Brussell, 29.4.2021

COM(2021) 211 final

2021/0110(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

It-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u fuq l-elettriku fl-Unjoni hija regolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-qafas tal-Komunità dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 (id-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”).

Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru sabiex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi.

Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2015/993/EU tad-19 ta’ Ġunju 2015 2 id-Danimarka ġiet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr għad-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment 3 , irmiġġati f’portijiet (“elettriku mix-xatt”).

L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li testendi dik l-awtorizzazzjoni kif mitlub mid-Danimarka, minħabba li d-deroga attwali tiskadi fit-18 ta’ Ġunju 2021.

Permezz ta’ittra datata l-5 ta’ Mejju 2020, l-awtoritajiet Daniżi infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jtawlu l-miżura attwali sas-17 ta’ Ġunju 2027. Informazzjoni addizzjonali ġiet ipprovduta permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Frar 2021.

L-intenzjoni tal-awtoritajiet Daniżi hija li jkomplu japplikaw rata mnaqqsa ta’ 0.4 øre għal kull KWh (app. EUR 0.535 għal kull MWh 4 ) ta’ taxxa tas-sisa għall-elettriku mix-xatt. Fiż-żmien tas-sottomissjoni tat-talba, ir-rata tat-taxxa proposta kienet skont ir-rata minima ta’ tassazzjoni għall-elettriku għall-użu kummerċjali kif stipulat fid-Direttiva 2003/96/KE. L-Artikolu 13 tad-Direttiva jistipula limitu ta’ tolleranza ta’ 5 % għall-Istati Membri li ma adottawx l-euro.

Jitfakkar li l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija tobbliga lill-Istati Membri jivverifikaw darba fis-sena jekk ir-rati tat-taxxa espressi fil-muniti nazzjonali humiex konformi mar-rati minimi tad-Direttiva. Dan l-eżerċizzju jsir bl-użu tar-rati tal-kambju ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru. L-Istati Membri jistgħu jżommu l-ammonti ta’ tassazzjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-aġġustament annwali biss jekk il-konverżjoni tal-ammonti tal-livell ta’ tassazzjoni espressi f’euro tirriżulta f’żieda ta’ inqas minn 5 % jew EUR 5, skont liema jkun l-iżgħar ammont, fil-livell ta’ tassazzjoni espress fil-munita nazzjonali.

Il-perjodu ta’ validità mitlub tad-deroga huwa mit-18 ta’ Ġunju 2021 sas-17 ta’ Ġunju 2027, li huwa f’kontinwità mad-deroga attwali u fil-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19 tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija.

L-għan tat-tnaqqis tat-taxxa huwa li jiġi promoss l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta’ dan l-elettriku huwa meqjus bħala mezz li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet, meta mqabbel mal-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti. Il-miżura se tnaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja mill-bastimenti li jkunu rmiġġati.

It-tnaqqis jinvolvi t-tnaqqis tat-taxxa fuq l-enerġija applikabbli għall-elettriku mix-xatt mil-livell li jkun altrimenti applikabbli ta’ 89.2 øre għal kull KWh (rata 2020) għal 0.4 øre għal kull KWh.

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jeżentaw prodotti tal-enerġija użati biex jipproduċu l-elettriku — u prodotti tal-elettriku — abbord vapuri rmiġġati fil-portijiet. Jistgħu jeżentaw ukoll elettriku prodott abbord vapuri għat-tbaħħir fuq passaġġi fuq l-ilma interni f’konformità mal-Artikolu 15(1)(f) tad-Direttiva. Id-Danimarka kkonfermat it-traspożizzjoni ta’ din l-aħħar eżenzjoni fakultattiva.

