Brussell, 12.4.2021

COM(2021) 181 final

2021/0097(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ eżenzjonijiet fuq importazzjonijiet u fuq ċerti provvisti, fir-rigward ta’ miżuri tal-Unjoni fl-interess pubbliku


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-inizjattiva attwali għandha l-għan li tappoġġa u tiffaċilita miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni fl-interess pubbliku, b’mod partikolari meta l-Unjoni tkun qed taġixxi fit-twettiq ta’ mandat biex takkwista oġġetti u servizzi sabiex tqassamhom mingħajr ħlas lill-Istati Membri skont il-ħtiġijiet ta’ emerġenza tagħhom. Dawn il-miżuri huma - fost l-oħrajn - immirati lejn il-prevenzjoni ta’ emerġenzi, it-tħejjija għalihom jew ir-rispons għalihom fil-kuntest ta’ kriżijiet u diżastri attwali jew futuri. L-inizjattiva tappoġġa dawn il-miżuri billi telimina t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) bħala fattur ta’ spiża kif ukoll piż ta’ konformità relatat. B’mod aktar speċifiku, din il-proposta tipprevedi eżenzjoni mill-VAT ta’ oġġetti jew servizzi fornuti lil u oġġetti importati mill-Kummissjoni jew minn aġenzija jew korp tal-UE fejn il-Kummissjoni jew kwalunkwe tali aġenzija jew korp jiksbu dawn l-oġġetti jew servizzi fit-twettiq ta’ mandat mogħti lilhom mil-liġi tal-Unjoni fl-interess pubbliku.

Il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa turi sa ċertu punt l-importanza li tkun imħejjija sew u li tkun kapaċi tirreaġixxi malajr abbażi ta’ approċċ strutturat, koerenti u ċentralizzat fil-livell tal-UE. Din il-konklużjoni tapplika wkoll għal sitwazzjonijiet oħra preżenti u futuri li jeħtieġu azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, filwaqt li tibni fuq l-esperjenza fil-ġestjoni tal-pandemija tal-COVID-19, din l-inizjattiva għandha l-għan li tipprovdi lill-Unjoni Ewropea b’soluzzjoni b’bażi wiesgħa u valida għall-futur. L-objettiv huwa li jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet tal-VAT tal-UE, pereżempju fir-rigward ta’ miżuri fil-qasam tal-ġestjoni tad-diżastri u tal-kriżijiet, u b’hekk jiġu ffaċilitati l-attivitajiet tal-Kummissjoni, tal-aġenziji tal-UE jew ta’ korpi oħra tal-UE meta jissodisfaw kwalunkwe mandat mogħti lilhom mil-liġi tal-Unjoni.

L-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni li ħadet miżuri ta’ emerġenza matul il-pandemija tal-COVID 19 uriet li l-VAT imposta fuq xi tranżazzjonijiet tispiċċa tkun fattur ta’ spiża f’operazzjonijiet ta’ akkwist li jitfgħu piż fuq baġits limitati. Dawk l-ammonti ta’ VAT inaqqsu l-volum ta’ oġġetti u servizzi, li l-Kummissjoni tista’ takkwista għall-ħażna jew id-distribuzzjoni immedjata lill-Istati Membri, filwaqt li jżidu l-kumplessità u jdewmu l-operazzjonijiet ibbażati fuq is-solidarjetà biex jindirizzaw ħtiġijiet urġenti. Barra minn hekk, l-ispejjeż tal-konformità jsiru piż għan-negozji li qed jipprovdu oġġetti u servizzi lill-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġistrazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet tat-taxxa f’ħafna Stati Membri jew fl-Istati Membri kollha.

Għalhekk hemm ħtieġa urġenti għal azzjoni immedjata fir-rigward tal-ġlieda kontra l-pandemija attwali tal-COVID-19 u sabiex tinħoloq ir-rieda li tittieħed azzjoni bil-ħsieb ta’ miżuri futuri komparabbli meħuda fil-livell tal-Unjoni fl-interess pubbliku. Għal dan il-għan, jenħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni tal-VAT fuq bażi wiesgħa għal xiri li jsir mill-Kummissjoni jew minn aġenzija jew korp tal-UE sabiex jagħtu donazzjoni, jaħżnu jew inkella jipprovdu oġġetti jew servizzi lill-Istati Membri jew lil partijiet terzi peress li dik hija s-soluzzjoni xierqa meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tal-miżuri fil-livell tal-Unjoni.

Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 u sabiex tiġi pprovduta soluzzjoni li tibqa’ valida għall-futur, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta huwa wiesa’, u jkopri t-tipi kollha ta’ oġġetti u servizzi. Fir-rigward ta’ prodotti, pereżempju japplika għal kontromiżuri mediċi (MCMS) ta’ kull tip bħal prodotti bijoloġiċi 1 , drogi u mediċini 2 kif ukoll apparat mediku 3 . Il-proposta tkopri wkoll oġġetti mhux mediċi meħtieġa biex jiġu indirizzati kriżijiet umanitarji 4 . Din il-proposta tkopri wkoll firxa wiesgħa ta’ servizzi b’rabta mas-settur tas-saħħa jew mingħajrha 5 .

