Brussell, 31.5.2021

COM(2021) 268 final

2021/0131(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar id-deċiżjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l- “Arranġament”) rigward deċiżjoni prevista biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet dwar ir-rata ta’ interess tal-Arranġament. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu Rati ta’ Referenza tal-Imgħax Kummerċjali (‘CIRRs’) minimi li japplikaw għal appoġġ uffiċjali għall-finanzjament għall-krediti ta’ esportazzjoni. Id-deċiżjoni prevista tarmonizza prattiki fost l-aderenti għall-Arranġament u tiżgura termini u kundizzjonijiet li jirriflettu dawk ta’ swieq finanzjarji privati.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati

L-Arranġament huwa Ftehim bejn ġentlomi bejn l-UE, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, il-Ġappun, il-Korea, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Awstralja, New Zealand u t-Turkija bil-għan li jipprovdi qafas għall-użu ordnat għal krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. Fil-prattika dan ifisser previżjoni ta' kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni (li permezz tagħhom il-kompetizzjoni tkun ibbażata fuq il-prezz u l-kwalità tal-prodotti esportati u mhux fuq it-termini finanzjarji mogħtija) u ħidma biex jiġu eliminati s-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali relatati ma’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament daħal fis-seħħ f’April tal-1978, huwa għal żmien indeterminat u għalkemm jirċievi l-appoġġ amministrattiv tas-Segretarjat tal-OECD, mhuwiex Att tal-OECD 1 .

L-Arranġament huwa soġġett għal aġġornamenti regolari, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq finanzjarju u tal-politika li jaffettwaw l-għoti ta’ krediti għall-esportazzjoni uffiċjalment appoġġati. L-Arranġament ġie traspost, u għalhekk sar legalment vinkolanti fl-UE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2   3 . Ir-reviżjonijiet tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-Arranġament huma inkorporati fil-liġi tal-UE permezz ta’ Atti delegati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

2.2.Il-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati

Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni fil-laqgħat tal-parteċipanti (“il-Parteċipanti”) tal-Arranġament, kif ukoll fil-proċeduri bil-miktub għat-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Parteċipanti tal-Arranġament. Id-deċiżjonijiet dwar l-emendi kollha tal-Arranġament jittieħdu b’kunsens. Il-pożizzjoni tal-Unjoni hija adottata mill-Kunsill u hija diskussa mill-Istati Membri fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni 4

L-Artikolu 63, punt (a), tal-Arranġament jipprovdi li “Il-Parteċipanti għandhom jirrevedu perjodikament s-sistema għall-iffissar tas-CIRRs sabiex ikun żgurat li r-rati notifikati jirriflettu l-kondizzjonijiet korrenti tas-suq u jissodisfaw l-għanijiet li jsostnu l-istabbiliment tar-rati operattivi. Dawn ir-reviżjonijiet għandhom ukoll ikopru l-marġini li jiżdied meta r-rati jiġu applikati.

2.3.L-Att previst tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati

Rieżami tas-sistema tas-CIRR ilu għaddej mill-bidu tal-2014. Ic-CIRRs huma rati ta’ interess minimi fissi li jistgħu jiġu offruti bħala parti mill-kuntratt ta’ finanzjament tal-esportazzjoni appoġġjat mill-gvern. Is-CIRRs huma fissi għal kull munita tal-Parteċipanti fl-Arranġament. Fil-127 laqgħa tal-Parteċipanti, li saret ’'Ġunju 2014, il-Parteċipanti inkarigaw lill-Esperti Tekniċi tal-Parteċipanti (‘TEP’) bir-rieżami tad-dixxiplini fl-Arranġamenti tas-CIRRs.

Ir-riforma tas-CIRR tikkostitwixxi f’riforma komprensiva li tkopri l-aspetti operazzjonali (eż. modalitajiet bħaż-żamma u l-iffissar tar-rati ta’ interess), kif ukoll aspetti strutturali (eż. rati bażi, marġni u ħlas addizzjonali). L-għan tar-riforma tas-CIRR huwa li jiġu armonizzati prattiki ta’ self fost il-Parteċipanti u s-CIRRs jitqarrbu aktar viċin lejn ir-rati tas-suq. Id-dispożizzjonijiet previsti dwar ir-RRIK ikunu applikabbli għat-tranżazzjonijiet kollha, minbarra t-tranżazzjonijiet koperti mill-Ftehim Settorjali għall-Bastimenti u l-Ftehim Settorjali għall-Inġenji tal-Ajru Ċivili.

