-drittijiet elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Verifika fuq il-post

1.Sabiex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’, soġġett għal notifika minn qabel lis-superviżur finanzjarju kkonċernat, twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fil-bini minn fejn joperaw il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 16. Meta t-twettiq xieraq u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jkunu jeħtieġu dan, l-Awtorità tista’ twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr avviż minn qabel lil dawk il-persuni ġuridiċi.

2.Il-persunal tal-Awtorità u persuni oħra awtorizzati mill-Awtorità biex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini u art fejn joperaw il-persuni ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni dwar investigazzjoni adottata mill-Awtorità u għandu jkollhom is-setgħat kollha previsti fl-Artikolu 20.

3.Il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 16 għandhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet fuq il-post abbażi ta’ deċiżjoni tal-Awtorità.

4.Il-persunal u persuni oħra li jakkumpanjawh awtorizzati jew maħtura mis-superviżur finanzjarju tal-Istat Membru fejn tkun se titwettaq l-ispezzjoni għandhom, taħt is-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-Awtorità, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali tal-Awtorità u persuni oħra awtorizzati minnha. Għal dan il-għan, dawn għandhom igawdu s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2. Il-persunal tas-superviżuri finanzjarji tal-Istat Membru kkonċernat għandu jkollu wkoll id-dritt li jipparteċipa fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

5.Fejn il-persunal tal-Awtorità u persuni oħra awtorizzati jew maħtura minnha li jakkumpanjawh isibu li persuna topponi spezzjoni fuq il-post ordnata skont dan l-Artikolu, is-superviżur finanzjarju tal-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-assistenza meħtieġa f’konformità mal-liġi nazzjonali. Sal-limitu meħtieġ għall-ispezzjoni, din l-assistenza għandha tinkludi l-issiġillar ta’ kwalunkwe post tan-negozju u kontijiet jew rekords. Meta dik is-setgħa ma tkunx disponibbli għas-superviżur finanzjarju kkonċernat, huwa għandu juża s-setgħat tiegħu biex jitlob l-assistenza neċessarja ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra.

Artikolu 19

Awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja

1.Jekk spezzjoni fuq il-post prevista fl-Artikolu 18 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Awtorità għandha tapplika għal tali awtorizzazzjoni.

2.Meta ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Awtorità tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi b’kont meħud tas-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Awtorità għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet li l-Awtorità jkollha biex tissuspetta li seħħ ksur tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), l-ewwel subparagrafu, is-serjetà tal-ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrieżamina l-ħtieġa għall-ispezzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-Awtorità. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun soġġetta għal rieżami biss mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Setgħat superviżorji

1.Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħha msemmija fl-Artikolu 5(2), l-Awtorità għandu jkollha s-setgħat stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu biex titlob lil kwalunkwe entità marbuta b’obbligu magħżula tieħu l-miżuri meħtieġa meta:

(a)l-entità marbuta b’obbligu magħżula ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-atti tal-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2);

(b)l-Awtorità jkollha evidenza li l-entità marbuta b’obbligu magħżula x’aktarx li tikser ir-rekwiżiti tal-atti tal-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2) fit-12-il xahar li jmiss;

(c)l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati mill-entità marbuta b’obbligu magħżula ma jiżgurawx, abbażi ta’ determinazzjoni mill-Awtorità, ġestjoni u kopertura tajba tar-riskji tagħha.

2.Għall-finijiet tal-Artikolu 6(1), l-Awtorità għandu jkollha, b’mod partikolari, is-setgħat li ġejjin:

(a)li tirrikjedi r-rinfurzar tal-arranġamenti, il-proċessi, il-mekkaniżmi u l-istrateġiji;

(b)li tirrikjedi pjan biex terġa’ tiġi stabbilita l-konformità mar-rekwiżiti superviżorji skont l-atti tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2) u li tistabbilixxi skadenza għall-implimentazzjoni tiegħu, inkluż titjib għal dak il-pjan fir-rigward tal-ambitu u l-iskadenza tiegħu;

(c)li tirrikjedi l-applikazzjoni ta’ politika jew trattament speċifiċi tal-klijenti, tat-tranżazzjonijiet, jew tal-kanali ta’ konsenja;

(d)li tirrestrinġi jew tillimita n-negozju, l-operazzjonijiet jew in-network ta’ istituzzjonijiet li jinkludu l-entità marbuta b’obbligu magħżula, jew li tirrikjedi ċ-ċessjoni ta’ attivitajiet li jippreżentaw riskji eċċessivi ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu;

(e)li tirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jwasslu għat-tnaqqis tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu fl-attivitajiet, il-prodotti u s-sistemi tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula;

(f)li tirrikjedi bidliet fl-istruttura ta’ governanza;

(g)li tirrikjedi l-forniment ta’ kwalunkwe data jew informazzjoni meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti elenkati fl-Artikolu 5(2), li tirrikjedi s-sottomissjoni ta’ kwalunkwe dokument, jew timponi rekwiżiti ta’ rapportar addizzjonali jew aktar frekwenti;

(h)li timponi rekwiżiti speċifiċi relatati ma’ klijenti, tranżazzjonijiet jew attivitajiet individwali li jippreżentaw riskji għoljin;

(i)li tipproponi l-irtirar tal-liċenzja ta’ entità marbuta b’obbligu magħżula lill-awtorità li tkun tat tali liċenzja.

3.L-Awtorità għandu jkollha wkoll is-setgħat u l-obbligi li l-awtoritajiet superviżorji għandhom skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni, sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn dan ir-Regolament. Sa fejn ikun meħtieġ biex twettaq il-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ titlob, permezz ta’ struzzjonijiet, lil dawk l-awtoritajiet superviżorji biex jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom, skont u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali, meta dan ir-Regolament ma jagħtix tali setgħat lill-Awtorità, b’mod partikolari meta tali setgħat jirriżultaw mill-Artikolu 41(1) (a) sa (f), (2) u (3) [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423]. Dawk l-awtoritajiet superviżorji għandhom jinfurmaw b’mod sħiħ lill-Awtorità dwar l-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat.

Artikolu 21

Sanzjonijiet amministrattivi pekunarji

1.Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, meta entità marbuta b’obbligu magħżula tikser b’mod intenzjonali jew b’negliġenza rekwiżit elenkat fl-Anness II skont l-atti direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), jew ma tikkonformax ma’ deċiżjoni vinkolanti msemmija fl-Artikolu 6(1), l-Awtorità tista’ timponi sanzjonijiet amministrattivi pekunarji, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu.

2.Fejn il-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità jsib li entità marbuta b’obbligu magħżula tkun wettqet, intenzjonalment jew b’negliġenza, ksur materjali tar-rekwiżiti direttament applikabbli li jinsabu fi [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLR, COM (2021)420] jew [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għat-TFR, COM(2021)422], huwa għandu jadotta deċiżjoni li timponi sanzjonijiet amministrattivi pekunarji, f’konformità mal-paragrafu 3. Is-sanzjonijiet amministrattivi pekunarji għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma’, jew minflok, it-talbiet imsemmija fl-Artikolu 20(2).

3.L-ammont bażiku tas-sanzjonijiet amministrattivi pekunarji msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi inkluż fil-limiti li ġejjin:

(a)għal ksur materjali ta’ rekwiżit wieħed jew aktar relatati mad-diliġenza dovuta tal-klijenti, il-politiki u l-proċeduri tal-grupp u/jew l-obbligi ta’ rapportar li ġie identifikat f’żewġ Stati Membri jew aktar fejn topera entità marbuta b’obbligu magħżula, is-sanzjoni għandha tammonta għal mill-anqas EUR 1 000 000 u ma għandhiex taqbeż EUR 2 000 000 jew 1 % tal-fatturat annwali, skont liema jkun l-ogħla;

(b)għal ksur materjali ta’ rekwiżit wieħed jew aktar relatati mad-diliġenza dovuta tal-klijenti, il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni u/jew l-obbligi ta’ rapportar li ġie identifikat fi Stat Membru wieħed fejn topera entità marbuta b’obbligu magħżula, is-sanzjoni għandha tammonta għal mill-anqas EUR 500 000 u ma għandhiex taqbeż EUR 1 000 000 jew 0,5 % tal-fatturat annwali, skont liema jkun l-ogħla;

(c)għal ksur materjali tar-rekwiżiti l-oħra kollha li ġie identifikat f’żewġ Stati Membri jew aktar fejn topera entità marbuta b’obbligu magħżula, is-sanzjoni għandha tammonta għal mill-anqas EUR 1 000 000 u ma għandhiex taqbeż EUR 2 000 000;

(d)għal ksur materjali tar-rekwiżiti l-oħra kollha li ġie identifikat fi Stat Membru wieħed, is-sanzjoni għandha tammonta għal mill-anqas EUR 500 000 u ma għandhiex taqbeż EUR 1 000 000;

(e)għal ksur materjali tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità msemmija fl-Artikolu 6(1), is-sanzjoni għandha tammonta għal mill-anqas EUR 100 000 u ma għandhiex taqbeż EUR 1 000 000.

4.L-ammonti bażiċi definiti fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 3 għandhom jiġu aġġustati, fejn meħtieġ, billi jitqiesu fatturi aggravanti jew mitiganti skont il-koeffiċjenti rilevanti stabbiliti fl-Anness I. Il-koeffiċjenti aggravanti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wieħed għall-ammont bażiku. Jekk ikun applikabbli aktar minn koeffiċjent aggravanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent aggravanti individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku. Fejn il-benefiċċju miksub mill-ksur mill-persuna fiżika jew ġuridika miżmuma responsabbli jew it-telf għal partijiet terzi kkawżat mill-ksur ikun jista’ jiġi ddeterminat, dawn għandhom jiżdiedu mal-ammont totali tas-sanzjoni, wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti.

5.Il-koeffiċjenti mitiganti rilevanti għandhom jiġu applikati wieħed wieħed għall-ammont bażiku. Jekk ikun applikabbli aktar minn koeffiċjent mitiganti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kull koeffiċjent mitiganti individwali għandha titnaqqas mill-ammont bażiku.

6.L-ammont massimu ta’ sanzjoni għall-ksur materjali msemmi fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b) ma għandux jaqbeż l-10 % tal-fatturat annwali totali tal-entità marbuta b’obbligu fis-sena kontabilistika preċedenti, wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti msemmija fil-paragrafi 4 u 5.

7.L-ammont massimu ta’ sanzjoni għall-ksur materjali msemmi fil-paragrafu 2, il-punt (c) u l-punt (d) ma għandux jaqbeż EUR 10 000 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-Euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali, wara l-applikazzjoni tal-koeffiċjenti msemmija fil-paragrafi 4 u 5.

8.Meta l-entità marbuta b’obbligu magħżula tkun impriża omm jew sussidjarja ta’ impriża omm li tkun meħtieġa tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati f’konformità mal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 51 , il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mal-istandards kontabilistiċi applikabbli skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża omm apikali.

9.Fil-każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ titlob lis-superviżuri finanzjarji jibdew proċedimenti bil-ħsieb li jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji xierqa f’konformità mal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li tagħti setgħat speċifiċi li fil-preżent ma humiex meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni. Is-sanzjonijiet applikati mis-superviżuri finanzjarji għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-ewwel subparagrafu għandu jkun applikabbli għas-sanzjonijiet amministrattivi pekunarji li għandhom jiġu imposti fuq entitajiet marbutin b’obbligu magħżula għal ksur tal-liġi nazzjonali li tittrasponi [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423] u għal kwalunkwe sanzjoni amministrattiva pekunarja li għandha tiġi imposta fuq il-membri tal-bord maniġerjali ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula li skont il-liġi nazzjonali jkunu responsabbli għal ksur minn entità marbuta b’obbligu.

10.Is-sanzjonijiet amministrattivi pekunarji applikati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 22

Pagamenti perjodiċi ta’ penali 

1.Il-Bord Eżekuttiv għandu b’deċiżjoni jimponi pagament perjodiku ta’ penali sabiex iġiegħel:

(a)entità marbuta b’obbligu magħżula ttemm ksur, f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 6(1);

(b)persuna msemmija fl-Artikolu 16(1) tipprovdi l-informazzjoni sħiħa li tkun intalbet b’deċiżjoni bis-saħħa tal-Artikolu 6(1);

(c)persuna msemmija fl-Artikolu 16(1) tissottometti ruħha għal investigazzjoni u b’mod partikolari tipproduċi rekords, data, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u biex tikkompleta u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija f’konformità mal-Artikolu 17.

2.Il-pagament perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-pagament perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost fuq bażi ta’ kuljum sakemm l-entità marbuta b’obbligu magħżula jew il-persuna kkonċernata tikkonforma mad-deċiżjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 1.

3.Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont ta’ pagament perjodiku ta’ penali għandu jkun ta’ 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena kontabilistika preċedenti jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Dan għandu jiġi kkalkulat mid-data stabbilita fid-deċiżjoni li timponi l-pagament perjodiku ta’ penali.

4.Pagament perjodiku ta’ penali jista’ jiġi impost għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Awtorità.

Artikolu 23

Smigħ ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti 

1.Qabel ma jieħu kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva pekunjarja jew pagament perjodiku ta’ penali f’konformità mal-Artikoli 21 u 22, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tal-Awtorità. Il-Bord Eżekuttiv għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

2.Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandhom jiġu kompletament irrispettati matul il-proċedimenti. Huma għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Awtorità, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew dokumenti preparatorji interni tal-Awtorità.

Artikolu 24

Divulgazzjoni, natura, infurzar u allokazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi pekunarji u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.L-Awtorità għandha tiddivulga lill-pubbliku kull sanzjoni amministrattiva pekunarja u pagament perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti fuq entità marbuta b’obbligu magħżula f’konformità mal-Artikoli 21 u 22, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.

2.Is-sanzjonijiet amministrattivi pekunarji u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti f’konformità mal-Artikoli 21 u 22 għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jkun irregolat bir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat li jitwettaq fit-territorju tiegħu. L-ordni għall-infurzar tiegħu għandha tiġi mehmuża mad-deċiżjoni mingħajr formalità oħra ħlief il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità li l-gvern ta’ kull Stat Membru għandu jaħtar għal dak il-għan u għandu jgħarraf lill-Awtorità u lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Meta dawk il-formalitajiet ikunu ġew ikkompletati fuq talba mill-parti kkonċernata, din tal-aħħar tista’ tipproċedi għall-infurzar f’konformità mal-liġi nazzjonali, billi tressaq il-kwistjoni direttament quddiem il-korp kompetenti.

L-infurzar jista’ jiġi sospiż biss b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-qrati tal-Istat Membru kkonċernat għandu jkollhom ġuriżdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar ikun qed jitwettaq b’mod irregolari.

3.L-ammonti tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 25

Regoli proċedurali għat-teħid ta’ miżuri superviżorji u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi pekunarji

1.Meta, fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, l-Awtorità ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness II, l-Awtorità għandha taħtar tim investigattiv indipendenti fi ħdan l-Awtorità biex jinvestiga l-kwistjoni. It-tim investigattiv ma għandux ikun involut jew kien involut fis-superviżjoni diretta tal-entità marbuta b’obbligu magħżula kkonċernata u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità.

2.It-tim investigattiv għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni soġġetti għal investigazzjoni, u għandu jissottometti fajl komplut bis-sejbiet tiegħu lill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità.

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, it-tim investigattiv jista’ jeżerċita s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 16 u li jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 17 u 18.

Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, it-tim investigattiv għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mit-tim superviżorju konġunt fl-attivitajiet superviżorji tiegħu.

3.Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel ma jissottometti l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità, it-tim investigattiv għandu jagħti lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu investigati. It-tim investigattiv għandu jibbaża s-sejbiet tiegħu biss fuq fatti li l-persuni soġġetti għal investigazzjoni kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwarhom.

Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom jiġu kompletament irrispettati matul l-investigazzjonijiet skont dan l-Artikolu.

4.Meta jissottometti l-fajl bis-sejbiet tiegħu lill-Bord Eżekuttiv tal-Awtorità, it-tim investigattiv għandu jinnotifika dak il-fatt lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

5.Abbażi tal-fajl li jkun fih is-sejbiet tat-tim investigattiv u, meta jintalab mill-persuni kkonċernati, wara li jkun sema’ lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni f’konformità mal-Artikolu X, il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi jekk ikunx sar wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness II mill-persuni li kienu soġġetti għal investigazzjoni, u f’tali każ, għandu jieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 20 u jimponi sanzjoni amministrattiva pekunjarja f’konformità mal-Artikolu 21.

6.It-tim investigattiv ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv jew b’xi mod ieħor jintervjeni fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord Eżekuttiv.

7.Il-Kummissjoni għandha tadotta aktar regoli ta’ proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħa li timponi sanzjonijiet amministrattivi pekunarji jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża, dispożizzjonijiet temporali, u l-ġbir tas-sanzjonijiet amministrattivi pekunarji jew tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali, u għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar tal-penali.

Ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 85.

8.L-Awtorità għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti meta, fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament, hija ssib li jkun hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha toqgħod lura milli timponi sanzjonijiet amministrattivi pekunarji jew pagamenti perjodiċi ta’ penali meta liberazzjoni jew kundanna preċedenti li tkun irriżultat minn fatti identiċi, jew minn fatti li jkunu sostanzjalment l-istess, tkun kisbet il-forza ta’ res judicata bħala riżultat ta’ proċedimenti kriminali skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 26

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni mingħajr limiti biex tirrieżamina d-deċiżjonijiet tal-Awtorità li jimponu sanzjoni amministrattiva pekunjarja jew pagament perjodiku ta’ penali. Din tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament perjodiku ta’ penali impost.

Artikolu 27

Arranġamenti lingwistiċi f’superviżjoni diretta

1.L-Awtorità u s-superviżuri finanzjarji għandhom jadottaw arranġamenti għall-komunikazzjoni tagħhom fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT, inkluż il-lingwa/i li għandhom jintużaw.

2.Kwalunkwe dokument li entità marbuta b’obbligu magħżula jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra soġġetta individwalment għall-proċeduri superviżorji tal-Awtorità tissottometti lill-Awtorità jista’ jiġi abbozzat fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, magħżula mill-entità marbuta b’obbligu magħżula jew mill-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata.

3.L-Awtorità, l-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika oħra soġġetta individwalment għall-proċeduri superviżorji tal-Awtorità jistgħu jaqblu li jużaw esklużivament waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni fil-komunikazzjoni bil-miktub tagħhom, inkluż fir-rigward tad-deċiżjonijiet superviżorji tal-Awtorità.

4.Ir-revoka ta’ tali ftehim dwar l-użu ta’ lingwa waħda għandha taffettwa biss l-aspetti tal-proċedura superviżorja tal-Awtorità li jkunu għadhom ma twettqux.

5.Meta l-parteċipanti f’seduta orali jitolbu li jinstemgħu f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ma tkunx il-lingwa tal-proċedura superviżorja tal-Awtorità, għandu jingħata avviż bil-quddiem suffiċjenti dwar din il-ħtieġa lill-Awtorità sabiex tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti neċessarji.

TAQSIMA 4

SUPERVIŻJONI INDIRETTA TA’ ENTITAJIET MARBUTIN B’OBBLIGU MHUX MAGĦŻULA

Artikolu 28

Valutazzjonijiet tal-istat ta’ konverġenza superviżorja

1.L-Awtorità għandha twettaq valutazzjonijiet perjodiċi ta’ xi wħud mill-attivitajiet jew tal-attivitajiet kollha ta’ superviżur finanzjarju wieħed, ta’ diversi superviżuri finanzjarji jew tas-superviżuri finanzjarji kollha, inkluża l-valutazzjoni tal-għodod u r-riżorsi tagħhom biex jiġu żgurati standards u prattiki superviżorji ta’ livell għoli. Il-valutazzjonijiet għandhom jinkludu rieżami tal-applikazzjoni tal-metodoloġija superviżorja tal-AML/CFT żviluppata bis-saħħa tal-Artikolu 8 u għandhom ikopru s-superviżuri finanzjarji kollha f’ċiklu ta’ valutazzjoni uniku. It-tul ta’ kull ċiklu ta’ valutazzjoni għandu jiġi ddeterminat mill-Awtorità u ma għandux jaqbeż is-seba’ snin.

2.Il-valutazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-persunal tal-Awtorità bl-involviment volontarju tal-persunal tas-superviżuri finanzjarji li ma jkunux soġġetti għal rieżami, bi qbil dwar tali involviment mill-Bord Eżekuttiv. Il-valutazzjonijiet għandhom iqisu b’mod xieraq l-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet jew ir-rapporti rilevanti kollha mfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi intergovernattivi b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

3.L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jippreżenta r-riżultati ta’ kull valutazzjoni. Dak ir-rapport għandu jitħejja mill-persunal tal-Awtorità, jew mill-persunal tal-Awtorità b’mod konġunt mal-persunal tas-superviżuri finanzjarji meta l-persunal tas-superviżuri finanzjarji kien involut fir-reviżjoni fuq bażi ad hoc. Ir-rapport għandu jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv, b’kont meħud tal-osservazzjonijiet tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja. Ir-rapport għandu jispjega u jindika kwalunkwe miżura ta’ segwitu speċifika meħtieġa li għandha tittieħed mis-superviżur finanzjarju jew mis-superviżuri finanzjarji soġġetti għall-valutazzjoni li titqies xierqa, proporzjonata u meħtieġa bħala riżultat tal-valutazzjoni. Il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 43 inklużi rakkomandazzjonijiet indirizzati lil diversi superviżuri finanzjarji jew lil kollha kemm huma jew lil kwalunkwe superviżur finanzjarju speċifiku, kif ikun xieraq.

4.Is-superviżuri finanzjarji għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw mal-miżuri speċifiċi ta’ segwitu indirizzati lilhom b’riżultat tal-valutazzjoni.