L-iskop eliġibbli li għalih dawn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw mill-Kummissjoni jew minn aġenzija jew korp tal-UE huwa kwalunkwe attività fit-twettiq ta’ mandat mogħti lilhom skont il-liġi tal-Unjoni u li hija fl-interess pubbliku. L-oġġetti jew is-servizzi akkwistati jistgħu, pereżempju, ikunu maħsuba biex ikunu disponibbli mingħajr ħlas għall-Istati Membri jew għal parti terza 6 . Jistgħu jkunu wkoll parti minn strateġija ta’ stockfiling fid-dawl ta’ donazzjonijiet futuri.

Quddiem il-pandemija tal-COVID-19 , il-Kummissjoni ħadet miżuri eċċezzjonali fil-qasam tal-VAT biex tgħin lill-vittmi tat-tifqigħa. Fit-3 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni UE 2020/491 7 li tippermetti lill-Istati Membri biex jeżentaw b’mod temporanju mill-VAT (u jnaqqsu t-tensjoni tad-dazji doganali) lil oġġetti essenzjali biex jiġġieldu l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 (li jkopru fost l-oħrajn tagħmir personali protettiv, apparat mediku dijanjostiku in vitro, apparat mediku bħal ventilaturi u għadd limitat ta’ mediċini 8 ). 

Din id-deċiżjoni tkopri biss l-importazzjoni u mhux il-provvisti intra-Komunitarji jew domestiċi, minħabba li s-setgħat awtonomi tal-Kummissjoni huma limitati għal dan il-qasam. Il-miżura inizjali kienet tapplika għal perjodu ta’ sitt xhur, u reġgħet ġiet estiża sal-31 ta’ Ottubru 2020 9 u t-30 ta’ April 2021 10 . Bħalissa qed titħejja estensjoni oħra.

Fis-7 ta’ Diċembru 2020 11 , il-Kunsill adotta proposta mill-Kummissjoni 12 li tintroduċi emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 13 (id-Direttiva tal-VAT) u li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għall-provvista ta’ apparat mediku dijanjostiku in vitro tal-COVID-19 u servizzi marbuta mill-qrib magħha. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjoni bil-possibbiltà ta' tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti fir-rigward tal-provvista ta' dan l-apparat u ta’ servizzi relatati mill-qrib mal-provvista tal-vaċċini tal-COVID-19 u ta’ servizzi marbuta mill-qrib ma’ dawk il-vaċċini.

Dawn il-miżuri pprovdew soluzzjonijiet rapidi, effiċjenti u mmirati għal ħtiġijiet urġenti li jseħħu matul il-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, huma limitati ħafna fil-kamp ta’ applikazzjoni u ta’ natura temporanja u mhux l-Istati Membri kollha għażlu li japplikaw l-għażla ta’ rati żero fejn din tkun saret disponibbli.

Id-Direttiva tal-VAT tipprevedi, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet u limiti, eżenzjoni 14 bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT fl-istadju preċedenti dwar l-importazzjoni ta’ merkanzija minn u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi lil korpi Ewropej (inkluża l-Kummissjoni) li għalihom japplika l-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (PPI 15 ). Abbażi tal-interpretazzjoni rispettiva tal-PPI, dik l-eżenzjoni hija strettament limitata għal xiri li jsir għall-użu uffiċjali ta’ dak il-korp tal-UE. Dan ma japplikax għax-xiri ta’ oġġetti u servizzi li, pereżempju, huma maħsuba biex isiru disponibbli bla ħlas għall-Istati Membri jew għal parti terza bħal awtorità nazzjonali tas-saħħa jew sptar peress li dan ma jitqiesx bħala użu uffiċjali. Madankollu, preċiżament każijiet bħal dawn jistgħu jsiru partikolarment importanti b’reazzjoni għall-kriżijiet u għalhekk l-eżenzjonijiet tal-VAT attwalment applikabbli mhumiex biżżejjed f’dan ir-rigward.

Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 16 biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT fir-rigward tar-rati tal-VAT, li għadha pendenti quddiem il-Kunsill, lanqas ma setgħet tipprovdi soluzzjoni sodisfaċenti għat-tneħħija tal-VAT mit-tranżazzjonijiet kollha li timmira għalihom din l-inizjattiva. Jekk tiġi adottata unanimament mill-Kunsill , tippermetti lill-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa jew saħansitra rata żero 17 għal ċerti provvisti, jekk tali provvisti jkunu ta’ benefiċċju biss għall-konsumatur finali u jsegwu objettiv ta’ interess ġenerali. Fi kwalunkwe każ tibqa’ d-deċiżjoni diskrezzjonali tal-Istati Membri li japplikaw kwalunkwe tali trattament favorevoli tal-VAT.

Sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jlaħħqu aħjar mal-isfidi tal-era diġitali u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat mal-użu tal-verżjoni stampata taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni previst fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 18 , b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi bħall-pandemiji, jenħtieġ li tiġi introdotta formola elettronika. L-għan ta’ din il-formola huwa li jiġi kkonfermat li t-tranżazzjoni tikkwalifika għall-eżenzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 151(1) tad-Direttiva tal-VAT. Kif diġà sar skont l-Artikolu 199b(4) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, id-dettalji tekniċi ta’ dik il-formola, inkluż messaġġ elettroniku komuni li permezz tiegħu l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill(UE) Nru 904/2010 19 , li japplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 20 .