Fil-141 Laqgħa tal-Parteċipanti li saret f’Ġunju 2019, il-President tat-TEP ippreżenta abbozz ta’ proposta tal-President dwar ir-riforma tas-CIRR li tfittex li ssib bilanċ bejn l-interessi u l-perspettivi diverġenti espressi matul il-ħidma teknika. L-abbozz tal-proposta tal-President irċieva appoġġ ġenerali wiesa’ mill-Parteċipanti, filwaqt li għadd ta’ kwistjonijiet minuri, kien għad iridu jiġu solvuti. Fil-laqgħa tal-Parteċipanti ta’ Novembru tas-sena li għaddiet, il-fehmiet tal-Parteċipanti kkonverġew. Il-Parteċipanti għall-Arranġament għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-abbozz tal-proposta permezz ta’ proċedura bil-miktub.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (“ASCM”) jipprovdi konċessjoni għall-Arranġament fil-lista illustrattiva ta’ sussidji għall-esportazzjoni, sakemm prattika ta’ kreditu għall-esportazzjoni li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Arranġament ma titqiesx bħala sussidju tal-esportazzjoni pprojbit ipprojbit mill-ASCM. Dan ifisser li jekk membru tad-WTO jkun parti għall-Arranġament u l-prattika tal-kreditu għall-esportazzjoni tiegħu tkun konformi mal-Arranġament jew jekk fil-prattika Membru tad-WTO japplika prattiki tar-rata tal-imgħax f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Arranġament, il-prattika tal-kreditu tal-esportazzjoni ma titqiesx bħala sussidju għall-esportazzjoni. Dan jagħti sinifikat partikolari lid-dispożizzjonijiet fl-Arranġament dwar ir-rati tal-imgħax.

Id-dispożizzjonijiet dwar is-CIRRs baqgħu ma nbidlux għal żmien twil u jeħtieġu riforma komprensiva. Il-finanzjament tal-kummerċ sar dejjem aktar deċiżiv f’deċiżjonijiet ta’ akkwist fil-kummerċ globali u dan wassal biex firxa wiesgħa ta’ prodotti finanzjarji u strutturi ta’ kuntratti jiġu offruti fi swieq finanzjarji privati. Sabiex tiġi żgurata l-konformità, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rati tal-imgħax tal-Arranġament jeħtieġ li jiġu adattati perjodikament għall-prattiki tas-suq li qed jevolvu. L-arranġament jiddeskrivi biss il-prinċipji ġenerali meta jipprovdi self sostnut mill-gvern b’rati tal-imgħax fissi u jiffoka fuq aspetti strutturali. Peress li l-Istati Membri jipprovdu CIRRs aktar milli jagħmlu l-biċċa l-kbira tal-Parteċipanti l-oħra u sabiex jikkonverġu l-prattiki fi ħdan l-UE, l-Istati Membri qablu informalment ma’ sett ta’ regoli li jkopri l-aspetti operattivi tas-sistema tas-CIRR, bħala komplement għad-dispożizzjonijiet fl-Arranġament. Minbarra l-Arranġament u l-linji gwida informali tal-UE, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri adottaw regolamenti nazzjonali tas-CIRR.

Id-Deċiżjoni prevista dwar ir-riforma tas-CIRR tipprovdi għal aġġornament aktar dettaljat u komprensiv tal-ANNESS XVI tal-Arranġament. Dawn ikunu jkopru kemm l-ispejjeż imġarrba mis-sellief qabel ma jkun ġie ffirmat kuntratt ta’ esportazzjoni minn xerrej (eż. regoli dwar it-tariffi minimi mitluba għall-offerta u l-iffissar tar-rata tal-imgħax), kif ukoll regoli dwar kif tiġi kkalkolata r-rata tal-imgħax, li tikkorrispondi għar-rendiment fuq bond tal-gvern flimkien ma’ marġni li jkopri kostijiet oħra ta’ finanzjament. Billi tinkorpora komponenti li jaffettwaw l-ispejjeż tal-finanzjament, ir-riforma tas-CIRR għandha l-għan li trendi koerenza akbar fit-termini u l-kundizzjonijiet offruti mill-ECAs u b’hekk tiżgura kundizzjonijiet ekwi fost il-Parteċipanti għall-Arranġament. B’dan il-mod, ir-riforma tillimita l-ambitu għall-Istati Membri tal-UE biex jadattaw id-dispożizzjonijiet tas-CIRRs fil-livell nazzjonali għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-industrija domestika. Huwa previst perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn li jippermetti żmien għall-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni li joffru self dirett biex jadattaw għal-linji gwida l-ġodda.