Artikolu 29

Koordinazzjoni u faċilitazzjoni tal-ħidma tal-kulleġġi tal-AML

1.L-Awtorità għandha tiżgura, fl-ambitu tas-setgħat tagħha u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tas-superviżuri finanzjarji rilevanti f’konformità mal-Artikolu 36 [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423], li l-kulleġġi superviżorji tal-AML ikunu stabbiliti u qed jiffunzjonaw b’mod konsistenti għal entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula li joperaw f’diversi Stati Membri f’konformità mal-Artikolu 36 [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423]. Għal dan il-għan, l-Awtorità tista’:

(a)tistabbilixxi kulleġġi, issejjaħ u torganizza l-laqgħat tal-kulleġġi, fejn tali kulleġġ ma jkunx ġie stabbilit għalkemm il-kundizzjonijiet rilevanti għall-istabbiliment tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 36 [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423] ikunu ssodisfati;

(b)tassisti fl-organizzazzjoni tal-laqgħat tal-kulleġġi, meta tintalab mis-superviżuri finanzjarji rilevanti;

(c)tassisti fl-organizzazzjoni ta’ pjanijiet superviżorji konġunti u eżamijiet konġunti;

(d)tiġbor u tikkondividi l-informazzjoni rilevanti kollha f’kooperazzjoni mas-superviżuri finanzjarji sabiex tiffaċilita l-ħidma tal-kulleġġ u tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli għall-awtoritajiet fil-kulleġġ;

(e)tippromwovi attivitajiet superviżorji effettivi u effiċjenti, inkluża l-evalwazzjoni tar-riskji li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jew jistgħu jkunu esposti għalihom;

(f)tissorvelja, f’konformità mal-kompiti u s-setgħat speċifikati f’dan ir-Regolament, il-kompiti mwettqa mis-superviżuri finanzjarji.

2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-persunal tal-Awtorità għandu jkollu drittijiet sħaħ ta’ parteċipazzjoni fil-kulleġġi superviżorji tal-AML u għandu jkun jista’ jipparteċipa fl-attivitajiet tagħhom, inklużi spezzjonijiet fuq il-post, imwettqa b’mod konġunt minn żewġ superviżuri finanzjarji jew aktar.

Artikolu 30

Talbiet għal azzjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali

1.Is-superviżuri finanzjarji għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità meta s-sitwazzjoni ta’ kwalunkwe entità marbuta b’obbligu mhux magħżula fir-rigward tal-konformità tagħha mar-rekwiżiti applikabbli u l-iskopertura tagħha għar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tiddeterjora malajr u b’mod sinifikanti, speċjalment meta tali deterjorament jista’ jwassal għal dannu sinifikanti għar-reputazzjoni tal-Istat Membru fejn topera dik l-entità, ta’ diversi Stati Membri jew tal-Unjoni kollha kemm hi.

2.L-Awtorità tista’, fejn ikollha indikazzjonijiet ta’ ksur materjali minn entità marbuta b’obbligu mhux magħżula, titlob lis-superviżur finanzjarju tagħha biex:

(a)jinvestiga ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni, u fejn tali dritt tal-Unjoni jkun magħmul minn Direttivi jew b’mod espliċitu jagħti għażliet għall-Istati Membri, ksur tal-liġi nazzjonali sa fejn din tittrasponi Direttivi jew teżerċita għażliet mogħtija lill-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni, minn entità marbuta b’obbligu mhux magħżula; u

(b)jikkunsidra li jimponi sanzjonijiet f’konformità mad-dritt tal-Unjoni direttament applikabbli jew il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi fuq dik l-entità fir-rigward ta’ tali ksur.

Fejn ikun meħtieġ, l-Awtorità tista’ titlob ukoll lil superviżur finanzjarju jadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil dik l-entità li titlobha biex din tieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt applikabbli direttament tal-Unjoni jew skont il-liġi nazzjonali, sa fejn din tittrasponi d-Direttivi jew teżerċita l-għażliet mogħtija lill-Istati Membri mid-dritt tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika.

3.Is-superviżur finanzjarju kkonċernat għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe talba indirizzata lilu f’konformità mal-paragrafu 2 u għandu jinforma lill-Awtorità, malajr kemm jista’ jkun u sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem tax-xogħol mill-jum tan-notifika ta’ tali talba, bil-passi li jkun ħa jew li jkun beħsiebu jieħu biex jikkonforma ma’ dik it-talba.

4.Meta s-superviżur finanzjarju kkonċernat ma jikkonformax mat-talba msemmija fil-paragrafu 2 u ma jinformax lill-Awtorità bil-passi li jkun ħa jew li jkun beħsiebu jieħu biex jikkonforma mat-talba fi żmien għaxart ijiem mid-data tan-notifika tat-talba, l-Awtorità tista’ titlob lill-Kummissjoni tagħti permess għat-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat rilevanti msemmija fl-Artikolu 5(2) u fl-Artikolu 6(1) relatati mas-superviżjoni diretta tal-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula mis-superviżur finanzjarju kkonċernat lill-Awtorità.

5.It-talba mill-Awtorità għandu jkun fiha:

(a)deskrizzjoni tal-ksur materjali tar-rekwiżiti direttament applikabbli minn entità marbuta b’obbligu mhux magħżula identifikata u ġustifikazzjoni li tali ksur jaqa’ fl-ambitu tal-kompetenza tal-Awtorità, skont il-paragrafu 2;

(b)ġustifikazzjoni għaliex it-talba lis-superviżur finanzjarju msemmi fil-paragrafu 2 ma rriżultat fl-ebda azzjoni meħuda fil-limitu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 3;

(c)limitu ta’ żmien, li ma għandux jaqbeż it-tliet snin, għat-trasferiment mitlub tal-kompiti u s-setgħat rilevanti;

(d)deskrizzjoni tal-miżuri li l-Awtorità jkun beħsiebha tieħu fir-rigward tal-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula mat-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat rilevanti biex tindirizza l-ksur materjali msemmi fil-paragrafu 2.

6.Il-Kummissjoni għandu jkollha xahar mid-data li tirċievi t-talba mill-Awtorità biex tadotta deċiżjoni dwar jekk tawtorizzax it-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat rilevanti jew jekk topponihx. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Awtorità, li għandha tinforma minnufih b’dan lis-superviżur finanzjarju u lill-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula.

7.Fl-għaxar jum tax-xogħol wara n-notifika tad-deċiżjoni li tawtorizza t-trasferiment tal-kompiti u s-setgħat fir-rigward tal-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula, l-entità marbuta b’obbligu mhux magħżula msemmija fil-paragrafu 2 għandha titqies bħala entità marbuta b’obbligu magħżula għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(2) u s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikoli 16 sa 22. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti u s-setgħat, li mal-iskadenza tiegħu għandhom jiġu ttrasferiti awtomatikament lura lis-superviżur finanzjarju kkonċernat.

TAQSIMA 5

SORVELJANZA TAS-SETTUR MHUX FINANZJARJU

Artikolu 31

Evalwazzjonijiet bejn il-pari

1.L-Awtorità għandha perjodikament twettaq evalwazzjonijiet bejn il-pari ta’ xi wħud mill-attivitajiet jew tal-attivitajiet kollha tas-superviżuri mhux finanzjarji biex issaħħaħ il-konsistenza u l-effettività fl-eżiti superviżorji. Għal dak il-għan, l-Awtorità għandha tiżviluppa metodi li jippermettu valutazzjoni u tqabbil oġġettivi bejn is-superviżuri mhux finanzjarji rieżaminati. Fl-ippjanar u t-twettiq tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari, għandhom jitqiesu l-informazzjoni u l-evalwazzjonijiet eżistenti diġà disponibbli fir-rigward tas-superviżur mhux finanzjarju kkonċernat, inkluża kwalunkwe informazzjoni rilevanti pprovduta lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 11, il-valutazzjonijiet jew ir-rapporti mfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi intergovernattivi kompetenti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti mill-partijiet ikkonċernati.

2.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tistabbilixxi kumitati ad hoc ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, li għandhom ikunu magħmula minn persunal mill-Awtorità u membri tas-superviżuri mhux finanzjarji. Il-kumitati ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandhom ikunu ppreseduti minn membru tal-persunal tal-Awtorità. Il-President tal-Awtorità għandu, wara sejħa għal proposti, jipproponi l-president u l-membri ta’ kumitat ta’ evalwazzjoni bejn il-pari li għandu jiġi approvat mill-Bord Eżekuttiv.

3.L-evalwazzjoni bejn il-pari għandha tinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma għandhiex tkun limitata għal:

(a)l-adegwatezza tas-setgħat u tar-riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi, il-grad ta’ indipendenza, l-arranġamenti ta’ governanza u l-istandards professjonali tas-superviżur mhux finanzjarju biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-Kapitolu IV [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423];

(b)l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuqa fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u fil-prattika superviżorja, u l-punt sa fejn il-prattika superviżorja tilħaq l-objettivi stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni;

(c)l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki żviluppati minn superviżuri mhux finanzjarji li l-adozzjoni tagħhom tista’ tkun ta’ benefiċċju għal superviżuri mhux finanzjarji oħra;

(d)l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuqa fir-rigward tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inklużi s-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra imposti kontra l-persuni responsabbli meta dawk id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew rispettati.

4.L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jippreżenta r-riżultati tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Dak ir-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandu jitħejja mill-kumitat ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv, wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja dwar il-konsistenza tal-applikazzjoni tal-metodoloġija ma’ rapporti oħra ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapport għandu jispjega u jindika l-miżuri ta’ segwitu li jitqiesu xierqa, proporzjonati u meħtieġa bħala riżultat tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Dawk il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 3 u opinjonijiet f’konformità mal-Artikolu 44. Is-superviżuri mhux finanzjarji għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linja gwida u rakkomandazzjoni maħruġa, f’konformità mal-Artikolu 43.

5.L-Awtorità għandha tippubblika s-sejbiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari fuq is-sit web tagħha u tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni meta, wara li tkun qieset l-eżitu tal-evalwazzjoni bejn il-pari jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, hija tqis li tkun meħtieġa armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-entitajiet marbutin b’obbligu fis-settur mhux finanzjarju jew għas-superviżuri mhux finanzjarji mill-perspettiva tal-Unjoni.

6.L-Awtorità għandha tipprovdi rapport ta’ segwitu sentejn wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jitħejja mill-kumitat ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv, wara li jkun irċieva l-osservazzjonijiet tal-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja dwar il-konsistenza ma’ rapporti oħra ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jinkludi valutazzjoni tal-adegwatezza u tal-effettività tal-azzjonijiet imwettqa mis-superviżuri mhux finanzjarji li kienu soġġetti għall-evalwazzjoni bejn il-pari b’risposta għall-miżuri ta’ segwitu tar-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari. L-Awtorità għandha tippubblika s-sejbiet tar-rapport ta’ segwitu fuq is-sit web tagħha.

7.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta pjan ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni bejn il-pari kull sentejn, li għandu jirrifletti t-tagħlimiet meħuda mill-proċessi passati ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u d-diskussjonijiet fil-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja. Il-pjan ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandu jikkostitwixxi parti separata mill-programm ta’ ħidma annwali u pluriennali u għandu jiġi inkluż fid-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni. F’każ ta’ urġenza jew avvenimenti mhux previsti, l-Awtorità tista’ tiddeċiedi li twettaq evalwazzjonijiet addizzjonali bejn il-pari.

8.Meta s-superviżjoni titwettaq minn SRBs, l-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għandu jinkludi l-valutazzjoni tal-adegwatezza u tal-effettività tal-miżuri f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423] li jittieħdu mill-awtorità pubblika responsabbli mis-sorveljanza ta’ dawn il-korpi biex jiġi żgurat li dawn iwettqu l-funzjoni tagħhom skont l-istandards meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni.

9.Skont il-każ, meta l-SRBs jindikaw interess li jipparteċipaw f’eżerċizzju ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, ir-rappreżentanti tal-korpi fdati b’funzjonijiet superviżorji jistgħu jiġu mistiedna biex jipparteċipaw f’dik l-evalwazzjoni bejn il-pari.

Artikolu 32

Setgħat fuq l-awtoritajiet superviżorji fis-settur mhux finanzjarju

1.Meta awtorità superviżorja fis-settur mhux finanzjarju ma tkunx applikat l-atti tal-Unjoni jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(2), jew tkun applikathom b’mod li jidher li jkun ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tonqos milli tiżgura li entità taħt is-superviżjoni jew is-sorveljanza tagħha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dawk l-atti jew f’dik il-leġiżlazzjoni, l-Awtorità għandha taġixxi f’konformità mas-setgħat stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4, 6 u 7 ta’ dan l-Artikolu.

2.Fuq talba minn awtorità superviżorja waħda jew aktar fis-settur mhux finanzjarju, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva proprja tagħha, anki meta din tkun ibbażata fuq informazzjoni ssostanzjata sewwa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u wara li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja fis-settur mhux finanzjarju kkonċernat, l-Awtorità għandha tiddeskrivi kif ikun beħsiebha tipproċedi bil-każ u, fejn ikun xieraq, tinvestiga l-allegat ksur jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

L-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha li l-Awtorità tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, inkluża informazzjoni dwar kif l-atti tal-Unjoni jew f’dik il-leġiżlazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) jiġu applikati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Kull meta talba għall-informazzjoni mill-awtorità superviżorja kkonċernata tkun irriżultat, jew titqies li tkun, insuffiċjenti biex tinkiseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-finijiet tal-investigazzjoni ta’ allegat ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Awtorità tista’, wara li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja, tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lil awtoritajiet superviżorji oħra.

Id-destinatarju ta’ tali talba għandu jipprovdi lill-Awtorità b’informazzjoni ċara, preċiża u kompleta mingħajr dewmien żejjed.

3.L-Awtorità tista’, mhux aktar tard minn sitt xhur mill-bidu tal-investigazzjoni tagħha, tindirizza rakkomandazzjoni lill-awtorità superviżorja fis-settur mhux finanzjarju kkonċernat li tistabbilixxi l-azzjoni meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni.

Qabel ma toħroġ tali rakkomandazzjoni, l-Awtorità għandha timpenja ruħha mal-awtorità superviżorja kkonċernata, meta hija tqis li tali impenn ikun xieraq sabiex jiġi solvut ksur tad-dritt tal-Unjoni, f’tentattiv biex jintlaħaq qbil dwar l-azzjonijiet meħtieġa għall-konformità mad-dritt tal-Unjoni.

L-awtorità superviżorja fis-settur mhux finanzjarju għandha, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni, tinforma lill-Awtorità bil-passi li tkun ħadet jew li jkun beħsiebha tieħu biex tiżgura l-konformità mad-dritt tal-Unjoni.

4.Fejn l-awtorità superviżorja fis-settur mhux finanzjarju ma tkunx ikkonformat mad-dritt tal-Unjoni fi żmien xahar minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, il-Kummissjoni tista’, wara li tkun ġiet infurmata mill-Awtorità, jew fuq inizjattiva proprja tagħha, toħroġ opinjoni formali li tirrikjedi li l-awtorità superviżorja fis-settur mhux finanzjarju tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni. L-opinjoni formali tal-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità.

Il-Kummissjoni għandha toħroġ tali opinjoni formali fi żmien tliet xhur wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-perjodu b’xahar.

L-Awtorità u l-awtorità superviżorja fis-settur mhux finanzjarju għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

5.L-awtorità superviżorja fis-settur mhux finanzjarju għandha, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi l-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 5, tinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità bil-passi li tkun ħadet jew li jkun beħsiebha tieħu biex tikkonforma ma’ dik l-opinjoni formali.

6.Meta l-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 tkun indirizzata lil awtorità superviżorja li tkun awtorità pubblika li tissorvelja SRB, u meta din ma tikkonformax mal-opinjoni formali fil-perjodu speċifikat fiha, biex tirrimedja tali nuqqas ta’ konformità b’mod f’waqtu, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil SRB li titolbu jieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun f’konformità mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

7.Id-deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-paragrafu 6 għandhom jipprevalu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtorità superviżorja dwar l-istess kwistjoni.

Meta jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jkunu soġġetti għal opinjoni formali skont il-paragrafu 5 jew għal deċiżjoni skont il-paragrafu 7, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew mad-deċiżjoni, skont il-każ.

TAQSIMA 6

MEKKANIŻMU TA’ APPOĠĠ U KOORDINAZZJONI TAL-UIF

Artikolu 33

Twettiq ta’ analiżijiet konġunti

1.Meta, f’konformità mal-Artikolu 25 ta’ [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423], UIF ta’ Stat Membru tidentifika ħtieġa potenzjali li titwettaq analiżi konġunta ma’ UIF waħda jew aktar fi Stati Membri oħra, hija għandha tinnotifika b’dan lill-Awtorità. L-Awtorità għandha tinforma lill-UIF fl-Istati Membri rilevanti kollha u tistedinhom jieħdu sehem fl-analiżi konġunta fi żmien ħamest ijiem min-notifika inizjali. Għal dan il-għan, l-Awtorità għandha tuża kanali ta’ komunikazzjoni siguri. L-UIF fl-Istati Membri rilevanti kollha għandhom jikkunsidraw li jieħdu sehem fl-analiżi konġunta. L-Awtorità għandha tiżgura li l-analiżi konġunta titnieda fi żmien 20 jum min-notifika inizjali.

2.Kwalunkwe UIF li tirrifjuta li tipparteċipa fit-twettiq tal-analiżi konġunta għandha tipprovdi r-raġunijiet għal dan bil-miktub lill-Awtorità, fi żmien ħamest ijiem minn meta tirċievi l-istedina. L-Awtorità għandha tipprovdi tali spjegazzjoni mingħajr dewmien lill-FIU li tkun identifikat il-ħtieġa għal analiżi konġunta.

3.Bil-kunsens espliċitu tal-UIF li jipparteċipaw fl-analiżi konġunta, il-persunal tal-Awtorità li jappoġġa l-analiżi konġunta għandu jingħata aċċess għad-data kollha relatata mas-suġġett tal-analiżi konġunta u għandu jkun jista’ jipproċessa dik id-data.

4.L-Awtorità għandha tipprovdi l-għodod u l-appoġġ operazzjonali kollha meħtieġa għat-twettiq tal-analiżi konġunta partikolari, f’konformità mal-metodi u l-proċeduri żviluppati. B’mod partikolari, l-Awtorità għandha tistabbilixxi kanal ta’ komunikazzjoni ddedikat u sigur għat-twettiq tal-analiżi konġunta, u għandha tipprovdi l-koordinazzjoni teknika xierqa, inkluż is-sostenn għall-IT, l-appoġġ baġitarju u loġistiku.

Artikolu 34

Rieżami tal-metodi, tal-proċeduri u tat-twettiq tal-analiżijiet konġunti

1.L-Awtorità għandha tiżgura li l-metodi u l-proċeduri stabbiliti għat-twettiq tal-analiżijiet konġunti jiġu rieżaminati u aġġornati perjodikament fejn ikun meħtieġ.

2.L-UIF li pparteċipaw jew kienu involuti b’xi mod ieħor f’analiżi konġunta waħda jew aktar jistgħu jipprovdu l-feedback tagħhom dwar it-twettiq tal-analiżi, inkluż feedback dwar l-appoġġ operazzjonali pprovdut mill-Awtorità fil-proċess tal-analiżi konġunta, kif ukoll feedback dwar l-eżitu tal-metodi ta’ ħidma u l-arranġamenti ta’ analiżi fis-seħħ, l-għodod disponibbli u l-koordinazzjoni bejn l-UIF parteċipanti. Il-feedback jista’ jiġi ttikkettat bħala kunfidenzjali, f’liema każ ma jiġix kondiviż ma’ UIF oħra.

3.Abbażi tal-feedback imsemmi fil-paragrafu 2, jew fuq inizjattiva proprja tagħha, l-Awtorità tista’ toħroġ rapporti ta’ segwitu relatati mat-twettiq ta’ analiżijiet konġunti, inklużi suġġerimenti speċifiċi dwar aġġustamenti fir-rigward tal-metodi u l-proċeduri għat-twettiq tal-analiżijiet konġunti, u konklużjonijiet dwar l-eżitu tal-analiżijiet konġunti. L-aspetti proċedurali u operazzjonali tar-rapport ta’ segwitu għandhom jiġu kondiviżi mal-UIF kollha, mingħajr ma tiġi żvelata informazzjoni kunfidenzjali jew ristretta dwar il-każ. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet relatati mat-twettiq tal-analiżijiet konġunti għandhom jiġu kondiviżi mal-UIF li pparteċipaw fl-analiżijiet konġunti rilevanti, u mal-UIF l-oħra kollha sa fejn dawn il-konklużjonijiet ma jkunx fihom informazzjoni kunfidenzjali jew ristretta.

Artikolu 35

Delegati nazzjonali tal-UIF

1.L-UIF ta’ kull Stat Membru tista’ tiddelega membru wieħed tal-persunal lill-Awtorità. Id-delegat nazzjonali tal-UIF għandu jkollu l-post tax-xogħol regolari tiegħu fis-sede tal-Awtorità.

2.Id-delegati tal-UIF għandu jkollhom l-istatus ta’ persunal tal-UIF deleganti fiż-żmien tal-ħatra tagħhom u għat-tul kollu tad-delega tagħhom. L-Istati Membri għandhom jaħtru d-delegat tal-UIF tagħhom abbażi ta’ livell għoli ppruvat ta’ esperjenza prattika rilevanti fil-qasam tal-kompiti tal-UIF. Is-salarji u l-emolumenti tad-delegat tal-UIF għandhom jitħallsu mill-UIF deleganti.

3.Il-mandat tad-delegati tal-UIF għandu jkun ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba bil-kunsens tal-UIF deleganti.

4.Id-delegati tal-UIF għandhom jappoġġaw lill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 5(5). Għal dak il-għan, id-delegati nazzjonali tal-UIF għandhom jingħataw aċċess għad-data u l-informazzjoni tal-Awtorità li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom għat-tul ta’ żmien tad-delega.

5.Id-delegati tal-UIF jistgħu jingħataw aċċess għal kwalunkwe data aċċessibbli mill-UIF deleganti tagħhom għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 4, soġġett għall-kunsens tal-UIF deleganti tagħhom.

6.Il-Bord Eżekuttiv għandu jiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tad-delegati tal-UIF fir-rigward tal-Awtorità.

Artikolu 36

Assistenza reċiproka fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn l-UIF

1.Fil-kuntest tal-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-appoġġ tal-ħidma tal-UIF, l-Awtorità għandha torganizza u tiffaċilita tal-anqas l-attivitajiet li ġejjin:

(a)programmi ta’ taħriġ, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika;

(b)skambji ta’ persunal u skemi ta’ sekondar, inkluż l-issekondar ta’ persunal tal-UIF minn Stat Membru għall-Awtorità;

(c)skambji ta’ prattiki bejn l-UIF, inkluż il-kondiviżjoni ta’ għarfien espert f’qasam speċifiku.