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Il-proposta tikkumplimenta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-oġġetti meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020, li għandha tiġi estiża sal-aħħar ta’ April 2021. Hija tikkumplimenta wkoll id-Direttiva tal-Kunsill (UE) Nru 2020/2020 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ miżuri temporanji b’rabta mat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għall-vaċċini tal-COVID-19 u għal apparat mediku dijanjostiku in vitro b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 Hija wkoll konformi mal-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT fir-rigward tar-rati tal-VAT, li għadha pendenti quddiem il-Kunsill.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-inizjattivi meħuda taħt il-politiki tal-UE bħall-Unjoni Ewropea tas-Saħħa u l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa. Hija partikolarment konsistenti mal-inizjattivi deskritti hawn taħt.

Fl-14 ta’ April 2020, il-Kunsill attiva l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI 21 ), li jgħin lill-Istati Membri jwieġbu għall-pandemija tal-COVID-19 billi jindirizza l-ħtiġijiet urġenti b’mod strateġiku u koordinat fil-livell tal-UE.

Fit-2 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni pproponiet 22 bidliet immirati għall-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili 23 , li jippermettu lill-Unjoni u lill-Istati Membri jkunu ppreparati aħjar għal kriżijiet futuri u jirreaġixxu b’mod aktar rapidu u effettiv għalihom, b’mod partikolari dawk b’impatt kbir minħabba t-tfixkil potenzjali għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, kif jidher b’mod tant ċar fl-emerġenza tal-COVID-19. L-objettiv ġenerali tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u sitt Stati parteċipanti 24 fil-qasam tal-protezzjoni ċivili, bil-ħsieb li jitjiebu l-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri. Meta l-iskala tal-emerġenza tisboq il-kapaċitajiet ta’ reazzjoni ta’ xi pajjiż, dan jista’ jitlob assistenza permezz tal-Mekkaniżmu. Permezz tal-Mekkaniżmu, il-Kummissjoni għandha rwol ewlieni fil-koordinazzjoni tar-rispons għal diżastri fl-Ewropa u lil hinn minnha u tikkontribwixxi għal mill-inqas 75 % tal-ispejjeż tat-trasport u/jew operazzjonali tal-iskjeramenti. Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (l-ERCC) 25 tal-Kummissjoni jinsab fil-qalba tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u jikkoordina t-twassil tal-assistenza lill-pajjiżi li jkunu ntlaqtu minn diżastri, bħall-provvisti ta’ sokkors, l-għarfien espert, it-timijiet tal-protezzjoni ċivili u t-tagħmir speċjalizzat.

Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2020 tas-16 ta’ Settembru 2020, il-President tal-Kummissjoni enfasizza l-ħtieġa li jinsiltu tagħlimiet mill-kriżi attwali u li tinbena Unjoni Ewropea tas-Saħħa. B’mod parallel, hija spjegat l-inizjattivi ewlenin korrispondenti għall-2021 f’Ittra ta’ Intenzjoni 26 lill-President tal-Parlament Ewropew u l-Presidenza tal-Kunsill. Dawk l-inizjattivi fihom ukoll proposti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jistabbilixxu Aġenzija Ewropea għar-Riċerka u l-Iżvilupp Bijomedika ġdida, li jestendu l-mandati tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) kif ukoll li jistabbilixxu spazju Ewropew għad-data dwar is-saħħa.

Fil-programm ta’ Ħidma tagħha tal-2021 27 , il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li nsaħħu t-tħejjija tagħna għall-kriżijiet u l-ġestjoni tat-theddid transkonfinali għas-saħħa u kkonfermat li wasal iż-żmien li nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha. Il-programm ta’ Ħidma fih proposti leġiżlattivi biex jissaħħaħ il-qafas tal-UE għad-detezzjoni u r-rispons għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa, u biex jissaħħu r-rwoli tal-aġenziji eżistenti. Aktar inizjattivi se jkopru proposta biex tiġi stabbilita aġenzija għar-riċerka u l-iżvilupp bijomediku avvanzat, strateġija farmaċewtika ġdida li tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jserrħu fuq mediċini sikuri, affordabbli u ta’ kwalità għolja u spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa biex tiġi sfruttata d-data għal kura tas-saħħa aħjar, riċerka aħjar, u tfassil aħjar tal-politika għall-benefiċċju tal-pazjenti.

F’Marzu 2021, ġie adottat il-Programm il-ġdid għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (“il-Programm EU4Health”) 28 li għandu l-għan li jagħmel is-sistemi tas-saħħa aktar reżiljenti biex jindirizzaw it-theddid transfruntier għas-saħħa bħall-COVID-19 u jtejjeb il-kapaċità tal-ġestjoni tal-kriżijiet. Barra minn hekk, se tagħmel l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa realtà billi tinvesti fil-kura tal-kanċer, tħejjija aħjar għall-pandemiji, disponibbiltà tal-mediċini u l-innovazzjoni u tagħti spinta lis-saħħa diġitali u l-prevenzjoni tal-mard.

