Brussell, 21.4.2021

COM(2021) 210 final

2018/0230(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar [ir-Regolament tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà] u r-Regolament (UE) Nru 375/2014

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


2018/0230 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar [ir-Regolament tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà] u r-Regolament (UE) Nru 375/2014

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.Sfond

Id-data meta l-proposta ġiet trasmessa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2018)0440)

11 ta’ Ġunju 2018

Id-data meta l-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta

5 ta’ Diċembru 2018

Id-data meta l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta

17 ta’ Ottubru 2018

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:

12 ta’ Marzu 2019

Id-data tal-ftehim tal-Kunsill dwar approċċ ġenerali

26 ta’ Novembru 2018

Id-dati tat-trilogi

2 ta’ Ottubru 2019

12 ta’ Novembru 2019

11 ta’ Diċembru 2019

11 ta’ Diċembru 2020

Id-data meta l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti kkonferma l-ftehim ta’ kompromess

18 ta’ Diċembru 2020

Id-data meta l-Kumitat CULT tal-Parlament Ewropew ivvota favur l-approvazzjoni tal-ftehim ta’ kompromess

11 ta’ Jannar 2021

Id-data meta l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti adotta l-pożizzjoni tal-Kunsill (il-Punt I/A)

14 ta’ April 2021

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

20 ta’ April 2021

2.L-objettiv tal-proposta mill-Kummissjoni

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà huwa wieħed mill-istrumenti ta’ finanzjament taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027. Il-Kummissjoni pproponiet baġit ta’ EUR 1.26 biljun.

Il-proposta dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà kienet maħsuba biex toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena biex iwettqu xogħol volontarju, jagħmlu traineeship jew jaħdmu f’attivitajiet ta’ solidarjetà, għall-benefiċċju tal-komunitajiet u tan-nies madwar l-Ewropa. In-novità ewlenija tal-proposta kienet l-integrazzjoni fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ta’ fergħa ġdida ta’ għajnuna umanitarja li tbiddel il-Korp il-ġdid f’punt uniku ta’ kuntatt għall-opportunitajiet kollha ta’ volontarjat li l-UE toffri liż-żgħażagħ fl-Ewropa u lil hinn minnha. Din il-fergħa tal-għajnuna umanitarja ġiet proposta biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-obbligi tat-Trattat biex jinħoloq Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja għaż-żgħażagħ Ewropej, li huwa implimentat attwalment taħt l-inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE 1 .

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, adottata fit-12 ta’ Marzu 2019, issuġġeriet emendi għall-proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari:

Baġit: tqassim f’termini perċentwali bejn il-fergħat (volontarjat, impjiegi/traineeships, għajnuna umanitarja) kemm fi prezzijiet kostanti kif ukoll fi prezzijiet attwali;

Atti delegati għall-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma annwali;

Il-fergħa tal-għajnuna umanitarja: il-Parlament Ewropew fetaħ din il-fergħa għan-nies ta’ kull età, xtaq iżomm il-Portal tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE u l-proċeduri tal-għażla u żied mal-fergħa proġetti ta’ solidarjetà u l-possibbiltà li jiġu involuti voluntiera lokali f’pajjiżi terzi;

Attivitajiet fil-pajjiż proprju: obbligu li jiżdiedu sħab minn pajjiżi oħra u għal persuni b’inqas opportunitajiet biss;

Proġetti ta’ solidarjetà: il-possibbiltà li jiżdiedu elementi transkonfinali;

Bidliet fil-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni;

Ġew miżjuda miżuri ġodda ta’ kwalità u appoġġ.

Matul in-negozjati, il-Parlament Ewropew talab ukoll li titneħħa l-fergħa tal-impjiegi u t-traineeships. Dan iwassal għal tqassim tal-baġit bejn iż-żewġ fergħat li fadal ta’ 94 % għall-volontarjat u 6 % għall-għajnuna umanitarja, artikolu separat dwar l-inklużjoni, referenza għar-rekwiżiti tal-assigurazzjoni u l-approvazzjoni kif ukoll indikaturi riveduti. Barra minn hekk, fil-każ tal-fergħa tal-għajnuna umanitarja, il-Parlament Ewropew talab referenzi għal diversi prinċipji tal-għajnuna umanitarja, mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u dokumenti ta’ politika kif ukoll l-involviment tal-komunitajiet lokali u indikaturi addizzjonali.

