Brussell, 21.6.2021

COM(2021) 330 final

2018/0250(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna


2018/0250 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għas-Sigurtà Interna

1.Sfond

Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(id-dokument COM(2018) 472 final – 2018/0250 COD):

it-13 ta’ Ġunju 2018

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

is-17 ta’ Ottubru 2018

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

it-13 ta’ Marzu 2019

Data tal-adozzjoni tal-approċċ ġenerali parzjali tal-Kunsill:

is-7 ta’ Ġunju 2019

Data tal-adozzjoni tal-approċċ ġenerali tal-Kunsill:

it-12 ta’ Ottubru 2020

Data tal-ħames trilogu fejn intlaħaq qbil politiku dwar punti politiċi ewlenin:

l-10 ta’ Diċembru 2020

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

l-14 ta’ Ġunju 2021

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal Fond għas-Sigurtà Interna (FSI) imġedded u msaħħaħ biex jikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà fl-UE. Il-proposta kellha l-għan li ssaħħaħ il-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sigurtà interna.

Il-Fond jirrikonoxxi u jindirizza li s-sigurtà interna għandha dimensjoni intrinsikament transfruntiera u li huwa meħtieġ rispons b’saħħtu u koordinat fil-livell tal-UE. Il-Fond għandu l-għan li jżid il-livell ta’ sigurtà fl-UE b’mod partikolari billi jipprevjeni u jiġġieled it-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni, il-kriminalità serja u organizzata, u ċ-ċiberkriminalità, billi jgħin u jipproteġi lill-vittmi tal-kriminalità u jipprepara, jipproteġi u jiġġestixxi effettivament l-inċidenti, ir-riskji u l-kriżijiet relatati mas-sigurtà.

Kif identifikat fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti, kienet meħtieġa flessibilità akbar fil-ġestjoni tal-fond preċedenti biex jiġu sostnuti aħjar l-objettivi. Filwaqt li jipprovdi din il-flessibilità, il-proposta għall-Fond il-ġdid żgurat ukoll li l-finanzjament jiġi dirett lejn il-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom benefiċċju sinifikanti għall-Unjoni. Għaldaqstant ġew proposti mekkaniżmi ġodda għall-allokazzjoni tal-finanzjament għall-ġestjoni kondiviża, diretta u indiretta biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-prijoritajiet operazzjonali li qed jinbidlu.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill kif adottata fl-ewwel qari tirrifletti bis-sħiħ il-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, kif konkluż fl-10 ta’ Diċembru 2020. Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim kienu:

Objettivi u premessa dwar il-kooperazzjoni fl-intelligence: Intlaħaq qbil biex tiġi inkluża premessa minflok ir-raba’ objettiv speċifiku ġdid dwar il-kooperazzjoni fl-intelligence.

Il-Baġit: Il-pakkett finanzjarju kien allinjat mal-ammonti miftiehma għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027, jiġifieri EUR 1,9 biljun fi prezzijiet attwali. Is-sehem tal-faċilità tematika tal-pakkett finanzjarju totali tnaqqas minn 40 % għal 30 %. Barra minn hekk inżammet il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonalità għar-riċeviment ta’ finanzjament addizzjonali fil-fażi tar-rieżami ta’ nofs it-terminu. Kif propost, Stat Membru jrid jissottometti applikazzjonijiet għal pagament li jkopru mill-inqas 10 % tal-allokazzjoni inizjali biex il-programm tiegħu jkun eliġibbli li jirċievi allokazzjoni addizzjonali fil-qafas tar-rieżami ta’ nofs it-terminu.

Perċentwali minimi: Il-perċentwali minimi għall-allokazzjoni tal-fondi għall-objettivi speċifiċi, kif ġej:

(a)Mill-inqas 10 % tar-riżorsi għall-programmi tal-Istati Membri allokati għall-objettiv speċifiku dwar l-iskambju ta’ informazzjoni;

(b)Mill-inqas 10 % tar-riżorsi għall-programmi tal-Istati Membri allokati għall-objettiv speċifiku dwar il-kooperazzjoni operazzjonali.

F’każijiet debitament ġustifikati, l-Istat Membri jistgħu jiddevjaw mill-perċentwali ta’ finanzjament minimu fil-programmi tagħhom.

Ambitu tas-sostenn: L-azzjonijiet eliġibbli fil-qafas tal-objettivi tal-Fond elenkati fl-Anness III tal-FSI se jiġu ġestiti kif ġej:

(a)L-Anness III jibqa’ lista miftuħa għall-finijiet tal-programmi mfassla mill-Istati Membri;

(b)Għall-finijiet tal-programmi tal-faċilità tematika, l-Anness III jibqa’ lista miftuħa. Dan il-ftehim ippermetta flessibbiltà fir-rigward tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, billi l-Kummissjoni mhux se tkun ristretta għall-azzjonijiet elenkati fl-Anness III, u se jkollha l-possibbiltà ta’ ambitu usa’ ta’ azzjonijiet biex tindirizza theddid għas-sigurtà ġdid.

