Brussell, 20.7.2021

COM(2021) 420 final

2021/0239(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2021) 391 final} - {SWD(2021) 190 final} - {SWD(2021) 191 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jippreżentaw theddida serja għall-integrità tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja tal-UE u għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħha. Il-Europol stmat li madwar 1 % tal-Prodott Domestiku Gross annwali tal-UE huwa “individwat bħala involut f’attività finanzjarja suspettata” 1 . F’Lulju 2019, wara numru ta’ każijiet prominenti ta’ allegat ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Unjoni, il-Kummissjoni adottat pakkett 2 li janalizza l-effettività tar-reġim tal-UE tal-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus/Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT) kif kien dak iż-żmien, u kkonkludiet li kienu neċessarji riformi. F’dan il-kuntest, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 3 għall-2020-2025 enfasizzat l-importanza li jissaħħaħ il-qafas tal-UE għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex l-Ewropej ikunu protetti mit-terroriżmu u mill-kriminalità organizzata.

Fis-7 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu 4 . F’dak il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni ħadet impenn li tieħu miżuri sabiex issaħħaħ ir-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-implimentazzjoni tagħhom u ddefiniet sitt prijoritajiet jew pilastri:

1.    Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas eżistenti tal-UE fil-qasam AML/CFT,

2.    Tistabbilixxi ġabra unika ta’ regoli tal-UE dwar AML/CFT,

3.    Iddaħħal fis-seħħ superviżjoni AML/CFT fil-livell tal-UE,

4.    Tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ appoġġ u kooperazzjoni għall-UIFs,

5.    Teżegwixxi dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali u skambju tal-informazzjoni fil-livell tal-UE,

6.    Issaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tal-qafas eżistenti tal-UE fil-qasam AML/CFT.

Filwaqt li l-pilastri 1, 5 u 6 tal-Pjan ta’ Azzjoni qegħdin jiġu implimentati, il-pilastri l-oħrajn jesiġu azzjoni leġiżlattiva. Din il-proposta għal Regolament hija parti minn pakkett tal-AML/CFT ta’ erba’ proposti leġiżlattivi li huwa kkunsidrat bħala wieħed koerenti fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Mejju 2020, sabiex jinħoloq qafas regolatorju u istituzzjonali ġdid u aktar koerenti tal-AML/CFT fl-UE. Il-pakkett jinkludi:

din il-proposta għal Regolament dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus (ML) u tal-finanzjament tat-terroriżmu (TF);

proposta għal Direttiva 5 li tistabbilixxi l-mekkaniżmi li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu sabiex jipprevjenu l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ML/TF, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 6 ;

proposta għal Regolament li joħloq Awtorità għall-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (“AMLA”) 7 , u

proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 li tespandi r-rekwiżiti ta’ traċċabilità għall-kriptoassi 8 .

Din il-proposta leġiżlattiva, flimkien ma’ proposta għal Direttiva u ma’ proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847, tissodisfa l-objettiv ta’ stabbiliment ta’ ġabra unika tar-regoli tal-UE (pilastru 2).

Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill taw l-appoġġ tagħhom għall-pjan stabbilit mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Mejju 2020. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Lulju 2020, il-Parlament Ewropew talab li jissaħħu r-regoli tal-Unjoni u laqa’ l-pjanijiet sabiex tiġi rrivoluzzjonata l-istruttura istituzzjonali tal-AML/CFT tal-UE 9 . Fl-4 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill ECOFIN adotta Konklużjonijiet li jappoġġaw kull wieħed mill-pilastri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni 10 .

Il-ħtieġa għal regoli armonizzati fis-suq intern hija kkonfermata mill-evidenza pprovduta fir-rapporti tal-2019 maħruġin mill-Kummissjoni. Dawn ir-rapporti identifikaw li filwaqt li r-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2015/849 huma estensivi ħafna, in-nuqqas ta’ applikabbiltà diretta u l-granularità tagħhom wasslu għal frammentazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom skont il-linji nazzjonali u għal interpretazzjonijiet diverġenti. Din is-sitwazzjoni ma tippermettix li jiġu ttrattati b’mod effettiv sitwazzjonijiet transfruntiera u, għalhekk, ma humiex adattati sabiex jipproteġu b’mod adegwat is-suq intern. Hija tiġġenera wkoll kostijiet u piżijiet addizzjonali għall-operaturi li jipprovdu servizzi transfruntiera u tikkawża arbitraġġ regolatorju.

Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ hawn fuq u jiġu evitati d-diverġenzi regolatorji, ir-regoli kollha li japplikaw għas-settur privat ġew ittrasferiti għal din il-proposta għal Regolament dwar l-AML/CFT, filwaqt li l-organizzazzjoni tas-sistema istituzzjonali tal-AML/CFT fil-livell nazzjonali titħalla f’Direttiva, b’rikonoxximent tal-ħtieġa għal flessibbiltà għall-Istati Membri f’dan il-qasam.

Madankollu, din il-proposta ma tittrasferixxix biss dispożizzjonijiet mid-Direttiva eżistenti dwar l-AML/CFT għal Regolament; isiru diversi bidliet fis-sustanza sabiex jinkiseb livell akbar ta’ armonizzazzjoni u ta’ konverġenza fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-AML/CFT fl-UE kollha:

sabiex jiġu mmitigati riskji ġodda u emerġenti, il-lista ta’ entitajiet marbutin b’obbligu hija estiża sabiex tinkludi fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi iżda wkoll setturi oħrajn bħall-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv u l-operaturi tal-migrazzjoni;

sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli fis-suq intern kollu, jiġu ċċarati r-rekwiżiti fir-rigward tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri interni, inkluż fil-każ ta’ gruppi, u l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti jsiru aktar granulari, b’rekwiżiti aktar ċari skont il-livell ta’ riskju tal-klijent;

ir-rekwiżiti fir-rigward ta’ pajjiżi terzi jiġu rrieżaminati sabiex jiġi żgurat li jiġu applikati miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa għal dawk il-pajjiżi li huma ta’ theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni;

ir-rekwiżiti relatati ma’ persuni politikament esposti huma soġġetti għal kjarifiki żgħar, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta’ persuna politikament esposta;

ir-rekwiżiti tas-sjieda benefiċjarja jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ trasparenza madwar l-Unjoni kollha, u jiġu introdotti rekwiżiti ġodda fir-rigward ta’ persuni nominati u ta’ entitajiet barranin sabiex jiġu mmitigati r-riskji li l-kriminali jinħbew wara livelli intermedji;

sabiex jiġi ggwidat b’mod aktar ċar ir-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, l-allarmi ħomor li jqajmu suspett jiġu ċċarati, filwaqt li r-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u l-kondiviżjoni mill-privat għall-privat tal-informazzjoni jibqgħu l-istess;

sabiex tiġi żgurata konsistenza sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, jiġu introdotti rekwiżiti għall-ipproċessar ta’ ċerti kategoriji ta’ data personali u jiġi pprovdut limitu ta’ żmien iqsar għaż-żamma ta’ data personali;

jissaħħu l-miżuri sabiex jittaffa l-użu ħażin ta’ strumenti tal-portatur u tiddaħħal dispożizzjoni li tillimita l-użu ta’ flus għal tranżazzjonijiet kbar fid-dawl tal-effett baxx ipprovat tal-approċċ attwali li jiddependi fuq negozjanti f’oġġetti għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT fir-rigward ta’ pagamenti kbar fi flus.

Li jkun hemm regoli dwar l-AML/CFT applikabbli direttament f’Regolament, b’aktar dettall milli hemm bħalissa fid-Direttiva (UE) 2015/849, mhux biss jippromwovi l-konverġenza tal-applikazzjoni tal-miżuri dwar l-AML/CFT madwar l-Istati Membri, iżda jipprovdi wkoll qafas konsistenti li fuq il-bażi tiegħu l-AMLA se tkun tista’ timmonitorja l-applikazzjoni ta’ tali regoli fil-funzjoni tagħha bħala superviżur dirett ta’ ċerti entitajiet marbutin b’obbligu.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta tieħu bħala l-punt tat-tluq tagħha d-Direttiva eżistenti (UE) 2015/849, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/843 11 . Filwaqt li ssegwi l-approċċ attwali bbażat fuq ir-riskju u komprensiv, hija tapprofondih u ssaħħu bl-għan li tikseb effettività akbar u konsistenza transfruntiera tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT. Billi tibni fuq l-emendi introdotti mid-Direttiva 2018/843, tissimplifika t-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja fis-suq intern kollu, filwaqt li tindirizza dawk l-aspetti fejn nuqqas ta’ granularità kien ħoloq possibbiltajiet għall-kriminali sabiex jisfruttaw l-aktar ħolqa dgħajfa fil-katina. Din il-proposta trid titqies bħala parti minn pakkett, bil-proposti leġiżlattivi l-oħrajn li jakkumpanjawha, b’konsistenza sħiħa bejniethom.

Din il-proposta hija konsistenti mal-aħħar emendi għar-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), u b’mod partikolari fir-rigward tal-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-entitajiet soġġetti għar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT sabiex jinkludu fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi u miżuri li għandhom jittieħdu mill-entitajiet marbutin b’obbligu sabiex jivvalutaw u jimmitigaw ir-riskji ta’ evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati. F’konformità mal-istandards tal-FATF, din il-proposta tiżgura approċċ konsistenti madwar l-Unjoni kollha għall-mitigazzjoni tar-riskji li jirriżultaw minn ishma tal-portaturi u minn ċertifikati tal-ishma tal-portaturi. Lil hinn mill-istandards tal-FATF, hija tindirizza r-riskji li huma speċifiċi għall-Unjoni jew li għandhom impatti fil-livell tal-Unjoni, bħal dawk li jirriżultaw minn skemi ta’ migrazzjoni jew minn pagamenti kbar fi flus.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-AML/CFT tinteraġixxi ma’ diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni tal-UE fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tad-dritt penali. Dan jinkludi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-pagamenti u t-trasferimenti ta’ fondi (id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, id-Direttiva dwar il-Kontijiet ta’ Pagament, id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi 12 ). Xi eżempji ta’ kif ġiet żgurata l-koerenza ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE huma dawn li ġejjin:

L-inklużjoni ta’ fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi fost l-entitajiet soġġetti għar-regoli dwar l-AML/CFT u l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni għat-trasferimenti ta’ assi virtwali se jikkomplementaw il-Pakkett dwar il-Finanzi Diġitali reċenti tal-24 ta’ Settembru 2020 13 u se jiżguraw konsistenza sħiħa bejn il-qafas tal-UE u l-istandards tal-FATF.

L-approċċ meħud għall-identifikazzjoni ta’ entitajiet soġġetti għar-regoli dwar l-AML/CFT se jiżgura wkoll konsistenza mar-Regolament adottat reċentement dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv 14 , fis-sens li huwa soġġett għar-regoli tal-UE dwar l-AML/CFT għall-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, minħabba li ċerti salvagwardji tal-AML/CFT jinsabu f’dak ir-Regolament għall-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv soġġetti għalih.

L-emendi għar-regoli dwar id-Diliġenza Dovuta fir-rigward tal-Klijenti (CDD) jinkludu dispożizzjonijiet sabiex is-CDD tiġi inkwadrata aħjar f’każijiet li fihom jitwettaq on-boarding mill-bogħod tal-klijenti, b’koerenza mal-emenda proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament eIDAS fir-rigward ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea 15 , inklużi l-portafolli tal-identità diġitali Ewropej u s-servizz fiduċjarju rilevanti, b’mod partikolari l-attestazzjonijiet elettroniċi tal-attributi. Dan huwa konformi mal-Istrateġija dwar il-Finanzi Diġitali 16 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta għal regolament hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE, l-istess bażi ġuridika bħall-qafas legali kurrenti tal-UE dwar l-AML/CFT. L-Artikolu 114 huwa xieraq meta titqies it-theddida sinifikanti għas-suq intern ikkawżata mill-ħasil tal-flus u mill-finanzjament tat-terroriżmu, u t-telf ekonomiku u t-tfixkil tal-funzjonament tas-suq uniku u l-ħsara lir-reputazzjoni fuq livell transfruntier li dan jista’ joħloq fil-livell tal-Unjoni.

Sussidjarjetà

F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u, għalhekk, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

Il-pakkett tal-2019 tal-Kummissjoni dwar l-AML enfasizza kif il-kriminali rnexxielhom jisfruttaw id-differenzi bejn ir-reġimi tal-AML/CFT tal-Istati Membri. Il-flussi ta’ flus illeċiti u ta’ finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jagħmlu ħsara lill-istabbiltà u lir-reputazzjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u jheddu l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Miżuri adottati fil-livell nazzjonali biss jista’ jkollhom effetti avversi fuq is-suq intern u jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni. L-azzjoni tal-UE hija ġġustifikata sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni kollha – ma’ entitajiet fl-Istati Membri kollha soġġetti għal sett konsistenti ta’ obbligi tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. In-natura transfruntiera ta’ ħafna mill-ħasil tal-flus u mill-finanzjament tat-terroriżmu tagħmel il-kooperazzjoni tajba bejn is-superviżuri nazzjonali u l-UIF essenzjali sabiex jiġu evitati dawn ir-reati. Ħafna entitajiet soġġetti għall-obbligi tal-AML għandhom attivitajiet transfruntiera, u approċċi differenti minn superviżuri nazzjonali u mill-UIF ixekkluhom milli jiksbu prattiki tal-AML/CFT ottimali fil-livell tal-gruppi.

Proporzjonalità

Il-proporzjonalità kienet parti integrali mill-valutazzjoni tal-impatt li akkumpanjat il-proposta u l-għażliet proposti kollha f’oqsma regolatorji differenti ġew ivvalutati skont l-objettiv tal-proporzjonalità. In-natura transfruntiera ta’ ħafna mill-ħasil tal-flus u mill-finanzjament tat-terroriżmu teħtieġ approċċ koerenti u konsistenti madwar l-Istati Membri bbażat fuq sett wieħed ta’ regoli fil-forma ta’ ġabra unika tar-regoli. Madankollu, din il-proposta ma tadotta l-ebda approċċ ta’ armonizzazzjoni massima, peress li huwa inkompatibbli man-natura bbażata fuq ir-riskju fundamentali tar-reġim tal-AML/CFT tal-UE. F’oqsma fejn riskji nazzjonali speċifiċi jiġġustifikaw dan, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jintroduċu regoli li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti f’din il-proposta.

L-għażla tal-istrument

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa strument xieraq sabiex jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ġabra unika tar-regoli, peress li jkun direttament u immedjatament applikabbli, u b’hekk ineħħi l-possibbiltà ta’ differenzi fl-applikazzjoni fi Stati Membri differenti minħabba diverġenzi fit-traspożizzjoni. Sett ta’ regoli applikabbli direttament fil-livell tal-UE huwa meħtieġ ukoll sabiex jippermetti s-superviżjoni fil-livell tal-UE ta’ ċerti entitajiet marbutin b’obbligu, li huwa propost fl-abbozz tar-regolament li joħloq l-AMLA li jakkumpanja din il-proposta.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Għadha ma saritx evalwazzjoni ex post sħiħa tar-reġim attwali tal-UE tal-AML/CFT, fl-isfond ta’ numru ta’ żviluppi leġiżlattivi riċenti. Id-Direttiva (UE) 2015/849 ġiet adottata fl-20 ta’ Mejju 2015, bi skadenza għat-traspożizzjoni għall-Istati Membri fis-26 ta’ Ġunju 2017. Id-Direttiva (UE) 2018/843 ġiet adottata fit-30 ta’ Mejju 2018, bi skadenza għat-traspożizzjoni fl-10 ta’ Jannar 2020. Il-kontroll tat-traspożizzjoni għadu għaddej. Madankollu, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2019 u r-rapporti ta’ akkumpanjament imsemmijin hawn fuq iservu bħala evalwazzjoni tal-effettività tar-reġim tal-AML/CFT tal-UE kif kien f’dak il-mument.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-istrateġija ta’ konsultazzjoni li tappoġġa din il-proposta kienet magħmula minn numru ta’ komponenti:

Konsultazzjoni dwar il-pjan direzzjonali li ħabbar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni. Il-konsultazzjoni, fuq il-portal tal-Kummissjoni Semma’ leħnek, saret bejn il-11 ta’ Frar u t-12 ta’ Marzu 2020, u rċiviet 42 kontribuzzjoni minn firxa ta’ partijiet ikkonċernati;

Konsultazzjoni pubblika dwar l-azzjonijiet imressqa fil-Pjan ta’ Azzjoni, miftuħa għall-pubbliku ġenerali u għall-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati, imnedija fis-7 ta’ Mejju 2020, u miftuħa sas-26 ta’ Awwissu. Il-konsultazzjoni rċeviet 202 kontribuzzjonijiet uffiċjali;

Konsultazzjoni mmirata tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet kompetenti tal-AML/CFT. L-Istati Membri kellhom l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom f’diversi laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu, u l-UIF tal-UE taw kontribut fil-laqgħat tal-Pjattaforma tal-UIF u permezz ta’ dokumenti bil-miktub. Id-diskussjonijiet kienu appoġġati minn konsultazzjonijiet immirati tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet kompetenti, bl-użu ta’ kwestjonarji;

Talba għal parir mill-Awtorità Bankarja Ewropea, magħmula f’Marzu 2020; l-EBA pprovdiet l-opinjoni tagħha fl-10 ta’ Settembru;

Fit-23 ta’ Lulju 2020, l-EDPS ħareġ opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni;

Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni organizzat konferenza ta’ livell għoli, li laqqgħet flimkien rappreżentanti mill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE, MPE, rappreżentanti mis-settur privat u mis-soċjetà ċivili u akkademiċi.

Il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati dwar il-Pjan ta’ Azzjoni kien ġeneralment pożittiv.

Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Waqt it-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni qagħdet fuq evidenza kwalitattiva u kwantitattiva miġbura minn sorsi rikonoxxuti, inkluż parir tekniku mill-Awtorità Bankarja Ewropea. Inkisbet ukoll informazzjoni fuq l-infurzar tar-regoli dwar l-AML mingħand l-Istati Membri permezz ta’ kwestjonarji.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt 17 , li ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fis-6 ta’ Novembru 2020 u approvata fl-4 ta’ Diċembru 2020. L-istess valutazzjoni tal-impatt takkumpanja wkoll il-proposti leġiżlattivi l-oħrajn li huma ppreżentati flimkien ma’ din il-proposta. L-RSB ippropona diversi aspetti mtejbin relatati mal-preżentazzjoni għall-valutazzjoni tal-impatt fl-opinjoni pożittiva tiegħu; dawn twettqu.

Fil-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni qieset tliet problemi: in-nuqqas ta’ regoli ċari u konsistenti, is-superviżjoni inkonsistenti fis-suq intern u l-koordinazzjoni u l-iskambju insuffiċjenti ta’ informazzjoni fost l-UIF. L-ewwel waħda minn dawk il-problemi hija rilevanti għal din il-proposta; dwar dik il-problema, ġew ikkunsidrati l-għażliet li ġejjin:

1. Ir-regoli tal-UE jibqgħu kif inhuma mingħajr ebda modifika;

2. Żgurar ta’ livell akbar ta’ armonizzazzjoni fir-regoli li japplikaw għall-entitajiet marbutin b’obbligu u l-għoti ta’ flessibbiltà lill-Istati Membri sabiex jipprovdu d-dettalji dwar is-setgħat u l-obbligi tal-awtoritajiet kompetenti;

3. Żgurar ta’ livell akbar ta’ armonizzazzjoni fir-regoli li japplikaw għall-entitajiet soġġetti għall-obbligi tal-AML/CFT u s-setgħat u l-obbligi tas-superviżuri u tal-UIF;

Fuq il-bażi tal-eżitu tal-valutazzjoni tal-impatt, l-għażla 3 hija l-għażla ppreferuta. Bl-introduzzjoni ta’ approċċ konsistenti u aktar granulari għar-regoli fil-livell tal-UE, dan ikun jippermetti li titneħħa l-frammentazzjoni attwali kemm fir-rigward tal-obbligi tal-AML/CFT għall-entitajiet marbutin b’obbligu, kif ukoll l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti. Għall-entitajiet marbutin b’obbligu li jkunu transfruntiera attivi, dan iġib kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tar-regoli dwar l-AML/CFT u jinvolvi ffrankar fil-kostijiet tal-implimentazzjoni. Se jiġu promossi detezzjoni u deterrenza akbar tal-ML/TF.

L-Anness VI tal-Valutazzjoni tal-Impatt jeżamina l-oqsma differenti għal armonizzazzjoni akbar tar-regoli, inkluża l-lista tal-entitajiet marbutin b’obbligu, il-miżuri tas-CDD, il-limitu tas-CDD għal tranżazzjonijiet okkażjonali, politiki, kontrolli u rekwiżiti tal-proċeduri tal-AML/CFT, il-Fornituri ta’ Servizzi tal-Kriptoassi u t-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja.

L-Anness VIII tal-Valutazzjoni tal-Impatt janalizza approċċ rivedut lejn pajjiżi terzi li huwa ta’ theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u għas-suq intern kollu kemm huwa; din il-proposta timplimenta dak l-approċċ il-ġdid.

L-Anness IX tal-Valutazzjoni tal-Impatt janalizza l-introduzzjoni ta’ limiti għal tranżazzjonijiet kbar ta’ flus kontanti; din il-proposta timplimenta dak l-approċċ il-ġdid.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Għalkemm, kif ġie nnotat aktar ’il fuq, għadha ma saret l-ebda evalwazzjoni ex post jew kontroll tal-idoneità formali tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-AML/CFT, jistgħu jsiru diversi punti fir-rigward tal-elementi tal-proposta li se jkomplu jissimplifikaw u jtejbu l-effiċjenza. L-ewwel nett, is-sostituzzjoni ta’ ċerti regoli f’Direttiva ma’ regoli aktar armonizzati u direttament applikabbli f’Regolament tneħħi l-ħtieġa għal ħidma ta’ traspożizzjoni fl-Istati Membri u tiffaċilita n-negozju għall-entitajiet transfruntiera fl-UE. Barra minn hekk, it-tneħħija mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas AML/CFT tal-UE ta’ kummerċjanti fl-oġġetti, b’rabta mal-projbizzjoni proposta fuq l-operazzjonijiet fi flus ta’ aktar minn EUR 10 000, tirrilaxxa lil dawn il-kummerċjanti mill-piż amministrattiv tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-AML/CFT fir-rigward ta’ operazzjonijiet fi flus li jaqbżu l-EUR 10 000. Fl-aħħar nett, il-grad akbar ta’ armonizzazzjoni tar-regoli tal-AML f’numru ta’ oqsma speċifiċi jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ politiki, ta’ kontrolli u ta’ proċeduri interni għall-grupp kollu fis-suq intern.

Drittijiet fundamentali

L-UE hija impenjata li tiżgura standards għoljin ta’ ħarsien tad-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari, jiġu introdotti salvagwardji għall-immaniġjar ta’ data personali mill-entitajiet marbutin b’obbligu sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-protezzjoni tad-data 18 , u b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ data personali ta’ natura aktar sensittiva.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Dan ir-Regolament ma għandu l-ebda implikazzjoni għall-baġit.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rapportar

Il-proposta tinkludi pjan ġenerali għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-objettivi speċifiċi, li jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq l-ewwel rieżami ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (u kull tliet snin wara din), u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sejbiet ewlenin tagħha. Il-proposta għal Direttiva dwar l-AML/CFT li takkumpanja din il-proposta għandha l-istess dispożizzjonijiet ta’ evalwazzjoni, u l-evalwazzjoni taż-żewġ strumenti tista’ tiġi kkombinata f’rapport wieħed. Ir-rieżami għandu jitwettaq f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni, inkluża lista ta’ Entitajiet Marbutin b’Obbligu

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tad-definizzjonijiet jiġu riportati mil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-AML/CFT, jiżdiedu, jiġu adattati jew aġġornati numru ta’ definizzjonijiet.

Il-firxa ta’ entitajiet definiti bħala Entitajiet Marbutin b’Obbligu skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-AML/CFT u, għalhekk, soġġetti għar-regoli tal-UE dwar l-AML/CFT hija emendata bil-modi li ġejjin: l-ambitu tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi (CASPs) jiġi allinjat ma’ dak tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja u, għalhekk, jitwessa’ meta mqabbel mad-Direttiva kurrenti; jiżdiedu l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1503; jiżdiedu l-kredituri għall-krediti ipotekarji u għall-konsumatur kif ukoll l-intermedjarji tal-krediti ipotekarji u għall-konsumatur li ma humiex istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi li jipprovdu l-istess tip ta’ servizzi; jiżdiedu l-operaturi involuti f’isem ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-kuntest ta’ skemi ta’ residenza għall-investituri 19 ; jitneħħew il-kummerċjanti fl-oġġetti (sa issa, dawn kellhom obbligu li jirrapportaw tranżazzjonijiet ta’ flus b’valur ta’ aktar minn EUR 10 000), ħlief għan-negozjanti f’metalli u f’ħaġar prezzjużi, li, minħabba l-iskopertura għar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu tas-settur, jenħtieġ li jkomplu japplikaw ir-rekwiżiti tal-AML/CFT.

Kontrolli u proċeduri tal-politiki interni

Ir-rekwiżit li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkollhom fis-seħħ politika sabiex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jkunu qed jiffaċċjaw, b’approċċ ibbażat fuq ir-riskju, u jimmitigaw dawk ir-riskji, jibni fuq il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-AML/CFT iżda jipprovdi aktar ċarezza dwar ir-rekwiżiti. L-entitajiet marbutin b’obbligu jridu jieħdu l-miżuri kollha fil-livell tal-maniġment tagħhom sabiex jimplimentaw politiki, kontrolli u proċeduri interni, inkluża l-ħatra ta’ maniġer tal-konformità dedikat, u jiżguraw li l-persunal responsabbli jkun imħarreġ kif xieraq. Ir-rekwiżit li jiġi allokat membru tal-persunal għar-rwol ta’ uffiċjal tal-konformità u l-kompiti ta’ tali rwol ikunu ċċarati. Ikunu pprovduti kjarifiki fir-rigward tar-rekwiżiti li japplikaw għall-gruppi, li għandhom jiġu kkomplementati aktar bi standards tekniċi regolatorji li jagħtu dettalji dwar ir-rekwiżiti minimi, ir-rwol tal-kumpaniji omm li ma humiex entitajiet marbutin b’obbligu u l-kundizzjonijiet li taħthom strutturi oħrajn bħal networks u sħubijiet jenħtieġ li japplikaw miżuri għall-grupp kollu. Jinżammu r-rekwiżiti applikabbli għal gruppi b’fergħat li joperaw f’pajjiżi terzi.

Diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti

Filwaqt li l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet dwar id-Diliġenza Dovuta fir-rigward tal-Klijenti (CDD) jiġu rriportati mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-AML/CFT, f’din il-proposta hemm stabbiliti numru ta’ kjarifiki u ta’ dettalji addizzjonali dwar is-CDD. L-objettiv fundamentali tas-CDD huwa ċċarat bħala l-kisba ta’ għarfien suffiċjenti dwar il-klijenti li jippermetti lill-entitajiet marbutin b’obbligu jiddeterminaw ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu tar-relazzjonijiet tan-negozju jew tat-tranżazzjonijiet okkażjonali u jiddeċiedu l-miżuri ta’ mitigazzjoni korrispondenti li jeħtieġ li japplikaw. Huma stabbiliti dispożizzjonijiet aktar speċifiċi u dettaljati dwar l-identifikazzjoni tal-klijent u dwar il-verifika tal-identità tal-klijent. Huma ċċarati l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika kif stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 910/2014 20 . L-AMLA għandha s-setgħa u hija meħtieġa tipproduċi standards tekniċi regolatorji dwar is-settijiet ta’ data standard għall-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi; dawn l-RTS jinkludu miżuri simplifikati speċifiċi ta’ CDD li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jimplimentaw f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ riskju aktar baxx identifikati fil-Valutazzjoni tar-Riskju Supranazzjonali li l-Kummissjoni hija meħtieġa tfassal. Ir-regoli dwar miżuri ta’ diliġenza dovuta simplifikata u msaħħa huma spjegati f’dettall.

Politika dwar pajjiżi terzi

Il-politika dwar pajjiżi terzi hija adattata. Il-Kummissjoni tidentifika pajjiżi terzi filwaqt li tqis l-identifikazzjoni pubblika mill-entità internazzjonali rilevanti li tistabbilixxi l-istandards (l-FATF) jew inkella fuq il-bażi tal-valutazzjoni awtonoma tagħha stess. Il-pajjiżi terzi identifikati b’dan il-mod mill-Kummissjoni jkunu soġġetti għal żewġ settijiet differenti ta’ konsegwenzi, proporzjonati għar-riskju li jippreżentaw għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni: (i) pajjiżi terzi soġġetti għall-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa kollha u għal kontromiżuri addizzjonali speċifiċi għall-pajjiż; u (ii) pajjiżi terzi soġġetti għal miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa speċifiċi għall-pajjiż. Fil-prinċipju, pajjiżi terzi “soġġetti għal sejħa għal azzjoni” mill-FATF jiġu identifikati mill-Kummissjoni bħala pajjiżi terzi b’riskju għoli. Minħabba n-natura persistenti tan-nuqqasijiet strateġiċi serji fil-qafas tagħhom tal-AML/CFT, il-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa kollha jkunu japplikaw għalihom u hekk ukoll il-kontromiżuri speċifiċi għall-pajjiż sabiex tittaffa b’mod proporzjonali t-theddida. Pajjiżi terzi bi dgħufijiet fil-konformità fir-reġimi tagħhom tal-AML/CFT, definiti bħala “soġġetti għal aktar monitoraġġ” mill-FATF, fil-prinċipju jiġu identifikati mill-Kummissjoni u soġġetti għal miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa speċifiċi għall-pajjiż, proporzjonati għar-riskji. Il-Kummissjoni tista’ tidentifika wkoll pajjiżi terzi, li ma jkunux elenkati mill-FATF, li però jippreżentaw theddida speċifika għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u li, fuq il-bażi ta’ dik it-theddida, ikunu soġġetti jew għal miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa speċifiċi għall-pajjiż jew, fejn xieraq, għall-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa kollha u għal kontromiżuri. Meta tivvaluta l-livell ta’ theddida li jirriżulta minn dawk il-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni tista’ tibni fuq l-għarfien espert tekniku tal-AMLA. Fl-aħħar nett, l-AMLA tiżviluppa linji gwida dwar ir-riskji, ix-xejriet u l-metodi tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, liema linji ma jkollhomx dimensjoni speċifika għall-pajjiż, iżda, pjuttost, jirriżultaw minn żoni ġeografiċi barra mill-Unjoni u li skonthom l-AMLA tagħti pariri lill-entitajiet marbutin b’obbligu dwar l-opportunità li jimplimentaw miżuri sabiex jimmitigawhom. Dan l-approċċ rivedut għall-pajjiżi terzi għandu l-għan li jiżgura li t-theddid estern għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u l-funzjonament xieraq tas-suq intern jiġu mmitigati b’mod effettiv, bl-implimentazzjoni ta’ approċċ armonizzat fil-livell tal-UE u bl-iżgurar ta’ aktar granularità u proporzjonalità fid-definizzjoni tal-konsegwenzi marbutin mal-elenkar, fuq bażi sensittiva għar-riskju.

Persuni Politikament Esposti (PEPs)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-PEPs huma bbażati fuq il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-AML/CFT, b’obbligu fuq l-Istati Membri li jfasslu listi ta’ funzjonijiet li jagħtu status ta’ PEP fit-territorju tagħhom, u b’obbligi fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu li jissottomettu l-PEPs għal miżuri ta’ CDD imsaħħin, fuq approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Ir-rekwiżiti applikabbli għal persuni li ma għadx għandhom funzjonijiet pubbliċi prominenti huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni.

Dipendenza u esternalizzazzjoni

Filwaqt li tibni fuq ir-regoli attwali, il-proposta tiċċara l-kundizzjonijiet rispettivi għar-rikors għad-dipendenza fuq is-CDD diġà mwettqa minn entitajiet marbutin b’obbligu oħrajn u l-esternalizzazzjoni ta’ funzjonijiet lil entitajiet jew lil fornituri ta’ servizzi oħrajn. Il-proposta ssostni li fi kwalunkwe sitwazzjoni r-responsabbiltà aħħarija għall-konformità mar-regoli tibqa’ tal-entità marbuta b’obbligu. Irid jiġi applikat approċċ ibbażat fuq ir-riskju u ma jistgħux jingħataw inkarigi jew jiġu esternalizzati funzjonijiet lil fornituri bbażati f’pajjiżi terzi b’riskju għoli, f’pajjiżi bi dgħufijiet fil-konformità kif ukoll fi kwalunkwe pajjiż ieħor li jkun ta’ theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

Informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja

Id-dispożizzjonijiet fuq l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja fil-proposta jibnu fuq dawk fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-AML/CFT, inkluż il-kunċett ta’ sjieda benefiċjarja u r-rekwiżit għall-entitajiet korporattivi u għall-entitajiet legali l-oħrajn kollha sabiex jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, akkurata u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja. Huma pprovduti regoli aktar dettaljati sabiex jiġi/u identifikat(i) is-sid(ien) benefiċjarju/i ta’ entitajiet korporattivi u ta’ entitajiet ġuridiċi oħrajn, u huwa stabbilit approċċ armonizzat għall-identifikazzjoni tas-sjieda benefiċjarja. Fir-rigward tal-express trusts u ta’ entitajiet jew ta’ arranġamenti legali simili, huma pprovduti dispożizzjonijiet sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni konsistenti tas-sidien benefiċjarji madwar l-Istati Membri meta jiġu iffaċċjati sitwazzjonijiet simili, inkluż l-għoti tas-setgħa għal att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Il-proposta tinkludi rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għall-azzjonisti nnominati u għad-diretturi nnominati, u tintroduċi l-obbligi li tiġi rreġistrata s-sjieda benefiċjarja tagħhom fl-Unjoni għal entitajiet legali mhux tal-UE li jew jidħlu f’relazzjoni tan-negozju ma’ entità marbuta b’obbligu tal-UE jew jakkwistaw proprjetà immobbli fl-Unjoni.

Obbligi ta’ rapportar

Id-dispożizzjonijiet dwar ir-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi lill-UIF (jew lil korp awtoregolatorju, jekk Stat Membru jipprevedi dan) huma bbażati fuq dawk fil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-AML/CFT. Jiġu pprovduti regoli aktar ċari dwar kif għandhom jiġu identifikati t-tranżazzjonijiet. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità tal-entitajiet marbutin b’obbligi mal-obbligi ta’ rapportar tagħhom u sabiex ikun jista’ jsir funzjonament aktar effettiv tal-attivitajiet analitiċi u tal-kooperazzjoni tal-UIF, l-AMLA tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw mudell komuni għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li għandhom jintużaw bħala bażi uniformi fl-UE kollha.