2.Kwalunkwe UIF tista’ tippreżenta lill-Awtorità talba għall-assistenza relatata mal-kompiti tal-UIF, li tispeċifika t-tip ta’ assistenza li tista’ tiġi pprovduta mill-persunal tal-Awtorità, il-persunal ta’ UIF waħda jew aktar, jew kombinazzjoni tagħhom. L-UIF li titlob l-assistenza għandha tiżgura l-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni u data meħtieġa għall-għoti ta’ tali assistenza. L-Awtorità għandha żżomm u taġġorna b’mod regolari l-informazzjoni dwar oqsma speċifiċi ta’ għarfien espert u dwar il-kapaċità tal-UIF li jipprovdu assistenza reċiproka.

3.L-Awtorità għandha tagħmel kull sforz biex tipprovdi l-assistenza mitluba, inkluż billi tikkunsidra l-appoġġ li għandu jiġi pprovdut bir-riżorsi umani tagħha stess kif ukoll li tikkoordina u tiffaċilita l-għoti ta’ kwalunkwe forma ta’ assistenza minn UIF oħra fuq bażi volontarja.

4.Fil-bidu ta’ kull sena, il-President tal-Awtorità għandu jinforma lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-UIF dwar ir-riżorsi umani li l-Awtorità tista’ talloka biex tipprovdi l-assistenza msemmija fil-paragrafu preċedenti. Meta jseħħu bidliet fid-disponibbiltà tar-riżorsi umani minħabba t-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(5), il-President tal-Awtorità għandu jinforma b’dan lill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-UIF.

Artikolu 37

FIU.net

1.L-Awtorità għandha tiżgura hosting, ġestjoni, manutenzjoni u żvilupp adegwati u mingħajr interruzzjoni tal-FIU.net. L-Awtorità għandha, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżgura li tintuża l-aktar teknoloġija avvanzata disponibbli għall-FIU.net, soġġett għal analiżi tal-kostbenefiċċji.

2.L-Awtorità għandha tiżgura l-funzjonament mingħajr interruzzjoni tal-FIU.net u żżommha aġġornata. Fejn ikun meħtieġ biex tappoġġa jew issaħħaħ l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-UIF u abbażi tal-ħtiġijiet tal-UIF, l-Awtorità għandha tfassal u timplimenta, jew inkella tagħmel disponibbli, funzjonalitajiet imtejba jew addizzjonali tal-FIU.net.

3.L-Awtorità għandha tkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin relatati mal-FIU.net:

(a)tiżgura l-livell meħtieġ ta’ sigurtà tas-sistema, inkluża l-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex jiġu indirizzati u mitigati r-riskji għall-protezzjoni tad-data;

(b)tikkoordina, timmaniġġja u tappoġġa kwalunkwe attività ta’ ttestjar;

(c)tiżgura riżorsi finanzjarji adegwati;

(d)tipprovdi taħriġ dwar l-użu tekniku tal-FIU.net mill-utenti finali.

4.Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, l-Awtorità għandha tingħata s-setgħa li tikkonkludi jew tidħol f’kuntratti jew ftehimiet legalment vinkolanti ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ partijiet terzi.

5.L-Awtorità għandha tadotta u timplimenta l-miżuri meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti msemmija f’dan l-Artikolu, inkluż pjan ta’ sigurtà, pjan ta’ kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastri għall-FIU.net.

TAQSIMA 7

STRUMENTI KOMUNI

Artikolu 38

Standards tekniċi regolatorji

1.Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddelegaw is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti fl-oqsma stabbiliti speċifikament fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji. L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tibgħat dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-istandards tekniċi regolatorji għandhom ikunu tekniċi, ma għandhomx jimplikaw deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta’ politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun delimitat mill-atti leġiżlattivi li fuqhom ikunu bbażati.

Qabel ma tippreżentahom lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u għandha tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm dawk il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet ma jkunux sproporzjonati ħafna fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku regolatorju, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu meta l-adozzjoni ma tkunx tista’ sseħħ fil-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju parzjalment biss, jew b’emendi, meta l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju jew li tadottah parzjalment jew b’emendi, hija għandha tibgħat l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju lura lill-Awtorità, u tispjega għaliex ma tkunx qiegħda tadottah jew tispjega r-raġunijiet għall-emendi fih.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tissottomettih lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Jekk, mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità ma tkunx ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku regolatorju emendat, jew tkun ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku regolatorju li ma jkunx emendat b’mod konsistenti mal-emendi proposti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku regolatorju bl-emendi li tikkunsidra rilevanti, jew tirrifjutah.

Il-Kummissjoni ma tistax tbiddel il-kontenut ta’ abbozz ta’ standard tekniku regolatorju mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

2.Meta l-Awtorità ma tkunx ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz sa limitu ta’ żmien ġdid. L-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi żmien debitu, li hija ma tkunx se tikkonforma mal-limitu ta’ żmien il-ġdid.

3.Huwa biss meta l-Awtorità ma tippreżentax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju lill-Kummissjoni fil-limiti ta’ żmien f’konformità mal-paragrafu 2, li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta standard tekniku regolatorju permezz ta’ att delegat mingħajr abbozz mill-Awtorità.

Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-impatt tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat immedjatament l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju tagħha lill-Awtorità. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju u tippreżentah fil-forma ta’ opinjoni formali lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Jekk mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku regolatorju emendat, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku regolatorju.

Jekk l-Awtorità tkun ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku regolatorju emendat fil-perjodu ta’ sitt ġimgħat, il-Kummissjoni tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju abbażi tal-emendi proposti tal-Awtorità jew tadotta l-istandard tekniku regolatorju bl-emendi li hija tqis bħala rilevanti. Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut tal-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

4.L-istandards tekniċi regolatorji għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem “standard tekniku regolatorju” għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fih.

Artikolu 39

Eżerċitar tad-delega

1.Is-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikolu 38 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tas-setgħa ddelegata mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ durata identika. .

2.Malli tadotta standard tekniku regolatorju, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.Is-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 38, 40 u 41.

Artikolu 40

Oġġezzjonijiet għall-istandards tekniċi regolatorji

1.Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal standard tekniku regolatorju fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tal-istandard tekniku regolatorju adottat mill-Kummissjoni. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur.

2.Jekk, meta jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkun oġġezzjona għall-istandard tekniku regolatorju, dan għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih.

L-istandard tekniku regolatorju għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

3.Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal standard tekniku regolatorju fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. F’konformità mal-Artikolu 296 TFUE, l-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-istandard tekniku regolatorju.

Artikolu 41

Nuqqas ta’ approvazzjoni jew emendar ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji

1.Fil-każ li l-Kummissjoni ma tapprovax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju jew temendah kif previst fl-Artikolu 35, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Awtorità, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li tagħti r-raġunijiet tagħha.

2.Fejn ikun xieraq, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jistiednu lill-Kummissarju responsabbli, flimkien mal-President tal-Awtorità, fi żmien xahar min-notifika msemmija fil-paragrafu 1, għal laqgħa ad hoc tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill biex jippreżentaw u jispjegaw id-differenzi tagħhom.

Artikolu 42

Implimentazzjoni ta’ standards tekniċi

1.Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikolu 291 TFUE, fl-oqsma stabbiliti speċifikament fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni. L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu tekniċi, ma għandhomx jimplikaw deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta’ politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun li jiddetermina l-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti. L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tibgħat dawk l-istandards tekniċi għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Qabel ma tissottometti abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u għandha tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati ħafna fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perjodu b’xahar. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu meta l-adozzjoni ma tkunx tista’ sseħħ fil-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni parzjalment biss, jew b’emendi, meta l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni jew ikollha l-intenzjoni li tadottah parzjalment jew b’emendi, hija għandha tibagħtu lura lill-Awtorità fejn tispjega għaliex ma jkollhiex l-intenzjoni li tadottah jew fejn tispjega r-raġunijiet għall-emendi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tissottomettih lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat, jew tkun issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni li ma jkunx emendat b’mod konsistenti mal-emendi proposti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni bl-emendi li tqis li jkunu rilevanti jew tirrifjutah.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut ta’ abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

2.Meta l-Awtorità ma tkunx ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz sa limitu ta’ żmien ġdid. L-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi żmien debitu, li hija ma tkunx se tikkonforma mal-limitu ta’ żmien il-ġdid.

3.Huwa biss meta l-Awtorità ma tissottomettix abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fil-limiti ta’ żmien f’konformità mal-paragrafu 2, li l-Kummissjoni tkun tista’ tadotta standard tekniku ta’ implimentazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni mingħajr abbozz mill-Awtorità.

Il-Kummissjoni għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni u tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-impatt tal-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat immedjatament l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni lill-Awtorità. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni u tissottomettih fil-forma ta’ opinjoni formali lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni.

Jekk l-Awtorità tkun issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat f’dak il-perjodu ta’ sitt ġimgħat, il-Kummissjoni tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni abbażi tal-emendi proposti tal-Awtorità jew tadotta l-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni bl-emendi li hija tqis bħala rilevanti.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut tal-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni mħejjija mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

4.L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem “standard tekniku ta’ implimentazzjoni” għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fih.

Artikolu 43

Linji gwida u rakkomandazzjonijiet

1.L-Awtorità, bil-għan li tistabbilixxi prattiki superviżorji u prattiki relatati mal-UIF konsistenti, effiċjenti u effettivi, u tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni, għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet superviżorji, lill-UIF, jew lill-entitajiet marbutin b’obbligu kollha u toħroġ rakkomandazzjonijiet lil awtorità superviżorja waħda jew aktar jew lil entità marbuta b’obbligu waħda jew aktar.

2.L-Awtorità għandha, fejn ikun xieraq, twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li hija toħroġ u tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-ħruġ ta’ tali linji gwida u rakkomandazzjonijiet. Dawk il-konsultazzjonijiet u l-analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet. Meta l-Awtorità ma twettaqx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa, l-Awtorità għandha tipprovdi r-raġunijiet tagħha.

3.L-awtoritajiet superviżorji u l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw ma’ dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet.

Fi żmien xahrejn mill-ħruġ ta’ linja gwida jew rakkomandazzjoni, kull awtorità superviżorja għandha tikkonferma jekk tikkonformax jew ikunx beħsiebha tikkonforma ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. F’każ li awtorità superviżorja ma tikkonformax jew ma jkunx beħsiebha tikkonforma, hija għandha tinforma lill-Awtorità u tagħti r-raġunijiet tagħha.

L-Awtorità għandha tippubblika l-fatt li awtorità superviżorja ma tikkonformax jew ma jkunx beħsiebha tikkonforma ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. L-Awtorità tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ, li tippubblika r-raġunijiet ipprovduti mill-awtorità superviżorja għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. L-awtorità superviżorja għandha tirċievi avviż bil-quddiem ta’ tali pubblikazzjoni.

Jekk ikun meħtieġ minn dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jirrapportaw, b’mod ċar u dettaljat, jekk jikkonformawx ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni.

Artikolu 44

Opinjonijiet

1.L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tagħha stess, tipprovdi opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-qasam ta’ kompetenza tagħha.

2.It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi konsultazzjoni pubblika jew analiżi teknika.

3.L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni tipprovdi parir tekniku lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-oqsma stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI TAL-AWTORITÀ

Artikolu 45

Struttura amministrattiva u ta’ ġestjoni

L-istruttura tal-Awtorità għandha tinkludi:

(1)Bord Ġenerali, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 49;

(2)Bord Eżekuttiv, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 53:

(3)President tal-Awtorità, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 57;

(4)Direttur Eżekuttiv, li għandu jeżerċita l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 59;

(5)Bord Amministrattiv ta’ Rieżami li għandu jeżerċita l-funzjonijiet elenkati fl-Artikolu 62.

TAQSIMA 1

BORD ĠENERALI

Artikolu 46

Kompożizzjoni tal-Bord Ġenerali

1.Il-Bord Ġenerali għandu jkollu, b’mod alternattiv, il-kompożizzjoni superviżorja kif stabbilita fil-paragrafu 2 jew il-kompożizzjoni tal-UIF kif stabbilita fil-paragrafu 3.

2.Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jkun magħmul minn:

(a)il-President tal-Awtorità bid-dritt tal-vot;

(b)il-kapijiet tal-awtoritajiet superviżorji tal-entitajiet marbutin b’obbligu f’kull Stat Membru bid-dritt tal-vot;

(c)rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni, mingħajr id-dritt tal-vot.

Il-kapijiet tal-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b) f’kull Stat Membru għandhom jikkondividu vot wieħed u għandhom jaqblu dwar rappreżentant komuni wieħed għal kull laqgħa u proċedura ta’ votazzjoni. Dak ir-rappreżentant komuni għandu jkun il-membru bid-dritt tal-vot ad hoc għall-finijiet ta’ dik il-laqgħa jew proċedura ta’ votazzjoni. L-awtoritajiet pubbliċi fi Stat Membru jistgħu jaqblu wkoll dwar rappreżentant komuni permanenti wieħed li għandu jkun membru permanenti bid-dritt tal-vot. Meta l-punti li jkunu se jiġu diskussi mill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jikkonċernaw il-kompetenza ta’ diversi awtoritajiet pubbliċi, il-membru bid-dritt tal-vot ad hoc jew permanenti jista’ jkun akkumpanjat minn rappreżentant minn mhux aktar minn żewġ awtoritajiet pubbliċi oħra, li ma għandhomx ikollhom id-dritt tal-vot.

Kull awtorità pubblika li jkollha membru bid-dritt tal-vot skont ftehim ad hoc jew permanenti għandha tkun responsabbli għan-nomina ta’ sostitut ta’ livell għoli mill-awtorità tagħha, li jista’ jissostitwixxi lill-membru bid-dritt tal-vot tal-Bord Ġenerali msemmi fit-tieni subparagrafu meta dik il-persuna ma tkunx tista’ tattendi.

3.Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-UIF għandu jkun magħmul minn:

(a)il-President tal-Awtorità bid-dritt tal-vot;

(b)il-kapijiet tal-UIF bid-dritt tal-vot;

(c)rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni, mingħajr id-dritt tal-vot.

4.Il-Bord Ġenerali jista’ jiddeċiedi li jdaħħal osservaturi. B’mod partikolari, il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-UIF għandu jdaħħal bħala osservatur rappreżentant tal-OLAF, tal-Europol, tal-Eurojust u tal-UPPE għal laqgħat meta l-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-mandati rispettivi tagħhom. Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jdaħħal rappreżentant innominat mill-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew u rappreżentant ta’ kull waħda mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, meta jiġu diskussi kwistjonijiet fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom.

5.Il-membri tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Ġenerali fiż-żewġ kompożizzjonijiet, mingħajr id-dritt tal-vot, meta jiġu diskussi l-punti koperti mill-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom kif iddeterminat mill-President tal-Awtorità u msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 47

Kumitati interni tal-Bord Ġenerali

Il-Bord Ġenerali, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-President tal-Awtorità, jista’ jistabbilixxi kumitati interni għal kompiti speċifiċi attribwiti lilu. Il-Bord Ġenerali jista’ jipprevedi d-delega ta’ ċerti kompiti u deċiżjonijiet definiti b’mod ċar lill-kumitati interni, lill-Bord Eżekuttiv jew lill-President. Il-Bord Ġenerali jista’ jirrevoka tali delega fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 48

Indipendenza tal-Bord Ġenerali

1.Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament, il-membri tal-Bord Ġenerali fiż-żewġ kompożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 46(2) il-punti (a) u (b) u (3) il-punti (a) u (b) għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u ma għandhomx ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji tal-Unjoni jew aġenziji minn kwalunkwe gvern jew xi korp pubbliku jew privat ieħor.

2.L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-uffiċċji jew il-korpi tal-Unjoni, u kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor, ma għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord Ġenerali fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

3.Il-Bord Ġenerali għandu jistabbilixxi, fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, l-arranġamenti prattiċi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitt ta’ interess.

Artikolu 49

Kompiti tal-Bord Ġenerali

1.Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għandu jieħu d-deċiżjonijiet relatati mal-kompiti msemmija fl-Artikoli 7 sa 10 kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni espliċitament prevista minn dan ir-Regolament għall-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja.

2.Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jista’ jipprovdi l-parir u l-opinjoni tiegħu dwar kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni mħejji mill-Bord Eżekuttiv fil-konfront ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula f’konformità mat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II.

3.Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni tal-UIF għandu jwettaq il-kompiti u jadotta d-deċiżjonijiet skont it-Taqsima 6 tal-Kapitolu II.

4.Il-Bord Ġenerali għandu jadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet tal-Awtorità msemmija fit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II, f’kompożizzjoni xierqa, skont is-suġġett tal-istrument. Meta strument partikolari jkun jikkonċerna kemm kwistjonijiet relatati mal-UIF kif ukoll kwistjonijiet relatati mas-superviżjoni, l-adozzjoni għandha tkun meħtieġa miż-żewġ kompożizzjonijiet tal-Bord Ġenerali b’mod indipendenti. L-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-linji gwida għandhom jiġu adottati abbażi ta’ proposta tal-kumitat intern rilevanti.

5.Il-Bord Ġenerali fi kwalunkwe kompożizzjoni għandu jiġi kkonsultat dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Bord Eżekuttiv f’konformità mal-Artikolu 53(4), il-punti (a), (c), (e) u (m). Meta d-deċiżjoni sussegwenti meħuda mill-Bord Eżekuttiv tiddevja mill-opinjoni tal-Bord Ġenerali, il-Bord Eżekuttiv għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dan bil-miktub.

6.Il-Bord Ġenerali għandu jadotta u jippubblika r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

7.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 52 (3) u (4) u l-Artikolu 56 (1) u (2), is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra fuq il-President u l-ħames membri permanenti tal-Bord Eżekuttiv matul il-mandat tagħhom għandhom jiġu eżerċitati mill-Bord Ġenerali.

Artikolu 50

Regoli tal-votazzjoni tal-Bord Ġenerali

1.Id-deċiżjonijiet tal-Bord Ġenerali għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru bid-dritt tal-vot kif iddeterminat mill-Artikolu 47(2) għandu jkollu vot wieħed. F’każ ta’ voti ndaqs, il-President tal-Awtorità għandu jkollu vot deċiżiv.

2.Fir-rigward tal-atti msemmija fl-Artikoli 38, 42, 43 u 44 ta’ dan ir-Regolament, u b’deroga mill-paragrafu 1, il-Bord Ġenerali għandu jieħu d-deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu, kif definit fl-Artikolu 16(4) TUE.

Il-President tal-Awtorità ma għandux jivvota fuq id-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu u d-deċiżjonijiet relatati mal-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fl-Artikolu 52(4).

3.Il-membri mingħajr dritt tal-vot u l-osservaturi ma għandhom jattendu għall-ebda diskussjoni fil-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja dwar entitajiet marbutin b’obbligu individwali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

4.Il-paragrafu 3 ma għandux japplika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv u r-rappreżentant tal-Bank Ċentrali Ewropew innominat mill-Bord Superviżorju tiegħu.

5.Il-President tal-Awtorità għandu jkollu l-prerogattiva li jitlob vot fi kwalunkwe ħin. Mingħajr preġudizzju għal dik is-setgħa u għall-effettività tal-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità, il-Bord Ġenerali għandu jagħmel ħiltu għal kunsens meta jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu.

Artikolu 51

Laqgħat tal-Bord Ġenerali

1.Il-President tal-Awtorità għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bord Ġenerali.

2.Il-Bord Ġenerali għandu jorganizza mill-anqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Barra minn hekk, huwa għandu jiltaqa’ fuq inizjattiva tal-President, fuq talba tal-Kummissjoni, jew fuq talba ta’ mill-anqas terz tal-membri tiegħu.

3.Il-Bord Ġenerali jista’ jistieden kwalunkwe persuna li l-opinjoni tagħha tista’ tkun ta’ interess biex tattendi għal-laqgħat tiegħu bħala osservatur.

4.Il-membri tal-Bord Ġenerali u s-sostituti tagħhom jistgħu, soġġett għar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, jiġu assistiti fil-laqgħat minn konsulenti jew esperti.

5.L-Awtorità għandha tipprovdi s-segretarjat għall-Bord Ġenerali.

6.Il-President tal-Awtorità u l-ħames membri permanenti tal-Bord Eżekuttiv ma għandhomx jattendu għal dawk il-laqgħat tal-Bord Ġenerali meta jiġu diskussi jew tittieħed deċiżjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw it-twettiq tal-mandat tagħhom.

TAQSIMA 2

BORD EŻEKUTTIV

Artikolu 52

Kompożizzjoni u ħatra tal-Bord Eżekuttiv

1.Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul minn:

(a)il-President tal-Awtorità;

(b)ħames membri full-time;

(c)rappreżentant tal-Kummissjoni meta l-Bord Eżekuttiv iwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 53(4) il-punt (a) sa (l). Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkun intitolat li jipparteċipa fid-dibattiti u għandu jkollu aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw dawn il-kompiti biss.

2.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv mingħajr id-dritt tal-vot.

3.Il-ħames membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandhom jintgħażlu wara proċedura miftuħa tal-għażla li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jinħatru mill-Bord Ġenerali abbażi tal-lista qasira mfassla mill-Kummissjoni. L-għażla għandha tirrispetta l-prinċipji tal-esperjenza, il-kwalifika, u, sa fejn ikun possibbli, il-bilanċ bejn il-ġeneri u dak ġeografiku.

4.Il-mandat tal-ħames membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun ta’ erba’ snin. Matul it-12-il xahar ta’ qabel it-tmiem tal-mandat ta’ erba’ snin tal-President tal-Awtorità u l-ħames membri tal-Bord Eżekuttiv, il-Bord Ġenerali fiż-żewġ kompożizzjonijiet jew kumitat iżgħar magħżul fost il-membri tal-Bord Ġenerali inkluż rappreżentant tal-Kummissjoni, għandu jwettaq valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Bord Eżekuttiv. Il-valutazzjoni għandha tqis evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-membri tal-Bord Eżekuttiv u l-kompiti u l-isfidi futuri tal-Awtorità. Abbażi tal-valutazzjoni, il-Bord Ġenerali fiż-żewġ kompożizzjonijiet jista’ jestendi l-mandat tagħhom darba.