Bil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta’ Novembru 2020 29 , il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ewwel pedamenti għal Unjoni Ewropea tas-Saħħa. Il-Komunikazzjoni kienet akkumpanjata minn tliet proposti leġiżlattivi: Regolament dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa li jissostitwixxi d-Deċiżjoni 1082/2013/UE 30 , it-tisħiħ tal-mandati tal-ECDC 31 u tal-EMA 32 .

L-inizjattiva l-ġdida tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa hija favur it-tisħiħ tal-istrutturi u l-mekkaniżmi eżistenti għal protezzjoni, prevenzjoni, tħejjija u rispons aħjar fil-livell tal-UE kontra l-perikli għas-saħħa tal-bniedem. Tirrakkomanda qafas imsaħħaħ għal kooperazzjoni transkonfinali kontra t-theddid għas-saħħa kollu bl-għan li jħares ħajjet il-persuni u s-suq intern aħjar kif ukoll li jżomm l-ogħla standards fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili. Se ssaħħaħ ukoll ir-rwol tal-UE fil-koordinazzjoni u fil-kooperazzjoni internazzjonali biex tipprevjeni u tikkontrolla t-theddid transkonfinali għas-saħħa u ttejjeb is-sigurtà tas-saħħa globali.

Fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa l-ġdida, il-Kummissjoni ħabbret ukoll proposta leġiżlattiva li għandha tiġi ppreżentata qabel tmiem l-2021 li tistabbilixxi l-Awtorità ta’ Rispons għall-Emerġenzi tas-Saħħa (HERA).

Bil-komunikazzjoni tagħha tat-25 ta’ Novembru 2020 33 , il-Kummissjoni ressqet Strateġija Farmaċewtika ġdida għall-Ewropa, li tippreżenta azzjonijiet konkreti biex jiġu żgurati l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-mediċini. Din se tappoġġja ktajjen tal-provvista diversifikati u siguri, filwaqt li tiżgura l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE fid-dinja, u tippromwovi farmaċewtiċi ambjentalment sostenibbli. L-istrateġija għandha wkoll l-għan li ttejjeb it-tħejjija għall-kriżijiet u l-mekkaniżmi ta’ rispons.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-aġenziji eżistenti u futuri tal-UE kif ukoll korpi oħra tal-UE għandhom rwol dejjem aktar importanti fl-insegwiment tal-objettivi msemmija hawn fuq jew inizjattivi futuri oħra. Għalhekk, il-proposta leġiżlattiva preżenti għandha tkopri wkoll provvisti magħmula lil jew importazzjonijiet magħmula minn dawn l-aġenziji jew korpi.

L-EMA twaqqfet fl-1995 34 u l-missjoni tagħha hija li trawwem l-eċċellenza xjentifika fl-evalwazzjoni u s-superviżjoni tal-mediċini, għall-benefiċċju tas-saħħa pubblika u tal-annimali. Il-mandat tiegħu se jissaħħaħ fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa l-ġdida sabiex jinkludi l-monitoraġġ u l-mitigazzjoni ta’ skarsezzi potenzjali ta’ mediċini kritiċi u apparat mediku, l-għoti ta’ pariri xjentifiċi dwar mediċini b’potenzjal li jittrattaw, jipprevjenu jew jiddijanjostikaw mard li jikkawża kriżijiet, jikkoordinaw studji għall-monitoraġġ tal-effettività u s-sikurezza tat-tilqim kif ukoll jikkoordinaw il-provi kliniċi.

Stabbilita fl-2005 35 , il-missjoni tal-ECDC hija li jidentifika, jivvaluta u jikkomunika theddid attwali u emerġenti għas-saħħa tal-bniedem ikkawżat minn mard infettiv. Il-mandat futur tiegħu se jkopri s-sorveljanza epidemjoloġika (f’ħin reali), l-ippjanar tat-tħejjija u r-rispons, ir-rappurtar u l-awditjar, l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet u għażliet mhux vinkolanti għall-ġestjoni tar-riskju, il-kapaċità li tiġi mobilizzata u skjerata t-Task Force tas-Saħħa tal-UE biex tassisti r-rispons lokali fl-Istati Membri u l-bini ta’ netwerk ta’ laboratorji ta’ referenza tal-UE u netwerk għas-sustanzi ta’ oriġini umana.

Il-missjoni futura tal-HERA se tkun li tippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jiskjeraw b’mod rapidu l-miżuri mediċi u miżuri oħra aktar avvanzati f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa, billi tkopri l-katina tal-valur kollha mit-tnissil sad-distribuzzjoni u l-użu 36 .