Protezzjoni tad-data

Ir-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679) japplika għall-proċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din il-proposta. Il-proposta tiċċara l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-proċessar ta’ ċerti kategoriji ta’ data personali ta’ natura aktar sensittiva mill-entitajiet marbutin b’obbligu. L-entitajiet marbutin b’obbligu jridu jżommu rekords ta’ ċerta data personali għal ħames snin.

Miżuri sabiex jiġu mmitigati r-riskji ta’ użu ħażin ta’ strumenti tal-portaturi

Il-proposta fiha dispożizzjoni li tipprevjeni lin-negozjanti f’oġġetti jew f’servizzi milli jaċċettaw pagamenti fi flus ta’ aktar minn EUR 10 000 għal xirja waħda, filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ limiti massimi aktar baxxi għal tranżazzjonijiet kbar fi flus. Dan il-limitu massimu ma japplikax għal operazzjonijiet privati bejn individwi. Il-Kummissjoni trid tivvaluta l-benefiċċji u l-impatti ta’ aktar tnaqqis ta’ dan il-limitu fi żmien tliet snin mill-applikazzjoni tar-Regolament propost. Il-forniment u l-kustodja ta’ kartieri anonimi tal-kriptoassi huma pprojbiti. Il-kumpaniji li ma humiex elenkati huma pprojbiti milli joħorġu ishma tal-portaturi u huma meħtieġa jirreġistraw dawk l-ishma. Il-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ ishma tal-portaturi huwa permess biss f’forma intermedjata.

Dispożizzjonijiet finali

Huma stabbiliti dispożizzjonijiet għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat. Ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali u jsir applikabbli 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-Kummissjoni trid tirrieżamina u tevalwa dan ir-Regolament fi żmien ħames snin mill-applikazzjoni tiegħu u kull tliet snin wara dan.

2021/0239 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 21 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 22 ,

Filwaqt li aġixxew f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 tikkostitwixxi l-istrument legali ewlieni fil-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Dik id-Direttiva tistabbilixxi qafas legali komprensiv, li d-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 24 kompliet issaħħaħ billi indirizzat ir-riskji emerġenti u żiedet it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja. Minkejja l-kisbiet tagħha, l-esperjenza wriet li jenħtieġ li jiġi introdott aktar titjib sabiex jittaffew b’mod adegwat ir-riskji u sabiex jiġu identifikati b’mod effettiv tentattivi kriminali għall-użu ħażin tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għal finijiet kriminali.

(2)L-isfida ewlenija identifikata fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849 li tistabbilixxi l-obbligi għall-atturi tas-settur privat, l-hekk imsejħin entitajiet marbutin b’obbligu, hija n-nuqqas ta’ applikabbiltà diretta ta’ dawk ir-regoli u l-frammentazzjoni tal-approċċ skont il-linji nazzjonali. Filwaqt li dawk ir-regoli kienu jeżistu u evolvew tul tliet deċennji, dawn għadhom implimentati b’mod li ma huwiex konsistenti bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ suq intern integrat. Għalhekk, huwa neċessarju li r-regoli dwar kwistjonijiet attwalment koperti fid-Direttiva (UE) 2015/849 li jistgħu jkunu applikabbli direttament mill-entitajiet marbutin b’obbligu kkonċernati jiġu indirizzati f’Regolament ġdid sabiex tinkiseb l-uniformità mixtieqa tal-applikazzjoni.

(3)Dan l-istrument il-ġdid huwa parti minn pakkett komprensiv li għandu l-għan li jsaħħaħ il-qafas AML/CFT tal-Unjoni. Flimkien, dan l-istrument, id-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final], ir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 - COM/2021/422 final] u r-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għall-istabbiliment ta’ Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final] se jifformaw il-qafas legali li jirregola r-rekwiżiti dwar l-AML/CFT li għandhom jiġu ssodisfati mill-entitajiet marbutin b’obbligu u li huma l-bażi tal-qafas istituzzjonali AML/CFT tal-Unjoni, inkluż l-istabbiliment ta’ Awtorità għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (“AMLA”).

(4)Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ta’ spiss jitwettqu f’kuntest internazzjonali. Miżuri adottati biss fil-livell tal-Unjoni, mingħajr ma jittieħed kont tal-koordinazzjoni u tal-kooperazzjoni internazzjonali, ikollhom effetti limitati ħafna. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri adottati mill-Unjoni f’dak il-qasam ikunu kompatibbli ma’ azzjonijiet oħrajn imwettqin f’fora internazzjonali, u tal-anqas strinġenti daqshom. Jenħtieġ li l-azzjoni tal-Unjoni tkompli tieħu kont partikolari tar-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF), u ta’ strumenti ta’ korpi internazzjonali oħrajn attivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Bil-ħsieb li tissaħħaħ l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-att leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni, fejn xieraq, ikunu allinjati mal-Istandards Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni adottati mill-FATF fi Frar 2012 (ir-“Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF”) u mal-emendi sussegwenti għal dawn l-istandards.

(5)Sa mill-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849, l-iżviluppi reċenti fil-qafas tad-dritt penali tal-Unjoni kkontribwew għat-tisħiħ tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tagħha u l-finanzjament tat-terroriżmu. Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 wasslet għal fehim komuni dwar ir-reat tal-ħasil tal-flus u r-reati predikati tiegħu. Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 iddefiniet ir-reati finanzjarji li jaffettwaw l-interess finanzjarju tal-Unjoni, li jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala reati predikati għall-ħasil tal-flus. Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 kisbet fehim komuni tar-reat ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Peress li dawk il-kunċetti issa huma ċċarati fid-dritt penali tal-Unjoni, ma għadux meħtieġ li r-regoli tal-Unjoni dwar l-AML/CFT jiddefinixxu l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Minflok, jenħtieġ li l-qafas AML/CFT tal-Unjoni jkun kompletament koerenti mal-qafas tad-dritt penali tal-Unjoni.

(6)It-teknoloġija tkompli tevolvi, toffri opportunitajiet lis-settur privat sabiex jiżviluppa prodotti u sistemi ġodda għall-iskambju ta’ fondi jew ta’ valur. Filwaqt li dan huwa fenomenu pożittiv, jista’ jiġġenera riskji ġodda ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, peress li l-kriminali kontinwament jimmaniġjaw sabiex isibu modi kif jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet sabiex jaħbu u jmexxu fondi illeċiti madwar id-dinja. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi u l-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv huma esposti għall-użu ħażin ta’ kanali ġodda għall-moviment ta’ flus illeċiti u huma f’pożizzjoni tajba sabiex jidentifikaw tali movimenti u jtaffu r-riskji. Għalhekk, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jiġi estiż sabiex ikopri lil dawn l-entitajiet, f’konformità mal-iżviluppi reċenti fl-istandards tal-FATF fir-rigward tal-kriptoassi.

(7)L-istituzzjonijiet u l-persuni koperti minn dan ir-Regolament għandhom rwol kruċjali bħala gwardjani tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u, għalhekk, jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jimplimentaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament bl-għan li jipprevjenu lill-kriminali milli jaħslu r-rikavat mill-attivitajiet illegali tagħhom jew milli jiffinanzjaw attivitajiet terroristiċi. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll miżuri sabiex jiġi mmitigat kwalunkwe riskju ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni jew ta’ evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati.

(8)It-tranżazzjonijiet finanzjarji jistgħu jsiru wkoll fl-istess grupp bħala mod ta’ ġestjoni tal-finanzi tal-grupp. Madankollu, tranżazzjonijiet bħal dawn ma jitwettqux fir-rigward ta’ klijenti u ma jeħtiġux l-applikazzjoni ta’ miżuri tal-AML/CFT. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, huwa neċessarju li jiġi rrikonoxxut li dan ir-Regolament ma japplikax għal attivitajiet finanzjarji jew għal servizzi finanzjarji oħrajn li jiġu pprovduti minn membri ta’ grupp lil membri oħrajn ta’ dak il-grupp.

(9)Il-professjonisti legali indipendenti, kif definiti mill-Istati Membri, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal dan ir-Regolament meta jipparteċipaw fi tranżazzjonijiet finanzjarji jew korporattivi, inkluż meta jkun hemm ir-riskju li s-servizzi ta’ dawk il-professjonisti legali jintużaw ħażin għall-fini ta’ ħasil tar-rikavat minn attività kriminali jew għall-fini ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, jenħtieġ li jkun hemm eżenzjonijiet minn kwalunkwe obbligu ta’ rapportar ta’ informazzjoni miksuba qabel, matul jew wara proċedimenti ġudizzjarji, jew matul il-proċess sabiex tiġi aċċertata l-pożizzjoni legali ta’ klijent, li jenħtieġ li jkun kopert mill-privileġġ professjonali legali. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-parir legali jibqa’ soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali, ħlief meta l-professjonist legali jkun qed jieħu sehem fil-ħasil tal-flus jew fil-finanzjament tat-terroriżmu, il-parir legali jingħata għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu jew meta l-professjonist legali jkun jaf li l-klijent qed ifittex parir legali għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

(10)Sabiex jiġi żgurat li jiġu rrispettati d-drittijiet garantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), fil-każ ta’ awdituri, ta’ kontabilisti esterni u ta’ konsulenti tat-taxxa li, f’xi Stati Membri, għandhom id-dritt li jiddefendu jew jirrappreżentaw klijent fil-kuntest ta’ proċedimenti legali jew li jaċċertaw il-pożizzjoni legali ta’ klijent, jenħtieġ li l-informazzjoni li huma jiksbu fit-twettiq ta’ dawk il-kompiti ma tkunx soġġetta għall-obbligi ta’ rapportar.

(11)Id-Direttiva (UE) 2018/843 kienet l-ewwel strument legali sabiex jiġu indirizzati r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu ppreżentati mill-kriptoassi fl-Unjoni. Estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas AML/CFT għal żewġ tipi ta’ fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi: fornituri involuti f’servizzi ta’ skambju bejn muniti virtwali u muniti ta’ kors legali u fornituri tal-kartieri ta’ kustodja. Minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u l-avvanz fl-istandards tal-FATF, huwa neċessarju li dan l-approċċ jiġi rrieżaminat. L-ewwel pass sabiex jitlesta u jiġi aġġornat il-qafas legali tal-Unjoni nkiseb permezz tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal ir-referenza – proposta għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 - COM/2020/593 final], li stabbilixxa rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li jkunu jixtiequ japplikaw għal awtorizzazzjoni sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom fis-suq uniku. Introduċa wkoll definizzjoni tal-kriptoassi u ta’ fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi li tkopri firxa usa’ ta’ attivitajiet. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi koperti bir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 - COM/2020/593 final] ikunu koperti wkoll minn dan ir-Regolament, sabiex jiġi mmitigat kwalunkwe riskju ta’ użu ħażin tal-kriptoassi għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

(12)Il-vulnerabbiltajiet tal-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv għar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu huma orizzontali u jaffettwaw is-suq intern kollu kemm hu. Sal-lum, tfaċċaw approċċi diverġenti madwar l-Istati Membri fir-rigward tal-maniġjar ta’ dawk ir-riskji. Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 jarmonizza l-approċċ regolatorju għall-investiment fin-negozju u għall-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv ibbażat fuq is-self madwar l-Unjoni kollha u jiżgura li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati u koerenti sabiex jiġu indirizzati r-riskji potenzjali ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Fosthom hemm rekwiżiti għall-ġestjoni ta’ fondi u ta’ pagamenti fir-rigward tat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha eżegwiti fuq dawk il-pjattaformi. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jridu jew ifittxu liċenzja jew jissieħbu ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew istituzzjoni ta’ kreditu għall-eżekuzzjoni ta’ tali tranżazzjonijiet. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll salvagwardji fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, fil-valutazzjoni ta’ reputazzjoni tajba tal-maniġment u permezz ta’ proċeduri tad-diliġenza dovuta għas-sidien tal-proġetti. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta sal-10 ta’ Novembru 2023 fir-rapport tagħha dwar dak ir-Regolament jekk jistgħux ikunu neċessarji aktar salvagwardji. Għalhekk, huwa ġġustifikat li l-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv liċenzjati skont ir-Regolament (UE) 2020/1503 ma jiġux soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-AML/CFT.

(13)Il-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv li ma humiex liċenzjati skont ir-Regolament (UE) 2020/1503 bħalissa jew ma humiex regolati jew inkella huma soġġetti għal approċċi regolatorji diverġenti, inkluż fir-rigward tar-regoli u tal-proċeduri sabiex jiġu indirizzati r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Sabiex tinġieb konsistenza u jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju mhux ikkontrollat f’dak l-ambjent, huwa neċessarju li l-pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv kollha li ma jkunux liċenzjati skont ir-Regolament (UE) 2020/1503 u li, għalhekk, ma humiex soġġetti għas-salvagwardji tiegħu jkunu soġġetti għar-regoli tal-Unjoni dwar l-AML/CFT sabiex jiġu mmitigati r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

(14)Id-Direttiva (UE) 2015/849 kellha t-tir li timmitiga r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu kkawżati minn pagamenti fi flus kbar billi tinkludi persuni li jinnegozjaw f’merkanzija fost l-entitajiet marbutin b’obbligu meta jagħmlu jew jirċievu pagamenti fi flus ta’ aktar minn EUR 10 000, filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu miżuri aktar stretti. Tali approċċ wera li ma huwiex effettiv fid-dawl tal-fehim u tal-applikazzjoni batuti tar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT, tan-nuqqas ta’ superviżjoni u tan-numru limitat ta’ tranżazzjonijiet suspettużi rrapportati lill-UIF. Sabiex jiġu mmitigati b’mod adegwat ir-riskji li jirriżultaw mill-użu ħażin ta’ somom kbar fi flus kontanti, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu għall-Unjoni kollha għal tranżazzjonijiet kbar fi flus kontanti ta’ aktar minn EUR 10 000. B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li l-persuni li jinnegozjaw fil-merkanzija ma jibqgħux soġġetti għall-obbligi tal-AML/CFT.

(15)Xi kategoriji ta’ negozjanti f’oġġetti huma partikolarment skoperti għar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu minħabba l-valur għoli tal-oġġetti żgħar u trasportabbli li jittrattaw. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-persuni li jittrattaw metalli prezzjużi u ħaġar prezzjuż ikunu soġġetti għar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT.

(16)L-operaturi tal-migrazzjoni permezz ta’ investiment huma kumpaniji privati, korpi jew persuni li jaġixxu jew jinteraġixxu direttament mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’isem ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li jipprovdu servizzi intermedjarji lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu li jiksbu drittijiet ta’ residenza fi Stat Membru bi skambju ma’ kwalunkwe tip ta’ investiment, inklużi trasferimenti kapitali, xiri jew kiri ta’ proprjetà, investiment f’bonds tal-gvern, investiment f’entitajiet korporattivi, donazzjoni jew dotazzjoni ta’ attività li tikkontribwixxi għall-ġid pubbliku u kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-istat. L-iskemi ta’ residenza għall-investituri jippreżentaw riskji u vulnerabbiltajiet fir-rigward tal-ħasil tal-flus, tal-korruzzjoni u tal-evażjoni tat-taxxa. Riskji bħal dawn huma aggravati mid-drittijiet transfruntiera assoċjati mar-residenza fi Stat Membru. Għalhekk, huwa neċessarju li l-operaturi tal-migrazzjoni permezz ta’ investiment ikunu soġġetti għal obbligi dwar l-AML/CFT. Jenħtieġ li r-Regolament ma japplikax għal skemi ta’ ċittadinanza għall-investituri, li jirriżultaw fil-kisba ta’ nazzjonalità bi skambju ma’ investimenti bħal dawn, peress li skemi bħal dawn iridu jitqiesu li jxekklu l-istatus fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u l-kooperazzjoni sinċiera fost l-Istati Membri.

(17)Il-kredituri u l-intermedjarji konsumaturi u ipotekarji li ma humiex istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji ma kinux soġġetti għar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT fil-livell tal-Unjoni, iżda kienu soġġetti għal tali obbligi f’ċerti Stati Membri minħabba l-iskopertura tagħhom għar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Skont il-mudell tan-negozju tagħhom, dawn il-kredituri u l-intermedjarji konsumaturi u ipotekarji jistgħu jkunu skoperti għal riskji sinifikanti ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-entitajiet li jwettqu attivitajiet simili li huma skoperti għal tali riskji jkunu koperti bir-rekwiżiti dwar l-AML/CFT, irrispettivament minn jekk jikkwalifikawx bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu inklużi kredituri u intermedjarji konsumaturi u ipotekarji li ma humiex istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji iżda li huma, bħala riżultat tal-attivitajiet tagħhom, skoperti għal riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

(18)Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti, huwa neċessarju li jiġi ċċarat liema entitajiet fis-settur tal-investiment huma soġġetti għar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT. Għalkemm l-impriżi ta’ investiment kollettiv diġà jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849, huwa neċessarju li t-terminoloġija rilevanti tiġi allinjata mal-leġiżlazzjoni attwali tal-Unjoni dwar il-fondi ta’ investiment, jiġifieri d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 u d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 . Minħabba li l-fondi jistgħu jiġu kkostitwiti mingħajr personalità ġuridika, l-inklużjoni tal-maniġers tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hija neċessarja wkoll. Jenħtieġ li r-rekwiżiti dwar l-AML/CFT japplikaw irrispettivament mill-forma li fiha l-unitajiet jew l-ishma f’fond isiru disponibbli għax-xiri fl-Unjoni, inkluż fejn l-unitajiet jew l-ishma jiġu offruti direttament jew indirettament lill-investituri stabbiliti fl-Unjoni jew jitqiegħdu ma’ tali investituri fuq l-inizjattiva tal-maniġer jew f’isem il-maniġer.

(19)Huwa importanti li r-rekwiżiti dwar l-AML/CFT japplikaw b’mod proporzjonat u li l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe rekwiżit tkun proporzjonata għar-rwol li l-entitajiet marbutin b’obbligu jista’ jkollhom fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri f’konformità mal-approċċ tal-bażi tar-riskju ta’ dan ir-Regolament li jeżentaw ċerti operaturi mir-rekwiżiti dwar l-AML/CFT, fejn l-attivitajiet li jwettqu jippreżentaw riskji baxxi ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u fejn l-attivitajiet ikunu limitati fin-natura tagħhom. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni trasparenti u konsistenti ta’ tali eżenzjonijiet madwar l-Unjoni kollha, jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jippermetti lill-Kummissjoni tivverifika n-neċessità li jingħataw l-eżenzjonijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika wkoll tali eżenzjonijiet fuq bażi annwali f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(20)Sett konsistenti ta’ regoli dwar is-sistemi u l-kontrolli interni li japplikaw għall-entitajiet kollha marbutin b’obbligu li joperaw fis-suq intern isaħħaħ il-konformità mal-AML/CFT u jagħmel is-superviżjoni aktar effettiva. Sabiex tiġi żgurata mitigazzjoni adegwata tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkollhom fis-seħħ qafas ta’ kontroll intern li jikkonsisti f’politiki, f’kontrolli u fi proċeduri bbażati fuq ir-riskju u f’diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet fi ħdan l-organizzazzjoni. F’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri jkunu proporzjonati għan-natura u għad-daqs tal-entità marbuta b’obbligu u jwieġbu għar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li tiffaċċja l-entità.

(21)Approċċ xieraq ibbażat fuq ir-riskju jeħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jidentifikaw ir-riskji inerenti ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jiffaċċjaw minħabba n-negozju tagħhom sabiex inaqqsuhom b’mod effettiv u sabiex jiżguraw li l-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni tagħhom ikunu xierqa sabiex jindirizzaw dawk ir-riskji inerenti. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jqisu l-karatteristiċi tal-klijenti tagħhom, il-prodotti, is-servizzi jew it-tranżazzjonijiet offruti, il-pajjiżi jew iż-żoni ġeografiċi kkonċernati u l-kanali ta’ distribuzzjoni użati. Fid-dawl tan-natura li qed tevolvi tar-riskji, jenħtieġ li tali valutazzjoni tar-riskju tiġi aġġornata regolarment.

(22)Huwa xieraq li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi u l-ħtiġijiet ta’ entitajiet iżgħar marbutin b’obbligi, u li jiġi żgurat trattament li jkun xieraq għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u għan-natura tan-negozju. Dan jista’ jinkludi l-eżenzjoni ta’ ċerti entitajiet marbutin b’obbligu mit-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju meta r-riskji involuti fis-settur li fih topera l-entità jkunu mifhumin sew.

(23)L-FATF żviluppat standards għall-ġurisdizzjonijiet sabiex jidentifikaw, u jivvalutaw ir-riskji ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni jew ta’ evażjoni potenzjali tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni, u sabiex jieħdu azzjoni bl-għan li jimmitigaw dawk ir-riskji. Dawk l-istandards il-ġodda introdotti mill-FATF illum ma jissostitwixxux u lanqas jxekklu r-rekwiżiti stretti eżistenti għall-pajjiżi sabiex jimplimentaw sanzjonijiet finanzjarji mmirati bl-għan li jikkonformaw mar-Regolamenti rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti relatati mal-prevenzjoni, mas-soppressjoni u mat-tfixkil tal-proliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u l-finanzjament tagħhom. Dawk l-obbligi eżistenti, kif implimentati fil-livell tal-Unjoni bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK 31 u (PESK) 2016/849 32 kif ukoll bir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 33 u (UE) 2017/1509 34 , għadhom obbligi stretti bbażati fuq ir-regoli li jorbtu lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha fl-Unjoni.

(24)Sabiex jiġu riflessi l-aħħar żviluppi fil-livell internazzjonali, permezz ta’ dan ir-Regolament ġie introdott rekwiżit sabiex jiġu identifikati, jinftiehmu, jiġu maniġati u mmitigati r-riskji ta’ nuqqas potenzjali ta’ implimentazzjoni jew ta’ evażjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni fil-livell tal-entitajiet marbutin b’obbligu.

(25)Huwa importanti li l-entitajiet marbutin b’obbligu jieħdu l-miżuri kollha fil-livell tal-maniġment tagħhom sabiex jimplimentaw politiki, kontrolli u proċeduri interni u jimplimentaw rekwiżiti dwar l-AML/CFT. Filwaqt li jenħtieġ li persuna fil-livell tal-maniġment tiġi identifikata bħala responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri tal-entità marbuta b’obbligu, ir-responsabbiltà għall-konformità mar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT jenħtieġ li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ tal-korp governattiv tal-entità. Jenħtieġ li l-kompiti li jappartjenu għall-implimentazzjoni ta’ kuljum tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri tal-AML/CFT tal-entità marbuta b’obbligu jiġu fdati lil uffiċjal tal-konformità.

(26)Għall-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri tal-AML/CFT, huwa vitali wkoll li l-impjegati tal-entitajiet marbutin b’obbligu, kif ukoll l-aġenti u d-distributuri tagħhom, li jkollhom rwol fl-implimentazzjoni tagħhom jifhmu r-rekwiżiti u l-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni fis-seħħ fl-entità. Jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistabbilixxu miżuri, inklużi programmi ta’ taħriġ, għal dan l-għan.

(27)Jenħtieġ li l-individwi fdati b’kompiti relatati mal-konformità ta’ entità marbuta b’obbligu mar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT jgħaddu minn valutazzjoni tal-ħiliet, tal-għarfien, tal-għarfien espert, tal-integrità u tal-kondotta tagħhom. It-twettiq mill-impjegati ta’ kompiti relatati mal-konformità tal-entità marbuta b’obbligu mal-qafas AML/CFT fir-rigward tal-klijenti li magħhom ikollhom relazzjoni privata jew professjonali mill-qrib jista’ jwassal għal kunflitti ta’ interess u jxekkel l-integrità tas-sistema. Għalhekk, jenħtieġ li l-impjegati f’tali sitwazzjonijiet ma jitħallewx iwettqu kwalunkwe kompitu relatat mal-konformità tal-entità marbuta b’obbligu mal-qafas AML/CFT fir-rigward ta’ tali klijenti.

(28)L-implimentazzjoni konsistenti tal-politiki u tal-proċeduri dwar l-AML/CFT fil-grupp kollu hija kruċjali għall-ġestjoni robusta u effettiva tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu fi ħdan il-grupp. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jiġu adottati u implimentati politiki, kontrolli u proċeduri għall-grupp kollu mill-kumpanija omm. Jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu fi ħdan il-grupp ikunu meħtieġa jiskambjaw informazzjoni meta tali kondiviżjoni tkun rilevanti għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tkun soġġetta għal garanziji suffiċjenti f’termini ta’ kunfidenzjalità, ta’ protezzjoni tad-data u ta’ użu tal-informazzjoni. Jenħtieġ li l-AMLA jkollha l-kompitu li tfassal abbozzi ta’ standards regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti minimi ta’ proċeduri u ta’ politiki għall-grupp kollu, inklużi standards minimi għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fi ħdan il-grupp u r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-kumpaniji omm li huma stess ma jkunux entitajiet marbutin b’obbligu.

(29)Minbarra l-gruppi, jeżistu strutturi oħrajn, bħal networks jew sħubijiet, li fihom l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jikkondividu l-kontrolli komuni tas-sjieda, tal-ġestjoni u tal-konformità. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-setturi kollha filwaqt li jiġi evitat piż żejjed fuqhom, jenħtieġ li l-AMLA tidentifika dawk is-sitwazzjonijiet li fihom jenħtieġ li jkunu japplikaw politiki simili għall-grupp kollu għal dawk l-istrutturi.

(30)Hemm ċirkostanzi li fihom il-fergħat u s-sussidjarji tal-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi fejn ir-rekwiżiti minimi dwar l-AML/CFT, inklużi l-obbligi dwar il-protezzjoni tad-data, ikunu anqas stretti mill-qafas AML/CFT tal-Unjoni. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, u sabiex jiġi evitat bis-sħiħ l-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u sabiex jiġi żgurat l-ogħla standard ta’ protezzjoni għad-data personali taċ-ċittadini tal-Unjoni, jenħtieġ li dawk il-fergħat u s-sussidjarji jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT stabbiliti fil-livell tal-Unjoni. Meta l-liġi ta’ pajjiż terz ma tippermettix konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti, pereżempju minħabba limitazzjonijiet għall-kapaċità tal-grupp li jaċċessa, jipproċessa jew jiskambja informazzjoni minħabba livell insuffiċjenti ta’ protezzjoni tad-data jew liġi dwar is-sigriet bankarju fil-pajjiż terz, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jieħdu miżuri addizzjonali sabiex jiżguraw li l-fergħat u s-sussidjarji li jinsabu f’dak il-pajjiż jittrattaw ir-riskji b’mod effettiv. Jenħtieġ li l-AMLA tingħata l-kompitu li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi li jispeċifikaw it-tip ta’ tali miżuri addizzjonali.

(31)Ir-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet marbutin b’obbligu jidentifikaw, jivverifikaw u jimmonitorjaw ir-relazzjonijiet tan-negozju tagħhom mal-klijenti tagħhom, fir-rigward tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li joħolqu. L-identifikazzjoni u l-verifika preċiżi tad-data tal-klijenti prospettivi u eżistenti huma essenzjali sabiex jinftiehmu r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-klijenti, kemm jekk ikunu persuni fiżiċi kif ukoll jekk ikunu persuni ġuridiċi.

(32)Huwa neċessarju li jinkiseb standard uniformi u għoli ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fl-Unjoni, li jiddependi fuq rekwiżiti armonizzati għall-identifikazzjoni tal-klijenti u għall-verifika tal-identità tagħhom, u jnaqqas id-diverġenzi nazzjonali sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern kollu u applikazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet madwar l-Unjoni kollha. Fl-istess ħin, huwa essenzjali li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti b’mod ibbażat fuq ir-riskju. L-approċċ ibbażat fuq ir-riskju ma huwiex għażla permissiva bla bżonn għall-entitajiet marbutin b’obbligu. Jinvolvi l-użu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq il-bażi ta’ evidenza sabiex jiġu mmirati b’mod aktar effettiv ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jiffaċċjaw l-Unjoni u dawk li joperaw fiha.

(33)Jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu ma jkunux meħtieġa japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fuq klijenti li jwettqu tranżazzjonijiet okkażjonali jew marbutin taħt ċertu valur, sakemm ma jkunx hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Filwaqt li l-limitu ta’ EUR 10 000 japplika għall-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet okkażjonali, l-entitajiet marbutin b’obbligu li joperaw f’setturi jew iwettqu tranżazzjonijiet li jippreżentaw riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu jenħtieġ li jkunu meħtieġa japplikaw diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti għal tranżazzjonijiet b’limiti aktar baxxi. Sabiex jiġu identifikati s-setturi jew it-tranżazzjonijiet kif ukoll il-limiti adegwati għal dawk is-setturi jew it-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li l-AMLA tiżviluppa abbozzi ddedikati ta’ standards tekniċi regolatorji.

(34)Xi mudelli tan-negozju huma bbażati fuq l-entità marbuta b’obbligu li jkollha relazzjoni tan-negozju ma’ negozjant sabiex toffri servizzi ta’ bidu ta’ pagament li permezz tagħhom in-negozjant jitħallas għall-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, u mhux mal-klijent tan-negozjant, li jawtorizza s-servizz ta’ bidu ta’ pagament sabiex tinbeda tranżazzjoni waħda jew ta’ darba lin-negozjant. F’tali mudell ta’ negozju, il-klijent tal-entità marbuta b’obbligu għall-fini tar-regoli dwar l-AML/CFT huwa n-negozjant, u mhux il-klijent tan-negozjant. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti jiġu applikati mill-entità marbuta b’obbligu vis-a-vis in-negozjant.

(35)Id-Direttiva (UE) 2015/849, minkejja li armonizzat ir-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tal-obbligi ta’ identifikazzjoni tal-klijenti sa ċertu punt, ma stabbilietx regoli dettaljati fir-rigward tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-entitajiet marbutin b’obbligu. Fid-dawl tal-importanza kruċjali ta’ dan l-aspett fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, huwa xieraq, f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, li jiġu introdotti dispożizzjonijiet aktar speċifiċi u dettaljati dwar l-identifikazzjoni tal-klijent u dwar il-verifika tal-identità tal-klijent, kemm jekk b’rabta ma’ persuni fiżiċi kif ukoll jekk ġuridiċi, arranġamenti legali bħal trusts jew entitajiet li għandhom kapaċità legali skont il-liġi nazzjonali.

(36)L-iżviluppi teknoloġiċi u l-progress fid-diġitalizzazzjoni jippermettu identifikazzjoni u verifika siguri mill-bogħod jew elettroniċi tal-klijenti prospettivi u eżistenti u jistgħu jiffaċilitaw it-twettiq mill-bogħod tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent. Is-soluzzjonijiet ta’ identifikazzjoni kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-proposta għal emenda għalih fir-rigward ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea 35 jippermettu mezzi siguri u affidabbli ta’ identifikazzjoni u ta’ verifika tal-klijenti kemm għall-klijenti prospettivi kif ukoll għall-klijenti eżistenti u jistgħu jiffaċilitaw it-twettiq mill-bogħod tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent. Jenħtieġ li l-identifikazzjoni elettronika kif stabbilita f’dak ir-Regolament titqies u tiġi aċċettata mill-entitajiet marbutin b’obbligu għall-proċess ta’ identifikazzjoni tal-klijent. Dawn il-mezzi ta’ identifikazzjoni jistgħu jippreżentaw, fejn ikunu fis-seħħ miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju, livell standard jew saħansitra livell baxx ta’ riskju.

(37)Sabiex jiġi żgurat li l-qafas AML/CFT jipprevjeni d-dħul ta’ fondi illeċiti fis-sistema finanzjarja, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jwettqu diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti qabel ma jidħlu f’relazzjonijiet tan-negozju ma’ klijenti prospettivi, f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Madankollu, sabiex ma jdewmux bla bżonn il-kondotta normali tal-operazzjonijiet, l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jiġbru l-informazzjoni mingħand il-klijent prospettiv matul l-istabbiliment ta’ relazzjoni tan-negozju. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji jistgħu jiksbu l-informazzjoni neċessarji mill-klijenti prospettivi ladarba tiġi stabbilita r-relazzjoni, dment li t-tranżazzjonijiet ma jinbdewx qabel ma jitlesta b’suċċess il-proċess ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent.

(38)Jenħtieġ li d-depożitanti li l-fondi tagħhom ikunu r-rikavat mill-ħasil tal-flus jiġu esklużi mill-ħlas lura permezz ta’ skema ta’ garanzija tad-depożiti. Sabiex jiġi evitat li l-fondi illeċiti jiġu rrimborżati lil tali depożitanti, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, taħt is-sorveljanza tas-superviżuri, iwettqu diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti tagħhom fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu ġew iddeterminati li qed ifallu jew li x’aktarx ma jirnexxux, jew meta d-depożiti jiġu ddefiniti bħala mhux disponibbli. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirrapportaw kwalunkwe tranżazzjoni suspettuża identifikata fit-twettiq ta’ tali diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti lill-UIF.

(39)Il-proċess ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti ma huwiex limitat għall-identifikazzjoni u għall-verifika tal-identità tal-klijent. Qabel ma jidħlu f’relazzjonijiet ta’ negozju jew iwettqu tranżazzjonijiet okkażjonali, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jivvalutaw ukoll l-iskop u n-natura ta’ relazzjoni tan-negozju. Informazzjoni prekuntrattwali jew informazzjoni oħra dwar il-prodott jew is-servizz propost li tiġi kkomunikata lill-klijent prospettiv tista’ tikkontribwixxi għall-fehim ta’ dak l-iskop. Jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu dejjem ikunu jistgħu jivvalutaw l-iskop u n-natura ta’ relazzjoni tan-negozju prospettiva b’mod mhux ambigwu. Meta s-servizz jew il-prodott offrut jippermetti lill-klijenti jwettqu diversi tipi ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ attivitajiet, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jiksbu biżżejjed informazzjoni dwar l-intenzjoni tal-klijent rigward l-użu li għandu jsir minn dik ir-relazzjoni.

(40)Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-qafas AML/CFT, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jirrieżaminaw b’mod regolari l-informazzjoni miksuba mill-klijenti tagħhom, f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistabbilixxu wkoll sistema ta’ monitoraġġ sabiex jidentifikaw tranżazzjonijiet atipiċi li jistgħu jqajmu suspetti ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li l-attività ta’ monitoraġġ tal-entitajiet marbutin b’obbligu fil-prinċipju tkopri s-servizzi u l-prodotti kollha offruti lill-klijenti u t-tranżazzjonijiet kollha li jitwettqu f’isem il-klijent jew offruti lill-klijent mill-entità marbuta b’obbligu. Madankollu, mhux it-tranżazzjonijiet kollha jeħtieġ li jiġu skrutinizzati individwalment. Jenħtieġ li l-intensità tal-monitoraġġ tirrispetta l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju u tkun imfassla fuq kriterji preċiżi u rilevanti, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tal-klijenti u l-livell ta’ riskju assoċjat magħhom, il-prodotti u s-servizzi offruti, u l-pajjiżi jew iż-żoni ġeografiċi kkonċernati. Jenħtieġ li l-AMLA tiżviluppa linji gwida sabiex tiżgura li l-intensità tal-monitoraġġ tar-relazzjonijiet tan-negozju u tat-tranżazzjonijiet tkun adegwata u proporzjonata għal-livell ta’ riskju.