5.Il-membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a) u (b) għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni u korpi oħra tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u l-gvernijiet tal-Istati Membri u kwalunkwe korp ieħor għandhom jirrispettaw dik l-indipendenza.

6.Jekk wieħed jew aktar mill-membri tal-Bord Eżekuttiv, ħlief il-President tal-Awtorità, ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta’ dmirijiethom jew ikunu nstabu ħatja ta’ mġiba ħażina serja, il-Bord Ġenerali jista’, wara proposta mill-Kummissjoni, ineħħi kwalunkwe wieħed mill-membri tal-Bord Eżekuttiv mill-kariga.

7.Matul perjodu ta’ sena wara li ma jibqgħux fil-kariga, l-eks membri tal-Bord Eżekuttiv, inkluż il-President tal-Awtorità, huma pprojbiti milli jinvolvu ruħhom f’attività okkupazzjonali bi qligħ ma’

(a)entità marbuta b’obbligu magħżula;

(b)kwalunkwe entità oħra fejn ikun jeżisti jew jista’ jitqies li jeżisti kunflitt ta’ interess.

Fir-regoli tiegħu għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu msemmija fl-Artikolu 53 (4) il-punt (e), il-Bord Eżekuttiv għandu jispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom ikun jeżisti jew jista’ jitqies li jeżisti tali kunflitt ta’ interess.

Artikolu 53

Kompiti tal-Bord Eżekuttiv

1.Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-ippjanar ġenerali u għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 5. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta d-deċiżjonijiet kollha tal-Awtorità bl-eċċezzjoni tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Bord Ġenerali f’konformità mal-Artikolu 49.

2.Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta d-deċiżjonijiet kollha indirizzati lill-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula wara l-proposta tat-Tim Superviżorju Konġunt tal-entità marbuta b’obbligu magħżula msemmi fl-Artikolu 15, u b’kont meħud tal-opinjoni pprovduta mill-Bord Ġenerali dwar dik id-deċiżjoni proposta. Meta l-Bord Eżekuttiv jiddevja minn din l-opinjoni, huwa għandu jipprovdi r-raġunijiet għal dan bil-miktub.

3.Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta d-deċiżjonijiet kollha indirizzati lill-awtoritajiet pubbliċi individwali f’konformità mal-Artikoli 28, 31 u 32.

4.Barra minn hekk, il-Bord Eżekuttiv għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)jadotta, sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, abbażi ta’ proposta mid-Direttur Eżekuttiv, l-abbozz ta’ Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni, u għandu jittrażmettih għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara, kif ukoll kwalunkwe verżjoni aġġornata oħra tad-dokument;

(b)jadotta l-abbozz ta’ baġit annwali tal-Awtorità u jeżerċita funzjonijiet oħra fir-rigward tal-baġit tal-Awtorità;

(c)jivvaluta u jadotta rapport annwali konsolidat tal-attività dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluża ħarsa ġenerali lejn it-twettiq tal-kompiti tiegħu u jibagħtu, sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri u jippubblika r-rapport annwali konsolidat tal-attività;

(d)jadotta strateġija kontra l-frodi, proporzjonata għar-riskji ta’ frodi filwaqt li jqis il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom jiġu implimentati;

(e)jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-membri tiegħu, kif ukoll tal-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami;

(f)jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu;

(g)jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Awtorità, is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtorità tal-Ħatra u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra lill-Awtorità li għandha s-Setgħa li Tikkonkludi Kuntratt ta’ Impjieg (“is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra”);

(h)jadotta regoli ta’ implimentazzjoni xierqa sabiex ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra jsiru effettivi f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;

(i)jaħtar id-Direttur Eżekuttiv u jneħħih mill-kariga, f’konformità mal-Artikolu 58;

(j)jaħtar Uffiċjal tal-Kontabilità, li jista’ jkun l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, li għandu jkun kompletament indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu;

(k)jiżgura segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar intern jew estern, kif ukoll mill-investigazzjonijiet tal-OLAF;

(l)jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità;

(m)jieħu d-deċiżjonijiet kollha dwar l-istabbiliment tal-istrutturi interni tal-Awtorità u, fejn ikun meħtieġ, il-modifika tagħhom.

5.Il-Bord Eżekuttiv għandu jagħżel Viċi President tal-Awtorità minn fost il-membri bid-dritt tal-vot tiegħu. Il-Viċi President għandu jissostitwixxi awtomatikament lill-President, jekk dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu.

6.Fir-rigward tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 4 il-punt (h), il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta, f’konformità mal-Artikolu 110(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li tiddelega s-setgħat rilevanti tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat.

7.F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord Eżekuttiv jista’, permezz ta’ deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u kwalunkwe sottodelega minn dan tal-aħħar u jeżerċitahom huwa stess jew jiddelegahom lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li ma jkunx id-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 54

Programmazzjoni annwali u pluriennali

1.Sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni li jkun fih programmazzjoni pluriennali u annwali, ibbażat fuq abbozz imressaq mid-Direttur Eżekuttiv, b’kont meħud tal-opinjoni tal-Kummissjoni u fir-rigward tal-programmazzjoni pluriennali wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Huwa għandu jibagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Id-dokument ta’ programmazzjoni għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali u jekk ikun meħtieġ għandu jiġi aġġustat skont dan.

2.Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jinkludi objettivi dettaljati u r-riżultati mistennija, inklużi l-indikaturi tal-prestazzjoni. Huwa għandu jkun fih ukoll deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati u indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, f’konformità mal-prinċipji tal-ibbaġitjar u tal-ġestjoni bbażati fuq l-attività. Il-programm ta’ ħidma annwali għandu jkun koerenti mal-programm ta’ ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 4. Huwa għandu jindika b’mod ċar il-kompiti li jkunu ġew miżjuda, mibdula jew imħassra meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti.

3.Il-Bord Eżekuttiv għandu jemenda l-programm ta’ ħidma annwali adottat meta jingħata kompitu ġdid lill-Awtorità.

Kwalunkwe emenda sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali għandha tiġi adottata bl-istess proċedura bħall-programm ta’ ħidma annwali inizjali. Il-Bord Eżekuttiv jista’ jiddelega s-setgħa li jagħmel emendi mhux sostanzjali fil-programm ta’ ħidma annwali lid-Direttur Eżekuttiv.

4.Il-programm ta’ ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inklużi l-objettivi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Huwa għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u l-persunal.

Il-programmazzjoni tar-riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata fejn ikun xieraq.

Artikolu 55

Regoli tal-votazzjoni tal-Bord Eżekuttiv

1.Il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru tal-Bord Eżekuttiv għandu jkollu vot wieħed. Il-President tal-Awtorità għandu jkollu vot deċiżiv f’każ ta’ voti ndaqs.

2.Rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt tal-vot kull meta jiġu diskussi u deċiżi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Artikolu 53(4) il-punti (a) sa (l). Għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 53(4), il-punti (f) u (g), ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 53(4), il-punti (b) sa (e) u (h) sa (l) jistgħu jittieħdu biss jekk ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jixħet vot pożittiv. Għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 53(4), il-punt (a), il-kunsens tar-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkun meħtieġ biss fuq l-elementi tad-deċiżjoni li ma jkunux relatati mal-programm ta’ ħidma annwali u pluriennali tal-Awtorità.

3.Ir-regoli ta’ proċedura tal-Bord Eżekuttiv għandhom jistabbilixxu arranġamenti aktar dettaljati tal-vot, b’mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor.

TAQSIMA 3

PRESIDENT TAL-AWTORITÀ

Artikolu 56

Ħatra tal-President tal-Awtorità

1.Il-President tal-Awtorità għandu jintgħażel abbażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien, il-pożizzjoni rikonoxxuta u l-esperjenza fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u kwalifika rilevanti oħra, wara proċedura miftuħa tal-għażla li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tfassal lista qasira ta’ żewġ kandidati kwalifikati għall-pożizzjoni tal-President tal-Awtorità. Il-Kunsill, wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew, għandu jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex jaħtar il-President tal-Awtorità.

2.Jekk il-President tal-Awtorità ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta’ dmirijietu jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, wara proposta mill-Bord Ġenerali fi kwalunkwe waħda mill-kompożizzjonijiet, jadotta deċiżjoni ta’ implimentazzjoni biex ineħħi mill-kariga lill-President tal-Awtorità. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

3.Jekk il-President jirriżenja jew ma jkunx jista’ jwettaq id-dmirijiet tiegħu għal kwalunkwe raġuni oħra, il-funzjonijiet tal-President għandhom jitwettqu mill-Viċi President.

Artikolu 57

Responsabbiltajiet tal-President tal-Awtorità

1.Il-President tal-Awtorità għandu jirrappreżenta lill-Awtorità u għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Bord Ġenerali u tal-Bord Eżekuttiv, inkluż li jistabbilixxi l-aġenda, isejjaħ u jippresiedi l-laqgħat kollha u jressaq punti għal deċiżjoni.

2.Il-President għandu jassenja lill-ħames membri tal-Bord Eżekuttiv oqsma speċifiċi ta’ responsabbiltà fl-ambitu tal-kompiti tal-Awtorità għat-tul tal-mandat tagħhom.

TAQSIMA 4

ID-DIRETTUR EŻEKUTTIV

Artikolu 58

Ħatra tad-Direttur Eżekuttiv

1.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tal-Awtorità skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

2.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu fl-interessi tal-Unjoni, u b’mod indipendenti minn kwalunkwe interess speċifiku.

3.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimmaniġġja l-Awtorità. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jagħti rendikont lill-Bord Eżekuttiv. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Bord Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu u la għandu jfittex u lanqas ma għandu jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew minn xi korp ieħor.

4.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jintgħażel abbażi tal-mertu u tal-ħiliet amministrattivi, baġitarji u maniġerjali ta’ livell għoli dokumentati, wara proċedura miftuħa tal-għażla li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u, kif ikun xieraq, f'siti oħra tal-istampa jew tal-internet. Il-Kummissjoni għandha tfassal lista qasira ta’ żewġ kandidati kwalifikati għall-pożizzjoni tad-Direttur Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jaħtar id-Direttur Eżekuttiv.

5.Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta’ ħames snin. Matul id-disa’ xhur ta’ qabel it-tmiem tal-mandat tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord Eżekuttiv għandu jwettaq valutazzjoni li tqis evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u l-isfidi futuri tal-Aġenzija. Il-Bord Eżekuttiv, wara li jqis l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, jista’ jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba.

Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jitneħħa mill-kariga mill-Bord Eżekuttiv fuq proposta mill-Kummissjoni.

6.Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra tal-għażla għall-istess pożizzjoni fi tmiem il-mandat estiż.

Artikolu 59

Kompiti tal-Direttur Eżekuttiv

1.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-Awtorità u għandu jimmira li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri fl-Awtorità. B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għal:

(a)l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord Eżekuttiv;

(b)it-tħejjija tal-abbozz tad-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni u s-sottomissjoni tiegħu lill-Bord Eżekuttiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(c)l-implimentazzjoni tad-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni u r-rapportar lill-Bord Eżekuttiv dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

(d)it-tħejjija tal-abbozz ta’ rapport annwali konsolidat dwar l-attivitajiet tal-Awtorità u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord Eżekuttiv għall-valutazzjoni u l-adozzjoni;

(e)it-tħejjija ta’ pjan ta’ azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet ta’ rapporti tal-awditjar u evalwazzjonijiet interni jew esterni, kif ukoll l-investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u r-rapportar dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u b’mod regolari lill-Bordijiet Ġenerali u lill-Bord Eżekuttiv;

(f)il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra, mingħajr ma jippreġudika l-kompetenza investigattiva tal-OLAF permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti mħallsa b’mod żbaljat u, fejn ikun xieraq, billi jimponi penali amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi penali finanzjarji;

(g)it-tħejjija ta’ strateġija kontra l-frodi għall-Awtorità u l-preżentazzjoni tagħha lill-Bord Eżekuttiv għall-approvazzjoni;

(h)it-tħejjija ta’ abbozzi ta’ regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità;

(i)it-tħejjija tal-abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Awtorità u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha;

(j)it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ strateġija ta’ sigurtà tal-IT, l-iżgurar ta’ ġestjoni xierqa tar-riskji għall-infrastruttura, is-sistemi u s-servizzi kollha tal-IT, li jiġu żviluppati jew akkwistati mill-Awtorità kif ukoll finanzjament suffiċjenti għas-sigurtà tal-IT.

(k)l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Awtorità taħt il-kontroll tal-Bord Eżekuttiv;

(l)it-tfassil ta’ abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u tan-nefqa tal-Awtorità bħala parti mid-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni tal-Awtorità skont l-Artikolu 66 u għandu jimplimenta l-baġit tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 67;

(m)it-tħejjija ta’ abbozz ta’ rapport li jiddeskrivi l-attivitajiet kollha tal-Awtorità b’taqsima dwar kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi.

2.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu miżuri oħra meħtieġa, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni ta’ avviżi, biex jiżgura l-funzjonament tal-Awtorità, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

3.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ li jiġi stazzjonat membru tal-persunal wieħed jew aktar fi Stat Membru wieħed jew aktar għall-iskop tat-twettiq tal-kompiti tal-Awtorità b’mod effiċjenti u effettiv. Qabel ma jiddeċiedi li jistabbilixxi uffiċċju lokali, id-Direttur Eżekuttiv għandu jikseb il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni, tal-Bord Eżekuttiv u tal-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-ambitu tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu fl-uffiċċju lokali b’mod li jiġu evitati kostijiet bla bżonn u d-duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tal-Awtorità. Għandu jiġi konkluż ftehim dwar il-kwartieri ġenerali mal-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i).

TAQSIMA 5

BORD AMMINISTRATTIV TA’ RIEŻAMI

Artikolu 60

Ħolqien u Kompożizzjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami

1.L-Awtorità għandha tistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għall-finijiet tat-twettiq ta’ rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità fl-eżerċizzju tas-setgħat elenkati fl-Artikoli 20, 21 u 22. L-ambitu tar-rieżami amministrattiv intern għandu jirrigwarda l-konformità proċedurali u sostantiva ta’ tali deċiżjonijiet ma’ dan ir-Regolament.

2.Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jkun magħmul minn ħames individwi ta’ reputazzjoni tajba, li jkollhom rekord ippruvat ta’ għarfien u esperjenza professjonali rilevanti, inkluża esperjenza superviżorja fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, eskluż il-persunal kurrenti tal-Awtorità, kif ukoll il-persunal kurrenti tal-awtoritajiet superviżorji tal-AML/CFT u tal-UIF jew ta’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji nazzjonali jew tal-Unjoni oħra li jkunu involuti fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Awtorità b’dan ir-Regolament. Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jkollu riżorsi u għarfien espert suffiċjenti biex jivvaluta l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Awtorità skont dan ir-Regolament.

3.Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jiddeċiedi abbażi ta’ maġġoranza ta’ mill-anqas tlieta mill-ħames membri tiegħu.

Artikolu 61

Membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami

1.Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u żewġ supplenti għandhom jinħatru mill-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja għal terminu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż darba, wara sejħa pubblika għal espressjonijiet ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma ma għandhom ikunu marbutin bl-ebda struzzjoni.

2.Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku u ma għandhom iwettqu l-ebda dmir ieħor fl-Awtorità. Għal dan il-għan, huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-impenji u dikjarazzjoni pubblika tal-interessi li tindika kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew in-nuqqas ta’ kwalunkwe interess bħal dan.

3.Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ma għandhomx jitneħħew mill-kariga jew mil-lista ta’ kandidati kwalifikati matul il-mandat tagħhom, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji għal tali tneħħija u l-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja jieħu deċiżjoni għal dan il-għan, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 62

Deċiżjonijiet soġġetti għal rieżami

1.Talba għal rieżami tista’ titressaq quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami kontra deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità f’konformità mal-Artikoli 6(1), 20, 21 u 22 minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li lilha tkun indirizzata d-deċiżjoni, jew li għaliha tkun ta’ tħassib dirett u individwali.

2.Kwalunkwe talba għal rieżami għandha ssir bil-miktub, inkluża dikjarazzjoni tar-raġunijiet, u għandha tiġi ppreżentata lill-Awtorità fi żmien xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna li titlob ir-rieżami, jew, fin-nuqqas tagħha, mill-jum li fih tkun saret taf b’din tal-aħħar, skont il-każ.

3.Wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rieżami, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jesprimi opinjoni fi żmien xieraq għall-urġenza tal-kwistjoni u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċievi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u għandu jadotta minnufih deċiżjoni ġdida. Id-deċiżjoni l-ġdida għandha tħassar id-deċiżjoni inizjali, tissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew tissostitwiha b’deċiżjoni emendata.

4.Talba għal rieżami skont il-paragrafu 2 ma għandux ikollha effett sospensiv. Madankollu, il-Bord Eżekuttiv, fuq proposta mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, jista’, jekk iqis li ċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

5.L-opinjoni espressa mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, u d-deċiżjoni l-ġdida adottata mill-Bord Eżekuttiv skont dan l-Artikolu, għandhom ikunu motivati u nnotifikati lill-partijiet.

6.L-Awtorità għandha tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura operatorji tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

Artikolu 63

Esklużjoni u oġġezzjoni

1.Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ma għandhom jieħdu sehem fl-ebda proċediment ta’ rieżami jekk ikollhom xi interess personali fil-proċedimenti, jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedimenti, jew jekk kienu pparteċipaw fl-adozzjoni tad-deċiżjoni taħt rieżami.

2.Jekk, għal xi waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1 jew għal xi raġuni oħra, membru tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jqis li ma għandux jieħu sehem f’xi proċediment ta’ rieżami, huwa għandu jinforma b’dan lill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

3.Kwalunkwe parti fil-proċedimenti ta’ rieżami tista’ toġġezzjona għal kwalunkwe membru tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet elenkati fil-paragrafu 1, jekk ikun hemm suspett li l-membru ma jkunx imparzjali. Kwalunkwe oġġezzjoni bħal din ma għandhiex tkun ammissibbli jekk, waqt li tkun konxja minn raġuni għall-oġġezzjoni, il-parti fil-proċedimenti ta’ rieżami tkun ħadet pass proċedurali. L-ebda oġġezzjoni ma tista’ tkun ibbażata fuq in-nazzjonalità tal-membri.

4.Il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 mingħajr il-parteċipazzjoni tal-membru kkonċernat. Għall-finijiet tat-teħid ta’ dik id-deċiżjoni, il-membru kkonċernat għandu jiġi sostitwit fuq il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami mis-supplenti tiegħu.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 64

Baġit

1.L-istimi tad-dħul u l-infiq kollu għall-Awtorità għandhom jitħejjew kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jintwerew fil-baġit tal-Awtorità.

2.Il-baġit tal-Awtorità għandu jkun bilanċjat f’termini ta’ dħul u nefqa.

3.Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, id-dħul tal-Awtorità għandu jikkonsisti f’kombinazzjoni ta’ dawn li ġejjin:

(a)kontribuzzjoni mill-Unjoni mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

(b)it-tariffi mħallsa mill-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u mhux magħżula f’konformità mal-Artikolu 65, għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 5(1), il-punti (b) u (c).

(c)kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri.

4.In-nefqa tal-Awtorità għandha tinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u infrastrutturali u l-kostijiet operatorji.

Artikolu 65

Tariffi imposti fuq entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u mhux magħżula

1.L-Awtorità għandha timponi tariffa superviżorja annwali fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula kollha msemmija fl-Artikolu 13 u fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 12(1) u li ma jissodisfawx il-kriterji fl-Artikolu 13(1) minn Stat Membru wieħed. It-tariffi għandhom ikopru n-nefqa mġarrba mill-Awtorità fir-rigward tal-kompiti relatati mas-superviżjoni u msemmija fit-Taqsimiet 3 u 4 tal-Kapitolu II. Dawk it-tariffi ma għandhomx jaqbżu n-nefqa relatata ma’ dawn il-kompiti. Meta dawn il-kriterji ma jiġux irrispettati b’mod sħiħ fi kwalunkwe sena partikolari, l-aġġustamenti meħtieġa għandhom isiru meta jiġu kkalkolati t-tariffi għas-sentejn ta’ wara.

2.L-ammont tat-tariffa imposta fuq kull entità marbuta b’obbligu msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fl-att delegat imsemmi fil-paragrafu 6.

3.It-tariffi għandhom jiġu kkalkolati fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Unjoni.

4.Il-bażi għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali għal sena kalendarja partikolari għandha tkun in-nefqa relatata mas-superviżjoni diretta u indiretta tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula u mhux magħżula soġġetti għal tariffi f’dik is-sena. L-Awtorità tista’ titlob pagamenti bil-quddiem fir-rigward tat-tariffa superviżorja annwali, li għandha tkun ibbażata fuq stima raġonevoli. L-Awtorità għandha tikkomunika mas-superviżur finanzjarju rilevanti qabel ma tiddeċiedi dwar il-livell tat-tariffa finali sabiex tiżgura li s-superviżjoni tibqa’ kosteffettiva u raġonevoli għall-entitajiet kollha marbutin b’obbligu tas-settur finanzjarju. L-Awtorità għandha tikkomunika lill-entitajiet marbutin b’obbligu tas-settur finanzjarju rispettivi l-bażi għall-kalkolu tat-tariffa superviżorja annwali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligu li jitħallsu t-tariffi speċifikati f’dan l-Artikolu jkun infurzabbli skont il-liġi nazzjonali, u li t-tariffi dovuti jitħallsu kollha.

5.Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tas-superviżuri finanzjarji li jimponu tariffi f’konformità mal-liġi nazzjonali, sal-punt li ma jkunux ġew konferiti kompiti superviżorji lill-Awtorità, jew fir-rigward tal-kostijiet tal-kooperazzjoni mal-Awtorità u l-assistenza tagħha u waqt li jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet tagħha, skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni.