Id-Danimarka biħsiebha tapplika r-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq il-provvisti kollha tal-elettriku mix-xatt ta’ mill-inqas 380 V għal bastimenti użati għat-trasport marittimu kummerċjali. Il-limitu jitqies xieraq mill-awtoritajiet Daniżi sabiex jiżguraw li l-maġġoranza assoluta tal-bastimenti użati fit-traffiku internazzjonali u l-bastimenti l-kbar użati fit-traffiku nazzjonali jkunu koperti mit-tnaqqis propost. Dawk huma l-bastimenti meqjusa li huma responsabbli għall-akbar parti tal-emissjonijiet ikkawżata mit-tħaddim ta’ muturi awżiljarji abbord waqt li jkunu rmiġġati fil-portijiet. It-tnaqqis ma japplikax meta l-vapur jintuża għal skopijiet privati jew meta jitwaqqaf jew ikun tneħħa mis-servizz fuq medda twila ta’ żmien.

Madankollu, ma hemm l-ebda obbligu għall-bastimenti li jużaw l-elettriku mill-art.

L-awtoritajiet Daniżi jqisu li l-miżura hija newtrali fir-rigward tal-kompetizzjoni, peress li hija disponibbli għall-bastimenti kollha (ħlief bastimenti għall-użu privat) irmiġġjati fil-portijiet Daniżi.

L-awtoritajiet Daniżi jqisu li t-tnaqqis fit-taxxa applikat għall-elettriku mix-xatt ma joħloqx benefiċċju kompetittiv sinifikanti għall-operaturi tal-bastimenti li jużaw l-elettriku mix-xatt meta mqabbel ma’ dawk li jużaw il-ġenerazzjoni abbord. Anki eżenzjoni sħiħa fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma tnaqqasx l-ispejjeż operattivi tal-elettriku mill-art taħt l-ispejjeż operattivi tal-ġenerazzjoni abbord.

L-awtoritajiet Daniżi infurmaw lill-Kummissjoni li huma kienu qed jistennew li t-tnaqqis tat-taxxa se jirriżulta f’nefqiet tat-taxxa annwali ta’ bejn wieħed u ieħor DKK 15-il miljun (EUR 2 miljuni). Is-suppożizzjoni hija bbażata fuq il-konsum tal-elettriku stmat mill-bastimenti tal-kruċieri fil-portijiet Daniżi fl-2008 ta’ madwar 16.9 miljun KWh, li jikkorrispondi għal nefqa baġitarja annwali ta’ DKK 15-il miljun. L-awtoritajiet Daniżi jindikaw li d-dikjarazzjonijiet għall-użu tal-elettriku mix-xatt huma soġġetti għal ħafna inċertezza.

Il-miżura tingħata fil-forma ta’ ħelsien mit-taxxa li jnaqqas il-piż tat-taxxa fuq l-elettriku kkonċernat.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

It-tassazzjoni fuq l-elettriku hija regolata bid-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 10.L-Artikolu 14(1)(c) jipprevedi eżenzjoni mit-taxxa obbligatorja għall-prodotti tal-enerġija għan-navigazzjoni kif ukoll għall-elettriku prodott fuq inġenju. L-Artikoli 5, 15 u 17 jipprovdu l-possibilità li l-Istati Membri japplikaw differenzi fit-taxxa, inkluż eżenzjonijiet u tnaqqis, għal ċerti użi tal-elettriku. Madankollu, fil-verità, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprovdux għal tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mix-xatt.

Il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u taqa’ fi ħdan l-ambitu tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suġġett, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE 5 .

Dispożizzjonijiet skont id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija

Valutazzjoni tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

L-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva jaqra kif ġej:

Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli ta’ qabel, b’mod partikolari l-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq xi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet politiki speċifiċi.

Permezz tat-tnaqqis tat-taxxa inkwistjoni, l-awtoritajiet Daniżi jsegwu l-objettiv li jippromwovu mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex il-bastimenti jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-elettriku tagħhom filwaqt li jkunu rmiġġati fil-portijiet u b’hekk itejbu l-kwalità tal-arja lokali. Il-Kummissjoni fil-fatt diġà rrakkomandat l-użu tal-elettriku mix-xatt bħala alternattiva għall-iġġenerar tal-elettriku fuq bastimenti li jkunu rmiġġati u b’hekk irrikonoxxiet il-vantaġġi ambjentali tiegħu 6 .