(41)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-AMLA jkollha l-kompitu li tfassal abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti. Jenħtieġ li dawk l-istandards tekniċi regolatorji jistabbilixxu s-sett minimu ta’ informazzjoni li għandha tinkiseb mill-entitajiet marbutin b’obbligu sabiex jidħlu f’relazzjonijiet ġodda ta' negozju ma' klijenti jew jivvalutaw dawk li jkunu għaddejjin, skont il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ kull klijent. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji jipprovdu biżżejjed ċarezza sabiex jippermettu lill-atturi tas-suq jiżviluppaw mezzi siguri, aċċessibbli u innovattivi għall-verifika tal-identità tal-klijenti u għat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, anki mill-bogħod, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika. Jenħtieġ li tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji. Dawk il-kompiti speċifiċi huma konformi mar-rwol u r-responsabbiltajiet tal-AMLA kif previst fir-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għall-istabbiliment ta’ Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

(42)Jenħtieġ li l-armonizzazzjoni tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti mhux biss tfittex li tikseb fehim konsistenti, u effettiv b’mod konsistenti, tar-riskji assoċjati ma’ klijent eżistenti jew prospettiv irrispettivament minn fejn tinfetaħ ir-relazzjoni tan-negozju fl-Unjoni, u l-armonizzazzjoni tagħhom tgħin sabiex jintlaħaq dan l-għan. Jenħtieġ li tiżgura wkoll li l-informazzjoni miksuba fit-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti ma tintużax mill-entitajiet marbutin b’obbligu sabiex isegwu prattiki ta’ tneħħija tar-riskji li jistgħu jirriżultaw f’ċirkomvenzjoni ta’ obbligi legali oħrajn, b’mod partikolari dawk stabbiliti fid-Direttiva 2014/92 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 jew fid-Direttiva 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 , mingħajr ma jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni fil-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Sabiex tkun tista’ ssir is-superviżjoni xierqa tal-konformità mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent, huwa importanti li l-entitajiet marbutin b’obbligu jżommu rekord tal-azzjonijiet imwettqin u tal-informazzjoni miksuba matul il-proċess ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent, irrispettivament minn jekk tiġix stabbilita relazzjoni tan-negozju ġdida magħhom u minn jekk dawn ikunux issottomettew rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi wara li jirrifjutaw li jistabbilixxu relazzjoni tan-negozju. Meta l-entità marbuta b’obbligu tieħu deċiżjoni li ma tidħolx f’relazzjoni tan-negozju ma’ klijent prospettiv, jenħtieġ li r-rekords tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti jinkludu r-raġunijiet għal tali deċiżjoni. Dan jippermetti lill-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw jekk l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunux ikkalibraw kif xieraq il-prattiki ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti tagħhom u kif tevolvi l-iskopertura għar-riskju tal-entità, kif ukoll jgħin fil-bini ta’ evidenza statistika dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti mill-entitajiet marbutin b’obbligu fl-Unjoni kollha.

(43)L-approċċ għar-rieżami ta’ klijenti eżistenti fil-qafas AML/CFT attwali diġà huwa bbażat fuq ir-riskju. Madankollu, b’kont meħud tar-riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u reati predikati assoċjati li huma marbutin ma’ ċerti strutturi intermedjarji, dak l-approċċ jista’ ma jippermettix għad-detezzjoni fil-ħin u għall-valutazzjoni tar-riskji. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li kategoriji speċifikati b’mod ċar ta’ klijenti eżistenti huma wkoll issorveljati fuq bażi regolari.

(44)Ir-riskju nnifsu huwa varjabbli fin-natura, u l-varjabbli, waħedhom jew meta kkombinati, jistgħu jżidu jew inaqqsu r-riskju potenzjali maħluq, u b’hekk ikollhom impatt fil-livell xieraq ta’ miżuri preventivi, bħal miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti.

(45)F’sitwazzjonijiet ta’ riskju baxx, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jistgħu japplikaw miżuri simplifikati ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti. Dan ma jfissirx eżenzjoni jew nuqqas ta’ miżuri tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent. Minflok, jikkonsisti f’sett simplifikat jew imnaqqas ta’ miżuri ta’ skrutinju, li madankollu jenħtieġ li jindirizza l-komponenti kollha tal-proċedura standard ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent. F’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu xorta waħda jkunu jistgħu jnaqqsu l-frekwenza jew l-intensità tal-iskrutinju tal-klijenti jew tat-tranżazzjonijiet tagħhom, jew jiddependu fuq suppożizzjonijiet adegwati fir-rigward tal-fini tar-relazzjoni tan-negozju jew tal-użu ta’ prodotti sempliċi. Jenħtieġ li l-istandards tekniċi regolatorji dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti jistabbilixxu l-miżuri simplifikati speċifiċi li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jimplimentaw f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ riskju aktar baxx identifikati fil-Valutazzjoni tar-Riskji Supranazzjonali tal-Kummissjoni. Meta jiġu żviluppati abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji, jenħtieġ li l-AMLA tqis kif xieraq il-preservazzjoni tal-inklużjoni soċjali u finanzjarja.

(46)Jenħtieġ li jkun rikonoxxut li ċerti sitwazzjonijiet jippreżentaw riskju akbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Għalkemm l-identità u l-profil tan-negozju tal-klijenti kollha jenħtieġ li jkunu stabbiliti bl-applikazzjoni regolari tar-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent, hemm każijiet li fihom ikunu meħtieġa proċeduri partikolarment rigorużi għall-identifikazzjoni u għall-verifika tal-klijent. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar tali miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa, inklużi miżuri speċifiċi ta’ diliġenza dovuta msaħħa għal relazzjonijiet korrispondenti transfruntiera.

(47)Relazzjonijiet transfruntiera korrispondenti ma’ istituzzjoni rispondenti ta’ pajjiż terz huma kkaratterizzati min-natura kontinwa u ripetittiva tagħhom. Barra minn hekk, mhux is-servizzi bankarji korrispondenti transfruntiera kollha jippreżentaw l-istess livell ta’ riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, jenħtieġ li l-intensità tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa tiġi ddeterminata bl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Madankollu, jenħtieġ li l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju ma jiġix applikat meta jkun hemm interazzjoni ma’ istituzzjonijiet rispondenti ta’ pajjiż terz li ma jkollhom l-ebda preżenza fiżika fejn ikunu inkorporati. Minħabba r-riskju għoli ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu inerenti fil-banek fantażma, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jenħtieġ li jżommu kwalunkwe relazzjoni korrispondenti ma’ dawn il-banek fantażma.

(48)Fil-kuntest tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa, il-kisba ta’ approvazzjoni mill-maniġment superjuri għat-twaqqif ta’ relazzjonijiet ta’ negozju ma għandhiex neċessarjament timplika, fil-każijiet kollha, il-kisba ta’ approvazzjoni mill-bord tad-diretturi. Jenħtieġ li jkun possibbli li tali approvazzjoni tinkiseb minn xi ħadd b’għarfien suffiċjenti dwar l-iskopertura għar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu tal-istituzzjoni u ta’ anzjanità suffiċjenti sabiex jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-iskopertura għar-riskju tagħha.

(49)Sabiex jiġi protett il-funzjonament xieraq tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bl-għan li tidentifika l-pajjiżi terzi, li n-nuqqasijiet tagħhom fir-reġimi nazzjonali tagħhom dwar l-AML/CFT jirrappreżentaw theddida għall-integrità tas-suq intern tal-Unjoni. In-natura li dejjem tinbidel tat-theddid ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu minn barra l-Unjoni, iffaċilitata minn evoluzzjoni kostanti tat-teknoloġija u tal-mezzi għad-dispożizzjoni tal-kriminali, teħtieġ li jitwettqu adattamenti rapidi u kontinwi tal-qafas legali fir-rigward tal-pajjiżi terzi sabiex jiġu indirizzati b’mod effiċjenti r-riskji eżistenti u jiġi impedit li jinqalgħu oħrajn ġodda. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-informazzjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn korpi tal-istabbiliment ta’ standards fil-qasam tal-AML/CFT, bħal stqarrijiet pubbliċi tal-FATF, rapporti ta’ evalwazzjoni reċiproka jew ta’ valutazzjoni dettaljata jew rapporti ta’ segwitu ppubblikati, u tadatta l-valutazzjonijiet tagħha għall-bidliet li jkun fihom, fejn xieraq.

(50)Pajjiżi terzi “soġġetti għal sejħa għal azzjoni” mill-entità internazzjonali rilevanti li tistabbilixxi l-istandards (l-FATF) jippreżentaw nuqqasijiet strateġiċi sinifikanti ta’ natura persistenti fl-oqfsa legali u istituzzjonali tagħhom tal-AML/CFT u fl-implimentazzjoni tagħhom li x’aktarx joħolqu riskju għoli għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. In-natura persistenti tan-nuqqasijiet strateġiċi sinifikanti, li jirriflettu n-nuqqas ta’ impenn jew in-nuqqas kontinwu mill-pajjiż terz li jindirizzahom, jindikaw livell ogħla ta’ theddid li jirriżulta minn dawk il-pajjiżi terzi, li jeħtieġ rispons ta’ mitigazzjoni effettiv, konsistenti u armonizzat fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu meħtieġa japplikaw is-sett sħiħ ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa disponibbli għal tranżazzjonijiet okkażjonali u għal relazzjonijiet tan-negozju li jinvolvu dawk il-pajjiżi terzi b’riskju għoli sabiex jimmaniġjaw u jimmitigaw ir-riskji sottostanti. Barra minn hekk, il-livell għoli ta’ riskju jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ kontromiżuri speċifiċi addizzjonali, kemm jekk fil-livell tal-entitajiet marbutin b’obbligu kif ukoll jekk mill-Istati Membri. Approċċ bħal dan jevita d-diverġenza fid-determinazzjoni tal-kontromiżuri rilevanti, li jiskopru s-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni għar-riskji. Minħabba l-għarfien espert tekniku tiegħu, l-AMLA jista’ jipprovdi kontribut utli lill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni tal-kontromiżuri xierqa.

(51)Id-dgħufijiet fil-konformità kemm fil-qafas legali kif ukoll f’dak istituzzjonali tal-AML/CFT u fl-implimentazzjoni tiegħu ta’ pajjiżi terzi li huma soġġetti għal “monitoraġġ akbar” mill-FATF huma suxxettibbli li jiġu sfruttati mill-kriminali. Dan x’aktarx li jirrappreżenta riskju għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, li jeħtieġ li jiġi mmaniġġat u mmitigat. L-impenn ta’ dawn il-pajjiżi terzi sabiex jindirizzaw id-dgħufijiet identifikati, filwaqt li ma jeliminawx ir-riskju, jiġġustifika rispons ta’ mitigazzjoni, li huwa anqas sever minn dak applikabbli għal pajjiżi terzi b’riskju għoli. F’dawn il-każijiet, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu tal-Unjoni japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa għal tranżazzjonijiet okkażjonali u għal relazzjonijiet ta' negozju meta jittrattaw ma’ persuni fiżiċi jew ma’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’dawk il-pajjiżi terzi li huma mfasslin għan-nuqqasijiet speċifiċi identifikati f’kull pajjiż terz. Tali identifikazzjoni granulari tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa li għandhom jiġu applikati, f’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, tiżgura wkoll li l-miżuri jkunu proporzjonati għal-livell ta’ riskju. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti u proporzjonat bħal dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tidentifika liema miżuri speċifiċi ta’ diliġenza dovuta msaħħa jkunu meħtieġa sabiex jiġu mmitigati r-riskji speċifiċi għall-pajjiżi. Minħabba l-għarfien espert tekniku tal-AMLA, hija tista’ tipprovdi kontribut utli lill-Kummissjoni sabiex tidentifika l-miżuri mtejbin u xierqa ta’ diliġenza dovuta.

(52)Il-pajjiżi li ma humiex identifikati pubblikament bħala soġġetti għal sejħiet għal azzjoni jew għal monitoraġġ akbar minn dawk li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali xorta jistgħu jkunu ta’ theddida għall-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Sabiex jittaffew dawk ir-riskji, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tieħu azzjoni billi tidentifika, fuq il-bażi ta’ sett ċar ta’ kriterji u bl-appoġġ tal-AMLA, pajjiżi terzi li jippreżentaw theddida speċifika u serja għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, li jista’ jkun minħabba dgħufijiet fil-konformità jew nuqqasijiet strateġiċi sinifikanti ta’ natura persistenti fir-reġim tagħhom tal-AML/CFT, u l-miżuri ta’ mitigazzjoni rilevanti. Jenħtieġ li dawk il-pajjiżi terzi jiġu identifikati mill-Kummissjoni. Skont il-livell ta’ riskju ppreżentat għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrikjedi l-applikazzjoni jew tal-miżuri kollha ta’ diliġenza dovuta msaħħa u tal-kontromiżuri speċifiċi għall-pajjiżi, kif inhu l-każ għal pajjiżi terzi b’riskju għoli, jew tad-diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti speċifika għall-pajjiżi, bħal fil-każ ta’ pajjiżi terzi bi dgħufijiet fil-konformità.

(53)Meta jitqies li jista’ jkun hemm bidliet fl-oqfsa AML/CFT ta’ dawk il-pajjiżi terzi jew fl-implimentazzjoni tagħhom, pereżempju bħala riżultat tal-impenn tal-pajjiż li jindirizza d-dgħufijiet identifikati jew tal-adozzjoni ta’ miżuri tal-AML/CFT rilevanti sabiex jindirizzahom, li jistgħu jbiddlu n-natura u l-livell tar-riskji li jirriżultaw minnhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina regolarment l-identifikazzjoni ta’ dawk il-miżuri mtejbin speċifiċi ta’ diliġenza dovuta sabiex tiżgura li jkunu għadhom proporzjonati u adegwati.

(54)It-theddid estern potenzjali għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni ma jiġix biss minn pajjiżi terzi, iżda jista’ jinħoloq ukoll fir-rigward ta’ fatturi speċifiċi ta’ riskju għall-klijentjew ta’ prodotti, ta’ servizzi, ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ kanali ta’ konsenja li jiġu osservati fir-rigward ta’ żona ġeografika speċifika barra mill-Unjoni. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu identifikati x-xejriet, ir-riskji u l-metodi tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li għalihom jistgħu jkunu skoperti l-entitajiet marbutin b’obbligu tal-Unjoni. L-AMLA tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tidentifika kwalunkwe tipoloġija emerġenti tal-ML/TF minn barra l-Unjoni, sabiex timmonitorja l-evoluzzjoni tagħhom bl-għan li tipprovdi gwida lill-entitajiet marbutin b’obbligu tal-Unjoni dwar il-ħtieġa li japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa mmirati lejn il-mitigazzjoni ta’ tali riskji.

(55)Ir-relazzjonijiet ma’ individwi li għandhom jew li kellhom karigi pubbliċi importanti, fl-Unjoni jew internazzjonalment, u b’mod partikolari individwi minn pajjiżi fejn il-korruzzjoni hija mifruxa, jistgħu jiskopru lis-settur finanzjarju għal riskji reputazzjonali u legali sinifikanti. L-isforz internazzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni jiġġustifika l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari għal tali persuni u li jiġu applikati miżuri xierqa ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti fir-rigward ta’ persuni li jkollhom jew li kellhom karigi pubbliċi prominenti u fir-rigward ta’ persuni b’karigi ta’ livell għoli f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu speċifikati miżuri li l-entitajiet marbutin b’obbligu jenħtieġ li japplikaw fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ relazzjonijiet tan-negozju ma’ persuni politikament esposti. Sabiex jiġi ffaċilitat l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, jenħtieġ li l-AMLA tingħata l-kompitu li toħroġ linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-livell ta’ riskji assoċjati ma’ kategorija partikolari ta’ persuni politikament esposti, mal-membri tal-familja tagħhom jew ma’ persuni magħrufin li jkunu assoċjati mill-qrib.

(56)Sabiex jiġu identifikati l-persuni politikament esposti fl-Unjoni, jenħtieġ li jinħarġu listi mill-Istati Membri li jindikaw il-funzjonijiet speċifiċi li, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi, jikkwalifikaw bħala karigi pubbliċi prominenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitolbu lil kull organizzazzjoni internazzjonali akkreditata fit-territorji tagħhom sabiex toħroġ u żżomm aġġornata lista ta’ karigi pubbliċi prominenti f’dik l-organizzazzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata l-kompitu li tiġbor u toħroġ lista, li jenħtieġ li tkun valida madwar l-Unjoni kollha, fir-rigward ta’ persuni fdati b’karigi pubbliċi prominenti fl-istituzzjonijiet jew fil-korpi tal-Unjoni.

(57)Meta l-klijenti ma jibqgħux fdati b’kariga pubblika prominenti, xorta jistgħu joħolqu riskju ogħla, pereżempju minħabba l-influwenza informali li xorta jistgħu jeżerċitaw, jew minħabba li l-funzjonijiet preċedenti u attwali tagħhom ikunu marbutin. Huwa essenzjali li l-entitajiet marbutin b’obbligu jqisu dawk ir-riskji kontinwi u japplikaw miżura waħda jew aktar ta’ diliġenza dovuta msaħħa sa dak iż-żmien li l-individwi jitqiesu li ma jippreżentaw l-ebda riskju ulterjuri, u fi kwalunkwe każ għal mhux anqas minn 12-il xahar minn meta ma jibqgħux jokkupaw kariga pubblika prominenti.

(58)Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni spiss ma jkollhomx relazzjonijiet ma’ klijenti li jkunu benefiċjarji tal-poloz tal-assigurazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li jkunu jistgħu jidentifikaw sitwazzjonijiet ta’ riskju ogħla, bħal meta r-rikavat tal-politika jkun ta’ benefiċċju għal persuna politikament esposta. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan ikunx il-każ, jenħtieġ li l-polza tal-assigurazzjoni tinkludi miżuri raġonevoli sabiex jiġi identifikat il-benefiċjarju, daqslikieku din il-persuna kienet klijent ġdid. Tali miżuri jistgħu jittieħdu fiż-żmien tal-iżborż jew fiż-żmien tal-assenjazzjoni tal-politika, iżda mhux aktar tard.

(59)Relazzjonijiet privati u professjonali mill-qrib jistgħu jiġu abbużati għal finijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-miżuri li jikkonċernaw persuni politikament esposti japplikaw ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u għall-persuni magħrufin li jkunu assoċjati mill-qrib. L-identifikazzjoni xierqa tal-membri tal-familja u tal-persuni magħrufin li jkunu assoċjati mill-qrib tista’ tiddependi fuq l-istruttura soċjoekonomika u kulturali tal-pajjiż tal-persuna politikament esposta. F’dan l-isfond, jenħtieġ li l-AMLA jkollha l-kompitu li toħroġ linji gwida dwar il-kriterji li għandhom jintużaw sabiex jiġu identifikati persuni li jenħtieġ li jitqiesu bħala assoċjati mill-qrib.

(60)Ir-rekwiżiti li jirrigwardaw persuni politikament esposti, il-membri tal-familja u l-assoċjati mill-qrib tagħhom, huma ta’ natura preventiva u mhux kriminali, u jenħtieġ li ma jiġux interpretati li jistigmatizzaw lill-persuni politikament esposti bħala persuni involuti f’attività kriminali. Ir-rifjut ta’ relazzjoni tan-negozju ma’ persuna sempliċiment abbażi ta’ determinazzjoni li tkun persuna politikament esposta jmur kontra l-kliem u l-ispirtu ta’ dan ir-Regolament.

(61)Sabiex jiġu evitati proċeduri ripetuti ta’ identifikazzjoni tal-klijenti, huwa xieraq, soġġett għal salvagwardji xierqa, li l-entitajiet marbutin b’obbligu jitħallew jiddependu fuq l-informazzjoni dwar il-klijenti miġbura minn entitajiet marbutin b’obbligu oħrajn. Meta entità marbuta b’obbligu tibbaża fuq entità marbuta b’obbligu oħra, jenħtieġ li r-responsabbiltà aħħarija għad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti tibqa’ tal-entità marbuta b’obbligu li tagħżel li tiddependi fuq id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti imwettqa minn entità marbuta b’obbligu oħra. Jenħtieġ li l-entità marbuta b’obbligu li qagħdet fuqha żżomm ukoll ir-responsabbiltà tagħha stess għall-konformità mar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT, inkluż ir-rekwiżit li tirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi u żżomm rekords.

(62)L-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jissottokuntrattaw kompiti relatati mat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti lil aġent jew lil fornitur estern ta’ servizz, sakemm ma jkunux stabbiliti f’pajjiżi terzi li jkunu ddeżinjati bħala ta’ riskju għoli, bħala li għandhom dgħufijiet fil-konformità jew li joħolqu theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Fil-każ ta’ relazzjonijiet ta’ aġenzija jew ta’ esternalizzazzjoni fuq bażi kontrattwali bejn entitajiet marbutin b’obbligu u fornituri esterni ta’ servizzi mhux koperti mir-rekwiżiti dwar l-AML/CFT, kwalunkwe obbligu tal-AML/CFT fuq dawk l-aġenti jew il-fornituri ta’ servizz ta’ esternalizzazzjoni jista’ jirriżulta biss mill-kuntratt bejn il-partijiet u mhux minn dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li r-responsabbiltà għall-konformità mar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT tibqa’ kompletament mal-entità marbuta b’obbligu nnifisha. Jenħtieġ li l-entità marbuta b’obbligu tiżgura b’mod partikolari li, meta fornitur ta’ servizzi esternalizzat ikun involut għall-finijiet ta’ identifikazzjoni mill-bogħod tal-klijent, jiġi rrispettat l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju.

(63)Sabiex ir-relazzjonijiet ta’ dipendenza fuq partijiet terzi u ta’ esternalizzazzjoni jiffunzjonaw b’mod effiċjenti, hija meħtieġa aktar ċarezza dwar il-kundizzjonijiet li skont dawn isseħħ id-dipendenza. Jenħtieġ li l-AMLA jkollha l-kompitu li tiżviluppa linji gwida dwar il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jseħħu d-dipendenza u l-esternalizzazzjoni ta’ partijiet terzi, kif ukoll ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet rispettivi. Sabiex jiġi aċċertat li tiġi żgurata sorveljanza konsistenti tal-prattiki ta’ dipendenza u esternalizzazzjoni fl-Unjoni kollha, jenħtieġ li l-linji gwida jipprovdu wkoll ċarezza dwar kif is-superviżuri jenħtieġ li jqisu tali prattiki u jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jirrikorru għal dawk il-prattiki.

(64)Il-kunċett ta’ sjieda benefiċjarja ġie introdott mid-Direttiva (UE) 2015/849 sabiex tiżdied it-trasparenza ta’ strutturi korporattivi kumplessi. Il-ħtieġa għall-aċċessar ta’ informazzjoni akkurata, aġġornata u adegwata dwar is-sid benefiċjarju hija fattur importanti fit-traċċar ta’ kriminali li, kieku, ikunu jistgħu jaħbu l-identità tagħhom wara strutturi opaki bħal dawn. L-Istati Membri bħalissa huma meħtieġa jiżguraw li kemm l-entitajiet korporattivi kif ukoll entitajiet legali oħrajn kif ukoll it-trusts express u arranġamenti legali simili oħrajn jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, akkurata u attwali dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom. Madankollu, il-grad ta’ trasparenza impost mill-Istati Membri jvarja. Ir-regoli huma soġġetti għal interpretazzjonijiet diverġenti, u dan jirriżulta f’metodi differenti sabiex jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji ta’ entità jew ta’ arranġament partikolari. Dan huwa dovut, fost l-oħrajn, għal modi inkonsistenti ta’ kalkolu tas-sjieda indiretta ta’ entità jew ta’ arranġament. Dan ifixkel it-trasparenza li kienet maħsuba li tinkiseb. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu ċċarati r-regoli sabiex tinkiseb definizzjoni konsistenti ta’ sid benefiċjarju u sabiex din tiġi applikata fis-suq intern kollu.

(65)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati sabiex jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet korporattivi u ta’ entitajiet ġuridiċi oħrajn u sabiex jiġu armonizzati d-definizzjonijiet tas-sjieda benefiċjarja. Filwaqt li perċentwal speċifiku ta’ parteċipazzjoni azzjonarja jew ta’ interess proprjetarju ma jiddeterminax awtomatikament is-sidien benefiċjarji, jenħtieġ li jkun fattur ta’ evidenza fost oħrajn li għandu jittieħed kont tiegħu. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li perċentwal anqas minn 25 % jista’ jkun indikazzjoni ta’ sjieda jew ta’ kontroll. Jenħtieġ li l-kontroll permezz ta’ interess ta’ sjieda ta’ 25 % flimkien ma’ wieħed mill-ishma jew mid-drittijiet tal-vot jew interess ieħor tas-sjieda jiġi vvalutat fuq kull livell tas-sjieda, jiġifieri jenħtieġ li dan il-limitu japplika għal kull rabta fl-istruttura tas-sjieda u li jenħtieġ li r-rabtiet kollha fl-istruttura tas-sjieda u t-taħlita ta’ dawn jiġu eżaminati kif xieraq.

(66)Identifikazzjoni sinifikattiva tas-sidien benefiċjarji teħtieġ determinazzjoni ta’ jekk il-kontroll ikunx eżerċitat permezz ta’ mezzi oħrajn. Id-determinazzjoni tal-kontroll permezz ta’ interess ta’ sjieda hija neċessarja iżda ma hijiex biżżejjed u ma teżawrixxix il-kontrolli neċessarji sabiex jiġu determinati s-sidien benefiċjarji. It-test dwar jekk kwalunkwe persuna fiżika teżerċitax kontroll permezz ta’ mezzi oħrajn ma huwiex test sussegwenti li għandu jitwettaq biss meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat interess proprjetarju. Iż-żewġ testijiet, jiġifieri dak tal-kontroll permezz ta’ interess proprjetarju u dak tal-kontroll permezz ta’ mezzi oħrajn, jenħtieġ li jitwettqu b’mod parallel. Il-kontroll permezz ta’ mezzi oħrajn jista’ jinkludi d-dritt li jinħatru jew li jitneħħew aktar minn nofs il-membri tal-bord tal-entità korporattiva; il-kapaċità li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq id-deċiżjonijiet meħudin mill-entità korporattiva; il-kontroll permezz ta’ ftehimiet formali jew informali mas-sidien, mal-membri jew mal-entitajiet korporattivi, kif ukoll l-arranġamenti dwar il-vot; ir-rabtiet ma’ membri tal-familja ta’ maniġers jew ta’ diretturi jew mas-sidien jew mal-kontrolluri tal-entità korporattiva; l-użu ta’ arranġamenti formali jew informali tal-persuni nominati.

(67)Sabiex tiġi żgurata trasparenza effettiva, jenħtieġ li l-usa’ firxa possibbli ta’ entitajiet legali u ta’ arranġamenti inkorporati jew maħluqin fit-territorju tal-Istati Membri tkun koperta b’regoli dwar is-sjieda benefiċjarja. Dan jinkludi entitajiet ġuridiċi għajr dawk korporattivi u arranġamenti simili għat-trusts. Minħabba d-differenzi fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri, dawk il-kategoriji wisgħin jinkludu varjetà ta’ strutturi organizzazzjonali differenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni lista tat-tipi ta’ entitajiet korporattivi u ta’ entitajiet ġuridiċi oħrajn fejn is-sidien benefiċjarji jiġu identifikati f’konformità mar-regoli għall-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji għall-entitajiet korporattivi. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar ir-regoli u l-kriterji speċifiċi sabiex jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet ġuridiċi għajr entitajiet korporattivi.

(68)Sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni konsistenti tas-sidien benefiċjarji ta’ trusts express u ta’ entitajiet legali simili, bħal fondazzjonijiet, jew arranġamenti, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli armonizzati dwar is-sjieda benefiċjarja. L-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni lista tat-tipi ta’ entitajiet ġuridiċi u ta’ arranġamenti legali simili għat-trusts express fejn is-sidien benefiċjarji jiġu identifikati skont l-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji għal trusts express u għal entitajiet jew għal arranġamenti legali simili. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, lista ta’ arranġamenti legali u ta’ entitajiet ġuridiċi rregolati mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, li jkollhom struttura jew funzjoni simili għat-trusts express.

(69)Approċċ konsistenti għar-reġim tat-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li tinġabar l-istess informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji fis-suq intern kollu. Huwa xieraq li jiġu introdotti rekwiżiti preċiżi dwar l-informazzjoni li jenħtieġ li tinġabar f’kull każ. Dik l-informazzjoni tinkludi sett minimu ta’ data personali tas-sid benefiċjarju, in-natura u l-firxa tal-interess benefiċjarju miżmum fl-entità ġuridika jew fl-arranġament legali u informazzjoni dwar l-entità ġuridika jew l-arranġament legali.

(70)Il-bażi ta’ qafas effettiv dwar it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja hija l-għarfien minn entitajiet korporattivi u minn entitajiet legali oħrajn dwar il-persuni fiżiċi li jkunu s-sidien benefiċjarji tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-entitajiet korporattivi u l-entitajiet legali l-oħrajn kollha fl-Unjoni jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, akkurata u kurrenti dwar is-sjieda benefiċjarja. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tinżamm għal ħames snin u jenħtieġ li l-identità tal-persuna responsabbli għaż-żamma tal-informazzjoni tiġi rrapportata lir-reġistri. Dak il-perjodu ta’ żamma huwa ekwivalenti għall-perjodu għaż-żamma tal-informazzjoni miksuba fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT, bħall-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti. Sabiex tiġi żgurata l-possibbiltà li tiġi kontroverifikata u vverifikata l-informazzjoni, pereżempju permezz tal-mekkaniżmu tar-rapportar tad-diskrepanzi, huwa ġġustifikat li jiġi żgurat li jiġu allinjati l-perjodi rilevanti taż-żamma ta’ data.

(71)Jenħtieġ li entitajiet korporattivi u entitajiet ġuridiċi oħrajn jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jidentifikaw is-sidien benefiċjarji tagħhom. Madankollu, jista’ jkun hemm każijiet li fihom l-ebda persuna fiżika ma tkun identifikabbli li tkun is-sid finali jew li teżerċita kontroll fuq entità. F’każijiet eċċezzjonali bħal dawn, dment li l-mezzi kollha ta’ identifikazzjoni jiġu eżawriti, l-uffiċjali maniġerjali superjuri jistgħu jiġu rrapportati meta jipprovdu informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja lill-entitajiet marbutin b’obbligu matul il-proċess ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti jew meta jissottomettu l-informazzjoni lir-reġistru ċentrali. Jenħtieġ li l-entitajiet korporattivi u ġuridiċi jżommu rekords tal-azzjonijiet meħudin sabiex jidentifikaw is-sidien benefiċjarji tagħhom, speċjalment meta jiddependu fuq din il-miżura tal-aħħar istanza, li jenħtieġ li tkun iġġustifikata u ddokumentata kif xieraq.

(72)Hemm bżonn li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fost it-tipi differenti ta’ forom legali u li jiġi evitat l-użu ħażin ta’ trusts u ta’ arranġamenti legali, li spiss jitqiegħdu fi strutturi kumplessi sabiex tkompli tinħeba s-sjieda benefiċjarja. Għalhekk, jenħtieġ li t-trustees ta’ kwalunkwe trust express amministrata fi Stat Membru jkunu responsabbli għall-kisba u ż-żamma ta’ informazzjoni adegwata, akkurata u kurrenti dwar is-sjieda benefiċjarja rigward it-trust, u għad-divulgazzjoni tal-istatus tagħhom u għall-għoti ta’ din l-informazzjoni lill-entitajiet marbutin b’obbligu li jwettqu diliġenza dovuta tal-klijent. Jenħtieġ li kwalunkwe sid benefiċjarju ieħor tat-trust jassisti lit-trustee fil-kisba ta’ tali informazzjoni.

(73)Fid-dawl tal-istruttura speċifika ta’ ċerti entitajiet ġuridiċi bħal fondazzjonijiet, u l-ħtieġa li tiġi żgurata trasparenza suffiċjenti dwar is-sjieda benefiċjarja tagħhom, jenħtieġ li tali entitajiet u arranġamenti legali simili għat-trusts ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ sjieda benefiċjarja ekwivalenti bħal dawk li japplikaw għal trusts express.

(74)L-arranġamenti tal-persuni nnominati jistgħu jippermettu l-ħabi tal-identità tas-sidien benefiċjarji, minħabba li persuna nominata tkun tista’ taġixxi bħala d-direttur jew l-azzjonist ta’ entità ġuridika filwaqt li n-nominatur mhux dejjem ikun divulgat. Dawk l-arranġamenti jistgħu jaħbu s-sjieda benefiċjarja u l-istruttura ta’ kontroll, meta s-sidien benefiċjarji ma jkunux jixtiequ jiddivulgaw l-identità jew ir-rwol tagħhom fihom. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu introdotti rekwiżiti dwar it-trasparenza sabiex jiġi evitat li dawn l-arranġamenti jintużaw ħażin u sabiex il-kriminali ma jitħallewx jinħbew wara persuni li jaġixxu f’isimhom. Jenħtieġ li l-azzjonisti nominati u d-diretturi nominati ta’ entitajiet korporattivi jew ġuridiċi oħrajn iżommu biżżejjed informazzjoni dwar l-identità tan-nominatur tagħhom kif ukoll dwar kwalunkwe sid benefiċjarju tan-nominatur u jiddivulgaw lilhom kif ukoll l-istatus tagħhom lill-entitajiet korporattivi jew lil entitajiet ġuridiċi oħrajn. Jenħtieġ li l-istess informazzjoni tiġi rrapportata wkoll minn entitajiet korporattivi u minn entitajiet ġuridiċi oħrajn lill-entitajiet marbutin b’obbligu, meta jitwettqu miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti.