6.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 86 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont tat-tariffa imposta fuq kull entità marbuta b’obbligu magħżula u mhux magħżula soġġetta għal tariffi f’konformità mal-paragrafu 1, u l-proċedura għall-ġbir ta’ dawn it-tariffi. Meta tkun qiegħda tiżviluppa l-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-ammont individwali tat-tariffi, il-Kummissjoni għandha tqis dan li ġej:

(a)il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu tal-entitajiet marbutin b’obbligu fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Unjoni f’konformità mal-istandards kontabilistiċi rilevanti;

(b)il-klassifikazzjoni tal-profil tar-riskju inerenti tal-AML/CFT tal-entitajiet marbutin b’obbligu f’konformità mal-metodoloġija msemmija fl-Artikolu 12(5);

(c)l-importanza tal-entità marbuta b’obbligu għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew l-ekonomija ta’ Stat Membru wieħed jew aktar jew tal-Unjoni;

(d)l-ammont ta’ tariffa li għandu jinġabar minn kwalunkwe entità marbuta b’obbligu mhux magħżula fi proporzjon mad-dħul jew il-fatturat tagħha msemmi fil-punt (a), li ma għandux jaqbeż 1/5 tal-ammont ta’ tariffa li għandu jinġabar minn kwalunkwe entità marbuta b’obbligu magħżula fir-rigward tal-istess livell ta’ introjtu jew fatturat.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu sal-1 ta’ Jannar 2025.

Artikolu 66

Tħejjija tal-baġit

1.Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz ta’ dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Awtorità għas-sena finanzjarja ta’ wara, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment, u jibagħtu lill-Bord Eżekuttiv.

2.Il-Bord Eżekuttiv għandu, abbażi ta’ dak l-abbozz, jadotta abbozz ta’ stima provviżorju tad-dħul u l-infiq tal-Awtorità għas-sena finanzjarja ta’ wara.

3.L-abbozz ta’ stima finali tad-dħul u l-infiq tal-Awtorità għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena.

4.Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dikjarazzjoni tal-istimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

5.Abbażi tad-dikjarazzjoni tal-istimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni l-istimi li hija tqis neċessarji għall-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali, li hija għandha tqiegħed quddiem l-awtorità baġitarja f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 TFUE.

6.L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni lill-Awtorità.

7.L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment tal-Awtorità.

8.Il-baġit tal-Awtorità għandu jiġi adottat mill-Bord Eżekuttiv. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun meħtieġ, dan għandu jiġi aġġustat skont il-każ.

Artikolu 67

Implimentazzjoni tal-baġit

1.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tal-Awtorità filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija, tal-effiċjenza, tal-effettività u tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

2.Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sejbiet tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 68

Preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza

1.Sal-1 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara (sena N+1), l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji għas-sena finanzjarja (sena N) lill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

2.Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-Awtorità għandha tibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

Sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità, ikkonsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri.

3.Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 , il-Bord Eżekuttiv għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Awtorità.

4.L-uffiċjal tal-kontabilità għandu, sal-1 ta’ Lulju tas-sena N+1, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord Eżekuttiv.

5.Sal-15 ta’ Novembru tas-sena N + 1, għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea link għall-paġni tas-sit web li fihom il-kontijiet finali tal-Awtorità.

6.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri tweġiba għall-osservazzjonijiet tagħha sat-30 ta’ Settembru tas-sena N+1. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ukoll din it-tweġiba lill-Bord Eżekuttiv.

7.Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja N, f’konformità mal-Artikolu 261(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

8.Fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, il-Parlament Ewropew għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

Artikolu 69

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawn ma għandhomx jiddevjaw mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 sakemm tali devjazzjoni ma tkunx meħtieġa speċifikament għall-operat tal-Awtorità u l-Kummissjoni tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

Artikolu 70

Miżuri kontra l-frodi

1.Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) 2019/715 għandhom japplikaw għall-Awtorità mingħajr ebda restrizzjoni.

2.L-Awtorità għandha taderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar l-investigazzjonijiet interni mill-OLAF u għandha tadotta minnufih dispożizzjonijiet xierqa għall-persunal kollu tal-Awtorità.

3.Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament, il-ftehimiet u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw b’mod espliċitu li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu, fejn ikun meħtieġ, iwettqu verifiki fuq il-post fuq il-benefiċjarji ta’ flejjes żborżati mill-Awtorità.

Artikolu 71

Sigurtà tal-IT

1.L-Awtorità għandha tistabbilixxi governanza interna tal-IT fil-livell tad-Direttur Eżekuttiv li tistabbilixxi u timmaniġġja l-baġit tal-IT u tiżgura rapportar regolari lill-Bord Eżekuttiv dwar il-konformità mar-regoli u l-istandards applikabbli tas-sigurtà tal-IT.

2.L-aġenzija għandha tiżgura li mill-anqas 10 % tan-nefqa tagħha fuq l-IT tiġi allokata b’mod trasparenti għas-sigurtà diretta tal-IT. Il-kontribuzzjoni għall-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Istituzzjonijiet, il-Korpi u l-Aġenziji Ewropej (CERT-UE) tista’ tingħadd f’dan ir-rekwiżit ta’ nefqa minima.

3.Għandu jiġi stabbilit servizz adegwat ta’ monitoraġġ, detezzjoni u rispons għas-sigurtà tal-IT, bl-użu tas-servizzi tas-CERT-UE. Inċidenti Kbar iridu jiġu rrapportati lis-CERT-UE kif ukoll lill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa mid-detezzjoni.

Artikolu 72

Obbligu ta’ rendikont u rapportar

1.L-Awtorità għandha tagħti rendikont lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.Fuq bażi annwali, l-Awtorità għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, inkluża informazzjoni dwar l-evoluzzjoni ppjanata tal-istruttura u l-ammont tat-tariffi superviżorji msemmija fl-Artikolu 66. Il-President tal-Awtorità għandu jippreżenta dak ir-rapport fil-pubbliku lill-Parlament Ewropew.

3.Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Awtorità għandu jipparteċipa f’seduta ta’ smigħ dwar l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha mill-kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

4.L-Awtorità għandha twieġeb b’mod orali jew bil-miktub għall-mistoqsijiet li jsiru lilha mill-Parlament Ewropew.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

TAQSIMA 1

PERSUNAL

Artikolu 73

Dispożizzjoni ġenerali

1.Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra u r-regoli adottati bi ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jingħata effett lil dawk ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra għandhom japplikaw għall-persunal tal-Awtorità għall-kwistjonijiet kollha mhux koperti minn dan ir-Regolament.

2.B’deroga mill-paragrafu 1, il-President tal-Awtorità, u l-ħames membri tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fl-Artikolu 53 għandhom, rispettivament, ikunu fuq l-istess livell ta’ Membru u r-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-emolumenti u l-età tal-pensjoni, kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 53 . Għal aspetti mhux koperti minn dan ir-Regolament jew mir-Regolament (UE) 2016/300, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom japplikaw b’mod analoġiku.

3.Il-Bord Eżekuttiv, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni neċessarji, f’konformità mal-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

4.L-Awtorità tista’ tagħmel użu minn esperti nazzjonali sekondati jew persunal ieħor mhux impjegat mill-Awtorità inklużi d-delegati tal-UIF.

5.Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta r-regoli relatati mal-persunal mill-Istati Membri li għandu jiġi sekondat lill-Awtorità u jaġġornahom kif ikun meħtieġ. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu, b’mod partikolari, l-arranġamenti finanzjarji relatati ma’ dak l-issekondar, inklużi l-assigurazzjoni u t-taħriġ. Dawk ir-regoli għandhom iqisu l-fatt li l-persunal jiġi ssekondat u li għandu jintuża bħala persunal tal-Awtorità. Huma għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet tal-istazzjonament. Fejn ikun rilevanti, il-Bord Eżekuttiv għandu jimmira li jiżgura l-konsistenza mar-regoli applikabbli għar-rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet tal-persunal statutorju.

Artikolu 74

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tat-TUE u tat-TFUE għandu japplika għall-Awtorità u għall-persunal tagħha.

Artikolu 75

Obbligu tas-segretezza professjonali

1.Il-membri tal-Bord Ġenerali u tal-Bord Eżekuttiv, u l-membri kollha tal-persunal tal-Awtorità, inklużi l-uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja, u l-persuni l-oħra kollha li jwettqu kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 50 [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423], anki wara li jkunu ntemmu d-dmirijiet tagħhom.

2.Il-Bord Eżekuttiv għandu jiżgura li l-individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, relatat mal-kompiti tal-Awtorità, inklużi uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-Bord Eżekuttiv jew maħtura mill-awtoritajiet pubbliċi u l-UIF għal dak il-għan, ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk fil-paragrafu 1.

3.Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha tkun awtorizzata, fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), li tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet u l-korpi nazzjonali jew tal-Unjoni fil-każijiet fejn dawn l-atti jippermettu lis-superviżuri finanzjarji jiddivulgaw informazzjoni lil dawk l-entitajiet jew fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu tali divulgazzjoni skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni.

4.L-Awtorità għandha tistabbilixxi arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

5.L-Awtorità għandha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 54 .

Artikolu 76
Regoli ta’ sigurtà dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

1.L-Awtorità għandha tadotta r-regoli ta’ sigurtà proprji tagħha ekwivalenti għar-regoli ta’ sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 55 u (UE, Euratom) 2015/444. Ir-regoli ta’ sigurtà tal-Awtorità għandhom ikopru, fost l-oħrajn, id-dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna ta’ tali informazzjoni. Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta r-regoli ta’ sigurtà tal-Awtorità wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

2.Kwalunkwe arranġament amministrattiv dwar l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz jew, fin-nuqqas ta’ tali arranġament, kwalunkwe rilaxx ad hoc eċċezzjonali ta’ IKUE lil dawk l-awtoritajiet, għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

TAQSIMA 2

KOOPERAZZJONI

Artikolu 77

Kooperazzjoni mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

1.L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

2.Meta tkun qiegħda tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 43, li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tad-data personali, l-Awtorità għandha tikkoopera mill-qrib mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679 biex jiġu evitati d-duplikazzjoni, l-inkonsistenzi u l-inċertezza legali fl-isfera tal-protezzjoni tad-data.

Artikolu 78

Kooperazzjoni mal-awtoritajiet mhux tal-AML/CFT 

1.Fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha elenkati fl-Artikolu 5, l-Awtorità għandha tikkoopera, kif xieraq, mal-awtoritajiet mhux tal-AML/CFT.

2.Fejn ikun meħtieġ, l-Awtorità għandha tikkonkludi memorandum ta’ qbil mal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 li jistabbilixxi f’termini ġenerali l-mod kif se jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni fit-twettiq tal-kompiti superviżorji tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula.

3.L-Awtorità għandha tiżgura kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni effettivi bejn is-superviżuri finanzjarji kollha fis-sistema superviżorja tal-AML/CFT u l-awtoritajiet rilevanti mhux tal-AML/CFT imsemmija fil-paragrafu 1, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal kwalunkwe informazzjoni u data fil-bażi tad-data ċentrali tal-AML/CFT imsemmija fl-Artikolu 11.

Artikolu 79

Kooperazzjoni fil-kuntest ta’ sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs)

Fejn ikun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti msemmija fit-Taqsimiet 3 u 6 tal-Kapitolu II, l-Awtorità tista’ tipparteċipa fl-arranġamenti ta’ kooperazzjoni eżistenti stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew f’diversi Stati Membri mill-awtoritajiet superviżorji jew mill-UIF, meta tali arranġamenti jinvolvu, fost l-oħrajn, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet imsemmija hawn fuq u entitajiet marbutin b’obbligu magħżula. Il-parteċipazzjoni tal-Awtorità għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-awtorità nazzjonali rilevanti li tkun stabbiliet tali arranġament.

Artikolu 80

Kooperazzjoni mal-OLAF, il-Europol, il-Eurojust u l-UPPE

1.L-Awtorità tista’ tikkonkludi arranġamenti ta’ ħidma mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni u korpi oħra tal-Unjoni, li jaġixxu fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Dawk l-arranġamenti ta’ ħidma jistgħu jkunu ta’ natura strateġika jew teknika, u għandhom b’mod partikolari jkollhom l-għan li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-partijiet fihom. L-arranġamenti ta’ ħidma la għandhom jiffurmaw il-bażi biex jippermettu l-iskambju ta’ data personali u lanqas ma għandhom jorbtu lill-Unjoni jew lill-Istati Membri tagħha.

2.L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm relazzjoni mill-qrib mal-OLAF, il-Europol, il-Eurojust, u l-UPPE. Għal dak il-għan, l-Awtorità għandha tikkonkludi arranġamenti ta’ ħidma separati mal-OLAF, il-Europol, il-Eurojust, u l-UPPE li jistabbilixxu d-dettalji tal-kooperazzjoni tagħhom. Ir-relazzjoni għandu jkollha l-għan b’mod partikolari li tiżgura l-iskambju ta’ informazzjoni strateġika u xejriet fir-rigward tat-theddid tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li qed tiffaċċja l-Unjoni.

Artikolu 81

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Awtorità tista’ tiżviluppa kuntatti u tidħol f’arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet tal-AML/CFT f’pajjiżi terzi li għandhom awtoritajiet regolatorji, kompetenzi superviżorji u relatati mal-UIF fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi legali fir-rigward tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u lanqas ma għandhom jipprevjenu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom milli jikkonkludu arranġamenti bilaterali ma’ dawk il-pajjiżi terzi.

2.L-Awtorità tista’ tiżviluppa mudelli ta’ arranġamenti amministrattivi, bil-ħsieb li tistabbilixxi prattiki konsistenti, effiċjenti u effettivi fl-Unjoni u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-awtoritajiet pubbliċi u l-UIF għandhom jagħmlu kull sforz biex isegwu dawn l-arranġamenti mudell.

3.F’każijiet fejn l-interazzjoni ta’ diversi awtoritajiet pubbliċi u UIF tal-Unjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi tkun tikkonċerna kwistjonijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-kompiti tal-Awtorità kif definiti fl-Artikolu 5, l-Awtorità għandu jkollha rwol ewlieni fl-iffaċilitar ta’ tali interazzjoni fejn ikun meħtieġ. Dan ir-rwol tal-Awtorità għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-interazzjonijiet regolari mill-awtoritajiet kompetenti mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi.

4.L-Awtorità għandha, fi ħdan is-setgħat tagħha skont dan ir-Regolament u l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), tikkontribwixxi għar-rappreżentanza unita, komuni, konsistenti u effettiva tal-interessi tal-Unjoni f’fora internazzjonali, anki billi tassisti lill-Kummissjoni fil-kompiti tagħha relatati mas-sħubija tal-Kummissjoni fit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja u billi tappoġġa l-ħidma u l-objettivi tal-Grupp Egmont tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja.

TAQSIMA 3

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 82

Aċċess għad-dokumenti

1.Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Awtorità.

2.Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment lill-Ombudsman jew ta’ azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 228 u 263 TFUE, rispettivament.

3.Id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ma għandux japplika għal informazzjoni kunfidenzjali li tinkludi:

(a)informazzjoni jew data tal-Awtorità, tas-superviżuri finanzjarji, jew tal-entitajiet marbutin b’obbligu miksuba fil-proċess tat-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) u fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II;

(b)kwalunkwe data jew informazzjoni operazzjonali relatata ma’ tali data operazzjonali tal-Awtorità u tal-UIF li tkun fil-pussess tal-Awtorità minħabba t-twettiq tal-kompiti u l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 5(5) u t-Taqsima 6 tal-Kapitolu II.

4.L-informazzjoni kunfidenzjali msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (a), li tirrigwarda proċedura superviżorja tista’ tiġi ddivulgata b’mod sħiħ jew parzjali lill-entitajiet marbutin b’obbligu li jkunu partijiet għal tali proċedura superviżorja, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi għajr il-parti rilevanti, fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Dan l-aċċess ma għandux jestendi għad-dokumenti interni tal-Awtorità, tas-superviżuri finanzjarji, jew għall-korrispondenza bejniethom.

5.Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u r-regoli dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-proċeduri superviżorji.

Artikolu 83

Arranġamenti lingwistiċi ġenerali

1.Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 għandu japplika għall-Awtorità.

2.Il-Bord Eżekuttiv għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni għall-Awtorità, li għandhom ikunu konsistenti mal-arranġamenti lingwistiċi f’superviżjoni diretta, adottati f’konformità mal-Artikolu 27.

3.Is-servizzi ta’ traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tal-Awtorità għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea, kif stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 56 .

Artikolu 84

Protezzjoni tad-data

1.L-ipproċessar ta’ data personali abbażi ta’ dan ir-Regolament għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu kif imsemmi fl-Artikolu 53 [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLD, COM(2021)423] u fl-Artikolu 55 ta’ [OP jekk jogħġbok daħħal in-numru li jmiss għall-AMLR, COM(2021)420] għandu jitqies bħala meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fl-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/679.

Meta tkun qiegħda tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 43, li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tad-data personali, l-Awtorità għandha, wara li tkun ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni, tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1725. L-Awtorità tista’ tistieden ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data bħala osservaturi fil-proċess tat-tfassil ta’ tali linji gwida u rakkomandazzjonijiet.

2.F’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Awtorità għandha tadotta regoli interni li jistgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data meta tali restrizzjonijiet ikunu meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 53 [AMLD] u fl-Artikolu 55 tal-[AMLR].

Artikolu 85

Responsabbiltà tal-Awtorità 

1.Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Awtorità għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat minnha jew mill-persunal tagħha fil-qadi ta’ dmirijietu. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe tilwima dwar ir-rimedju ta’ tali dannu.

2.Ir-responsabbiltà finanzjarja personali u r-responsabbiltà dixxiplinarja tal-persunal tal-Awtorità lejn l-Awtorità għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-Awtorità.

Artikolu 86

Atti delegati

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 25 u fl-Artikolu 65 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [OP jekk jogħġbok daħħal id-data = sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

3.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 25 u fl-Artikolu 65 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016.

5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 25 u l-Artikolu 65 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahar min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 87

Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kondizzjonijiet operazzjonali

1.L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-Awtorità fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-persunal tal-Awtorità u għall-membri tal-familji tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Awtorità u dak l-Istat Membru li huma jikkonkludu wara li jiksbu l-approvazzjoni tal-Bord Eżekuttiv.

2.L-Istat Membru ospitanti tal-Awtorità għandu jipprovdi l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Awtorità, inkluża edukazzjoni multilingwi, b’orjentazzjoni Ewropea u konnessjonijiet xierqa tat-trasport.

Artikolu 88

Evalwazzjoni u rieżami

3.Sal-31 ta’ Diċembru 2029, u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-prestazzjoni tal-Awtorità fir-rigward tal-objettivi, il-mandat, il-kompiti u l-post(ijiet) tagħha, f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni. L-evalwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tindirizza:

(a)il-ħtieġa possibbli li jiġi emendat il-mandat tal-Awtorità, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kwalunkwe modifika bħal din;

(b)l-impatt tal-attivitajiet u l-kompiti superviżorji kollha tal-Awtorità fuq l-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi, u b’mod speċifiku l-effettività ta’:

(i)il-kompiti u l-attivitajiet superviżorji relatati mas-superviżjoni diretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula;

(ii)is-superviżjoni indiretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula;

(iii)is-sorveljanza indiretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu oħrajn;

(c)l-impatt tal-attivitajiet relatati mal-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-UIF, u b’mod partikolari l-koordinazzjoni tal-analiżijiet konġunti tal-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet transfruntiera mwettqa mill-UIF;

(d)l-imparzjalità, l-oġġettività u l-awtonomija tal-Awtorità;

(e)l-adegwatezza tal-arranġamenti ta’ governanza, inklużi l-kompożizzjoni u l-arranġamenti tal-vot fil-Bord Eżekuttiv u r-relazzjoni tiegħu mal-Bord Ġenerali,

(f)il-kosteffettività tal-Awtorità, jekk ikun xieraq, separatament fir-rigward tas-sorsi distinti ta’ finanzjament tagħha;

(g)l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Awtorità u l-arranġamenti tal-indipendenza u tal-obbligu ta’ rendikont applikabbli għall-Awtorità;

(h)l-effettività tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni u ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet mhux tal-AML;

(i)l-interazzjoni bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet u l-korpi superviżorji l-oħra tal-Unjoni, inklużi l-EBA, il-Europol, il-Eurojust, l-OLAF u l-UPPE;

(j)l-effettività tas-setgħat superviżorji u ta’ sanzjonar tal-Awtorità;

(k)l-effettività u l-konverġenza fil-prattiki superviżorji milħuqa mill-awtoritajiet superviżorji u r-rwol tal-Awtorità fihom.

4.Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jeżamina wkoll jekk:

(a)ir-riżorsi tal-Awtorità jkunux adegwati biex hija twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha;

(b)ikunx xieraq li jingħataw kompiti superviżorji addizzjonali fir-rigward ta’ entitajiet marbutin b’obbligu tas-settur mhux finanzjarju, filwaqt li jispeċifika, kif ikun xieraq, it-tipi ta’ entitajiet li jenħtieġ li jkunu soġġetti għal kompiti superviżorji addizzjonali;

(c)ikunx xieraq li jingħataw kompiti addizzjonali fil-qasam tal-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-UIF;

(d)ikunx xieraq li l-Awtorità tingħata setgħat addizzjonali ta’ sanzjonar.

5.Fl-okkażjoni ta’ kull tieni evalwazzjoni, għandu jkun hemm valutazzjoni tar-riżultati miksuba mill-Awtorità b’kont meħud tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tagħha, inkluża valutazzjoni ta’ jekk il-kontinwazzjoni tal-Awtorità tkunx għadha ġustifikata fir-rigward ta’ dawn l-objettivi, il-mandat u l-kompiti.