Fil-qosor, id-deċiżjoni prevista dwar ir-riforma tas-CIRR tinvolvi regoli kemm dwar l-aspetti operattivi kif ukoll dawk strutturali li jipprovdu koerenza politika akbar u jtejbu l-kundizzjonijiet ekwi fost il-Parteċipanti. Għalhekk, huwa rrakkomandat li l-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tapprova d-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-Arranġament permezz ta’ proċedura bil-miktub biex jiġu adottati linji gwida ġodda fuq is-CIRRs.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni” 5

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att previst huwa kapaċi jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-aktar ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE. Dan għaliex permezz tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament li jiddikjara li "Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 3 sabiex temenda l-Anness II b'riżultat ta’ emendi għal-linji gwida miftiehma mill-Parteċipanti għall-Arranġament".

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-krediti ta’ esportazzjoni, li huwa fi ħdan il-politika kummerċjali komuni. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2021/0131 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar id-deċiżjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti ta’ Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (“l-Arranġament”) ġew trasposti, u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-UE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 .

(2)F’konformità mal-Artikolu 63 tal-Arranġament, il-parteċipanti għall-Arranġament (l-‘Parteċipanti’) għandhom jirrevedu perjodikament s-sistema għall-iffissar tar-CCIR sabiex ikun żgurat li r-rati notifikati jirriflettu l-kondizzjonijiet korrenti tas-suq u jissodisfaw l-għanijiet li jsostnu l-istabbiliment tar-rati operattivi. Dawn ir-reviżjonijiet għandhom ukoll ikopru l-marġini li jiżdied meta r-rati jiġu applikati.

(3)Il-parteċipanti għandhom jiddeċiedu permezz ta’ proċedura bil-miktub dwar deċiżjoni prevista biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet fl-Arranġament dwar is-CIRRs.

(4)Id-Deċiżjoni prevista għar-riforma tad-dispożizzjonijiet dwar is-CIRRs għandha tipprovdi koerenza politika akbar u tarmonizza l-prattiki tas-self, u b’hekk ittejjeb il-kundizzjonijiet ekwi fost il-Parteċipanti. Barra minn hekk, għandha tqarreb ir-rati tal-imgħax fissi offruti fi tranżazzjonijiet ta’ kreditu għall-esportazzjoni appoġġati b’mod uffiċjali lejn ir-rati tas-suq u tiżgura li dawn ikunu adattati aħjar għat-termini u l-kundizzjonijiet offruti fis-suq finanzjarju privat. Perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn għandu jagħti żmien lill-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni biex jadottaw u jikkomunikaw il-linji gwida l-ġodda.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Laqgħa tal-Parteċipanti fl-Arranġament, peress li d-deċiżjoni prevista tkun tista’ tinfluwenza b’mod determinanti l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi proċedura bil-miktub tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati fir-rigward tad-deċiżjoni prevista biex temenda d-deċiżjoni biex temenda d-dispożizzjoni tas-CIRR għandha tkun ibbażata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Kif definit fl-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-OECD.
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).
(3)    Fil-passat, verżjonijiet preċedenti tal-Arranġament tal-OECD ġew trasposti fid-dritt tal-UE permezz ta’ Deċiżjonijiet tal-Kunsill.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Politika għall-Assigurazzjoni ta’ Kreditu, Garanziji ta’ Kreditu u Krediti Finanzjarji, (ĠU 66, 27.10.1960, p. 1339).
(5)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (“ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45) (“Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011”).

Brussell, 31.5.2021

COM(2021) 268 final

ANNESS

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar id-deċiżjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni prevista tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati


ANNESS

PROPOSTA

ANNESS XVII

TAQSIMA 1:IL-KOSTRUZZJONI TAS-CIRR

1.CIRR għandu jiġi stabbilit għal kull munita tal-Parteċipanti, sakemm id-data meħtieġa tkun disponibbli għas-Segretarjat. Parteċipant jew mhux Parteċipant jista' jitlob li tiġi stabbilita CIRR għall-munita ta' min mhuwiex Parteċipant. F'konsultazzjoni ma’ dak interessat li mhux parteċipant, Parteċipant jew is-Segretarjat f'isem dak li mhux Parteċipant jista' jagħmel proposta għall-kostruzzjoni tas-CIRR f'dik il-munita.

