Brussell, 3.6.2021

COM(2021) 298 final

2018/0206(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)


2018/0206 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)

1.Sfond

Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2018) 382 final - 2018/0206 (COD) (2018) 1

it-30 ta’ Mejju 2018

Data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni

il-5 ta’ Diċembru 2018 u l-14 ta’ Ottubru 2020

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

is-17 ta’ Ottubru 2018 u t-18 ta’ Settembru 2020

Data tal-ftehim tal-Kunsill dwar approċċ ġenerali parzjali

it-3 ta’ April 2019

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari

l-4 ta’ April 2019

Data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2020) 447 final - 2018/0206 (COD)  2

it-28 ta’ Mejju 2020

Data tal-ftehim tal-Kunsill dwar approċċ ġenerali parzjali għall-proposta emendata

it-22 ta’ Lulju 2020

Data tat-trilogi

id-9 ta’ Diċembru 2019

it-23 ta’ Novembru 2020

l-10 ta’ Diċembru 2020

it-28 ta’ Jannar 2021

Data tal-ftehim politiku fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti

it-3 ta’ Marzu 2021

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

is-27 ta’ Mejju 2021

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) huwa l-fond ewlieni tal-UE għall-investimenti fin-nies. L-għan tal-FSE+ hu li jappoġġa lill-Istati Membri biex jiksbu livelli għoljin ta’ impjiegi, protezzjoni soċjali ġusta u forza tax-xogħol b’ħiliet u reżiljenti li tkun lesta għad-dinja futura tax-xogħol, kif ukoll soċjetajiet inklużivi u koeżivi li għandhom l-għan li jeqirdu l-faqar u jwettqu l-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

In-novitajiet ewlenin proposti mill-Kummissjoni fl-2018 sabiex il-fond isir aktar effettiv u effiċjenti kienu:

Fużjoni tal-fondi li jiffokaw fuq l-investimenti fin-nies: il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FGħEB), il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Programm għas-Saħħa.

Allinjament aktar b’saħħtu mas-Semestru Ewropew f’konformità mal-Prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Aktar flessibbiltà dwar ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika: aġġustati skont il-ħtiġijiet tal-Istati Membri.

Kamp ta’ applikazzjoni usa’ iżda inqas objettivi speċifiċi u aktar simplifikati.

Dimensjoni aktar b’saħħitha tal-inklużjoni soċjali, billi jiġu integrati l-FGħEB u l-FSE. Dan għandu jiffaċilita l-kombinament tal-provvisti tal-ikel/l-assistenza materjali mal-appoġġ għall-inklużjoni soċjali u l-miżuri attivi.

Introduzzjoni tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tal-kostijiet diretti tal-persunal u x-xiri ta’ tagħmir, għamara u vetturi.

L-obbligi dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar ġew simplifikati u l-indikaturi tnaqqsu.

F’Mejju 2020, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Pakkett għall-Irkupru, tqies pertinenti li tiġi emendata l-proposta tal-FSE+ biex jiġu riflessi ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jirkupraw mill-kriżi li għaddejja, f’terminu medju/twil.

Il-bidliet ewlenin kienu dawn li ġejjin:

Rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika ġodda u riveduti 3 :

Ir-rekwiżit ta’ konċentrazzjoni tematika dwar l-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ żdied minn 10 % għal 15 % għall-Istati Membri b’rata ogħla mill-medja tal-UE ta’ żgħażagħ fl-età bejn il-15 u d-29 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ.

Ġie introdott rekwiżit ta’ konċentrazzjoni tematika ġdid u fiss ta’ 5 % għall-indirizzar tal-faqar fost it-tfal għall-Istati Membri kollha.

Abbilitazzjoni ġdida għal miżuri temporanji b’rispons għal ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux tas-soltu.