Matul 2020/2021 twettqu jew huma ppjanati diversi akkwisti konġunti 37 li jkopru l-oġġetti meħtieġa biex ilaħħqu mal-pandemija tal-COVID-19 bħal tagħmir ta’ protezzjoni personali (PPE), ventilaturi, tagħmir tal-laboratorju, materjal tat-tilqim, test rapidu tal-antiġeni u terapiji (eż. Remdesivir). Taħt l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, il-Kummissjoni akkwistat direttament maskri, terapiji u testijiet għad-donazzjoni lill-Istati Membri.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, azzjoni fil-livell tal-Unjoni tista’ tittieħed biss jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjonijiet proposti, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-UE. Id-Direttiva attwali dwar il-VAT tipprevjeni lill-Istati Membri milli japplikaw eżenzjoni ġenerali mill-VAT għall-importazzjoni ta’ merkanzija minn u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi lill-Kummissjoni jew aġenzija jew korp tal-UE maħsuba biex jappoġġaw u jiffaċilitaw miżuri meħuda fil-livell tal-UE fl-interess pubbliku. Inizjattiva leġiżlattiva fil-livell tal-UE biex tiġi emendata d-Direttiva hija l-aktar mod effiċjenti biex jiġi żgurat il-funzjonament ta’ tali miżuri billi tiġi eliminata bis-sħiħ il-VAT bħala fattur ta’ spiża kif ukoll billi jitneħħa l-piż addizzjonali permezz ta’ spejjeż ta’ konformità relatati.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħaq l-objettiv maħsub. L-inizjattiva teżenta mill-VAT l-importazzjoni ta’ merkanzija u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi li l-Kummissjoni jew aġenzija jew korp tal-UE jakkwistaw fit-twettiq ta’ mandat mogħti lilhom mil-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jitħejjew miżuri kontra kriżijiet u diżastri. Minħabba l-impatt li kriżijiet jew diżastri bħall-pandemija tal-COVID-19 jista’ jkollhom fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri, il-miżuri proposti huma proporzjonati fid-dawl tal-impatt baġitarju tagħhom fuq ċerti Stati Membri bħala riżultat tal-eżenzjoni mill-VAT.

Għażla tal-istrument

Tinħtieġ Direttiva biex id-Direttiva tal-VAT attwali tiġi emendata.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, minħabba n-natura urġenti ta’ din l-inizjattiva, ippreżentata fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-informazzjoni disponibbli pubblikament dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika kif ukoll l-evidenza xjentifika disponibbli fir-rigward tal-pandemija preżenti tal-COVID-19 u tal-implikazzjonijiet tagħha għal sfidi komparabbli fil-futur.

Valutazzjoni tal-impatt

Ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt separata, minħabba n-natura urġenti ta’ din l-inizjattiva, ippreżentata fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

Drittijiet fundamentali

Sa ċertu punt, din il-proposta se tiffaċilita l-miżuri tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tas-saħħa. Is-saħħa hija dritt fundamentali tal-bniedem. Il-proposta hija konsistenti mal-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tistipula li għandu jiġi żgurat li jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.  Barra minn hekk, huwa konsistenti mal-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jistipula li kulħadd għandu d-dritt ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa preventiva u d-dritt li jibbenefika minn trattament mediku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta se tneħħi l-VAT bħala fattur ta’ spiża għall-programmi tal-UE. Bl-istess baġit, dan se jippermetti lill-UE tixtri aktar oġġetti u servizzi li huma, pereżempju, maħsuba għal distribuzzjoni b’xejn lil Stat Membru, awtorità tas-saħħa nazzjonali jew sptar.

Bl-introduzzjoni ta’ eżenzjoni ġdida tal-VAT, il-proposta tista’ tnaqqas id-dħul mill-VAT miġbur mill-Istati Membri u għalhekk ir-riżorsa proprja tal-VAT. Filwaqt li mhu se jkun hemm l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE, peress li r-riżorsa proprja bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (ING) tikkumpensa għal kwalunkwe nefqa mhux koperta mir-riżorsi proprji tradizzjonali u r-riżorsa proprja tal-VAT, ir-riżorsi proprji tal-VAT mhux miġbura minn ċerti Stati Membri se jkollhom jiġu kkompensati mill-Istati Membri kollha permezz tar-riżorsa proprja tal-ING. Madankollu, minħabba li l-volum attwali ta’ oġġetti u servizzi mixtrija mill-istituzzjonijiet tal-UE u soġġetti għall-VAT huwa żgħir (meta mqabbel mal-ekonomija globali), dan l-effett x’aktarx li jkun limitat ħafna.

5.ELEMENTI OĦRA

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Il-proposta ma għandhiex bżonn ta’ Dokumenti ta’ Spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Punti 1 u 2(a) tal- Artikolu 1 għandhom l-għan li jemendaw id-Direttiva tal-VAT billi jintroduċu eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjoni ta’ merkanzija (punt ġdid (fb) fl-Artikolu 143(1)) merkanzija jew servizzi jew għaliha (punt ġdid (ab) fl- Artikolu 151(1)) tal- Kummissjoni Ewropea jew aġenzija jew korp stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni li fiha l-Kummissjoni jew l-agenzija jew il-korp jakkwistaw din il-merkanzija jew servizzi fl-issodisfar ta’ mandat mogħti fuqhom mil-liġi tal-Unjoni fl-interess pubbliku.

Il-punt 2 (b) tal-Artikolu 1 għandu l-għan li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tagħmel ċertifikat ta’ eżenzjoni, li jservi biex jikkonferma li t-tranżazzjoni tikkwalifika għall-eżenzjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 151(1) tad-Direttiva tal-VAT, b’mod elettroniku. Dik il-formola elettronika għandha tiġi stabbilita sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jlaħħqu aħjar mal-isfidi tal-era diġitali u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat mal-użu tal-verżjoni stampata tal-formola b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżijiet bħall-pandemiji. Il-formola elettronika għandha tiġi adottata b’konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE)Nru 904/2010 38 , li japplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 39 .

