Brussell, 23.4.2021

COM(2021) 216 final

2018/0207(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 390/2014


2018/0207 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 390/2014

1.Sfond

Trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2018)0383)

it-30 ta’ Mejju 2018

Il-Kumitat tar-Reġjuni ta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta

l-10 ta’ Ottubru 2018

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta

it-18 ta’ Ottubru 2018

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti adotta mandat parzjali għan-negozjati, li ġie estiż wara

id-19 ta’ Diċembru 2018

l-20 ta’ Frar 2019

It-trilogi

it-22 ta’ Jannar, il-5 ta’ Frar, l-20 ta’ Frar u s-6 ta’ Marzu 2019

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma l-fehim komuni li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew fir-raba’ trilogu

it-13 ta’ Marzu 2019.

Il-Parlament Ewropew ikkonferma l-fehim komuni permezz tal-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva (l-ewwel qari).

is-17 ta’ April 2019

Il-ftehim tal-Kunsill dwar approċċ ġenerali

it-2 ta’ Diċembru 2020

It-trilogi

l-10 u s-17 ta’ Diċembru 2020

Il-kumitat LIBE bagħat ittra lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Parti 2) li tikkonferma l-qbil tal-Parlament Ewropew dwar l-eżitu tan-negozjati interistituzzjonali

l-4 ta’ Frar 2021

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti laħaq qbil politiku dwar it-test ta’ kompromess

is-17 ta’ Frar 2021

L-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

id-19 ta’ April 2021

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri huwa wieħed mill-istrumenti ta’ finanzjament taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027. Il-Programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri jikkontribwixxi għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-valuri kif minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE sabiex jiġu sostnuti u żviluppati aktar soċjetajiet miftuħa, ibbażati fuq id-drittijiet, demokratiċi, ugwali u inklużivi bbażati fuq l-istat tad-dritt. Il-programm se jappoġġa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali fil-promozzjoni tal-valuri u d-drittijiet tal-Unjoni. Se jqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal, il-protezzjoni tad-data, id-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE kif ukoll dwar l-istorja komuni Ewropea. Se jikkontribwixxi għall-avvanz tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni. Se jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru fuq in-nisa kif ukoll il-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal u gruppi oħra f’riskju. Se jappoġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-UE. Il-Kummissjoni pproponiet baġit globali ta’ EUR 641 705 000 fi prezzijiet attwali.

Il-programm se jappoġġa l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-networks Ewropej, l-awtoritajiet pubbliċi inklużi l-korpi tal-ugwaljanza u tad-drittijiet tal-bniedem, l-awtoritajiet lokali, l-akkademja/l-istituti tar-riċerka, il-gruppi ta’ riflessjoni. Se jiffinanzja attivitajiet bħal:

   Iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet, il-valuri u l-prinċipji li jirfdu l-UE kif ukoll dwar il-kultura u l-istorja tal-UE;

   Iż-żieda fl-għarfien dwar il-liġi u l-politiki tal-UE kif ukoll dwar l-ostakli potenzjali għall-eżerċizzju tad-drittijiet;

   Iż-żieda fil-kapaċità ta’ azzjoni sabiex jiġu implimentati aħjar l-istrumenti u l-politiki tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri;

   It-trawwim tal-kooperazzjoni, l-iskambju u d-dibattitu transfruntier, it-titjib tal-għarfien reċiproku, il-fehim reċiproku u t-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fost il-partijiet interessati kollha.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi. Fost l-aktar bidliet importanti meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni hemm:

Titolu: it-titolu nbidel għal: Il-Programm “Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri”,

Għanijiet speċifiċi: Speċifikazzjoni ulterjuri f’kull wieħed mit-tliet fergħat proposti (l-ugwaljanza u d-drittijiet, l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, Daphne) u b’mod partikolari l-identifikazzjoni ta’ eżempji ta’ xi gruppi f’riskju ta’ vjolenza;

Fergħa ġdida: żieda tar-raba’ fergħa ġdida (valuri tal-Unjoni) partikolarment maħsuba biex tappoġġa organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Dawn l-elementi huma fundamentali fil-bini tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni u fl-iżgurar tal-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri. B’dan il-mod, il-programm se jikkontribwixxi għall-bini ta’ Unjoni aktar demokratika, ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-djalogu demokratiku, it-trasparenza u l-governanza tajba;

Finanzjament addizzjonali: allokazzjoni ta’ żieda ta’ EUR 800 000 000 fi prezzijiet tal-2018, li tirriżulta mill-aġġustament speċifiku għall-Programm previst fl-Artikolu 5 l-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (jiġifieri r-Regolament QFP);

L-allokazzjoni ta’ fondi: l-introduzzjoni tal-allokazzjoni tal-fondi skont il-fergħa kif ukoll fil-fergħat u l-introduzzjoni ta’ marġni ta’ flessibbiltà; l-allokazzjoni ta’ parti sostanzjali tal-baġit (il-pakkett finanzjarju u ż-żieda tiegħu) għall-fergħa tal-valuri tal-Unjoni; il-finanzjament addizzjonali pprovdut permezz tal-allokazzjoni addizzjonali jiżgura li l-fergħa tal-valuri tal-Unjoni tkun iffinanzjata b’mod adegwat u l-implimentazzjoni xierqa tat-tliet fergħat l-oħra ma tiddgħajjifx;

Dikjarazzjoni konġunta: dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tappella lill-Kummissjoni biex tieħu l-azzjonijiet xierqa kollha biex tipprovdi l-fergħa tal-valuri tal-Unjoni b’finanzjament sostanzjali diġà fl-2021;

Entitajiet eliġibbli: entitajiet minn pajjiżi terzi huma esklużi mill-fergħa l-ġdida (valuri tal-Unjoni) minħabba li l-enfasi tal-attivitajiet f’din il-fergħa jenħtieġ li tkun fuq l-Istati Membri;

Punti ta’ kuntatt tal-programm: l-introduzzjoni ta’ artikolu ddedikat;

Djalogu ċivili: iż-żieda ta’ Grupp ta’ Djalogu Ċivili (forum informali għal diskussjoni mal-partijiet interessati) b’artikolu u premessa ddedikati;

Il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri: premessa msaħħa, data diżaggregata skont il-ġeneri fl-indikaturi u l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu u dawk finali;

Attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati: speċifikazzjonijiet oħra;

Komitoloġija: proċedura ta’ eżami minflok proċedura konsultattiva; il-proċedura ta’ eżami, anke jekk mhux prevista fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni, kienet dik użata fir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 li jistabbilixxi l-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza 2014-2020

Il-ftehim milħuq fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ fondi jżid il-kumplessità tal-implimentazzjoni tal-programm, iżda jżomm il-grad ta’ flessibbiltà li l-Kummissjoni riedet tippreserva għall-programm.

Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-ftehim milħuq jippreserva l-għanijiet tal-proposta oriġinali tiegħu.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.