Il-possibilità ta’ introduzzjoni ta’ trattament favorevoli ta’ taxxa fuq l-elettriku mix-xatt tista’ tkun prevista skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva minħabba li l-għanijiet tagħha huma li tippermetti lill-Istati Membri li jintroduċu eżenzjonijiet u tnaqqis ulterjuri għal kunsiderazzjonijiet speċifiċi tal-politika.

Id-Danimarka talbet li l-miżura tapplika għall-perjodu massimu permess mill-Artikolu 19(2), jiġifieri 6 snin. Fil-prinċipju, il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-deroga għandu jkun twil biżżejjed sabiex ma jiskoraġġix lill-operaturi tal-portijiet u lill-fornituri tal-elettriku milli jkomplu jew jibdew jagħmlu l-investimenti meħtieġa f’faċilitajiet tal-elettriku mill-art. Dan il-perjodu se jipprovdi ċertezza tad-dritt anki għall-operaturi tal-vapuri, li jridu jippjanaw l-investimenti tagħhom f’tagħmir abbord.

Madankollu, id-deroga jenħtieġ li ma timminax l-iżviluppi futuri tal-qafas legali eżistenti u jenħtieġ li tqis ir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija u l-adozzjoni possibbli mill-Kunsill ta’ att legali bbażat fuq proposta tal-Kummissjoni għal emenda tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Tali rieżami jsegwi l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija 7 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas tat-tassazzjoni tal-enerġija tal-UE mit-28 ta’ Novembru 2019 8 . Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tanalizza u tevalwa l-għażliet possibbli bil-ħsieb li fi żmien debitu tippubblika proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Huwa appella wkoll lill-Kummissjoni biex tikkunsidra b’mod partikolari l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, ir-rati minimi u t-tnaqqis u l-eżenzjonijiet speċifiċi tat-taxxa.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, filwaqt li jidher xieraq li tingħata l-awtorizzazzjoni għall-perjodu mitlub, il-validità tad-deroga għandha tkun soġġetta għad-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet ġenerali fil-kwistjoni f’punt fiż-żmien qabel Ġunju 2027.

Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Ir-rata tat-taxxa mnaqqsa ta’ 0.4 øre għal kull KWh (madwar EUR 0.535 għal kull MWh 9 ) previst mill-awtoritajiet Daniżi fiż-żmien tas-sottomissjoni tat-talba skont ir-rata minima ta’ tassazzjoni għall-elettriku għall-użu kummerċjali kif stipulat fid-Direttiva 2003/96/KE.

B’hekk il-miżura tidher li taqa’ taħt l-Artikolu 44 tar-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE, li jistipula l-kundizzjonijiet li bihom l-għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali skont id-Direttiva 2003/96/KE tista’ tiġi eżentata mir-rekwiżiti ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu ma jistax jiġi stabbilit f’dan l-istadju jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament humiex issodisfati u jekk il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tippreġudikax l-obbligu tal-Istat Membru li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, b’mod partikolari, f’każ ta’ għajnuna eżentata, li taqa’ taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni 651/2014/UE.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-politika tal-ambjent u t-tibdil fil-klima

Il-miżura mitluba tikkonċerna prinċipalment il-politika tal-UE dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Sa fejn din se tgħin biex jitnaqqas il-ħruq tal-karburant tal-bastiment abbord il-bastimenti fil-portijiet, il-miżura se tikkontribwixxi għall-objettiv li tittejjeb il-kwalità tal-arja lokali u jitnaqqas l-istorbju. Fl-Artikolu 13 tagħha, id-Direttiva 2008/50/KE dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent 10 tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-livelli ta’ diversi sustanzi li jniġġsu l-arja jinżammu taħt il-valuri ta’ limitu, il-valuri fil-mira u li standards oħra tal-kwalità tal-arja stabbiliti fid-Direttiva jiġu rrispettati. Dawk l-obbligi jirrikjedu li l-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet għal problemi bħall-emissjonijiet mill-vapuri rmiġġati fil-portijiet fejn dan ikun rilevanti u huwa konċepibbli li fil-portijiet fejn jeżistu dawn il-problemi, l-użu tal-elettriku mix-xatt huwa mħeġġeġ bħala element wieħed tal-istrateġija ġenerali dwar il-kwalità tal-arja. L-użu tal-elettriku mix-xatt huwa mħeġġeġ ukoll skont id-Direttiva (UE) 2016/802 11 li tirregola l-kontenut tal-kubrit fil-fjuwils tal-baħar. Dan jikkontribwixxi wkoll għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ depożiti ta’ nitroġenu skont id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Daniżi jistennew li l-emissjonijiet lokali ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja (NOx, SOx, PM10, PM2.5) mill-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord fuq bastimenti tal-kruċieri jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti, u sa 90 %, minħabba li xi sistemi ta’ enerġija awżiljarja u ta’ riżerva ma jistgħux jintefgħu.