Enfasi msaħħa fuq it-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Tneħħija tal-fergħa tas-Saħħa, li saret Programm separat tal-UE għas-Saħħa.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi. L-iktar bidliet importanti li ġew introdotti meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni jinkludu:

Artikolu 4(3) dwar il-miżuri temporanji għall-użu tal-FSE+ b’rispons għal ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux tas-soltu. Il-Kunsill introduċa limitu ta’ żmien ta’ 18-il xahar għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tadotta miżuri temporanji bħal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar fuq talba ta’ Stat Membru. It-test maqbul jgħid ukoll li l-Kummissjoni tista’ tipproponi emendi tar-Regolament dwar l-FSE+ wara valutazzjoni tal-użu tal-miżuri temporanji, u din il-proposta tista’ tinkludi emendi tar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika ħlief dawk relatati mal-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ, u mal-appoġġ għall-persuni l-aktar fil-bżonn.

Artikolu 5 dwar il-baġit. Il-baġit totali tal-FSE+ huwa stabbilit għal 88 biljun (prezzijiet tal-2018). Minn dawn it-88 biljun, 87,3 biljun huma allokati għall-fergħa tal-ġestjoni kondiviża tal-FSE+, u 676 miljun għall-fergħa tal-ġestjoni diretta tal-EaSI. Bħala parti mill-fergħa tal-ġestjoni kondiviża, 473 miljun se jiġu allokati lir-reġjuni ultraperiferiċi u liż-żoni tat-tramuntana skarsament popolati minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, filwaqt li 175 miljun se jiġu allokati għall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali, li se jkunu ġestiti taħt ġestjoni indiretta.

Artikolu 7 dwar ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika. Il-Kunsill iddeċieda dwar ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika li ġejjin:

Inklużjoni soċjali: mill-inqas 25 % għall-Istati Membri kollha.

Appoġġ għall-persuni l-aktar fil-bżonn: mill-inqas 3 % għall-Istati Membri kollha (apparti l-25 %), kif ukoll rata fissa ta’ kofinanzjament ta’ 90 %. Il-Kummissjoni pproponiet li mill-inqas 2 % jiġu inklużi bħala parti mill-25 % għall-inklużjoni soċjali.

Faqar fost it-tfal: mill-inqas 5 % għall-Istati Membri fejn il-faqar fost it-tfal huwa partikolarment preżenti (l-Istati Membri li għandhom rata medja ta’ tfal t’inqas minn 18-il sena f’riskju ta’ povertà jew esklużjoni soċjali għall-perjodu 2017 u 2019, ogħla mill-medja tal-Unjoni għal dak il-perjodu, abbażi tad-data tal-Eurostat) u obbligu għall-Istati Membri l-oħra li jallokaw ammont xieraq. Il-Kummissjoni pproponiet rata fissa ta’ 5 % għall-Istati Membri kollha.

Impjieg taż-Żgħażagħ: mill-inqas 12,5 % għall-Istati Membri fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa partikolarment preżenti (l-Istati Membri li għandhom rata ta’ żgħażagħ bejn il-15 u d-29 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ għall-perjodu 2017 u 2019, ogħla mill-medja tal-Unjoni għal dak il-perjodu, abbażi tad-data tal-Eurostat) u obbligu għall-Istati Membri l-oħra li jallokaw ammont xieraq. Il-Kummissjoni pproponiet 15 % għall-Istati Membri b’rata ta’ NEET ogħla mill-medja.

Bini tal-kapaċitajiet għas-sħab soċjali u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili: l-Istati Membri kollha jeħtieġ jallokaw ammont xieraq, u l-Istati Membri b’rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti għall-pajjiż rilevanti jeħtieġ jallokaw mill-inqas 0,25 %. Il-Kummissjoni pproponiet ammont “xieraq” għall-Istati Membri kollha.

Artikolu 8 dwar ir-rabta bejn l-FSE+ u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan l-artikolu l-ġdid jinkludi kontroreferenzi għad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni sabiex tissaħħaħ il-viżibbiltà tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Adozzjoni tal-Programm ta’ Ħidma tal-EaSI - il-Kunsill iddeċieda li l-Kummissjoni għandha tiġbor l-għarfien espert dwar it-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma annwali billi tikkonsulta l-Grupp ta’ Ħidma tal-fergħa tal-EaSI stabbilit taħt il-Kumitat tal-FSE+ (kumitat stabbilit bit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea), u tinvolvi wkoll lil partijiet ikkonċernati oħra. Il-kontenut tal-Programm ta’ Ħidma se jiġi definit skont l-Artikoli 25 u 26 (l-Artikolu 31 emendat), u l-Kummissjoni se tadotta l-programm ta’ ħidma annwali permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni sempliċi.

