Brussell, 16.7.2021

COM(2021) 318 final

2021/0221(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Eġittu


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Is-suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni biex testendi l-Prijoritajiet ta’ Sħubija UE-Eġittu sakemm ikunu adottati dokument bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Eġittu.

2.Il-kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jifforma l-bażi ġuridika għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Eġittu. Il-Ftehim għandu l-għan li

–jipprovdi qafas xieraq għad-djalogu politiku, li jippermetti l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi eqreb bejn il-Partijiet,

–jistabbilixxi kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ ta’ prodotti, servizzi u kapital,

–irawwem l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bbilanċjati bejn il-Partijiet permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni;

–jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Eġittu,

–jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni reġjonali biex tiġi kkonsolidata koeżistenza paċifika u l-istabbiltà ekonomika u politika,

–jippromwovi l-kooperazzjoni f’oqsma oħrajn li huma ta’ interess reċiproku.

2.2.Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim fil-każijiet li fih isir provvediment għalihom fih. Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista’ jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Skont ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jkun ippresedut, għal perjodu ta’ 12-il xahar kull darba, mill-UE u mill-Eġittu darba kull wieħed. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jiltaqa’ regolarment fil-livell ministerjali darba fis-sena. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni b’talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.3.L-att previst tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija UE-Eġittu 2017-2020 sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati mill-UE u l-Eġittu. Skont l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, id-deċiżjoni tiġi adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija UE-Eġittu hija bbażata fuq it-test tad-deċiżjoni annessa ma’ din id-Deċiżjoni.

L-UE u l-Eġittu adottaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija konġunti għall-2017-2020 fis-Seba’ Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu fil-25 ta’ Lulju 2017.

Fil-qafas tal-proċess kontinwu ta’ tiġdid tas-sħubija tal-UE mal-Viċinat tan-Nofsinhar u wara l-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-Istrument il-ġdid ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument, NDICI), it-tħejjija u l-adozzjoni ta’ dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mal-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, inkluż l-Eġittu, huma ppjanati għall-2021. F’dan il-qafas u biex jiġi evitat distakk bejn l-iskadenza tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Eġittu u l-adozzjoni ta’ oħrajn ġodda, huwa fl-interess tal-Partijiet li jestendu l-Prijoritajiet ta’ Sħubija attwali sakemm jiġu adottati oħrajn aġġornati ġodda.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE” 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa korp stabbilit bi ftehim, speċifikament il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

L-att li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali. L-att previst għandu effetti legali minħabba li se jestendi l-Prijoritajiet ta’ Sħubija sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw kooperazzjoni ma’ pajjiż terz fil-qafas ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 217.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Il-pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ta’ Assoċjazzjoni se jemenda l-perjodu ta’ validità tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu, jenħtieġ li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ladarba jiġi adottat.

2021/0221 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Eġittu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004 2 .

(2)Il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu ġew adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fil-25 ta’ Lulju 2017 3 .

(3)Iż-żewġ Partijiet qablu dwar il-validità kontinwa tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu bħala dokument ta’ gwida biex tiġi kkonsolidata s-sħubija sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda.

(4)Skont l-Artikolu 76 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.

(5)Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub biex jestendi l-Prijoritajiet ta’ Sħubija sakemm dokumenti bi sħab aġġornati ġodda jkunu adottati bejn l-UE u l-Eġittu.

(6)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, billi d-deċiżjoni tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija UE-Eġittu sakemm dokumenti bi sħab aġġornati ġodda jkunu adottati mill-UE u l-Eġittu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   F’isem il-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(2)    Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, referenza tal-Ġurnal Uffiċjali L 304 (30/09/2004)
(3)    Ir-Rakkomandazzjoni Nru 1/2017 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-25 ta’ Lulju 2017 dwar qbil dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu; ĠU L 255/26; 3.10.2017.

Brussell, 16.7.2021

COM(2021) 318 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Eġittu


ANNESS

DEĊIŻJONI Nru xx/2021 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-EĠITTU 

ta’ [dd/mm/yyy] 

li jaqbel dwar l-estensjoni tal-Prijoritajiet ta’ Sħubija UE-Eġittu

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-EĠITTU,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Eġittu, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim Ewro-Mediterranju”),

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fil-25 ta’ Ġunju 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2004 1 .

(2)Skont l-Artikolu 76 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.

(3)L-Artikolu 86 tal-Ftehim jipprovdi li l-Partijiet jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u jaraw li jinkisbu l-għanijiet stipulati fil-Ftehim.

(4)Fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-25 ta’ Lulju 2017, l-UE u l-Eġittu qablu dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija biex jiggwidaw is-sħubija għall-perjodu 2017-20 2 .

(5)Wara ittra mill-UE, iż-żewġ partijiet qablu dwar il-validità kontinwa tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu bħala dokument ta’ gwida biex tiġi kkonsolidata s-sħubija sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda.

(6)L-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jistipula l-possibbiltà li jittieħdu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub bejn is-sessjonijiet jekk il-Partijiet jaqblu li jsir dan;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li jaġixxi bi proċedura bil-miktub, jiddeċiedi li l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu adottati fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Eġittu fil-25 ta’ Lulju 2017 jiġu estiżi sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-UE u l-Eġittu.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi xx, [jum xahar sena].

   Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

(1)    Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, min-naħa l-oħra, referenza tal-Ġurnal Uffiċjali L 304 (30/09/2004)
(2)    Ir-Rakkomandazzjoni Nru 1/2017 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-25 ta’ Lulju 2017 dwar qbil dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Eġittu; ĠU L 255/26; 3.10.2017.