Il-politika tal-enerġija

Il-miżura hija konformi mad-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi 12 , li tindirizza l-kwistjoni tal-installazzjoni ta’ faċilitajiet tal-provvista tal-elettriku max-xatt fil-portijiet fejn hemm domanda għal tali faċilitajiet u l-ispejjeż mhumiex sproporzjonati għall-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali. Ġiet rikonoxxuta bħala għan ta’ interess komuni biex l-għajnuna mill-Istat tingħata taħt l-Artikolu 107(1)tat-TFUE 13 .

Ta’ min ifakkar hawnhekk li raġuni waħda importanti għall-pożizzjoni kompetittiva mhux favorevoli tal-elettriku mix-xatt tinsab fil-fatt li l-alternattiva, jiġifieri l-elettriku prodott abbord il-bastimenti waqt li jkunu fil-portijiet marittimi, attwalment tgawdi minn eżenzjoni tat-taxxa netta sħiħa: mhux biss il-karburant tal-bastimenti maħruq għall-ġenerazzjoni tal-elettriku huwa eżentat mit-tassazzjoni, li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni normali skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE, iżda wkoll l-elettriku prodott abbord il-bastimenti huwa eżentat minnu nnifsu (ara l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE). Għalkemm l-eżenzjoni tal-aħħar tista’ bħala tali titqies bħala diffiċli biex tiġi rikonċiljata mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni, hija tirrifletti konsiderazzjonijiet ta’ prattikabilità. Fil-fatt, it-tassazzjoni fuq l-elettriku ġġenerat abbord tkun teħtieġ dikjarazzjoni mingħand sid il-bastiment - ħafna drabi stabbilit f’pajjiż terz - jew mingħand l-operatur fir-rigward tal-ammont ta’ elettriku kkunsmat. Id-dikjarazzjoni trid tistabbilixxi wkoll is-sehem tal-elettriku kkunsmat fl-ibħra territorjali tal-Istat Membru fejn tkun dovuta t-taxxa. Dan joħloq piż amministrattiv enormi għas-sidien tal-bastimenti biex jagħmlu tali dikjarazzjonijiet għall-ibħra territorjali ta’ kull Stat Membru kkonċernat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, jista’ jiġi ġġustifikat li ma tiġix ippenalizzata l-alternattiva li tniġġes inqas tal-elettriku mix-xatt billi d-Danimarka titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni.

Il-politika tat-trasport

Il-miżura hija konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE dwar il-promozzjoni tal-elettriku mix-xatt għall-użu mill-bastimenti rmiġġati fil-portijiet tal-Unjoni 14 u mal-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE f’Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 15 .

Suq intern u kompetizzjoni ġusta

Mill-punto di vista tas-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta, il-miżura sempliċiment tnaqqas id-distorsjoni li teżisti fit-taxxa bejn żewġ sorsi f’kompetizzjoni għall-elettriku għall-vapuri rmiġġati, jiġifieri il-ġenerazzjoni abbord u l-elettriku mix-xatt, ikkawżata mill-eżenzjoni tat-taxxa għall-karburant tal-bastimenti.

