IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.5.2021
COM(2021) 225 final
2018/0328(COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni
2018/0328 (COD)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni
1.Sfond
|
Data meta ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM/2018/630 final – 2018/0328 COD)
|
it-12 ta’ Settembru 2018
|
|
Data tal-ftehim tal-Kunsill dwar mandat ta’ negozjar
|
it-13 ta’ Marzu 2019
|
|
Data tat-trilogu 1
|
it-13 ta’ Marzu 2019
|
|
Data tat-trilogu 2
|
l-20 ta’ Marzu 2019
|
|
Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari
|
is-17 ta’ April 2019
|
|
Data tal-ftehim tal-Kunsill dwar mandat ta’ negozjar rivedut
|
it-3 ta’ Ġunju 2020
|
|
Data tat-trilogu 3
|
il-25 ta’ Ġunju 2020
|
|
Data tal-ftehim tal-Kunsill dwar mandat ta’ negozjar rivedut
|
it-22 ta’ Lulju 2020
|
|
Data tat-trilogu 4
|
id-29 ta’ Ottubru 2020
|
|
Data tal-ftehim tal-Kunsill dwar mandat ta’ negozjar rivedut
|
id-9 ta’ Diċembru 2020
|
|
Dati tat-trilogu 5 (finali)
|
il-11 ta’ Diċembru 2020
|
|
Data tal-ftehim politiku fil-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti
|
is-16 ta’ Diċembru 2020
|
|
Data meta l-Kumitat ITRE tal-Parlament Ewropew ivvota favur l-approvazzjoni tal-ftehim ta’ kompromess
|
l-14 ta’ Jannar 2021
|
|
Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
|
l-20 ta’ April 2021
|
2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni
Il-proposta tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “iċ-Ċentru”) u n-Network ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “in-Network”), kellha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet Ewropej taċ-ċibersigurtà, tipproteġi l-ekonomija u s-soċjetà tagħna miċ-ċiberattakki, iżżomm l-eċċellenza fir-riċerka u ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni f’dan il-qasam. Bassret li ċ-Ċentru se jkun qed jiġġestixxi l-fondi għaċ-ċibersigurtà fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għall-2021-2027, u jimplimenta finanzjament mill-Programm Ewropa Diġitali u mill-Programm Orizzont Ewropa, kif ukoll kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri.
Il-proposta kellha l-għan li ċ-Ċentru u n-Network jgħinu lill-Unjoni u lill-Istati Membri jieħdu perspettiva proattiva, aktar fit-tul u strateġika għall-politika industrijali dwar iċ-ċibersigurtà, li tmur lil hinn mir-riċerka u l-iżvilupp. Dan l-approċċ għandu jgħin mhux biss biex jinstabu soluzzjonijiet rivoluzzjonarji għall-isfidi fil-qasam taċ-ċibersigurtà li s-setturi privati u pubbliċi qegħdin jiffaċċjaw, iżda wkoll biex jingħata appoġġ għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn is-soluzzjonijiet. Ġie previst li n-Network u ċ-Ċentru flimkien għandhom isaħħu s-sovranità teknoloġika tagħna permezz ta’ proġetti taċ-ċibersigurtà fuq skala kbira.
Barra minn hekk, il-proposta kellha l-għan li tippermetti li l-komunitajiet tar-riċerka u industrijali rilevanti, kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi, ikollhom aċċess għal kapaċitajiet ewlenin, bħal pereżempju l-faċilitajiet ta’ ttestjar u ta’ esperimentazzjoni, li ta’ spiss ma jkunux jistgħu jintlaħqu mill-Istati Membri fuq bażi individwali, minħabba li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani.
3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi. L-iktar bidliet importanti għall-proposta tal-Kummissjoni jinkludu:
–Sede: is-sede taċ-Ċentru hija Bukarest, kif iddikjarat fi premessa.
–Objettivi u kompiti: l-objettivi u l-kompiti taċ-Ċentru huma stabbiliti f’artikoli separati. Issir distinzjoni bejn kompiti strateġiċi u kompiti ta’ implimentazzjoni.