(75)Ir-riskji ppreżentati minn entitajiet korporattivi barranin u minn arranġamenti legali, li jintużaw ħażin sabiex ir-rikavati mill-fondi jiġu diretti fis-sistema finanzjarja tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġu mmitigati. Peress li l-istandards ta’ sjieda benefiċjarja fis-seħħ f’pajjiżi terzi jistgħu ma jkunux biżżejjed sabiex jippermettu l-istess livell ta’ trasparenza u ta’ disponibbiltà f’waqtha ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja bħal fl-Unjoni, hemm bżonn li jiġu żgurati mezzi adegwati sabiex jiġu identifikati s-sidien benefiċjarji ta’ entitajiet korporattivi barranin jew arranġamenti legali f’ċirkostanzi speċifiċi. Għalhekk, l-entitajiet ġuridiċi inkorporati barra mill-Unjoni u t-trusts express jew arranġamenti legali simili amministrati barra mill-Unjoni jenħtieġ li jkunu meħtieġa jiddivulgaw lis-sidien benefiċjarji tagħhom kull meta joperaw fl-Unjoni billi jidħlu f’relazzjoni tan-negozju ma’ entità marbuta b’obbligu tal-Unjoni jew billi jakkwistaw proprjetà immobbli fl-Unjoni.

(76)Sabiex titħeġġeġ il-konformità u tiġi żgurata trasparenza effettiva tas-sjieda benefiċjarja, jeħtieġ li jiġu infurzati r-rekwiżiti dwar is-sjieda benefiċjarja. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw sanzjonijiet għall-ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti. Jenħtieġ li dawk is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u li ma jmorrux lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex titħeġġeġ il-konformità. Jenħtieġ li s-sanzjonijiet introdotti mill-Istati Membri jkollhom effett ta’ deterrent ekwivalenti madwar l-Unjoni kollha rigward il-ksur tar-rekwiżiti dwar is-sjieda benefiċjarja.

(77)Jenħtieġ li tranżazzjonijiet suspettużi, li jinkludu tentattivi ta’ tranżazzjonijiet, u informazzjoni oħra rilevanti għall-ħasil tal-flus, għar-reati predikati tiegħu u għall-finanzjament tat-terroriżmu, jiġu rrapportati lill-UIF, li jenħtieġ li sservi bħala unità ċentrali nazzjonali sabiex tirċievi u tanalizza suspetti rrapportati u tiddissemina r-riżultati tal-analiżijiet tagħha lill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li jiġu rrapportati t-tranżazzjonijiet suspettużi kollha, inklużi tentattivi ta’ tranżazzjonijiet, irrispettivament mill-ammont tat-tranżazzjoni. L-informazzjoni rrapportata tista’ tinkludi wkoll informazzjoni fuq il-bażi ta’ limitu. Jenħtieġ li d-divulgazzjoni bona fide ta’ informazzjoni lill-UIF minn entità marbuta b’obbligu jew minn impjegat jew minn direttur ta’ tali entità ma tikkostitwixxix ksur ta’ xi restrizzjoni fuq id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni u jenħtieġ li ma tinvolvix lill-entità marbuta b’obbligu jew lid-diretturi jew lill-impjegati tagħha f’responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip.

(78)Id-differenzi fl-obbligi ta’ rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi bejn l-Istati Membri jistgħu jaggravaw id-diffikultajiet fil-konformità mal-AML/CFT esperjenzati mill-entitajiet marbutin b’obbligu li għandhom preżenza jew operazzjonijiet transfruntiera. Barra minn hekk, l-istruttura u l-kontenut tar-rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi għandhom impatt fuq il-kapaċità tal-UIF li jwettqu analiżi u fuq in-natura ta’ dik l-analiżi, u jaffettwaw ukoll il-kapaċitajiet tal-UIF li jikkooperaw u li jiskambjaw informazzjoni. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità tal-entitajiet marbutin b’obbligi mal-obbligi ta’ rapportar tagħhom u sabiex ikun jista’ jsir funzjonament aktar effettiv tal-attivitajiet analitiċi u tal-kooperazzjoni tal-UIF, jenħtieġ li l-AMLA tiżviluppa abbozzi ta’ standards regolatorji li jispeċifikaw mudell komuni għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li għandhom jintużaw bħala bażi uniformi fl-Unjoni kollha.

(79)Jenħtieġ li l-UIF ikunu f’qagħda li jakkwistaw rapidament minn kwalunkwe entità marbuta b’obbligu l-informazzjoni neċessarja kollha relatata mal-funzjonijiet tagħhom. L-aċċess bla rbit u rapidu għall-informazzjoni tagħhom huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-flussi tal-flus ikunu jistgħu jiġu ttraċċati kif xieraq u li n-networks u l-flussi illegali jiġu skoperti fi stadju bikri. Il-bżonn li l-UIF jiksbu informazzjoni addizzjonali minn entitajiet marbutin b’obbligu fuq il-bażi ta’ suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, jista’ jirriżulta minn rapport preċedenti dwar tranżazzjonijiet suspettużi rrapportat lill-UIF, iżda jista’ jirriżulta wkoll b’mezzi oħrajn bħalma huma l-analiżi tal-UIF stess, l-intelligence pprovduta minn awtoritajiet kompetenti jew informazzjoni ta’ UIF oħra. Għalhekk, jenħtieġ li l-UIF ikunu jistgħu, fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom, jiksbu informazzjoni minn kwalunkwe entità marbuta b’obbligu, anki mingħajr ma jsir rapport minn qabel. Jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jwieġbu għal talba għal informazzjoni mill-UIF mill-aktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, fi żmien ħamest ijiem mill-wasla tat-talba. F’każijiet ġustifikati u urġenti, jenħtieġ li l-entità marbuta b’obbligu tkun tista’ twieġeb għat-talba tal-UIF fi żmien 24 siegħa. Dan ma jinkludix talbiet għal informazzjoni mingħajr distinzjoni lill-entitajiet marbutin b’obbligu fil-kuntest tal-analiżi tal-UIF, iżda jinkludi biss talbiet għal informazzjoni fuq il-bażi ta’ kundizzjonijiet definiti b’mod suffiċjenti. Jenħtieġ ukoll li UIF tkun f’qagħda li tikseb tali informazzjoni wara talba magħmula minn UIF oħra tal-Unjoni kif ukoll li tiskambja l-informazzjoni mal-UIF rikjedenti.

(80)Għal ċerti entitajiet marbutin b’obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jinnominaw korp awtoregolatorju xieraq li għandu jiġi informat fl-ewwel istanza minflok l-UIF. F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sistema ta’ rapportar tal-ewwel istanza lil korp awtoregolatorju xieraq tikkostitwixxi salvagwardja importanti għaż-żamma tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali b’rabta mal-obbligi ta’ rapportar applikabbli għall-avukati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu l-mezzi u l-mod li bihom għandha tinkiseb il-protezzjoni tas-segretezza, il-kunfidenzjalità u l-privatezza professjonali.

(81)Meta Stat Membru jiddeċiedi li jinnomina tali korp awtoregolatorju, huwa jista’ jippermetti jew jesiġi li dak il-korp ma jagħti lill-UIF l-ebda informazzjoni miksuba mingħand persuni rappreżentati minn dak il-korp fejn tali informazzjoni tkun ġiet riċevuta minn, jew tkun inkisbet dwar, xi wieħed mill-klijenti tagħhom, fil-kors tal-aċċertament tal-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom, jew fil-qadi tal-funzjoni tagħhom li jiddefendu jew jirrappreżentaw dak il-klijent fi, jew fir-rigward ta’, proċedimenti ġudizzjarji, inkluż l-għoti ta’ parir dwar l-istituzzjoni ta’, jew l-evażjoni minn, tali proċedimenti, kemm jekk tali informazzjoni tkun riċevuta jew miksuba qabel, matul jew wara tali proċedimenti.

(82)Jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jistgħu jwettqu tranżazzjonijiet suspettużi b’mod eċċezzjonali qabel ma jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti fejn in-nuqqas ta’ dan ikun impossibbli jew probabbli li jfixkel l-isforzi sabiex jiġu segwiti l-benefiċjarji ta’ operazzjoni suspettata ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, jenħtieġ li din l-eċċezzjoni ma tiġix invokata fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ikkonċernati mill-obbligi internazzjonali aċċettati mill-Istati Membri li jiffriżaw mingħajr dewmien fondi jew assi oħrajn ta’ terroristi, ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi jew ta’ dawk li jiffinanzjaw it-terroriżmu, f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(83)Il-kunfidenzjalità fir-rigward tar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi u tal-għoti ta’ informazzjoni rilevanti oħra lill-UIF hija essenzjali sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiffriżaw u jissekwestraw assi potenzjalment marbutin mal-ħasil tal-flus, mar-reati predikati tiegħu jew mal-finanzjament tat-terroriżmu. Tranżazzjoni suspettuża ma hijiex indikazzjoni ta’ attività kriminali. Id-divulgazzjoni li jkun ġie rrapportat suspett tista’ ttebba’ r-reputazzjoni tal-persuni involuti fit-tranżazzjoni u tipperikola t-twettiq ta’ analiżijiet u ta’ investigazzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu u d-diretturi u l-impjegati tagħhom ma jinformawx lill-klijent ikkonċernat jew lil parti terza li l-informazzjoni tkun qed tiġi, se tiġi, jew ġiet sottomessa lill-UIF, kemm jekk direttament kif ukoll jekk permezz tal-korp awtoregolatorju, jew li tkun qed issir, tista’ ssir jew li tkun twettqet analiżi tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li l-projbizzjoni tad-divulgazzjoni ma tapplikax f’ċirkostanzi speċifiċi li jikkonċernaw, pereżempju, divulgazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u lill-korpi awtoregolatorji meta jwettqu funzjonijiet superviżorji, jew divulgazzjonijiet għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi jew meta d-divulgazzjonijiet isiru bejn entitajiet marbutin b’obbligu li jappartjenu għall-istess grupp.

(84)Il-kriminali jmexxu r-rikavat illeċitu permezz ta’ diversi intermedjarji sabiex jevitaw id-detezzjoni. Għalhekk, huwa importanti li l-entitajiet marbutin b’obbligu jitħallew jiskambjaw informazzjoni mhux biss bejn il-membri tal-grupp, iżda wkoll f’ċerti każijiet bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u entitajiet oħrajn li joperaw fin-networks, b’kunsiderazzjoni xierqa għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data.

(85)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija rikonoxxuta bħala raġuni importanti ta’ interess pubbliku mill-Istati Membri kollha.

(86)Huwa essenzjali li l-allinjament tal-qafas AML/CFT mar-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FATF jitwettaq f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, partikolarment fir-rigward tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta. Ċerti aspetti tal-implimentazzjoni tal-qafas AML/CFT jinvolvu l-ġbir, l-analiżi, il-ħażna u l-kondiviżjoni ta’ data. Jenħtieġ li tali pproċessar ta’ data personali jkun permess filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, biss għall-finijiet stipulati f’dan ir-Regolament, u għat-twettiq ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, għall-monitoraġġ kontinwu, għall-analiżi u għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet mhux tas-soltu u suspettużi, għall-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju ta’ persuna ġuridika jew ta’ arranġament legali, għall-identifikazzjoni ta’ persuna politikament esposta u għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u minn entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu. Jenħtieġ li l-ġbir u l-proċessar sussegwenti ta’ data personali mill-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu limitati għal dak li jkun neċessarju għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT u jenħtieġ li d-data personali ma tiġix ipproċessata ulterjorment b’mod li jkun inkompatibbli ma’ dik il-fini. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-proċessar ulterjuri ta’ data personali għal raġunijiet kummerċjali jkun projbit b’mod strett.

(87)Ir-Rakkomandazzjonijiet riveduti tal-FAFT juru li, sabiex ikunu jistgħu jikkooperaw b’mod sħiħ u jwieġbu malajr għat-talbiet għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-individwazzjoni jew tal-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jżommu, għal tal-anqas ħames snin, l-informazzjoni neċessarja miksuba permezz ta’ miżuri tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti u r-rekords dwar it-tranżazzjonijiet. Sabiex jiġu evitati approċċi differenti u sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ data personali u ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li dak il-perjodu taż-żamma jiġi stabbilit għal ħames snin wara li tintemm ir-relazzjoni tan-negozju jew tranżazzjoni okkażjonali.

(88)Meta l-kunċett ta’ awtoritajiet kompetenti jirreferi għall-awtoritajiet ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni, dan għandu jiġi interpretat li jinkludi l-livelli ċentrali u deċentralizzati tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) fir-rigward tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-UPPE.

(89)Għall-finijiet li tiġi żgurata l-amministrazzjoni adatta u effiċjenti tal-ġustizzja matul il-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex l-interazzjoni tiegħu mal-liġijiet proċedurali nazzjonali tkun bla xkiel, l-informazzjoni u d-dokumenti pertinenti għall-proċedimenti legali li jinsabu għaddejjin għall-fini tal-prevenzjoni, tad-detezzjoni jew tal-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu possibbli, li jkunu pendenti fl-Istati Membri fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinżammu għal perjodu ta’ ħames snin wara dik id-data, u jenħtieġ li jkun possibbli li dak il-perjodu jiġi estiż għal ħames snin oħrajn.

(90)Id-drittijiet ta’ aċċess għad-data mis-suġġett tad-data huma applikabbli għad-data personali pproċessata għall-fini ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, l-aċċess mis-suġġett tad-data għal kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi jxekkel serjament l-effettività tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk, l-eċċezzjonijiet għal u r-restrizzjonijiet ta’ dak id-dritt f’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 jistgħu jkunu ġustifikati. Is-suġġett tad-data għandu d-dritt jitlob li awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 tivverifika l-legalità tal-proċessar, u jkollha d-dritt li tfittex rimedju ġudizzjarju msemmi fl-Artikolu 79 ta’ dak ir-Regolament. L-awtorità superviżorja tista’ taġixxi wkoll fuq bażi ex officio. Mingħajr preġudizzju għar-restrizzjonijiet għad-dritt tal-aċċess, jenħtieġ li l-awtorità superviżorja tkun tista’ tinforma lis-suġġett tad-data li jkunu seħħew il-verifiki neċessarji kollha mill-awtorità superviżorja, u dwar ir-riżultat fir-rigward tal-legalità tal-proċessar inkwistjoni.

(91)L-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jirrikorru għas-servizzi ta’ operaturi privati oħrajn. Madankollu, jenħtieġ li l-qafas AML/CFT japplika għall-entitajiet marbutin b’obbligu biss, u jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jżommu responsabbiltà sħiħa għall-konformità mar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex jiġi evitat li xi servizzi jiddaħħlu b’mod involontarju fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, huwa neċessarju li jiġi ċċarat li l-persuni li sempliċiment jaqilbu d-dokumenti stampati f’data elettronika u li jkunu qed jaġixxu taħt kuntratt ma’ entità marbuta b’obbligu, u l-persuni li jipprovdu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji biss b’sistemi ta’ messaġġi jew b’sistemi oħrajn ta’ appoġġ għat-trażmissjoni ta’ fondi jew b’sistemi ta’ kklerjar u ta’ saldu ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(92)Jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata u akkurata dwar is-sjieda benefiċjarja u l-kontroll ta’ persuni ġuridiċi. Peress li l-ishma tal-portaturi jagħtu s-sjieda lill-persuna li jkollha ċ-ċertifikat tal-ishma tal-portaturi, huma jippermettu lis-sid benefiċjarju jibqa’ anonimu. Sabiex jiġi żgurat li dawk l-ishma ma jintużawx ħażin għal finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-kumpaniji - għajr dawk b’titoli elenkati f’suq regolat jew li l-ishma tagħhom jinħarġu bħala titoli intermedjati - jikkonvertu l-ishma tal-portaturi eżistenti kollha f’ishma reġistrati. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkunu permessi biss ċertifikati ta’ ishma tal-portaturi f’forma intermedjata.

(93)L-anonimità tal-kriptoassi tiskoprihom għal riskji ta’ użu ħażin għal finijiet kriminali. Il-kartieri anonimi tal-kriptoassi ma jippermettux it-traċċabbiltà tat-trasferimenti tal-kriptoassi, filwaqt li jagħmluha diffiċli wkoll li jiġu identifikati tranżazzjonijiet assoċjati li jistgħu jqajmu suspett jew li jiġu applikati għal livell adegwat ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT għall-kriptoassi, huwa neċessarju li jiġu pprojbiti l-forniment u l-kustodja ta’ kartieri anonimi tal-kriptoassi mill-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi.

(94)L-użu ta’ pagamenti kbar fi flus kontanti huwa vulnerabbli ħafna għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu; dan ma ġiex immitigat biżżejjed mir-rekwiżit li n-negozjanti fil-merkanzija jkunu soġġetti għal regoli kontra l-ħasil tal-flus meta jsiru jew jiġu riċevuti pagamenti fi flus ta’ EUR 10 000 jew aktar. Fl-istess ħin, id-differenzi fl-approċċi fost l-Istati Membri xekklu l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern għad-detriment tan-negozji li jinsabu fl-Istati Membri b’kontrolli aktar stretti. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi introdott limitu għall-Unjoni kollha għal pagamenti kbar fi flus kontanti ta’ EUR 10 000. Jenħtieġ li l-Istati Membri ikunu jistgħu jadottaw limiti aktar baxxi u dispożizzjonijiet aktar stretti.

(95)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-kostijiet, il-benefiċċji u l-impatti tat-tnaqqis tal-limitu għal pagamenti kbar fi flus kontanti fil-livell tal-Unjoni bl-għan li jiġu llivellati aktar il-kundizzjonijiet ekwi għan-negozji u jitnaqqsu l-opportunitajiet għall-kriminali sabiex jużaw flus kontanti għall-ħasil tal-flus. Jenħtieġ li din il-valutazzjoni tqis b’mod partikolari l-aktar livell xieraq għal limitu armonizzat għall-pagamenti fi flus kontanti fil-livell tal-Unjoni b’kunsiderazzjoni tal-limiti eżistenti kurrenti għall-pagamenti fi flus kontanti fis-seħħ f’numru kbir ta’ Stati Membri, l-infurzabbiltà ta’ tali limitu fil-livell tal-Unjoni u l-effetti ta’ tali limitu fuq il-valuta legali tal-euro.

(96)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll il-kostijiet, il-benefiċċji u l-impatti tat-tnaqqis tal-limitu għall-identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji meta l-kontroll jiġi eżerċitat permezz tas-sjieda. Jenħtieġ li din il-valutazzjoni tqis b’mod partikolari t-tagħlimiet meħudin mill-Istati Membri jew mill-pajjiżi terzi li introduċew limiti aktar baxxi.

(97)Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta atti delegati li jidentifikaw pajjiżi terzi b’riskju għoli, pajjiżi terzi bi dgħufijiet fil-konformità u pajjiżi li jippreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u li jiddefinixxu miżuri ta’ diliġenza dovuta armonizzati, proporzjonati u mtejbin kif ukoll, fejn rilevanti, miżuri ta’ mitigazzjoni kif ukoll l-istandards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu r-rekwiżiti minimi ta’ politiki għall-grupp kollu, il-kontrolli u l-proċeduri u l-kundizzjonijiet li fihom l-istrutturi li jikkondividu s-sjieda, il-kontrolli jew il-kontrolli tal-konformità komuni huma meħtieġa japplikaw politiki, kontrolli u proċeduri għall-grupp kollu, l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-gruppi meta l-liġijiet ta’ pajjiżi terzi ma jippermettux l-applikazzjoni ta’ politiki, ta’ kontrolli u ta’ proċeduri għall-grupp kollu u miżuri superviżorji, is-setturi u t-tranżazzjonijiet soġġetti għal limiti aktar baxxi għat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti u l-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent. B’mod partikolari huwa importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 39 . B’mod partikolari, sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċivuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(98)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tidentifika arranġamenti legali simili għat-trusts express regolati bil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri kif ukoll sabiex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format li għandu jintuża għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 40 .

(99)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8 tal-Karta) u l-libertà ta’ intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta).

(100)F’konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta’ kwalunkwe raġuni, jenħtieġ li l-entitajiet marbutin b’obbligu jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju fil-kuntest tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti mingħajr diskriminazzjoni.

(101)Meta tfassal rapport ta’ valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni dovuta fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta.

(102)Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u, minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(103)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 [u ta l-opinjoni tiegħu fi ... 41 ],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Taqsima 1

Suġġett u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabilixxi regoli li jikkonċernaw:

(a)il-miżuri li għandhom jiġu applikati mill-entitajiet marbutin b’obbligu sabiex jipprevjenu l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)rekwiżiti ta’ trasparenza dwar is-sjieda benefiċjarja għall-entitajiet u għall-arranġamenti legali;

(c)miżuri sabiex jiġi llimitat l-użu ħażin ta’ strumenti tal-portaturi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“ħasil tal-flus” tfisser l-imġiba kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/1673 inklużi l-għajnuna u l-assistenza, l-inċitament u t-tentattiv li titwettaq dik l-imġiba, jekk l-attivitajiet li ġġeneraw il-proprjetà li tkun se tiġi soġġetta għal ħasil ikunux twettqu fit-territorju ta’ Stat Membru jew f’dak ta’ pajjiż terz. L-għarfien, l-intenzjoni jew l-iskop meħtieġa bħala element ta’ dik l-imġiba jistgħu jiġu dedotti minn ċirkostanzi fattwali oġġettivi;

(2)“finanzjament tat-terroriżmu” tfisser l-imġiba stabbilita fl-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2017/541 inklużi l-għajnuna u l-assistenza, l-inċitament u t-tentattiv li titwettaq dik l-imġiba, kemm jekk titwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll jekk titwettaq f’dak ta’ pajjiż terz. L-għarfien, l-intenzjoni jew l-iskop meħtieġa bħala element ta’ dik l-imġiba jistgħu jiġu dedotti minn ċirkostanzi fattwali oġġettivi;

(3)“attività kriminali” tfisser attività kriminali kif definita fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1673, kif ukoll frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif definita fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371, korruzzjoni passiva u attiva kif definita fl-Artikolu 4(2) u miżapproprjazzjoni kif definita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dik id-Direttiva;

(4)“proprjetà” tfisser proprjetà kif definita fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1673;

(5)“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 , inklużi l-fergħat tagħha, kif definit fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament, li jkunu jinsabu fl-Unjoni, kemm jekk l-uffiċċju reġistrat tagħha jkun jinsab fl-Unjoni kif ukoll jekk ikun f’pajjiż terz;

(6)“istituzzjoni finanzjarja” tfisser:

(a)impriża minbarra istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment, li twettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet elenkati fil-punti (2) sa (12), (14) u (15) tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 , inklużi l-attivitajiet tal-uffiċċji tal-kambju (bureaux de change), jew li l-attività prinċipali tagħha hija li takkwista parteċipazzjonijiet, inkluża kumpanija azzjonarja finanzjarja u kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta;

(b)impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 , sa fejn twettaq attivitajiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja jew attivitajiet oħrajn ta’ assigurazzjoni relatati mal-investiment koperti minn dik id-Direttiva, inklużi kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni u kumpaniji azzjonarji tal-assigurazzjoni b’attività mħallta kif definiti, rispettivament, fil-punti (f) u (g) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE;

(c)intermedjarju tal-assigurazzjoni kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 fejn jaġixxi fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-ħajja u ta’ servizzi oħrajn relatati mal-investiment;

(d)ditta tal-investiment definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 46 ;

(e)impriża ta’ investiment kollettiv, b’mod partikolari:

(i) impriża għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli kif definita fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE u l-kumpanija maniġerjali tagħha kif definita fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ dik id-Direttiva jew kumpanija ta’ investiment awtorizzata f’konformità ma’ dik id-Direttiva u li ma tkunx iddeżinjat kumpanija maniġerjali, li tagħmel disponibbli għax-xiri unitajiet tal-UCITS fl-Unjoni;

(ii) fond ta’ investiment alternattiv kif definit fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE u l-maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv tiegħu kif definiti fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ dik id-Direttiva li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ dik id-Direttiva;

(f)fergħat ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kif definiti fil-punti (a) sa (e), meta jkunu jinsabu fl-Unjoni, kemm jekk l-uffiċċju reġistrat tagħhom ikun jinsab fi Stat Membru kif ukoll jekk ikun jinsab f’pajjiż terz;

(7)“fornitur ta’ servizz ta’ trusts jew kumpaniji” tfisser kwalunkwe persuna li, permezz tan-negozju tagħha, tipprovdi xi wieħed mis-servizzi li ġejjin lil partijiet terzi:

(a)il-formazzjoni ta’ kumpaniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħrajn;

(b)taġixxi bħala jew tirranġa sabiex persuna oħra taġixxi bħala direttur jew segretarju ta’ kumpanija, jew bħala sieħeb fi sħubija, jew f’xi pożizzjoni simili marbuta ma’ persuni ġuridiċi oħrajn;

(c)il-provvista ta’ uffiċċju reġistrat, jew ta’ indirizz kummerċjali, jew ta’ indirizz ta’ korrispondenza jew amministrattiv u servizzi relatati oħrajn, lil xi kumpanija, sħubija jew kwalunkwe persuna ġuridika jew arranġament legali ieħor;

(d)taġixxi bħala jew tirranġa sabiex persuna oħra taġixxi bħala trustee ta’ trust express jew li twettaq funzjoni ekwivalenti għal arranġament legali simili ieħor;

(e)taġixxi bħala, jew tirranġa sabiex persuna oħra taġixxi bħala azzjonista mandatarju għal persuna oħra;

(8)“servizzi tal-logħob tal-azzard” tfisser servizz li jinvolvi logħob ta’ flus f’logħob tal-azzard, inklużi dawk b’element ta’ ħila bħal lotteriji, logħob tal-każinò, logħob tal-poker u tranżazzjonijiet tal-imħatri li huma pprovduti f’post fiżiku jew bi kwalunkwe mezz mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi jew bi kwalunkwe teknoloġija oħra li tiffaċilita l-komunikazzjoni, u fuq it-talba individwali ta’ min jirċievi s-servizzi;

(9)“kreditur ipotekarju” tfisser kreditur kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 ;

(10)“intermedjarju tal-kreditu ipotekarju” tfisser intermedjarju tal-kreditu kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/17/UE;

(11)“kreditur konsumatur” tfisser kreditur kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 ;

(12)“intermedjarju tal-kreditu tal-konsumatur” tfisser intermedjarju tal-kreditu kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE;

(13)“kriptoassi” tfisser kriptoassi kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 - COM/2020/593 final] ħlief meta jaqgħu taħt il-kategoriji elenkati fl-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament jew li b’xi mod ieħor ma jikkwalifikawx bħala fondi;

(14)“fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi” tfisser fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 - COM/2020/593 final] fejn iwettaq servizz wieħed jew aktar tal-kriptoassi kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament;

(15)“flus elettroniċi” tfisser flus elettroniċi kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE 49 , bl-esklużjoni ta’ valur monetarju kif imsemmi fl-Artikolu 1(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva;

(16)“relazzjoni tan-negozju” tfisser relazzjoni tan-negozju, professjonali jew kummerċjali li hija marbuta mal-attivitajiet professjonali ta’ entità marbuta b’obbligu u li hija mistennija, fiż-żmien meta jiġi stabbilit il-kuntatt, li jkollha element ta’ durata, inkluża relazzjoni li fiha entità marbuta b’obbligu tintalab tifforma kumpanija jew tistabbilixxi trust għall-klijent tagħha, kemm jekk il-formazzjoni tal-kumpanija jew l-istabbiliment tat-trust tkun l-unika tranżazzjoni mwettqa għal dak il-klijent kif ukoll jekk le;

(17)“tranżazzjonijiet assoċjati” tfisser żewġ tranżazzjonijiet jew aktar b’oriġini u b’destinazzjoni identiċi jew simili, fuq perjodu ta’ żmien speċifiku;

(18)“pajjiż terz” tfisser kwalunkwe ġurisdizzjoni, stat indipendenti jew territorju awtonomu li ma jkunx parti mill-Unjoni Ewropea iżda li jkollu l-leġiżlazzjoni dwar l-AML/CFT jew ir-reġim ta’ infurzar tiegħu stess;

(19)“relazzjoni ta’ korrispondenza” tfisser:

(a)il-forniment ta’ servizzi bankarji minn istituzzjoni ta’ kreditu waħda bħala l-korrispondent lil istituzzjoni ta’ kreditu oħra bħala r-rispondenti, inkluża l-provvista ta’ kont kurrenti jew kont ta’ responsabbiltà ieħor u ta’ servizzi relatati, bħal ġestjoni tal-likwidità, trasferimenti ta’ fondi internazzjonali, ikklerjar ta’ ċekkijiet, pagamenti permezz ta’ trasferimenti minn kontijiet u servizzi tal-kambju;

(b)ir-relazzjonijiet bejn u fost l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji inkluż fejn jiġu forniti servizzi simili minn istituzzjoni korrispondenti lil istituzzjoni rispondenti, u inklużi relazzjonijiet stabbiliti għal tranżazzjonijiet ta’ titoli jew għal trasferimenti ta’ fondi;

(20)“bank fantażma” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, jew istituzzjoni li twettaq attivitajiet ekwivalenti għal dawk imwettqin minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jew minn istituzzjonijiet finanzjarji, inkorporata f’ġurisdizzjoni li fiha ma jkollha l-ebda preżenza fiżika, li tinvolvi ħsieb u ġestjoni sinifikattivi, u li ma tkunx affiljata ma’ grupp finanzjarju regolat;

(21)“Identifikatur ta’ Entità Ġuridika” tfisser kodiċi ta’ referenza alfanumeriku uniku bbażat fuq l-istandard ISO 17442 assenjat lil entità ġuridika;

(22)“sid benefiċjarju” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li fl-aħħar mill-aħħar ikollha s-sjieda jew tikkontrolla entità ġuridika jew trust express jew arranġament legali simili, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika li f’isimha jew għall-benefiċċju tagħha tkun qed titwettaq tranżazzjoni jew attività;

(23)“arranġament legali” tfisser trust express jew arranġament li jkollu struttura jew funzjoni simili għal trust express, inklużi l-fiducie u ċerti tipi ta’ Treuhand u ta’ fideicomiso;

(24)“arranġament formali ta’ persuna nominata” tfisser kuntratt jew arranġament formali b’valur legali ekwivalenti għal kuntratt, bejn il-persuna nominata u n-nominatur, fejn in-nominatur ikun entità ġuridika jew persuna fiżika li toħroġ struzzjonijiet lil persuna nominata sabiex taġixxi f’isimha f’ċerta kapaċità, inkluż bħala direttur jew azzjonist, u l-persuna nominata tkun entità ġuridika jew persuna fiżika li tingħata struzzjonijiet min-nominatur sabiex taġixxi f’ismu;

(25)“persuna politikament esposta” tfisser persuna fiżika li hija fdata jew li ġiet fdata bil-karigi pubbliċi prominenti li ġejjin:

(a)fi Stat Membru:

(i) kapijiet ta’ Stat, kapijiet ta’ gvern, Ministri u viċi-Ministri jew segretarji parlamentari;

(ii) membri parlamentari jew ta’ korpi leġiżlattivi simili;

(iii) membri ta’ korpi governattivi ta’ partiti politiċi;

(iv) membri tal-qrati supremi, tal-qrati kostituzzjonali jew ta’ korpi ġudizzjarji oħrajn ta’ livell għoli li d-deċiżjonijiet tagħhom ġeneralment majkunux soġġetti għal appell ulterjuri, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali;

(v) membri tal-qrati tal-awdituri u tal-bordijiet tal-banek ċentrali;

(vi) ambaxxaturi, chargés d’affaires u uffiċjali ta’ grad għoli fil-forzi armati;

(vii) membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji tal-impriżi li huma proprjetà tal-Istat;

(b)f’organizzazzjoni internazzjonali:

(i) l-uffiċjal tal-ogħla grad, id-deputati tiegħu u l-membri tal-bord jew il-kariga ekwivalenti ta’ organizzazzjoni internazzjonali;

(ii) rappreżentanti għal Stat Membru jew għall-Unjoni;

(c)fil-livell tal-Unjoni:

(i) karigi fil-livell tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni li huma ekwivalenti għal dawk elenkati fil-punti (a)(i), (ii), (iv), (v) u (vi);

(d)f’pajjiż terz:

(i) karigi li huma ekwivalenti għal dawk elenkati fil-punt (a);

(26)“membru tal-familja” tfisser:

(a)il-konjuġi, jew il-persuna f’konvivenza reġistrata jew f’unjoni ċivili jew f’arranġament simili;

(b)it-tfal u l-konjuġi ta’, jew persuni f’konvivenza reġistrata jew f’unjoni ċivili jew f’arranġament simili ma’, dawk it-tfal;

(c)il-ġenituri;

(27)“persuni magħrufin bħala assoċjati mill-qrib” tfisser:

(a)persuni fiżiċi li huma magħrufin li għandhom sjieda benefiċjarja konġunta ta’ entitajiet ġuridiċi jew ta’ arranġamenti legali, jew kwalunkwe relazzjoni ta’ negozju mill-qrib oħra, ma’ persuna politikament esposta;

(b)persuni fiżiċi li għandhom sjieda benefiċjarja unika ta’ entità legali jew ta’ arranġament legali li hija magħrufa li twaqqfet għall-benefiċċju de facto ta’ persuna politikament esposta;

(28)“maniġment superjuri” tfisser, minbarra l-membri eżekuttivi tal-bord tad-diretturi jew, jekk ma jkun hemm l-ebda bord, tal-korp ta’ tmexxija ekwivalenti tiegħu, uffiċjal jew impjegat b’għarfien suffiċjenti dwar l-iskopertura għar-riskju ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu tal-istituzzjoni u b’anzjanità suffiċjenti sabiex jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-iskopertura għar-riskju tagħha;

(29)“grupp” tfisser grupp ta’ intrapriżi li jikkonsisti f’intrapriża ewlenija, fis-sussidjarji tagħha, u fl-entitajiet li fihom il-kumpanija omm jew is-sussidjarji tagħha jkollhom parteċipazzjoni, kif ukoll intrapriżi marbutin flimkien b’relazzjoni fis-sens tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 50 ;

(30)“flus kontanti” tfisser munita, strumenti negozjabbli għall-portatur, komoditajiet użati bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur u kards imħallsin minn qabel, kif definiti fil-punti (c) sa (f) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 51 ;

(31)“awtorità kompetenti” tfisser:

(a)Unità tal-Intelligence Finanzjarja;

(b)awtorità superviżorja kif definita fil-punt (33);

(c)awtorità pubblika li għandha l-funzjoni li tinvestiga jew tmexxi prosekuzzjoni kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu, jew li għandha l-funzjoni li tittraċċa, taqbad jew tiffriża u tikkonfiska assi kriminali;

(d)awtorità pubblika b’responsabbiltajiet speċifikati għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu;

(32)“superviżur” tfisser il-korp fdat b’responsabbiltajiet immirati sabiex jiżguraw il-konformità mill-entitajiet marbutin b’obbligu mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, inkluża l-Awtorità għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AMLA) meta twettaq il-kompiti fdati lilha fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għall-istabbiliment ta’ Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final];

(33)“awtorità superviżorja” tfisser superviżur li huwa korp pubbliku, jew l-awtorità pubblika li tissorvelja l-korpi awtoregolatorji fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final];

(34)“korp awtoregolatorju” tfisser korp li jirrappreżenta membri ta’ professjoni u li għandu rwol fir-regolamentazzjoni tagħhom, fit-twettiq ta’ ċerti funzjonijiet superviżorji jew ta’ monitoraġġ u fl-iżgurar tal-infurzar tar-regoli li jirrigwardawhom;

(35)“sanzjonijiet finanzjarji mmirati” tfisser kemm l-iffriżar tal-assi kif ukoll il-projbizzjonijiet sabiex il-fondi jew assi oħrajn isiru disponibbli, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta’ persuni u ta’ entitajiet deżinjati skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tar-Regolamenti tal-Kunsill adottati abbażi tal-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(36)“sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni” tfisser dawk is-sanzjonijiet finanzjarji mmirati msemmijin fil-punt (35) li huma imposti skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 267/2012.