L-awtoritajiet Daniżi ma osservawx bidliet konsiderevoli fl-għażla tal-portijiet tas-sidien tal-bastimenti marbuta mad-disponibbiltà ta’ faċilitajiet tal-elettriku mill-art. Attwalment, prinċipalment il-laneċ u l-bastimenti tas-sajd jagħmlu użu mill-elettriku mill-art. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi jsemmu, li l-bastimenti tal-merkanzija jużaw l-elettriku mix-xatt sa ċertu punt, iżda speċjalment meta jkunu fil-port għal perjodu itwal ta’ żmien. L-awtoritajiet Daniżi jsemmu li għad m’hemmx faċilitajiet fil-portijiet Daniżi għal bastimenti kbar, bħal kruċieri jew bastimenti tal-kontejners, li jużaw l-elettriku mix-xatt.

Peress li l-iskema se tnaqqas l-ispejjeż tal-bastimenti, se taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-impatt huwa stmat bħala minimu, madankollu, peress li x-xewqat tal-passiġġieri u d-destinazzjoni tal-merkanzija se jiddeterminaw jekk il-bastimenti jżurux il-portijiet Daniżi.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi jqisu l-iskema bħala newtrali għall-kompetizzjoni, minħabba li l-aċċess għall-elettriku mix-xatt se jkun miftuħ għall-bastimenti kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq u jidħlu fil-portijiet Daniżi irrispettivament mill-bandiera tagħhom mingħajr ma jwasslu għal trattament fiskali aktar vantaġġuż tal-operaturi ekonomiċi nazzjonali fuq il-kompetituri tagħhom minn Stati Membri oħra tal-UE.

Ir-restrizzjoni li tiġi applikata r-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-provvisti tal-elettriku mix-xatt ta’ mill-inqas 380 V lill-bastimenti tista’ titqies bħala distorsjoni tas-suq. Madankollu, fil-prattika ma hemm l-ebda provvista ta’ elettriku mix-xatt ta’ inqas minn 380 Volt lil bastimenti kummerċjali, l-elettriku ta’ dan il-vultaġġ jiġi fornut biss lil inġenji żgħar għad-divertiment.

Fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-portijiet, jista’ jkun mistenni li kwalunkwe impatt potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li jista’ jirriżulta jekk il-bastimenti jibdlu r-rotot tagħhom minħabba l-possibbiltà li l-elettriku mix-xatt jiġi kkunsmat b’rata tat-taxxa mnaqqsa, se jkun negliġibbli. F’sitwazzjoni fejn, kif iddikjarat hawn fuq, l-użu ta’ elettriku mix-xatt x’aktarx ma jkunx, mill-inqas fit-terminu qasir, iktar ekonomiku mill-ġenerazzjoni abbord minkejja t-tnaqqis fit-taxxa, dan it-tnaqqis fit-taxxa għall-elettriku mix-xatt ukoll mhux mistenni joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn il-portijiet billi l-vapuri jkunu mħajra jbiddlu l-itinerarju skont id-disponibbiltà ta’ din l-alternattiva.

Il-perjodu ta’ żmien li għalih qed jiġi propost li tittawwal l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata rata ta’ taxxa mnaqqsa, sakemm ma jkunx hemm bidliet sinifikanti fil-qafas u fis-sitwazzjoni attwali, jagħmilha improbabbli li l-analiżi mwettqa fil-paragrafi preċedenti tinbidel qabel id-data tal-iskadenza tal-miżura.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-TFUE.

Madankollu, b’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill ingħata kompetenza esklużiva, bħala kwistjoni ta’ leġislazzjoni sekondarja, biex jawtorizza lil Stat Membru jintroduċi iżjed eżenzjonijiet jew tnaqqis skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jieħdu post il-Kunsill. B’riżultat ta’ dan, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà mhuwiex applikabbli għal din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-att mhuwiex abbozz ta’ att leġiżlattiv, ma għandux jiġi trasmess lill-Parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll Nru 2 tat-Trattati għal reviżjoni ta’ konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan inkwistjoni.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE jipprevedi din it-tip ta’ miżura biss.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-miżura ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula mid-Danimarka u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess u ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt.