2.Il-Parteċipanti l-oħra jużaw is-CIRR iffissata għal munita partikolari jekk jiddeċiedu li jiffinanzjaw f'dik il-munita.

3.Is-CIRR hija magħmula minn rata bażi u marġni.

4.Is-CIRR minima għal kull munita għandha tkun inqas minn 15-il punt bażi.

I.STABBILIMENT TAR-RATA BAŻI

5.Ir-rati tas-CIRR għandhom jiġu kkalkulati kull xahar u jkunu effettivi fil-15 ta’ kull xahar.

6.Ir-rati bażi tas-CIRR huma komputati bl-użu ta’ rendimenti tal-bonds tal-gvern.

7.Il-maturità tal-bond tal-gvern li għandha tintuża għal kull tranżazzjoni għandha tiġi determinata skont il-formola li jmiss: Perjodu ta’ prelevament + 0.5 Perjodu ta’ Ħlas Lura + 0.5 Frekwenza ta’ Ħlas Lura fi snin 1 (għal profili standard ta’ ħlas lura). Għal tranżazzjonijiet bi profil tal-ħlas lura mhux standard, għandha tiġi applikata l-formola li jmiss: DP + [∑ ( − ) ] / ∑ =1 =1 1/365] 2 . Ir-riżultat se jitqarreb għall-eqreb sena, b’livell massimu ta’ għaxar snin u b’livell minimu ta’ tliet snin.

8.Il-parteċipanti għandhom jikkomputaw ir-rendimenti tal-bond billi jużaw il-mezz aritmetiku għar-rendimenti kollha ta’ kuljum tal-bonds tal-gvern ta’ 3,4,5,6,7,8,9 u 10 snin tax-xahar kalendarju ta’ qabel għall-muniti rispettivi tagħhom. Dawk ir-rendimenti għandhom jiġu rrappurtati lis-Segretarjat mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara t-tmiem ta’ kull xahar u għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq bażi ta’ kull xahar.

9.Il-parteċipanti jistgħu jużaw interpolazzjoni lineari sabiex jiksbu r-rendimenti meħtieġa sakemm din tkun fi ħdan ir-reġjun ta’ interpolazzjoni ta’ bonds tal-gvern ta’ sentejn sa u li jinkludu bonds tal-gvern ta’ 15-il sena. Estrapolazzjoni għal rendiment ta’ bonds aktar baxx jew ogħla m’għandhiex tkun permessa.

10.Fil-każ fejn id-data għal bond tal-gvern meħtieġ wieħed jew aktar ma setgħetx tinkiseb (skont l-Artikoli 8 u 9), ma jkun hemm l-ebda CIRR f’dik il-munita għal tranżazzjonijiet li jeħtieġu tali maturitajiet (l-Artikolu 7 jirreferi) sakemm id-data nieqsa tikkonċerna maturitajiet u data iqsar għal maturitajiet ogħla (sa 10 snin). F’każ bħal dan, ir-rendimenti tal-bond tal-gvern l-aktar għoli għandhom jintużaw biex jiġu kkalkulati r-rati bażi li jeħtieġu maturitajiet iqsar bħal dawn.

II.STABBILIMENT TAL-MARĠINI

11.Il-marġni għandu jiġi kkalkulat fuq bażi trimestrali (rispettivament fl-15 ta’ Jannar, il-15 ta’ April, il-15 ta’ Lulju u l-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena) skont ir-rendimenti tal-firxa ta’ ħames snin (id-differenza bejn ir-rata tal-bonds tal-gvern fuq ħames snin u r-rata ta’ swap ta’ ħames snin).

12.Il-marġni għandu jiġi kkalkulat billi tintuża l-formula li ġejja: 0.5 * (medja ta’ tliet xhur tar-rendimenti tal-firxa tal-iswap ta’ ħames snin ta’ kuljum) + 80 punt bażi. Ir-riżultat għandu jitqarreb għall-eqreb punt bażi u għandu jkollu limitu massimu ta’ 120 punt bażi u f’minimu ta’ 80 punt bażi.