Għalhekk, il-proposta se tappoġġa u tiffaċilita l-miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni fl-interess pubbliku billi telimina l-ammonti tal-VAT li jsiru fattur tal-kost kif ukoll il-piż tal-konformità relatat. It-tranżazzjonijiet koperti minn din il-proposta bl-ebda mod mhuma limitati għall- “attivitajiet fl-interess pubbliku” msemmija fit-Titolu IX, Kapitolu 2, tad-Direttiva tal-VAT.

Għalkemm din l-inizjattiva għandha l-għan li tiffaċilita l-miżuri meħuda f’diversi oqsma ta’ politika, hija partikolarment urġenti fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa. Ċerti miżuri, li jaqgħu fl-ambitu previst minn din l-inizjattiva, diġà jinsabu għaddejjin. Sabiex jiġi salvagwardjat il-benefiċċju massimu tagħhom, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-eżenzjoni mill-VAT introdotta mill-proposta għal tranżazzjonijiet imwettqa mill-1 ta’ Jannar 2021 b’mod retroattiv.

2021/0097 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ eżenzjonijiet fuq importazzjonijiet u fuq ċerti provvisti, fir-rigward ta’ miżuri tal-Unjoni fl-interess pubbliku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 40 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 41 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)F’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 42 , l-Istati Membri għandhom jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) l-importazzjoni ta’ merkanzija minn u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi lill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Bank Ċentrali Ewropew jew il-Bank Ewropew tal-Investiment, jew mill-korpi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea li għalihom il-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll”), japplika, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet tal-Protokoll u l-ftehimiet għall-implimentazzjoni tiegħu jew il-ftehimiet dwar il-kompetizzjoni sakemm ma jwasslux għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, dik l-eżenzjoni hija strettament limitata għal xiri li jsir għal użu uffiċjali u ma testendix għal sitwazzjonijiet fejn oġġetti u servizzi jinxtraw minn korpi tal-Unjoni fl-interess pubbliku, b’mod partikolari meta jkunu ser ikunu disponibbli mingħajr ħlas għall-Istati Membri jew partijiet terzi bħal awtoritajiet jew istituzzjonijiet nazzjonali.

(2)L-esperjenza miksuba matul il-pandemija tal-COVID-19 turi ħtieġa urġenti għall-adozzjoni ta’ miżuri sabiex tinħoloq ir-rieda li tittieħed azzjoni meta jiġu ttrattati sitwazzjonijiet komparabbli fil-futur. Sabiex tali azzjoni tkun tista’ ssir, jeħtieġ li tiġi introdotta eżenzjoni tal-VAT fuq bażi wiesgħa għall-akkwist ta’ oġġetti u servizzi mill-Kummissjoni jew minn aġenzija jew korp stabbilit skont id-dritt tal-Unjoni fit-twettiq ta’ mandat mogħti lilha mil-liġi tal-Unjoni fl-interess pubbliku. Tali eżenzjoni hija b’mod partikolari prerekwiżit għall-kapaċità li jinkisbu soluzzjonijiet meħtieġa biex jiġu ffaċilitati miżuri koordinati ta’ maniġġar ta’ kriżijiet fil-livell tal-Unjoni. Dan jiżgura li l-miżuri li għandhom jittieħdu taħt id-diversi inizjattivi tal-Unjoni ma jiġux imfixkla minn ammonti ta’ VAT li jridu jinġabru jew minn piż ta’ konformità relatat impost fuq il-fornituri tal-oġġetti jew tas-servizzi meħtieġa. It-tranżazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni introdotta minn din il-proposta m’għandhom bl-ebda mod ikunu limitati għall- “attivitajiet fl-interess pubbliku” msemmija fit-Titolu IX, Kapitolu 2, tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)Diġà hemm ċertifikat ta’ eżenzjoni fis-seħħ, stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru282/2011 43 , li jservi biex jikkonferma li provvista ta’ oġġetti jew servizzi magħmula lil korp jew individwu eliġibbli tikkwalifika għall-eżenzjoni skont l-Artikolu 151 tad-Direttiva 2006/112/KE. Il-Kummissjoni, l-aġenzija jew il-korp stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni li jakkwistaw l-oġġetti u s-servizzi li għalihom tapplika l-eżenzjoni l-ġdida mill-VAT għandhom ikunu meħtieġa jipproduċu ċertifikat għall-fornituri tagħhom li jikkonferma li t-tranżazzjoni rilevanti tikkwalifika għal eżenzjoni. Sabiex jiġu ffaċilitati l-ħruġ u t-trażmissjoni, jenħtieġ li dak iċ-ċertifikat ikun elettroniku. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 151(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-dettalji tekniċi għall-kontenut u l-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet fir-rigward tal-messaġġ elettroniku li permezz tiegħu għandha tintbagħat l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 .

(4)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan.