L-informazzjoni pprovduta mid-Danimarka tissuġġerixxi li l-miżura se jkollha impatt limitat fuq id-dħul mit-taxxa. F’aktar dettall, skont stima tan-nefqiet tat-taxxa mill-miżura, l-awtoritajiet Daniżi jistennew li jkun hemm telf ta’ DKK 15-il miljun fis-sena għas-snin li ġejjin.

Għal raġunijiet storiċi għadd kbir ta’ portijiet kummerċjali fid-Danimarka pprovdew elettriku mix-xatt għall-bastimenti. L-awtoritajiet Daniżi osservaw li f’dawn l-aħħar ftit snin, diversi portijiet installaw u qed jippjanaw li jinstallaw faċilitajiet għal bastimenti akbar, bħal vapuri li jbaħħru f’rotot regolari internazzjonali u nazzjonali. Dan huwa l-każ ukoll għall-bastimenti tal-kruċieri fit-traffiku internazzjonali. Barra minn hekk, xi portijiet Daniżi stabbilixxew impjanti mobbli tal-enerġija fuq l-art għall-bastimenti tal-merkanzija. Il-laneċ u l-bastimenti tal-kruċieri jeħtieġu installazzjonijiet infrastrutturali ġodda biex jipprovdu biżżejjed enerġija.

L-awtoritajiet tad-Danimarka qed jistennew li l-miżura jkollha impatt pożittiv sinifikanti fuq il-kisba tal-miri ambjentali tagħha u b’mod partikolari fuq it-titjib tal-kwalità tal-arja f’konformità mad-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa. L-użu tal-elettriku mix-xatt wassal għal tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi nitriċi, tal-materja partikolata u tal-ossidi tal-karbonju. Il-potenzjal sħiħ tal-miżura ma ntlaħaqx peress li jeħtieġ tagħmir għali kemm fuq il-mollijiet kif ukoll fuq il-vapuri.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma tipprevedix simplifikazzjoni. Din hija r-riżultat ta’ talba li għamlet id-Danimarka u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Drittijiet fundamentali

Il-miżura ma tħalli l-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżura ma twassal għall-ebda piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-Unjoni. Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ma hemm bżonn ta’ ebda pjan ta’ implimentazzjoni. Din il-proposta tikkonċerna awtorizzazzjoni għal tnaqqis fit-taxxa mogħtija lil Stat Membru individwali fuq talba tiegħu stess. Din hija prevista għal perjodu limitat sas-17 ta’ Ġunju 2027. Ir-rata tat-taxxa applikabbli trid tkun f’konformità mal-livell minimu ta’ tassazzjoni stabbilit bid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-miżura tista’ tiġi evalwata f’każ li jkun hemm talba għal tiġdid wara li l-perjodu tal-validità jkun skada.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

Il-proposta ma għandhiex bżonn dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jistipula li d-Danimarka se titħalla tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill-bastimenti, għajr id-dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, irmiġġati f’portijiet Daniżi (“elettriku mix-xatt”). Ir-rata ta’ taxxa trid tkun skont il-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku għal użu għan-negozju kif stipulat bid-Direttiva. Mhux se jkun possibbli li jiġi fornut elettriku b’rata mnaqqsa għad-dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment kif definit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE.

L-Artikolu 2 jistipula li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mit-18 ta’ Ġunju 2021, b’kontinwità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2015/993/UE attwali, sas-17 ta’ Ġunju 2027, fi ħdan il-perjodu massimu ta’ 6 snin permess mid-Direttiva, kif mitlub mid-Danimarka.

2021/0110 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 16 , u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/993/UE 17 , id-Danimarka kienet awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes privati għad-divertiment, irmiġġati f’port (“elettriku mill-art”) f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE sat-18 ta’ Ġunju 2021.

(2)Permezz tal-ittra tal-5 ta’ Mejju 2020, id-Danimarka talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku mix-xatt skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. L-awtoritajiet Daniżi pprovdew informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra datata s-16 ta’ Frar 2020.

