Brussell, 7.7.2021

COM(2021) 371 final/2

2021/0198(NLE)

CORRIGENDUM
This documents replaces COM(2021) 371 final of 6.07.2021
Addition of the inter-institutional reference

The text shall read as follows:

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-għan tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (minn issa ’l quddiem: “il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”), li sa issa hija rratifikata minn 101 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, huwa li jerġa’ jkun hemm l-istatus quo permezz tar-ritorn immedjat ta’ minuri mneħħija jew miżmuma b’mod illeċitu permezz ta’ sistema ta’ kooperazzjoni fost l-awtoritajiet ċentrali maħtura mill-Partijiet Kontraenti tagħha.

Billi l-prevenzjoni tal-ħtif tal-minuri hija parti essenzjali mill-politika tal-UE biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, l-Unjoni Ewropea hija attiva fil-livell internazzjonali biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tħeġġeġ lill-Istati terzi biex jaderixxu magħha.

It-Tuneżija ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-10 ta’ Lulju 2017. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-Tuneżija fl-1 ta’ Ottubru 2017.

L-Artikolu 38(4) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jistipula li l-Konvenzjoni tapplika bejn il-pajjiż aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

L-eżistenza tal-kompetenza esklużiva tal-UE fil-kwistjoni tal-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ Stat terz mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ġiet ikkonsultata fuq inizjattiva tal-Kummissjoni.

Fl-14 ta’ Ottubru 2014, l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea tinkorpora l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ Stat terz mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.

Il-Qorti insistiet fuq il-ħtieġa għall-uniformità dwar il-kwistjoni fil-livell tal-UE, sabiex tiġi evitata ġeometrija varjabbli fost l-Istati Membri.

Billi l-kwistjoni tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri taqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni jekk taċċettax l-adeżjoni tat-Tuneżija għandha tittieħed fil-livell tal-UE permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill. B’hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jiddepożitaw id-dikjarazzjoni ta’aċċettazzjoni rigward l-adeżjoni tat-Tuneżija fl-interess tal-Unjoni Ewropea.

L-aċċettazzjoni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tagħmel il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 applikabbli bejn it-Tuneżija u l-Istati Membri tal-UE ħlief id-Danimarka.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Sa fejn jikkonċerna l-ħtif ta’ minuri mill-ġenituri, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 hija l-kontroparti internazzjonali tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 (magħruf bħala r-Regolament Brussell IIa) li huwa l-element ċentrali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri.

Wieħed mill-objettivi tar-Regolament huwa li jiskoraġġixxi l-ħtif ta’ minuri bejn l-Istati Membri billi jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn immedjat tal-minuri fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom. Għal dan il-għan, ir-Regolament Brussell IIa jinkorpora fl-Artikolu 11 tiegħu il-proċedura stipulata fil-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u jikkomplementaha billi jiċċara wħud mill-aspetti tagħha, b’mod partikolari s-smigħ tal-minuri, il-perjodu ta’ żmien biex tittieħed deċiżjoni wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-ritorn u r-raġunijiet li ma jsirx ir-ritorn tal-minuri. Jintroduċi wkoll dispożizzjonijiet li jirregolaw ordnijiet kunfliġġenti ta’ ritorn u ta’ kontra r-ritorn maħruġa fi Stati Membri differenti.

Fil-livell internazzjonali, l-Unjoni Ewropea tappoġġa l-adeżjoni tal-Istati terzi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 sabiex l-Istati Membri tagħha jiddependu fuq qafas legali komuni biex jindirizzaw il-ħtif internazzjonali ta’ minuri.

Bejn Ġunju 2015 u Frar 2019 diġà ġew adottati 18-il Deċiżjoni tal-Kunsill sabiex tiġi aċċettata l-adeżjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri ta’ 26 pajjiż terz (il-Marokk, Singapore, il-Federazzjoni Russa, l-Albanija, Andorra, is-Seychelles, l-Armenja, ir-Repubblika tal-Korea, il-Każakistan, il-Perù, il-Georgia, l-Afrika t’Isfel, iċ-Ċilì, l-Iżlanda, il-Bahamas, il-Panama, l-Urugwaj, il-Kolombja, El Salvador u San Marino, ir-Repubblika Dominicana, il-Belarussja, l-Użbekistan, il-Honduras, l-Ekwador u l-Ukrajna) 1 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija marbuta b’mod evidenti mal-objettiv ġenerali minqux fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Is-sistema tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 hija mfassla biex tipproteġi lill-minuri mill-effetti ta’ ħsara ta’ ħtif mill-ġenituri u tiżgura li l-minuri jkunu jistgħu jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri, pereżempju billi tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta’ aċċess.