6.Ir-rapport u kwalunkwe proposta li takkumpanjah, kif ikun xieraq, għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 89

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, jitħassar it-tieni subparagrafu;

(b)fil-paragrafu 5, jitħassar il-punt (h);

(2)l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)jitħassar il-punt (1a);

(b)Fil-punt (2), jitħassar il-punt (iii);

(3)Fl-Artikolu 8(1), jitħassar il-punt (l);

(4)L-Artikoli 9a u 9b huma mħassra;

(5)fl-Artikolu 17, il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“6. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 258 TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu fil-perjodu ta’ żmien speċifikat fiha, u fejn ikun meħtieġ sabiex tirrimedja, f’ħin opportun, tali nuqqas ta’ konformità sabiex iżżomm jew treġġa’ lura l-kundizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni fis-suq jew tiżgura l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-Awtorità tista’, fejn ir-rekwiżiti rilevanti tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament ikunu direttament applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji, tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja [?] li titlobha tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun f’konformità mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

(6)fl-Artikolu 19, il-paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 258 TFUE, meta awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità, u b’hekk tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw direttament għaliha bis-saħħa tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil dik l-istituzzjoni finanzjarja li titlobha tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika.”;

(7)fl-Artikolu 33(1), it-tieni subparagrafu jitħassar;

(8)fl-Artikolu 40(1), jiżdied il-punt (g) li ġej:

“(g) rappreżentant wieħed tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, li ma għandux ikollu d-dritt tal-vot.”;

(9) fl-Artikolu 81, jitħassar il-paragrafu 2b.

Artikolu 90

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1094/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu jitħassar;

(2)fl-Artikolu 40(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(f) rappreżentant wieħed tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, li ma għandux ikollu d-dritt tal-vot.”;

(3)Fl-Artikolu 54, jitħassar il-paragrafu 2a.

Artikolu 91

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1095/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu jitħassar;

(2)fl-Artikolu 40(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(f) rappreżentant wieħed tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, li ma għandux ikollu d-dritt tal-vot.”

(3)Fl-Artikolu 54, jitħassar il-paragrafu 2a.

Artikolu 92

Bidu tal-attivitajiet tal-Awtorità

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-istabbiliment u l-operat inizjali tal-Awtorità sad-data li fiha l-Awtorità ssir operazzjonali, li għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2024 f’konformità mal-Artikolu 93. Għal dak l-għan:

(a)il-Kummissjoni tista’ taħtar uffiċjal tal-Kummissjoni biex jaġixxi bħala Direttur Eżekuttiv interim u jeżerċita d-dmirijiet assenjati lid-Direttur Eżekuttiv sakemm l-Awtorità jkollha l-kapaċità li timplimenta l-baġit tagħha stess u d-Direttur Eżekuttiv ikun assuma d-dmirijiet tiegħu wara l-ħatra tiegħu mill-Bord Eżekuttiv f’konformità mal-Artikolu 58;

(b)b’deroga mill-Artikolu 53(4) u sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 58, id-Direttur Eżekuttiv interim għandu jeżerċita s-setgħa tal-awtorità tal-ħatra;

(c)il-Kummissjoni tista’ toffri assistenza lill-Awtorità, b’mod partikolari billi tissekonda uffiċjali tal-Kummissjoni biex iwettqu l-attivitajiet tal-Awtorità taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur Eżekuttiv interim jew tad-Direttur Eżekuttiv;

(d)id-Direttur Eżekuttiv interim jista’ jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-Awtorità wara l-approvazzjoni mill-Bord Eżekuttiv u jista’ jikkonkludi kuntratti, inklużi kuntratti tal-persunal, wara l-adozzjoni tal-pjan ta’ stabbiliment tal-Awtorità.

Artikolu 93

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Madankollu, l-Artikoli 1, 4, 38, 42, 43, 44, 46, 56, 58, 86 u 87 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1. QAFAS TAL-PROPOSTA/INIZJATTIVA

1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

Abbozz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”

1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i)

Qasam ta’ politika: Stabbiltà finanzjarja, servizzi finanzjarji u Unjoni tas-Swieq Kapitali

Attività: Stabbiltà finanzjarja

1.3.Il-proposta tirrigwarda 

azzjoni ġdida

 azzjoni ġdida b'segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja 57  

 l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti 

 fużjoni ta’ azzjoni waħda jew aktar f’azzjoni oħra/ġdida 

1.4.Objettiv(i)

1.4.1.Objettiv(i) ġenerali 

2. Ekonomija għas-servizz tan-nies

1.4.2.Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi 

Objettiv speċifiku Nru 1.2

L-istabbiltà finanzjarja tiġi ppreservata u mtejba permezz ta’ mekkaniżmi effiċjenti ta’ superviżjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet, b’mezzi biex jiġu assorbiti x-xokkijiet u jiġu diversifikati r-riskji, u jkun hemm fis-seħħ approċċ komprensiv biex jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-finanzjament ta’ attivitajiet terroristiċi.

1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija

Speċifika l-effetti li l-proposta/l-inizjattiva jenħtieġ li jkollha fuq il-benefiċjarji/il-gruppi fil-mira.

Fil-qasam tas-superviżjoni, l-Awtorità hija maħsuba biex ittejjeb il-kwalità ġenerali tas-superviżjoni tal-AML/CFT li sseħħ fl-UE, parzjalment billi teżerċita hija stess superviżjoni diretta fuq għadd limitat tal-entitajiet tas-settur finanzjarju transfruntiera l-aktar riskjużi (u possibbilment ċerti entitajiet oħra li għalihom tista’ tieħu responsabbiltà superviżorja f’ċirkostanzi ta’ emerġenza), u parzjalment billi teżerċita sorveljanza u koordinazzjoni fuq is-superviżuri nazzjonali, fir-rigward kemm ta’ entitajiet marbutin b’obbligu finanzjarji kif ukoll mhux finanzjarji skont il-leġiżlazzjoni dwar l-AML/CFT tal-UE.

Fil-qasam tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF), l-Awtorità se tippromwovi effiċjenza u kooperazzjoni akbar bejn l-UIF, anki billi tadotta mudelli armonizzati għar-rapportar u l-iskambju ta’ informazzjoni, billi twettaq analiżijiet b’mod konġunt mal-UIF, u billi tieħu f’idejha l-hosting ta’ infrastruttura eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni, FIU.net.

Dawn iż-żewġ objettivi jenħtieġ li jikkontribwixxu indirettament għal żieda fl-ammont ta’ attività ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu fl-UE li jew tiġi detetta jew prevenuta milli sseħħ b’deterrenza u bi probabbiltà ogħla ta’ detezzjoni.

1.4.4.Indikaturi tal-prestazzjoni 

Speċifika l-indikaturi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-kisbiet.

Indikaturi ġenerali

• Il-proporzjon tal-baġit propost kontra l-baġit finali adottat (għal kull sena)

Superviżjoni indiretta u koordinazzjoni tas-superviżuri

• L-għadd ta’ standards tekniċi adottati meta mqabbla ma’ dawk meħtieġa li jiġu żviluppati

• L-għadd ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi ppreżentati lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni sal-iskadenzi

• L-għadd ta’ standards tekniċi proposti iżda miċħuda mill-Kummissjoni

• L-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti adottati meta mqabbla ma’ dawk meħtieġa li jiġu żviluppati

• L-għadd ta’ sigħat ta’ taħriġ għas-superviżuri

• L-għadd ta’ membri tal-persunal li jipparteċipaw fi skambji / sekondamenti

• L-għadd ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari mwettqa

• L-għadd ta’ ostakoli għall-konverġenza identifikati u mneħħija

• Għodod u strumenti prattiċi ġodda biex jippromwovu l-konverġenza

• L-għadd ta’ bażijiet tad-data popolati

Superviżjoni diretta ta’ ċerti entitajiet marbutin b’obbligu

• L-għadd ta’ spezzjonijiet fuq il-post u investigazzjonijiet iddedikati

• L-għadd ta’ laqgħat mal-entitajiet taħt superviżjoni

• L-għadd ta’ deċiżjonijiet indirizzati lil entitajiet taħt superviżjoni

• L-għadd ta’ sanzjonijiet imposti fuq entitajiet taħt superviżjoni

• L-għadd ta’ lmenti / appelli mill-kumpaniji taħt superviżjoni

Koordinazzjoni u Appoġġ tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja

• L-għadd ta’ analiżijiet konġunti mwettqa

• L-għadd ta’ standards tekniċi adottati

• L-ammont ta’ gwida/rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-UIF.

1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva 

1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva

Kif analizzat fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta leġiżlattiva, iż-żewġ problemi ewlenin li l-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza huma s-superviżjoni inkonsistenti tal-AML/CFT fis-suq intern kollu, u l-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni insuffiċjenti fost l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja. Fir-rigward tas-superviżjoni, l-infurzar ivarja fl-effettività bejn l-Istati Membri, minħabba d-differenzi fir-riżorsi u l-prattiki. Bħalissa, l-UIF ma għandhomx metodi komuni u mudelli armonizzati u dan ixekkel l-analiżi konġunta, li jirriżulta f’detezzjoni subottimali ta’ tranżazzjonijiet u attivitajiet potenzjalment marbuta mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.

Il-Pakkett dwar l-AML tal-2019 adottat mill-Kummissjoni ssottolinja kif il-kriminali kienu kapaċi jisfruttaw id-differenzi fost ir-reġimi tal-AML/CFT tal-Istati Membri. In-natura transfruntiera tal-biċċa l-kbira tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu (ML/TF) tagħmilha essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn is-superviżuri nazzjonali u l-UIF biex jiġu evitati dawn ir-reati. Ħafna entitajiet soġġetti għall-obbligi tal-AML għandhom attivitajiet transfruntiera, u l-approċċi differenti mis-superviżuri nazzjonali u l-UIF ifixkluhom milli jiksbu prattiki ottimali dwar l-AML/CFT fil-livell ta’ grupp. Hija meħtieġa koordinazzjoni akbar fil-livell tal-Unjoni, inkluż komponent ta’ superviżjoni diretta tal-UE tal-entitajiet l-aktar riskjużi, biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet transfruntiera u biex tiġi massimizzata l-kapaċità tas-sistema finanzjarja tal-UE kemm għall-prevenzjoni kif ukoll għall-identifikazzjoni tal-ML/TF.

Il-proposta għal Awtorità għall-AML tal-UE qed tiġi adottata flimkien ma’ proposta għal ġabra ta’ regoli tal-AML/CFT tal-UE fil-forma ta’ Regolament tal-UE. Flimkien, dawn iż-żewġ inizjattivi huma maħsuba biex iżidu b’mod konsiderevoli l-konverġenza tas-superviżjoni u l-infurzar tal-AML/CFT fl-Istati Membri u biex isaħħu l-intensità tas-superviżjoni, b’mod partikolari billi jistabbilixxu superviżjoni fil-livell tal-UE għall-entitajiet transfruntiera l-aktar riskjużi. Kooperazzjoni transfruntiera aħjar bejn l-UIF u prattiki domestiċi mtejba, mill-ġeneralizzazzjoni tal-aħjar prattiki, se tkun rispons xieraq għan-natura transfruntiera tal-ML u t-TF.

1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

L-esperjenzi rilevanti tal-passat jinkludu l-ħolqien tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għas-servizzi finanzjarji (ASE), il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għall-banek (MSU, mhux aġenzija tal-UE iżda fergħa tal-Bank Ċentrali Ewropew), u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Mill-esperjenza tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, inġibdet l-osservazzjoni li kombinament ta’ riżorsi mill-baġit tal-UE u direttament mill-Istati Membri permezz tas-superviżuri nazzjonali huwa kkumplikat biex jitħaddem u jista’ jikkostitwixxi piż fuq is-superviżuri minn Stati Membri iżgħar; hija tista’ tikkomprometti wkoll l-indipendenza ta’ Awtorità. Għalhekk ma huwiex propost li jkun hemm finanzjament dirett tal-Awtorità mill-Istati Membri.

Mill-MSU ġie osservat li s-superviżjoni ta’ entitajiet taħt superviżjoni diretta tista’ titwettaq b’mod effettiv bl-użu ta’ Timijiet Superviżorji Konġunti, immexxija minn persunal tas-superviżur tal-UE bbażat fl-Istat Membru ta’ entità taħt superviżjoni diretta, iżda li tinvolvi wkoll persunal tas-superviżur nazzjonali. Dan il-mudell ġie applikat għall-attività ta’ superviżjoni diretta tal-Awtorità.

Mill-UPPE ġie osservat li jista’ jkun meħtieġ żmien sinifikanti qabel ma korp ġdid jikseb awtonomija amministrattiva u baġitarja, u dan irid jiġi ppjanat, bl-appoġġ tal-Kummissjoni matul dan il-perjodu, inkluż Direttur Eżekuttiv interim sekondat.

1.5.4.Il-kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħra

Jeħtieġ li tinħoloq linja baġitarja ġdida, li tikkorrispondi għall-istabbiliment ta’ aġenzija ġdida tal-UE. Barra minn hekk, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 jeħtieġ li jiġi pprogrammat sabiex jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni

1.5.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni

F’każijiet fejn korp tal-UE jissupervizza l-entitajiet tas-settur pubbliku direttament, spiss ikun il-każ li tali superviżjoni tkun iffinanzjata minn tariffi mħallsa mill-entitajiet taħt superviżjoni. Dan huwa l-każ tal-MSU u tas-superviżjoni mill-ESMA (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet tal-kontropartijiet ċentrali u tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-UE. Fil-każ tal-MSU, dawn it-tariffi huma appoġġati mhux biss minn banek taħt superviżjoni diretta, iżda mill-banek kollha ’l fuq minn ċerti limiti ta’ daqs u attività, li mhux kollha huma taħt superviżjoni diretta mill-MSU.

Dan l-abbozz ta’ regolament iħassar id-dispożizzjoni tar-Regolament UE 2019/2175, li attribwiet ċerti kompetenzi għall-AML/CFT lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) billi jemenda r-Regolament ta’ twaqqif tiegħu (ir-Regolament 2010/1093) u jerġa’ jattribwixxi l-istess kompetenzi lill-Awtorità. Dan ir-Regolament kien akkumpanjat minn Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva li allokat erba' membri tal-persunal temporanji u erba' membri tal-persunal bil-kuntratt lill-EBA, u l-kontribuzzjoni meħtieġa korrispondenti ta’ EUR 529 000, li minħabba l-mudell ta’ finanzjament għall-ASE kienet tirrappreżenta 40 % tal-kost [is-60 % l-oħra tal-kost jitħallsu mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti tal-Istati Membri]. Qed jiġi propost li dan il-baġit jiġi riallokat mill-EBA lill-Awtorità għall-AML.

FIU.net huwa network ta’ komunikazzjoni bejn l-UIF tal-UE li bħalissa huwa hosted mill-Europol, iżda li għandu jiġi ttrasferit dalwaqt (qabel Settembru 2021) lill-Kummissjoni fuq bażi temporanja, sakemm tinħoloq l-Awtorità; dan isegwi deċiżjoni ta’ Diċembru 2019 mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data li l-hosting tal-FIU.net mill-Europol imur lil hinn mill-mandat tagħha f’termini ta’ pproċessar ta’ data personali. Il-kost annwali tal-hosting tal-FIU.net fil-Kummissjoni, wara t-tlestija tat-trasferiment mill-Europol għall-Kummissjoni, huwa bbaġitjat bħala EUR 2 miljun u huwa attribwit lid-DĠ FISMA tal-Kummissjoni. Qed jiġi propost li din l-attività tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-UE, peress li l-kost mhux se jibqa’ jitħallas mill-Kummissjoni. Madankollu, l-effett globali fuq il-baġit tal-UE mhux se jkun eżattament newtrali għall-baġit peress li l-Awtorità għall-AML se tkompli tiżviluppa l-FIU.net u dan jirriżulta f’kost annwali miżjud ekwivalenti għal EUR 3 miljun fil-prezzijiet tal-2021.

1.6.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva

 durata limitata

   Proposta/inizjattiva b’effett minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS

   Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS

durata mhux limitata

◻ Implimentazzjoni b’perjodu għall-bidu mill-2023 sal-2025,

segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa.

1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i) 58   

Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni permezz ta’

◻ aġenziji eżekuttivi

 Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri

Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja:

◻ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);

◻lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;

✓lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71;

◻ lill-korpi tal-liġi pubblika;

◻ lill-korpi rregolati bid-dritt privat b’missjoni ta’ servizz pubbliku sal-punt li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

◻ lill-korpi rregolati bid-dritt privat ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

◻ lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.

Kummenti

Xejn

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI 

2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar 

Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

F’konformità mal-arranġamenti standard ipprattikati fl-aġenziji eżistenti, l-Awtorità għall-AML se tħejji rapporti regolari dwar l-attività tagħha (inkluż ir-rapportar intern lill-Maniġment Superjuri, ir-rapportar lill-Bordijiet u l-produzzjoni tar-rapport annwali), u se tkun soġġetta għal awditi mill-Qorti tal-Awdituri u mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni dwar l-użu tar-riżorsi u l-prestazzjoni tagħha.

2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta' kontroll 

2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta

Is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll huma previsti fil-Kapitolu IV tal-abbozz ta’ Regolament li jistabbilixxi l-Awtorità għall-AML. L-Awtorità se tiżgura li l-istandards xierqa jiġu ssodisfati fl-oqsma kollha tal-qafas ta’ kontroll intern. Barra minn hekk, kull sena finanzjarja, il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill, jagħti kwittanza lil kull aġenzija tal-UE għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha; din il-proċedura se tapplika wkoll għall-Awtorità għall-AML.

2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom

L-istabbiliment ta’ qafas ta’ kontroll intern se jkun prijorità tal-Awtorità għall-AML immedjatament wara l-istabbiliment tagħha.

Ir-riskji diġà identifikati qabel l-adozzjoni tal-abbozz ta’ regolament li joħloq l-Awtorità għall-AML jinkludu dawn li ġejjin:

-    In-nuqqas ta’ ġbir f’waqtu tat-tariffi dovuti lill-Awtorità mill-Entitajiet marbutin b’Obbligu;

-    Każijiet ta’ ħasil tal-flus li jseħħu f’Entitajiet marbutin b’Obbligu taħt superviżjoni diretta mill-Awtorità għall-AML matul iż-żmien ta’ dik is-superviżjoni.

2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet ta’ kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq) 

L-istimi magħmula hawnhekk huma bbażati fuq l-esperjenza tad-DĠ FISMA fis-sorveljanza tat-tliet Aġenziji Superviżorji Ewropej għas-servizzi finanzjarji (EBA, EIOPA, ESMA), li huma kollha aġenziji regolatorji deċentralizzati, kif hija prevista li tkun l-Awtorità għall-AML futura.

Kostijiet tal-kontrolli - Superviżjoni tal-aġenziji

Storikament, il-kostijiet tad-DĠ FISMA għas-superviżjoni ġenerali tal-Awtorità kienu stmati għal 0,5 % tal-kontribuzzjonijiet annwali mħallsa lilhom. Dawn il-kostijiet jinkludu, pereżempju, iżda mhux esklussivament, il-kostijiet relatati mal-valutazzjoni tal-programmazzjoni u tal-baġit annwali, il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tad-DĠ FISMA fil-Bordijiet Maniġerjali, il-Bordijiet tas-Superviżuri u l-ħidma preparatorja relatata.

Kostijiet tal-kontrolli - Pagament tal-kontribuzzjonijiet annwali

Il-kostijiet tal-kontroll strettament relatat mal-ipproċessar tal-pagamenti annwali li jsiru lill-Awtorità huma bbażati fuq il-metodoloġija użata biex jiġu kkalkolati l-kostijiet relatati ma’ tranżazzjonijiet finanzjarji oħra fid-DĠ FISMA. Dawn jirrappreżentaw frazzjoni ċkejkna u irrilevanti tal-pagamenti li jsiru.



2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta' irregolaritajiet 

Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.

Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) se japplikaw għall-Awtorità għall-AML mingħajr ebda restrizzjoni.

L-Awtorità se jkollha strateġija ddedikata kontra l-frodi u pjan ta’ azzjoni li jirriżulta minnha. L-azzjonijiet tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi jridu jkunu konformi mar-regoli u l-gwida pprovduti mir-Regolament Finanzjarju (miżuri kontra l-frodi bħala parti minn ġestjoni finanzjarja tajba), il-politiki tal-OLAF għall-prevenzjoni tal-frodi, id-dispożizzjonijiet previsti mill-Istrateġija tal-Kummissjoni Kontra l-Frodi: azzjoni iktar b’saħħitha għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE (COM(2019)196 final) kif ukoll kif stabbilit mill-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE (Lulju 2012) u l-pjan direzzjonali relatat.

Barra minn hekk, ir-Regolament propost li jistabbilixxi l-AMLA jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-baġit tagħha u r-regoli finanzjarji applikabbli, inklużi dawk immirati biex jipprevjenu l-frodi u l-irregolaritajiet. Ir-Regolament Finanzjarju intern futur tagħha se jistabbilixxi dan f’aktar dettall.

3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA 

3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i 

·Linji baġitarji eżistenti

Fl-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Type of
nefqa

Kontribuzzjoni

Numru

Diff./Mhux diff. 59

mill-pajjiżi tal-EFTA 60

mill-pajjiżi kandidati 61

minn pajjiżi terzi

skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

7

20.020101.01-C1-PMO(FISMA)

20.020601.01-C1-FISMA

Mhux diff.

LE

LE

LE

LE

1

03.020106-C1-FISMA

Diff.

IVA

LE

LE

LE

1

03.100200-C1-FISMA

Diff.