–Sinerġiji ċivili militari u użu doppju: ma ssir l-ebda referenza espliċita għall-Fond Ewropew għad-Difiża.
–Ċentri ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali (NCCs): valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni tal-entitajiet nominati mill-Istati Membri ma għadhiex rekwiżit biex dawn isiru NCCs. Madankollu, sabiex NCC jkun eliġibbli għal appoġġ finanzjarju dirett mill-Unjoni, għadha meħtieġa valutazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni.
–“Aġenda” strateġika: iċ-Ċentru għandu jadotta “Aġenda”, jiġifieri “strateġija industrijali, teknoloġika u tar-riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà, komprensiva u sostenibbli, li tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet strateġiċi għas-(...)settur u prijoritajiet strateġiċi għall-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Kompetenza (...)”
–Votazzjoni: l-Istati Membri kollha għandhom vot wieħed fil-Bord ta’ Tmexxija. Il-Kummissjoni għandha minoranza li timblokka għad-deċiżjonijiet kollha li jaffettwaw l-allokazzjoni tal-fondi u l-amministrazzjoni tal-UE b’mod dirett, bl-eċċezzjoni tal-Aġenda. Fil-każ tal-Aġenda, żdiedet salvagwardja li tiddikjara li l-Aġenda mhijiex vinkolanti fir-rigward tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu rigward il-programmi ta’ ħidma annwali. Għad-deċiżjonijiet li ma jaffettwawx l-allokazzjoni tal-fondi u l-amministrazzjoni tal-UE b’mod dirett, il-Kummissjoni għandha vot wieħed. L-unika eċċezzjoni għar-regola li l-Istati Membri kollha jkollhom vot wieħed fil-Bord ta’ Tmexxija tikkonċerna l-kompitu tal-Bord ta’ Tmexxija li jadotta deċiżjonijiet rigward id-deskrizzjoni ta’ Azzjonijiet Konġunti. Għal deċiżjonijiet ta’ dan it-tip, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom drittijiet tal-vot proporzjonati mal-kontribuzzjoni rilevanti tagħhom għall-azzjoni konġunta inkwistjoni.
–Kofinanzjament: il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri għall-attivitajiet taċ-Ċentru mhijiex kwantifikata fir-Regolament, u ngħatat natura volontarja. Għaldaqstant, it-test jipprevedi li sa fejn huwa kkonċernat Orizzont Ewropa, l-Unjoni se tikkontribwixxi biss l-istess ammonti li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jikkontribwixxu fuq bażi annwali.
Il-Kummissjoni ħarġet id-dikjarazzjoni li ġejja dwar dan is-suġġett: “Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ftehim tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kofinanzjament mill-Istati Membri. Filwaqt li l-Kummissjoni tista’ taċċetta li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri mhumiex speċifikati bħala parti mir-Regolament, il-Kummissjoni tinsab iddispjaċuta rigward l-inklużjoni fil-ftehim politiku tal-kunċett ta’ kontribuzzjonijiet “volontarji” mill-Istati Membri sal-punt li dan ma jurix l-impenn fit-tul tal-partijiet kollha involuti.
Is-suċċess taċ-Ċentru jiddependi mill-kontribuzzjoni effettiva mill-Istati Membri, li mingħajrha l-missjoni tiegħu ma tkunx tista’ titwettaq.
Il-Kummissjoni tiċċara li l-Unjoni se tikkontribwixxi b’finanzjament mill-programm Orizzont Ewropa biss bl-istess ammonti li l-Istati Membri jkunu lesti jimpenjaw ruħhom li jikkontribwixxu fuq bażi annwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li ladarba Stat Membru wieħed jew aktar jimpenjaw ruħhom, dak l-impenn ikun vinkolanti.”
–Persunal: il-ħtiġijiet tar-riżorsi umani taċ-Ċentru għandhom jiġu ssodisfati fl-ewwel istanza permezz tar-riallokazzjoni ta’ persunal jew pożizzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, u riżorsi umani addizzjonali permezz ta’ reklutaġġ.
Il-Kummissjoni jidhrilha li l-ftehim milħuq jippreserva l-objettivi tal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.
4.Konklużjoni
Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.