Ta’ min isemmi wkoll ir-rabta mal-promozzjoni tal-użu tal-medjazzjoni fis-soluzzjoni tat-tilwim familjari transfruntier. Id-Direttiva dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali 2 tapplika wkoll għal-liġi tal-familja fl-ispazju ġudizzjarju Ewropew komuni. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tħeġġeġ ukoll ir-riżoluzzjoni amikevoli tat-tilwim familjari. Waħda mill-Gwidi ta’ Prattika Tajba skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ippubblikata mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat hija ddedikata għall-użu tal-medjazzjoni għar-riżoluzzjoni tat-tilwim familjari internazzjonali li jikkonċerna l-minuri li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni. Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, minbarra fl-Ingliż u l-Franċiż din il-Gwida ġiet tradotta fil-lingwi kollha tal-UE u anki fl-Għarbi, biex tappoġġa d-djalogu mal-Istati li għadhom ma rratifikawx/aderewx mal-Konvenzjoni u tgħinhom isibu modi konkreti kif jindirizzaw il-problemi maħluqa mill-ħtif internazzjonali ta’ minuri 3 .

L-UE ppromwoviet ukoll il-kooperazzjoni fil-livell reġjonali, partikolarment fil-qasam tal-liġi tal-familja, billi ffinanzjat diversi attivitajiet permezz tal-Proġett EuroMed Justice. Il-komponent tal-Proġett li jismu “riżoluzzjoni tal-kunflitti familjari transfruntiera” jagħti attenzjoni partikolari liż-żwiġijiet imħallta b’enfasi fuq ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti li jikkonċernaw il-kustodja u d-drittijiet ta’ aċċess permezz tal-medjazzjoni u l-faċilitazzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess (pereżempju permezz ta’ kummissjonijiet ta’ konċiljazzjoni u ċentri ta’ kuntatt). It-Tuneżija, flimkien mal-pajjiżi Mediterranji l-oħra, hija benefiċjarja tad-diversi edizzjonijiet tal-Proġett.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jipprovdi li “[l]-adeżjoni [tal-Istati aderenti] jkollha effett biss fir-relazzjonijiet bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati Kontraenti li jkunu jiddikjaraw li aċċettaw il-adeżjoni”. Minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tirrigwarda l-aċċettazzjoni espliċita tal-adeżjoni ta’ Stat aderenti mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 mill-Istati Membri fl-interess tal-Unjoni, il-bażi ġuridika applikabbli hija l-Artikolu 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-bażi ġuridika sostantiva hija l-Artikolu 81(3) tat-TFUE, għaldaqstant il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew.

L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u għaldaqstant qed tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija mfassla fuq il-mudell tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill diġà adottati dwar l-istess suġġett u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ azzjoni koerenti tal-UE fil-qasam tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri billi tiżgura li l-Istati Membri kollha tal-UE jaċċettaw l-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 f’perjodu ta’ żmien stabbilit.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ikkonsultati mill-Kummissjoni dwar ir-rieda tagħhom li jaċċettaw l-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, taw opinjoni favorevoli.

Id-diskussjonijiet li saru waqt Laqgħa tal-esperti tat-2 ta’ Lulju 2019 urew li, b’eċċezzjoni waħda, ma hemm l-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Istati Membri għall-aċċettazzjoni tal-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

Il-Kummissjoni għandha fiduċja li aktar diskussjonijiet fil-livell tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Materji ta’ Dritt Ċivili se jwasslu għall-unanimità meħtieġa għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Bħala tħejjija għal-Laqgħa tal-esperti tat-2 ta’ Lulju 2019 u matul is-segwitu tagħha, il-Kummissjoni kienet f’kuntatt mill-qrib mal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, mad-Delegazzjoni tal-UE fit-Tuneżija u mal-Avukat Ġenerali fil-Ministeru għall-Ġustizzja, li huwa responsabbli għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u huwa l-persuna ta’ kuntatt maħtura fl-Awtorità Ċentrali.