Taqsima 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

Artikolu 3

Entitajiet marbutin b’obbligu

L-entitajiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala entitajiet marbutin b’obbligu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)istituzzjonijiet ta’ kreditu;

(2)istituzzjonijiet finanzjarji;

(3)il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ġejjin meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom:

(a) awdituri, kontabilisti esterni u konsulenti tat-taxxa, u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li timpenja ruħha li tipprovdi, direttament jew permezz ta’ persuni oħrajn li magħhom tkun relatata dik il-persuna l-oħra, għajnuna materjali, assistenza jew pariri dwar kwistjonijiet ta’ taxxa bħala l-attività ta’ negozju jew professjonali prinċipali;

(b) nutara u professjonisti legali indipendenti oħrajn, fejn dawn jieħdu sehem, kemm jekk jaġixxu f’isem jew għan-nom tal-klijent tagħhom fi kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja jew tal-proprjetà immobbli, kif ukoll jekk jgħinu fl-ippjanar jew fit-twettiq ta’ tranżazzjonijiet għall-klijent tagħhom li jirrigwardaw kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(i) ix-xiri u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jew ta’ entitajiet kummerċjali;

(ii) il-ġestjoni tal-likwidità, tat-titoli jew ta’ assi oħrajn tal-klijent;

(iii) il-ftuħ jew il-ġestjoni ta’ kontijiet bankarji, ta’ tfaddil jew ta’ titoli;

(iv) l-organizzazzjoni tal-kontributi neċessarji għall-ħolqien, jew għall-operat jew għall-ġestjoni ta’ kumpaniji;

(v) il-ħolqien, l-operat jew il-ġestjoni ta’ trusts, ta’ kumpaniji, ta’ fondazzjonijiet jew ta’ strutturi simili;

(c) fornituri ta’ servizzi ta’ trusts jew ta’ kumpaniji;

(d) aġenti tal-proprjetà, inkluż meta jaġixxu bħala intermedjarji fil-kiri ta’ proprjetà immobbli għal tranżazzjonijiet li għalihom il-kera ta’ kull xahar tammonta għal EUR 10 000 jew aktar, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali;

(e) persuni li jinnegozjaw f’metalli u f’ħaġar prezzjużi;

(f) fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard;

(g) fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi;

(h) fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv minbarra dawk regolati bir-Regolament (UE) 2020/1503;

(i) persuni li jinnegozjaw jew li jaġixxu bħala intermedjarji fil-kummerċ ta’ opri tal-arti, inkluż meta dan isir minn galleriji tal-arti u minn swali tal-irkant, meta l-valur tat-tranżazzjoni jew ta’ tranżazzjonijiet assoċjati jammonta għal tal-anqas EUR 10 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali;

(j) persuni li jaħżnu, jinnegozjaw jew li jaġixxu bħala intermedjarji fil-kummerċ ta’ opri tal-arti meta dan jitwettaq f’żoni ħielsa u fi mħażen doganali, fejn il-valur tat-tranżazzjoni jew tat-tranżazzjonijiet assoċjati jammonta għal tal-anqas EUR 10 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali;

(k) kredituri għall-krediti ipotekarji u għall-konsumatur, minbarra istituzzjonijiet ta’ kreditu definiti fl-Artikolu 2(5) u istituzzjonijiet finanzjarji definiti fl-Artikolu 2(6), u intermedjarji tal-kreditu għall-krediti ipotekarji u tal-konsumatur;

(l) l-operaturi tal-migrazzjoni permezz ta’ investiment li huma awtorizzati jirrappreżentaw jew joffru servizi ta’ intermedjazzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu li jiksbu drittijiet ta’ residenza fi Stat Membru bi skambju ma’ kwalunkwe tip ta’ investiment, inklużi trasferimenti kapitali, xiri jew kiri ta’ proprjetà, investiment f’bonds tal-gvern, investiment f’entitajiet korporattivi, donazzjoni jew dotazzjoni ta’ attività għall-ġid pubbliku u kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-istat.

Artikolu 4

Eżenzjonijiet għal ċerti fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard

1.Bl-eċċezzjoni tal-każinò, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw għalkollox jew parzjalment lill-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament fuq il-bażi tar-riskju żgħir ipprovat li jirriżulta min-natura u, fejn xieraq, mill-iskala tal-operazzjonijiet ta’ servizzi bħal dawn.

2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjoni tar-riskju tas-servizzi tal-logħob tal-azzard li tivvaluta:

(a)il-vulnerabbiltajiet għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu u l-fatturi mitiganti tas-servizzi tal-logħob tal-azzard;

(b)ir-riskji assoċjati mad-daqs tat-tranżazzjonijiet u mal-metodi ta’ pagament użati;

(c)iż-żona ġeografika li fiha jiġi amministrat is-servizz tal-logħob tal-azzard.

Meta jwettqu tali valutazzjonijiet tar-riskju, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju mfassla mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final].

3.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu attivitajiet ta’ monitoraġġ ibbażati fuq ir-riskju jew jieħdu miżuri adegwati oħrajn sabiex jiżguraw li ma jsirx abbuż mill-eżenzjonijiet mogħtijin skont dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet finanzjarji

1.Bl-eċċezzjoni ta’ persuni involuti fl-attività ta’ rimessa ta’ flus kif definit fil-punt (22) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeżentaw lil persuni li jinvolvu ruħhom f’attività finanzjarja kif elenkata fil-punti (2) sa (12), (14) u (15) tal-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna fejn ftit li xejn ikun hemm riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, dment li jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)l-attività finanzjarja tkun limitata f’termini assoluti;

(b)l-attività finanzjarja tkun limitata fuq bażi ta’ tranżazzjoni;

(c)l-attività finanzjarja ma tkunx l-attività prinċipali ta’ tali persuni;

(d)l-attività finanzjarja tkun anċillari u marbuta direttament mal-attività prinċipali ta’ tali persuni;

(e)l-attività prinċipali ta’ tali persuni ma tkunx attività msemmija fil-punt (3)(a) sa (d) jew (f) tal-Artikolu 3;

(f)l-attività finanzjarja tkun ipprovduta biss lill-klijenti tal-attività prinċipali ta’ tali persuni u ma tkunx offruta lill-pubbliku b’mod ġenerali.

2.Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fatturat totali tal-attività finanzjarja ma taqbiżx livell limitu li għandu jkun baxx biżżejjed. Dak il-livell limitu għandu jiġi stabbilit fuq il-livell nazzjonali, skont it-tip tal-attività finanzjarja.

3.Għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom japplikaw livell limitu massimu għal kull klijent u għal kull tranżazzjoni, kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq f’bosta operazzjonijiet li jidhru li jkunu assoċjati. Dak il-limitu massimu għandu jiġi stabbilit fil-livell nazzjonali skont it-tip tal-attività finanzjarja. Għandu jkun baxx biżżejjed sabiex jiġi żgurat li t-tipi ta’ tranżazzjonijiet inkwistjoni jkunu metodu mhux prattiku u ineffiċjenti għall-ħasil tal-flus jew għall-finanzjament tat-terroriżmu, u ma għandux jaqbeż l-EUR 1 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

4.Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fatturat mill-attività finanzjarja ma jaqbiżx il-5 % tal-fatturat annwali totali tal-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata.

5.Fil-valutazzjoni tar-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil kwalunkwe attività finanzjarja li minħabba n-natura tagħha titqies li għandha probabbiltà għolja li tintuża jew li tiġi abbużata għal finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

6.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu attivitajiet ta’ monitoraġġ ibbażati fuq ir-riskju jew jieħdu miżuri adegwati oħrajn sabiex jiżguraw li ma jsirx abbuż mill-eżenzjonijiet mogħtijin skont dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Notifika minn qabel tal-eżenzjonijiet

1.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe eżenzjoni li jkollhom l-intenzjoni li jagħtu f’konformità mal-Artikoli 4 u 5 mingħajr dewmien. In-notifika għandha tinkludi ġustifikazzjoni bbażata fuq il-valutazzjoni tar-riskju rilevanti għall-eżenzjoni.

2.Il-Kummissjoni għandha, fi żmien xahrejn min-notifika msemmija fil-paragrafu 2, tieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)tikkonferma li l-eżenzjoni tista’ tingħata;

(b)b’deċiżjoni motivata, tiddikjara li l-eżenzjoni ma tistax tingħata.

3.Malli jirċievu deċiżjoni mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2(a), l-Istati Membri jistgħu jadottaw id-deċiżjoni li tagħti l-eżenzjoni. It-tali deċiżjoni għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dawn id-deċiżjonijiet regolarment, u fi kwalunkwe każ meta jaġġornaw il-valutazzjoni tar-riskju nazzjonali tagħhom skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final].

4.Sa [3 xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 2(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/849 fis-seħħ fiż-żmien tad-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.Il-Kummissjoni għandha tippubblika kull sena f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-lista ta’ eżenzjonijiet mogħtijin skont dan l-Artikolu.

KAPITOLU II

POLITIKI, KONTROLLI U PROĊEDURI INTERNI TAL-ENTITAJIET MARBUTIN B’OBBLIGU

TAQSIMA 1

Proċeduri interni, valutazzjoni tar-riskju u persunal

Artikolu 7

Kamp ta’ applikazzjoni tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri interni

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandu jkollhom fis-seħħ politiki, kontrolli u proċeduri sabiex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari sabiex:

(a)jimmitigaw u jimmaniġjaw b’mod effettiv ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu identifikati fil-livell tal-Unjoni, tal-Istat Membru u tal-entità marbuta b’obbligu;

(b)minbarra l-obbligu li jiġu applikati sanzjonijiet finanzjarji mmirati, jiġu mmitigati u maniġġati r-riskji ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni u ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni.

Dawk il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u għad-daqs tal-entità marbuta b’obbligu.

2.Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)l-iżvilupp ta’ politiki, ta’ kontrolli u ta’ proċeduri interni, inklużi prattiki ta’ ġestjoni tar-riskju, diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent, rapportar, dipendenza u żamma ta’ rekords, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-konformità ma’ tali politiki, kontrolli u proċeduri, kif ukoll politiki fir-rigward tal-proċessar tad-data personali skont l-Artikolu 55;

(b)politiki, kontrolli u proċeduri għall-identifikazzjoni, għall-iskrutinju u għall-ġestjoni tar-relazzjonijiet tan-negozju jew tat-tranżazzjonijiet okkażjonali li jippreżentaw riskju ogħla jew aktar baxx ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu;

(c)uffiċċju tal-awditjar indipendenti sabiex jittestja l-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni msemmijin fil-punt (a);

(d)il-verifika, meta jiġi rreklutat u assenjat persunal għal ċerti kompiti u funzjonijiet u meta jinħatru l-aġenti u d-distributuri tagħha, li dawk il-persuni jkunu ta’ reputazzjoni tajba, proporzjonati għar-riskji assoċjati mal-kompiti u mal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu;

(e)il-komunikazzjoni interna tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri interni tal-entità marbuta b’obbligu, inkluż lill-aġenti u lid-distributuri tagħha;

(f)politika dwar it-taħriġ tal-impjegati u, fejn rilevanti, l-aġenti u d-distributuri tagħha fir-rigward tal-miżuri fis-seħħ fl-entità marbuta b’obbligu sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri interni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (f), għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. Il-maniġment superjuri għandu japprova dawk il-kontrolli u l-proċeduri tal-politiki.

3.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iżommu l-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri aġġornati, u jsaħħuhom fejn jiġu identifikati dgħufijiet.

4.Sa [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar l-elementi li l-entitajiet marbutin b’obbligu jenħtieġ li jqisu meta jiddeċiedu dwar il-firxa tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri interni tagħhom.

Artikolu 8

Valutazzjoni tar-riskju

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu miżuri xierqa, proporzjonati għan-natura u għad-daqs tagħhom, sabiex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li għalihom ikunu skoperti, kif ukoll ir-riskji ta’ nuqqas ta’ implimentazzjoni u ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji mmirati relatati mal-finanzjament tal-proliferazzjoni, filwaqt li jqisu:

(a)il-varjabbli tar-riskju stabbiliti fl-Anness I u l-fatturi tar-riskju stabbiliti fl-Annessi II u III;

(b)is-sejbiet tal-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali mfassla mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final];

(c)is-sejbiet tal-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali mwettqin mill-Istati Membri skont l-Artikolu 8 ta’ [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final].

2.Il-valutazzjoni tar-riskju mfassla mill-entità marbuta b’obbligu skont il-paragrafu 1 għandha tiġi ddokumentata, miżmuma aġġornata u magħmula disponibbli għas-superviżuri.

3.Is-superviżuri jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjonijiet tar-riskju individwali ddokumentati ma jkunux meħtieġa, fejn ir-riskji speċifiċi inerenti fis-settur ikunu ċari u mifhumin.

Artikolu 9

Funzjonijiet tal-konformità

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jaħtru membru eżekuttiv wieħed tal-bord tad-diretturi tagħhom jew, jekk ma jkun hemm l-ebda bord, tal-korp ta’ tmexxija ekwivalenti tiegħu li għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ miżuri sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament (“maniġer tal-konformità”). Meta l-entità ma jkollha l-ebda korp ta’ tmexxija, jenħtieġ li l-funzjoni titwettaq minn membru tal-maniġment superjuri tagħha.

2.Il-maniġer tal-konformità għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri tal-entità marbuta b’obbligu u għar-riċevuta ta’ informazzjoni dwar dgħufijiet sinifikanti jew materjali f’tali politiki, kontrolli u proċeduri. Il-maniġer tal-konformità għandu jirrapporta regolarment dwar dawk il-kwistjonijiet lill-bord tad-diretturi jew lil korp ta’ tmexxija ekwivalenti. Għall-kumpaniji omm, dik il-persuna għandha tkun responsabbli wkoll għas-sorveljanza tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri fil-grupp kollu.

3.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandu jkollhom uffiċjal tal-konformità, li għandu jinħatar mill-bord tad-diretturi jew mill-korp ta’ tmexxija, li għandu jkun inkarigat mill-operat ta’ kuljum tal-politiki dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT) tal-entità marbuta b’obbligu. Dik il-persuna għandha tkun responsabbli wkoll għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) f’konformità mal-Artikolu 50(6).

Fil-każ ta’ entitajiet marbutin b’obbligu soġġetti għal kontrolli fuq il-maniġment superjuri jew fuq is-sidien benefiċjarji tagħhom skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final] jew skont atti oħrajn tal-Unjoni, l-uffiċjali tal-konformità għandhom ikunu soġġetti għal verifika li jkunu konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti.

Entità marbuta b’obbligu li tkun parti minn grupp tista’ taħtar bħala l-uffiċjal tal-konformità tagħha individwu li jwettaq dik il-funzjoni f’entità oħra fi ħdan dak il-grupp.

4.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jipprovdu lill-funzjonijiet tal-konformità b’riżorsi adegwati, inklużi l-persunal u t-teknoloġija, b’mod proporzjonat għad-daqs, għan-natura u għar-riskji tal-entità marbuta b’obbligu għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tal-konformità, u għandhom jiżguraw li s-setgħat li jipproponu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri interni tal-entità marbuta b’obbligu jingħataw lill-persuni responsabbli għal dawk il-funzjonijiet.

5.Il-maniġer tal-konformità għandu jissottometti lill-korp ta’ tmexxija darba fis-sena, jew aktar ta’ spiss fejn xieraq, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri interni tal-entità marbuta b’obbligu, u għandu jżomm lill-korp maniġerjali informat bl-eżitu ta’ kwalunkwe rieżami. Il-korp ta’ tmexxija għandu jieħu l-azzjonijiet neċessarji sabiex jirrimedja kwalunkwe nuqqas identifikat fil-ħin.

6.Meta d-daqs tal-entità marbuta b’obbligu jiġġustifika dan, il-funzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 3 jistgħu jitwettqu mill-istess persuna fiżika.

Meta l-entità marbuta b’obbligu tkun persuna fiżika jew persuna ġuridika li l-attivitajiet tagħha jitwettqu minn persuna fiżika waħda biss, dik il-persuna għandha tkun responsabbli għat-twettiq tal-kompiti skont dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Għarfien tar-rekwiżiti

L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li l-impjegati tagħhom li l-funzjoni tagħhom tkun tirrikjedi hekk, kif ukoll l-aġenti u d-distributuri tagħhom ikunu konxji tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-Regolament u tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri interni fis-seħħ fl-entità marbuta b’obbligu, inkluż fir-rigward tal-proċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

Il-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu l-parteċipazzjoni tal-impjegati fi programmi ta’ taħriġ speċifiku kontinwu li jgħinuhom jagħrfu l-operazzjonijiet li jistgħu jkunu relatati mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu u li jagħtuhom struzzjonijiet dwar kif għandhom jipproċedu f’każijiet bħal dawn. Tali programmi ta’ taħriġ għandhom jiġu ddokumentati kif xieraq.

Artikolu 11

Integrità tal-impjegati

1.Kwalunkwe impjegat ta’ entità marbuta b’obbligu fdat b’kompiti relatati mal-konformità tal-entità marbuta b’obbligu ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 - COM/2021/422 final] għandu jgħaddi minn valutazzjoni approvata mill-uffiċjal tal-konformità ta’ dawn:

(a)il-ħiliet, l-għarfien u l-għarfien esperti individwali sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu b’mod effettiv;

(b)reputazzjoni tajba, onestà u integrità.

2.L-impjegati fdati b’kompiti relatati mal-konformità tal-entità marbuta b’obbligu ma’ dan ir-Regolament għandhom jinformaw lill-uffiċjal tal-konformità dwar kwalunkwe relazzjoni privata jew professjonali mill-qrib stabbilita mal-klijenti tal-entità marbuta b’obbligu jew mal-klijenti prospettivi u għandhom jinżammu milli jwettqu kwalunkwe kompitu relatat mal-konformità tal-entità marbuta b’obbligu fir-rigward ta’ dawk il-klijenti.

3.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri adatti sabiex l-impjegati tagħhom jew persuni f’pożizzjoni komparabbli jirrapportaw ksur internament b’kanal speċifiku, indipendenti u anonimu, proporzjonat għan-natura u għad-daqs tal-entità marbuta b’obbligu kkonċernata.

L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li l-impjegati, il-maniġers jew l-aġenti li jirrapportaw ksur skont l-ewwel subparagrafu jkunu protetti kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni u kwalunkwe trattament inġust ieħor.

4.Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-entitajiet marbutin b’obbligu li huma negozjanti uniċi.

Artikolu 12

Sitwazzjoni tal-impjegati speċifiċi

Meta persuna fiżika li taqa’ f’waħda mill-kategoriji elenkati fil-punt (3) tal-Artikolu 3 teżegwixxi l-attivitajiet professjonali bħala impjegat ta’ persuna ġuridika, ir-rekwiżiti stabbiliti f’din it-Taqsima għandhom japplikaw għal dik il-persuna ġuridika minflok għall-persuna fiżika.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet li japplikaw għall-gruppi

Artikolu 13

Rekwiżiti għall-grupp kollu

1.Impriża omm għandha tiżgura li r-rekwiżiti dwar il-proċeduri interni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-persunal imsemmijin fit-Taqsima 1 ta’ dan il-Kapitolu japplikaw fil-fergħat u fis-sussidjarji kollha tal-grupp fl-Istati Membri u, għal gruppi li l-impriża omm tagħhom tkun stabbilita fl-Unjoni f’pajjiżi terzi. Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri għall-grupp kollu għandhom jinkludu wkoll politiki u politiki dwar il-protezzjoni tad-data, kontrolli u proċeduri għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fi ħdan il-grupp għall-finijiet ta’ AML/CFT.

2.Il-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri li għandhom x’jaqsmu mal-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu fi ħdan il-grupp jiskambjaw informazzjoni meta tali kondiviżjoni tkun rilevanti għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu. Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fi ħdan il-grupp għandha tkopri b’mod partikolari l-identità u l-karatteristiċi tal-klijent, tas-sidien benefiċjarji tiegħu jew tal-persuna li f’isimha jaġixxi l-klijent, in-natura u l-iskop tar-relazzjoni tan-negozju u s-suspetti li l-fondi jkunu r-rikavati minn attività kriminali jew ikunu relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu rrapportat lill-UIF skont l-Artikolu 50, sakemm ma jingħatawx struzzjonijiet mod ieħor mill-UIF.

Il-gruppi għandhom jistabbilixxu politiki, kontrolli u proċeduri għall-grupp kollu sabiex jiżguraw li l-informazzjoni skambjata skont l-ewwel subparagrafu tkun soġġetta għal garanziji suffiċjenti f’termini ta’ kunfidenzjalità, ta’ protezzjoni tad-data u ta’ użu tal-informazzjoni, inkluż sabiex tiġi evitata d-divulgazzjoni tagħha.

3.Sa [sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw ir-rekwiżiti minimi ta’ politiki għall-grupp kollu, inklużi l-istandards minimi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-grupp, ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-kumpaniji omm li huma stess ma jkunux entitajiet marbutin b’obbligu fir-rigward tal-iżgurar tal-konformità fil-grupp kollu mar-rekwiżiti tdwar lal-AML/CFT u tal-kundizzjonijiet li taħthom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għal entitajiet li huma parti minn strutturi li jikkondividu sjieda, ġestjoni jew kontroll tal-konformità komuni, inklużi networks jew sħubijiet.

4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għall-istabbiliment ta’ Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

Artikolu 14

Fergħat u sussidjarji f’pajjiżi terzi

1.Meta fergħat jew sussidjarji ta’ entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi fejn ir-rekwiżiti minimi dwar l-AML/CFT ikunu anqas stretti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-entità marbuta b’obbligu kkonċernata għandha tiżgura li dawk il-fergħat jew is-sussidjarji jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, inklużi rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-data, jew ekwivalenti.

2.Meta l-liġi ta’ pajjiż terz ma tippermettix konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu miżuri addizzjonali sabiex jiżguraw li l-fergħat u s-sussidjarji f’dak il-pajjiż terz jittrattaw b’mod effettiv ir-riskju ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, u l-uffiċċju reġistrat għandu jinforma lis-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom. Meta s-superviżuri tal-Istat Membru ta’ domiċilju jqisu li l-miżuri addizzjonali ma jkunux biżżejjed, huma għandhom jeżerċitaw azzjonijiet superviżorji addizzjonali, inkluż li jirrikjedu li l-grupp ma jistabbilixxi l-ebda relazzjoni tan-negozju, jittermina dawk eżistenti jew ma jwettaq l-ebda tranżazzjoni, jew li jagħlaq l-operazzjonijiet tiegħu fil-pajjiż terz.

3.Sa [sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw it-tip ta’ miżuri addizzjonali msemmijin fil-paragrafu 2, inkluża l-azzjoni minima li għandha tittieħed mill-entitajiet marbutin b’obbligu meta l-liġi ta’ pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa skont l-Artikolu 13 u l-azzjonijiet superviżorji addizzjonali meħtieġa f’każijiet bħal dawn.

4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għall-istabbiliment ta’ Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

KAPITOLU III

DILIĠENZA DOVUTA FIR-RIGWARD TAL-KLIJENTI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 15

Applikazzjoni tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)meta jistabbilixxu relazzjoni tan-negozju;

(b)meta jkunu involuti fi tranżazzjoni okkażjonali jew iwettqu tranżazzjoni okkażjonali li tammonta għal EUR 10 000 jew aktar, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, kemm jekk dik it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni waħda kif ukoll jekk permezz ta’ tranżazzjonijiet assoċjati, jew limitu aktar baxx stabbilit skont il-paragrafu 5;

(c)fejn ikun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, tkun xi tkun id-deroga, l-eżenzjoni jew il-limitu massimu;

(d)meta jkun hemm dubji dwar il-veraċità jew l-adegwatezza tad-data tal-identifikazzjoni tal-klijent miksuba minn qabel.

2.Minbarra ċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom japplikaw diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti meta jew jibdew jew jeżegwixxu tranżazzjoni okkażjonali li tikkostitwixxi trasferiment ta’ fondi kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 3 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 - COM/2021/422 final], jew trasferiment ta’ kriptoassi kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, li jaqbeż l-EUR 1 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

3.Il-fornituri ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard għandhom japplikaw id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fil-mument tal-ġbir tal-ammonti mirbuħin, fil-mument li jsiru l-imħatri, jew fit-tnejn li huma, meta jitwettqu tranżazzjonijiet li jammontaw għal tal-anqas EUR 2 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq fi tranżazzjonijiet assoċjati.

4.Fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, it-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti għandu jsir ukoll, taħt is-sorveljanza tas-superviżuri, fil-mument li l-istituzzjoni tkun ġiet iddeterminata li qed tfalli jew li x’aktarx tfalli skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 jew meta d-depożiti ma jkunux disponibbli f’konformità mal-Artikolu 2(1)(8) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 53 . Is-superviżuri għandhom jiddeċiedu dwar l-intensità u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti wara li jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

5.Sa [sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw:

(a)l-entitajiet, is-setturi jew it-tranżazzjonijiet obbligati li jkunu assoċjati ma’ riskju ogħla ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u li għandhom jikkonformaw ma’ limiti massimi aktar baxxi minn dawk stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 1;

(b)il-limiti massimi tat-tranżazzjonijiet okkażjonali relatati;

(c)il-kriterji sabiex jiġu identifikati tranżazzjonijiet assoċjati.

Meta jiżviluppaw l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu, l-AMLA għandha tqis kif xieraq dawn li ġejjin:

(a)il-livelli inerenti ta’ riskji tal-mudelli ta’ negozju tat-tipi differenti ta’ entitajiet marbutin b’obbligu;

(b)il-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali mfassla mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final].

6.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 38 sa 41 ta’ [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għall-istabbiliment ta’ Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

Artikolu 16

Miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent

1.Għall-fini tat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw il-miżuri kollha li ġejjin:

(a)jidentifikaw il-klijent u jivverifikaw l-identità tal-klijent;

(b)jidentifikaw lis-sid(ien) benefiċjarju/i skont l-Artikoli 42 u 43 u jivverifikaw l-identità tagħhom sabiex l-entità marbuta b’obbligu tkun sodisfatta li tkun taf min huwa s-sid benefiċjarju u li tifhem l-istruttura ta’ sjieda u ta’ kontroll tal-klijent;

(c)jivvalutaw u, kif xieraq, jiksbu informazzjoni fuq l-iskop u n-natura maħsuba tar-relazzjoni tan-negozju;

(d)iwettqu monitoraġġ kontinwu tar-relazzjoni tan-negozju inkluż skrutinju tat-tranżazzjonijiet matul il-kors tar-relazzjoni tan-negozju sabiex ikun żgurat li t-tranżazzjonijiet li jkunu qegħdin jitwettqu jkunu konsistenti mal-għarfien tal-entità marbuta b’obbligu tal-klijent, mal-profil tan-negozju u tar-riskju, inkluż fejn ikun neċessarju mas-sors tal-finanzi.

Meta japplikaw il-miżuri msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jivverifikaw ukoll li kull persuna li tidher li taġixxi f’isem il-klijent tkun awtorizzata b’dak il-mod u jidentifikaw u jivverifikaw l-identità ta’ dik il-persuna f’konformità mal-Artikolu 18.

2.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiddeterminaw il-firxa tal-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ analiżi individwali tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu filwaqt li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-klijent u tar-relazzjoni tan-negozju jew tat-tranżazzjoni okkażjonali, u filwaqt li titqies il-valutazzjoni tar-riskju mill-entità marbuta b’obbligu skont l-Artikolu 8 u l-varjabbli tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu stabbiliti fl-Anness I kif ukoll il-fatturi ta’ riskju stabbiliti fl-Annessi II u III.

Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jidentifikaw riskju akbar ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, huma għandhom jieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa skont it-Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu. Meta jiġu identifikati sitwazzjonijiet ta’ riskju aktar baxx, l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu japplikaw miżuri simplifikati ta’ diliġenza dovuta skont it-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu.

3.Sa [sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar il-varjabbli tar-riskju u l-fatturi tar-riskju li għandhom jitqiesu mill-entitajiet marbutin b’obbligu meta jidħlu f’relazzjonijiet tan-negozju jew iwettqu tranżazzjonijiet okkażjonali.

4.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom f’kull ħin ikunu jistgħu juru lis-superviżuri tagħhom li l-miżuri meħudin huma xierqa fid-dawl tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li ġew identifikati.

Artikolu 17

Nuqqas ta’ kapaċità ta’ konformità mar-rekwiżit li jiġu applikati miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent

1.Meta entità marbuta b’obbligu ma tkunx tista’ tikkonforma mal-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 16(1), hija għandha toqgħod lura milli twettaq tranżazzjoni jew milli tistabbilixxi relazzjoni tan-negozju, u għandha ttemm ir-relazzjoni tan-negozju u tikkunsidra li tippreżenta rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi lill-UIF fir-rigward tal-klijent f’konformità mal-Artikolu 50.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal nutara, għal avukati u għal professjonisti legali indipendenti oħrajn, għal awdituri, għal kontabilisti esterni u għal konsulenti tat-taxxa, strettament sa fejn dawk il-persuni jaċċertaw il-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom, jew iwettqu l-kompitu tagħhom ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza ta’ dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji jew fir-rigward tagħhom, inkluż l-għoti ta’ pariri dwar il-ftuħ jew l-evitar ta’ tali proċedimenti.

2.Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jaċċettaw jew jirrifjutaw li jidħlu f’relazzjoni tan-negozju, huma għandhom iżommu rekord tal-azzjonijiet meħudin sabiex jikkonformaw mar-rekwiżit li japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent, inklużi rekords tad-deċiżjonijiet meħudin u d-dokumenti ta’ sostenn rilevanti. Id-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni miżmumin mill-entità marbuta b’obbligu għandhom jiġu aġġornati kull meta d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti tiġi rrieżaminata skont l-Artikolu 21.

Artikolu 18

Identifikazzjoni u verifika tal-identità tal-klijent

1.Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet ta’ riskju aktar baxx li għalihom japplikaw il-miżuri skont it-Taqsima 3 u irrispettivament mill-applikazzjoni ta’ miżuri addizzjonali f’każijiet ta’ riskju ogħla skont it-Taqsima 4, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiksbu tal-anqas l-informazzjoni li ġejja sabiex jidentifikaw il-klijent u l-persuna li taġixxi f’isimhom:

(a)għal persuna fiżika:

(i) l-isem u l-kunjom;

(ii) il-post u d-data tat-twelid;

(iii) in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet, jew l-apolidija u l-istat ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja fejn applikabbli, u n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali, fejn applikabbli;

(iv) ir-residenza abitwali jew, jekk ma jkun hemm l-ebda indirizz residenzjali fiss b’residenza leġittima fl-Unjoni, l-indirizz postali li fih tista’ tiġi kkuntattjata l-persuna fiżika u, fejn possibbli, l-okkupazzjoni, il-professjoni jew l-istatus fl-impjieg u n-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa;

(b)għal entità ġuridika:

(i) il-forma ġuridika u l-isem tal-entità ġuridika;

(ii) l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat jew uffiċjali u, jekk differenti, is-sede prinċipali, u l-pajjiż tal-inkorporazzjoni;

(iii) l-ismijiet tar-rappreżentanti legali kif ukoll, fejn disponibbli, in-numru tar-reġistrazzjoni, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa u l-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika. L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jivverifikaw ukoll li l-entità ġuridika jkollha attivitajiet fuq il-bażi ta’ dokumenti kontabilistiċi għall-aħħar sena finanzjarja jew għal informazzjoni rilevanti oħra;

(c)għal trustee ta’ trust espress jew għal persuna li jkollha pożizzjoni ekwivalenti f’arranġament legali simili:

(i) l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 44(1), u fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu għall-persuni kollha identifikati bħala sidien benefiċjarji;

(ii) l-indirizz tar-residenza tat-trustee(s) jew tal-persuna/i li jkollha/jkollhom pożizzjoni ekwivalenti f’arranġament legali simili, u s-setgħat li jirregolaw u jorbtu l-arranġamenti legali, kif ukoll, fejn disponibbli, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa u l-Identifikatur tal-Entità Ġuridika;

(d)għal organizzazzjonijiet oħrajn li għandhom kapaċità legali skont il-liġi nazzjonali:

(i) l-isem, l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat jew l-ekwivalenti;

(ii) l-ismijiet tal-persuni mogħtijin is-setgħa li jirrappreżentaw lill-organizzazzjoni kif ukoll, fejn applikabbli, il-forma ġuridika, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, in-numru tar-reġistru, l-Identifikatur tal-Entità Ġuridika u l-atti ta’ assoċjazzjoni jew ekwivalenti.

2.Għall-finijiet tal-identifikazzjoni tas-sid benefiċjarju ta’ entità ġuridika, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiġbru l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 44(1) u l-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Fejn, wara li jkunu ġew eżawriti l-mezzi kollha possibbli ta’ identifikazzjoni skont l-ewwel subparagrafu, l-ebda persuna fiżika ma tiġi identifikata bħala sid benefiċjarju, jew fejn ikun hemm xi dubju li l-persuna/i identifikata/i hija/huma s-sid(ien) benefiċjarju/i, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jidentifikaw il-persuna/i fiżika/fiżiċi li jkollha/jkollhom il-pożizzjoni(jiet) ta’ uffiċjal(i) maniġerjali superjuri fl-entità korporattiva jew f’entità ġuridika oħra u għandhom jivverifikaw l-identità tagħhom. L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iżommu rekords tal-azzjonijiet meħudin kif ukoll tad-diffikultajiet misjubin matul il-proċess ta’ identifikazzjoni, li wasslu għar-rikors għall-identifikazzjoni ta’ uffiċjal maniġerjali anzjan.

3.Fil-każ ta’ benefiċjarji ta’ trusts jew ta’ arranġamenti legali simili jew ta’ arranġamenti li huma ddeżinjati skont karatteristiċi jew klassi partikolari, entità marbuta b’obbligu għandha tikseb biżżejjed informazzjoni dwar il-benefiċjarju sabiex tkun tista’ tistabbilixxi l-identità tal-benefiċjarju fi żmien l-iżborż jew fiż-żmien li l-benefiċjarju jeżerċita d-drittijiet vestiti lilu.