Pajjiżi terzi u d-dimensjoni esterna tal-Fond: Intlaħaq ftehim abbażi ta’ dan li ġej:

(a)Ġew inklużi salvagwardji addizzjonali għal azzjonijiet f’pajjiżi terzi u fir-rigward tagħhom (eż. proġetti tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom jeħtieġu approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni, u l-entitajiet eliġibbli stabbiliti f’pajjiżi terzi jistgħu jirċievu finanzjament biss jekk ikunu parti minn konsorzju b’mill-inqas entità waħda stabbilita fi Stat Membru);

(b)Ġew inklużi dispożizzjonijiet biex jenfasizzaw in-natura interna tal-Fond u li, filwaqt li azzjonijiet f’pajjiżi terzi jew b’rabta magħhom jibqgħu possibbli, il-programmi jridu primarjament jaqdu l-politika interna tal-Unjoni.

Finanzjament tal-aġenziji deċentralizzati: L-aġenziji deċentralizzati jistgħu eċċezzjonalment ikunu eliġibbli għal finanzjament fil-qafas tal-azzjonijiet tal-Unjoni, jekk dawn l-azzjonijiet jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-aġenziji u ma jkunux koperti mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-baġit tal-aġenziji.

Proċeduri ta’ adozzjoni għall-atti ta’ implimentazzjoni: Programmi ta’ ħidma tal-faċilità tematika li għandhom jiġu adottati b’atti ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura ta’ eżami (bil-“klawżola ta’ ebda opinjoni”). Il-proċedura aktar mgħaġġla tal-atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament ġiet inkluża għall-assistenza ta’ emerġenza. L-adozzjoni tal-mudell għar-rapport annwali dwar il-prestazzjoni se ssir permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni soġġett għall-proċedura konsultattiva.

Il-faċilità tematika: Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-użu u d-distribuzzjoni tal-faċilità tematika bejn il-komponenti tagħha, inkluż dwar l-appoġġ ipprovdut għal azzjonijiet f’pajjiżi terzi jew fir-rigward tagħhom fil-qafas tal-azzjonijiet tal-Unjoni. Meta, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata lilu, il-Parlament Ewropew jagħmel rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati fil-qafas tal-faċilità tematika, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tqis tali rakkomandazzjonijiet.

Azzjonijiet mhux eliġibbli li jenħtieġ li jkunu eliġibbli f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza: Intlaħaq ftehim li l-azzjonijiet limitati għaż-żamma tal-ordni pubbliku fil-livell nazzjonali biss jistgħu jsiru eliġibbli għal finanzjament f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Appoġġ operazzjonali: Il-perċentwal tal-allokazzjoni li jista’ jmur għall-appoġġ operazzjonali żdied għal 20 % (minn 10 % fil-proposta tal-Kummissjoni).

Perċentwali massimi għat-tagħmir, għall-mezzi tat-trasport u għall-faċilitajiet rilevanti għas-sigurtà u l-eliġibbiltà tat-tagħmir standard: Il-perċentwal tal-allokazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jonfqu fuq tagħmir, mezzi tat-trasport u faċilitajiet rilevanti għas-sigurtà żdied għal 35 % (minn 15 % fil-proposta tal-Kummissjoni). Ġie miftiehem ukoll li tiġi inkluża biss premessa u mhux artikolu fir-rigward tan-nuqqas ta’ eliġibbiltà tat-tagħmir standard, tal-mezzi tat-trasport u tal-faċilitajiet rilevanti għas-sigurtà.

Tagħmir b’diversi użi: Ġie miftiehem li l-Fond jista’ jiffinanzja tagħmir li jista’ jintuża wkoll għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-viżi, sakemm l-għan ewlieni jkun is-sigurtà interna.

Organizzazzjonijiet internazzjonali: Fit-test ġew integrati dispożizzjonijiet ġodda dwar l-awditjar u l-kontroll tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Indikaturi tal-prestazzjoni: L-indikaturi tar-riżultati u tal-output fl-Annessi V u VIII ġew issimplifikati.

Retroattività: Ġew inklużi dispożizzjonijiet ta’ retroattività biex jitqies li l-att ma kienx se jiġi adottat qabel tmiem l-2020.

B’mod ġenerali, il-ftehim li ntlaħaq jippreserva l-objettivi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, għalkemm possibbilment bi ftit inqas flessibbiltà u simplifikazzjoni milli kien propost fil-bidu. Il-ftehim iżomm l-istess livell ta’ ambizzjoni bħall-proposta inizjali u jipprovdi bażi legali fattibbli għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Fond.

Fl-aħħar trilogu politiku fl-10 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni indikat li kapaċi taċċetta elementi maqbula bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex jintlaħaq ftehim finali ġenerali.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.