IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.6.2021
COM(2021) 283 final
2018/0197(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni
2018/0197 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni
1.Il-kuntest
|
Id-data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
(id-dokument COM(2018) 372 final - 2018/0197 (COD)):
|
id-29 ta’ Mejju 2018
|
|
Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:
|
is-17 ta’ Ottubru 2018
|
|
Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni:
|
il-5 ta’ Diċembru 2018
|
|
Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:
|
is-26 ta’ Marzu 2019
|
|
Id-data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata
(id-dokument COM(2020) 452 final - 2018/0197 (COD)):
|
it-28 ta’ Mejju 2020
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ġie konsultat u ddeċieda li ma jagħtix opinjoni
|
/
|
|
Il-Kumitat tar-Reġjuni ġie konsultat u ddeċieda li ma jagħtix opinjoni
|
/
|
|
Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari:
|
is-27 ta’ Mejju 2021
|
2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-objettivi speċifiċi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”) u mill-Fond ta’ Koeżjoni fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-objettiv kumplessiv tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni minqux fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill, tirrispetta, b’xi eċċezzjonijiet limitati, l-arkitettura tar-Regolament u l-eliġibbiltà tal-Fondi definiti taħt l-objettivi speċifiċi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ kif proposti mill-Kummissjoni.
Il-modifiki prinċipali jirrigwardaw:
·il-possibbiltà li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni fil-livell nazzjonali jew inkella fil-livell ta’ kategorija tar-reġjuni (flessibilità akbar);
·l-illaxkar limitat tar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika permezz ta’ dan li ġej:
·tnaqqis tal-limiti ta’ konċentrazzjoni applikabbli għal pajjiżi jew reġjuni relattivament anqas għonja (l-Istati Membri bil-proporzjon tal-introjtu nazzjonali gross daqs jew anqas minn 100 % tal-medja tal-UE kif ukoll għar-reġjuni fi tranżizzjoni u r-reġjuni anqas żviluppati); min-naħa l-oħra, għar-reġjuni u l-pajjiżi l-aktar żviluppati, ġie stabbilit rekwiżit minimu għall-objettiv ta’ politika 2 (“Ewropa aktar ekoloġika”) ta’ 30 %;
·in-nefqa għall-ambjent u dik favorevoli għall-klima permezz tal-Fond ta’ Koeżjoni jgħoddu mal-konċentrazzjoni tematika;
·l-eżenzjoni tal-allokazzjonijiet speċifiċi għaż-żoni ultraperiferiċi u ż-żoni skarsament popolati mir-regoli ta’ konċentrazzjoni;
·l-objettivi speċifiċi “mobilità urbana” u “konnettività diġitali” jitressqu mill-objettiv ta’ politika 3 għall-objettivi ta’ politika koperti minn konċentrazzjoni tematika (l-objettivi ta’ politika 2 u 1 rispettivament). L-impatt ta’ tali tressiq ġie mmitigat billi tpoġġa limitu massimu fuq il-kontribuzzjoni massima permessa mingħand dawk is-setturi għar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika.
B’rabta mal-objettivi speċifiċi, tpoġġiet enfasi addizzjonali fuq l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-migranti kif ukoll fuq l-investiment fil-kultura u t-turiżmu sostenibbli.
B’rabta mal-oqsma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ, il-bidla prinċipali tirrigwarda l-eliġibbiltà tal-appoġġ għall-investimenti marbuta mal-fuels fossili, permezz ta’ eliġibbiltà limitata ħafna ta’ investimenti relatati mal-gass naturali soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. L-impatt tagħha ġie mmitigat permezz ta’ definizzjoni restrittiva ta’ investiment eliġibbli, l-iffissar ta’ limitu massimu tar-riżorsi li jistgħu jintużaw għall-appoġġ ta’ investimenti bħal dawn (ta’ anqas minn 1 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni) u limitazzjonijiet fuq iż-żmien. Ġew introdotti wkoll xi eċċezzjonijiet limitati għall-oqsma li ġeneralment huma esklużi, dment li tingħata ġustifikazzjoni, jiġifieri għal investiment immirat fl-infrastruttura tal-ajruporti, ġestjoni tal-iskart. Tneħħew l-esklużjonijiet rigward l-investimenti fil-qasam tal-broadband u l-materjal fuq ir-roti u għalihom se jkomplu japplikaw fl-intier tagħhom il-kundizzjonijiet korrispondenti skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
Iddaħħlet referenza għall-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, Ġew ristretti s-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li jistgħu jiġu attivati f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni.
Ġew enfasizzati l-objettivi tal-Fondi skont it-Trattati u l-kontribut tagħhom għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u ġiet misħuqa l-importanza taż-żoni żvantaġġati, inklużi ż-żoni rurali u ż-żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, iddaħħlet dispożizzjoni apposta li tipprevedi l-opportunità li jiġu ddedikati riżorsi għaż-żoni żvantaġġati fil-ftehimiet ta’ sħubija mħejjija mill-Istati Membri.
Ġiet rinforzata d-dimensjoni urbana billi r-rekwiżit tal-preallokazzjoni għall-azzjonijiet għal żvilupp urban sostenibbli ttella’ minn 6 % għal 8 % tar-riżorsi nazzjonali mill-FEŻR taħt il-mira tal-Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir.
Barra minn hekk, il-komponent il-ġdid ta “Investimenti Interreġjonali fl-Innovazzjoni” ġie trasferit mir-Regolament Interreg għar-Regolament dwar il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni u ġiet iċċarata l-modalità ta’ ġestjoni tiegħu.
4.Konklużjoni
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tippreżenta kompromess bilanċjat li jirrispetta l-ekwilibriju u l-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.