(3)Bir-rata tat-taxxa mnaqqsa li beħsiebha tapplika, id-Danimarka għandha l-għan li tippromwovi aktar l-użu tal-elettriku mill-art. L-użu ta’ dan l-elettriku huwa meqjus bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti li jkunu rmiġġati fil-portijiet milli l-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn dawk il-bastimenti.

(4)Sa fejn l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti, dan jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali u għat-tnaqqis tal-istorbju. Għalhekk, rata mnaqqsa kontinwa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt hija mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

(5)Il-fatt li d-Danimarka titħalla tapplika rata mnaqqsa kontinwa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku, peress li l-ġenerazzjoni abbord tal-elettriku se tibqa’ l-aktar alternattiva kompetittiva fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Għall-istess raġuni, u minħabba l-livell attwali relattivament baxx ta’ penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq, ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni x’aktarx li ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-perjodu ta’ validità tagħha u għalhekk mhux se taffettwa b’mod negattiv il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(6)Kull awotirzzazzjoni li tingħata f’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE se tkun għal żmien limitat b’mod strett. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu ta’ awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed biex ma jiskoraġġix lill-operaturi ekonomiċi rilevanti milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata sas-17 ta’ Ġunju 2027. Madankollu, l-awtorizzazzjoni għandha tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk dawn id-dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel is-17 ta’ Ġunju 2027.

(7)Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi tal-portijiet u tal-bastimenti u biex tiġi evitata żieda potenzjali fil-piż amministrattiv għad-distributuri u r-ridistributuri tal-elettriku, l-awtorizzazzjoni mitluba jenħtieġ li ssegwi mingħajr xkiel mill-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/993/UE.

(8)Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Danimarka hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq l-elettriku fornut direttament lil bastimenti, għajr dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati fil-portijiet (“elettriku mix-xatt”), diment li jiġu rispettati l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mit-18 ta’ Ġunju 2021 sas-17 ta’ Ġunju 2027.

Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi regoli ġenerali dwar il-vantaġġi tat-taxxa għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika minn dakinhar li jsiru applikabbli dawk ir-regoli ġenerali.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51–70.
(2)    ĠU L 159, 25.06.2015, p. 68–69.
(3)    It-terminu "dgħajsa għall-użu privat jew għad-divertiment" huwa definit fl-Artikolu 14(1)(ċ) it-tieni subparagrafu tad-Direttiva 2003/96/KE.
(4)    Il-kalkoli kollha huma bbażati fuq ir-rata tal-kambju tal-1 ta’ Ottubru 2019, jiġifieri DKK 7,4662 għal kull EUR 1. Ara ĠU C 329/03 tal-1.11.2019
(5)    Ir-Regolamenttal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1–78)
(6)    Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mix-xatt għall-użu mill-vapuri rmiġġati fil-portijiet tal-Komunità (ĠU L 125, 12.5.2006)
(7)    SWD (2019) 329 finali.
(8)    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2019, 14608/19, FISC 458. 
(9)    Il-kalkoli kollha huma bbażati fuq ir-rata tal-kambju tal-1 ta’ Ottubru 2019, jiġifieri DKK 7,4662 għal kull EUR 1. Ara ĠU C 329/03 tal-1.11.2019
(10)    Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).
(11)    Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58–78).
(12)    Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, pp. 1–20)
(13)    C (2014) 2231 finali tad-9 ta’ April 2014.
(14)    Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/339/KE tat-8 ta’ Mejju 2006 dwar il-promozzjoni tal-elettriku mix-xatt għall-użu mill-vapuri rmiġġati fil-portijiet tal-Komunità (ĠU L 125, 12.5.2006)
(15)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-miri strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, COM (2009) 8 final finali tal-21 ta’ Jannar 2009.
(16)    ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(17)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjonital-Kunsill (UE) 2015/993 tad-19 ta’ Ġunju 2015 li tawtorizza lid-Danimarka tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti rmiġġati f’port, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 159, 25.06.2015, p. 68).