4.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiksbu l-informazzjoni, id-dokumenti u d-data neċessarji għall-verifika tal-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju permezz ta’ wieħed jew waħda minn dawn li ġejjin:

(a)is-sottomissjoni tad-dokument tal-identità, tal-passaport jew tal-ekwivalenti u l-akkwist ta’ informazzjoni minn sorsi affidabbli u indipendenti, kemm jekk aċċessata direttament kif ukoll jekk ipprovduta mill-klijent;

(b)l-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u ta’ servizzi ta’ trust rilevanti kif stabbilit fir-Regolament (UE) 910/2014.

Għall-finijiet tal-verifika tal-informazzjoni dwar is-sid(ien) benefiċjarju/i, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jikkonsultaw ukoll ir-reġistri ċentrali msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final] kif ukoll informazzjoni addizzjonali. L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiddeterminaw il-firxa tal-informazzjoni addizzjonali li għandha tiġi kkonsultata, filwaqt li jqisu r-riskji ppreżentati mit-tranżazzjoni jew mir-relazzjoni tan-negozju u mis-sid benefiċjarju.

Artikolu 19

Twaqqit tal-verifika tal-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju

1.Il-verifika tal-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju għandha sseħħ qabel ma tiġi stabbilita relazzjoni tan-negozju jew titwettaq tranżazzjoni okkażjonali. Tali obbligu ma għandux japplika għal sitwazzjonijiet ta’ riskju aktar baxx skont it-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu, dment li r-riskju aktar baxx jiġġustifika l-posponiment ta’ tali verifika.

2.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, il-verifika tal-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju jistgħu jitwettqu matul l-istabbiliment ta’ relazzjoni tan-negozju jekk dan ikun neċessarju sabiex ma jiġix interrott it-twettiq normali tan-negozju u fejn ir-riskju li jkun hemm ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu ikun baxx. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, dawk il-proċeduri għandhom jitwettqu malli jkun prattikabbli wara l-kuntatt inizjali.

3.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja tista’ tiftaħ kont, inklużi kontijiet li jippermettu tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli, kif jista’ jkun meħtieġ minn klijent dment li jkun hemm salvagwardji adegwati fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li t-tranżazzjonijiet ma jitwettqux mill-klijent jew f’ismu sakemm tinkiseb konformità sħiħa mar-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1).

4.Kull meta jidħlu f’relazzjoni tan-negozju ġdida ma’ entità ġuridika jew mat-trustee ta’ trust express jew mal-persuna li jkollha pożizzjoni ekwivalenti f’arranġament legali simili msemmi fl-Artikoli 42, 43 u 48 u soġġetti għar-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final], l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiġbru prova tar-reġistrazzjoni jew silta mir-reġistru.

Artikolu 20

Identifikazzjoni tal-iskop u tan-natura maħsuba ta’ relazzjoni tan-negozju jew ta’ tranżazzjoni okkażjonali

Qabel ma tidħol f’relazzjoni tan-negozju jew twettaq tranżazzjoni okkażjonali, entità marbuta b’obbligu għandha tikseb tal-anqas l-informazzjoni li ġejja sabiex tifhem l-iskop u n-natura maħsuba tagħha:

(a)l-iskop tal-kont, tat-tranżazzjoni jew tar-relazzjoni tan-negozju prevista;

(b)l-ammont stmat u r-raġunament ekonomiku tat-tranżazzjonijiet jew tal-attivitajiet previsti;

(c)is-sors tal-fondi;

(d)id-destinazzjoni tal-fondi.

Artikolu 21

Monitoraġġ kontinwu tar-relazzjoni tan-negozju u monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet imwettqin mill-klijenti

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iwettqu monitoraġġ kontinwu tar-relazzjoni tan-negozju, inklużi tranżazzjonijiet imwettqin mill-klijent matul dik ir-relazzjoni, sabiex jikkontrollaw li dawk it-tranżazzjonijiet ikunu konsistenti mal-għarfien tal-entità marbuta b’obbligu dwar il-klijent, l-attività kummerċjali u l-profil tar-riskju tal-klijent, u fejn neċessarju, mal-informazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi u sabiex jiġu identifikati dawk it-tranżazzjonijiet li għandhom ikunu soġġetti għal analiżi aktar bir-reqqa skont l-Artikolu 50.

2.Fil-kuntest tal-monitoraġġ kontinwu msemmi fil-paragrafu 1, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiżguraw li d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni rilevanti tal-klijent jinżammu aġġornati.

Il-frekwenza tal-aġġornar tal-informazzjoni tal-klijenti skont l-ewwel subparagrafu għandha tkun ibbażata fuq ir-riskju ppreżentat mir-relazzjoni tan-negozju. Fi kwalunkwe każ, il-frekwenza tal-aġġornar tal-informazzjoni dwar il-klijent ma għandhiex taqbeż il-ħames snin.

3.Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 2, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jirrieżaminaw u, fejn rilevanti, jaġġornaw l-informazzjoni dwar il-klijent meta:

(a)ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi rilevanti ta’ klijent;

(b)l-entità marbuta b’obbligu jkollha obbligu legali matul is-sena kalendarja rilevanti li tikkuntattja lill-klijent għall-fini tar-rieżami ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti relatata mas-sid(ien) benefiċjarju/i jew li tikkonforma mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE 54 ;

(c)isiru jafu b’fatt rilevanti marbut mal-klijent.

4.Sa [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar il-monitoraġġ kontinwu ta’ relazzjoni tan-negozju u dwar il-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet imwettqin fil-kuntest ta’ relazzjoni bħal din.

Artikolu 22

Standards tekniċi regolatorji dwar l-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent

1.Sa [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jispeċifikaw:

(a)ir-rekwiżiti li japplikaw għall-entitajiet marbutin b’obbligu skont l-Artikolu 16 u l-informazzjoni li għandha tinġabar għall-fini tat-twettiq ta’ diliġenza dovuta standard, simplifikata u msaħħa fir-rigward tal-klijenti skont l-Artikoli 18 u 20 u l-Artikoli 27(1) u 28(4), inklużi r-rekwiżiti minimi f’sitwazzjonijiet ta’ riskju aktar baxx;

(b)it-tip ta’ miżuri simplifikati ta’ diliġenza dovuta li l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu japplikaw f’sitwazzjonijiet ta’ riskju aktar baxx skont l-Artikolu 27(1), inklużi miżuri applikabbli għal kategoriji speċifiċi ta’ entitajiet u ta’ prodotti jew ta’ servizzi obbligati, wara li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju supranazzjonali mfassla mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 ta’ [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final];

(c)is-sorsi affidabbli u indipendenti ta’ informazzjoni li jistgħu jintużaw sabiex tiġi vverifikata d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi għall-finijiet tal-Artikolu 18(4);

(d)il-lista ta’ attributi li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u s-servizzi ta’ trust rilevanti msemmijin fil-punt (b) tal-Artikolu 18(4) iridu jkunu preżenti sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 16 fil-każ ta’ diliġenza fir-rigward tal-klijenti standard, simplifikata u msaħħa.

2.Ir-rekwiżiti u l-miżuri msemmijin fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)ir-riskju inerenti involut fis-servizz ipprovdut;

(b)in-natura, l-ammont u r-rikorrenza tat-tranżazzjoni;

(c)il-kanali użati għat-twettiq tar-relazzjoni tan-negozju jew tat-tranżazzjoni okkażjonali.

3.L-AMLA għandha tirrieżamina regolarment l-istandards tekniċi regolatorji u, jekk ikun neċessarju, tħejji u tissottometti lill-Kummissjoni l-abbozz għall-aġġornar ta’ dawk l-istandards sabiex, fost l-oħrajn, tqis l-iżviluppi fl-innovazzjoni u fit-teknoloġija.

4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikoli 38 sa 41 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għall-istabbiliment ta’ Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final].

TAQSIMA 2

Il-politika ta’ pajjiżi terzi u t-theddid tal-ML/TF minn barra l-Unjoni

Artikolu 23

Identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi b’defiċjenzi strateġiċi sinifikanti fir-reġimi nazzjonali tagħhom tal-AML/CFT

1.Pajjiżi terzi b’defiċjenzi strateġiċi sinifikanti fir-reġimi nazzjonali tagħhom tal-AML/CFT għandhom jiġu identifikati mill-Kummissjoni u indikati bħala “pajjiżi terzi b’riskju għoli”.

2.Sabiex jiġu identifikati l-pajjiżi msemmijin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 60 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament, fejn:

(a)ikunu ġew identifikati defiċjenzi strateġiċi sinifikanti fil-qafas legali u istituzzjonali AML/CFT tal-pajjiż terz;

(b)ikunu ġew identifikati defiċjenzi strateġiċi sinifikanti fl-effettività tas-sistema tal-AML/CFT tal-pajjiż terz fl-indirizzar tar-riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu;

(c)id-defiċjenzi strateġiċi sinifikanti identifikati taħt il-punti (a) u (b) ikunu ta’ natura persistenti u ma tkun ittieħdet jew ma tkun qed tittieħed l-ebda miżura sabiex dawn jiġu mmitigati.

Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati fi żmien xahar wara li l-Kummissjoni tkun aċċertat li ġew issodisfati l-kriterji fil-punt (a), (b) jew (c).

3.Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis is-sejħiet għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa u ta’ miżuri addizzjonali ta’ mitigazzjoni (“kontromiżuri”) minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn dawk li jistabbilixxu l-istandards b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll evalwazzjonijiet, valutazzjonijiet, rapporti jew dikjarazzjonijiet pubbliċi rilevanti mfasslin minnhom.

4.Meta pajjiż terz jiġi identifikat f’konformità mal-kriterji msemmijin fil-paragrafu 3, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa elenkati fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 28(4) fir-rigward tar-relazzjonijiet tan-negozju jew ta’ tranżazzjonijiet okkażjonali li jinvolvu persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn dak il-pajjiż terz.

5.L-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jidentifika fost il-kontromiżuri elenkati fl-Artikolu 29 il-kontromiżuri speċifiċi li jimmitigaw ir-riskji speċifiċi għall-pajjiżi li jirriżultaw minn pajjiżi terzi b’riskju għoli.

6.Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 2 fuq bażi regolari sabiex tiżgura li l-kontromiżuri speċifiċi identifikati skont il-paragrafu 5 iqisu l-bidliet fil-qafas AML/CFT tal-pajjiż terz u jkunu proporzjonati u adegwati għar-riskji.

Artikolu 24

Identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi bi dgħufijiet fil-konformità fir-reġimi nazzjonali tagħhom tal-AML/CFT

1.Pajjiżi terzi bi dgħufijiet fil-konformità fir-reġimi nazzjonali tagħhom tal-AML/CFT għandhom jiġu identifikati mill-Kummissjoni.

2.Sabiex jiġu identifikati l-pajjiżi msemmijin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 60 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament, fejn:

(a)ikunu ġew identifikati dgħufijiet fil-konformità fil-qafas legali u istituzzjonali AML/CFT tal-pajjiż terz;

(b)ikunu ġew identifikati dgħufijiet fil-konformità fl-effettività tas-sistema tal-AML/CFT tal-pajjiż terz fl-indirizzar tar-riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati fi żmien xahar wara li l-Kummissjoni tkun aċċertat li ġew issodisfati l-kriterji fil-punt (a) jew (b).

3.Meta tfassal l-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni dwar il-ġurisdizzjonijiet taħt monitoraġġ akbar minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn dawk li jistabbilixxu l-istandards b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll evalwazzjonijiet, valutazzjonijiet, rapporti jew dikjarazzjonijiet pubbliċi rilevanti mfasslin minnhom.

4.L-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jidentifika l-miżuri speċifiċi ta’ diliġenza dovuta msaħħa fost dawk elenkati fil-punti (a) sa (g) tal-Artikolu 28(4), li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw sabiex jimmitigaw ir-riskji relatati mar-relazzjonijiet tan-negozju jew mat-tranżazzjonijiet okkażjonali li jinvolvu persuni fiżiċi jew ġuridiċi minn dak il-pajjiż terz.

5.Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 2 fuq bażi regolari sabiex tiżgura li l-miżuri speċifiċi ta’ diliġenza dovuta msaħħa identifikati skont il-paragrafu 4 iqisu l-bidliet fil-qafas AML/CFT tal-pajjiż terz u jkunu proporzjonati u adegwati għar-riskji.

Artikolu 25

Identifikazzjoni ta’ pajjiżi terzi li jippreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni

1.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 60 li tidentifika pajjiżi terzi li jippreżentaw theddida speċifika u serja għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u għall-funzjonament xieraq tas-suq intern għajr dawk koperti mill-Artikoli 23 u 24.

2.Il-Kummissjoni, meta tfassal l-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 1, għandha tqis b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin:

(a)il-qafas legali u istituzzjonali AML/CFT tal-pajjiż terz, b’mod partikolari:

(i) il-kriminalizzazzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu;

(ii) miżuri relatati mad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti;

(iii) rekwiżiti relatati maż-żamma ta’ rekords;

(iv) rekwiżiti relatati mar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi;

(v) id-disponibbiltà ta’ informazzjoni akkurata u f’waqtha dwar is-sjieda benefiċjarja tal-persuni ġuridiċi u tal-arranġamenti legali għall-awtoritajiet kompetenti;

(b)is-setgħat u l-proċeduri tal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, inklużi sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi b’mod xieraq, kif ukoll il-prattiki tal-pajjiż terz fir-rigward tal-kooperazzjoni u tal-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;

(c)l-effettività tas-sistema tal-AML/CFT tal-pajjiż terz fl-indirizzar tar-riskji ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu;

3.Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell ta’ theddida msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-AMLA tadotta opinjoni mmirata sabiex tivvaluta l-impatt speċifiku fuq l-integrità tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni minħabba l-livell ta’ theddid ippreżentat minn pajjiż terz.

4.Meta tfassal l-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tieħu kont b’mod partikolari l-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet jew ir-rapporti rilevanti mħejjijin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn dawk li jistabbilixxu l-istandards b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

5.Meta t-theddida speċifika u serja identifikata mill-pajjiż terz ikkonċernat twassal għal defiċjenza strateġika sinifikanti, għandu jkun japplika l-Artikolu 23(4) u l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jidentifika kontromiżuri speċifiċi kif imsemmi fl-Artikolu 23(5).

6.Meta t-theddida speċifika u serja identifikata mill-pajjiż terz ikkonċernat twassal għal dgħufija fil-konformità, l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jidentifika miżuri speċifiċi ta’ diliġenza dovuta msaħħa kif imsemmijin fl-Artikolu 24(4).

7.Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-atti delegati msemmijin fil-paragrafu 2 fuq bażi regolari sabiex tiżgura li l-miżuri msemmijin fil-paragrafi 5 u 6 iqisu l-bidliet fil-qafas AML/CFT tal-pajjiż terz u jkunu proporzjonati u adegwati għar-riskji.

Artikolu 26

Linji gwida dwar ir-riskji, ix-xejriet u l-metodi tal-ML/TF

1.Sa [3 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha tadotta linji gwida li jiddefinixxu x-xejriet, ir-riskji u l-metodi tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu li jinvolvu kwalunkwe żona ġeografika barra mill-Unjoni li għaliha jkunu skoperti l-entitajiet marbutin b’obbligu. L-AMLA għandha tqis, b’mod partikolari, il-fatturi ta’ riskju elenkati fl-Anness III. Meta jiġu identifikati sitwazzjonijiet ta’ riskju ogħla, il-linji gwida għandhom jinkludu miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jikkunsidraw li japplikaw sabiex jimmitigaw it-tali riskji.

2.L-AMLA għandha tirrieżamina l-linji gwida msemmijin fil-paragrafu 1 tal-anqas kull sentejn.

3.Meta toħroġ u tfassal il-linji gwida msemmijin fil-paragrafu 1, l-AMLA għandha tieħu kont tal-evalwazzjonijiet, tal-valutazzjonijiet jew tar-rapporti tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ dawk li jistabbilixxu l-istandards b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

TAQSIMA 3

Diliġenza dovuta simplifikata fir-rigward tal-klijent

Artikolu 27

Miżuri simplifikati ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent

1.Meta, b’kont meħud tal-fatturi ta’ riskju stabbiliti fl-Annessi II u III, ir-relazzjoni tan-negozju jew it-tranżazzjoni tippreżenta grad baxx ta’ riskju, l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu japplikaw il-miżuri simplifikati ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti li ġejjin:

(a)jivverifikaw l-identità tal-klijent u tas-sid benefiċjarju wara l-istabbiliment tar-relazzjoni tan-negozju, dment li r-riskju aktar baxx speċifiku identifikat jiġġustifika tali posponiment, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 30 jum mill-istabbiliment tar-relazzjoni;

(a)inaqqsu l-frekwenza tal-aġġornamenti tal-identifikazzjoni tal-klijenti;

(b)inaqqsu l-ammont ta’ informazzjoni miġbura sabiex jidentifikaw l-iskop u n-natura maħsuba tar-relazzjoni tan-negozju, jew jiddeduċuha mit-tip ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ relazzjoni tan-negozju stabbilita;

(c)inaqqsu l-frekwenza jew il-grad ta’ skrutinju tat-tranżazzjonijiet imwettqin mill-klijent;

(d)japplikaw kwalunkwe miżura simplifikata rilevanti oħra ta’ diliġenza dovuta identifikata mill-AMLA skont l-Artikolu 22.

Il-miżuri msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u għad-daqs tan-negozju u għall-elementi speċifiċi identifikati ta’ riskju aktar baxx. Madankollu, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iwettqu monitoraġġ suffiċjenti tat-tranżazzjonijiet jew tar-relazzjoni tan-negozju sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati tranżazzjonijiet mhux tas-soltu jew suspettużi.

2.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiżguraw li l-proċeduri interni stabbiliti skont l-Artikolu 7 ikun fihom il-miżuri speċifiċi ta’ verifika simplifikata li għandhom jittieħdu fir-rigward tat-tipi differenti ta’ klijenti li jippreżentaw riskju aktar baxx. L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiddokumentaw deċiżjonijiet li jqisu fatturi addizzjonali ta’ riskju aktar baxx.

3.Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ miżuri simplifikati ta’ diliġenza dovuta msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 1, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jadottaw proċeduri ta’ maniġjar tar-riskju fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jipprovdu servizzi jew iwettqu tranżazzjonijiet għal klijent qabel ma ssir il-verifika, inkluż billi jillimitaw l-ammont, in-numru jew it-tipi ta’ tranżazzjonijiet li jistgħu jitwettqu jew billi jimmonitorjaw it-tranżazzjonijiet sabiex jiżguraw li dawn ikunu allinjati man-normi mistennijin għar-relazzjoni tan-negozju inkwistjoni.

4.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jivverifikaw fuq bażi regolari li jkunu għadhom jeżistu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta simplifikata. Il-frekwenza ta’ tali verifiki għandha tkun proporzjonata għan-natura u għad-daqs tan-negozju u għar-riskji ppreżentati mir-relazzjoni speċifika.

5.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iżommu lura milli japplikaw miżuri simplifikati ta’ diliġenza dovuta fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)l-entitajiet marbutin b’obbligu jkollhom dubji dwar il-veraċità tal-informazzjoni pprovduta mill-klijent jew mis-sid benefiċjarju fl-istadju tal-identifikazzjoni, jew jidentifikaw inkonsistenzi fir-rigward ta’ dik l-informazzjoni;

(b)il-fatturi li jindikaw riskju aktar baxx ma jkunux għadhom preżenti;

(c)il-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet tal-klijent u l-informazzjoni miġbura fil-kuntest tar-relazzjoni kummerċjali jkunu jeskludu xenarju ta’ riskju aktar baxx;

(d)ikun hemm suspett ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu.

TAQSIMA 4

Diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti

Artikolu 28

Kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti

1.Fil-każijiet imsemmijin fl-Artikoli 23, 24, 25 u 30 sa 36, kif ukoll f’każijiet oħrajn ta’ riskju ogħla li huma identifikati mill-entitajiet marbutin b’obbligu skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(2) (“każijiet ta’ riskju ogħla”), l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti sabiex jimmaniġġaw u jimmitigaw dawk ir-riskji b’mod xieraq.

2.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jeżaminaw l-oriġini u d-destinazzjoni tal-fondi involuti fit-tranżazzjonijiet kollha u l-iskop tat-tali tranżazzjonijiet li jissodisfaw tal-anqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)it-tranżazzjonijiet ikunu ta’ natura kumplessa;

(b)it-tranżazzjonijiet ikunu kbar b’mod mhux tas-soltu;

(c)it-tranżazzjonijiet jitwettqu f’xejra mhux tas-soltu;

(d)it-tranżazzjonijiet ma jidhirx li għandhom skop ekonomiku jew legali apparenti.

3.Bl-eċċezzjoni tal-każijiet koperti mit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, meta jiġu vvalutati r-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu ppreżentati minn relazzjoni tan-negozju jew minn tranżazzjoni okkażjonali, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iqisu tal-anqas il-fatturi ta’ riskju ogħla potenzjali stabbiliti fl-Anness III u fil-linji gwida adottati mill-AMLA skont l-Artikolu 26.

4.Bl-eċċezzjoni tal-każijiet koperti mit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, f’każijiet ta’ riskju ogħla, l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu japplikaw kwalunkwe waħda mill-miżuri li ġejjin ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti, proporzjonati għar-riskji ogħla identifikati:

(a)il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq il-klijent u fuq is-sid(ien) benefiċjarju/i;

(b)il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq in-natura maħsuba tar-relazzjoni tan-negozju;

(c)il-kisba ta’ informazzjoni addizzjonali fuq is-sors tal-finanzi u s-sors tal-ġid tal-klijent u tas-sid(ien) benefiċjarju/i;

(d)il-kisba ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għat-tranżazzjonijiet maħsubin jew imwettqin u l-konsistenza tagħhom mar-relazzjoni tan-negozju;

(e)il-kisba tal-approvazzjoni tal-maniġment superjuri għall-istabbiliment jew għat-tkomplija tar-relazzjoni tan-negozju;

(f)it-twettiq ta’ monitoraġġ imsaħħaħ tar-relazzjoni tan-negozju b’żieda fin-numru u fit-twaqqit tal-kontrolli applikati, u l-għażla ta’ tipi tat-tranżazzjonijiet li jeħtieġu eżaminazzjoni ulterjuri;

(g)it-talba li l-ewwel pagament jitwettaq permezz ta’ kont f’isem il-klijent ma’ istituzzjoni ta’ kreditu soġġetta għal standards ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti li ma jkunux anqas robusti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

5.Bl-eċċezzjoni tal-każijiet koperti mit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, fejn l-Istati Membri jidentifikaw każijiet ta’ riskju ogħla skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final], huma jistgħu jirrikjedu li l-entitajiet marbutin b’obbligu japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa u, fejn xieraq, jispeċifikaw dawk il-miżuri. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AMLA bir-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta msaħħa imposti fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu stabbiliti fit-territorju tagħhom fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom, flimkien ma’ ġustifikazzjoni tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li fuqhom tkun ibbażata tali deċiżjoni.

Meta r-riskji identifikati mill-Istati Membri skont l-ewwel subparagrafu x’aktarx li jaffettwaw is-sistema finanzjarja tal-Unjoni, l-AMLA għandha, fuq talba mill-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tagħha stess, tikkunsidra li taġġorna l-linji gwida adottati skont l-Artikolu 26.

6.Il-miżuri ta’ diliġenza dovuta msaħħa fir-rigward tal-klijenti ma għandhomx jiġu invokati b’mod awtomatiku fir-rigward ta’ fergħat jew ta’ sussidjarji ta’ entitajiet marbutin b’obbligu stabbiliti fl-Unjoni li jkunu jinsabu f’pajjiżi terzi msemmijin fl-Artikoli 23, 24 u 25 fejn dawk il-fergħat jew sussidjarji jikkonformaw b’mod sħiħ mal-politiki, mal-kontrolli u mal-proċeduri li japplikaw għall-grupp kollu f’konformità mal-Artikolu 14.

Artikolu 29

Kontromiżuri għall-mitigazzjoni tat-theddid tal-ML/TF minn barra l-Unjoni

Għall-finijiet tal-Artikoli 23 u 25, il-Kummissjoni tista’ tagħżel minn fost il-kontromiżuri li ġejjin:

(a)kontromiżuri li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw għal persuni u għal entitajiet ġuridiċi li jinvolvu pajjiżi terzi b’riskju għoli u, fejn rilevanti, pajjiżi oħrajn li jippreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni li tikkonsisti f’dawn:

(i) l-applikazzjoni ta’ elementi addizzjonali ta’ diliġenza dovuta msaħħa;

(ii) l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ rapportar rilevanti msaħħa jew ta’ rapportar sistematiku ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji;

(iii) il-limitazzjoni tar-relazzjonijiet tan-negozju jew tat-tranżazzjonijiet ma’ persuni fiżiċi jew ma’ entitajiet ġuridiċi minn dawk il-pajjiżi terzi;

(b)kontromiżuri li l-Istati Membri għandhom japplikaw fir-rigward ta’ pajjiżi terzi b’riskju għoli u, fejn rilevanti, pajjiżi oħrajn li jippreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni li tikkonsisti f’dawn:

(i) ir-rifjut tal-istabbiliment ta’ sussidjarji jew ta’ fergħat jew ta’ uffiċċji rappreżentattivi ta’ entitajiet marbutin b’obbligu mill-pajjiż ikkonċernat, jew inkella t-teħid inkonsiderazzjoni tal-fatt li l-entità marbuta b’obbligu rilevanti hija minn pajjiż li ma għandux reġimi tal-AML/CFT adegwati;

(ii) il-projbizzjoni ta’ entitajiet marbutin b’obbligu milli jistabbilixxu fergħat jew uffiċċji rappreżentattivi tal-entitajiet marbutin b’obbligu fil-pajjiż terz ikkonċernat, jew inkella t-teħid inkonsiderazzjoni tal-fatt li l-fergħa jew l-uffiċċju rappreżentattiv rilevanti jkun f’pajjiż li ma għandux reġimi tal-AML/CFT adegwati;

(iii) il-ħtieġa ta’ eżaminazzjoni superviżorja miżjuda jew ta’ rekwiżiti tal-awditjar estern miżjudin għal fergħat u għal sussidjarji ta’ entitajiet marbutin b’obbligu li jinsabu fil-pajjiż terz ikkonċernat;

(iv) il-ħtieġa ta’ rekwiżiti tal-awditjar estern miżjudin għal gruppi finanzjarji fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda mill-fergħat u mis-sussidjarji tagħhom li tinsab fil-pajjiż terz ikkonċernat;

(v) il-ħtieġa li istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu jirrieżaminaw u jemendaw, jew jekk neċessarju jitterminaw, relazzjonijiet korrispondenti ma’ istituzzjonijiet rispondenti fil-pajjiż terz ikkonċernat.

Artikolu 30

Miżuri speċifiċi ta’ diliġenza dovuta msaħħa għar-relazzjonijiet korrispondenti transfruntiera

Fir-rigward ta’ relazzjonijiet korrispondenti transfruntiera, inklużi relazzjonijiet stabbiliti għal tranżazzjonijiet ta’ titoli jew għal trasferimenti ta’ fondi, li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ pagamenti ma’ istituzzjoni rispondenti ta’ pajjiż terz, minbarra l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 16, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu meħtieġa li, meta jidħlu f’relazzjoni tan-negozju:

(a)jiġbru biżżejjed informazzjoni dwar l-istituzzjoni rispondenti sabiex jifhmu b’mod sħiħ in-natura tan-negozju tar-rispondent u sabiex jiddeterminaw ir-reputazzjoni tal-istituzzjoni u l-kwalità ta’ superviżjoni minn informazzjoni pubblikament disponibbli;

(b)jivvalutaw il-kontrolli tal-AML/CFT tal-istituzzjoni rispondenti;

(c)jiksbu approvazzjoni mill-maniġment superjuri qabel ma jistabbilixxu relazzjonijiet korrispondenti ġodda;

(d)jiddokumentaw ir-responsabbiltajiet rispettivi ta’ kull istituzzjoni;

(e)fir-rigward ta’ pagamenti permezz ta’ trasferimenti minn kontijiet, ikunu sodisfatti li l-istituzzjoni rispondenti tkun ivverifikat l-identità tal-klijenti u pprattikat id-diliġenza dovuta kontinwata tal-klijenti li jkollhom aċċess dirett għall-kontijiet tal-istituzzjoni korrispondenti, u li tkun kapaċi tipprovdi data rilevanti għall-finijiet tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fuq talba tal-istituzzjoni korrispondenti.

Meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jiddeċiedu li jitterminaw relazzjonijiet korrispondenti transfruntiera għal raġunijiet relatati mal-politika kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, huma għandhom jiddokumentaw id-deċiżjoni tagħhom.

Artikolu 31

Projbizzjoni ta’ relazzjonijiet korrispondenti ma’ banek fantażma

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji ma għandhomx jidħlu f’relazzjoni korrispondenti jew jissoktaw tali relazzjoni korrispondenti ma’ bank fantażma. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jiżguraw li la jibdew u lanqas ma jibqgħu f’relazzjonijiet korrispondenti ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ma’ istituzzjoni finanzjarja li jkun magħruf li tippermetti li l-kontijiet tagħha jintużaw minn bank fantażma.

Artikolu 32

Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward persuni politikament esposti

1.Minbarra l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 16, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandu jkollhom fis-seħħ sistemi xierqa ta’ maniġjar tar-riskju, li jinkludu proċeduri bbażati fuq ir-riskju, sabiex jiddeterminaw jekk il-klijent jew is-sid benefiċjarju tal-klijent ikunx persuna politikament esposta.

2.Fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet jew ta’ relazzjonijiet tan-negozju ma’ persuni politikament esposti, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)jiksbu l-approvazzjoni tal-maniġment superjuri għall-istabbiliment jew għat-tkomplija tar-relazzjonijiet tan-negozju ma’ persuni politikament esposti;

(b)jieħdu miżuri adegwati sabiex jistabbilixxu s-sors tal-ġid u s-sors tal-finanzi li jkunu involuti fir-relazzjonijiet tan-negozju jew fit-tranżazzjonijiet ma’ persuni politikament esposti;

(c)iwettqu monitoraġġ imsaħħaħ ta’ dawk ir-relazzjonijiet ta' negozju fuq bażi kontinwa.

3.Sa [3 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha toħroġ linji gwida dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ persuni li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ persuni magħrufin li huma assoċjati mill-qrib;

(b)il-livell ta’ riskju assoċjat ma’ kategorija partikolari ta’ persuna politikament esposta, il-membri tal-familja tagħha jew persuni magħrufin li huma assoċjati mill-qrib, inkluża gwida dwar kif tali riskji għandhom jiġu vvalutati wara li l-persuna ma tibqax ikollha funzjoni pubblika prominenti għall-finijiet tal-Artikolu 35.

Artikolu 33

Lista ta’ funzjonijiet pubbliċi prominenti

1.Kull Stat Membru għandu joħroġ u jżomm aġġornata lista li tindika eżattament il-funzjonijiet li, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi, jikkwalifikaw bħala funzjonijiet pubbliċi prominenti għall-finijiet tal-punt (25) tal-Artikolu 2. L-Istati Membri għandhom jitolbu li kull organizzazzjoni internazzjonali akkreditata fit-territorju tagħhom toħroġ u żżomm aġġornata lista tal-funzjonijiet pubbliċi prominenti f’dik l-organizzazzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-punt (25) tal-Artikolu 2. Dawn il-listi għandhom jinkludu wkoll kwalunkwe funzjoni li tista’ tiġi fdata lir-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi u ta’ korpi internazzjonali akkreditati fil-livell tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk il-listi, kif ukoll kwalunkwe tibdil li jsir fihom, lill-Kummissjoni u lill-AMLA.

2.Il-Kummissjoni għandha tfassal u żżomm aġġornata lista tal-funzjonijiet eżatti li jikkwalifikaw bħala funzjonijiet pubbliċi prominenti fil-livell tal-Unjoni. Dik il-lista għandha tinkludi wkoll kwalunkwe funzjoni li tista’ tiġi fdata lir-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi u ta’ korpi internazzjonali akkreditati fil-livell tal-Unjoni.

3.Il-Kummissjoni għandha tiġbor, fuq il-bażi tal-listi previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, lista unika tal-funzjonijiet pubbliċi prominenti kollha għall-finijiet tal-punt (25) tal-Artikolu 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik il-lista unika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-AMLA għandha tagħmel il-lista pubblika fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 34

Persuni politikament esposti li huma benefiċjarji ta’ poloz tal-assigurazzjoni

L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jieħdu miżuri raġonevoli sabiex jiddeterminaw jekk il-benefiċjarji ta’ polza tal-assigurazzjoni tal-ħajja jew ta’ polza oħra relatata mal-investimenti jew, fejn rilevanti, is-sid benefiċjarju tal-benefiċjarju ikunux persuni politikament esposti. Dawk il-miżuri għandhom jittieħdu mhux aktar tard mill-mument meta jsir l-iżborż tal-polza jew fil-mument taċ-ċessjoni tal-polza, kompletament jew parzjalment. Meta jiġu identifikati riskji ikbar, minbarra li japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fl-Artikolu 16, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom:

(a)jgħarrfu lill-maniġment superjuri qabel ma jitħallas ir-rikavat mill-polza;

(b)iwettqu skrutinju msaħħaħ tar-relazzjoni tan-negozju kollha mad-detentur tal-polza.

Artikolu 35

Miżuri lejn persuni li ma jibqgħux politikament esposti

1.Meta persuna politikament esposta ma tibqax fdata b’funzjoni pubblika prominenti mill-Unjoni, minn Stat Membru, minn pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iqisu r-riskju kontinwu ppreżentat minn dik il-persuna fil-valutazzjoni tagħhom tar-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu f’konformità mal-Artikolu 16.

2.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom japplikaw waħda jew aktar mill-miżuri msemmijin fl-Artikolu 28(4) sabiex jimmitigaw ir-riskji ppreżentati mir-relazzjoni tan-negozju, sa dak iż-żmien li dik il-persuna titqies li ma tippreżenta l-ebda riskju ulterjuri, iżda fi kwalunkwe każ għal mhux anqas minn 12-il xahar wara ż-żmien meta l-individwu ma jibqax fdat b’funzjoni pubblika prominenti.

3.L-obbligu msemmi fil-paragrafu 2 għandu japplika kif xieraq meta entità marbuta b’obbligu tidħol f’relazzjoni tan-negozju ma’ persuna li fil-passat kienet fdata b’funzjoni pubblika prominenti mill-Unjoni, minn Stat Membru, minn pajjiż terz jew minn organizzazzjoni internazzjonali.

Artikolu 36

Membri tal-familja u assoċjati mill-qrib ta’ persuni politikament esposti

Il-miżuri msemmijin fl-Artikoli 32, 34 u 35 għandhom japplikaw ukoll għal membri tal-familja jew għal persuni magħrufin bħala assoċjati mill-qrib ta’ persuni politikament esposti.