Bħala parti mill-ftehim milħuq fit-trilogi, il-Kummissjoni aċċettat baġit ta’ EUR 1.009 biljun, it-tneħħija tal-fergħa tal-impjiegi u t-traineeships u tqassim indikattiv tal-baġit bejn iż-żewġ fergħat li jifdal; attivitajiet fil-pajjiż proprju, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet; limitu massimu tal-età ogħla ta’ 35 sena għall-fergħa tal-għajnuna umanitarja u l-possibbiltà li esperti ta’ kull età jappoġġaw proġetti ta’ għajnuna umanitarja fil-kuntest tal-bini tal-kapaċitajiet; indikaturi addizzjonali għall-fergħa tal-għajnuna umanitarja; diversi referenzi għal prinċipji ta’ għajnuna umanitarja u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni; referenza speċifika għar-rekwiżiti tal-approvazzjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli; u dimensjoni tal-inklużjoni msaħħa.

Il-Kummissjoni qablet ukoll li toħroġ id-dikjarazzjoni li ġejja rigward indikatur addizzjonali għall-fergħa tal-għajnuna umanitarja:

“Il-Kummissjoni Ewropea tieħu nota tal-proposta tal-Parlament Ewropew biex tqis “l-għadd ta’ atturi lokali li japplikaw l-għarfien, il-prinċipji u l-approċċi miksuba permezz tal-attivitajiet umanitarji li fihom ipparteċipaw il-voluntier u l-esperti” meta tkun qed tissupplimenta r-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.”

Wara li l-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, huwa mistenni li l-Parlament Ewropew japprova formalment il-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi.

4.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi. Dawn huma xi wħud mill-iktar bidliet importanti li ġew introdotti meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni:

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu 2021-2027 għandu jkun ta’ EUR 1 009 000 000 fi prezzijiet kurrenti. B’massimu ta’ 20 % għall-attivitajiet fil-pajjiż, l-appoġġ finanzjarju indikattiv għall-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) għandu jkun ta’: 94% għall-volontarjat imsemmi fl-Artikolu 7 u għall-proġetti ta’ solidarjetà; u 6% għall-volontarjat imsemmi fl-Artikolu 11;

Tħassret il-fergħa tal-impjiegi u t-traineeships;

Limitu massimu tal-età ta’ 35 sena għall-fergħa tal-għajnuna umanitarja u l-involviment possibbli ta’ esperti ta’ kull età fil-kuntest tal-bini tal-kapaċitajiet;

Dimensjoni tal-inklużjoni msaħħa;

Referenza għall-kopertura tal-assigurazzjoni tal-parteċipanti u għar-rekwiżiti tal-approvazzjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli;

Il-volontarjat fil-pajjiż proprju jenħtieġ li jkun destinat b’mod partikolari għaż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet;

Rigward il-fergħa tal-għajnuna umanitarja, referenza għall-prinċipju “li ma ssir l-ebda ħsara”, il-ħtieġa umanitarja tal-komunitajiet lokali, il-valutazzjoni tar-riskju, l-involviment tal-persunal lokali u l-voluntiera u l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa;

Referenza fil-premessi għall-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, id-dritt umanitarju internazzjonali, il-prinċipji ta’ donazzjoni umanitarja tajba u r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-UN-OCHA;

Indikaturi riveduti u indikaturi addizzjonali li jaqdu b’mod partikolari l-fergħa l-ġdida tal-għajnuna umanitarja;

Durata tal-progamm fissa allinjata mad-durata tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali;

Referenza għad-dispożizzjonijiet tar-retroattività;

Dispożizzjonijiet riveduti dwar il-pajjiżi terzi li jiċċaraw ir-regoli tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm u entitajiet legali minn pajjiżi terzi li mhumiex.

B’mod ġenerali, il-ftehim li ntlaħaq jippreserva l-objettivi tal-proposta oriġinali, bl-eċċezzjoni tat-tħassir tal-fergħa tal-impjiegi u t-traineeships. Iżomm il-livell ta’ ambizzjoni imma fl-istess ħin jippermetti l-flessibilità meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm.

5.Konklużjoni

Il-Kummissjoni taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill.

6.Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni waħda li tinstab fl-anness.



ANNESS

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-għadd ta’ atturi lokali li japplikaw l-għarfien, il-prinċipji u l-approċċi miksuba permezz tal-attivitajiet umanitarji li fihom ipparteċipaw il-voluntier u l-esperti

“Il-Kummissjoni Ewropea tieħu nota tal-proposta tal-Parlament Ewropew biex tqis “l-għadd ta’ atturi lokali li japplikaw l-għarfien, il-prinċipji u l-approċċi miksuba permezz tal-attivitajiet umanitarji li fihom ipparteċipaw il-voluntier u l-esperti” meta tkun qed tissupplimenta r-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.”

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”)