Valutazzjoni tal-impatt

Rigward it-18-il Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni ta’ diversi Stati terzi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, li diġà ġew adottati fl-2015 u fl-2019, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt minħabba n-natura ta’ dan l-att leġiżlattiv. Madankollu, il-livell ta’ implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mit-Tuneżija ġie eżaminat fil-Laqgħa tal-esperti tat-2 ta’ Lulju 2019 li fiha kienu rrappreżentati l-Istati Membri kollha tal-UE. Bħala segwitu għal-laqgħa, il-Kummissjoni segwiet mill-qrib aktar żviluppi fit-Tuneżija.

Għall-bidu, l-Awtoritajiet Tuneżini esprimew il-fehma li ma kinitx strettament meħtieġa leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni li tapplika l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, billi l-konvenzjonijiet internazzjonali huma applikabbli direttament fis-sistema ġudizzjarja Tuneżina. Madankollu, twettqu diversi azzjonijiet u seminars ta’ taħriġ, anki fil-kuntest tal-Proġett EurMed Justice u IRZ (Deutsche Stiftung für Internationale Rechtliche Zusammenarbeit - Il-Fondazzjoni Ġermaniża għall-Kooperazzjoni Legali Internazzjonali) li wrew li, fl-opinjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hemm fis-seħħ bħalissa mhijiex biżżejjed biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni tal-Aja.

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-proċedura tar-ritorn ta’ minuri lejn ir-residenza abitwali tagħhom wara ħtif mill-ġenituri tiddaħħal b’mod ċar fis-sistema legali Tuneżina. Għal dan il-għan, ġiet stabbilita kummissjoni fil-Ministeru għall-Ġustizzja tat-Tuneżija li għandha l-kompitu li tħejji l-liġi ta’ implimentazzjoni li għandha tiġi ppreżentata lill-Gvern. Wara, jenħtieġ li l-liġi tiġi adottata mill-Parlament. 

Il-UNICEF (Bureau Soutien Système Justice des Enfants) se jappoġġa lill-Unità Ġdida “Justice pour les enfants” fil-Ministeru għall-Ġustizzja li għandha l-kompitu li tirrieżamina l-leġiżlazzjoni u tipproponi l-politiki f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal u t-taħriġ tal-prattikanti legali. Il-Bureau Soutien Système Justice des Enfants se jorganizza taħriġ speċifiku flimkien mal-Ecole Nationale de la Magistrature, indirizzat għall-imħallfin li se jkollhom japplikaw il-Konvenzjoni.

Anki jekk huwa evidenti li t-Tuneżija għad trid tistabbilixxi leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni xierqa, l-esperjenzi ta’ wħud mill-Istati Membri (pereżempju Franza) huma pożittivi sal-punt li hemm fis-seħħ qafas legali. Fil-fatt, id-dipendenza fuq ir-relazzjonijiet tat-Trattat mal-Istati Membri tal-UE hija meqjusa importanti ħafna mill-awtoritajiet Tuneżini li rreferew għal arranġamenti bilaterali eżistenti minn qabel (l-hekk imsejħa kummissjonijiet imħallta) fis-seħħ ma’ Franza, il-Belġju, l-Iżvezja u n-Norveġja. Qafas legali komuni mal-Istati Membri kollha tal-UE, li huwa rrappreżentat bil-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, jgħin fit-trattament u r-riżoluzzjoni tal-każijiet transfruntiera, anki fl-istennija tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ implimentazzjoni.

It-Tuneżija wkoll esprimiet ix-xewqa li jitwettqu aktar azzjonijiet ta’ taħriġ fl-Istati Membri tal-UE, possibbilment bil-Franċiż. F’Novembru 2018 l-Awtorità Ċentrali Franċiża għamlet seminar ta’ dan it-tip.