TAQSIMA 5

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti

Artikolu 37

Speċifikazzjonijiet għas-settur tal-assigurazzjoni tal-ħajja u ta’ assigurazzjoni oħra relatata mal-investimenti

Għal negozju tal-assigurazzjoni tal-ħajja jew ta’ assigurazzjoni oħra relatata mal-investimenti, minbarra l-miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti meħtieġa għall-klijent u għas-sid benefiċjarju, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iwettqu l-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti li ġejjin fuq il-benefiċjarji tal-poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja u ta’ assigurazzjoni oħra relatata mal-investimenti, hekk kif il-benefiċjarji jiġu identifikati jew deżinjati:

(a)fil-każ ta’ benefiċjarji li jiġu identifikati bħala persuni jew arranġamenti legali msemmijin b’mod speċifiku, it-teħid ta’ isem il-persuna jew tal-arranġament;

(b)fil-każ ta’ benefiċjarji li jkunu deżinjati skont il-karatteristiċi jew il-klassi jew b’mezzi oħrajn, billi tinkiseb biżżejjed informazzjoni dwar dawk il-benefiċjarji sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita l-identità tal-benefiċjarju fi żmien l-iżborż.

Għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-verifika tal-identità tal-benefiċjarji u, fejn rilevanti, tas-sidien benefiċjarji tagħhom għandha ssir fil-mument tal-iżborż. Fil-każ ta’ ċessjoni, sħiħa jew b’mod parzjali, ta’ assigurazzjoni tal-ħajja jew assigurazzjoni oħra relatata mal-investimenti, lil parti terza, l-entitajiet marbutin b’obbligu konxji miċ-ċessjoni għandhom jidentifikaw lis-sid benefiċjarju fil-mument taċ-ċessjoni lill-persuna fiżika jew ġuridika jew l-arranġament legali li jirċievu għall-benefiċċju tagħhom stess il-valur tal-polza assenjata.

TAQSIMA 6

Twettiq minn partijiet terzi

Artikolu 38

Dispożizzjonijiet ġenerali relatati mad-dipendenza fuq entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jiddependu fuq entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu, kemm jekk ikunu jinsabu fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz, sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 16(1), dment li:

(a)l-entitajiet marbutin b’obbligu l-oħra japplikaw rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti u rekwiżiti dwar iż-żamma tar-rekords stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew ekwivalenti meta l-entitajiet l-oħrajn marbutin b’obbligu jkunu stabbiliti jew jirrisjedu f’pajjiż terz;

(b)il-konformità mar-rekwiżiti dwar l-AML/CFT mill-entitajiet l-oħrajn marbutin b’obbligu hija ssorveljata b’mod konsistenti mal-Kapitolu IV tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final].

Ir-responsabbiltà aħħarija sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti għandha tibqa’ tal-entità marbuta b’obbligu li tiddependi fuq entità oħra marbuta b’obbligu.

2.Meta jiddeċiedu li jiddependu fuq entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu li jinsabu f’pajjiżi terzi, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iqisu l-fatturi ta’ riskju ġeografiku elenkati fl-Annessi II u III u kwalunkwe informazzjoni jew gwida rilevanti pprovduta mill-Kummissjoni, jew mill-AMLA jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn. 

3.Fil-każ ta’ entitajiet marbutin b’obbligu li jkunu parti minn grupp, il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu u mal-Artikolu 39 tista’ tiġi żgurata permezz ta’ politiki, kontrolli u proċeduri għall-grupp kollu dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-entità marbuta b’obbligu tiddependi fuq l-informazzjoni pprovduta unikament minn entità marbuta b’obbligu li hija parti mill-istess grupp;

(b)il-grupp japplika politiki u proċeduri dwar l-AML/CFT, miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti u regoli dwar iż-żamma ta’ rekords li jkunu kompletament konformi ma’ dan ir-Regolament, jew ma’ regoli ekwivalenti f’pajjiżi terzi;

(c)l- implimentazzjoni effettiva tar-rekwiżiti msemmijin fil-punt (b) tkun issorveljata fil-livell tal-grupp mill-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta’ domiċilju f’konformità mal-Kapitolu IV tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final] jew tal-pajjiż terz f’konformità mar-regoli ta’ dak il-pajjiż terz.

4.L-entitajiet marbutin b’obbligu ma għandhomx jiddependu fuq l-entitajiet marbutin b’obbligu stabbiliti f’pajjiżi terzi identifikati skont it-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu. Madankollu, l-entitajiet marbutin b’obbligu stabbiliti fl-Unjoni li l-fergħat u s-sussidjarji tagħhom huma stabbiliti f’dawk il-pajjiżi terzi jistgħu jiddependu fuq dawk il-fergħat u s-sussidjarji, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 3.

Artikolu 39

Proċess ta’ dipendenza fuq entità oħra marbuta b’obbligu

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiksbu mingħand l-entità marbuta b’obbligu l-informazzjoni neċessarja kollha fuq ir-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) jew in-negozju li jkun qed jiġi introdott.

2.L-entitajiet marbutin b’obbligu li jiddependu fuq entitajiet oħrajn marbutin b’obbligu għandhom jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jiżguraw li l-entità marbuta b’obbligu li tkun qagħdet fuqha tipprovdi, fuq talba:

(a)kopji tal-informazzjoni miġbura sabiex jiġi identifikat il-klijent;

(b)id-dokumenti ta’ sostenn kollha jew is-sorsi affidabbli ta’ informazzjoni li ntużaw sabiex tiġi vverifikata l-identità tal-klijent, u, fejn rilevanti, tas-sidien benefiċjarji tal-klijent jew tal-persuni li f’isimhom jaġixxi l-klijent, inkluża data miksuba permezz ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi ta’ trust rilevanti kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 910/2014; u

(c)il-kisba ta’ informazzjoni dwar l-iskop u n-natura prevista tar-relazzjoni tan-negozju.

3.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi pprovduta mill-entità marbuta b’obbligu li tkun saret dipendenza fuqha mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol.

4.Il-kundizzjonijiet għat-trażmissjoni tal-informazzjoni u tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu speċifikati fi ftehim bil-miktub bejn l-entitajiet marbutin b’obbligu.

5.Meta l-entità marbuta b’obbligu tibbaża fuq entità marbuta b’obbligu li tkun parti mill-grupp tagħha, il-ftehim bil-miktub jista’ jiġi ssostitwit bi proċedura interna stabbilita fil-livell tal-grupp, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 38(2).

Artikolu 40

Esternalizzazzjoni

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jesternalizzaw kompiti li jirriżultaw minn rekwiżiti skont dan ir-Regolament għall-fini tat-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti lil aġent jew lil fornitur estern tas-servizzi, kemm jekk ikun persuna fiżika kif ukoll jekk ikun persuna ġuridika, bl-eċċezzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li huma stabbiliti f’pajjiżi terzi identifikati skont it-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu.

L-entità marbuta b’obbligu għandha tibqa’ responsabbli bis-sħiħ għal kwalunkwe azzjoni ta’ aġenti jew ta’ fornituri esterni tas-servizzi li lilhom jiġu esternalizzati l-attivitajiet.

2.Il-kompiti esternalizzati skont il-paragrafu 1 ma għandhomx jitwettqu b’tali mod li jfixklu materjalment il-kwalità tal-miżuri u tal-proċeduri tal-entità marbuta b’obbligu sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 - COM/2021/422 finali]. Il-kompiti li ġejjin ma għandhom jiġu esternalizzati taħt l-ebda ċirkostanza:

(a)l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju tal-entità marbuta b’obbligu;

(b)il-kontrolli interni fis-seħħ skont l-Artikolu 7;

(c)it-tfassil u l-approvazzjoni tal-politiki, tal-kontrolli u tal-proċeduri tal-entità marbuta b’obbligu sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(d)l-attribuzzjoni ta’ profil tar-riskju lil klijent prospettiv u d-dħul f’relazzjoni tan-negozju ma’ dak il-klijent;

(e)l-identifikazzjoni ta’ kriterji għad-detezzjoni ta’ tranżazzjonijiet u ta’ attivitajiet suspettużi jew mhux tas-soltu;

(f)ir-rapportar ta’ attivitajiet suspettużi jew ta’ dikjarazzjonijiet ibbażati fuq il-limiti lill-UIF skont l-Artikolu 50.

3.Meta entità marbuta b’obbligu testernalizza kompitu skont il-paragrafu 1, hija għandha tiżgura li l-aġent jew il-fornitur estern tas-servizzi japplika l-miżuri u l-proċeduri adottati mill-entità marbuta b’obbligu. Il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ tali kompiti għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bil-miktub bejn l-entità marbuta b’obbligu u l-entità esternalizzata. L-entità marbuta b’obbligu għandha twettaq kontrolli regolari sabiex taċċerta l-implimentazzjoni effettiva ta’ tali miżuri u proċeduri mill-entità esternalizzata. Il-frekwenza ta’ tali kontrolli għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tan-natura kritika tal-kompiti esternalizzati.

4.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jiżguraw li l-esternalizzazzjoni ma ssirx b’tali mod li xxekkel materjalment il-kapaċità tal-awtoritajiet superviżorji li jimmonitorjaw u jirritraċċaw il-konformità tal-entità marbuta b’obbligu mar-rekwiżiti kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 41

Linji gwida dwar il-prestazzjoni minn partijiet terzi

Sa [3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-entitajiet marbutin b’obbligu dwar:

(a)il-kundizzjonijiet li huma aċċettabbli għall-entitajiet marbutin b’obbligu sabiex jiddependu fuq informazzjoni miġbura minn entità oħra marbuta b’obbligu, inkluż fil-każ ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti mill-bogħod;

(b)l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet ta’ esternalizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 40, il-governanza u l-proċeduri tagħhom għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-funzjonijiet mill-entitajiet esternalizzati, u b’mod partikolari dawk il-funzjonijiet li għandhom jitqiesu bħala kritiċi;

(c)ir-rwoli u r-responsabbiltà ta’ kull attur, kemm jekk f’sitwazzjoni ta’ dipendenza fuq entità marbuta b’obbligu oħra kif ukoll jekk tal-esternalizzazzjoni;

(d)approċċi superviżorji għad-dipendenza fuq entitajiet marbutin b’obbligu oħrajn u għall-esternalizzazzjoni.

KAPITOLU IV

TRASPARENZA DWAR IS-SJIEDA BENEFIĊJARJA

Artikolu 42

Identifikazzjoni tas-Sidien Benefiċjarji għal entitajiet korporattivi u għal entitajiet ġuridiċi oħrajn

1.Fil-każ ta’ entitajiet korporattivi, is-sid(ien) benefiċjarju/i kif definit(i) fl-Artikolu 2(22) għandu/għandhom ikun(u) il-persuna/i fiżika/fiżiċi li tikkontrolla/jikkontrollaw, direttament jew indirettament, l-entità korporattiva, jew permezz ta’ interess proprjetarju jew permezz ta’ kontroll permezz ta’ mezzi oħrajn.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “kontroll permezz ta’ interess proprjetarju” għandha tfisser sjieda ta’ 25 % flimkien ma’ wieħed mill-ishma jew mid-drittijiet tal-vot jew interess proprjetarju ieħor fl-entità korporattiva, inkluż permezz ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji tal-portaturi, f’kull livell ta’ sjieda.

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, “kontroll permezz ta’ mezzi oħrajn” għandu jinkludi tal-anqas wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)id-dritt li jinħatru jew li jitneħħew aktar minn nofs il-membri tal-bord jew uffiċjali simili tal-entità korporattiva;

(b)il-kapaċità ta’ eżerċitar ta’ influwenza sinifikanti fuq id-deċiżjonijiet meħudin mill-entità korporattiva, inklużi d-drittijiet ta’ veto, id-drittijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u kwalunkwe deċiżjoni rigward id-distribuzzjonijiet tal-profitti jew li twassal għal bidla fl-assi;

(c)kontroll, kemm jekk kondiviż kif ukoll jekk le, permezz ta’ ftehimiet formali jew informali ma’ sidien, ma’ membri jew mal-entitajiet korporattivi, dispożizzjonijiet fl-istatut ta’ assoċjazzjoni, ftehimiet ta’ sħubija, ftehimiet ta’ sindakazzjoni, jew dokumenti ekwivalenti skont il-karatteristiċi speċifiċi tal-entità ġuridika, kif ukoll arranġamenti ta’ votazzjoni;

(d)ir-rabtiet ma’ membri tal-familja ta’ maniġers jew ta’ diretturi/mas-sidien jew mal-kontrolluri tal-entità korporattiva;

(e)l-użu ta’ arranġamenti formali jew informali tal-persuni nominati.

Il-kontroll permezz ta’ mezzi oħrajn jista’ jiġi ddeterminat ukoll f’konformità mal-kriterji tal-Artikolu 22(1) sa (5) tad-Direttiva 2013/34/UE.

2.Fil-każ ta’ entitajiet ġuridiċi għajr entitajiet korporattivi, is-sid(ien) benefiċjarju/i kif definit(i) fl-Artikolu 2(22) għandu/għandhom ikun(u) il-persuna fiżika identifikata skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ħlief fejn japplika l-Artikolu 43(2).

3.L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa [3 xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament] lista tat-tipi ta’ entitajiet korporattivi u ta’ entitajiet ġuridiċi oħrajn eżistenti skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom bis-sid(ien) benefiċjarju/i identifikat(i) f’konformità mal-paragrafu 1. In-notifika għandha tinkludi l-kategoriji speċifiċi ta’ entitajiet, id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi, l-ismijiet u, fejn applikabbli, il-bażi ġuridika skont il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Għandha tinkludi wkoll indikazzjoni ta’ jekk, minħabba l-forma u l-istrutturi speċifiċi tal-entitajiet ġuridiċi għajr l-entitajiet korporattivi, japplikax il-mekkaniżmu skont l-Artikolu 45(3), akkumpanjat minn ġustifikazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal dak.

4.Il-Kummissjoni għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar ir-regoli u l-kriterji speċifiċi għall-identifikazzjoni tas-sid(ien) benefiċjarju/i ta’ entitajiet ġuridiċi għajr entitajiet korporattivi sa [sena (1) mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament]. Fl-eventwalità li l-Istati Membri jiddeċiedu li ma japplikaw l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan u jipprovdu ġustifikazzjoni għal tali deċiżjoni.

5.Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw għal:

(a)kumpaniji elenkati f’suq regolat li huwa soġġett għal rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew soġġett għal standards internazzjonali ekwivalenti; u

(b)korpi rregolati bil-liġi pubblika kif definiti fil-punt (4) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 55 .

Artikolu 43

Identifikazzjoni tas-sidien benefiċjarji għal trusts express u għal entitajiet ġuridiċi jew għal arranġamenti legali simili

1.Fil-każ ta’ trusts express, is-sidien benefiċjarji għandhom ikunu l-persuni fiżiċi kollha li ġejjin:

(a)is-settlor(s);

(b)it-trustee(s);

(c)il-protettur(i), jekk ikun hemm;

(d)il-benefiċjarji jew, fejn ikun hemm klassi ta’ benefiċjarji, l-individwi f’dik il-klassi, li jirċievu benefiċċju mill-arranġament legali jew mill-entità ġuridika, irrispettivament minn kwalunkwe limitu, kif ukoll mill-klassi ta’ benefiċjarji. Madankollu, fil-każ ta’ skemi tal-pensjoni fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 56 u li jipprevedu klassi ta’ benefiċjarji, il-klassi ta’ benefiċjarji biss għandha tkun il-benefiċjarju;

(e)kwalunkwe persuna fiżika oħra li teżerċita kontroll aħħari fuq it-trust express permezz ta’ sjieda diretta jew indiretta jew b’mezzi oħrajn, inkluż permezz ta’ katina ta’ kontroll jew sjieda.

2.Fil-każ ta’ entitajiet ġuridiċi u ta’ arranġamenti legali simili għal trusts express, is-sidien benefiċjarji għandhom ikunu l-persuni fiżiċi li jkollhom karigi ekwivalenti jew simili għal dawk imsemmijin fil-paragrafu 1.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa [3 xhur mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament] lista ta’ arranġamenti legali u ta’ entitajiet ġuridiċi, simili għat-trusts express, li bihom is-sid(ien) benefiċjarju/i jiġi/jiġu identifikat(i) f’konformità mal-paragrafu 1.

3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, lista ta’ arranġamenti legali u ta’ entitajiet ġuridiċi rregolati skont il-liġijiet tal-Istati Membri li jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-istess rekwiżiti ta’ trasparenza dwar is-sjieda benefiċjarja bħal trusts express. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 61(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 44

Informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja

1.Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, l-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja għandha tkun adegwata, akkurata u kurrenti u tinkludi dawn li ġejjin:

(a)l-isem u l-kunjom, il-post sħiħ u d-data tat-twelid, l-indirizz residenzjali, il-pajjiż ta’ residenza u n-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet tas-sid benefiċjarju, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali u s-sors tiegħu, bħall-passaport jew id-dokument tal-identità nazzjonali, u, fejn applikabbli, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa jew numru ekwivalenti ieħor assenjat lill-persuna mill-pajjiż tar-residenza abitwali tagħha;

(b)in-natura u l-firxa tal-interess benefiċjarju miżmum fl-entità ġuridika jew fl-arranġament legali, kemm jekk permezz ta’ interess proprjetarju kif ukoll permezz ta’ kontroll permezz ta’ mezzi oħrajn, kif ukoll id-data tal-akkwiżizzjoni tal-interess benefiċjarju miżmum;

(c)informazzjoni dwar l-entità ġuridika jew l-arranġament legali li l-persuna fiżika tkun is-sid benefiċjarju tiegħu f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 16(1), kif ukoll id-deskrizzjoni tal-istruttura tal-kontroll u tas-sjieda.

2.L-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja għandha tinkiseb fi żmien 14-il jum kalendarju mill-ħolqien ta’ entitajiet ġuridiċi jew ta’ arranġamenti legali. Għandha tiġi aġġornata minnufih, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 14-il jum kalendarju wara kwalunkwe bidla fis-sid(ien) benefiċjarju/i, u fuq bażi annwali.

Artikolu 45

Obbligi tal-entitajiet legali

1.L-entitajiet korporattivi u l-entitajiet legali l-oħrajn kollha inkorporati fl-Unjoni għandhom jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, akkurata u kurrenti dwar is-sjieda benefiċjarja.

L-entitajiet legali għandhom jipprovdu, minbarra informazzjoni dwar is-sid(ien) ġuridiku/ġuridiċi tagħhom, informazzjoni dwar is-sid(ien) benefiċjarju/i lill-entitajiet marbutin b’obbligu, meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu qed jieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu III.

Is-sid(ien) benefiċjarju/i ta’ entitajiet korporattivi jew legali oħrajn għandu/għandhom jipprovdi/u lil dawk l-entitajiet bl-informazzjoni kollha neċessarja għall-entità korporattiva jew għal entità legali oħra.

2.Meta, wara li jkunu ġew eżawriti l-mezzi kollha possibbli ta’ identifikazzjoni skont l-Artikoli 42 u 43, l-ebda persuna ma tiġi identifikata bħala s-sid benefiċjarju, jew meta jkun hemm xi dubju li l-persuna/i identifikata/i tkun is-sid(ien) benefiċjarju/i, l-entitajiet korporattivi jew entitajiet legali oħrajn għandhom iżommu rekords tal-azzjonijiet meħudin sabiex jidentifikaw is-sid(ien) benefiċjarju/i tagħhom.

3.Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 2, meta tiġi pprovduta informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament u mal-Artikolu 10 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final], entitajiet korporattivi jew entitajiet legali oħrajn għandhom jipprovdu dawn li ġejjin:

(a)dikjarazzjoni, akkumpanjata minn ġustifikazzjoni, li ma hemm l-ebda sid benefiċjarju jew li s-sid(ien) benefiċjarju/i ma setax/setgħux jiġi/u vverifikat(i);

(b)id-dettalji dwar il-persuna/i fiżika/fiżiċi li għandha/għandhom il-kariga ta’ uffiċjal(i) maniġerjali superjuri fl-entità korporattiva jew f’entità legali ekwivalenti għall-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (a) tal-Artikolu 44(1).

4.L-entitajiet legali għandhom jagħmlu l-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu disponibbli, fuq talba u mingħajr dewmien, għall-awtoritajiet kompetenti.

5.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tinżamm għal ħames snin wara d-data li fiha l-kumpaniji jiġu xolti jew b’xi mod ieħor ma jibqgħux jeżistu, kemm jekk minn persuni deżinjati mill-entità sabiex iżommu d-dokumenti, jew minn amministraturi jew minn likwidaturi jew minn persuni oħrajn involuti fix-xoljiment tal-entità. Id-dettalji tal-identità u ta’ kuntatt tal-persuna responsabbli għaż-żamma tal-informazzjoni għandhom jiġu rrapportati lir-reġistri msemmijin fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final].

Artikolu 46

Obbligi ta’ trustees

1.It-trustees ta’ kwalunkwe trust express amministrata fi Stat Membru u l-persuni li jkollhom pożizzjoni ekwivalenti f’arranġament legali simili għandhom jiksbu u jżommu informazzjoni adegwata, akkurata u kurrenti dwar is-sjieda benefiċjarja rigward l-arranġament legali. Tali informazzjoni għandha tinżamm għal ħames snin wara li jintemm l-involviment tagħhom mat-trust express jew mal-arranġament legali simili.

2.Il-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiddivulgaw l-istatus tagħhom u jipprovdu l-informazzjoni dwar is-sid(ien) benefiċjarju/i lill-entitajiet marbutin b’obbligu meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu qed jieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu III.

3.Is-sid(ien) benefiċjarju/i ta’ trust express jew ta’ arranġament legali simili għajr it-trustee jew il-persuna li jkollha pożizzjoni ekwivalenti, għandu/għandhom jipprovdi/u lit-trustee jew lill-persuna li jkollha pożizzjoni ekwivalenti f’arranġament legali simili bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan il-Kapitolu.

4.It-trustees ta’ trust express u l-persuni li jkollhom pożizzjoni ekwivalenti f’arranġament legali simili għandhom jagħmlu l-informazzjoni miġbura skont dan l-Artikolu disponibbli, fuq talba u mingħajr dewmien, għall-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 47

Obbligi tal-persuni nominati

L-azzjonisti nominati u d-diretturi nominati ta’ entitajiet korporattivi jew ta’ entitajiet legali oħrajn għandhom iżommu informazzjoni adegwata, akkurata u kurrenti dwar l-identità tan-nominatur tagħhom u tas-sid(ien) benefiċjarju/i tan-nominatur u għandhom jiddivulgaw din, flimkien mal-istatus tagħhom, lill-entitajiet korporattivi jew lil entitajiet legali oħrajn. Entitajiet korporattivi jew entitajiet legali oħrajn għandhom jirrapportaw din l-informazzjoni lir-reġistri stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final].

Entitajiet korporattivi u entitajiet legali oħrajn għandhom jirrapportaw ukoll din l-informazzjoni lill-entitajiet marbutin b’obbligu meta l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu qegħdin jieħdu miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti f’konformità mal-Kapitolu III.

Artikolu 48

Arranġamenti u entitajiet legali barranin

1.L-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja tal-entitajiet ġuridiċi inkorporati barra l-Unjoni jew ta’ trusts express jew ta’ arranġamenti legali simili amministrati barra l-Unjoni għandha tinżamm fir-reġistru ċentrali msemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final ] stabbilita mill-Istat Membru fejn tali entitajiet jew trustees ta’ trusts express jew persuni li jkollhom pożizzjonijiet ekwivalenti f’arranġamenti legali simili:

(a)jidħlu f’relazzjoni tan-negozju ma’ entità marbuta b’obbligu;

(b)jakkwistaw proprjetà immobbli fit-territorju tagħhom.

2.Meta l-entità ġuridika, it-trustee tat-trust express jew il-persuna li jkollha pożizzjoni ekwivalenti f’arranġament legali simili tidħol f’relazzjonijiet tan-negozju multipli jew takkwista proprjetà immobbli fi Stati Membri differenti, ċertifikat ta’ prova tar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja f’reġistru ċentrali miżmum minn Stat Membru wieħed għandu jitqies bħala prova suffiċjenti tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 49

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet stabbiliti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli dwar sanzjonijiet sa [6 xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] lill-Kummissjoni flimkien mal-bażi ġuridika tagħhom u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

KAPITOLU V
OBBLIGI TA’ RAPPORTAR

Artikolu 50

Rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jirrapportaw lill-UIF it-tranżazzjonijiet suspettużi kollha, inklużi t-tentattivi ta’ tranżazzjonijiet.

L-entitajiet marbutin b’obbligu, u, fejn applikabbli, id-diretturi u l-impjegati tagħhom, għandhom jikkooperaw bis-sħiħ billi minnufih:

(a)jirrapportaw lill-UIF, fuq inizjattiva tagħhom stess, meta l-entità marbuta b’obbligu tkun taf, tissuspetta jew ikollha raġunijiet validi sabiex tissuspetta li l-fondi, irrispettivament mill-ammont ikkonċernat, ikunu r-rikavat minn attività kriminali jew ikunu relatati mal-finanzjament tat-terroriżmu, u billi jwieġbu għal talbiet għal aktar informazzjoni mill-UIF f’każijiet bħal dawn;

(b)jipprovdu lill-UIF, fuq talba mingħandha, direttament, l-informazzjoni neċessarja kollha.

Għall-finijiet tal-punti (a) u (b), l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iwieġbu għal talba għal informazzjoni mill-UIF fi żmien 5 ijiem. F’każijiet ġustifikati u urġenti, l-UIF għandhom ikunu jistgħu jqassru tali skadenza għal 24 siegħa.

2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom jivvalutaw it-tranżazzjonijiet identifikati skont l-Artikolu 20 bħala mhux tipiċi sabiex jidentifikaw dawk li jistgħu jkunu suspettati li jkunu marbutin mal-ħasil tal-flus jew mal-finanzjament tat-terroriżmu.

Suspett ikun ibbażat fuq il-karatteristiċi tal-klijent, fuq id-daqs u fuq in-natura tat-tranżazzjoni jew tal-attività, fuq ir-rabta bejn diversi tranżazzjonijiet jew attivitajiet u fuq kwalunkwe ċirkostanza oħra magħrufa mill-entità marbuta b’obbligu, inkluża l-konsistenza tat-tranżazzjoni jew tal-attività mal-profil tar-riskju tal-klijent.

3.Sa [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], l-AMLA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni u tippreżentahom lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw il-format li għandu jintuża għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi skont il-paragrafu 1.

4.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmijin fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għall-istabbiliment ta’ Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/421 final]

5.L-AMLA għandha toħroġ u taġġorna perjodikament gwida dwar indikaturi ta’ attività jew ta’ mġiba mhux tas-soltu jew suspettuża.

6.Il-persuna maħtura f’konformità mal-Artikolu 9(3) għandha tgħaddi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu lill-UIF tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun stabbilita l-entità marbuta b’obbligu li tkun qed tgħaddi l-informazzjoni.

Artikolu 51

Dispożizzjonijiet speċifiċi għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi minn ċerti kategoriji ta’ entitajiet marbutin b’obbligu

1.B’deroga mill-Artikolu 50(1), l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-entitajiet marbutin b’obbligu msemmijin fil-punt (3)(a), (b) u (d) tal-Artikolu 3 jittrażmettu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 50(1) lil korp awtoregolatorju deżinjat mill-Istat Membru.

Il-korp awtoregolatorju deżinjat għandu jgħaddi l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-UIF minnufih u mingħajr filtri.

2.In-nutara, l-avukati u professjonisti legali indipendenti oħrajn, l-awdituri, il-kontabilisti esterni u l-konsulenti tat-taxxa għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 50(1) sa fejn tali eżenzjoni tkun relatata ma’ informazzjoni li huma jirċievu mingħand, jew jiksbu dwar, wieħed mill-klijenti tagħhom, matul l-aċċertar tal-pożizzjoni legali tal-klijent tagħhom, jew it-twettiq tal-kompitu tagħhom li jiddefendu jew jirrappreżentaw lil dak il-klijent fi, jew dwar, proċedimenti ġudizzjarji, inkluż l-għoti ta’ pariri dwar il-bidu jew l-evitar ta’ tali proċedimenti, kemm jekk tali informazzjoni tkun riċevuta jew miksuba qabel, matul jew wara tali proċedimenti.

Artikolu 52

Kunsens mill-UIF għat-twettiq ta’ tranżazzjoni

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu ma għandhomx iwettqu tranżazzjonijiet li jafu jew jissuspettaw li jkunu relatati ma’ rikavat ta’ attività kriminali jew mal-finanzjament tat-terroriżmu, sakemm ikunu wettqu l-azzjoni neċessarja f’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 50(1) u jkunu kkonformaw ma’ kwalunkwe struzzjoni speċifika ulterjuri mill-UIF jew minn awtorità kompetenti oħra f’konformità mad-dritt applikabbli.

2.Fejn ikun impossibbli li ma jsirux it-tranżazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, jew fejn it-twettiq tagħhom x’aktarx li jfixkel l-isforzi sabiex jiġu segwiti l-benefiċjarji ta’ tranżazzjoni suspettata, l-entitajiet marbutin b’obbligu kkonċernati għandhom jinformaw lill-UIF immedjatament wara.

Artikolu 53

Divulgazzjoni lill-UIF

Id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni in bona fede minn entità marbuta b’obbligu jew minn impjegat jew minn direttur ta’ tali entità marbuta b’obbligu f’konformità mal-Artikoli 50 u 51 ma għandhiex tikkostitwixxi ksur ta’ xi restrizzjoni fuq id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni imposta b’kuntratt jew bi kwalunkwe dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva, u ma għandhiex tinvolvi lill-entità marbuta b’obbligu jew lid-diretturi jew lill-impjegati tagħha f’responsabbiltà ta’ kwalunkwe tip lanqas f’ċirkostanzi li fihom ma kinux konxji b’mod preċiż dwar l-attività kriminali sottostanti u irrispettivament minn jekk fil-fatt tkunx seħħet attività illegali.

Artikolu 54

Projbizzjoni ta’ divulgazzjoni

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu u d-diretturi u l-impjegati tagħhom ma għandhomx jiżvelaw lill-klijent ikkonċernat jew lil partijiet terzi oħrajn il-fatt li l-informazzjoni tkun qed tintbagħat, se tintbagħat jew tkun intbagħtet f’konformità mal-Artikolu 50 jew 51 jew li tkun qed titwettaq, jew tista’ titwettaq, jew tkun twettqet analiżi dwar ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu.

2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għad-divulgazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u lill-korpi awtoregolatorji meta jwettqu funzjonijiet superviżorji, jew għad-divulgazzjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus, tal-finanzjament tat-terroriżmu u ta’ attività kriminali oħra.

3.B’deroga mill-paragrafu 1, id-divulgazzjoni tista’ sseħħ bejn l-entitajiet marbutin b’obbligu li jappartjenu għall-istess grupp, jew bejn dawk l-entitajiet u l-fergħat u s-sussidjarji tagħhom stabbiliti f’pajjiżi terzi, dment li dawk il-fergħat u s-sussidjarji jikkonformaw bis-sħiħ mal-politiki u mal-proċeduri għall-grupp kollu, inklużi l-proċeduri għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fi ħdan il-grupp, f’konformità mal-Artikolu 13, u li l-politiki u l-proċeduri għall-grupp kollu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

4.Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, id-divulgazzjoni tista’ sseħħ bejn l-entitajiet marbutin b’obbligu kif imsemmijin fil-punt (3)(a) u (b) tal-Artikolu 3, jew entitajiet minn pajjiżi terzi li jimponu rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom, kemm jekk bħala impjegati kif ukoll jekk mhux bħala impjegati, fi ħdan l-istess persuna ġuridika jew struttura akbar li l-persuna tagħmel parti minnha u li tikkondividi sjieda, ġestjoni jew kontroll tal-konformità komuni, inklużi networks u sħubijiet.

5.Għall-entitajiet marbutin b’obbligu msemmijin fil-punti (1), (2), (3)(a) u (b) tal-Artikolu 3, f’każijiet relatati mal-istess klijent u mal-istess tranżazzjoni li tinvolvi żewġ entitajiet marbutin b’obbligu jew aktar, u b’deroga mill-paragrafu 1, id-divulgazzjoni tista’ sseħħ bejn l-entitajiet marbutin b’obbligu rilevanti dment li jkunu jinsabu fl-Unjoni, jew ma’ entitajiet f’pajjiż terz li jimponi rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, u li jkunu mill-istess kategorija ta’ entitajiet marbutin b’obbligu u li jkunu soġġetti għas-segretezza professjonali u għar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni ta’ data personali.

6.Meta l-entitajiet marbutin b’obbligu msemmijin fil-punt (3)(a) u (b) tal-Artikolu 3 jippruvaw jiddisswadu lil klijent milli jieħu sehem f’attività illegali, dak ma għandux jikkostitwixxi divulgazzjoni skont it-tifsira tal-paragrafu 1.

KAPITOLU VI

PROTEZZJONI TAD-DATA U ŻAMMA TA’ REKORDS

Artikolu 55

Proċessar ta’ ċerti kategoriji ta’ data personali

1.Sa fejn ikun strettament neċessarju għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jipproċessaw il-kategoriji speċjali ta’ data personali msemmijin fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u data personali relatata ma’ kundanni kriminali u ma’ reati msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament soġġetti għas-salvagwardji previsti fil-paragrafi 2 u 3.

2.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom ikunu jistgħu jipproċessaw id-data personali koperta mill-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 dment li:

(a)l-entitajiet marbutin b’obbligu jinformaw lill-klijenti jew lill-klijenti prospettivi tagħhom li tali kategoriji ta’ data jistgħu jiġu pproċessati għall-fini tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(b)id-data toriġina minn sorsi affidabbli, tkun akkurata u aġġornata;

(c)l-entità marbuta b’obbligu tadotta miżuri ta’ livell għoli ta’ sigurtà f’konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari f’termini ta’ kunfidenzjalità.

3.Minbarra l-paragrafu 2, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom ikunu jistgħu jipproċessaw data personali koperta mill-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/679 dment li:

(a)tali data personali tkun relatata mal-ħasil tal-flus, mar-reati predikati tiegħu jew mal-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)l-entitajiet marbutin b’obbligu ikollhom fis-seħħ proċeduri li jippermettu d-distinzjoni, fil-proċessar ta’ tali data, bejn allegazzjonijiet, investigazzjonijiet, proċedimenti u kundanni, filwaqt li jqisu d-dritt fundamentali għal proċess ġust, id-dritt tad-difiża u l-preżunzjoni ta’ innoċenza.

4.Id-data personali għandha tiġi pproċessata mill-entitajiet marbutin b’obbligu fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament għall-finijiet biss tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod li jkun inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet. Il-proċessar ta’ data personali fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament għal finijiet kummerċjali għandu jkun ipprojbit.