Il-Kummissjoni tilqa’ l-fatt li l-ftehim li ntlaħaq jippreserva b’mod ġenerali l-objettivi kumplessivi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni se toħroġ żewġ dikjarazzjonijiet li jenfasizzaw l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li l-Istati Membri jipprogrammaw ammont xieraq tar-riżorsi tagħhom tal-FSE+ biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar fost it-tfal, u jużaw ukoll strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE u r-riżorsi nazzjonali disponibbli biex jappoġġaw l-investimenti adegwati f’dawn l-oqsma.

Id-dikjarazzjonijiet se jinħarġu għall-votazzjoni f’seduta plenarja tal-Parlament Ewropew. Tħabbru fil-COREPER tat-3 ta’ Marzu u se jiżdiedu mal-minuti tal-Kunsill mal-adozzjoni tal-att. Se jintalbu jiġu ppubblikati fis-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Id-dikjarazzjonijiet huma annessi.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni taċċetta l-proposta tal-Kunsill.

(1)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2018:382:FIN  
(2)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020PC0447
(3)    Ikkalkulati skont l-allokazzjonijiet nazzjonali għall-ġestjoni kondiviża tal-FSE+

Brussell, 3.6.2021

COM(2021) 298 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)


ANNESS: Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni

Dwar l-investimenti tal-FSE+ fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal

Fl-2019 kien hemm 18-il miljun tifel u tifla f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali fl-UE, b’għadd kbir ħafna f’xi Stati Membri. It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha aggravaw l-inugwaljanzi u l-faqar b’effett aktar qawwi fuqhom. Il-faqar fost it-tfal huwa preżenti b’mod konsistenti fl-Istati Membri kollha u għadu ogħla minn dak tal-adulti fl-età tax-xogħol.

Għalhekk, il-Kummissjoni tilqa’ l-ftehim bilanċjat li jagħmel lill-FSE+ għodda deċiżiva biex tiġi indirizzata l-isfida tal-faqar fost it-tfal. Il-ftehim jirrikonoxxi l-urġenza li jsir investiment fit-tfal fl-Istati Membri kollha.

Fl-24 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal bl-għan li tindirizza l-isfida b’mod strutturali. Waqt il-programmazzjoni tal-FSE+, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-Istati Membri jiddedikaw finanzjament xieraq tal-FSE+ ħalli jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Barra minn hekk, se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw ukoll strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE u r-riżorsi nazzjonali disponibbli biex jappoġġaw l-investimenti adegwati f’dan il-qasam.

Dwar l-investimenti tal-FSE+ fl-impjieg taż-żgħażagħ

Il-Kummissjoni tenfasizza li ż-żgħażagħ intlaqtu b’mod sproporzjonat mill-kriżi soċjoekonomika wara t-tifqigħa tal-COVID-19. Minn Diċembru 2019 sa Diċembru 2020, il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied bi tliet punti perċentwali fl-UE, u b’hekk l-għadd ta’ żgħażagħ qiegħda tela’ għal aktar minn 3,1 miljuni. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li l-qgħad fost iż-żgħażagħ kien b’mod konsistenti u b’mod sinifikanti ogħla minn dak fost il-popolazzjoni adulta, bl-aħħar ċifri juru differenza ta’ aktar minn 10 punti perċentwali (17,8 % meta mqabbel ma’  6,6 % f’Diċembru 2020).

Il-Kummissjoni tilqa’ l-ftehim milħuq mill-koleġiżlaturi li jirrikonoxxi l-isfida fl-Istati Membri kollha. L-FSE+ huwa l-istrument ta’ finanzjament tal-UE l-aktar importanti biex jiġu implimentati l-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa li ġiet adottata riċentement, kif ukoll miżuri rilevanti oħra taħt l-inizjattiva Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ.

Waqt il-programmazzjoni tal-FSE+, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-Istati Membri jiddedikaw finanzjament xieraq tal-FSE+ ħalli jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa. Barra minn hekk, se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw ukoll strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE u r-riżorsi nazzjonali disponibbli biex jappoġġaw l-investimenti adegwati f’dan il-qasam.