LE

LE

LE

LE

·Linji baġitarji ġodda mitluba

Fl-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Type of
nefqa

Kontribuzzjoni

Numru

Diff./mhux diff.

mill-pajjiżi tal-EFTA

mill-pajjiżi kandidati

minn pajjiżi terzi

skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

1

03.10.YY.YY – Aġenzija tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus

Diff

LE

LE

LE

LE

3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa 

3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa 

EUR miljun (għal tliet pożizzjonijiet deċimali): Prezzijiet Kurrenti

Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali

Numru

1 Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali

03.10.YY.YY: Awtorità tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA)

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

QFP 2021 – 2027

Titolu 1:

Impenji

(1)

0,809

7,489

19,148

7,094

7,236

41,776

Pagamenti

(2)

0,809

7,489

19,148

7,094

7,236

41,776

Titolu 2:

Impenji

(1a)

0,252

3,974

4,742

1,726

1,761

12,455

Pagamenti

(2a)

0,252

3,974

4,742

1,726

1,761

12,455

Titolu 3:

Impenji

(3a)

4,245

6,522

4,030

4,110

18,907

Pagamenti

(3b)

4,245

6,522

4,030

4,110

18,907

TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għall-AMLA

Impenji

=1+1a +3a

1,061

15,708

30,412

12,850

13,107

73,138

Pagamenti

=2+2a

+3b

1,061

15,708

30,412

12,850

13,107

73,138



EUR miljun (għal tliet pożizzjonijiet deċimali): Prezzijiet Kurrenti

Dettalji dwar is-sorsi ta’ riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

QFP 2021 – 2027

03.02.01.06 Implimentazzjoni u żvilupp tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji (prezzijiet kurrenti) – rigward FIU.net

Impenji

4

1,000

2,000

2,000

5,000

03.10.02 Awtorità Bankarja Ewropea (EBA)

Impenji

5

0,550

0,561

0,573

0,584

2,268

Marġini tal-Intestatura 1

Impenji

6

1,061

15,158

28,851

10,277

10,523

65,870

TOTAL ta’ Riallokazzjonijiet

Impenji

=4+5+6

1,061

15,708

30,412

12,850

13,107

73,138





Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali

7

“Nefqa amministrattiva”

EUR miljun (għal tliet pożizzjonijiet deċimali): Prezzijiet kostanti tal-2021

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

QFP 2021 -2027

DĠ: FISMA

• Uffiċjali

1,216

1,216

2,432

• Persunal bil-Kuntratt

0,328

0,328

0,656

• Nefqa amministrattiva oħra – Missjonijiet

0,040

0,090

0,130

TOTAL DĠ FISMA

Approprjazzjonijiet

1,584

1,634

3,218

TOTAL tal-approprjazzjonijiet
taħt l-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
 

(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)

1,584

1,634

3,218

L-approprjazzjonijiet amministrattivi meħtieġa se jiġu ssodisfati mill-approprjazzjonijiet li diġà huma assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li ġew riallokati, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji eżistenti.

EUR miljun (għal tliet pożizzjonijiet deċimali):

2023 62

2024

2025

2026

2027

TOTAL

QFP 2021 – 2027

TOTAL tal-approprjazzjonijiet
taħt l-INTESTATURI 1 sa 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
 

Impenji

2,645

17,342

30,412

12,850

13,107

76,356

Pagamenti

2,645

17,342

30,412

12,850

13,107

76,356

3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet tal-AMLA 

   Il-proposta/l-inizjattiva ma tirrikjedix l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali

   Il-proposta/l-inizjattiva tirrikjedi l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali, kif spjegat hawn taħt:

Approprjazzjonijiet ta’ impenn f’miljuni ta' EUR (għal tliet pożizzjonijiet deċimali): Prezzijiet Kurrenti

Indika l-objettivi u l-outputs

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

QFP 2021 – 2027

OUTPUTS

Tip 63

Kost medju

Le

Kost

Le

Kost

Le

Kost

Le

Kost

Le

Kost

Kost totali

OBJETTIV SPEĊIFIKU Nru 1 64

- Bażijiet tad-data u sistemi tal-IT (inklużi l-kostijiet tranżizzjonali)

Bażi tad-data / IT

2,918

3,951

3,312

3,379

13,560

- Traduzzjoni

Traduzzjoni

0,265

0,406

0,110

0,113

0,894

- Missjonijiet

Missjonijiet

1,062

1,624

0,442

0,450

3,578

- Rappreżentanza legali

Avukat estern

0,541

0,166

0,168

0,875

KOST TOTALI

4,245

6,522

4,030

4,110

18,907

3.2.3.Impatt stmat fuq ir-riżorsi umani tal-AMLA 

3.2.3.1.Sommarju 

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:

EUR miljun (għal tliet pożizzjonijiet deċimali): Prezzijiet kurrenti – Il-parti biss li hija ffinanzjata mill-Unjoni

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

QFP 2021 – 2027

Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)

0,518

5,682

14,354

5,362

5,468

31,384

Aġenti temporanji (Gradi ta’ AST)

0,462

2,493

0,962

0,982

4,899

Persunal bil-kuntratt

0,291

1,186

1,815

0,308

0,315

3,915

Esperti Nazzjonali Sekondati

0,159

0,486

0,462

0,471

1,578

TOTAL

0,809

7,489

19,148

7,094

7,236

41,776

Rekwiżiti tal-persunal (FTE): Total ta’ pożizzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni u ffinanzjati minn tariffi jew imposti

2023

2024

2025

2026 65

2027

TOTAL 66

Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)

8

58

155

180

180

180

Aġenti temporanji (Gradi ta’ AST)

7

30

30

30

30

Persunal bil-kuntratt

10

30

30

30

30

30

Esperti Nazzjonali Sekondati

5

10

10

10

10

TOTAL

18

100

225

250

250

250

Huwa preżunt li l-persunal kollu reklutat fl-2023 jaħdem għal sitt xhur, li l-proċedura ta’ reklutaġġ tkun inbdiet qabel l-istabbiliment legali tal-Aġenzija sabiex il-kuntratti jkunu jistgħu jiġu ffirmati malli tiġi stabbilita l-aġenzija. Bl-istess mod, huwa preżunt li 20 TA li se jieħdu l-pożizzjoni fl-2024 jaħdmu s-sena sħiħa, bir-reklutaġġ ikun twettaq fl-2023. Il-persunal addizzjonali l-ieħor kollu huwa preżunt li se jiġi reklutat matul is-sena u għalhekk bħala medja huma kkostjati għal 50 % tal-karigi. Għalhekk, huwa preżunt li l-persunal sħiħ se jintlaħaq sa nofs l-2026.

Dettalji dwar ir-Riallokazzjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea

Rekwiżiti tal-persunal (FTE):

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

Aġenti temporanji (Gradi ta’ AD)

4

4

4

4

4

Aġenti temporanji (Gradi ta’ AST)

Persunal bil-kuntratt

4

4

4

4

4

Esperti Nazzjonali Sekondati

TOTAL

8

8

8

L-allokazzjoni għall-persunal tal-Awtorità Bankarja Ewropea (pożizzjonijiet u allokazzjonijiet tal-Pjan ta’ Stabbiliment għall-Persunal bil-Kuntratt) se titnaqqas b’erba' Membri tal-Persunal Temporanji (AD7s) u erba' Membri tal-Persunal bil-Kuntratt (FGIVs) billi l-kompiti tal-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus allokati lill-EBA fil-kuntest tar-Rieżami tal-ASE se jitwettqu mill-AMLA.

3.2.3.2.Rekwiżiti stmati ta' riżorsi umani għad-DĠ prinċipali

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

Stima li trid tingħata f’ammonti sħaħ (jew l-iktar l-iktar għal pożizzjoni deċimali waħda)

2023

2024

2025

2026

2027

·Pożizzjonijiet fil-pjan ta' stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)

20 01 02 01 u 20 01 02 02 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)

8

8

20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)

01 01 01 01 (Riċerka indiretta)

10 01 05 01 (Riċerka diretta)

Persunal estern (f’unità Ekwivalenti ta' Ingaġġ Full Time: FTE) 67

20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)

4

4

20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-Delegazzjonijiet)

Linja(i) baġitarja(i) (speċifika)  68

- fil-Kwartieri Ġenerali 69

- fid-Delegazzjonijiet

01 01 01 02 (AC, END, INT – Riċerka indiretta)

10 01 05 02 (AC, END, INT – Riċerka diretta)

Linji baġitarji oħra (speċifika)

TOTAL

12

12

Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:

Uffiċjali u persunal temporanju

Se jkun meħtieġ li tiġi stabbilita “taskforce” ta’ 12 (li minnhom 8 Uffiċjali jew Aġenti Temporanji u erba’ Membri tal-Persunal bil-Kuntratt) fid-DĠ FISMA biex tiżgura l-istabbiliment u l-operazzjonalizzazzjoni rapidi tal-Aġenzija tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA). It-taskforce se tikkontribwixxi għar-reklutaġġ rapidu tal-persunal tal-AMLA kif ukoll għall-istabbiliment tal-proċeduri amministrattivi, loġistiċi, tar-riżorsi umani, baġitarji u finanzjarji kif ukoll tas-sistemi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-finanzjament meħtieġ mit-tariffi/imposti jkun disponibbli għall-AMLA fiż-żminijiet previsti. Mingħajr l-istabbiliment ta’ din it-taskforce, ma jkunx possibbli li l-AMLA tiġi stabbilita b’mod sħiħ u tkun lesta biex twettaq il-kompiti superviżorji kollha tagħha kif ukoll il-kompiti ta’ koordinazzjoni tagħha sal-bidu tal-2026.

Persunal estern

Se jkun meħtieġ li tiġi stabbilita “taskforce” ta’ 12 (li minnhom 8 Uffiċjali jew Aġenti Temporanji u erba’ Membri tal-Persunal bil-Kuntratt) fid-DĠ FISMA biex tiżgura l-istabbiliment u l-operazzjonalizzazzjoni rapidi tal-Aġenzija tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA). It-taskforce se tikkontribwixxi għar-reklutaġġ rapidu tal-persunal tal-AMLA kif ukoll għall-istabbiliment tal-proċeduri amministrattivi, loġistiċi, tar-riżorsi umani, baġitarji u finanzjarji kif ukoll tas-sistemi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-finanzjament meħtieġ mit-tariffi/imposti jkun disponibbli għall-AMLA fiż-żminijiet previsti. Mingħajr l-istabbiliment ta’ din it-taskforce, ma jkunx possibbli li l-AMLA tiġi stabbilita b’mod sħiħ u tkun lesta biex twettaq il-kompiti superviżorji kollha tagħha kif ukoll il-kompiti ta’ koordinazzjoni tagħha sal-bidu tal-2026.

Id-deskrizzjoni tal-kalkolu tal-kost għall-unitajiet FTE jenħtieġ li tiġi inkluża fit-Taqsima 3 tal-Anness V.

3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali 

   Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali.

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ riprogrammazzjoni tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

Spjega liema riprogrammazzjoni hija meħtieġa, billi tispeċifika l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

Jeħtieġ li tinħoloq linja baġitarja ġdida, li tikkorrispondi għall-istabbiliment ta’ aġenzija ġdida tal-UE. Barra minn hekk, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 jeħtieġ li jiġi pprogrammat sabiex jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. B’mod partikolari, kif stabbilit hawn fuq, il-baġit addizzjonali propost se jiġi ffinanzjat permezz ta’ riallokazzjoni ta’ parti żgħira tal-kontribuzzjoni (u pożizzjonijiet) tal-Unjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), riallokazzjoni żgħira mill-allokazzjoni għall-Programm tas-Suq Uniku (fir-rigward tal-kost tal-hosting tas-sistema tal-IT FIU.net) u fil-biċċa l-kbira permezz ta’ użu tal-marġni taħt l-Intestatura 1.

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-applikazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà jew ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali. 70 .

Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.

3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi 

   Il-proposta/l-inizjattiva ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi.

   Il-proposta/l-inizjattiva tipprevedi l-kofinanzjament stmat hawn taħt:

EUR miljun (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

2023

2024

2025

2026

2027

Total

2021 – 2027

Tariffi mill-entitajiet taħt superviżjoni diretta u tariffi/imposti għas-superviżjoni indiretta tal-istituzzjonijiet finanzjarji 71

36,179

39,302

75,481

TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati

36,179

39,302

75,481


Impatt stmat fuq id-dħul

   Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

   Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

   fuq ir-riżorsi proprji

   fuq dħul ieħor

◻ indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa

EUR miljun (għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Linja baġitarja tad-dħul:

Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja kurrenti

Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva 72

Year
N

Year
N+1

Year
N+2

Year
N+3

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)

Artikolu ………….

Għad-dħul "assenjat" mixxellanju, speċifika l-linja baġitarja tan-nefqa affettwata.

Speċifika l-metodu għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul.



ANNESS - SUPPOŻIZZJONIJIET

1. Suppożizzjonijiet Ġenerali

L-Awtorità għall-AML

Titolu I – Nefqa fuq il-Persunal

Is-suppożizzjonijiet speċifiċi li ġejjin ġew applikati fil-kalkolu tan-nefqa tal-persunal abbażi tal-ħtiġijiet tal-persunal identifikati spjegati hawn taħt:

·Id-data tal-istabbiliment legali tal-Awtorità se tkun immedjatament mad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament (probabbilment kmieni fl-2023), iżda fl-2023 l-Awtorità ma hija se twettaq l-ebda kompitu operazzjonali iżda biss dawk amministrattivi assoċjati mat-twaqqif tagħha. Il-persunal reklutat fl-2023 (18-il impjegat) se jkun esklussivament persunal amministrattiv u tar-riżorsi umani.

·Is-superviżjoni diretta tal-entitajiet magħżulin kollha se tibda fl-2026, u għalhekk sa tmiem l-2025 irid ikun hemm fis-seħħ komplement sħiħ tal-100 membru tal-persunal għas-superviżjoni diretta.

·Sa nofs is-sena 2025, il-proċess tal-għażla tal-entitajiet għal superviżjoni diretta, u d-determinazzjoni tat-tariffi/imposti, se jitlesta (il-lista tal-entitajiet soġġetti għal tariffi/imposti se tkun akbar minn dawk soġġetti għal superviżjoni diretta). Mill-2026 ’il quddiem, l-Awtorità tkun iffinanzjata fil-biċċa l-kbira minn tariffi/imposti.

·Fir-rigward ta’ attivitajiet operazzjonali minbarra s-superviżjoni diretta, l-Awtorità se tibda teżerċita l-funzjonijiet tagħha fl-2024, u se tikber għal persunal sħiħ fuq perjodu ta’ tliet snin, bil-persunal sħiħ previst li jintlaħaq sa tmiem l-2026. Il-persunal reklutat matul l-2026 se jaħdem fuq is-superviżjoni indiretta tas-settur mhux finanzjarju u l-appoġġ tal-UIF. Is-sena 2027 għalhekk se tkun l-ewwel sena li fiha l-Awtorità jkollha persunal sħiħ fuq sena sħiħa.

·Il-persunal ġdid reklutat fl-2023, fl-2024, fl-2025 u fl-2026 huwa kkostjat għal sitt xhur minħabba ż-żmien preżunt meħtieġ għar-reklutaġġ tal-persunal addizzjonali, madankollu 20 membru tal-persunal ġdid li jibdew fil-pożizzjoni fil-bidu tal-2024 huma kkostjati għal 12-il xahar sħaħ peress li l-proċedura ta’ reklutaġġ se titwettaq fl-2023;

·Il-kost annwali medju għall-2021 ta’ Aġent Temporanju huwa ta’ EUR 152 000, ta’ Membru tal-Persunal bil-Kuntratt huwa ta’ EUR 82 000 u għal espert nazzjonali sekondat huwa ta’ EUR 86 000, li kollha jinkludu EUR 25 000 ta’ kostijiet tal-“habillage” taħt it-Titolu II (Bini, IT, eċċ.) u dawn iċ-ċifri ġew indiċjati għal 2 % fis-sena mill-2023 ’il quddiem sabiex id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva tkun tista’ tiġi ppreżentata fi prezzijiet kurrenti;

·Ma ġie applikat l-ebda koeffiċjent ta’ korrezzjoni pożittiv jew negattiv, peress li s-sede tal-Awtorità ma hijiex magħrufa (huwa konvenzjonali li proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ aġenzija ġdida tkun vojta fir-rigward tal-post tas-sede);

·Il-kontribuzzjonijiet tal-impjegatur għall-pensjonijiet għall-Membri tal-Persunal Temporanji u għall-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt kienu bbażati fuq is-salarji bażiċi standard inklużi fil-kostijiet annwali medji standard għall-2021, jiġifieri EUR 96 724 u EUR 54 200 rispettivament, għal darba oħra indiċjati għal 2 % fis-sena mill-2023 ’il quddiem biex jaslu għall-prezzijiet kurrenti.

Titolu II – Nefqa infrastrutturali u operatorja

Il-kostijiet huma bbażati fuq il-multiplikazzjoni tal-għadd ta’ persunal bil-proporzjon tas-sena impjegati bil-kost standard għall-“habillage”, jiġifieri EUR 25 000 flimkien ma’ EUR 2 500 għal kull membru tal-persunal 73 biex ikopru spejjeż amministrattivi oħra, iż-żewġ ammonti fi prezzijiet tal-2021 u indiċjati biex jaslu għall-prezzijiet kurrenti.

Madankollu, matul l-ewwel sena ta’ operazzjonijiet effettivi (2024), se jkun meħtieġ li jinkera spazju għall-uffiċċji kbir biżżejjed għall-persunal sħiħ tal-Aġenzija. Għalhekk, minbarra l-kalkolu standard tal-habillage (EUR 25 000 immultiplikati bi 82,5 FTEs tal-persunal) ġew ibbaġitjati EUR 2 miljun addizzjonali (fi prezzijiet kurrenti) biex ikopru l-kostijiet tal-kiri u tal-irranġar potenzjali tal-bini.

Il-Kummissjoni

Abbażi tal-esperjenza reċenti tal-istabbiliment ta’ aġenziji ġodda, se tkun meħtieġa Task Force b’durata fissa ta’ 12-il persuna (tmin uffiċjali AD u erba' Membri tal-Persunal bil-Kuntratt) għall-2023 u l-2024 sabiex l-Awtorità tiġi stabbilita b’mod effiċjenti u rapidu, li tinkludi Direttur Eżekuttiv interim sekondat mill-Kummissjoni, u tim ta’ speċjalisti fir-riżorsi umani, l-IT, il-finanzi u l-akkwist. Dawn il-persuni se jiġu pprovduti permezz ta’ tqassim mill-ġdid intern fil-Kummissjoni Ewropea. Uħud mill-persunal fit-Task Force (erbgħa f’din l-istima) se jkollhom ikunu persunal bil-kuntratt, minħabba n-natura fuq perjodu qasir tat-Task Force. Se jkunu meħtieġa missjonijiet, speċjalment wara li l-Awtorità tibda topera fil-post tas-sede tagħha mill-2024. Il-persunal għal din it-task force ġie kkostjat bil-medja għall-2021 ta’ EUR 152 000 għal kull membru tal-persunal għal Uffiċjal (rata li tinkludi l-kostijiet tal-bini u tal-IT, l-hekk imsejħa “habillage”) u EUR 82 000 għal Membru tal-Persunal bil-Kuntratt.

2. Informazzjoni speċifika

Livelli ta’ persunal

Il-livell totali ta’ persunal għall-Awtorità meta jkollha riżorsi sħaħ, kif iddikjarat fl-Anness 5 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta, huwa ppjanat bħala 250, li minnhom 100 membru tal-persunal involuti fis-superviżjoni diretta ta’ ċerti Entitajiet marbutin b’Obbligu. Madankollu, jekk l-Awtorità tkun tinsab qrib Aġenzija eżistenti tal-UE li magħha tista’ tikkondividi funzjonijiet ta’ appoġġ, il-livell totali ta’ persunal jista’ jkun kemxejn anqas minn 250; jekk dak ikun il-każ, din id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva jenħtieġ li tiġi emendata matul il-proċess leġiżlattiv.

L-għadd ta’ 100 membru tal-persunal involuti f’superviżjoni diretta huwa bbażat fuq għadd stmat ta’ entitajiet taħt superviżjoni diretta mill-Awtorità fil-medda ta’ 12 sa 20 u għadd medju ta’ persunal tal-Awtorità li jaħdem fuq kull entità taħt superviżjoni diretta fil-medda ta’ 5 sa 8. Kważi l-100 membru tal-persunal kollha se jkunu bbażati fl-Istati Membri, mhux fis-sede tal-Awtorità, peress li se jkunu qed imexxu Timijiet Superviżorji Konġunti bil-parteċipazzjoni ta’ membri tal-persunal tas-superviżuri nazzjonali tal-AML/CFT.

Fir-rigward tal-150 membru tal-persunal mhux involuti f’superviżjoni diretta, dan l-għadd huwa stabbilit fil-livell minimu meħtieġ biex titwettaq il-firxa sħiħa ta’ kompiti tal-Awtorità. Dan huwa konsiderevolment taħt il-livell medju ta’ persunal tal-2020 tat-tliet ASE. Il-150 membru tal-persunal ippjanati tal-Awtorità mhux għas-superviżjoni diretta jistgħu jinqasmu fl-attivitajiet li ġejjin:

·membri tal-Bord Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv u l-President (seba' FTE);

·Amministrazzjoni ċentrali u persunal ta’ appoġġ (baġit, akkwist, riżorsi umani, IT, legali, eċċ.);

Superviżjoni indiretta (koordinazzjoni u sorveljanza tas-superviżuri nazzjonali) fis-settur finanzjarju;

Superviżjoni indiretta (koordinazzjoni u sorveljanza tas-superviżuri nazzjonali) fis-settur mhux finanzjarju;

·Koordinazzjoni u appoġġ għall-ħidma tal-UIF.

L-abbozz ta’ regolament li jistabbilixxi l-Awtorità jistabbilixxi l-għadd ta’ membri tal-Bord Eżekuttiv għal ħamsa, flimkien mal-President; dawn mhux se jkunu membri permanenti tal-persunal tal-Awtorità iżda detenturi indipendenti ta’ kariga pubblika full-time. Abbażi tal-esperjenza fl-ASE, l-għadd ta’ persunal meħtieġ tal-amministrazzjoni ċentrali u ta’ appoġġ jista’ jiġi stmat bħala 20 (anqas jekk is-servizzi ta’ appoġġ jiġu kondiviżi ma’ Aġenzija oħra). L-allokazzjoni eżatta tal-123 li jifdal fl-attivitajiet l-oħra se tiġi fdata lill-Awtorità nnifisha, iżda huwa stmat li madwar 70 FTE se jaħdmu fuq is-superviżjoni indiretta tas-settur finanzjarju (dan huwa rilevanti għat-tariffi/imposti – ara hawn taħt).

Titolu III kostijiet – nefqa operatorja

Il-kostijiet huma stmati soġġetti għas-suppożizzjonijiet ġenerali li ġejjin:

·Il-kostijiet tat-traduzzjoni b’operazzjoni sħiħa huma stmati li jammontaw għal ftit aktar minn EUR 0,5 miljun fis-sena fi prezzijiet tal-2021 u indiċjati biex jaslu għall-prezzijiet kurrenti. Ir-rati preżunti għall-2024 u għall-2025 huma preżunti li huma 50 % u 75 % tagħhom rispettivament;

·Il-kostijiet tranżizzjonali tal-IT jinkludu: il-kostijiet ta’ darba tal-IT għat-trasferiment tas-sistemi tal-IT lill-AMLA u kostijiet oħra tal-bidu tal-IT għall-AMLA kienu preżunti li huma EUR 1 miljun fl-2023 u EUR 400 000 fl-2024 (it-tnejn fi prezzijiet tal-2021).