Artikolu 56

Żamma ta’ rekords

1.L-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iżommu d-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin f’konformità mal-liġi nazzjonali għall-fini tal-prevenzjoni, tad-detezzjoni u tal-investigazzjoni, mill-UIF jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn, ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu possibbli:

(a)kopja tad-dokumenti u tal-informazzjoni miksuba fit-twettiq tad-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent skont il-Kapitolu III, inkluża informazzjoni miksuba permezz ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika, u r-riżultati tal-analiżijiet imwettqin skont l-Artikolu 50;

(b)l-evidenza ta’ sostenn u r-rekords tat-tranżazzjonijiet, li jikkonsistu fid-dokumenti oriġinali jew kopji ammissibbli fi proċedimenti ġudizzjarji skont il-liġi nazzjonali applikabbli, li huma neċessarji sabiex jiġu identifikati t-tranżazzjonijiet.

2.B’deroga mill-paragrafu 1, l-entitajiet marbutin b’obbligu jistgħu jiddeċiedu li jissostitwixxu ż-żamma ta’ kopji tal-informazzjoni b’żamma tar-referenzi għal tali informazzjoni, dment li n-natura u l-metodu taż-żamma ta’ tali informazzjoni jiżguraw li l-entitajiet marbutin b’obbligu jkunu jistgħu jipprovdu minnufih lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni u li l-informazzjoni ma tkunx tista’ tiġi mmodifikata u lanqas tinbidel.

L-entitajiet marbutin b’obbligu li jagħmlu użu mid-deroga msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiddefinixxu fil-proċeduri interni tagħhom imfasslin skont l-Artikolu 7, il-kategoriji ta’ informazzjoni li għalihom iżommu referenza minflok kopja jew l-oriġinali, kif ukoll il-proċeduri sabiex tinstab l-informazzjoni bl-għan li tkun tista’ tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba.

3.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tinżamm għal perjodu ta’ ħames snin wara t-tmiem ta’ relazzjoni tan-negozju mal-klijent tagħhom jew wara d-data ta’ tranżazzjoni okkażjonali. Mal-iskadenza ta’ dak il-perjodu ta’ żamma, l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iħassru d-data personali.

Il-perjodu ta’ żamma msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fir-rigward tad-data aċċessibbli permezz tal-mekkaniżmi ċentralizzati msemmijin fl-Artikolu 14 tad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final].

4.Fejn, fi [id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], il-proċedimenti legali marbutin mal-prevenzjoni, mad-detezzjoni, mal-investigazzjoni jew mal-prosekuzzjoni ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu suspettat huma pendenti fi Stat Membru, u entità marbuta b’obbligu żżomm informazzjoni jew dokumenti dwar dawn il-proċedimenti pendenti, l-entità marbuta b’obbligu tista’ żżomm dik l-informazzjoni jew dawk id-dokumenti, f’konformità mal-liġi nazzjonali għal perjodu ta’ ħames snin minn [id-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament].

L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-evidenza applikabbli għall-investigazzjonijiet kriminali u għall-proċedimenti legali li jkunu għaddejjin, jippermettu jew jirrikjedu iż-żamma ta’ tali informazzjoni jew dokumenti għal perjodu ulterjuri ta’ ħames snin, fejn in-neċessità u l-proporzjonalità ta’ tali żamma ulterjuri jkunu ġew stabbiliti għall-prevenzjoni, għad-detezzjoni, għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu suspettat.

Artikolu 57

Forniment ta’ rekords lill-awtoritajiet kompetenti

L-entitajiet marbutin b’obbligu tagħhom għandu jkollhom fis-seħħ sistemi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jwieġbu b’mod sħiħ u rapidu għal mistoqsijiet mill-UIF tagħhom, jew minn awtoritajiet kompetenti oħrajn, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, dwar jekk attwalment għandhomx jew kellhomx, matul perjodu ta’ ħames snin qabel dik il-mistoqsija, relazzjoni tan-negozju ma’ persuni speċifikati, u dwar in-natura ta’ dik ir-relazzjoni, b’kanali siguri u b’mod li jiżgura l-kunfidenzjalità sħiħa tal-mistoqsijiet.

KAPITOLU VII

Miżuri sabiex jiġu mmitigati r-riskji li jirriżultaw minn strumenti anonimi

Artikolu 58

Kontijiet anonimi u ishma tal-portaturi u ċertifikati ta’ ishma tal-portaturi

1.L-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi għandhom ikunu pprojbiti milli jżommu kontijiet anonimi, passbooks anonimi, kaxex ta’ sikurezza għad-depożiti anonimi jew kartieri anonimi tal-kriptoassi kif ukoll kwalunkwe kont li b’xi mod ieħor jippermetti l-anonimizzazzjoni tad-detentur ta’ kont tal-klijent.

Is-sidien u l-benefiċjarji ta’ kontijiet anonimi eżistenti, ta’ passbooks anonimi, ta’ kaxex ta’ sikurezza għad-depożiti anonimi jew ta’ kartieri anonimi tal-kriptoassi għandhom ikunu soġġetti għal miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti qabel ma jintużaw dawk il-kontijiet, il-passbooks, il-kaxex għad-depożiti jew il-kartieri tal-kriptoassi bi kwalunkwe mod.

2.L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji li jaġixxu bħala akkwirenti ma għandhomx jaċċettaw pagamenti mwettqin b’kards anonimi mħallsin minn qabel maħruġin f’pajjiżi terzi, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-istandards tekniċi regolatorji adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 22 fuq il-bażi ta’ riskju baxx ipprovat.

3.Il-kumpaniji għandhom ikunu pprojbiti milli joħorġu ishma tal-portaturi, u għandhom jikkonvertu l-ishma tal-portaturi eżistenti kollha f’ishma reġistrati sa [sentejn wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament]. Madankollu, il-kumpaniji b’titoli elenkati f’suq regolat jew li l-ishma tagħhom jinħarġu bħala titoli intermedjati għandhom jitħallew iżommu ishma tal-portaturi.

Il-kumpaniji għandhom ikunu pprojbiti milli joħorġu ċertifikati ta’ ishma tal-portaturi li ma jkunux f’forma intermedjata.

Artikolu 59

Limiti għal pagamenti kbar fi flus

1.Persuni li jinnegozjaw f’oġġetti jew li jipprovdu servizzi jistgħu jaċċettaw jew jagħmlu pagament fi flus biss sa ammont ta’ EUR 10 000 jew ammont ekwivalenti f’munita nazzjonali jew barranija, kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni waħda kif ukoll jekk f’diversi operazzjonijiet li jidhru li jkunu assoċjati ma’ xulxin.

2.L-Istati Membri jistgħu jadottaw limiti aktar baxxi wara konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew f’konformità mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415/KE 57 . Dawk il-limiti aktar baxxi għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fi żmien 3 xhur mill-introduzzjoni tal-miżura fil-livell nazzjonali.

3.Meta l-limiti jkunu diġà jeżistu fil-livell nazzjonali li jkunu taħt il-limitu stabbilit fil-paragrafu 1, għandhom ikomplu japplikaw. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk il-limiti fi żmien 3 xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

4.Il-limitu msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:

(a)pagamenti bejn persuni fiżiċi li ma jkunux qed jaġixxu f’funzjoni professjonali;

(b)pagamenti jew depożiti magħmulin fil-bini tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. F’każijiet bħal dawn, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tirrapporta l-pagament jew id-depożitu ’l fuq mil-limitu lill-UIF.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa, li jinkludu sanzjonijiet kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jaġixxu fil-kapaċità professjonali tagħhom li jkunu suspettati bi ksur tal-limitu stabbilit fil-paragrafu 1, jew ta’ limitu aktar baxx adottat mill-Istati Membri.

6.Il-livell ġenerali tas-sanzjonijiet għandu jiġi kkalkolat, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, b’tali mod li jipproduċi riżultati proporzjonati għas-serjetà tal-ksur, u b’hekk jiskoraġġixxi b’mod effettiv aktar reati tal-istess tip.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 60

Atti delegati

1.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 23, 24 u 25 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

3.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 23, 24 u 25 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 23, 24 u 25 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ xahar min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahar fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 61

Kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu stabbilit mill-Artikolu 28 tar-Regolament [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għal riformulazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/847 - COM/2021/422 final]. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 62

Rieżami

Sa [5 snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], u kull tliet snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 63

Rapporti

Sa [3 snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvalutaw il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’:

(a)tnaqqis tal-perċentwal għall-identifikazzjoni tas-sjieda benefiċjarja tal-entitajiet legali;

(b)aktar tnaqqis tal-limitu għal pagamenti kbar fi flus kontanti.

Artikolu 64

Relazzjoni mad-Direttiva 2015/849

Ir-referenzi għad-Direttiva (UE) 2015/849 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għad-Direttiva [jekk jogħġbok daħħal referenza – proposta għas-6tt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus - COM/2021/423 final] u jinqraw f’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness IV.

Artikolu 65

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn [3 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Europol, “From suspicion to action: Converting financial intelligence into greater operational impact”, 2017.
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (COM/2019/360 final), ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta’ każijiet riċenti allegati ta’ ħasil tal-flus li jinvolvu istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE (COM/2019/373 final), ir-Rapport li jivvaluta l-qafas tal-kooperazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (COM/2019/371 final); Ir-Rapport ta’ Valutazzjoni tar-Riskji Supranazzjonali (COM/2019/370 final).
(3)    COM(2020) 605 final
(4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (C/2020/2800), ĠU C 164, 13.5.2020, p.21-33.
(5)    COM/2021/423 final
(6)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73)
(7)    COM/2021/421 final
(8)    COM/2021/422 final
(9)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Lulju 2020 dwar politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra (2020/2686(RSP)), P9_TA(2020)0204
(10)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, 12608/20
(11)    Jenħtieġ li r-referenzi kollha għal-“leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-AML/CFT” f’dan il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni jitqiesu bħala li jirreferu għal din id-Direttiva.
(12)    Id-Direttivi (UE) 2015/2366, 2014/92 u 2009/110, rispettivament.
(13)    B’mod partikolari, il-proposta għal regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, COM/2020/593 final.
(14)    Ir-Regolament (EU) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).
(15)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward l-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea, COM/2021/281 final.
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE, COM/2020/591 final.
(17)    Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni - Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja l-pakkett ta’ proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u Kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (AML/CFT), u l-infurzar tal-liġi, inklużi:
(18)    Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679)
(19)    Il-Kummissjoni tqis li l-iskemi taċ-ċittadinanza għall-investituri, jiġifieri, skemi li joffru ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru bi skambju għal pagamenti u għal investimenti ddeterminati minn qabel, ma jikkonformawx mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera (l-Artikolu 4(3) tat-TUE) u mal-istatus fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni kif stabbilit fit-Trattati (l-Artikolu 20 tat-TFUE). Bħala konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni ma tipproponix li tirregola skemi bħal dawn.
(20)    Inklużi l-emendi mistennijin għalih mill-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward l-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea, COM/2021/281 final.
(21)    ĠU C [...], [...], p. [...].
(22)    ĠU C, , p. .
(23)    Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).
(24)    Id-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43).
(25)    Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22).
(26)    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(27)    Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).
(28)    Ir-Regolament (EU) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).
(29)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(30)    Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(31)    2010/413/PESK: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, 27.7.2010, p. 39).
(32)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79).
(33)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1).
(34)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta’ Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1).
(35)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73) u l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 fir-rigward l-istabbiliment ta’ qafas għal Identità Diġitali Ewropea, COM/2021/281 final.
(36)    Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).
(37)    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(38)    Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(39)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(40)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(41)    ĠU C , , p. .
(42)    Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(43)    Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(44)    Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(45)    Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19).
(46)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(47)    Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).
(48)    Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).
(49)    Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).
(50)    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 1).
(51)    Ir-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 6).
(52)    Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
(53)    Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti, Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).
(54)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).
(55)    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE Test b’rilevanza għaż-ŻEE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(56)    Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).
(57)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew minn awtoritajiet nazzjonali dwar abbozzi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi (ĠU L 189, 3.7.1998, p. 42).

Brussell, 20.7.2021

COM(2021) 420 final

ANNESSI

Proposta għal


REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL


dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu

{SEC(2021) 391 final} - {SWD(2021) 190 final} - {SWD(2021) 191 final}


ANNESS I

Lista indikattiva tal-varjabbli tar-riskju

Din li ġejja hija lista mhux eżawrjenti tal-varjabbli tar-riskju li l-entitajiet marbutin b’obbligu għandhom iqisu meta jfasslu l-valutazzjoni tar-riskju tagħhom f’konformità mal-Artikolu 8 biex jiddeterminaw sa liema punt għandhom japplikaw miżuri ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti f’konformità mal-Artikolu 16:

(a)Varjabbli tar-riskju tal-klijent:

(i) in-negozju jew l-attività professjonali tal-klijent u tas-sid benefiċjarju tal-klijent;

(ii) ir-reputazzjoni tal-klijent u tas-sid benefiċjarju tal-klijent;

(iii) in-natura u l-imġiba tal-klijent u tas-sid benefiċjarju tal-klijent;

(iv) il-ġurisdizzjonijiet li fihom huma bbażati l-klijent u s-sid benefiċjarju tal-klijent;

(v) il-ġurisdizzjonijiet li huma l-postijiet prinċipali tan-negozju tal-klijent u tas-sid benefiċjarju tal-klijent;

(iv) il-ġurisdizzjonijiet li magħhom il-klijent u s-sid benefiċjarju tal-klijent għandhom rabtiet personali rilevanti;

(b)Il-varjabbli tar-riskju tal-prodott, tas-servizz jew tat-tranżazzjoni:

(i) l-iskop ta’ kont jew relazzjoni;

(ii) ir-regolarità jew id-duratura tar-relazzjoni ta’ negozju;

(iii) il-livell tal-assi li se jiġu ddepożitati minn klijent jew id-daqs tat-tranżazzjonijiet imwettqa;

(iv) il-livell ta’ trasparenza, jew opaċità, li joffri l-prodott, is-servizz jew it-tranżazzjoni;

(v) il-kumplessità tal-prodott, is-servizz jew it-tranżazzjoni;

(vi) il-valur jew id-daqs tal-prodott, servizz jew tranżazzjoni.

(c)Il-varjabbli tar-riskju tal-kanali tal-konsenja:

(i) il-punt sa fejn ir-relazzjoni ta’ negozju titwettaq fuq bażi mhux wiċċ imb’ wiċċ;

(ii) il-preżenza ta’ kwalunkwe introduttur jew intermedjarju li l-klijent jista’ juża u n-natura tar-relazzjoni tiegħu mal-klijent;

(d)Il-varjabbli tar-riskju għal assigurazzjoni tal-ħajja u għal assigurazzjoni oħra relatata mal-investiment:

(i) il-livell tar-riskju li jirrappreżenta l-benefiċjarju tal-polza tal-assigurazzjoni.



ANNESS II

Fatturi ta’ riskju aktar baxxi

Il-lista li ġejja hi lista mhux eżawrjenti tal-fatturi u tat-tipi ta’ evidenza ta’ riskju potenzjalment aktar baxx li jissemma fl-Artikolu 16:

(1)    Fatturi ta’ riskju tal-klijenti:

(a)kumpaniji pubbliċi elenkati fil-borża u soġġetti għal rekwiżiti ta’ divulgazzjoni (jew b’regoli tal-borża jew permezz ta’ liġi jew mezzi infurzabbli), li jimponu rekwiżiti biex tiġi żgurata trasparenza adegwata tas-sjieda benefiċjarja;

(b)amministrazzjonijiet jew impriżi pubbliċi;

(c)klijenti li huma residenti f’żoni ġeografiċi ta’ riskju aktar baxx kif indikat fil-punt (3);

(2)Il-fatturi ta’ riskju tal-prodotti, tas-servizzi, tat-tranżazzjonijiet jew tal-kanali tal-konsenja:

(a)poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja li għalihom il-primjum ikun baxx;

(b)poloz tal-assigurazzjoni għal skemi tal-pensjonijiet jekk ma jkunx hemm l-għażla ta’ rtirar bikri u l-polza ma tistax tintuża bħala kollateral;

(c)skema ta’ pensjoni, investiment għall-pensjoni jew skema simili li tipprovdi benefiċċji tal-irtirar għall-impjegati, fejn il-kontribuzzjonijiet isiru permezz ta’ tnaqqis mis-salarju, u r-regoli tal-iskema ma jippermettux l-assenjament tal-interess ta’ membru fl-iskema;

(d)prodotti jew servizzi finanzjarji li jipprovdu servizzi definiti u limitati kif xieraq għal ċerti tipi ta’ klijenti, sabiex jiżdied l-aċċess għall-fini ta’ inklużjoni finanzjarja;

(e)prodotti fejn ir-riskju tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jiġi kkontrollat minn fatturi oħrajn bħal-limiti fuq l-infiq jew it-trasparenza tas-sjieda (eż. ċerti tipi ta’ flus elettroniċi;

(3)Fatturi ta’ riskju ġeografiċi — reġistrazzjoni, stabbiliment, residenza fi:

(a)l-Istati Membri;

(b)pajjiżi terzi li għandhom sistemi effettivi ta’ AML/CFT;

(c)pajjiżi terzi identifikati minn sorsi kredibbli bħala li għandhom livell baxx ta’ korruzzjoni jew attività kriminali oħra;

(d)pajjiżi terzi li, abbażi ta’ sorsi kredibbli bħal evalwazzjonijiet reċiproċi, rapporti ta’ valutazzjoni dettaljati jew rapporti ta’ segwitu ppubblikati għandhom ir-rekwiżiti biex jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma konsistenti mar-Rakkomandazzjonijiet FATF u jimplimentaw b’mod effettiv dawk ir-rekwiżiti.

ANNESS III

Fatturi ta’ riskju ogħla

Il-lista li ġejja hi lista mhux eżawrjenti tal-fatturi u t-tipi ta’ evidenza ta’ riskju potenzjalment ogħla li jissemma fl-Artikolu 16:

(1)Fatturi ta’ riskju tal-klijenti:

(a)ir-relazzjoni ta’ negozju titwettaq f’ċirkustanzi mhux tas-soltu;

(b)klijenti li huma residenti f’żoni ġeografiċi ta’ riskju ogħla kif indikat fil-punt (3);

(c)persuni ġuridiċi jew arranġamenti li huma vetturi personali ta’ żamma ta’ assi;

(d)kumpaniji li għandhom azzjonisti nominati jew ishma f’forma ta’ bearer;

(e)negozji li huma intensivi fil-flus;

(f)l-istruttura tas-sjieda tal-kumpanija tidher mhux tas-soltu jew eċċessivament kumplessa meta wieħed iqis n-natura tan-negozju tal-kumpanija;

(g)il-klijent ikun ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għad-drittijiet ta’ residenza fi Stat Membru bi skambju għal kwalunkwe tip ta’ investiment, inklużi trasferimenti kapitali, xiri jew kiri ta’ proprjetà, investiment f’bonds tal-gvern, investiment f’entitajiet korporattivi, donazzjoni jew dotazzjoni ta’ attività li tikkontribwixxi għall-ġid pubbliku u kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-istat;

(2)Il-fatturi ta’ riskju tal-prodotti, tas-servizzi, tat-tranżazzjonijiet jew tal-kanali tal-konsenja:

(a)servizzi bankarji privati;

(b)prodotti jew tranżazzjonijiet li jistgħu jiffavorixxu l-anonimità;

(c)pagament riċevut minn partijiet terzi mhux magħrufin jew mhux assoċjati;

(d)prodotti ġodda u prattiki ġodda ta’ negozju, inkluż mekkaniżmu ġdid ta’ konsenja, u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda jew li qed jiġu żviluppati kemm għal prodotti ġodda kif ukoll għal dawk li kienu diġà jeżistu;

(e)transazzjonijiet relatati ma’ żejt, armi, metalli prezzjużi, prodotti tat-tabakk, artefatti kulturali u oġġetti oħrajn ta’ importanza arkeoloġika, storika, kulturali u reliġjuża, jew ta’ valur xjentifiku rari, kif ukoll avorju u speċi protetti;

(3)Fatturi ta’ riskju ġeografiċi:

(a)pajjiżi terzi soġġetti għal monitoraġġ akbar jew identifikati b’xi mod ieħor mill-FATF minħabba d-dgħufijiet ta’ konformità fis-sistemi AML/CFT tagħhom;

(b)pajjiżi terzi identifikati minn sorsi kredibbli/proċessi rikonoxxuti, bħal evalwazzjonijiet reċiproċi, rapporti ta’ valutazzjoni dettaljati jew rapporti ta’ segwitu ppubblikati, bħala pajjiżi li ma għandhomx sistemi effettivi ta’ AML/CFT;

(c)pajjiżi terzi identifikati minn sorsi kredibbli/proċessi rikonoxxuti bħala pajjiżi li għandhom livelli sinifikanti ta’ korruzzjoni jew attività kriminali oħra;

(d)pajjiżi terzi soġġetti għal sanzjonijiet, embargos jew miżuri simili maħruġa, pereżempju mill-Unjoni jew min-Nazzjonijiet Uniti;

(e)pajjiżi terzi li jipprovdu finanzjament jew appoġġ għal attivitajiet terroristiċi, jew li jkollhom organizzazzjonijiet ddeżinjati bħala terroristiċi li joperaw f’pajjiżhom.

ANNESS IV

Tabella ta’ korrelazzjoni

Id-Direttiva (UE) 2015/849

Id-Direttiva (UE) XXXX/XX [jekk jogħġbok daħħal referenza għall-proposta għas-6tt Direttiva kontra l-ħasil tal-flus]

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1(1)

-

-

L-Artikolu 1(2)

-

-

L-Artikolu 1(3)

L-Artikolu 2, il-punt (1)

L-Artikolu 1(4)

L-Artikolu 2, il-punt (1)

L-Artikolu 1(5)

L-Artikolu 2, il-punt (2)

L-Artikolu 1(6)

L-Artikolu 2, il-punti (1) u (2)

L-Artikolu 2(1)

L-Artikolu 3

L-Artikolu 2(2)

L-Artikolu 4

L-Artikolu 2(3)

L-Artikolu 5(1)

L-Artikolu 2(4)

L-Artikolu 5(2)

L-Artikolu 2(5)

L-Artikolu 5(3)

L-Artikolu 2(6)

L-Artikolu 5(4)

L-Artikolu 2(7)

L-Artikolu 5(5)

L-Artikolu 2(8)

L-Artikolu 6

L-Artikolu 2(9)

L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 5(6)

L-Artikolu 3, il-punt (1)

L-Artikolu 2, il-punt (5)

L-Artikolu 3, il-punt (2)

L-Artikolu 2, il-punt (6)

L-Artikolu 3, il-punt (3)

L-Artikolu 2, il-punt (4)

L-Artikolu 3, il-punt (4)

L-Artikolu 2, il-punt (3)

L-Artikolu 3, il-punt (5)

L-Artikolu 2, il-punt (35)

L-Artikolu 3, il-punt (6)

L-Artikolu 2, il-punt (22)

L-Artikolu 3, il-punt (6) (a)

L-Artikolu 42(1)

L-Artikolu 3, il-punt (6) (b)

L-Artikolu 43

L-Artikolu 3, il-punt (6) (c)

L-Artikolu 42(2)

L-Artikolu 3, il-punt (7)

L-Artikolu 2, il-punt (7)

L-Artikolu 3, il-punt (8)

L-Artikolu 2, il-punt (19)

L-Artikolu 3, il-punt (9)

L-Artikolu 2, il-punt (25)

L-Artikolu 3, il-punt (10)

L-Artikolu 2, il-punt (26)

L-Artikolu 3, il-punt (11)

L-Artikolu 2, il-punt (27)

L-Artikolu 3, il-punt (12)

L-Artikolu 2, il-punt (28)

L-Artikolu 3, il-punt (13)

L-Artikolu 2, il-punt (16)

L-Artikolu 3, il-punt (14)

L-Artikolu 2, il-punt (8)

L-Artikolu 3, il-punt (15)

L-Artikolu 2, il-punt (29)

L-Artikolu 3, il-punt (16)

L-Artikolu 2, il-punt (15)

L-Artikolu 3, il-punt (17)

L-Artikolu 2, il-punt (20)

L-Artikolu 3, il-punt (18)

L-Artikolu 2, il-punt (13)

L-Artikolu 3, il-punt (19)

-

-

L-Artikolu 4

L-Artikolu 3

L-Artikolu 5

-

-

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8

L-Artikolu 8(1)

L-Artikolu 8(1)

L-Artikolu 8(2)

L-Artikolu 8(2) u (3)

L-Artikolu 8(3)

L-Artikolu 7(1)

L-Artikolu 8(4)

L-Artikolu 7(2)

L-Artikolu 8(5)

L-Artikolu 7(2) u (3)

L-Artikolu 9

L-Artikolu 23

L-Artikolu 10

L-Artikolu 58

L-Artikolu 11

L-Artikolu 15

L-Artikolu 12

-

-

L-Artikolu 13(1)

L-Artikolu 16(1)

L-Artikolu 13(2)

L-Artikolu 16(2)

L-Artikolu 13(3)

L-Artikolu 16(2)

L-Artikolu 13(4)

L-Artikolu 16(4)

L-Artikolu 13(5)

L-Artikolu 37

L-Artikolu 13(6)

L-Artikolu 18(3)

L-Artikolu 14(1)

L-Artikolu 19(1)

L-Artikolu 14(2)

L-Artikolu 19(2)

L-Artikolu 14(3)

L-Artikolu 19(3)

L-Artikolu 14(4)

L-Artikolu 17

L-Artikolu 14(5)

L-Artikolu 21(2) u (3)

L-Artikolu 15

L-Artikolu 27

L-Artikolu 16

L-Artikolu 27(1)

L-Artikolu 17

-

-

L-Artikolu 18(1)

L-Artikolu 28(1)

L-Artikolu 18(2)

L-Artikolu 28(2)

L-Artikolu 18(3)

-

L-Artikolu 28(3)

L-Artikolu 18(4)

-

-

L-Artikolu 18a(1)

L-Artikolu 28(4)

L-Artikolu 18a(2)

-

L-Artikolu 23(5) u l-Artikolu 29, il-punt (a)

L-Artikolu 18a(3)

L-Artikolu 23(5) u l-Artikolu 29, il-punt (b)

L-Artikolu 18a(4)

-

-

L-Artikolu 18a(5)

-

-

L-Artikolu 19

L-Artikolu 30

L-Artikolu 20

L-Artikolu 32

L-Artikolu 20a

L-Artikolu 33

L-Artikolu 21

L-Artikolu 34

L-Artikolu 22

L-Artikolu 35

L-Artikolu 23

L-Artikolu 36

L-Artikolu 24

L-Artikolu 31

L-Artikolu 25

L-Artikolu 38(1)

L-Artikolu 26

L-Artikolu 38

L-Artikolu 27

L-Artikolu 39

L-Artikolu 28

L-Artikolu 38(3)

L-Artikolu 29

-

-

L-Artikolu 30(1)

L-Artikolu 45(1) u (3) u l-Artikolu 49

L-Artikolu 30(2)

L-Artikolu 45(4)

L-Artikolu 30(3)

L-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 30(4)

L-Artikolu 10(5)

L-Artikolu 30(5)

L-Artikolu 11 u l-Artikolu 12(1)

L-Artikolu 30(5)a

L-Artikolu 12(2)

L-Artikolu 30(6)

L-Artikolu 11(1), (2) u (3)

L-Artikolu 30(7)

L-Artikolu 45(2)

L-Artikolu 30(8)

L-Artikolu 18(4)

L-Artikolu 30(9)

L-Artikolu 13

L-Artikolu 30(10)

L-Artikolu 10(11) u (12)

L-Artikolu 31(1)

L-Artikolu 43(1) u 46(1) u l-Artikolu 49

L-Artikolu 31(2)

L-Artikolu 46(2)

L-Artikolu 31(3)

L-Artikolu 46(3)

L-Artikolu 31(3a)

L-Artikolu 10(1)

L-Artikolu 48

L-Artikolu 31(4)

L-Artikolu 11 u l-Artikolu 12(1)

L-Artikolu 31(4 a)

L-Artikolu 12(2)

L-Artikolu 31(5)

L-Artikolu 10(5)

L-Artikolu 31(6)

L-Artikolu 18(4)

L-Artikolu 31(7)

L-Artikolu 45(2)

L-Artikolu 31(7 a)

L-Artikolu 13

L-Artikolu 31(9)

L-Artikolu 10(11) u (12)

L-Artikolu 31(10)

L-Artikolu 43(2)

L-Artikolu 31 a

L-Artikolu 15(1)

L-Artikolu 32(1)

L-Artikolu 17(1)

L-Artikolu 32(2)

L-Artikolu 46(1)

L-Artikolu 32(3)

L-Artikolu 17(2), (4) u (5)

L-Artikolu 32(4)

L-Artikoli 18(1) u 19(1)

L-Artikolu 32(5)

L-Artikolu 19(1)

L-Artikolu 32(6)

L-Artikolu 19(2)

L-Artikolu 32(7)

L-Artikolu 20(1)

L-Artikolu 32(8)

L-Artikolu 17(3)

L-Artikolu 32(9)

L-Artikolu 18(4)

L-Artikolu 32 a(1)

L-Artikolu 14(1)

L-Artikolu 32 a(2)

L-Artikolu 14(2)

L-Artikolu 32 a(3)

L-Artikolu 14(3)

L-Artikolu 32 a(4)

L-Artikolu 14(4)

L-Artikolu 32b

L-Artikolu 16

L-Artikolu 33(1)

L-Artikolu 50(1)

L-Artikolu 33(2)

L-Artikolu 50(6)

L-Artikolu 34(1)

L-Artikolu 51(1)

L-Artikolu 34(2)

L-Artikolu 51(2)

L-Artikolu 34(3)

-

-

L-Artikolu 35

L-Artikolu 52

L-Artikolu 36

L-Artikolu 32

L-Artikolu 37

L-Artikolu 53

L-Artikolu 38

L-Artikolu 43(3)

L-Artikolu 11(3)

L-Artikolu 39

L-Artikolu 54

L-Artikolu 40

L-Artikolu 56

L-Artikolu 41

L-Artikolu 55

L-Artikolu 42

L-Artikolu 57

L-Artikolu 43

-

-

L-Artikolu 44(1)

L-Artikolu 9(1)

L-Artikolu 44(2)

L-Artikolu 9(2)

L-Artikolu 44(3)

L-Artikolu 9(3)

L-Artikolu 44(4)

L-Artikolu 9(6)

L-Artikolu 45(1)

L-Artikolu 13(1)

L-Artikolu 45(2)

-

-

L-Artikolu 45(3)

L-Artikolu 14(1)

L-Artikolu 45(4)

L-Artikolu 35

L-Artikolu 45(5)

L-Artikolu 14(2)

L-Artikolu 45(6)

L-Artikolu 14(3)

L-Artikolu 45(7)

L-Artikolu 14(4)

L-Artikolu 45(8)

L-Artikolu 13(2)

L-Artikolu 45(9)

L-Artikolu 5(1)

L-Artikolu 45(10)

L-Artikolu 5(2)

L-Artikolu 45(11)

L-Artikolu 5(3)

L-Artikolu 46(1)

L-Artikolu 10

L-Artikolu 46(2)

-

-

L-Artikolu 46(3)

L-Artikolu 21

L-Artikolu 46(4)

L-Artikolu 9

L-Artikolu 47(1)

L-Artikolu 4

L-Artikolu 47(2)

L-Artikolu 6(1)

L-Artikolu 47(3)

L-Artikolu 6(2)

L-Artikolu 48(1)

L-Artikolu 29(1)

L-Artikolu 48(1 a)

L-Artikolu 29(5) u l-Artikolu 46

L-Artikolu 48(2)

L-Artikolu 29(2) u (5)

L-Artikolu 48(3)

L-Artikolu 29(6)

L-Artikolu 48(4)

L-Artikoli 33 u 34

L-Artikolu 48(5)

L-Artikoli 33(4) u 34(2)

L-Artikolu 48(6)

L-Artikolu 31(1)

L-Artikolu 48(7)

L-Artikolu 31(2)

L-Artikolu 48(8)

L-Artikolu 31(5)

L-Artikolu 48(9)

L-Artikolu 29(3)

L-Artikolu 48(10)

L-Artikolu 31(4)

L-Artikolu 49

L-Artikolu 45(1)

L-Artikolu 50

L-Artikolu 47

L-Artikolu 50 a

L-Artikolu 45(3)

L-Artikolu 51

-

-

L-Artikolu 52

L-Artikolu 22

L-Artikolu 53

L-Artikolu 24

L-Artikolu 54

L-Artikolu 26

L-Artikolu 55

L-Artikolu 27

L-Artikolu 56

L-Artikolu 23(2) u (3)

L-Artikolu 57

L-Artikolu 28

L-Artikolu 57 a(1)

L-Artikolu 50(1)

L-Artikolu 57 a(2)

L-Artikolu 50(2)

L-Artikolu 57 a(3)

L-Artikolu 50(3)

L-Artikolu 57 a(4)

L-Artikoli 33(1) u 34(1) u (3)

L-Artikolu 57 a(5)

L-Artikolu 37

L-Artikolu 57b

L-Artikolu 51

L-Artikolu 58(1)

L-Artikolu 39(1)

L-Artikolu 58(2)

L-Artikolu 39(2)

L-Artikolu 58(3)

L-Artikolu 39(3)

L-Artikolu 58(4)

-

-

L-Artikolu 58(5)

L-Artikolu 39(4)

L-Artikolu 59(1)

L-Artikolu 40(1)

L-Artikolu 59(2)

L-Artikoli 40(2) u 41(1)

L-Artikolu 59(3)

L-Artikolu 40(3)

L-Artikolu 59(4)

L-Artikolu 40(4)

L-Artikolu 60(1)

L-Artikolu 42(1)

L-Artikolu 60(2)

L-Artikolu 42(2)

L-Artikolu 60(3)

L-Artikolu 42(3)

L-Artikolu 60(4)

L-Artikolu 39(5)

L-Artikolu 60(5)

L-Artikolu 42(4)

L-Artikolu 60(6)

L-Artikolu 42(5)

L-Artikolu 61

L-Artikolu 43

L-Artikolu 62(1)

L-Artikolu 44(1)

L-Artikolu 62(2)

L-Artikolu 6(6)

L-Artikolu 62(3)

L-Artikolu 44(2)

L-Artikolu 63

-

-

L-Artikolu 64

L-Artikolu 60

L-Artikolu 64 a

L-Artikolu 54

L-Artikolu 61

L-Artikolu 65

-

-

L-Artikolu 66

-

-

L-Artikolu 67

-

-

L-Artikolu 68

-

-

L-Artikolu 69

-

-

L-Anness I

L-Anness I

L-Anness II

L-Anness II

L-Anness III

L-Anness III

L-Anness IV

-

-