L-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ġiet aċċettata minn 11-il Parti Kontraenti, inkluż l-Iżvizzera.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Id-deċiżjoni proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Billi l-proposta tikkonċerna biss l-awtorizzazzjoni lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jaċċettaw l-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha huwa limitat għar-rispett mill-Istati Membri tal-kliem tad-dikjarazzjoni, l-iskeda taż-żmien biex jiddepożitawha u l-komunikazzjoni tad-depożitu tagħha lill-Kummissjoni, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill.



2021/0198 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Istati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 4 ,

Billi:

(1)L-Unjoni Ewropea stabbiliet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tal-tfal kontra t-tneħħija jew iż-żamma b’mod illeċitu huma parti essenzjali minn dik il-politika.

(2)Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 5 (“ir-Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jipproteġi lill-minuri mill-effetti ta’ ħsara tat-tneħħija jew taż-żamma b’mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn immedjat tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja.

(3)Ir-Regolament Brussell IIa jikkomplementa u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta’ obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn immedjat ta’ minuri mneħħija jew miżmuma b'mod illeċitu.

(4)L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(5)L-Unjoni tħeġġeġ lil Stati terzi biex jaderixxu mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-Kummissjonijiet Speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

(6)Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista’ jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri.

(7)Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

(8)Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għaldaqstant, l-Unjoni la tista’ taderixxi ma’ dik il-Konvenzjoni, u lanqas ma tista’ tressaq dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ Stat aderenti.

(9)Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta’ aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

(10)It-Tuneżija ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-10 ta’ Lulju 2017. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fit-Tuneżija fl-1 ta’ Ottubru 2017.

(11)Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija wasslet għall-konklużjoni li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jinsabu f’pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tat-Tuneżija skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(12)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jkunu awtorizzati jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tat-Tuneżija fl-interess tal-Unjoni f’konformità mat-termini stipulati f’din id-Deċiżjoni.

(13)L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament Brussell IIa u għaldaqstant qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(14)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma b’dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom, sa mhux aktar tard minn ... [12-il xahar wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], jiddepożitaw dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni, fformulata kif ġej:

“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tat-Tuneżija mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/…”

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jinfurmaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni tagħhom ta’ aċċettazzjoni tal-adeżjoni tat-Tuneżija u għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dik id-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jiddepożitawha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Diġà ġew adottati 18-il Deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizzaw lill-Istati Membri biex jaċċettaw l-adeżjoni ta’ Andorra mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1023 li ġiet adottata fil-15 ta’ Ġunju 2015); is-Seychelles (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2354 li ġiet adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); ir-Russja (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2355 li ġiet adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); l-Albanija (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2356 li ġiet adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); Singapore (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1024 li ġiet adottata fil-15 ta’ Ġunju 2015); il-Marokk (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2357 li ġiet adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); l-Armenja (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2358 li ġiet adottata fl-10 ta’ Diċembru 2015); ir-Repubblika tal-Korea (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/2313 li ġiet adottata fit-8 ta’ Diċembru 2016), il-Każakistan(id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/2311 li ġiet adottata fit-8.12.2016), il-Perù (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2016/2312 li ġiet adottata fit-8.12.2016); il-Georgia u l-Afrika t’Isfel (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2462 tat-18 ta’ Diċembru 2017); iċ-Ċilì, l-Iżlanda u l-Bahamas (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2424 tat-18 ta’ Diċembru 2017); il-Panama, l-Urugwaj, il-Kolombja u El Salvador (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2464 tat-18 ta’ Diċembru 2017); San Marino (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2463 tat-18 ta’ Diċembru 2017); ir-Repubblika Dominicana (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/305 tat-18 ta’ Frar 2019); l-Ekwador u l-Ukrajna (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/306 tat-18 ta’ Frar 2019); il-Honduras (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/307 tat-18 ta’ Frar 2019); il-Belarussja u l-Użbekistan (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/308 tat-18 ta’ Frar 2019). 
(2)    Id-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 136 tal-24 ta’ Mejju 2008, p. 3);
(3)     https://www.hcch.net/en/publications-and-studies/details4/?pid=5568&dtid=3
(4)    ĠU C , , p. .
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).