·Il-kostijiet tas-superviżjoni fuq il-post huma ta’ EUR 2 500 għal kull persuna għal kull żjara. Il-baġit għall-missjonijiet ta’ EUR 2 miljun (fi prezzijiet tal-2021) b’operazzjoni sħiħa (jiġifieri mill-2027 ’il quddiem) jammonta għal 800 missjoni individwali (il-baġit għall-missjonijiet għall-2024 huwa ta’ 50 % ta’ dak b’operazzjoni sħiħa u 75 % tal-operazzjoni sħiħa fl-2025).

·L-ispejjeż ta’ litigazzjoni jirrigwardaw l-użu ta’ avukat estern għal-litigazzjoni ma’ entitajiet taħt superviżjoni diretta fir-rigward ta’ deċiżjonijiet indirizzati lilhom, ma’ entitajiet soġġetti għal tariffi/imposti fir-rigward tal-livell ta’ tariffi/imposti, u mas-superviżuri nazzjonali f’każijiet fejn l-Awtorità ssibhom defiċjenti fis-superviżjoni ta’ entità u tipproponi t-trasferiment tal-kompetenza superviżorja lill-Awtorità. L-ispiża annwali ta’ litigazzjoni hija stmata għal EUR 0,75 miljun f’operazzjoni sħiħa (fi prezzijiet tal-2021).

L-Awtorità se tieħu f’idejha mill-EBA l-bażi tad-data tal-AML li l-EBA ngħatat il-mandat li tipproduċi bir-Regolament UE 2019/2175 (ir-Regolament dwar ir-Rieżami tal-ASE), imsemmija fl-Artikolu 9a tar-Regolament dwar l-EBA (ara l-punt 1.5.5. fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva), li l-ewwel ta kompetenzi tal-AML lill-EBA, flimkien mat-8 pożizzjonijiet allokati lill-EBA għall-AML f’dik il-leġiżlazzjoni. L-ammont previst għall-EBA fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tal-proposta tal-Kummissjoni li tat dawk is-setgħat addizzjonali lill-EBA (COM(2018) 646 final), kien ta’ EUR 0,53 miljun fis-sena mill-baġit tal-Unjoni fuq bażi kontinwa (40 % tal-kost totali, minħabba n-natura mħallta tal-finanzjament tal-ASE). Dan il-finanzjament (indiċjat kif xieraq) jiġi ttrasferit lill-Awtorità għall-AML.

L-Awtorità għall-AML se tieħu f’idejha wkoll mill-Kummissjoni l-hosting tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għall-UIF magħrufa bħala FIU.net. Il-hosting ta’ dan in-network qed jiġi ttrasferit mill-Europol lill-Kummissjoni matul l-2021, iżda l-hosting mill-Kummissjoni huwa previst li jkun temporanju sakemm l-Awtorità tkun tista’ tieħdu f’idejha bħala ospitant permanenti. Il-kost tal-hosting tal-FIU.net, indipendentement mill-kostijiet relatati mat-trasferiment, jikkonsisti essenzjalment mill-kostijiet tal-IT (il-manutenzjoni ta’ hardware u software siguri għall-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni sensittiva bejn l-UIF). Il-kost annwali tal-hosting tal-FIU.net waqt li tkun fil-Kummissjoni huwa ta’ madwar EUR 2 miljun, iżda din hija stima konservattiva biex tiġi żgurata biss sistema sigura għalissa. L-Awtorità se jkollha bżonn tiżviluppa funzjonalitajiet addizzjonali biex tipprovdi għodod effettivi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-UIF u l-baġit stmat għas-sistema tal-FIU.net hawnhekk huwa għalhekk ta’ EUR 3 miljun (fi prezzijiet tal-2021), li minnhom madwar EUR 2 miljun (fi prezzijiet kurrenti) se jikkorrispondu għal iffrankar fuq il-baġit tal-UE minħabba t-trasferiment tal-FIU.net mill-Kummissjoni lill-AMLA minn nofs l-2025 (l-ewwel sena meta t-trasferiment tal-FIU.net mill-Kummissjoni lill-Awtorità huwa realistikament possibbli).

Dħul minn tariffi/imposti

L-attivitajiet tal-Awtorità li għandhom jiġu ffinanzjati mid-dħul mit-tariffi/imposti huma kostijiet relatati mas-superviżjoni diretta u s-superviżjoni indiretta tas-settur finanzjarju. Fir-rigward tat-Titolu I u t-Titolu II, l-għadd totali ta’ persunal FTE f’operazzjoni sħiħa involut f’dawn iż-żewġ attivitajiet huwa stmat bħala 192. Fir-rigward tat-Titolu III, il-kostijiet li huma kkunsidrati li jaqgħu f’din il-kategorija huma kollha kostijiet tat-Titolu III bl-esklużjoni tal-operat tal-FIU.net u 20 % tal-kostijiet għat-traduzzjoni, il-missjonijiet u l-litigazzjoni. Għal sena sħiħa b’operazzjoni sħiħa, dawn il-kostijiet jammontaw għal EUR 4,9 miljun minn EUR 9 miljun fit-Titolu III (iż-żewġ ammonti fi prezzijiet kurrenti). B’mod globali, dawn l-istimi jagħtu dħul mit-tariffi ta’ madwar EUR 40 miljun f’sena ta’ operazzjoni sħiħa, li jikkorrispondi għal madwar 75 % tal-ispejjeż tal-Awtorità, u jħallu ftit aktar minn EUR 13,3 miljun ta’ spejjeż għall-baġit tal-Unjoni.

Fis-snin 1 u 2 ta’ operazzjonijiet effettivi (2024 u 2025) huwa ppjanat dħul żero mit-tariffi/imposti, billi l-Awtorità mhux se tkun diġà f’pożizzjoni li timponi tariffi/timponi imposti; l-għażla tal-entitajiet soġġetti għal tariffi/imposti se tieħu l-ewwel sena u nofs tal-attività tal-Awtorità, il-lista tal-entitajiet tiġi ppubblikata f’Awwissu 2025 u l-fatturi għall-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2026 jintbagħtu immedjatament wara. L-effett globali ta’ dawn is-suppożizzjonijiet huwa li l-kost tal-Awtorità għall-baġit tal-Unjoni (eskluż il-kost tat-taskforce temporanja tal-Kummissjoni li tkun trid tiġi stabbilita biex titwaqqaf l-Awtorità) huwa ta’ madwar EUR 1 miljun fl-2023, ftit anqas minn EUR 16-il miljun fl-2024, u EUR 30 miljun fl-2025, li mbagħad jinżel għal EUR 12,8 miljun fl-2026 u ftit aktar minn EUR 13-il miljun fl-2027 u wara.

It-tariffi/imposti li jikkorrispondu għan-nefqa eliġibbli fis-sena N se jinġabru fis-sena N-1 abbażi tal-abbozz ta’ baġit għas-sena N. Jekk in-nefqa stmata fuq is-superviżjoni diretta f’sena partikolari tkun ogħla jew anqas minn dik ibbaġitjata, it-tariffi/imposti imposti fis-sena ta’ wara jenħtieġ li jiġu adattati biex jikkoreġu dan.

Fir-rigward tal-Entitajiet marbutin b’Obbligu soġġetti għal tariffi/imposti, l-abbozz ta’ regolament li jistabbilixxi l-Awtorità jeskludi l-Entitajiet marbutin b’Obbligu tas-settur mhux finanzjarju, u jillimita t-tariffi/imposti għal għażla ta’ entitajiet tas-settur finanzjarju, li għandha tiġi ddeterminata f’att delegat tal-Kummissjoni.

It-tabella ta’ hawn taħt tiġbor fil-qosor l-evoluzzjoni ppjanata tad-dħul mit-tariffi/mill-imposti għall-Awtorità.

Awtorità tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA) – Finanzjament minn Tariffi u Imposti

2024

2025

2026

2027

TOTAL

2023 – 2027

Titolu 1: (inklużi l-kontribuzzjonijiet tal-impjegatur għall-pensjonijiet)

Impenji

(1)

26,033

28,573

54,606

Pagamenti

(2)

26,033

28,573

54,606

Titolu 2:

Impenji

(1a)

5,343

5,830

11,173

Pagamenti

(2a)

5,343

5,830

11,173

Titolu 3:

Impenji

(3a)

4,803

4,899

9,702

Pagamenti

(3b)

4,803

4,899

9,702

TOTAL ta’ approprjazzjonijiet iffinanzjati minn Tariffi u Imposti
għall-AMLA

Impenji

=1+1a +3a

36,179

39,302

75,481

Pagamenti

=2+2a

+3b

36,179

39,302

75,481

(1)    Europol, ‘From suspicion to action: Converting financial intelligence into greater operational impact’ , 2017.
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (COM/2019/360 final), ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ każijiet reċenti allegati ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE, (COM/2019/373 final), u rapporti oħra.
(3)    COM(2020) 605 final.
(4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 2020/C 164/06; C/2020/2800; ĠU C 164, 13.5.2020, p. 21–33: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020XC0513(03) .
(5)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra (2020/2686(RSP)), P9_TA(2020)0204; https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2020-0204_MT.html .
(6)     https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12608-2020-INIT/mt/pdf .
(7)    L-ambitu tas-superviżjoni għas-superviżur tal-AML/CFT tal-UE jenħtieġ li jiffoka, f’dan l-istadju, fuq: l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet ta’ pagament, il-bureau de change, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ assi virtwali koperti minn rakkomandazzjonijiet tal-FATF, fost l-oħrajn, bl-għażla li tiġi valutata espansjoni tas-superviżjoni għal entitajiet marbutin b’obbligu riskjużi oħra fil-futur, iżda b’kont meħud ukoll tan-natura aktar omoġenja tas-settur finanzjarju u l-livell għoli ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti prudenzjali meta mqabbla mas-settur mhux finanzjarju. Is-superviżjoni bbażata fuq ir-riskju tal-UE jenħtieġ li tqis il-parametru li ġej: ir-riskju li jirriżulta min-natura tan-negozju tal-entità marbuta b’obbligu – b’mod partikolari l-bażi tal-klijenti, il-prodotti, il-kanali ta’ konsenja, l-iskopertura ġeografika tagħha, u b’kont meħud tal-aspetti transfruntiera; ir-riskji emerġenti assoċjati mal-metodi ta’ distribuzzjoni li qed jevolvu, speċjalment l-isfidi għall-AML/CFT maħluqa mid-diġitalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji kif ukoll il-konsegwenzi jekk dawn ir-riskji jimmaterjalizzaw ruħhom.
(8)    Għal aktar dettalji ara l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja. [OP jekk jogħġbok daħħal il-link għal SWD(2021)190]
(9)    EBA/Rep/2020/06, disponibbli fuq https://eba.europa.eu/file/744071/download?token=Tf9XDqWX .
(10)    Mhux pubblikament disponibbli.
(11)    Ir-rapport speċjali tal-QEA “L-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju huma frammentati u l-implimentazzjoni ma hijiex suffiċjenti”: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR21_13/SR_AML_MT.pdf .
(12)    Għal aktar dettalji ara l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja [OP jekk jogħġbok daħħal il-link għal SWD(2021)190]
(13)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, emendata mid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43-74).
(14)    Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1-18).
(15)    Id-Direttivi (UE) 2015/2366, (UE) 2014/92, u (UE) 2009/110.
(16)    Id-Direttiva (UE) 2019/1153.
(17)    Il-Kawża C-217/04 Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill EU:C:2006:279, il-paragrafu 44, u l-Kawża C-270/12 Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill EU:C:2014:18, il-paragrafu 104.
(18)     https://ec.europa.eu/info/publications/190724-anti-money-laundering-terrorism-financing-communication_en .
(19)    Mogħtija lill-EBA bir-Regolament UE 2019/2175 (ir-regolament dwar ir-rieżami tal-ASE).
(20)    Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.
(21)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2021)190 - Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt li Jakkumpanja l-pakkett ta’ proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT), u l-infurzar tal-liġi, fosthom: Abbozz ta’ Regolament dwar l-AML/CFT, li jemenda wkoll ir-Regolament eżistenti dwar it-Trasferiment ta’ Fondi (ir-Regolament 2015/847); Abbozz ta’ emenda tad-Direttiva 2015/849 dwar l-AML/CFT; Abbozz ta’ Regolament li joħloq Awtorità tal-UE għall-AML/CFT, fil-forma ta’ aġenzija regolatorja; Abbozz ta’ emenda tad-Direttiva 2019/1153 li tiffaċilita l-użu ta’ informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ ċerti reati kriminali.
(22)    Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja [OP jekk jogħġbok daħħal il-link għal SWD(2021)190]
(23)    Għal aktar riflessjonijiet dwar il-mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni tal-UIF jekk jogħġbok ara l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja [OP jekk jogħġbok daħħal il-link għal SWD(2021)190]
(24)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.
(25)    Din il-bażi tad-data nħolqot bir-Regolament UE 2019/2175 (ir-regolament dwar ir-rieżami tal-ASE) li fl-istess ħin estenda l-kompetenza tal-EBA fil-qasam tal-AML/CFT.
(26)    FIU.net ilu hosted mill-Europol mill-2016, iżda huwa mistenni li jiġi trasferit lill-Kummissjoni fuq bażi temporanja qabel Settembru 2021, sakemm tinħoloq l-Awtorità. Dan isegwi deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data minn Diċembru 2019 li skontha l-hosting ta’ FIU.net mill-Europol imur lil hinn mill-mandat ta’ din tal-aħħar f’termini ta’ pproċessar ta’ data personali.
(27)    Din il-bażi tad-data nħolqot bir-Regolament UE 2019/2175 (ir-regolament dwar ir-rieżami tal-ASE) li fl-istess ħin estenda l-kompetenza tal-EBA fil-qasam tal-AML/CFT.
(28)    FIU.net ilu hosted mill-Europol mill-2016, iżda huwa mistenni li jiġi trasferit lill-Kummissjoni fuq bażi temporanja qabel Settembru 2021, sakemm tinħoloq l-Awtorità. Dan isegwi deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data minn Diċembru 2019 li skontha l-hosting ta’ FIU.net mill-Europol imur lil hinn mill-mandat ta’ din tal-aħħar f’termini ta’ pproċessar ta’ data personali.
(29)    https://europa.eu/european-union/sites/europaeu/files/docs/body/joint_statement_and_common_approach_2012_mt.pdf.
(30)    ĠU C , , p. .
(31)    [żid ir-referenza] ĠU C , , p. .
(32)     https://europa.eu/european-union/sites/default/files/docs/body/joint_statement_and_common_approach_2012_mt.pdf .
(33)    Ir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi Strument ta’ Appoġġ Tekniku (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 1).
(34)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(35)    Ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1073/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(36)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).
(37)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52013JC0001 .
(38)    Ir-Regolament Nru 31(KEE), 11(KEEA) li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU P 045, 14.6.1962, p. 1385).
(39)    Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(40)    Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).
(41)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(42)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(43)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).
(44)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(45)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
(46)    Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(47)    Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(48)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(49)    Ir-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).
(50)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1)
(51)    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(52)    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(53)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta’ Frar 2016 li jiddetermina l-emolumenti ta’ persuni f’karigi pubbliċi għolja tal-UE (ĠU L 58, 4.3.2016, p. 1).
(54)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(55)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41)
(56)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-entitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1).
(57)    Kif imsemmi fl-Artikolu 58(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.
(58)    Id-dettalji tal-modi ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jinsabu fuq is-sit BudgWeb: https://myintracomm.ec.europa.eu/budgweb/MT/man/budgmanag/Pages/budgmanag.aspx .
(59)    Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati / Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
(60)    EFTA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.
(61)    Pajjiżi kandidati u, fejn ikun applikabbli, pajjiżi potenzjalment kandidati mill-Balkani tal-Punent.
(62)    Approssimazzjoni għall-2023 u l-2024 minħabba l-bażijiet differenti (indikati hawn fuq) meħtieġa li jiġu applikati għan-nefqa taħt l-intestatura 1 u l-intestatura 7.
(63)    L-outputs huma l-prodotti u s-servizzi li jridu jiġu pprovduti (eż.: l-għadd ta’ skambji ta’ studenti ffinanzjati, l-għadd ta’ kilometri ta’ toroq mibnija, eċċ.).
(64)    Kif deskritt fil-punt 1.4.2. “Objettiv(i) speċifiku/speċifiċi…”
(65)    Mill-2026 ’il quddiem, 192 mit-total ta’ 250 pożizzjoni (jiġifieri 77 %) se jiġu ffinanzjati minn tariffi/imposti, li minnhom 164 Membru tal-persunal temporanju (141 ADS u 23 ASTs), 25 Membru tal-Persunal bil-Kuntratt u tliet Esperti Nazzjonali Sekondati
(66)    Total bil-persunal sħiħ previst.
(67)    AC = Persunal bil-Kuntratt; AL = Persunal Lokali; END = Espert Nazzjonali Sekondat; INT = persunal tal-aġenziji; JPD = Professjonisti Subalterni fid-Delegazzjonijiet.
(68)    Sottolimitu għall-persunal estern kopert mill-approprjazzjonijiet operazzjonali (li qabel kienu l-linji “BA”).
(69)    Prinċipalment għall-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Marittimu u tas-Sajd u l-Akkwakultura Ewropew (EMFAF).
(70)    Ara l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2093/2020 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027.
(71)    Il-kost sħiħ tal-persunal (inklużi l-kostijiet assoċjati tat-titolu II u l-kontribuzzjonijiet għall-pensjoni) u l-kostijiet operazzjonali li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ superviżjoni diretta u superviżjoni indiretta tal-istituzzjonijiet finanzjarji. 
(72)    Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (id-dazji doganali, l-imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri l-ammonti grossi wara t-tnaqqis ta’ 20 % għall-kostijiet tal-ġbir.
(73)    Fil-baġits tagħhom għall-2021, il-kostijiet tat-Titolu II tal-ASE, esklużi l-bini u l-ICT, ivarjaw minn EUR 1 700 għal kważi EUR 5 000 għal kull impjegat.

Brussell, 20.7.2021

COM(2021) 421 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) 1094/2010, (UE) 1095/2010



ANNESS I

Lista ta’ koeffiċjenti marbutin ma’ fatturi aggravanti u ta' mitigazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu

Lista ta’ koeffiċjenti marbutin ma’ fatturi aggravanti u ta' mitigazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20.

Il-koeffiċjenti li ġejjin għandhom ikunu applikabbli b'mod kumulattiv mal-ammonti bażiċi msemmija fl-Artikolu 20(6) abbażi ta' kull wieħed mill-fatturi aggravanti u ta' mitigazzjoni li ġejjin:

I. Koeffiċjenti ta’ aġġustament marbutin ma’ fatturi aggravanti:

1. Jekk il-ksur jitwettaq ripetutament, għal kull darba li jiġi ripetut, għandu japplika koeffiċjent addizzjonali ta’ 1,1;

2. Jekk il-ksur jitwettaq għal aktar minn sitt xhur, għandu japplika koeffiċjent ta' 1,5.

3. Jekk il-ksur ikun kixef dgħufijiet sistemiċi fl-organizzazzjoni tal-entità marbuta b’obbligu, partikolarment fil-proċeduri, is-sistemi tal-maniġment jew il-kontrolli interni tagħha, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta' 2,2.

4. Jekk il-ksur twettaq intenzjonalment, għandu japplika koeffiċjent ta' 3.

5. Jekk ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta' rimedju minn meta kien identifikat il-ksur, għandu japplika koeffiċjent ta' 1,7.

6. Jekk il-maniġment superjuri tal-entità marbuta b’obbligu magħżula ma kkoperax mal-Awtorità fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tagħha, għandu japplika koeffiċjent ta' 1,5.

II. Koeffiċjenti ta' aġġustament marbutin ma' fatturi ta’ mitigazzjoni:

1. Jekk il-maniġment superjuri tal-entità marbuta b’obbligu magħżula jista' juri li ħa l-miżuri neċessarji kollha biex jipprevjeni l-ksur, għandu japplika koeffiċjent ta' 0,7.

2. Jekk l-entità marbuta b’obbligu magħżula ġibdet l-attenzjoni tal-Awtorità dwar il-ksur malajr, b’mod effettiv u komplet, għandu japplika koeffiċjent ta’ 0,4.

3. Jekk l-entità marbuta b’obbligu magħżula tkun ħadet volontarjament miżuri biex tiżgura li ma jkunx jista' jseħħ ksur simili fil-futur, għandu japplika koeffiċjent ta' 0,6.

ANNESS II

Lista ta’ rekwiżiti applikabbli direttament imsemmija fl-Artikolu 21(1) u 21(3)

1.Rekwiżiti relatati mad-diliġenza dovuta tal-klijent imsemmija fl-Artikolu 21(3), il-punti (a) u (b) għandhom ikunu dawk: fl-Artikoli 15, 16, 17, 18, 19, 20, 21, 27, 28, 30, 31, 32, 34, 36 u 37 ta’ [AMLR].

2.Rekwiżiti relatati mal-politiki tal-grupp u proċeduri msemmija fl-Artikolu 21(3), il-punt (a) għandhom ikunu dawk: fl-Artikoli 13 u 14 ta’ [AMLR].

3.Rekwiżiti relatati mal-obbligi ta’ rapportar imsemmija fl-Artikolu 23(3), il-punti (a) u (b) għandhom ikunu dawk: fl-Artikoli 50, 51 u 52 ta’[AMLR] u l-Artikoli 9, 13 u 18 ta’ [TFR riformulat].

4.Rekwiżiti relatati ma’ politiki interni, kontrolli u proċeduri msemmija fl-Artikolu 23(3), il-punt (b) għandhom ikunu dawk: fl-Artikoli 7, 8, 9, 38, 39 u 40 tal- [AMLR].

5.Rekwiżiti oħra msemmija fl-Artikolu 23(3), il-punti (c) u (d) għandhom ikunu dawk: fl-Artikoli 54, 56, 57 u 58 ta’ [AMLR] u fl-Artikoli 7, 8, 10, 11, 12, 14, 16, 17, 19, 21 ta’ [TFR].