13.Il-medja ta’ tliet xhur tal-firxiet ta’ swaps ta’ ħames snin ta’ kuljum li għandhom jintużaw għandha tinkiseb billi tiġi kkalkolata l-medja aritmetika tal-firxa ta’ swaps ta’ ħames snin ta’ kuljum tal-aħħar tliet xhur kalendarji fil-muniti rilevanti. Dawn għandhom jiġu rrappurtati lis-Segretarjat mhux aktar tard minn ħamest ijiem wara t-tmiem ta’ kull trimestru

14.Fil-każ fejn il-firxa ta’ swap ta’ ħames snin ma tkunx disponibbli fis-suq għal munita partikolari, il-marġni għandu jiġi stabbilit għal 100 bps.

15.Il-marġnijiet li jirriżultaw għandhom ikunu disponibbli pubblikament fil-bidu ta’ kull trimestru.

TAQSIMA 2:IL-KOSTRUZZJONI TAS-CIRR

16.Meta s-sostenn uffiċjali għall-finanzjament jingħata għall-self b'rati varjabbli, il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra m'għandhomx jitħallew li joffru l-opzjoni tal-inqas bejn is-CIRR (fil-mument tal-kuntratt oriġinali) u r-rata tas-suq ta' perjodu qasir matul iż-żmien kollu tas-self.

I.IL-PERJODU TA' VALIDITÀ TAS-CIRR

17.CIRR tista’ tiġi llokkjata qabel, fi, jew wara d-Data tal-Kuntratt Finanzjarju (DFC).

18.Fil-każ fejn CIRR tkun illokkjata u miżmuma qabel id-DFC, il-Perjodu ta’ Parteċipazzjoni ma għandux jaqbeż it-12-il xahar konsekuttiv 3 , it-tul tal-Perjodu ta’ Parteċipazzjoni għandu jiġi deċiż mhux aktar tard mid-Data tal-Quote (DOQ), u għandha tiżdied firxa addizzjonali mas-CIRR applikabbli skont it-tabella ta’ hawn taħt.



Perjodu ta’ żamma (f’xhur)

Kost tal-perjodu ta’ parteċipazzjoni

xahar żamma

20 punt bażi

xahrejn żamma

20 punt bażi

tliet xhur żamma

20 punt bażi

erba’ xhur żamma

20 punt bażi

ħames xhur żamma

20 punt bażi

sitt xhur żamma

20 punt bażi

seba’ xhur żamma

23 punt bażi

tmien xhur żamma

26 punt bażi

disa’ xhur żamma

30 punt bażi

għaxar xhur żamma

34 punt bażi

ħdax-il xahar żamma

39 punt bażi

tnax-il xahar żamma

44 punt bażi

19.Jekk il-Perjodu ta’ Parteċipazzjoni jiskadi qabel id-DFC, ir-rata tas-CIRR tista’ tiġi ssettjata mill-ġdid immedjatament jew aktar tard u tinżamm għal Perjodu ta’ Parteċipazzjoni ġdid. Jekk l-iffirmar tal-kuntratt kummerċjali (SCC) ikun seħħ qabel l-issettjar mill-ġdid, ir-rata ssettjata mill-ġdid ma għandhiex tkun aktar baxxa mir-rata l-aktar reċenti li tkun ġiet illokkjata qabel. M’hemm ebda limitu għad-drabi li CIRR tista’ tiġi ssettjata mill-ġdid.

20.Kwalunkwe bidla fil-Perjodu ta’ Akkumulazzjoni tal-Imgħax qabel jew fid-DFC għandha tiskatta kalkolu mill-ġdid tar-rata bażi tas-CIRR. Tali kalkolu mill-ġdid għandu jkun ibbażat fuq il-Perjodu ta’ Akkumulazzjoni tal-Imgħax il-ġdid bl-użu tar-rati bażi fis-seħħ fid-DOQ inizjali; ma għandhiex titqies bħala risettjar jew kanċellazzjoni tar-rata tas-CIRR.

II.TARIFFA TA’ IMPENN

21.Għandha tintalab tariffa ta’ impenn għall-krediti diretti. Jekk is-CIRR tkun ġiet illokkjata qabel jew fid-DFC, it-tariffa tal-impenn għandha tiġi ċċarġjata minnufih wara d-DFC. Jekk is-CIRR tkun ġiet illokkjata wara d-DFC, din għandha tiġi ċċarġjata immedjatament wara d-DOQ.