(5)Fid-dawl tal-pandemija attwali tal-COVID-19, diġà għaddejjin xi miżuri li jistgħu jaqgħu taħt dawn l-eżenzjonijiet. Sabiex isir l-aħjar użu mill-baġit tal-Unjoni fl-interess pubbliku, l-eżenzjonijiet introdotti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)    fl-Artikolu 143(1), jiddaħħal il-punt (fb) li ġej:

“(fb)l-importazzjoni ta’ oġġetti mill-Kummissjoni jew minn aġenzija jew korp stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni fejn il-Kummissjoni jew kwalunkwe tali aġenzija jew korp takkwista dawn l-oġġetti jew servizzi fit-twettiq ta’ mandat mogħti lilha mil-liġi tal-Unjoni fl-interess pubbliku;”;

(2)    L-Artikolu 151(1) huwa emendat kif ġej:

(a)    fl-ewwel subparagrafu, jiddaħħal il-punt (ab) li ġej:

“(ab)il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi lill-Kummissjoni jew lil aġenzija jew korp stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni fejn il-Kummissjoni jew kwalunkwe tali aġenzija jew korp takkwista dawn l-oġġetti jew servizzi fit-twettiq ta’ mandat mogħti lilha mil-liġi tal-Unjoni fl-interess pubbliku;”;

(b)    jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għandu jiġi stabbilit ċertifikat ta’ eżenzjoni, li jservi biex jikkonferma li t-tranżazzjoni tikkwalifika għall-eżenzjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, id-dettalji tekniċi rigward il-kontenut u l-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet fir-rigward tal-messaġġ elettroniku li permezz tiegħu għandha tintbagħat l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u għal dan il-għan il-kumitat għandu jkun il-kumitat stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010.”.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 t’April 2021. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021:

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.ISEM IL-PROPOSTA:

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE biex titneħħa l-ispiża tal-VAT fuq miżuri tal-Unjoni fl-interess pubbliku.

2.LINJI BAĠITARJI

2021

Kapitolu 13, Artikolu 130

Ammont ibbaġitjat għas-sena 2021: 17 967 491 250 €

3.IMPATT FINANZJARJU

Il-Proposta għandha impatt finanzjarju kemm fuq in-nefqa kif ukoll fuq id-dħul — l-effett huwa kif ġej:

Linja baġitarja

Dħul 

Impatt fuq ir-riżorsi proprji

Perjodu: 01/01/2021 sa 31/12/2021

(f’miljuni ta’ EUR sa ċifra waħda wara l-punt deċimali)

Iffrankar fin-nefqa tal-Kummissjoni fuq l-ammonti tal-VAT (potenzjalment fuq linji baġitarji differenti ħafna)

 
- 110.00

Artikoli 130 u 13

1.65

Totali

- 108.35

L-eżenzjoni l-ġdida mill-VAT introdotta minn din il-proposta hija limitata għall-importazzjonijiet ta’ oġġetti magħmula minn u l-provvisti ta’ oġġetti u servizzi magħmula lill-Kummissjoni jew lil aġenzija jew korp ieħor stabbilit skont il-liġi tal-Unjoni u mhijiex miftuħa għal importazzjonijiet jew xiri li jsiru minn operaturi kummerċjali.

L-għan tal-proposta huwa li tneħħi l-ammonti tal-VAT min-nefqiet baġitarji tal-Kummissjoni jew ta’ aġenzija jew korp ieħor stabbilit skont id-dritt tal-Unjoni. Dan se jikkonċerna prinċipalment l-akkwisti ta’ oġġetti jew servizzi maħsuba biex jingħataw mingħajr ħlas (mogħtija b’donazzjoni) lill-Istati Membri jew lil partijiet terzi. Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data dwar l-ammonti attwali tal-VAT imħallsa mill-baġits tal-UE, l-iffrankar baġitarju għall-2021 ġie stmat retrospettivament tal-baġit tal-2020 għall-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI) li jammonta għal EUR 3 450 miljun. Minn dan, il-baġit għall-istrument tat-tilqim ta’ EUR 2 900 miljun tnaqqas minħabba li dawn it-tranżazzjonijiet saru direttament lill-Istati Membri (mhux lill-Kummissjoni).

Fuq din il-bażi, il-valur totali stmat tal-importazzjonijiet u l-provvisti ta’ oġġetti u servizzi li jikkonċernaw attivitajiet ta’ “xiri u għoti ta’ donazzjoni” koperti mill-proposta għall-perjodu huwa ta’ EUR 550 miljun. L-ammont ta’ VAT iffrankat fuq l-infiq baġitarju huwa stmat bl-użu ta’ rata tat-taxxa preżunta ta’ 20 % u għalhekk jammonta għal EUR 110 miljun.

L-effett fuq il-baġit tal-UE tat-tnaqqis fir-riżorsa proprja tal-VAT, filwaqt li titqies ir-rata uniformi ta’ ġbir (0.30 %), huwa stmat għal EUR 1.65 miljun.

Għalkemm il-biċċa l-kbira ta’ dawn in-nefqiet taħt l-ESI fil-fatt huma eżenti mill-VAT għad-Deċiżjoni (UE) 2020/491 (importazzjonijiet ta’ materjal tas-saħħa) u d-Direttiva tal-Kunsill2020/2020/UE (rata żero ta’ testijiet), l-attivitajiet “buy and donate” jistgħu virtwalment ikunu fuq kwalunkwe prodott jew servizz fil-futur u l-atti legali msemmija hawn fuq huma ta’ natura temporanja. Għalhekk huwa raġonevoli li l-ammont totali tal-ESI (nieqes il-parti dwar it-tilqim) jittieħed bħala suppożizzjoni.

4.MIŻURI KONTRA L-FRODI

Id-Deċiżjoni fiha dispożizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma marbuta li jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali, li huma jadottaw fil-qasam kopert mill-proposta.

(1)    Bħal vaċċini, prodotti tad-demm jew antikorpi.
(2)    Bħal antimikrobiċi u antibijotiċi, antidoti ta’ theddid kimiku, trattamenti għal dannu mir-radjazzjoni, antitossini, pilloli tal-jodju għal inċidenti nukleari.
(3)    Bħal testijiet dijanjostiċi u materjali tal-ittestjar, tagħmir tal-laboratorju, tagħmir protettiv personali (PPE) bħal ingwanti, respiraturi/maskri, ġagagi, prodotti u tagħmir ta’ diżinfezzjoni.
(4)    Bħal tined, sodod tal-kampijiet, ħwejjeġ u ikel; tagħmir ta’ tiftix u salvataġġ għal reġjuni ta’ terremoti; boroż tar-ramel, ġkieket tas-salvataġġ u dgħajjes li jintefħu għar-reġjuni tal-għargħar; apparat li jkejjel ir-radjazzjoni għal inċidenti nukleari.
(5)    Bħall-iżvilupp, il-produzzjoni u l-akkwist tal-prodotti meħtieġa; attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni. attivitajiet ta’ akkwist konġunt; ħażna strateġika ta’ prodotti; liċenzji farmaċewtiċi; l-applikazzjoni ta’ terapiji; l-ospitar ta’ pazjenti; skambju ta’ professjonisti mediċi jew esperti oħra; il-provvista ta’ faċilitajiet ta’ kwarantina; provi kliniċi; validazzjoni xjentifika ta’ prodotti mediċi; diżinfettar tal-bini.
(6)    Bħal sptar, awtorità nazzjonali tas-saħħa jew ta’ reazzjoni għad-diżastri jew kumpanija privata responsabbli mir-rispons għad-diżastri.
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠU L 103, 3.4.2020, p. 1).
(8)    Ara l-lista indikattiva ta’ oġġetti koperti fuq https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/03-04-2020-import-duties-vat-exemptions-on-importation-covid-19-list-of-goods.pdf  
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1101 tat-23 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/491 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠU L 241, 27.7.2020, p. 36).
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1573 tat-28 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/491 dwar l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjonijiet tal-merkanzija meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020 (ĠUL 359, 29.10.2020, p.8).
(11)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/2020 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE fir-rigward ta’ miżuri temporanji b’rabta mat-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għall-vaċċini tal-COVID-19 u għal apparat mediku dijanjostiku in vitro b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 419, 11.12.2020, p. 1).
(12)    Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KEE fir-rigward ta’ miżuri temporanji b’rabta mat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-vaċċini tal-COVID-19 u ma’ apparat mediku dijanjostiku in vitro b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 (COM(2020) 688  final).
(13)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1), kif emendata.
(14)    Artikoli 143(1)(fa) u 151(1)(aa).
(15)    Il-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 1).
(16)    Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud, (COM(2018) 20 final tat-18 ta’ Jannar 2018).
(17)    Eżenzjoni mill-VAT bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti tal-katina tal-provvista.
(18)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(19)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).
(20)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(21)    Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 tal-14 ta’ April 2020 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament (UE) 2016/369 u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu filwaqt li jqis it-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 117, 15.4.2020, p. 3).
(22)    Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM(2020) 220 final).
(23)    Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).
(24)    L-Iżlanda, in-Norveġja, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u t-Turkija.
(25)     https://ec.europa.eu/echo/what/civil-protection/emergency-response-coordination-centre-ercc_en  
(26)     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/state_of_the_union_2020_letter_of_intent_en.pdf  
(27)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-19 t’Ottubru 2020 - Unjoni ta’ vitalità f’dinja ta’ fraġilità (COM(2020) 690 finali)
(28)    Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-“Programm EU4Health”) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 (ĠU L 107, 26.3.2021, p.1).
(29)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-bini ta' Unjoni Ewropea tas-Saħħa: Rinforzar tar-reżiljenza tal-UE għat-theddid transkonfinali għas-saħħa (COM(2020) 724 final).
(30)    Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
(31)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 851/2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (COM(2020) 726 final).
(32)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fit-tħejjija għall-kriżijiet u fl-immaniġġar tagħhom għall-prodotti mediċinali u għall-apparati mediċi (COM(2020) 725 final).
(33)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa, COM(2020)761 final.
(34)    Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93 tat-22 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u superviżjoni ta’ prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem u użu veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea Għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali (ĠU L 214, ta’ l-24.8.1993, p. 1).
(35)    Ir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1).
(36)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa: Rinforzar tar-reżiljenza tal-UE għat-theddid transkonfinali għas-saħħa (COM(2020) 724 final).
(37)    L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1).
(38)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).
(39)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(40)    ĠU , , p. .
(41)    ĠU , , p. .
(42)

   Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(43)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1).
(44)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).