22.Il-parteċipanti għandhom jitolbu tariffa tal-impenn bil-prattiki tas-suq kummerċjali jew’ il fuq minnhom sakemm din l-informazzjoni tkun disponibbli.

III.IKKANĊELLAR VOLONTARJU U PREPAGAMENT VOLONTARJU

23.Jekk rata CIRR tiġi kkanċellata volontarjament, kwalunkwe rata tas-CIRR sussegwenti li tiġi kkwotata għall-istess tranżazzjoni u l-istess esportatur ma għandhiex tkun inqas mill-aħħar CIRR ikkwotata qabel.

24.Qabel id-DFC, ma hemm l-ebda kost għall-kanċellazzjoni ta’ rata CIRR jew għall-qlib għal rata varjabbli.

25.Ladarba jkun seħħ id-DFC u irrispettivament minn meta ġiet stabbilita s-CIRR, fil-każ ta’ kanċellazzjoni volontarja jew prepagament volontarju ta’ self jew kwalunkwe porzjon minnu, il-mutwatarju għandu jikkumpensa lill-istituzzjoni tal-gvern li tipprovdi appoġġ uffiċjali għall-ispejjeż u t-telf kollha mġarrba b’riżultat ta’ tali prepagament bikri jew kanċellazzjoni volontarja. Dan jinkludi l-ispejjeż għall-istituzzjoni tal-gvern biex tissostitwixxi l-parti tal-influss tal-flus mistenni b’rata fissa interrott mill-prepagament bikri jew il-kanċellazzjoni volontarja.

TAQSIMA 3:RIEŻAMI U FTEHIMIET TRANŻITORJI

26.Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness għandhom jidħlu fis-seħħ sentejn wara d-data tal-ftehim tar-riforma għal tranżazzjonijiet impenjati minn dik id-data ‘l quddiem.

27.Il-parteċipanti għandhom iwettqu reviżjoni komprensiva tad-dispożizzjonijiet tas-CIRR dettaljati f’dan l-anness mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data tal-ftehim tar-riforma.

II.ADDIZZJONIJIET GĦALL-ANNESS XV (LISTA TA’ DEFINIZZJONIJIET)

·Data tal-Kuntratt Finanzjarju (DFC): id-data li fiha l-partijiet kollha għall-Kuntratt Finanzjarju huma marbuta, b’kont meħud ta’ kwalunkwe obbligu legali li jinvolvi.

·Data tal-Kwotazzjoni (DOQ): id-data li fiha tiġi llokkjata CIRR.

·Perjodu ta’ Żamma: il-perjodu li jibda minn DOQ u jispiċċa f’DFC.

·Perjodu ta’ Akkumulazzjoni tal-Imgħax: il-perjodu li matulu jakkumula l-imgħax (jiġifieri mill-ewwel żborż sal-aħħar ripagament tal-kapital: perjodu ta’ ġbid ta’ kreditu + perjodu ta’ ħlas lura).

III.MODIFIKA TAL-ARTIKOLU 20 MAD-DĦUL FIS-SEĦĦ TAR-RIFORMA

20.KOSTRUZZJONI U APPLIKAZZJONI TA’ CIRRs

(a)Is-CIRR għall-appoġġ uffiċjali b’finanzjament ipprovdut skont l-Arranġament u l-Annessi kollha tiegħu għajr il-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għal BastimentiInġenji tal-Ajru Ċivili (l-Anness III) hija ddeterminata u applikata skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness XVI.

(b)Is-CIRR għall-appoġġ uffiċjali b’finanzjament ipprovdut skont l-Arranġament u l-Annessi kollha tiegħu għajr il-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għal Bastimenti (l-Anness I) u l-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għal Inġenji tal-Ajru Ċivili (l-Anness III) hija ddeterminata u applikata skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness XVII.

(1)    Il-Frekwenza tal-Ħlas Lura għal pagament annwali = 1, għal pagamenti semi-annwali = 0,5 u għal pagamenti kull tliet xhur = 0,25.
(2)    tli = data tal-i pagament; tsp = data tal-punt tat-tluq; Dli = ammont imħallas fl-i pagament.
(3)    Jekk il-Perjodu ta’ Parteċipazzjoni jiskadi qabel is-CIRR, din tissettja l-countdown għall-għadd ta’ xhur lura għal żero.